Language of document : ECLI:EU:C:2024:71

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Iffissar minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati tal-ammonti minimi ta’ onorarji – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi – Projbizzjoni għal qorti li tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Ġustifikazzjonijiet – Għan leġittimu – Kwalità tas-servizzi pprovduti mill-avukati – Implimentazzjoni tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017 ,CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890) – Invokabbiltà tal-ġurisprudenza Wouters fil-preżenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”

Fil-Kawża C‑438/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Em akaunt BG ЕООD

vs

Zastrahovatelno aktsionerno druzhestvo Armeets AD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Em akaunt BG ЕООD, minn I. Stoeva, V. Todorova u M. Yordanova, advokati,

–        għal Zastrahovatelno aktsionerno druzhestvo Armeets AD, minn B. Dachev,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u S. Ruseva, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Baumé u E. Rousseva, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) u (2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Em akaunt BG EOOD u Zastrahovatelno aktsionerno druzhestvo Armeets AD dwar talba għal kumpens abbażi tal-assigurazzjoni ta’ proprjetà wara s-serq ta’ vettura, kif ukoll kumpens għal dewmien.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “L-oneru tal-Prova” jipprovdi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101 u 102 TFUE] il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE] ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu [101(3) [TFUE] ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”

 Iddritt Bulgaru

 IlGPK

4        L-Artikolu 78 tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“GPK”), intitolat “Intaxxar tal-Ispejjeż”, jipprovdi li:

“1.      It-tariffi mħallsa mir-rikorrent, l-ispejjeż u l-onorarji ta’ avukat, jekk ikun ġie mqabbad wieħed, għandhom jiġu sostnuti mill-konvenut b’mod proporzjonali għall-parti tat-talba li tkun intlaqgħet.

[…]

5.      Jekk l-onorarji tal-avukat imħallsa mill-parti jkunu eċċessivi fid-dawl tal-kumplessità legali u fattwali reali tal-kawża, il-qorti tista’, fuq talba tal-parti avversarja, tordna r-rimbors ta’ ammont inqas bħala spejjeż għal dak li jirrigwarda din il-parti tal-ispejjeż, sakemm dan l-ammont ma jaqax taħt il-livell minimu stabbilit skont l-Artikolu 36 [taż-Zakon za advokaturata (il-Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat)].

[…]”

5        L-Artikolu 162 tal-GPK jipprovdi li “[m]eta t-talba tkun fondata iżda l-informazzjoni dwar l-ammont tagħha ma tkunx suffiċjenti, il-qorti għandha tiddetermina dan l-ammont fid-diskrezzjoni tagħha jew tieħu l-opinjoni ta’ espert”.

6        Skont l-Artikolu 248 tal-GPK:

“1.      Fil-limitu taż-żmien stabbilit għall-appell u, jekk id-deċiżjoni ma tkunx suġġetta għal appell, fi żmien xahar minn meta tingħata d-deċiżjoni, il-qorti tista’, fuq talba tal-partijiet, tikkompleta jew temenda d-deċiżjoni mogħtija, fil-parti li għandha x’taqsam mal-ispejjeż.

2.      Il-qorti għandha tinnotifika lill-parti avversarja t-talba intiża sabiex is-sentenza tiġi kkompletata jew emendata filwaqt li titlobha tirrispondi għaliha fi żmien ġimgħa.

3.      Id-digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż għandu jingħata in camera u jiġi nnotifikat lill-partijiet. Dan id-digriet huwa suġġett għal appell skont l-istess modalitajiet ta’ appell bħad-deċiżjoni.”

 ZAdv

7        L-Artikolu 36(1) u (2) taż-Zakon za advokaturata (il-Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat) (DV Nru 55, tal‑25 ta’ Ġunju 2004, fis-seħħ mit-12 ta’ Mejju 2010; l-aħħar emenda ppubblikata fid‑DV Nru 17, tas‑26 ta’ Frar 2021, u fis-seħħ mit‑2 ta’ Marzu 2021), fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZAdv”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-avukat jew l-avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni [Ewropea] huwa intitolat għal remunerazzjoni għax-xogħolu.

2.      L-ammont tar-remunerazzjoni huwa ddeterminat minn ftehim konkluż bejn l-avukat jew l-avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni u l-klijent. Dan l-ammont għandu jkun ġust u ġġustifikat u ma jistax ikun inqas mill-ammont previst mir-regolament adottat mill-Visshia advokatski savet [(il-Kunsill Superjuri tal-Avukatura, il-Bulgarija)] għat-tip ta’ servizz ikkonċernat.”

8        L-Artikolu 38 taż-ZAdv jipprevedi li:

“1.      Avukat jew avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jista’ jipprovdi għajnuna legali u assistenza mingħajr ħlas lil: […]

2.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk, fil-proċedura inkwistjoni, il-parti avversarja tiġi kkundannata għall-ispejjeż, l-avukat jew l-avukat ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu dritt għall-onorarji tal-avukat. Il-qorti għandha tiffissa l-onorarji għal ammont li ma jistax ikun inqas minn dak previst mir-regolament imsemmi fl-Artikolu 36(2) u tikkundanna lill-parti l-oħra tħallashom.”

 IrRegolament Nru 1 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati

9        L-Artikolu 1 tan-Naredba Nru 1 za minimalnite razmeri na advokatskite vaznagrazhdenia (ir-Regolament Nru 1 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati), tad‑9 ta’ Lulju 2004 (DV Nru 64, tat‑23 ta’ Lulju 2004), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-”Regolament Nru 1 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati”), jipprevedi:

“L-ammont tar-remunerazzjoni għal assistenza legali pprovduta minn avukat huwa miftiehem b’mod liberu abbażi ta’ ftehim bil-miktub mal-klijent, iżda dan ma jistax ikun inqas mill-ammont minimu stabbilit minn dan ir-regolament għat-tip ta’ assistenza kkonċernata.”

10      L-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, għar-rappreżentanza legali, id-difiża u l-assistenza fi proċeduri ċivili, l-onorarji għandhom jiġu ddeterminati skont in-natura u n-numru ta’ talbiet imressqa, għal kull waħda minnhom separatament, tkun xi tkun il-forma li fiha jiġu magħquda t-talbiet.

11      L-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi ċerti ammonti ta’ onorarji għar-rappreżentanza, id-difiża u l-assistenza legali skont, b’mod partikolari, il-valur tal-interess difiż.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      EM akaunt BG adixxiet lis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’talba għal kumpens fil-konfront ta’ Zastrahovatelno aktsionerno druzhestvo Armeets, l-assiguratur tagħha, fl-ammont ta’ 16 112.32 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 8 241) abbażi tal-assigurazzjoni ta’ proprjetà wara s-serq ta’ vettura, flimkien ma’ kumpens għal dewmien bir-rata ta’ interessi legali, fl-ammont ta’ BGN 1 978.24 (madwar EUR 1 012).

13      F’din it-talba għal kumpens ġew inklużi l-onorarji tal-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkalkolati skont ftehim konkluż minn qabel bejn ir-rikorrenti u l-avukat tagħha. L-ammont ta’ dawn l-onorarji kien jammonta għal BGN 1 070 (madwar EUR 547). Il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li l-onorarji hekk mitluba kienu eċċessivi u talbet li dawn jitnaqqsu.

14      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet il-kawża, u laqgħet parzjalment it-talba għal kumpens. Fir-rigward tal-ispejjeż, hija qieset li l-ammont tal-onorarji mitluba kienu eċċessivi u naqqset dan l-ammont għal BGN 943 (madwar EUR 482).

15      Fil-motivazzjoni tagħha li tiġġustifika t-tnaqqis tal-onorarji tal-avukat, il-qorti tar-rinviju rreferiet għall-Artikolu 78(5) tal-GPK, li jippermetti lill-qorti adita tnaqqas l-ammont tal-onorarji tal-avukat dovuti jekk, fid-dawl tal-kumplessità legali u fattwali reali tal-kawża, jidher eċċessiv. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti tistabbilixxi ammont inqas mill-minimu previst fl-Artikolu 36 taż-ZAdv.

16      Din il-qorti qieset ukoll li mis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), jirriżulta li r-regola stabbilita fl-Artikolu 78(5) tal-GPK, moqri flimkien mal-Artikolu 36 taż-ZAdv, ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, peress li din tirriżulta neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ għan leġittimu. L-imsemmija qorti ssostni li l-għan leġittimu mfittex minn din ir-regola huwa li tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi legali ta’ kwalità lill-pubbliku. Hija tqis li l-istabbiliment ta’ ammont minimu ta’ onorarji jista’ jikseb dan l-għan u jkun proporzjonat peress li jiggarantixxi lill-avukat dħul suffiċjenti li jippermettilu li jkollu ħajja dinjituża, li jipprovdi servizzi ta’ kwalità u li jipperfezzjona ruħu. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-onorarji grossi, li sal-ammont tagħhom ir-remunerazzjoni ma titqies eċċessiva, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-onorarji minimi, jammontaw għal BGN 42 (madwar EUR 21) fis-siegħa.

17      L-imsemmija qorti tindika, barra minn hekk, li hija ma taqbilx mal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), fid-digriet Nru 28 tagħha fit-tieni sezzjoni kummerċjali, tal‑21 ta’ Jannar 2022, fil-Kawża Nru 2347/2021, li permezz tiegħu ġie deċiż, essenzjalment, li “l-onorarji minimi stabbiliti fihom innifishom ma jistgħux jipprekludu lil avukat milli joffri servizzi ta’ kwalità medjokri”, sa fejn kellu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-effett kumulattiv mar-regoli professjonali u etiċi applikabbli tal-avukatura.

18      Id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju fuq it-talba għal kumpens kienet is-suġġett ta’ appelli ppreżentati miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ukoll talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba li l-onorarji tal-avukat kienu ġew iffissati taħt il-limitu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

19      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-mod kif hija għandha twettaq tali eżami fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890).

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International [(C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890)] għandu jinftiehem fis-sens li l-qrati nazzjonali jistgħu, u dan mhux biss fir-rigward tal-partijiet fil-kuntratt iżda wkoll fir-rigward ta’ terzi li jkunu ġew ikkundannati jħallsu l-ispejjeż tal-kawża, iwarrbu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti milli tordna lill-parti li tkun tilfet il-kawża tirrimborsa ammont inqas mill-ammont minimu tal-onorarji tal-avukat, iffissat minn regolament adottat biss minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati bħalma huwa l-[Kunsill Superjuri tal-Kamra tal-Avukati], f’sitwazzjoni fejn dan ir-regolament ma jkollux biss għanijiet leġittimi?

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), għandu jinftiehem fis-sens li l-għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti milli tordna lill-parti li tkun tilfet il-kawża tirrimborsa ammont inqas mill-ammont minimu tal-onorarji tal-avukat, iffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati bħalma huwa l-[Kunsill Superjuri tal-Kamra tal-Avukati)], għandhom jitqiesu daqslikieku huma stabbiliti fil-liġi u li l-qorti tista’ twarrab l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jekk ma tikkonstatax li dawn l-għanijiet ma ġewx osservati fil-każ ineżami, jew, għall-kuntrarju, għandu jiġu preżunt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex applikabbli sakemm ma jiġix ikkonstatat li dawn l-għanijiet intlaħqu?

3)      Konformement mal-Artikolu 101(1) TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 […], liema hija l-parti f’tilwima ċivili li fiha l-parti li tilfet hija kkundannata għall-ispejjeż li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għan leġittimu u l-proporzjonalità tal-mezzi użati sabiex jintlaħaq previsti f’regolament dwar l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukat adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, f’sitwazzjoni fejn jintalab tnaqqis tal-onorarji tal-avukat minħabba n-natura eċċessiva tagħhom: il-parti li titlob il-kundanna għall-ispejjeż jew il-parti li tilfet u li talbet it-tnaqqis tal-onorarji?

4)      L-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), għandu jinftiehem fis-sens li, meta tiddelega l-adozzjoni tal-prezzijiet minimi permezz ta’ regolamenti lil organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, l-awtorità Statali, bħalma hija n-Narodno sabranie (l-Assemblea Nazzjonali, il-Bulgarija), għandha tindika espliċitament il-metodi speċifiċi li permezz tagħhom għandha tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, jew din l-awtorità għandha tinkariga lill-organizzazzjoni professjonali sabiex tiddiskutiha fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolament (pereżempju, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni jew f’dokumenti preparatorji oħra), bil-konsegwenza li, meta ma jittieħdux inkunsiderazzjoni tali metodi, il-qorti jkollha tirrifjuta li tapplika r-regolament mingħajr ma teżamina l-ammonti preċiżi [ta’ dawn il-prezzijiet minimi], filwaqt li l-eżistenza ta’ diskussjoni motivata fir-rigward ta’ dawn il-metodi tkun biżżejjed sabiex jitqies li r-regolament ikopri biss dawk li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi stabbiliti?

5)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), għandu jinftiehem fis-sens li l-għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti milli tordna lill-parti li tkun tilfet il-kawża tirrimborsa ammont inqas mill-ammont minimu tal-onorarji tal-avukat, iffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati bħalma huwa l-Kunsill Superjuri tal-Kamra tal-Avukati u l-proporzjonalità ta’ dawn l-għanijiet għandhom jiġu evalwati mill-qorti fid-dawl tal-effett tal-ammont preċiż previst fir-rigward tal-kawża, filwaqt li tkun meħtieġa tirrifjuta li tapplika dan l-ammont minimu jekk jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet, jew inkella l-qorti għandha teżamina t-tip ta’ kriterji stabbiliti fir-regolament għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont u l-espressjoni ta’ dawn il-kriterji fuq livell ta’ prinċipju u, jekk tikkonstata li, f’ċerti każijiet, dawn l-ammonti jistgħu jaqbżu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet, tirrifjuta li tapplika d-dispożizzjoni legali inkwistjoni fil-każijiet kollha?

6)      Jekk l-għan leġittimu tal-onorarji minimi huwa li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi legali ta’ kwalità, l-Artikolu 101(1) TFUE jippermetti li l-onorarji minimi jiġu ddeterminati biss abbażi tat-tip ta’ kawża (is-suġġett tar-rikors), tal-valur tal-interess difiż u, parzjalment, tan-numru ta’ seduti miżmuma, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra bħalma huma l-kumplessità tal-fatti, id-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali applikabbli, eċċ?

7)      Jekk ir-risposta għall-ħames domanda tkun li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina każ b’każ jekk l-għanijiet leġittimi li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukat, liema huma l-kriterji li l-qorti għandha tapplika sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont minimu tal-onorarji tal-avukat fil-każ ineżami jekk tqis li l-ammont minimu huwa previst sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-livell nazzjonali?

8)      L-Artikolu 101(1) TFUE, ikkunsidrat flimkien mat-tielet paragrafu tal-[Artikolu 47 tal-Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens, fl-evalwazzjoni tas-seba’ domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli approvati mill-poter eżekuttiv fir-rigward tal-onorarji li għandhom jitħallsu mill-Istat lill-avukati li jingħataw mandat ex officio li, bis-saħħa ta’ riferiment previst fil-liġi, jirrappreżentaw il-massimu li jista’ jinġabar lura mill-partijiet li jkunu rebbħu l-kawża u li jkunu difiżi minn konsulent legali?

9)      L-Artikolu 101(1) TFUE, ikkunsidrat flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-evalwazzjoni tas-seba’ domanda, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tindika livell ta’ onorarji suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja ta’ kwalità, li hija għandha tqabbel mal-livell ta’ onorarji li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni u timmotiva l-livell li hija tqis li huwa adegwat?

10)      L-Artikolu 101(2) TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipji ta’ effettività tal-proċeduri interni u ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk tikkonstata li deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tikser il-projbizzjonijiet fir-rigward tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni billi tiffissa tariffi minimi għall-membri tagħha mingħajr ma jkun hemm motivi raġonevoli sabiex ikun awtorizzat tali indħil, qorti nazzjonali hija obbligata tuża t-tariffi minimi adottati permezz ta’ din id-deċiżjoni, minħabba li jirriflettu l-prezzijiet reali tas-suq għas-servizzi kkonċernati mid-deċiżjoni u minħabba li l-persuni kollha li jipprovdu dawn is-servizzi huma obbligati jkunu membri tal-assoċjazzjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk u sa fejn il-qrati nazzjonali, meta jkollhom jiddefinixxu l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji tal-avukat, huma marbuta bi skala li tiffissa l-ammonti minimi ta’ onorarji adottata minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati li tagħha dawn tal-aħħar huma obbligatorjament membri skont il-liġi.

22      Din il-qorti tixtieq, essenzjalment, tikseb kjarifiki dwar il-portata u n-natura tal-istħarriġ li hija mitluba twettaq, fil-kawża prinċipali, dwar il-validità ta’ tali skala fid-dawl tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretata, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890).

23      Permezz ta’ din is-sentenza, mogħtija wara żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, imressqa mill-qorti tar-rinviju stess, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Bulgara dwar l-onorarji tal-avukati li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lill-klijent tiegħu jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kienet tikkostitwixxi organizzazzjoni professjonali ta’ avukati u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qrati nazzjonali aditi jordnaw ir-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi, setgħet tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 49 u 52).

24      It-tieni nett, wara li rreferiet għall-ġurisprudenza dwar il-possibbiltà li ċertu aġir li l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tiegħu huma inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi jitqies li ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, kif stabbilit b’mod partikolari mis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Wouters”), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija ma kinitx f’pożizzjoni, fid-dawl tal-proċess li hija kellha, li tevalwa jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali setgħetx titqies li hija neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ għan leġittimu. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li kien l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest globali li fih ir-regolament adottat mill-Kunsill Superjuri tal-Avukatura kien ġie adottat jew ħoloq l-effetti tiegħu, jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha quddiemha, ir-regoli li jimponu r-restrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħux jitqiesu li huma neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan l-għan (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 53 sa 57).

25      Hija din it-tieni parti tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fil-qalba tad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis, fil-fatt, li l-Qorti tal-Ġustizzja tħalli f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi jekk huwiex possibbli li jkun hemm livelli ta’ prezzijiet minimi għal servizzi ffissati minn korp ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipprovdu dawn is-servizzi u li jkollhom interess antikompetittiv, jiġifieri li tifformula eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fil-prinċipju tal-Artikolu 101  TFUE. Hija tirrileva li l-ġurisprudenza u d-dispożizzjonijiet nazzjonali jqajmu diversi dubji dwar il-mod kif għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati u sabiex jiġi ddeterminat jekk l-onorarji li r-rimbors tagħhom huwa dovut mill-parti telliefa humiex irraġonevoli.

26      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, fil-każ ineżami dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 28).

27      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, abbażi tal-informazzjoni fil-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 29).

28      Fil-każ ineżami, jidher neċessarju li jsiru kjarifiki fir-rigward tal-portata tar-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), għall-ġurisprudenza Wouters.

29      Tali riferiment jista’ fil-fatt iwassal sabiex jiġi preżunt li, anki aġir ta’ impriża li jagħti lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, bħall-iffissar orizzontali ta’ tariffi minimi imposti, jista’ jevita l-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, meta l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha jkunu inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi.

30      Madankollu, huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi partijiet f’dan il-ftehim jew suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni ma jaqgħux neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li, fihom innifishom, ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti li jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan l-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom bħala effett inerenti ta’ restrizzjoni jew distorsjoni, tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 183).

31      Din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod iktar wiesa’, sabiex jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet li għadhom kif tfakkru huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97; tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punti 42 sa 48, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 93, 96 u 97).

32      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ aġir li, minflok ma sempliċement ikollu bħala “effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, jippreżenta, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, livell ta’ dannu li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li dawn għandhom bħala “għan” stess il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha. Għalhekk, huwa biss jekk jirriżulta, fi tmiem l-eżami tal-aġir li jkun inkwistjoni f’każ partikolari, li dan l-aġir ma għandux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jkun lok li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jaqa’ taħt din il-ġurisprudenza (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-aġir li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa għalhekk biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu osservati li dan jista’ jingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. F’sitwazzjoni fejn l-aġir li jikser din l-aħħar dispożizzjoni jkun antikompetittiv minħabba l-għan, jiġifieri li jippreżenta grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni, u fejn huwa, barra minn hekk, ta’ natura li jaffettwa kategoriji differenti ta’ utenti jew ta’ konsumaturi, għandu b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ tali benefiċċju, jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn dan l-aġir għandu, minkejja l-ħsara tiegħu, effett favorevoli fuq kull waħda minnhom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 187 u 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll, fil-punti 51 u 53 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), għall-ġurisprudenza Wouters f’sitwazzjoni li tinvolvi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal ftehim orizzontali dwar il-prezzijiet, hija għamlet dan biss sabiex tiggwida lill-qorti tar-rinviju fil-każ li hija kellha tikkonkludi, wara evalwazzjoni tal-fatti kollha tal-każ, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirrendi vinkolanti deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li kellha biss “bħala effett” li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-punti 56 u 57 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha relatata mal-kuntest globali li fih ir-regolament adottat mill-Kunsill Superjuri tal-Avukatura ġie adottat jew applikat.

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki preliminari li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata.

 Fuq lewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, jmur kontra din id-dispożizzjoni, hija tista’ tirrifjuta li tapplika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-parti kkundannata tħallas l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat, inkluż meta din il-parti ma tkun iffirmat ebda kuntratt ta’ servizzi ta’ avukat u ta’ onorarji tal-avukat.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli milli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu, jekk ma tkunx tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li jkollha quddiemha billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, ex officio, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti ta’ sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-partijiet f’kawża li l-qrati nazzjonali għandhom iħarsu (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, sa fejn qorti nazzjonali jkollha tikkonstata li r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mir-Regolament dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati ma jistgħux jitqiesu li huma inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmlu obbligatorju tkun inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

40      F’tali każ, din il-qorti jkollha l-obbligu twarrab ir-regola nazzjonali kontenzjuża. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li joħorġu mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jimponi fuq dawn tal-aħħar li ma jadottawx jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, imur kontra dan l-imsemmi Artikolu 101(1) TFUE, hija obbligata tirrifjuta li tapplika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-parti kkundannata tħallas l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat, inkluż meta din il-parti ma tkun iffirmat ebda kuntratt ta’ servizzi ta’ avukat u ta’ onorarji tal-avukat.

 Fuq ittieni saddisa’ domanda

42      Permezz tat-tieni sad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-“għanijiet leġittimi” li għalihom leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lill-klijent tiegħu li jiftiehmu dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu stabbilit minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-Kunsill Superjuri tal-Avukatura, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, għandha tissodisfa sabiex tkun konformi mal-Artikolu 101(1) u, fit-tieni lok, l-istħarriġ li din il-qorti hija mitluba twettaq f’dan il-kuntest.

43      L-imsemmija qorti tindika li ma hemm l-ebda dubju li, minkejja l-assenza ta’ riferiment għall-għan imfittex mil-leġiżlatur Bulgaru dan l-għan jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-avukati. Madankollu, hija tistaqsi kif u abbażi ta’ liema parametri għandhom jiġu evalwati n-natura leġittima tal-imsemmi għan kif ukoll l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri l-iskala li tiffissa ammonti minimi ta’ onorarji, meta mqabbla mal-istess għan.

44      Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li l-Kunsill Superjuri tal-Avukatura, li l-membri tiegħu huma avukati eletti mill-avukati bħalhom, jaġixxi, fl-assenza ta’ kull kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi u ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jiggarantixxu li dan jaġixxi bħala parti mill-awtorità pubblika, bħal assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, meta jadotta r-regolamenti li jiffissaw l-ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 47 sa 49).

45      Sa fejn it-tieni sad-disa’ domanda jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Wouters, għandu, għaldaqstant, jiġi vverifikat, preliminarjament, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 30 sa 33 tas-sentenza preżenti, jekk din il-ġurisprudenza għandhiex tapplika għal deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tistabbilixxi l-ammont minimu tal-onorarji tal-avukati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk tali deċiżjoni għandhiex sempliċement “effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, jew jekk din tippreżentax, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, livell ta’ dannu li jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li din għandha bħala “għan” anki l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-imsemmija kompetizzjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabelxejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim. Għaldaqstant, meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim jiġi stabbilit, ma jkunx hemm lok li jiġu mfittxija l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Huwa ferm stabbilit li l-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim, kemm jekk orizzontali kif ukoll jekk vertikali, jinvolvix “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim jippreżenta, fih innifsu, grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 57, u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kriterju huwiex issodisfatt, għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan il-kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffissar ta’ ammonti minimi tar-remunerazzjoni tal-avukat, magħmula obbligatorji minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ekwivalenti għall-iffissar orizzontali ta’ tariffi minimi imposti pprojbiti fl-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Huwa magħruf li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, jista’ jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fis-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali mġiba twassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      L-imsemmi aġir għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan” sa fejn juri grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun xi jkun il-livell li fih il-prezz minimu huwa ffissat.

53      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, tali restrizzjonijiet fl-ebda każ ma jistgħu jiġu ġġustifikati mit-tfittxija ta’ “għanijiet leġittimi” bħal dawk allegatament imfittxija mir-Regolament dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati, imsemmija fil-kawża prinċipali.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni sad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu li jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-Kunsill Superjuri tal-Avukatura, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, għandha titqies li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Meta jkun hemm tali restrizzjoni, sabiex l-aġir inkwistjoni jitneħħa mill-projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, ma jistgħux jiġu invokati l-għanijiet leġittimi allegatament imfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

 Fuq lgħaxar domanda

55      Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(2) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, jikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, hija madankollu obbligata tuża l-ammonti minimi previsti minn dan ir-regolament, sa fejn dawn l-ammonti jirriflettu l-prezzijiet reali tas-suq tas-servizzi ta’ avukat.

56      F’dan ir-rigward, u hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, jekk qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jistabbilixxi l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati jikser l-Artikolu 101(1) TFUE, hija għandha tirrifjuta li tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel dan ir-regolament obbligatorju.

57      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li peress li l-Artikolu 101 TFUE huwa dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern, l-awturi tat-Trattat ipprevedew espressament fl-Artikolu 101(2) TFUE li l-ftehim u d-deċiżjonijiet ipprojbiti skont dan l-artikolu huma awtomatikament nulli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 20 u 21).

58      Din in-nullità, li tista’ tiġi invokata minn kulħadd, tiġi ddikjarata tali mill-qorti ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u ladarba l-ftehim ikkonċernat ma jkunx jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE. Peress li n-nullità msemmija fl-Artikolu 101(2) TFUE hija ta’ natura assoluta, ftehim null skont din id-dispożizzjoni ma għandux effetti fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti u ma jistax jiġi invokat kontra terzi. Barra minn hekk, din in-nullità tista’ taffettwa l-effetti kollha, kemm fil-passat kif ukoll fil-futur, tal-ftehim jew tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun obbligata tapplika l-ammonti previsti mir-Regolament Nru 1 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati, jiġifieri anki fil-każ fejn dan ir-regolament ikollu jiġi ddikjarat null, fis-sens tal-Artikolu 101(2) TFUE. Hija tiġġustifika din it-talba bil-fatt li l-ammonti previsti mill-imsemmi regolament jirriflettu l-prezzijiet tas-suq reali tas-servizzi ta’ avukat, peress li l-avukati kollha huma obbligati li jkunu membri tal-assoċjazzjoni li adottat l-istess regolament.

60      Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-prezz għal servizz li huwa ffissat fi ftehim jew f’deċiżjoni adottati mill-atturi kollha tas-suq ma jistax jitqies li jikkostitwixxi prezz reali tas-suq. Għall-kuntrarju, il-ftehim dwar il-prezzijiet tas-servizzi mill-atturi kollha tas-suq, li jikkostitwixxi distorsjoni serja tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jostakola preċiżament l-applikazzjoni ta’ prezzijiet reali tas-suq.

61      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, jikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, hija obbligata tirrifjuta li tapplika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż meta l-ammonti minimi previsti minn dan ir-regolament jirriflettu l-prezzijiet reali tas-suq tas-servizzi ta’ avukat.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      LArtikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, imur kontra dan l-imsemmi Artikolu 101(1), hija obbligata tirrifjuta li tapplika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-parti kkundannata tħallas l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat, inkluż meta din il-parti ma tkun iffirmat ebda kuntratt ta’ servizzi ta’ avukat u ta’ onorarji tal-avukat.

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu li jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-Visshia advokatski savet (il-Kunsill Superjuri tal-Avukatura), u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, għandha titqies li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Meta jkun hemm tali restrizzjoni, sabiex l-aġir inkwistjoni jitneħħa mill-projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, ma jistgħux jiġu invokati l-għanijiet leġittimi allegatament imfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

3)      L-Artikolu 101(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li qorti nazzjonali tikkonstata li regolament li jiffissa l-ammonti minimi tal-onorarji tal-avukati, magħmul obbligatorju minn leġiżlazzjoni nazzjonali, jikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, hija obbligata tirrifjuta li tapplika din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż meta l-ammonti minimi previsti minn dan ir-regolament jirriflettu l-prezzijiet reali tas-suq tas-servizzi ta’ avukat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.