Language of document : ECLI:EU:C:2024:98

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Artikolu 23(1) u (2) – Limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess’ – Avviżi magħmula minn tali xandar sabiex jippromwovi x-xandiriet ta’ stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ stazzjonijiet bħal dan ix-xandar”

Fil-Kawża C‑255/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2021, fil-proċedura

Reti Televisive Italiane SpA (RTI)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM),

fil-preżenza ta’:

Elemedia SpA,

Radio Dimensione Suono SpA,

RTL 102,500 Hit Radio Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Reti Televisive Italiane SpA (RTI), minn F. Lepri, M. Molino u G. Rossi, avvocati,

–        għal Elemedia SpA, Radio Dimensione Suono SpA u RTL 102,500 Hit Radio Srl, minn F. Di Ciommo, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), kif ukoll tal-premessa 43 tad-Direttiva(UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 69), li emendat l-ewwel direttiva iżda li ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Reti Televisive Italiane SpA (RTI) u l-Autorità per le garanzie nelle comunicazioni (AGCOM) (l-Awtorità Superviżorja Awdjoviżiva, l-Italja), dwar il-legalità ta’ tliet deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità li jimponu sanzjonijiet fuq RTI għal ksur, mill-istazzjonijiet televiżivi Canale 5, Italia 1 u Rete 4, tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2010/13

3        Il-premessi 23, 25, 87, 96 u 97 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdu:

“(23)      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘awdjoviżiv’ għandha tkun interpretata bħala li tirreferi għal immaġini li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru, biex b’ hekk tinkludi films muti iżda ma tkoprix trasmissjoni awdjo jew servizzi tar-radju. [...]

[...]

(25)      Il-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali hija essenzjali għad-definizzjoni tar-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u għaldaqstant għad-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. Meta jkunu qed jadottaw miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jispeċifikaw aktar aspetti tad-definizzjoni ta’ responsabbiltà editorjali, jiġifieri l-kunċett ta’ ‘kontroll effettiv’. [...]

[...]

(87)      Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ 20 % ta’ spots ta’ reklamar u spots ta’ teleshopping fuq it-televiżjoni għal kull siegħa bl-arloġġ kif ukoll matul l-aqwa ħin. Il-kunċett ta’ spots ta’ reklamar fuq it-televiżjoni għandha tiftiehem bħala reklamar televiżiv fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 1(1) ta’ dewmien ta’ mhux aktar minn 12‑il minuta.

[...]

(96)      Huwa meħtieġa li jiġi ċċarat li attivitajiet li jippromwovu lilhom infushom huma forma partikolari ta’ reklamar li fiha x-xandar jippromwovi l-prodotti tiegħu stess, servizzi, programmi jew kanali. B’mod partikolari, trejlers li jikkonsistu f’estratti minn programmi għandhom jiġu meqjusa bħala programmi.

(97)      Il-ħin ta’ trasmissjoni ta kuljum allokat għal avviżi magħmula mix-xandar inkonnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari mnissla direttament minn dawn, jew għal avviżi ta’ servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, m’għandux jiġi inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trasmissjoni ta’ kulljum jew ta kull siegħa li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar jew għat-teleshopping.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

(a)      ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

(i)      servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 [TFUE] li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali [...];

(ii)      komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

(b)      ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

(c)      ‘responsabbiltà editorjali’ tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;

(d)      ‘fornitur ta’ servizzi tal-media’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

(e)      ‘xandir televiżiv’ jew ‘xandira televiżiva’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

(f)      ‘xandar’ tfisser fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

[...]

(h)      ‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva’ tfisser immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika. Tali xbihat jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom. Forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, inter alia, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, teleshopping u tqegħid ta’ prodotti;

(i)      ‘reklamar televiżiv’ tfisser kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

[...]”

5        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi:

“1.      Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u ma’ prodotti anċillari li joħorġu direttament minn dawk il-programmi, avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tqegħid ta’ prodotti.”

 IdDirettiva 2018/1808

6        Id-Direttiva 2018/1808 tipprovdi, fil-premessa 43 tagħha:

“Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal avviżi magħmula mix-xandar b’rabta mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi,, jew għal avviżi ta’ servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż li saru mit-trażmissjoni ta’ tali appelli, jenħtieġ li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta' trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ. Barra minn hekk, bosta xandara huma parti minn gruppi akbar ta’ xandara u jagħmlu avviżi mhux biss b’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi, iżda wkoll b’rabta ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ xandara. Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal tali avviżi jenħtieġ ukoll li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ.”

7        Skont il-punt 21 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 huwa ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑06.00 u s‑18.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑18.00 u 24.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)      l-avviżi magħmula mix-xandar b’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir;

(b)      l-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni;

(c)      l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali;

(d)      il-frames newtrali bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar televiżiv jew l-ispots ta’ telebejgħ, u bejn l-ispots individwali”.

 Iddritt Taljan

8        L-Artikolu 38(2) u (6) tad-decreto legislativo n. 177 – Testo unico dei servizi di media audiovisivi e radiofonici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177, li Jistabbilixxi Test Uniku dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tar-Radju), tal‑31 ta’ Lulju 2005 (GURI Nru 208, tas‑7 ta’ Settembru 2005, Suppliment Ordinarju Nru 150), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005”), jipprovdi:

“2.      Ix-xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv magħmul minn-xandara oħra li joffru servizz ta’ televiżjoni mingħajr ħlas, inklużi dawk analoġiċi, fuq livell nazzjonali, minbarra l-konċessjonarju tas-servizz pubbliku ġenerali ta’ xandir, ma jistax jeċċedi l‑15 % tal-ħin ta’ trażmissjoni ta’ kuljum u 18 % għal kull siegħa bl-arloġġ; kwalunkwe qabża possibbli, li fi kwalunkwe każ ma tistax taqbeż it‑2 % fis-siegħa, għandha tiġi paċuta fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti. [...]

[...]

6.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2) sa (5) ma għandhomx japplikaw għall-avviżi magħmula mix-xandara, inklużi dawk analoġiċi, f’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u mal-prodotti anċillari meħuda direttament minn dawn il-programmi, għall-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u għat-tqegħid ta’ prodotti.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        RTI hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li tipprovdi servizzi tal-media awdjoviżiva b’kopertura nazzjonali permezz tal-istazzjonijiet televiżivi tagħha Canale 5, Italia 1, u Rete 4. Hija l-proprjetarja wkoll ta’ 80 % tal-ishma ta’ Monradio Srl, li topera l-istazzjon tar-radju R101, filwaqt li kumpannija oħra li, bħal RTI, tappartjeni għall-grupp Mediaset, hija l-proprjetarja tal‑20 % tal-kumplament tal-ishma.

10      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Diċembru 2017, innotifikati fit‑8 ta’ Jannar 2018, dwar, rispettivament, Canale 5, Italia 1 u Rete 4, l-AGCOM imponiet sanzjonijiet fuq RTI għal ksur tal-Artikolu 38(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005. Sabiex tikkalkola l-ħin ta’ xandir fis-siegħa ddedikat għar-reklamar televiżiv suġġett għal-limiti previsti f’din id-dispożizzjoni, l-AGCOM ħadet inkunsiderazzjoni l-avviżi promozzjonali għall-istazzjon tar-radju R101 magħmula fuq l-istazzjonijiet televiżivi Canale 5, Italia 1 u Rete 4.

11      RTI ppreżentat tliet rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) kontra dawn id-deċiżjonijiet. Hija sostniet li l-avviżi promozzjonali għall-istazzjon tar-radju R101 kellhom jitqiesu bħala avviżi magħmula fir-rigward tal-“programmi stess” ta’ RTI, fis-sens tal-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, u, konsegwentement, bħala esklużi mill-kalkolu tal-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv.

12      Permezz ta’ sentenzi tas‑16 ta’ April 2019, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) ċaħdet dawn ir-rikorsi, minħabba li avviżi li jippromwovu l-programmi ta’ xandar tar-radju ma setgħux jitqiesu bħala avviżi magħmula fir-rigward tal-“programmi stess” ta’ xandar televiżiv, inkluż meta, bħal f’dan il-każ, iż-żewġ xandara kkonċernati jkunu jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriżi.

13      RTI appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li, peress li hija tappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħall-istazzjon tar-radju R101, l-unità ekonomika fformata mill-grupp ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-pluralità tal-persuni ġuridiċi, sabiex jiġu kkalkolati l-limiti tas-siegħat tal-ispazju ta’ reklamar u, għaldaqstant, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005.

14      RTI żżid li din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-emenda magħmula lill-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2020/13 permezz tad-Direttiva 2018/1808. Peress li din l-emenda tieħu konjizzjoni ta’ prattiki ta’ awtopromozzjoni inkroċjata bejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni, li issa huma mifruxa sew, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat id-dritt fis-seħħ preċedentement, anki jekk id-Direttiva 2018/1808, li daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Diċembru 2018, ma hijiex applikabbli ratione temporis.

15      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tal-promozzjoni, minn xandar televiżiv li huwa l-kumpannija omm, tal-programmi ta’ xandar tar-radju li huwa s-sussidjarja tagħha, u mhux l-eżerċizzju tal-kontroll fi ħdan il-grupp hekk ifformat, tenfasizza li l-fatti li wasslu għal din it-tilwima huma kollha preċedenti għall-emenda tad-Direttiva 2010/13 permezz tad-Direttiva 2018/1808.

16      Dik il-qorti tqis, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u, fuq kollox, ta’ dawk tad-dritt tal-Unjoni sostnuta minn RTI ma hijiex l-unika waħda possibbli. Fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni kuntrarja, adottata kemm mill-AGCOM kif ukoll mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), “ma tidhirx manifestament irraġonevoli”, peress li din torbot mal-formulazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis tad-Direttiva 2010/13, u ma tinjorax l-aspett antikompetittiv li jista’ jirriżulta mill-interpretazzjoni sostnuta minn RTI fir-rigward tax-xandara tar-radju li ma humiex integrati f’xandara televiżivi jew f’media awdjoviżiva.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fid-dawl tal-importanza mogħtija, b’mod ġenerali, fid-dritt [tal-Unjoni Ewropea] lill-kunċett ta’ grupp jew entità ekonomika waħda, li jirriżulta minn diversi sorsi tad-dritt tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari mill-premessa 43 tad-Direttiva [2018/1808] u mill-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 tad-Direttiva [2010/13] applikabbli fil-kawża prinċipali), bla ħsara għad-differenza li teżisti fid-dritt nazzjonali Taljan bejn l-awtorizzazzjonijiet previsti mix-xandara televiżivi u għax-xandara radjufoniċi, skont l-Artikolu 5(1)(b) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005], tista’ titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tar-radju u t-televiżjoni li tiddeduċi mill-Artikolu 1(1)(a) [ta’ dan id-digriet leġiżlattiv] [...], li l-proċess ta’ konverġenza bejn il-forom ta’ kommunikazzjoni differenti (il-komunikazzjoni elettronika, il-pubblikazzjoni, anki elettronika, u l-internet fl-applikazzjonijiet kollha tagħha) japplika a fortiori bejn il-fornituri tal-media televiżivi u radjufoniċi, fuq kollox jekk ikunu diġà integrati fi gruppi ta’ impriżi marbutin bejniethom, u li [dan il-proċess] jimponi ruħu b’mod ġenerali, bil-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(6), [tal-imsemmi] digriet leġiżlattiv [...], b’tali mod li x-xandar jista’ jkun grupp, ikkunsidrat bħala entità ekonomika waħda, jew, għall-kuntrarju, fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq, minħabba l-awtonomija tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar fir-rigward tad-dritt ġenerali tal-kompetizzjoni, huwiex impossibbli li tingħata xi relevanza – qabel l‑2018 – lil gruppi u lil proċessi ta’ konverġenza msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll lil attivitajiet inkroċjati bejn il-media, billi jiġi kkunsidrat biss, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, ix-xandar meħud waħdu, anki jekk ikun parti minn grupp (dan l-aspett huwa msemmi biss fil-verżjoni kkonsolidata tal-Artikolu 23 tad-Direttiva [2010/13], sussegwentement għall-adozzjoni tad-Direttiva [2018/1808])?

2.      Fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq fil-qasam ta’ gruppi ta’ impriżi bħala unità ekonomika waħda, għall-finijiet tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar u tas-suċċessjoni ċċitata iktar ‘il fuq mill-formulazzjoni tal-artikolu 23 imsemmi iktar ‘il fuq, bla ħsara għad-differenza msemmija bejn l-awtorizzazzjonijiet, huwa possibbli li jiġi dedott b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni antikompetittiva tas-[sistema integrata ta’ komunikazzjonijiet] prevista fl-Artikolu 43 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005] ir-rilevanza tal-kunċett ta’ grupp ‘fornitur ta’ servizzi ta’ media’ (jew, skont kliem l-appellant, ta’ ‘grupp editorjali’) bil-għan li jiġu esklużi l-messaġġi promozzjonali inkroċjati bejn il-media fi ħdan l-istess grupp ta’ limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fis-sens tal-Artikolu 38(6) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005] jew, għall-kuntrarju, tali relevanza għandhiex tkun eskluża qabel l‑2018, minħabba l-awtonomija tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-qasam televiżiv fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar?

3.      Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva [2010/13] jirrikonoxxix l-prinċipju li diġà jeżisti fid-dritt tal-kompetizzjoni tar-relevanza ġenerali tal-gruppi, jew hija novità? B’hekk, fl-ewwel każ, hija realtà ġuridika diġà inerenti fid-dritt tal-Unjoni – b’tali mod li tkopri, b’hekk, f’dan il-każ, preċedentement għall-formulazzjoni ġdida, u li tikkundizzjona l-interpretazzjonijiet tal-[awtorità nazzjonali regolatorja] billi timponilha fi kwalunkwe każ ir-rikonoxximent tal-kunċett ta’ grupp fornitur ta’ servizzi ta’ media’ – jew, fit-tieni każ, din in-novità tipprekludix r-rikonoxximent tar-relevanza tal-gruppi ta’ kumpanniji fil-kawżi mibdija qabel id-dħul tagħha, peress li hija tkun inapplikabbli ratione temporis għall-kawżi preċedenti minħabba l-portata innovattiva?

4.      Fi kwalunkwe każ u lil hinn mis-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet previsti mill-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 u tal-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 imdaħħla fl‑2018, u b’hekk fil-każ fejn din id-dispożizzjoni ġdida ma tikkostitwixxix rikonoxximent ta’ dak li diġà jeżisti, iżda tkun innovattiva, kif mistoqsi [fit-tielet domanda], ir-relazzjonijiet integrati bejn it-televiżjoni u r-radju, ikkunsidrati b’mod ġenerali fid-dritt tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura ġenerali u transversali tal-kunċetti ta’ entità ekonomika u ta’ grupp, huma kruċjali sabiex jiġu interpretati l-limiti tal-ispazju ta’ reklamar, li huma fi kwalunkwe każ irregolati impliċitament fir-rigward tal-grupp ta’ impriżi (jew, b’mod iktar preċiż ta’ relazzjonijiet ta’ kontroll bejn l-impriżi tal-grupp) u tal-unità funzjonali ta’ dawn l-impriżi, b’tali mod li l-promozzjoni ta’ programmi bejn televiżjoni u radju tal-istess grupp [...] jekk l-imsemmija relazzjonijiet ta’ integrazzjoni huma irrilevanti fil-kuntest tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u b’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-programmi ‘tiegħu stess’ imsemmija fl-Artikolu 23 (test oriġinali) huma tali li peress li jappartjenu għall-istess xandar li jippromwovijhom, u mhux għal grupp ta’ kumpanniji fl-assjem tiegħu, billi [dan l-Artikolu 23 huwa] dispożizzjoni awtonoma li ma tippermetti l-ebda interpretazzjoni sistematika li testendiha lill-gruppi li huma kkunsidrati entità ekonomika waħda?

5.      Fl-aħħar nett l-Artikolu 23, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, anki kieku ma kellux jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni inċentivanti, li tiddeskrivi l-partikolarità tal-promozzjoni, li hija esklużivament informattiva u li ma hijiex intiża sabiex tikkonvinċi li xi ħadd sabiex jixtri xi prodotti u servizzi barra l-programmi promossi, u b’hekk, għandha titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ spazju ta’ reklamar, u b’hekk applikabbli, fil-parametri tal-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp, fil-każijiet kollha ta’ promozzjoni inkroċjata u integrata tal-media, jew għandhiex titqies bħala dispożizzjoni ta’ natura derogatorja u eċċezzjonali fil-kuntest tal-kalkolu tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u bħala tali għandha tiġi interpretata strettament?”

 Fuq iddomandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ikopri l-avviżi promozzjonali magħmula minn tali xandar għal stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar.

19      Skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, il-proporzjon ta’ xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u ta’ spots ta’ teleshopping f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu 23, dan il-paragrafu (1) ma għandux japplika, b’mod partikolari, għall-“avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”. Għaldaqstant, dawn l-avviżi ma humiex suġġetti għal-limitu stabbilit mill-imsemmi Artikolu 23(1).

20      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-avviżi promozzjonali ta’ stazzjon tar-radju magħmula minn xandar televiżiv li huwa l-proprjetarju maġġoritarju ta’ dan l-istazzjon tar-radju jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk għandhiex issir distinzjoni bejn, minn naħa, avviżi pubbliċitarji intiżi li jinkoraġġixxu x-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, avviżi newtrali, bl-uniku għan li tingħata informazzjoni dwar programmi, li, għal din ir-raġuni, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “reklamar televiżiv”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping.

21      Il-kunċett ta’ “spots ta’ reklamar televiżiv”, li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 jinkludi fil-proporzjon ta’ xandir fis-siegħa kkonċernat, huwa ddefinit, hekk kif tiddikjara l-premessa 87 ta’ din id-direttiva, b’riferiment għall-kunċett ta’ “reklamar televiżiv”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tal-imsemmija direttiva. Skont din l-aħħar dispożizzjoni r-reklamar televiżiv ikopri kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk b’remunerazzjoni simili, jew ta’ xandir għal finijiet ta’ awtopromozzjoni minn impriża pubblika jew privata jew minn persuna fiżika fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, industrijali jew artiġġjanali jew fil-kuntest ta’ professjoni bil-għan li tiġi promossa l-provvista, permezz ta’ ħlas, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi.

22      F’dan ir-rigward, il-premessa 96 tad-Direttiva 2010/13 tippreċiża li l-attivitajiet ta’ awtopromozzjoni jikkostitwixxu forma speċifika ta’ reklamar li fiha x-xandar televiżiv jippromwovi, b’mod partikolari, il-programmi jew l-istazzjonijiet tiegħu stess. Konsegwentement, l-awtopromozzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping.

23      Issa, skont l-Artikolu 1(1)(h) tal-istess direttiva, ir-reklamar televiżiv huwa wieħed mill-forom ta’ “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” li tfisser “immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika” u li “jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom”.

24      Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm id-Direttiva 2010/13 tiddefinixxi r-reklamar televiżiv b’riferiment għall-għan promozzjonali tal-immaġni jew tal-avviż televiżiv inkwistjoni, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tan-natura informattiva tal-immaġni jew tal-avviż ikkonċernat.

25      Minn dan isegwi li l-avviżi magħmula, inkluż meta dawn ikunu newtrali u ta’ natura purament informattiva, li jirrigwardaw il-programmi jew ix-xandiriet ta’ xandar jikkostitwixxu “reklamar televiżiv”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tad-Direttiva 2010/13, meta dawn ikunu intiżi li jwasslu lit-telespettaturi jaraw il-programmi kkonċernati u, għaldaqstant, li jippromwovu l-provvista ta’ servizzi bi ħlas.

26      Għaldaqstant, dawn l-avviżi huma suġġetti għal-limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv, stabbiliti fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, sakemm dawn ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati bħala “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

27      Għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-programmi ta’ stazzjon tar-radju li huma s-suġġett ta’ avviżi magħmula minn xandar televiżiv jikkostitwixxux “programmi”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13.

28      Skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “programm” ifisser “sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv”.

29      Il-kunċett ta’ “xandir televiżiv” jew ta’ “xandira televiżiva” huwa, minn naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 1(1)(e) tal-imsemmija direttiva bħala li jfisser “servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi”, filwaqt li l-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” jfisser, konformement mal-Artikolu 1(1)(a)(i), “servizz [...] li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi”.

30      Mill-kliem “immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru”, “televiżiv”, “awdjoviżiva” u “wiri” użati f’dawn id-definizzjonijiet, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 23 tad-Direttiva 2010/13, jirriżulta li din id-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-servizzi ta’ xandir tar-radju, li jikkonsistu normalment f’xandiriet jew programmi ta’ kontenut akustiku u għalhekk mingħajr immaġni, inkluż meta dawn ix-xandiriet jew programmi jkollhom magħhom elementi awdjoviżivi anċillari li ma jistgħux jiġu sseparati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, New Media Online, C‑347/14, EU:C:2015:709, punti 34 u 37).

31      Interpretazzjoni bħal dik sostnuta minn RTI, fis-sens li l-avviżi televiżivi relatati max-xandiriet jew mal-programmi ta’ stazzjon tar-radju normalment jaqgħu taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, tkun twassal sabiex testendi, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lil hinn minn dak li tippermetti l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-operaturi tas-suq tas-servizzi tal-media tar-radju li ma jkunux integrati fi gruppi ta’ stazzjonijiet.

32      Fit-tielet lok, fil-każ li l-avviżi magħmula jkunu programmi fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni RTI, meta x-xandar televiżiv li jagħmilhom ikun jappartjeni, flimkien mal-istazzjon tar-radju, għall-istess grupp ta’ kumpanniji u jkun jifforma impriża bħala unità ekonomika, dawn l-avviżi jistgħux jiġu kklassifikati bħala “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13.

33      Skont l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2010/13, ix-“xandar” huwa “fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni”. Il-“fornitur ta’ servizz tal-media” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(d) ta’ din id-direttiva bħala “il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat”.

34      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva, “servizz tal-media awdjoviżiva” huwa “servizz [...] li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media”. Il-premessa 25 tal-istess direttiva tippreċiża li d-definizzjoni tar-responsabbiltà editorjali hija ta’ importanza essenzjali għad-determinazzjoni tar-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u, għaldaqstant, għad-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

35      Hekk kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex tinftiehem l-espressjoni “programmi tiegħu stess”, imsemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal fid-dritt tal-kompetizzjoni jew f’dak tal-kuntratti pubbliċi, ir-rabtiet ġuridiċi u organizzattivi tal-impriżi li jiġġustifikaw il-mekkaniżmi ta’ imputazzjoni reċiproka tal-aġir u tal-kapaċitajiet fi ħdan l-entità ekonomika, iżda pjuttost għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà editorjali għall-programmi kkonċernati.

36      Tali approċċ huwa kkorroborat mill-għan imfittex minn dan l-Artikolu 23, li huwa li t-telespettaturi, bħala konsumaturi, ikunu protetti minn reklamar eċċessiv. Fatt, ir-regoli dwar il-ħin ta’ xandir tar-reklamar stabbiliti mid-Direttiva 2010/13 huma intiżi li jirrikonċiljaw l-interessi finanzjarji tax-xandara televiżivi u ta’ dawk li jirreklamaw, minn naħa, u l-interessi tat-telespettaturi, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punti 17 u 18).

37      Minn dan isegwi li r-regoli dwar il-ħin massimu ta’ xandir ta’ reklamar fis-siegħa bl-arloġġ stabbiliti minn din id-direttiva jaqgħu taħt kuntest ġuridiku speċifiku u jaqgħu taħt loġika u għanijiet distinti minn dawk segwiti mir-regoli tal-kompetizzjoni jew minn dawk applikabbli għall-kuntratti pubbliċi.

38      Issa, il-kriterji applikabbli sabiex jiġu ddeterminati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jassumu r-responsabbiltà editorjali għal programm jirriżultaw mill-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2010/13. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “responsabbiltà editorjali” bħala “l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand”. B’mod partikolari għandu jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex is-setgħa tagħmel deċiżjoni finali fir-rigward tal-offerta awdjoviżiva fiha nnifisha, fatt li jimplika li hija għandha biżżejjed riżorsi materjali u umani għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tassumi tali responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance, C‑622/17, EU:C:2019:566, punti 40 u 43).

39      Minn dan isegwi li, sabiex il-programmi ta’ stazzjon tar-radju li jagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħax-xandar televiżiv ikkonċernat ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala programmi “stess” ta’ dan ix-xandar, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, l-imsemmi xandar għandu jassumi r-responsabbiltà editorjali għall-programmi inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din ir-responsabbiltà ma tistax tkun ibbażata biss fuq ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jeżistu bejn xandar televiżiv u xandar tar-radju fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji.

40      Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma jkoprix l-avviżi promozzjonali magħmula minn xandar televiżiv għal stazzjon tar-radju li jkun jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar televiżiv, ħlief jekk, minn naħa, il-programmi li jkunu s-suġġett ta’ dawn l-avviżi promozzjonali jkunu “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu sseparati mill-attività prinċipali ta’ dan l-istazzjon tar-radju u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmi xandar televiżiv jassumi r-“responsabbiltà editorjali” għalihom, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq lispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma jkoprix l-avviżi promozzjonali magħmula minn xandar televiżiv għal stazzjon tar-radju li jkun jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar televiżiv, ħlief jekk, minn naħa, il-programmi li jkunu s-suġġett ta’ dawn l-avviżi promozzjonali jkunu “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu sseparati mill-attività prinċipali ta’ dan l-istazzjon tar-radju u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmi xandar televiżiv jassumi r-“responsabbiltà editorjali” għalihom, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.