Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Frar 2008 minn Asa Sundholm mis-sentenza mogħtija fit-13 ta' Diċembru 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-27/07, Sundholm vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-102/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Asa Sundholm (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, E. Marchal, avocats)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007 fil-kawża F-27/07;

tiddeċiedi mill-ġdid permezz tad-dispożizzjonijiet ġodda kif kellha tagħmel l-ewwel qorti: tannulla d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera ta' l-appellanti għall-perijodu bejn l-1 ta' Lulju 2001 sal-31 ta' Diċembru 2002, b'eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 2005;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġt istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tagħha, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiċħad ir-rikors li bih hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera ta' l-appellanti għall-perijodu bejn l-1 ta' Lulju 2001 sal-31 ta' Diċembru 2002, filwaqt li l-ewwel rapport għall-imsemmi perijodu kien ġie annullat permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 20051.

In sostenn ta' l-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju bbażat fuq żball ta' liġi, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 233 KE u fuq in-nuqqas ta' osservanza tad-dritt Komunitarju dwar l-obbligu speċjali ta' motivazzjoni.

Hija ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi billi interpreta ħażin il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 2005 kif ukoll l-Artikolu 233 KE billi kkunsidra li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex, bħala miżuri ta' eżekuzzjoni tas-sentenza, u fid-dawl tal-motivi tagħha kif ukoll taż-żmien li għadda bejn id-deċiżjoni annullata u l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza, tipprovdi motivazzjoni iktar wiesgħa fir-rigward ta' l-obbligu ta' l-amministrazzjoni li tagħti motivazzjoni b'mod iktar speċifiku għar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera stabbilit, b'eżekuzzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u skond l-appellanti, tard.

Barra minn hekk, hija tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien interpreta ħażin l-awtorità assoluta tal-kawża deċiża mill-Qorti tal-Prim'Istanza billi aċċetta li s-sempliċi kanċellazzjoni tal-kummenti magħmula illegalment tikkostitwixxi rettifika ġusta ta' l-evalwazzjoni ta' l-appellanti.

____________

1 - Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Sundholm vs Il-Kummissjoni, T-86/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.