Language of document : ECLI:EU:C:2024:96

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Id-Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 10(3)(a) – Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat mal-axxendenti diretti tiegħu tal-ewwel grad – Artikolu 2(f) – Kunċett ta’ ‘minuri mhux akkumpanjat’ – Sponsor minuri fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, iżda li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja – Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ minorenni – Terminu għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja – Oħt il-kbira tal-isponsor li teħtieġ l-assistenza permanenti tal-ġenituri tagħha minħabba marda gravi – Effett utli tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat – Artikolu 7(1) – L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(1) – Possibbiltà li r-riunifikazzjoni tal-familja tkun suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali”

Fil-Kawża C‑560/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

CR,

GF,

TY

vs

Landeshauptmann von Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, T. von Danwitz u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi (Relatriċi), I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CR, GF u TY, minn J. Ecker, Rechtsanwältin u D. Bernhart, chef d’unité pour le regroupement familial auprès du secrétariat général de la Croix-Rouge autrichienne,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, C. Schweda u V‑S. Strasser, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, H. S. Gijzen u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, J. Hottiaux u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 (f), tal-Artikolu 7(1), tal-Artikolu 10(3) (a) kif ukoll tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6 p. 224).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CR u GF, kif ukoll binthom TY, ċittadini Sirjani, u l-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talbiet imressqa minn CR, GF u TY intiżi għall-ħruġ ta’ viża nazzjonali għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI, li għandu status ta’ refuġjat fl-Awstrija, li huwa iben CR u GF, kif ukoll ħu TY, u li għandhom l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 2, 4 u 10 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdu:

“(2)       Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-[il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’).

[...]

(4)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[...]

(6)      Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

(7)      Stati Membri għandhom ikunu kapaċi japplikaw din id-Direttiva ukoll meta l-familja tidħol flimkien.

(8)      Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.

(10)      Huwa għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jixtiequx jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja għal qraba f'linja diretta axxendenti, tfal adulti mhux miżżewġa, partners (sieħba) mhux miżżewġa jew irreġistrati kif ukoll, fil-każ ta' żwieġ poligamu, tfal minorenni ta' konjugi ieħor/oħra u l-isponsor. Fejn Stat Membru jawtorizza riunifikazzjoni tal-familja għal dawn il-persuni, dan ikun mingħajr preġudizzju għal possibilità, għal Stati Membri li ma jirrokonoxxux l-eżistenza ta' rabtiet ta' familji fil-każijiet koperti minn din id-disposizzjoni, li ma jingħatax lill-persuni msemmija t-trattatament ta' membri tal-familja fir-rigward tad-dritt li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, kif iddefinit bil-leġislazzjoni ta' l-UE relevanti. ”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li:

“L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri. ”

5        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

[...]

(ċ) ‘sponsor’: tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

[...]

(f) ‘minorenni mhux akkompanjat’ tfisser ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta' l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b'użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta' persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta' l-Istati Membri. ”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)      il-konjugi ta’ l-isponsor;

(b)      it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

[...]

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)      qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

(b)      it-tfal adulti mhux miżżewġa ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom.

[...] ”

7        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

[...]

5.      Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi:

“1.      Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista' jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

(a)      akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)      assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

(ċ)      riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b'referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta' pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta' membri tal-familja. ”

9        L-Artikolu 10(2)u (3)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

3.      Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat [minuri mhux akkumpanjat], l-Istat Membru:

(a)      għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

[...] ”

10      Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

Mingħajr preġudizzju għal obbligi internazzjonali, fejn riunifikazzjoni tal-familja hija possibbli f’pajjiż terz li miegħu l-isponsor u/jew il-membru tal-familja għandu rabtiet speċjali, Stati Membri jistgħu jirrikjedu provvvediment tax-xiehda li jirreferi għaliha l-ewwel subparagrafu.

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat. ”

 Iddritt Awstrijak

11      Il-Bundesgesetz über die Niederlassung und den Aufenthalt in Österreich (Niederlassungs-und Aufenthaltsgesetz) – NAG) [il-Liġi Federali dwar l-Istabbiliment u r-Residenza fl-Awstrija (il-Liġi dwar l-Istabbiliment u r-Residenza – NAG)], tas‑16 ta’ Awwissu 2005 (BGBl. I, 100/2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NAG”), jipprevedi fl-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali għall-ksib ta’ permess ta’ residenza”:

“[...]

(2)      Il-permessi ta’ residenza jistgħu biss jinħarġu favur persuna barranija jekk

[...]

2.      dan jiġġustifika dritt għal akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja ta’ daqs paragunabbli;

3.      huwa għandu assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha, ukoll fl-Awstrija;

4.      ir-residenza tiegħu ma tistax toħloq piż finanzjarju fuq awtorità lokali;

[...]

(3)      Ukoll meta jkun hemm raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-punti 3, 5 jew 6 tal-paragrafu 1, jew meta kundizzjoni msemmija fil-punti 1 sa 6 tal-paragrafu 2 ma tkunx issodisfatta, permess ta’ residenza jista’ jingħata jekk dan ikun neċessarju sabiex tinżamm il-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[KEDB].

12      L-Artikolu 46 ta’ din il-liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprevedi:

“(1)      Permess ta’ residenza għandu jingħata fil-forma ta’ ‘Rot-Weiss-Rot – Karte plus” [ħamra-bajda-ħamra– Karta plus”] lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-Parti I, u jekk:

[...]

2.      għandhom jibqgħu kwoti disponibbli u l-isponsor:

[...]

(ċ)      l-istatus ta’ refuġjat u l-Artikolu 34(2) [tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (il-Liġi Federali dwar l-Għoti tal-Ażil), tas‑16 ta’ Awwissu 2005 (BGBl. I, Nru 100/2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l- ‘AsylG’)] ma tapplikax [...].

13      L-Artikolu 34 tal-AsylG, intitolat “Proċedura tal-familja fl-Awstrija”, jipprevedi fil-paragrafi (2) u (4) tiegħu:

“(2)      Fuq talba ta’ membru tal-familja ta’ barrani li ġie rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat, l-awtorità għandha tirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ deċiżjoni meta:

1.      dan il-barrani ma wettaqx reat kriminali u

[...]

3.      ebda proċedura ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat ma hija pendenti kontra l-barrani li ġie rrikonoxxut lilu l-imsemmi status (Artikolu 7).

[...]

(4)      L-awtorità għandha teżamina separatament l-applikazzjonijiet tal-membri tal-familja ta’ applikant għall-ażil; il-proċeduri għandhom jiġu magħquda; taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, il-membri kollha tal-familja għandhom jiksbu l-istess protezzjoni. [...] ”

14      L-Artikolu 35 ta’ din il-liġi, intitolat “Applikazzjonijiet għal dħul ippreżentati quddiem awtoritajiet ta’ rappreżentanza”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-membru tal-familja fis-sens tal-paragrafu 5 ta’ barrani li jkun ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat u li jkun jinsab barra mill-pajjiż jista’, fid-dawl tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 34(1) moqri flimkien mal-punt 13 tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ dħul quddiem awtorità Awstrijaka inkarigata minn kompiti konsulari barra mill-pajjiż (awtorità ta’ rappreżentanza). Jekk l-applikazzjoni għal permess ta’ dħul tiġi ppreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti definittiv tal-istatus ta’ refuġjat, il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 60(2) għandhom jiġu sodisfatti.

[...]

(2a)      Jekk l-applikant ikun wieħed mill-ġenituri ta’ minuri mhux akkumpanjat li jkun ġie rrikonoxxut bħala rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja, il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 60(2) għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti.

[...]

(5)      Skont [l-Artikolu 17(1) u (2) tal-AsylG], membru tal-familja tfisser il-persuna li għandha l-kwalità ta’ ġenitur ta’ wild minuri, ta’ konjuġi jew ta’ wild minuri mhux miżżewweġ fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, ta’ barrani li ngħata l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, bil-kundizzjoni, fir-rigward tal-konjuġi, li dawn kienu diġà miżżewġin qabel id-dħul tal-imsemmi barrani; dan japplika wkoll għas-sħab reġistrati jekk din is-sħubija tkun diġà ġiet irreġistrata qabel id-dħul tal-barrani. ”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      RI, li twieled fl‑1 ta’ Settembru 1999, wasal fl-Awstrija fil‑31 ta’ Diċembru 2015 bħala minuri mhux akkumpanjat u ppreżenta hemmhekk, fit‑8 ta’ Jannar 2016, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-AsylG. Il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, l-Awstrija) innotifikata lil RI fil‑5 ta’ Jannar 2017, dan ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Din id-deċiżjoni saret res judicata fit‑2 ta’ Frar 2017.

16      Fis‑6 ta’ April 2017, jiġifieri tliet xhur u jum wara n-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, CR u GF, il-ġenituri ta’ RI, kif ukoll TY, oħtu maġġorenni, ppreżentaw quddiem l-ambaxxata tar-Repubblika tal-Awstrija fis-Sirja talbiet għal dħul u għal residenza fl-Awstrija għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI, skont l-Artikolu 35 tal-AsylG (iktar ’il quddiem l-“ewwel talbiet għal dħul u għal residenza”). RI kien minuri fiż-żmien meta ġew ippreżentati dawk l-applikazzjonijiet. Madankollu, dawn ġew miċħuda minn din l-ambaxxata, permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fid-29 ta’ Mejju 2018, minħabba li RI kien sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Din id-deċiżjoni, li ma kinitx is-suġġett ta’ appell mid-deċiżjoni u din saret definittiva fis‑26 ta’ Ġunju 2018.

17      Fil‑11 ta’ Lulju 2018, CR, GF u TY ippreżentaw quddiem il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna applikazzjonijiet intiżi għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI skont il-punt 2 tal-Artikolu 46(1) tan-NAG (iktar ’il quddiem it-“tieni applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza”). Għal dan l-għan, CR u GF invokaw id-drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 2003/86, filwaqt li TY ibbażat it-talba tagħha fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB. Fl‑20 ta’ April 2020, il-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna) ċaħad dawk l-applikazzjonijiet peress li ma kinux ġew ippreżentati fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ġie rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat ta’ RI.

18      CR, GF u TY ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) li hija l-qorti tar-rinviju.

19      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar id-drittijiet li CR, GF u TY jistgħu jisiltu mill-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86 filwaqt li RI sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. F’dan ir-rigward, hija tqis li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 64), meta mqabbla ma’ sitwazzjoni li fiha minuri mhux akkumpanjat isir maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil u għalhekk qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, għandha tiġi trasposta għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-isponsor ikun għadu minuri fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, b’tali mod li, anki f’din it-tieni sitwazzjoni, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni.

20      Fil-każ li tiġi kkonfermata din il-konklużjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-preċiżazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata skont l-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86 minn sponsor li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ ażil għandhiex, bħala prinċipju, tiġi ppreżentata f’terminu ta’ tliet xhur mill-jum li fih dan jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat, għandhiex għalhekk tiġi trasposta wkoll għas-sitwazzjoni ta’ sponsor li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, huwa konċepibbli li, f’tali sitwazzjoni, tali terminu ma għandux jibda jiddekorri qabel il-kisba tal-maġġoranza mir-refuġjat. Għaldaqstant, dan it-terminu huwa neċessarjament osservat meta, bħal f’dan il-każ, l-isponsor kien għadu minuri fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

21      Min-naħa l-oħra, fil-każ li tali terminu kellu japplika wkoll għal din is-sitwazzjoni u jiddekorri mill-jum li fih il-minuri kkonċernat ikun ġie rrikonoxxut bħala refuġjat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, jekk dan it-terminu għandux jitqies li ġie osservat meta, bħal f’dan il-każ, ikunu għaddew tliet xhur u jum bejn in-notifika tad-deċiżjoni li permezz tagħha dan l-istatus ikun ġie rrikonoxxut lill-isponsor u l-ewwel applikazzjonijiet għal dħul u residenza, li fir-rigward tagħhom, skont din il-qorti, għandha tiġi evalwata l-osservanza tal-imsemmi terminu. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat jekk applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-termini stabbiliti.

22      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri li l-isponsor għandu, l-ewwel nett, akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għalih u għall-familja tiegħu, it-tieni nett, assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu u, it-tielet nett, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantnu lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, tistax tintalab ukoll fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi wkoll jekk il-possibbiltà li tintalab l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet tiddependix mill-punt dwar jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

23      Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Awstrijak applikabbli, TY inkwantu oħt l-isponsor RI ma tagħmilx parti mill-“membri tal-familja”, li fir-rigward tagħhom huwa previst dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Madankollu, din il-qorti tenfasizza li TY, li tgħix mal-ġenituri tagħha fis-Sirja, hija milquta minn paraliżi ċerebrali u għandha bżonn b’mod permanenti siġġu tar-roti kif ukoll assistenza personali ta’ kuljum, inkluż għajnuna biex tiekol. Din il-kura tingħatalha essenzjalment minn ommha, CR, peress li TY ma tista’ tirrikorri għal ebda network soċjali ta’ għajnuna fil-post ta’ residenza attwali tagħha sabiex tikseb l-imsemmija kura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġenituri ta’ TY ma jistgħux iħalluha waħedha fis-Sirja, fejn ebda membru ieħor tal-familja ma jirrisjedi.

24      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li fiha tinsab oħt RI minħabba l-marda tagħha, il-ġenituri ta’ RI jkunu, fil-fatt, kostretti jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja li jirriżulta mill-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, jekk permess ta’ residenza ma jingħatax ukoll lil TY.

25      Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tirrileva li, skont id-dritt Awstrijak, permess ta’ residenza jista’ eventwalment jingħata lil oħt l-isponsor, minkejja li l-kundizzjonijiet legali ma humiex issodisfatti, għal raġunijiet imperattivi relatati mal-ħajja privata u tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Madankollu, sa fejn id-dritt għall-għoti ta’ permess ta’ residenza li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni jista’ jmur lil hinn mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 tal-KEDB, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk TY jistax jinvoka tali dritt.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-ġenituri, ċittadini ta’ pajjiż terz, ta’ refuġjat li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil inkwantu minuri mhux akkumpanjat u li kiseb l-ażil meta kien għadu minuri, jistgħu jkomplu jinvokaw l-Artikolu 2(f), moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tad-[Direttiva 2003/86] meta r-refuġjat ikun sar maġġorenni wara l-għoti tal-ażil, iżda matul il-proċedura għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-ġenituri tiegħu?

2.      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: f’każ bħal dan, huwa neċessarju li l-ġenituri taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz josservaw it-terminu msemmi fis-sentenza [tat‑12 ta’ April 2018, C‑550/16, A u S, (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 61], għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, jiġifieri ‘bħala prinċipju, […]fi żmien tliet xhur mill-jum li fih il-minuri kkonċernat jingħata l-istatus ta’ refuġjat’?

3.      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: għandu jingħata, direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, permess ta’ residenza lill-oħt adulta, ċittadina ta’ pajjiż terz, ta’ persuna li tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ dan il-permess ta’ residenza, il-ġenituri tar-refuġjat, minħabba dan, ikunu mġiegħla jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86/KE, għaliex, minħabba l-istat ta’ saħħa tagħha, din l-oħt adulta tar-refuġjat għandha bżonn imperattiv ta’ kura għal żmien twil mill-ġenituri tagħha u ma tistax għaldaqstant tibqa’ waħedha fil-pajjiż ta’ oriġini?

4.      Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk tali applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-terminu stabbilit, jiġifieri, ‘bħala prinċipju’, fi żmien tliet xhur fis-sens tas-sentenza [tat‑12 ta’ April 2018, C‑550/16, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 61)]?

5.      Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-ġenituri tar-refuġjat jistgħu jkomplu jinvokaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86] meta tliet xhur u ġurnata jkunu għaddew bejn il-jum li fih il-minuri ngħata l-istatus ta’ refuġjat u l-applikazzjoni tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja?

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86], Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jeżiġi mill-ġenituri tar-refuġjat li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) [ta’ din id-direttiva]?

7.      Ir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/86] fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) [ta’ din id-direttiva] jiddependi mill-punt dwar jekk, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-[l-imsemmija direttiva], l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata fi żmien tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat? ”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      Fid‑9 ta’ Lulju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda l-proċeduri f’din il-kawża sakemm tittieħed deċiżjoni finali fil-Kawżi magħquda C‑273/20 u C‑355/20 kif ukoll fil-Kawża C‑279/20

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja nnotifika lill-qorti tar-rinviju s-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri refuġjat) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617), kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li sar maġġorenni) (C‑279/20, EU:C:2022:618), fejn stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kompletament jew parzjalment.

29      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2022, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Settembru 2022, din il-qorti indikat li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, iżda li hija ma kinitx qiegħda titlob iktar risposta għall-ewwel domanda, minħabba li, fid-dawl tal-imsemmija sentenzi, kien hemm lok li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, sa fejn hija tqis għalhekk bħala ssodisfatta l-kundizzjoni li taħtha hija kienet għamlet it-tieni u t-tielet domanda, għandha tingħata risposta għalihom.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jiġi bbażat dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq din id-dispożizzjoni u għalhekk jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli previsti minnha, l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq l-axxendenti diretti tal-ewwel grad (iktar ’il quddiem il-“ġenituri”) ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jippreżentaw l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan tal-aħħar f’terminu stabbilit, meta dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u jsir maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

31      Għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

32      F’dan ir-rigward, mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva jsegwi li din tipprevedi għar-refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, peress li s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet li ġiegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jipprekluduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk.

33      Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet iktar favorevoli tirrigwarda r-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tal-ewwel grad tar-refuġjat. Fil-fatt, kif ġie diġà kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li, skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, il-possibbiltà li tali riunifikazzjoni hija, bħala prinċipju, fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru u suġġetta, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-axxendenti diretti tal-ewwel grad ikunu dipendenti fuq l-isponsor u li jkunu mċaħħda mill-appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini, l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi, eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, li skontha r-refuġjati minuri mhux akkumpanjati, għandhom dritt għal tali riunifikazzjoni, li la ma huwa suġġett għal marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri u lanqas għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(a). L-imsemmi Artikolu 10(3)(a) huwa għalhekk intiż speċifikament sabiex jiggarantixxi protezzjoni ikbar lil dawk ir-refuġjati li għandhom il-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjati (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 33, 34 u 44).

34      Fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 64) il-qorti tal-Ġustizzja diġà qalet li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat”, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jingħata l-istatus ta’ “minuri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jkollha inqas minn 18-il sena fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, jilħaq l-età maġġuri u sussegwentement jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

35      Fil-fatt li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja msemmi fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ikun jiddependi fuq meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, fuq kemm din l-awtorità tipproċessa malajr jew bil-mod l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jqiegħed inkwistjoni l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u jmur kontra mhux biss l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata, f’dan ir-rigward, protezzjoni partikolari lir-refuġjati, b’mod partikolari lill-minuri mhux akkumpanjati, iżda wkoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 55).

36      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, a fortiori, għal sitwazzjoni fejn il-minuri mhux akkumpanjat isir maġġorenni mhux matul il-proċedura ta’ ażil, iżda matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Għalhekk, tali refuġjat minuri jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 sabiex jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu abbażi tal-kundizzjonijiet iktar favorevoli, previsti minn din id-dispożizzjoni, mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jiċħad l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għar-raġuni li r-refuġjat ikkonċernat ma għadux minuri fid-data tad-deċiżjoni relatata ma’ din l-applikazzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri refuġjat) , C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 52).

37      Madankollu, fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sa fejn ikun inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jekk refuġjat, li kellu l-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjat fil-mument tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu iżda li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura relatata ma’ din l-applikazzjoni, ikun jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni “mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis” sabiex jikseb riunifikazzjoni tal-familja, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja kellha ssir f’terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ tali terminu raġonevoli, is-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest simili tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva għandha valur indikattiv, b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familji magħmula abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva għandha, bħala prinċipju, f’tali sitwazzjoni, tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mill-jum li fih il-minuri kkonċernat jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

38      Issa, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiġi osservat tali terminu wkoll f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn ir-refuġjat ikkonċernat kien għadu minuri fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja u sar maġġorenni matul il-proċedura relatata ma’ din l-applikazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rekwiżit tal-osservanza ta’ tali terminu huwa intiż sabiex jiġi evitat ir-riskju li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun jista’ jiġi invokat mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis fis-sitwazzjoni fejn ir-refuġjat ikun sar maġġorenni diġà matul il-proċedura ta’ ażil u għalhekk qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

40      Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, tali riskju ma jeżistix meta r-refuġjat ikkonċernat jilħaq l-età maġġuri matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, li huwa li tiġi promossa speċifikament ir-riunifikazzjoni tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ikbar minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja skont din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li hija tardiva jekk din tkun ġiet ippreżentata meta r-refuġjat ikkonċernat kien għadu minuri. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, terminu għall-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma r-refuġjat ikkonċernat isir maġġorenni.

41      Konsegwentement, sakemm ir-refuġjat ikun minuri, il-ġenituri tiegħu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja miegħu, abbażi tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, mingħajr ma jkunu obbligati josservaw terminu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli previsti minn din id-dispożizzjoni.

42      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-fatt li l-ewwel applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali iktar minn tliet xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-istatus ta’ refuġjat ġie rrikonoxxut lill-isponsor, huwa irrilevanti peress li dan l-isponsor kien minuri fid-data tal-preżentazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza li permezz tagħha ġew miċħuda dawn it-talbiet ma tidhirx li hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jiġi bbażat dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq din id-dispożizzjoni u għalhekk jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli previsti minnha, l-imsemmija dispożizzjoni ma timponix fuq il-ġenituri ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jippreżentaw l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan tal-aħħar f’terminu stabbilit, meta dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u jsir maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

 Fuq irraba’ u lħames domanda

44      Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ġietx ippreżentata fit-termini stabbiliti.

45      Kif tindika din il-qorti, dawn id-domandi huma magħmula fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv. Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda.

 Fuq ittielet domanda

46      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jingħata permess ta’ residenza lil oħt adulta ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, li hija ċittadina ta’ pajjiż terz u li, minħabba marda gravi, tiddependi b’mod totali u permanenti fuq l-assistenza tal-ġenituri tagħha, meta rifjut li jingħata dan il-permess ta’ residenza jwassal sabiex dan ir-refuġjat jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, mogħti minn din id-dispożizzjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti mill-Karta u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fl-osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

48      Għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, huwa l-obbligu tal-Istati Membri, b’mod partikolari tal-qrati tagħhom, mhux biss li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni [sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familjaWild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Dan l-Artikolu 7 għandu jinqara, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li wild ikollu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) tagħha [sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri refuġjat), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2020:617, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bl-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri refuġjat), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Dan japplika b’mod partikolari għall-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, li huwa intiż, kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, speċifikament sabiex jiffavorixxi r-riunifikazzjoni tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar lil dawn il-minuri minħabba l-vulnerabbiltà speċifika tagħhom, u li huwa, konsegwentement, ta’ importanza partikolari għar-rispett effettiv tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta.

52      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata, l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu pożittiv preċiż, li għalih jikkorrispondi dritt iddefinit b’mod ċar. L-obbligu jeżiġi li huma, skont l-ipoteżi stabbilita f’dik id-dispożizzjoni, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ qraba tal-ewwel grad fil-linja axxendenti tal-isponsor, mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 43).

53      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86, refuġjat minuri mhux akkumpanjat, bħal RI, jibbenefika minn dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja maż-żewġ ġenituri tiegħu.

54      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talbiet għad-dħul u għar-residenza fl-Awstrija għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI ġew ippreżentati miż-żewġ ġenituri ta’ dan tal-aħħar u minn TY, oħt RI. Din tal-aħħar, għalkemm adulta, tiddependi b’mod totali u permanenti mill-assistenza materjali tal-ġenituri tagħha minħabba marda gravi. B’mod partikolari, hija milquta minn paraliżi ċerebrali u għandha bżonn b’mod permanenti siġġu tar-roti kif ukoll assistenza personali ta’ kuljum, inkluża għajnuna sabiex tiekol. Din il-kura tingħatalha essenzjalment minn ommha, CR, TY ma tista’ tirrikorri għal ebda network soċjali ta’ għajnuna fil-post ta’ residenza attwali tagħha sabiex tibbenefika mill-imsemmija kura. Għaldaqstant, il-ġenituri ta’ TY huma l-uniċi persuni li jistgħu jieħdu ħsiebha, b’tali mod li ma jistgħux iħalluha waħedha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

55      Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni eċċezzjonali u tal-gravità partikolari tal-marda ta’ TY, iż-żewġ ġenituri tagħha jinsabu fl-impossibbiltà li jingħaqdu fl-Awstrija ma’ binhom, refuġjat minuri mhux akkumpanjat, mingħajr ma jieħdu t-tifla tagħhom magħhom. L-għoti ta’ permess ta’ dħul u ta’ residenza lil oħt RI huwa għalhekk l-uniku mezz sabiex din tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk TY ma jiġix ammess għall-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI, fl-istess ħin bħall-ġenituri tiegħu, dan tal-aħħar jiġi, de facto, imċaħħad mid-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86.

57      Issa, tali riżultat huwa inkompatibbli man-natura inkundizzjonata ta’ dan id-dritt u ipoġġi f’dubju l-effett utli tiegħu, fatt li jikser kemm l-għan tal-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86, imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 mill-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li din id-direttiva għandha tiżgura l-osservanza tagħhom.

58      Minn dan isegwi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett utli tad-dritt ta’ RI għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, billi tirrikonoxxi wkoll lil oħtha permess ta’ dħul u ta’ residenza fl-Awstrija.

59      Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familjaOħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jawtorizza r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ oħt refuġjat biss jekk din tkun, minħabba l-istat ta’ saħħitha, inkapaċi li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha stess, sakemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mill-qorti tar-rinviju huma differenti ħafna minn dawk li taw lok għall-imsemmija sentenza. Fil-fatt, f’dan tal-aħħar kellu jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, li għandu natura fakultattiva, jippermetti, jekk ikun il-każ, lir-refuġjati, inklużi dawk li ma humiex minuri mhux akkumpanjati, li jitolbu, b’mod awtonomu, ir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ħuhom. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-portata tad-dritt ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, skont l-Artikolu 10(3) tal-imsemmija direttiva, fis-sitwazzjoni speċifika fejn dan id-dritt ma jistax jiġi eżerċitat fl-assenza tal-għoti ta’ permess ta’ dħul u ta’ residenza lil oħtu maġġorenni, marida serjament u minħabba dan il-fatt f’sitwazzjoni ta’ dipendenza totali u permanenti fir-rigward tal-imsemmija ġenituri.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jingħata permess ta’ residenza lil oħt refuġjat minuri mhux akkumpanjat, li hija ċittadina ta’ pajjiż terz u li, minħabba marda serja, tiddependi b’mod totali u permanenti mill-assistenza tal-ġenituri tagħha, meta rifjut li jingħata dan il-permess ta’ residenza jwassal sabiex dan ir-refuġjat jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, mogħti minn din id-dispożizzjoni.

 Fuq issitt u sseba’ domanda

62      Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeżiġi li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu skont din id-dispożizzjoni, refuġjat minuri mhux akkumpanjat jew il-ġenituri tiegħu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u jekk, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li tiġi rikjesta l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

63      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu l-prova li l-isponsor għandu akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja ta’ daqs paragunabbli fl-Istat Membru kkonċernat, assigurazzjoni għall-mard għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

64      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 li, bħall-Artikolu 10 tagħha, jinsab fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”, jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 7 tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq ir-refuġjat u/jew fuq il-membri tal-familja tiegħu li jipprovdu, fir-rigward tal-applikazzjonijiet relatati mal-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, provi li juru li l-isponsor jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 7.

65      Konformement mal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 4, li huwa l-uniku artikolu tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/86, intitolat “Membri tal-familja”, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, konformement ma’ din id-direttiva u bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu IV tagħha, kif ukoll fl-Artikolu 16 tagħha, tal-membri tal-familja elenkati fiha, fosthom b’mod partikolari l-konjuġi tal-isponsor kif ukoll it-tfal minorenni.

66      Għalhekk, minn qari flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 7(1) tagħha, tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li din l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat mal-membri tal-familja nukleari, billi teskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu l-prova li r-refuġjat għandu akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja ta’ daqs paragunabbli, assigurazzjoni għall-mard għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu, kif ukoll riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantnu lilhom infushom u lill-membri tal-familja tiegħu.

67      Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 ljispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li r-refuġjat jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tagħha jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata f’perijodu ta’ tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

68      Għalhekk mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri japplikaw, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, ir-regoli ordinarji minflok ir-regoli iktar favorevoli normalment applikabbli għar-refuġjati meta l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata wara ċertu perijodu wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 46).

69      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija użat kemm il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, billi rrikjediet li l-isponsors jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-possibbiltà prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, billi tipprevedi li dawn il-kundizzjonijiet għandhom ukoll jiġu ssodisfatti mill-isponsors li għandhom l-istatus ta’ refuġjat jekk l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi ppreżentata iktar minn tliet xhur wara l-għoti definittiv ta’ dan l-istatus.

70      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk din il-possibbiltà tal-aħħar testendix ukoll għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, u għalhekk jekk l-Istati Membri jistgħux jeżiġu għal tali riunifikazzjoni li r-refuġjat minuri jew il-ġenituri tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, sakemm l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu ma tkunx ġiet ippreżentata f’terminu ta’ tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil dan il-minuri.

71      Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2003/86 kif ukoll tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 mill-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

72      Fil-fatt, l-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86 jagħti lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati trattament preferenzjali billi jiżgura r-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tagħhom tal-ewwel grad “mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a)” ta’ din id-direttiva.

73      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-Artikolu 4(2)(a) jirreferi b’mod espress għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu IV, li l-Artikolu 7 jagħmel parti minnu. Għalhekk, mill-kliem tal-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) (a) tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu li refuġjat minuri mhux akkumpanjat jew il-ġenituri tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva meta dawn tal-aħħar jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mar-refuġjat minuri, ibbażata fuq l-Artikolu 10(3) (a) tagħha.

74      Dan il-qari tal-Artikolu 10(3) (a) tad-Direttiva 2003/86 huwa kkorroborat kemm mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni — li huwa intiż, kif tfakkar fil-punti 40 u 51 ta’ din is-sentenza, speċifikament sabiex tiġi promossa r-riunifikazzjoni tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, bil-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ikbar għal dawn il-minuri minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 12(1) tagħha.

75      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar isemmi espliċitament biss “applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1) [tagħha]”, jiġifieri b’mod partikolari l-konjuġi tal-isponsor kif ukoll it-tfal minorenni. Għalhekk mill-istruttura ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, permezz ta’ dan l-Artikolu 12(1), minn naħa, u permezz tal-Artikolu 10(3) (a) tal-imsemmija direttiva, min-naħa l-oħra, żewġ sistemi distinti, li l-ewwel waħda minnhom tapplika għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ kull refuġjat mal-membri tal-familja nukleari tiegħu u tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu li l-isponsor jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata f’terminu ta’ tliet xhur wara l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, filwaqt li t-tieni waħda tapplika speċifikament għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom u ma tipprevedix tali possibbiltà.

76      Barra minn hekk, billi eskluda, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, ibbażati fuq l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonforma ruħu mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-Karta, intiżi għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif ukoll mill-Artikolu 24 (2) u (3) tal-Karta, li jimplika li, fl-atti kollha relatati mat-tfal, l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li wild iżomm regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu.

77      Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, huwa prattikament impossibbli għal refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jkollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, akkomodazzjoni, assigurazzjoni għall-mard kif ukoll riżorsi suffiċjenti u għalhekk li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86. Bl-istess mod, huwa estremament diffiċli għall-ġenituri ta’ tali minuri li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet saħansitra qabel ma jingħaqdu mal-wild tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, jekk il-possibbiltà tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom tkun tiddependi fuq l-imsemmija kundizzjonijiet, iwassal, fir-realtà, sabiex dawn il-minuri jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal tali riunifikazzjoni, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 mill-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta.

78      Minn dan isegwi li, meta ġenituri ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat jippreżentaw applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja miegħu, skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu la minn dan il-minuri u lanqas mill-ġenituri tiegħu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li jkollhom akkomodazzjoni meqjusa bħala suffiċjenti għall-membri kollha tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat, assigurazzjoni għall-mard li tkopri l-membri kollha ta’ din il-familja kif ukoll riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-imsemmija familja mingħajr ma jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

79      Bl-istess mod, sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża prinċipali u kif ġie kkonstatat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt ta’ RI għar-riunifikazzjoni tal-familja maż-żewġ ġenituri tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, li permess ta’ dħul u ta’ residenza jingħata wkoll lil oħtu, peress li l-ġenituri tiegħu jinsabu fl-impossibbiltà li jingħaqdu ma’ binhom, refuġjat minuri mhux akkumpanjat, fl-Awstrija mingħajr ma jieħdu lil binthom magħhom, u dan minħabba l-fatt li din tbati minn marda gravi li tirrendiha dipendenti, b’mod totali u permanenti, fuq l-assistenza materjali tal-ġenituri tagħha, l-Istat Membru kkonċernat lanqas ma jista’ jeżiġi li RI jew il-ġenituri tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ oħt il-minuri refuġjat.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jeżiġi li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu skont din id-dispożizzjoni, refuġjat minuri mhux akkumpanjat jew il-ġenituri tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq lispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jiġi bbażat dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq din id-dispożizzjoni u għalhekk jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet iktar favorevoli previsti minnha, l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq l-axxendenti diretti tal-ewwel grad ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jippreżentaw l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan tal-aħħar f’terminu stabbilit, meta dan ir-refuġjat ikun għadu minuri fid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u jsir maġġorenni matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

2)      L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jingħata permess ta’ residenza lil oħt adulta ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u li, minħabba marda gravi, tiddependi b’mod totali u permanenti mill-assistenza tal-ġenituri tagħha, meta rifjut li jingħata dan il-permess ta’ residenza jwassal sabiex dan ir-refuġjat jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, mogħti minn din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jeżiġi li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu skont din id-dispożizzjoni, refuġjat minuri mhux akkumpanjat jew il-ġenituri tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.