Language of document : ECLI:EU:C:2024:99

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Il-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikoli 99 u 101 – Korrezzjonijiet finanzjarji relatati ma’ irregolaritajiet misjuba – Regolament (UE) 2021/1060 – Artikolu 104 – Korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tannulla parzjalment kontribuzzjoni minn dan il-fond – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti”

Fil-Kawża C‑471/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

Agentsia “Patna infrastruktura”

vs

Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa „Transport“ 2007-2013 i direktor na direktsia « Koordinatsia na programi i proekti » v Ministerstvo na transporta (RUO),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Agentsia “Patna infrastruktura”, minn I. Ivanov,

–        għar-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Transport” 2007‑2013 i direktor na direktsia “Koordinatsia na programi i proekti” v Ministerstvo na transporta (RUO), minn M. Georgiev

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin, D. Drambozova u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 5739 final, tas‑27 ta’ Lulju 2021, li tannulla parti mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-programm operattiv “Trasport” 2007–2013 skont l-għan “Konverġenza” fil-Bulgarija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021”) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 296(3) TFUE u tal-Artikoli 98 u 100 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25 u rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248; ĠU 2007, L 145, p.38’ ĠU 2007, L 164, p. 36 u ĠU 2008, L 301, p. 40).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Agentsia “Patna infrastruktura” (l-Aġenzija tal-Infrastrutturi tat-Toroq, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“API”) u r-rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Trasport” 2007–2013 i direktor na direktsia Koordinatsia na Programi i proekti v Ministerstvo na transporta (Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operazzjonali “Trasport” 2007–2013 u direttur tad-Direttorat għall-Koordinazzjoni tal-Programmi u tal-Proġetti għall-Ministeru tat-Trasport, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“awtorità ta’ ġestjoni”), dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % tal-valur ta’ kuntratt tas‑27 ta’ Frar 2012, iffinanzjata minn sussidju mogħti fl-eżekuzzjoni tal-programm operattiv “Trasport” 2007‑2013, li din l-awtorità applikat permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

3        Il-premessa 65 tar-Regolament Nru 1083/2006 li tapplika ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kienet tistabbilixxi:

“Skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom ikollhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-implementazzjoni u l-kontroll ta' l-interventi.”

4        Skont il-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“ Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

[...]

7)      ‘irregolarità’: kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali;”.

5        L-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità ta’ ġestjoni”, kien jipprevedi:

“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:

a)      tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;

[...]”

6        L-Artikolu 70 tal-istess regolament, intitolat “Ġestjoni u kontroll”, kien jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu li:

1.      L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

a)      li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;

b)      li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni [Ewropea], u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.      Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.”

7        L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006 intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri” kien ifformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.      L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

[...]”

8        L-Artikolu 99 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kriterji għall-korrezzjonijiet”, kien jistabbilixxi:

“1.      Il-Kummissjoni tista’ tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji billi tħassar il-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha għal programm operattiv fejn, wara li jkun twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

a)      hemm nuqqas gravi fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-programm li jpoġġi f’riskju l-kontribuzzjoni Komunitarja li tkun diġà tħallset għall-programm;

b)      in-nefqa msemmija f’dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa tkun irregolari u ma tkunx ġiet korretta mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni taħt dan il-paragrafu;

ċ)      Stat Membru ma jkunx ikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 99 [98] qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni taħt dan il-paragrafu.

2.      Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolaritajiet identifikati, filwaqt li tieħu kont tan-natura sistemika ta’ l-irregolarità sabiex jiġi determinat jekk għandhiex tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa jew korrezzjoni estrapolata.

3.      Il-Kummissjoni għandha, meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ korrezzjoni, tieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolarità u l-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-programm operattiv konċernat.

4.      Fejn il-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-fatti stabbiliti minn awdituri li m’humiex dawk tas-servizzi tagħha stess, hija għandha tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji, wara li teżamina l-miżuri meħuda mill-Istat Membru konċernat taħt l-Artikolu 98(2), ir-rapporti pprovduti taħt l-Artikolu 70(1)(b), u kwalunkwe tweġiba mill-Istat Membru.

5.      Meta Stat Membru ma jikkonformax ma’ l-obbligi tiegħu kif imsemmija fl-Artikolu 15(4), il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjoni finanzjarja, skond il-grad ta’ nuqqas ta' konformità ma’ dawn l-obbligi, billi tħassar il-kontribuzzjoni kollha mill-Fondi Strutturali, jew parti minnha, għall-Istat Membru konċernat.

Ir-rata applikabbli għall-korrezzjoni finanzjarja msemmija f’dan il-paragrafu għandha tiġi stabbilita fir-regoli implementattivi ta’ dan ir-Regolament adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).”

9        L-Artikolu 100 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura”, kien jipprovdi:

“1.      Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tagħha u titlob lill-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

[...]

2.      Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe prova provduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1.

3.      Fejn l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden mill-Kummissjoni għal smigħ, li fih iż-żewġ naħat f’koperazzjoni bbażata fuq is-sħubija għandhom jagħmlu sforz sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minnhom.

[...]

5.      Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b’kont meħud ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’l-ittra ta’stedina mibgħuta mill-Kummissjoni.”

10      L-Artikolu 101 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi ta’ l-Istati Membri” kien jipprevedi:

“Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m’għandhiex tippreġudika l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jfittex l-irkupri taħt l-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-Regolament u li jirkupra l-għajnuna Statali taħt l-Artikolu [107 TFUE] u taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)].”

 Ir‑Regolament (UE) 2021/1060

11      Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU 2021, L 231, p. 104, u rettifiki fil-ĠU 2021, L 261, p. 58; ĠU 2021, L 450, p, 158; ĠU 2022, L 43, p. 93; u ĠU 2022, L 241, p. 16) jipprovdi fl-Artikolu 104 tiegħu, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni”:

“[...]

2.      Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet tagħha u tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta, fi żmien xahrejn, l-osservazzjonijiet tiegħu u li juri li fil-verità l-irregolarità hija inqas gravi minn kif tidher skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikun maqbul b’mod reċiproku, l-iskadenza tista’ tiġi estiża.

3.      Jekk l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet rilevanti kollha jkunu disponibbli biex tiġi fformulata l-bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.

4.      Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja b’kont meħud tal-grad, il-frekwenza u l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-irregolaritajiet jew in-nuqqasijiet serji, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni fi żmien 10 xhur mid-data tas-smigħ jew tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali kif meħtieġ mill-Kummissjoni.

Meta tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati.

[...]”

 Id-dritt Bulgaru

12      L-Artikolu 70 taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite strukturni i investitonnes fondove (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej, DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fondi Ewropej”) jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tista’ titneħħa kompletament jew parzjalment billi ssir korrezzjoni finanzjarja għar-raġunijiet li ġejjin:

[...]

9.      għal irregolarità li tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ nomina ta’ kontraent skont il-Kapitolu Erbgħa, imwettaq minn att jew ommissjoni tal-benefiċjarju, li għandu jew jista’ jkollu bħala effett li jippreġudika l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

10.      fir-rigward ta’ kwalunkwe irregolarità oħra li tikkostitwixxi ksur tal-liġi applikabbli tal-Unjoni u/jew Bulgara, kommessa b’att jew ommissjoni mill-benefiċjarju, li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”.

13      Skont l-Artikolu 71(1) tal-Liġi dwar il-Fondi Ewropej, “billi jsiru korrezzjonijiet finanzjarji, l-għajnuna finanzjarja mogħtija skont il-Kapitolu Tlieta tal-Fond Soċjali Ewropew tiġi rtirata, jew l-ammont tal-fondi minfuqa (spejjeż eliġibbli tal-proġett) jitnaqqas, sabiex tinkiseb jew tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li fiha l-infiq kollu ċċertifikat lill-Kummissjoni Ewropea jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni applikabbli u mal-leġiżlazzjoni Bulgara”.

14      L-Artikolu 73 tal-Liġi dwar il-Fondi Ewropej jipprevedi:

“(1)      Il-korrezzjoni finanzjarja hija ddeterminata fir-rigward tal-bażi u tal-ammont permezz ta’ deċiżjoni motivata tal-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni li approva il-proġett.

(2)      Qabel ma tadotta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jingħata l-opportunità li jippreżenta, fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, l-oġġezzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar il-bażi u l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja u, fejn xieraq, jinkludi il-provi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      L-API bbenefikat mill-programm operattiv “Trasport” 2007–2013 bis-saħħa ta’ ftehim konkluż mal-awtorità ta’ ġestjoni. B’eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, wara proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hija kkonkludiet tliet kuntratti, fejn kull wieħed kellu bħala suġġett it-tfassil u l-kostruzzjoni ta’ triq.

16      Fit‑18 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja u tat terminu ta’ xahrejn lir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Fl‑4 ta’ Diċembru 2019 saret laqgħa teknika bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru sabiex jiġu ċċarati l-pożizzjonijiet tagħhom. Inżammet ukoll seduta fit‑2 ta’ Marzu 2021, li warajha l-imsemmi Stat Membru pprovda informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

17      Permezz tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021, li r-Repubblika tal-Bulgarija hija destinatarja tagħha, il-Kummissjoni qieset li t-tliet proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi inkwistjoni kienu ġew organizzati mill-API bi ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Abbażi tal-Artikolu 99(2) u (3) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-Kummissjoni għalhekk annullat parti mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-Programm Operattiv “Trasport” 2007–2013 inkwistjoni u applikat rata fissa ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għall-infiq iddikjarat fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati minn dawn il-kuntratti pubbliċi.

18      Wara din id-deċiżjoni, l-awtorità ta’ ġestjoni bdiet, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-imsemmija kuntratti pubbliċi, proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tal-API. B’hekk, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021, hija applikat korrezzjoni finanzjarja li tammonta għal 5 % tal-valur ta’ wieħed mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni. API ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

19      Din il-qorti tiddubita l-validità tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021. Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni, minbarra li ma mmotivatx suffiċjentement din id-deċiżjoni u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni eventwali kontradizzjoni bejn l-avviż ta’ kuntratt ippubblikat inkwistjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jagħmlu parti mill-fajl ta’ sejħa għall-offerti, invokat diversi drabi ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 1), filwaqt li d-direttiva applikabbli għall-kawża li tressqet quddiemha hija d-Direttiva 2004/18.

20      Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk l-Artikolu 41 tal-Karta jippermettix lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi billi tibbaża ruħha biss fuq l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru u mhux fuq dawk tal-awtorità kontraenti, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx jikkonstataw l-irregolarità fil-kuntest ta’ proċedura awtonoma qabel ma japplikaw korrezzjoni finanzjarja, jew jekk jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-konstatazzjoni ta’ irregolarità magħmula mill-Kummissjoni, u, f’tali każ, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludix li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-miżura ta’ korrezzjoni nazzjonali tkun marbuta bil-konstatazzjoni ta’ irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-[Deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021] hija valida fid-dawl tar-rekwiżiti dwar il-ġustifikazzjoni, il-motivazzjoni, in-natura eżawrjenti u n-natura mhux unilaterali tal-verifika mwettqa konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-[Karta]?

2)      L-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jkunu legali, il-Kummissjoni ma għandhiex tistabbilixxi, tanalizza u tikklassifika l-fatti legalment sinjifikattivi kollha għall-proċedura, iżda għandha sempliċement tifforma l-konklużjonijiet tagħha abbażi biss tal-komunikazzjoni u tal-iskambju tal-pożizzjonijiet u, rispettivament tan-notifiki, mal-Istat Membru?

3)      F’sitwazzjoni bħal dik ineżami f’din il-kawża, fejn hemm involut att adottat mill-Kummissjoni Ewropea li daħal fis-seħħ u li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ irregolarità kkonstatata fl-infiq tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ tliet proċeduri separati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-korpi nazzjonali kompetenti għandhom jimplimentaw proċeduri indipendenti sabiex tiġi stabbilita irregolarità bil-għan li tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja legali konformement mal-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006?

4)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, għandu jitqies li d-dritt tal-individwi għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja mill-Istati Membri huwa rrispettat konformement mad-dritt għal amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta?

5)      F’sitwazzjoni bħal dik ineżami f’din il-kawża, fejn hemm involut att adottat mill-Kummissjoni Ewropea li daħal fis-seħħ u li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ irregolarità kkonstatata fl-infiq tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ tliet proċeduri separati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, meta tkun adita b’rikors kontra att ta’ korp nazzjonali kompetenti li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja fil-kuntest ta’ waħda minn dawn il-proċeduri ta’ għoti, hija marbuta minn dak li jkun ġie stabbilit u kkonstatat mill-Kummissjoni, jew l-imsemmija dispożizzjoni legali tirrikjedi li l-qorti għandha, fil-kuntest ta’ proċess ġudizzjarju sħiħ u permezz tal-miżuri kollha permessi mil-liġi, tistabbilixxi u tinvestiga l-fatti legalment sinjifikattivi u ċ-ċirkustanzi tat-tilwima meta tagħti deċiżjoni legali vinkolanti?

6)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-qorti nazzjonali hija marbuta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, inkluż fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmulha fih, jista’ jitqies li d-dritt għal rimedji ġudizzjarji effettivi u għal smigħ xieraq tal-persuni kkonċernati mill-korrezzjoni finanzjarja imposta huwa żgurat konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

22      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi, fit-tieni domanda tagħha, l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006, f’dan il-każ, il-Kummissjoni madankollu segwiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 104 tar-Regolament 2021/1060, peress li qieset li dan l-aħħar artikolu kien applikabbli ratione temporis fid-dawl tan-natura proċedurali tad-dispożizzjonijiet inklużi fih.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 296(2) TFUE, tal-Artikolu 41 tal-Karta u tal-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 2021/1060, id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021 hijiex ivvizzjata b’invalidità.

24      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur, mill-Kummissjoni, tad-dritt għal smigħ, iggarantit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, minħabba l-assenza ta’ smigħ tal-benefiċjarju tal-fondi, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 22 sa 27 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-awtorità ta’ ġestjoni, tal-Gvern Bulgaru u tal-Kummissjoni li, minkejja li l-Artikolu 104 tar-Regolament 2021/1060 ma jipprevedix espressament l-obbligu għall-Kummissjoni li tisma’ lill-benefiċjarju tal-fondi, kemm ir-rappreżentanti ta’ din l-awtorità kif ukoll dawk tal-API f’dan il-każ ipparteċipaw f’laqgħa teknika kif ukoll f’seduta organizzati mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, previst fl-Artikolu 296(2) TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, għandu jitfakkar li din il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tagħha, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet ta’ dan l-att u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, EPSU vs Il‑Kummissjoni, C‑928/19 P, EU:C:2021:656, punt 108).

26      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 131).

27      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Kummissjoni, wara li ppreżentat, kif jipprevedi l-Artikolu 104(2) tar-Regolament 2021/1060, il-motivi li wassluha tikkonkludi li teżisti irregolarità, fil-premessi 28 sa 36 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021, wieġbet, fil-premessi 49 sa 67 tagħha, għall-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija matul id-diversi skambji li seħħew matul il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu 104. Il-Kummissjoni għalhekk evalwat jekk il-ġustifikazzjonijiet invokati minn dan l-Istat Membru setgħux jitqiesu li jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw deroga mir-regoli tad-Direttiva 2004/18 imsemmija f’dan il-każ.

28      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità ta’ kull wieħed mit-tliet kuntratti kkonċernati mill-miżura ta’ korrezzjoni finanzjarja, mill-premessi 32, 33 u, fuq kollox, 56 sa 59 tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021 jirriżulta li l-awtorità kontraenti imponiet fuq kull membru tal-konsorzju li miegħu dawn il-kuntratti kienu ġew iffirmati, għal kull wieħed mill-imsemmija tliet kuntratti, rekwiżit identiku, jiġifieri esperjenza fil-kostruzzjoni ta’ toroq li l-istruttura tagħhom hija kapaċi ssostni piż għal kull fus ta’ 11.5 tunnellata, u dan mingħajr ma ċirkustanza eċċezzjonali ma ġġustifikatu. Il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq il-punt 91 tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266), qieset li dan ir-rekwiżit impost b’mod uniformi fuq il-membri kollha ta’ konsorzju huwa sproporzjonat, indipendentement mill-kapaċitajiet professjonali speċifiċi tagħhom fi ħdan dan il-konsorzju.

29      Il-fatt li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, din is-sentenza tirrigwarda d-Direttiva 2004/17, filwaqt li d-direttiva applikabbli fil-kawża prinċipali hija d-Direttiva 2004/18, ma jeskludix ir-rilevanza tad-Direttiva 2004/17 u lanqas tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, dawn iż-żewġ direttivi għandhom għan simili, għandhom l-istess bażijiet legali u d-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2004/18 hija fformulata bl-istess mod, bħal dik li tikkorrispondi għaliha fid-Direttiva 2004/17, peress li s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266), tirreferi barra minn hekk għas-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214), li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

30      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata kontradizzjoni bejn l-avviż ta’ kuntratt ippubblikat u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jagħmlu parti mill-fajl ta’ sejħa għall-offerti, dwar jekk il-kriterji ta’ għażla kellhomx jiġu ssodisfatti minn kull konsorzju jew individwalment minn kull membru tal-konsorzju, għandu jiġi kkonstatat li tali kontradizzjoni, jekk tiġi preżunta stabbilita, ma tqajmitx mill-partijiet matul il-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja mwettqa skont l-Artikolu 104 tar-Regolament 2021/1060. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

31      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami konġunt tal-ewwel u tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

32      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 41 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 99 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tikkonstata irregolarità, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, u tapplika, konsegwentement, korrezzjoni finanzjarja għal Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipproċedu, għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, billi japplikaw korrezzjoni finanzjarja għall-benefiċjarju tal-fondi, fi tmiem proċedura amministrattiva awtonoma,

33      Mill-Artikoli 98 u 99 tar-Regolament Nru 1083/2006, moqrija fid-dawl tal-premessa 65 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li, fl-ewwel lok, huwa l-Istat Membru li għandu jikkontrolla l-użu tajjeb tal-fondi u li jikkonstata, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ irregolarità, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-istess regolament jippreċiża għalhekk li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu korrezzjonijiet finanzjarji meta jiskopru irregolaritajiet fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet jew programmi operattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 48, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere, C‑408/16, EU:C:2017:940, punti 64 u 65).

34      Tali interpretazzjoni hija kkoroborata mill-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, li hija l-awtorità ta’ ġestjoni li għandha tissorvelja li t-tranżazzjonijiet magħżula fid-dawl ta’ finanzjament huma konformi matul il-perijodu kollu tal-implimentazzjoni tagħhom, mar-regoli tal-Unjoni u mar-regoli nazzjonali applikabbli.

35      Għalhekk huwa biss sussidjarjament, sabiex jiġi rrimedjat nuqqas tal-Istat Membru, li l-Kummissjoni hija awtorizzata, abbażi tal-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 1083/2006, tadotta miżuri ta’ korrezzjoni finanzjarja wara li tkun ikkonkludiet li Stat Membru ma ssodisfax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrilevat, fid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2021, li ebda deċiżjoni ma kienet ġiet adottata mir-Repubblika tal-Bulgarija abbażi tal-Artikolu 98 tal-imsemmi regolament.

36      Barra minn hekk, mill-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni lil Stat Membru ma taffettwax l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jipproċedi għall-irkupru, skont l-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament, tal-fondi Ewropej rċevuti indebitament mingħand il-benefiċjarji tagħhom.

37      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 70(1)(b) tar-Regolament Nru 1083/2006, li jipprovdi li l-Istati Membri, li jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi, għandhom l-obbligu li jirkupraw is-somom imħallsa indebitament, jekk ikun il-każ miżjuda bl-interessi moratorji.

38      Minn dan isegwi li, sa fejn l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirkupraw il-fondi Ewropej indebitament irċevuti minħabba abbuż jew negliġenza min-naħa tal-benefiċjarji ta’ dawn il-fondi, il-fatt li huma rrimborsaw lill-Unjoni, konformement mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħha huma destinatarji, ma jeżentahomx, bħala prinċipju, milli jirkupraw l-imsemmija fondi mingħand dawn il-benefiċjarji. (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punti 38 u 58; tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 34, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punti 44 u 45).

39      Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Istat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 101 ta’ dan ir-regolament, li jipproċedi għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament billi jadotta miżuri ta’ korrezzjoni finanzjarja, skont l-Artikolu 98(2) tal-imsemmi regolament, ħlief jekk dan l-irkupru jkun sar impossibbli minħabba nuqqas jew negliġenza ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 71).

40      Meta jadottaw tali miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 54, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, , Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 38)

41      Peress li, f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 41 tal-Karta, dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi enfasizzat li dan l-artikolu huwa indirizzat lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u mhux lill-korpi jew lill-entitajiet tal-Istati Membri, b’tali mod li individwu ma jistax jinvoka l-imsemmi artikolu fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67). Madankollu, meta Stat Membru jimplementa d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali u f’terminu raġonevoli, japplikaw fil-kuntest tal-proċedura mmexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 37).

42      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura, għandu jiġi ppreċiżat li tali dritt, sa fejn jippermetti li jiġi eżerċitat id-dritt għal smigħ, jifforma parti integrali tad-drittijiet tad-difiża, li l-osservanza tagħha tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, inkluż meta tali formalità ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli. L-għan tar-regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din tal-aħħar huwa li l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 44 sa 47 u 49).

43      Din ir-regola hija għalhekk applikabbli għal proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja, imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata irregolarità.

44      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta f’deċiżjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 99 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tikkonstata irregolarità, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2, tal-imsemmi regolament, u tapplika, konsegwentement, korrezzjoni finanzjarja għal Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, bħala prinċipju, jipproċedu għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, billi japplikaw korrezzjoni finanzjarja lill-benefiċjarju tal-fondi, wara proċedura amministrattiva awtonoma li matulha dan il-benefiċjarju seta’ jgħarraf b’mod utli u effettiv l-osservazzjonijiet tiegħu.

 Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda

45      Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tkun marbuta b’deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tannulla kompletament jew parzjalment, minħabba irregolarità, il-kontribuzzjoni ta’ fond tal-Unjoni Ewropea, meta din il-qorti tkun adita b’rikors kontra l-att nazzjonali li japplika, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, korrezzjoni finanzjarja għall-benefiċjarju ta’ dan il-fond.

46      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa kkostitwit minn diversi elementi, fosthom id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

47      Issa, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal smigħ, li jagħmel parti integrali mid-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul proċedura (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 62). Dan id-dritt ikun miksur jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ tibbaża ruħha fuq fatti u dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda minnhom, ma setgħux isiru jafu bihom u li fir-rigward tagħhom huma għalhekk ma kinux f’miżura li jieħdu pożizzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 63).

48      Bl-istess mod, il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa, bħall-prinċipju tal-kontradittorju, korollarju tad-dritt ta’ smigħ xieraq, dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha. Dan il-prinċipju jiggarantixxi għalhekk l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti kompetenti. Minn dan jirriżulta li kull dokument ipprovdut lil din il-qorti għandu jkun jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 71 u 72; tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 46, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 62).

49      Minn dan isegwi li, meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita b’rikors kontra att nazzjonali li japplika korrezzjoni finanzjarja għall-benefiċjarju ta’ fond tal-Unjoni Ewropea, adottat b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tannulla kompletament jew parzjalment il-kontribuzzjoni ta’ tali fond, minħabba irregolarità, din il-qorti għandha tkun tista’ teżamina wkoll il-validità ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Jekk l-imsemmija qorti tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, invokati mill-partijiet jew imqajma ex officio huma fondati, hija għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni (C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 144).

50      Tali mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, sa fejn jippermetti li tiġi kkontestata, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni ta’ irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, jippermetti li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, li minnu jibbenefikaw id-destinatarji tal-att nazzjonali ta’ rkupru, peress li, permezz ta’ dan l-att, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

51      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tkun marbuta b’deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tannulla kompletament jew parzjalment, minħabba irregolarità, il-kontribuzzjoni ta’ fond tal-Unjoni Ewropea, meta din il-qorti tiġi adita b’rikors kontra l-att nazzjonali li japplika, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, korrezzjoni finanzjarja għall-benefiċjarju ta’ dan il-fond, peress li hija għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-imsemmija deċiżjoni, jekk ikollha dubji dwar il-validità ta’ din tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eżami konġunt tal-ewwel u tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tadDeċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 5739 final, tas27 ta’ Lulju 2021, li tannulla parti mill-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-programm operattiv “Trasport” 2007–2013 skont l-għan “Konverġenza” fil-Bulgarija.

2)      L-Artikolu 98(2) tar- Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament 1260/1999, moqri flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ amministrazzjoni tajba, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta f’deċiżjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 99 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tikkonstata irregolarità, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2, tal-imsemmi regolament, u tapplika, konsegwentement, korrezzjoni finanzjarja għal Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, bħala prinċipju, jipproċedu għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, billi japplikaw korrezzjoni finanzjarja lill-benefiċjarju tal-fondi, wara proċedura amministrattiva awtonoma li matulha dan il-benefiċjarju seta’ jgħarraf b’mod utli u effettiv l-osservazzjonijiet tiegħu.

3)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li qorti nazzjonali tkun marbuta b’deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tannulla kompletament jew parzjalment, minħabba irregolarità, il-kontribuzzjoni ta’ fond tal-Unjoni Ewropea, meta din il-qorti tiġi adita b’rikors kontra l-att nazzjonali li japplika, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, korrezzjoni finanzjarja għall-benefiċjarju ta’ dan il-fond, peress li hija għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-imsemmija deċiżjoni, jekk ikollha dubji dwar il-validità ta’ din tal-aħħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.