Language of document : ECLI:EU:C:2024:80

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà konnessi mal-kriminalità – It-tielet inċiż tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘strument’ – Artikolu 2(1) – Obbligu, għall-Istati Membri, li jieħdu miżuri sabiex jippermettu l-konfiska tal-mezzi strumentali ta’ reati kriminali – Vettura użata għat-trasport ta’ prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali bi ksur tal-liġi”

Fil-Kawża C‑722/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura mibdija minn

Sofiyski gradski sad

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Elleniku, minn L. Kotroni, A. Magrippi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija ex officio, dwar il-konfiska tal-vetturi użati minn ċerti membri ta’ grupp kriminali organizzat, li l-kundanna tiegħu saret definittiva, sabiex jittrasportaw prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali bi ksur tal-liġi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 huma fformulati kif ġej:

“(1)      L-għan ewlieni tal-kriminalità organizzata transkonfinali huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, sabiex ikun effikaċi, kwalunkwe tentattiv sabiex tali kriminalità tiġi prevenuta u miġġielda għandu jiffoka fuq it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità. Madankollu, dan ikun diffiċli, inter alia, minħabba differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam.

[…]

(10)      L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli effikaċi li jiggvernaw il-konfiska ta’ rikavati tal-kriminalità, inter alia fir-rigward ta’ l-onus tal-prova dwar id-derivazzjoni ta’ l-assi fil-pussess tal-persuna kkundannata għal reat konness mal-kriminalità organizzata. […]”

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fit-tielet inċiż tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

[…]

–        ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rimedji legali”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.”

7        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, intitolat “Protezzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li tbiddel l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji fundamentali, inkluża partikolarment il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza kif affermata fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

 Iddritt Bulgaru

8        L-Artikolu 53(1)(a) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), tal‑1 ta’ Mejju 1968 (DV Nru 26 tat‑2 ta’ April 1968), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (DV Nru 60 tal‑5 ta’ Awwissu 2011) (iktar ’il quddiem in-“NK”), jipprevedi:

“Irrispettivament minn kull responsabbiltà kriminali, għandhom jiġu kkonfiskati għall-benefiċċju tal-Istat:

a)      il-beni li jappartjenu lill-persuna li tinstab ħatja u li kienu intiżi, jew li servew, għat-twettiq ta’ reat kriminali premeditat;

[…]”

9        Bis-saħħa tal-Artikolu 234(1) u tal-punt 3 tal-Artikolu 234(2) tan-NK, meta l-għan tal-ksur jirrigwarda kwantitajiet kbar, iż-żamma ta’ prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali bi ksur tal-liġi hija punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sentejn u tmien snin u bi projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ ċerti professjonijiet jew attivitajiet.

10      Konformement mal-Artikolu 321(2) u mal-punt 2 tal-Artikolu 321(3) tan-NK, il-parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat bi skop ta’ lukru hija punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn tlieta u għaxar snin.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11      AP, BP, OP u PG ġew ikkundannati, abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 321(3) tan-NK, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ tliet snin għall-ewwel wieħed, ta’ sena għat-tieni u għat-tielet wieħed, u ta’ sitt xhur għall-aħħar wieħed, talli pparteċipaw, bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2011 u x-xahar ta’ Ġunju 2012, fi grupp kriminali organizzat li wettaq, għal skopijiet ta’ lukru, reati previsti fl-Artikolu 234 tan-NK.

12      Fil-kuntest ta’ dan il-grupp kriminali organizzat, AP, BP u GV xtraw, fl‑20 ta’ Awwissu 2011, trakk ta’ semitrejler fil-Bulgarija, misjuq minn OP fil-Greċja, fil‑21 ta’ Awwissu 2011, u li miegħu OP rabat trejler mgħobbi b’pakketti tas-sigaretti, b’valur ta’ 2.348 miljun lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 1.2 miljun), mingħajr timbru fiskali. Fit‑23 ta’ Awwissu 2011, OP saq din il-vettura sa Varna (il-Bulgarija), fejn din it-tagħbija ġiet iddepożitata f’maħżen. Fl‑24 ta’ Awwissu 2011, l-imsemmija tagħbija ġiet ikkonfiskata mill-pulizija. Għal dan ir-reat, AP, BP, OP u GV ġew ikkundannati, abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 234(2) tan-NK, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u ħdax‑il xahar għall-ewwel wieħed, ta’ sena għat-tieni u għat-tielet wieħed, u ta’ erba’ snin għall-aħħar wieħed.

13      F’dan il-kuntest, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, bdiet ex officio proċedura intiża sabiex jiġi ddeterminat l-eżitu tal-provi materjali miksuba matul il-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanni msemmija fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, li saru definittivi. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk it-trakk u t-trejler, li permezz tiegħu l-merkanzija ta’ pakketti tas-sigaretti mingħajr timbru fiskali ġiet ittrasportata mill-Greċja lejn il-Bulgarija, intużawx bħala “strument” ta’ reat kriminali, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.

14      L-imsemmija qorti tosserva, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikklassifika bħala reat kriminali ż-żamma ta’ prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali, iżda mhux it-trasport ta’ dawn il-prodotti. Hija tirrileva, min-naħa l-oħra, li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), fis-sentenza interpretattiva tagħha Nru 2/13, tat‑18 ta’ Diċembru 2013, qieset li l-vettura jew il-mezz ta’ trasport li fih jinsabu prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali, li jaqgħu taħt l-Artikolu 234 tan-NK, ma jikkostitwixxux strument ta’ dan il-ksur u għalhekk ma jistgħux jiġu kkonfiskati bis-saħħa tal-Artikolu 53(1)(a) tan-NK.

15      Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li d-detenzjoni hija setgħa effettiva eżerċitata fuq tali prodotti u li t-trasport tagħhom huwa manifestazzjoni ta’ din is-setgħa. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, it-trakk u t-trejler inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużaw bħala “strumenti” tar-reat kriminali kkostitwit miż-żamma ta’ “kwantità kbira” ta’ pakketti tas-sigaretti mingħajr timbru fiskali.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Hija konformi mal-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas [2005/212], interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali fis-sens li ma hemmx lok li tiġi kkonfiskata bħala mezz strumentali għat-twettiq ta’ reat kriminali vettura bil-mutur tqila (trakk u trejler) użata mill-membri ta’ grupp kriminali organizzat għaż-żamma u għat-trasport ta’ kwantitajiet kbar ta’ prodotti suġġetti għas-sisa (sigaretti) mingħajr timbru fiskali?”

 Fuq iddomanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li vettura użata sabiex tittrasporta prodotti suġġetti għas-sisa li ma għandhomx timbru fiskali bi ksur tal-liġi tikkostitwixxi “strument” ta’ reat kriminali.

18      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, il-kunċett ta’ “strument” ikopri “kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali”.

19      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas jobbliga lil kull Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavati ta’ reati kriminali punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iżjed minn sena, jew ta’ beni ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

20      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, b’mod partikolari mill-kliem “kwalunkwe proprjetà” u “bi kwalunkwe mod”, li, sakemm oġġett jintuża jew ikun intiż li jintuża sabiex jitwettaq reat kriminali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, dan jikkostitwixxi “strument” ta’ dan ir-reat kriminali.

21      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-reat kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, previst fil-punt 3 tal-Artikolu 234(2) tan-NK, jiġifieri ż-żamma ta’ kwantitajiet sinjifikattivi ta’ prodotti suġġetti għas-sisa mingħajr timbru fiskali, huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sentejn u tmien snin. Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, dan ir-reat kriminali jista’ għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tagħha.

22      Għaldaqstant, meta vettura tintuża, “bi kwalunkwe mod”, sabiex jitwettaq tali reat kriminali, din il-vettura taqa’ taħt il-kunċett ta’ “strument”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk l-imsemmija vettura hijiex użata bħala mezz ta’ trasport jew bħala mezz ta’ żamma jew ta’ ħażna tar-rikavat li huwa s-suġġett tar-reat kriminali kkonċernat.

23      Fid-dawl tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas, bħad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, tinvolvi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membri, obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha. Dan l-obbligu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE, sa fejn dan jippermetti lil dawn il-qrati jiżguraw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 43, u tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa safejn dan għandu jiġi applikat b’tali mod li ma jinkisibx riżultat li jmur kontra dak maħsub mid-deċiżjoni-qafas ikkonċernata. Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 47, u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fil-fatt, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ deċiżjoni qafas meta hija tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha huwa limitat bil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, bil-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Dawn il-prinċipji jipprekludu li dan l-obbligu jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, abbażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punti 44 u 45, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 75, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Taħt dawn ir-riżervi, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jimponi fuq il-qrati nazzjonali li ma japplikawx, fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe interpretazzjoni mogħtija minn qorti superjuri li hija imposta fuqhom, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-deċiżjoni qafas ikkonċernata. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċiment minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 78 u 79, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirrigwardawx il-portata tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkonċernati minn eventwali miżura ta’ konfiska u, min-naħa l-oħra, li l-konfiska favur l-Istat tal-mezzi strumentali li servew sabiex jitwettaq reat kriminali sseħħ, skont l-Artikolu 53(1) tan-NK, “irrispettivament minn kull responsabbiltà kriminali”.

28      Barra minn hekk, kull deċiżjoni li tikkonċerna konfiska eventwali fil-kawża prinċipali għandha, konformement mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha. Tali konfiska ma tistax tippreġudika d-dritt għall-proprjetà ta’ terz in bona fide, li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li l-proprjetà tiegħu ntużat sabiex jitwettaq reat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 55).

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li l-persuni affettwati minn miżura ta’ konfiska jkollhom rimedji effettivi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom. Dawn il-persuni ma humiex biss dawk misjuba ħatja ta’ reat kriminali, iżda wkoll it-terzi li l-proprjetà tagħhom hija kkonċernata minn din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punti 60, 61 u 63).

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandhom jiġu interpretati fis-sens li vettura użata sabiex tittrasporta prodotti suġġetti għas-sisa li ma għandhomx timbru fiskali bi ksur tal-liġi tikkostitwixxi “strument” ta’ reat kriminali.

 Fuq lispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tielet inċiż tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

vettura użata sabiex tittrasporta prodotti suġġetti għas-sisa li ma għandhomx timbru fiskali bi ksur tal-liġi tikkostitwixxi “strument” ta’ reat kriminali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.