Language of document : ECLI:EU:C:2024:73

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(2)(a) – Artikolu 5(1) – Artikolu 7(1) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Rekwiżit li wieħed jippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in”

Fil-Kawża C‑474/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Lulju 2022, fil-kawża

Laudamotion GmbH

vs

flightright GmbH,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal flightright GmbH, minn M. Michel u R. Weist, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Simonsson, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a), kif ukoll tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Laudamotion GmbH, trasportatur bl-ajru, u flightright GmbH, kumpannija ta’ assistenza legali li lilha passiġġier tal-ajru ttrasferixxa d-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ Laudamotion, dwar kumpens mitlub minħabba dewmien twil ta’ titjira li għaliha dan il-passiġġier kellu prenotazzjoni kkonfermata.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 261/2004:

“Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.”

4        L-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

[...]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

(a)      għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

–        kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta' l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

–        mhux aktar tard minn 45‑il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

[...]”

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom:

[...]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

[...]

(iii)      huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

7        L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dewmien”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

(b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra‑Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)      għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)      meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).”

8        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

[...]”

9        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kumpens ulterjuri”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

10      Passiġġier tal-ajru kellu prenotazzjoni kkonfermata ma’ Laudamotion għal titjira bejn Düsseldorf (il-Ġermanja) u Palma de Mallorca (Spanja), prevista għas‑26 ta’ Ġunju 2018. Billi qies li d-dewmien imħabbar ta’ din it-titjira kien ser itellfu appuntament professjonali, dan il-passiġġier iddeċieda li ma jitlax abbord l-imsemmija titjira, li waslet fid-destinazzjoni tagħha b’dewmien ta’ 3 sigħat u 32 minuta.

11      L-imsemmi passiġġier ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu lil flightright, li adixxiet lill-qorti Ġermaniża kompetenti b’rikors intiż sabiex jinkiseb kumpens fl-ammont ta’ EUR 250, abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. Wara li ġie miċħud fl-ewwel istanza, flightright rebħet l-appell.

12      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tekwipara s-sitwazzjoni tal-passiġġieri ta’ titjiriet li jkunu suġġetti għal dewmien twil, jiġifieri li jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar, u dik tal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati, il-qorti tal-appell interpretat l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament fis-sens li passiġġier li, qabel it-tluq tiegħu, ikun ġie informat b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar, jista’ jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikoli 5 u 7 tal-imsemmi regolament, anki jekk ma jkunx preżenti l-ajruport.

13      Laudamotion ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

14      Din il-qorti tal-aħħar tirrileva li l-passiġġier ikkonċernat ma ppreżentax ruħu sabiex jagħmel check‑in sa mhux iktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat, bi ksur tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, meta, skont l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, din il-formalità hija eskluża biss fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716), ekwiparat id-dewmien twil fil-wasla ta’ titjira mal-kanċellazzjoni ta’ titjira, l-imsemmi passiġġier jista’ jiġi eżentat minn tali formalità.

15      L-imsemmija qorti tosserva, madankollu, li l-kanċellazzjoni ta’ titjira u d-dewmien twil ta’ titjira għandhom differenzi sinjifikattivi. Fil-fatt, fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ikun ċert li t-titjira prevista ma tkunx ser topera, b’tali mod li jkun loġiku li, sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal kumpens previst fl-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri ma għandhomx jiġu obbligati jippreżentaw ruħhom sabiex jagħmlu check‑in. Mill-banda l-oħra, anki jekk qabel l-operazzjoni tat-titjira jkun jidher probabbli li ser ikun hemm dewmien, jista’ ma jkunx għad hemm, sa mhux iktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq, biżżejjed indikazzjonijiet sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li t-titjira ser topera b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar.

16      Id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, easyJet Airline (C‑756/18, EU:C:2019:902), jissuġġerixxi wkoll li, sabiex jiġi kkumpensat minħabba dewmien twil ta’ titjira, passiġġier li ma jkunx ġie ttrasportat fuq it-titjira li tittardja għandu, fi kwalunkwe każ, ikun ippreżenta ruħu sabiex jagħmel check‑in, ħaġa li huwa jista’ jipprova permezz tal-biljett jew ta’ mezz ieħor ta’ prova.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dewmien twil ta’ titjira mal-wasla ma jistax, bħala prinċipju, jiġi ekwiparat mal-kanċellazzjoni ta’ titjira. Għaldaqstant, passiġġier ikun eżentat milli jippreżenta ruħu għar-reġistrazzjoni biss jekk, minn naħa, it-titjira tkun damet tliet sigħat jew iktar sabiex tasal u, min-naħa l-oħra, tkun teżisti sitwazzjoni paragunabbli għal kanċellazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ f’sitwazzjoni fejn il-passiġġieri jkollhom biżżejjed indikazzjonijiet, sa mhux iktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat, li t-titjira tista’ tasal biss fid-destinazzjoni tagħha b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien tat-titjira għal iktar minn tliet sigħat wara l-ħin previst tal-wasla, skont l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament [261/2004], jippreżumi li l-passiġġier ikun ippreżenta lilu nnifsu għal check-in fil-ħin indikat mit-trasportatur tal-ajru, mill-operatur tat-tour jew minn aġent tal-vjaġġ awtorizzat, konformement mal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament u mhux iktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat, jew il-każ ta’ dewmien twil fis-sens iċċitat iktar ’il fuq – li jikkorrispondi għall-kanċellazzjoni tat-titjira – ma jirrikjedix dan?

(2)      Fil-każ fejn id-dritt għal kumpens ma jkunx eżentat, abbażi unikament li jkun seħħ dewmien twil fis-sens iċċitat iktar ’il fuq, mill-obbligu għall-passiġġieri li jippreżentaw lilhom infushom għal check-in, din l-eżenzjoni tapplika fil-każ fejn il-passiġġier kellu indizji suffiċjentement ċerti li jindikaw li t-titjira kienet ser tasal unikament b’dewmien twil fis-sens iċċitat iktar ’il fuq?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

19      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-kawża prinċipali toriġina mid-dewmien ta’ ajruplan li jkun ser itir. Madankollu, il-qofol ta’ din it-tilwima huwa r-riperkussjonijiet li dan id-dewmien seta’ ħoloq. Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob kumpens minħabba d-dewmien probabbli tat-titjira inkwistjoni sabiex tasal fid-destinazzjoni finali li ma kienx ser iħallih jasal fil-ħin għal appuntament professjonali f’Palma de Mallorca. Issa, peress li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jikkonċerna biss id-dewmien ta’ titjira wara l-ħin tat-tluq inizjalment previst u li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, passiġġier ikun intitolat għalih, f’sitwazzjoni fejn it-titjira tiegħu tasal fid-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar wara l-ħin previst tal-wasla, ma huwiex għalhekk suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 6 (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 36 u 37), it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikoli 3, 5 u 7 ta’ dan ir-regolament.

20      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament fil-każ li titjira ddum tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru, passiġġier tal-ajru għandu jkun ippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in.

21      Mill-Artikolu 3(1)(a) u (2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan ir-regolament japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, bil-kundizzjoni, l-ewwel nett, li dawn il-passiġġieri jkollhom prenotazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata u, it-tieni nett, li jippreżentaw ruħhom fil-ħin sabiex jagħmlu check‑in, ħlief fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira kopert mill-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, il-preżenza ta’ passiġġier sabiex jagħmel check‑in ma tistax tiġi preżunta mill-fatt li dan il-passiġġier ikollu prenotazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata (digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, easyJet Airline, C‑756/18, EU:C:2019:902, punt 25). Għandu jiġi ppreċiżat li l-effett utli ta’ dan l-Artikolu 3(2)(a) jeħtieġ li l-passiġġieri jippreżentaw ruħhom fil-ħin fl-ajruport u, b’mod iktar preċiż, jippreżentaw ruħhom quddiem rappreżentant tat-trasportatur bl-ajru li jopera, sabiex jiġu ttrasportati lejn id-destinazzjoni prevista, anki jekk ikunu diġà għamlu ċ-check‑in online qabel jaslu l-ajruport.

22      F’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li l-passiġġier ikkonċernat ma ppreżentax ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 tippreżupponi li, fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament, id-dewmien twil ta’ titjira sabiex tasal fid-destinazzjoni finali, jiġifieri ta’ tul ta’ tliet sigħat jew iktar, għandu jiġi ekwiparat ma’ kanċellazzjoni ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jittardjaw jistgħu, minn naħa, jiġu ekwiparati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament u jistgħu, min-naħa l-oħra, jeżerċitaw dan id-dritt għal kumpens f’sitwazzjoni fejn, minħabba t-titjira li tittardja, huma jsofru telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 60, 61 u 69, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 49, 52 u 60), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ipparagunat it-tip u l-entità tal-inkonvenjenzi u tad-danni mġarrba minn passiġġier ta’ titjira kkanċellata li kellu jistenna li tiġi offruta lilu titjira b’rotta differenti u dawk imġarrba minn passiġġier li t-titjira tiegħu kienet ittardjat. Dan tal-aħħar kellu, għalhekk, jistenna li l-ajruplan ikun lest sabiex itir u, peress li kien diġà tela’ fuq l-ajruplan, kien diġà tabilfors ippreżenta ruħu sabiex jagħmel check‑in. Dawn iż-żewġ tipi ta’ passiġġieri kellhom għalhekk jistennew b’paċenzja sabiex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom, b’tali mod li huma kienu, bla dubju, ġarrbu dannu li jikkonsisti f’telf ta’ ħin, liema telf ma jistax, fid-dawl tan-natura irriversibbli tiegħu, jiġi rrimedjat, ħlief b’kumpens. L-imsemmija passiġġieri, li kienu ġarrbu danni simili, ma setgħux, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiġu ttrattati b’mod differenti.

25      L-element kruċjali li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tekwipara d-dewmien twil ta’ titjira mal-wasla mal-kanċellazzjoni ta’ titjira huwa marbut mal-fatt li l-passiġġieri ta’ titjira affettwata minn dewmien twil iġarrbu, bħall-passiġġieri ta’ titjira kkanċellata, dannu li jimmaterjalizza ruħu minn telf ta’ ħin irriversibbli, ta’ tliet sigħat jew iktar, li jista’ jiġi rrimedjat biss b’kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 52, 53 u 61; tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 54, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 23). B’hekk, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil ta’ titjira sabiex tasal fid-destinazzjoni finali tagħha, id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intrinsikament marbut mal-eżistenza ta’ dan it-telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar.

26      Issa, wisq probabbli, passiġġier li ma jkunx mar l-ajruport, kif jidher li huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li jkun hemm biżżejjed indikazzjonijiet sabiex huwa jasal għall-konklużjoni li t-titjira kienet ser tasal fid-destinazzjoni finali tagħha biss b’dewmien twil, ma jkunx ġarrab telf ta’ ħin bħal dan.

27      Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-telf ta’ ħin ma huwiex dannu kkawżat mid-dewmien, iżda huwa inkonvenjenza, bħal inkonvenjenzi oħra inerenti għas-sitwazzjonijiet ta’ rifjut ta’ imbark, ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira u ta’ dewmien twil u li jakkumpanjaw dawn is-sitwazzjonijiet, bħan-nuqqas ta’ kumdità, il-fatt li wieħed ikun temporanjament imċaħħad minn mezzi ta’ komunikazzjoni normalment disponibbli (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 51) jew il-fatt li wieħed ma jkunx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb, bla interruzzjoni, l-affarijiet personali, familjari, soċjali jew professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Germanwings, C‑452/13, EU:C:2014:2141, punti 20 u 21).

28      F’dan ir-rigward, peress li t-telf ta’ ħin li jagħti lok għall-kumpens taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa mġarrab bl-istess mod mill-passiġġieri kollha ta’ titjiriet li jittardjaw, huwa possibbli li dan jiġi rrimedjat permezz ta’ miżura standardizzata, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir xi evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull passiġġier ikkonċernat. B’hekk, tali miżura tista’ tapplika b’mod immedjat (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 52).

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punti 33 sa 36 u 39 tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716), ikkonfermata, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Corendon Airlines (C‑395/20, EU:C:2021:1041, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-titjiriet ikkanċellati u t-titjiriet li jittardjaw huma żewġ kategoriji ta’ titjiriet ben distinti, peress li, konformement mal-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament, il-kanċellazzjoni hija, b’differenza mid-dewmien tat-titjira, il-konsegwenza tal-fatt li titjira inizjalment prevista ma tkunx ġiet operata.

30      Issa, f’sitwazzjoni fejn titjira tkun affettwata minn dewmien twil, hija xorta waħda maħsuba li topera, b’tali mod li l-operazzjonijiet taċ-check‑in għandhom jitwettqu. Dan ifisser li l-passiġġieri ta’ titjira li tittardja ma jistgħux jiġu eżentati mill-obbligu li jippreżentaw ruħhom sabiex jagħmlu check‑in, liema obbligu huwa previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004.

31      B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li ma hemmx lok li, fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament, id-dewmien twil ta’ titjira sabiex tasal fid-destinazzjoni finali jiġi ekwiparat mal-kanċellazzjoni ta’ titjira.

32      Fl-aħħar lok, għandu jiġi ppreċiżat li dannu kkawżat mill-fatt li wieħed jkun tilef appuntament professjonali għandu jitqies bħala dannu individwali, inerenti għas-sitwazzjoni personali tal-passiġġier ikkonċernat u, minħabba f’hekk, ma jistax jiġi rrimedjat bl-għoti tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, liema kumpens huwa maħsub li jikkumpensa biss, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni li huma kważi identiċi għall-passiġġieri kollha kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 28, 30, 31 u 33).

33      Madankollu, tali dannu individwali jista’ jkun is-suġġett ta’ “kumpens ulterjuri”, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, liema kumpens ulterjuri jippreżupponi li t-talba tkun ibbażata fuq id-dritt nazzjonali jew fuq id-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 35 u 36, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punt 36).

34      Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ dewmien twil tat-titjira, jiġifieri ta’ tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru, passiġġier tal-ajru għandu jkun ippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in jew, jekk ikun diġà għamel check‑in online, għandu jkun ippreżenta ruħu fil-ħin fl-ajruport quddiem rappreżentant tat-trasportatur bl-ajru li jopera.

 Fuq ittieni domanda

35      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda inkwantu huwa irrilevanti li l-passiġġier kellu indikazzjonijiet suffiċjentement affidabbli li jissuġġerixxu li t-titjira ser tasal fid-destinazzjoni finali tagħha biss b’dewmien twil.

 Fuq lispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ dewmien twil tat-titjira, jiġifieri ta’ tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru, passiġġier tal-ajru għandu jkun ippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel checkin jew, jekk ikun diġà għamel checkin online, għandu jkun ippreżenta ruħu fil-ħin fl-ajruport quddiem rappreżentant tat-trasportatur bl-ajru li jopera.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.