Language of document : ECLI:EU:C:2023:218

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Marzu 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Deroga prevista fl-Artikolu 14(3) – Artikolu 94(2) – Ksur – Dritt għal kumpens – Regolament (KE) Nru 1768/95 – Artikolu 18(2) – Kumpens għad-dannu – Ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa kkalkolat fuq il-bażi ta’ erba’ darbiet it-tariffa tal-liċenzja – Kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea – Invalidità”

Fil-Kawża C‑522/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pfälzisches Oberlandesgericht Zweibrücken (il-Qorti Reġjonali Superjuri Palatina ta’ Zweibrücken, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

MS

vs

Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MS, minn N. Küster, Rechtsanwalt,

–        għal Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH, minn E. Trauernicht u K. von Gierke, Rechtsanwälte,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker, B. Eggers u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95 tal‑24 ta’ Lulju 1995 li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2605/98 tat-3 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 162), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1768/95”), rigward l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MS u Saatgut Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “STV”) dwar il-kalkolu tal-ammont tal-kumpens għad-dannu mġarrab minn din tal-aħħar, li jirriżulta mill-kultivazzjoni illegali tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa KWS Meridian minn MS.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 2100/94

3        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Jedd għal drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu, it-tnejn li huma – il-persuna u s-suċċessur tiegħu – hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘dak li jkabbar’, ikunu ntitolati għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.”

4        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ “id-detentur”, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ “il-materjal”, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

a)      produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

[…]

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti ta’ varjetajiet.”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deroga mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi:

“1.      Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli biss għal speċi ta’ pjanti agrikoli ta’:

[…]

b)      ċereali:

[…]

Hordeum vulgare L. – Xgħir

[…]

3.      Kondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fl-implimentazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 114, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

–        M’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni kwantitattiva tal-livell ta’ l-art tal-bidwi sal-limitu meħtieġ għall-ħtiġijiet ta’ l-art,

–        - il-prodott tal-ħsad jista’ jiġi proċessat għaż-żergħa, jew mill-bidwi nnifsu jew permezz ta’ servizzi mogħtija lilu, bla preġudizzju għal xi restrizzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dwar l-organizzazzjoni ta’ l-ipproċessar ta’ l-imsemmi prodott tal-ħsad, b’mod partikolari sabiex tiġi assigurata l-identità tal-prodott imdaħħal għall-ipproċessar b’dak li jirriżulta mill-ipproċessar,

–        bdiewa zgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur; […]

[…]

–        bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam; il-livell attwali ta’ dan il-ħlas xieraq jista’ jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista’ jsir użu mid-deroga pprovduta fil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati,

–        is-sorveljar ta’ l-aderenza mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew mad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ir-risponsabbiltà esklużiva tad-detenturi;florganizzazzjoni ta’ dak is-sorveljar jistgħu ma jipprovdux għallgħajnuna minn korpi uffiċjali,

–        it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar; it-tagħrif relevanti jista’ ugwalment jiġi pprovdut minn korpi uffiċjali involuti fis-sorveljar ta’ produzzjoni agrikola, jekk dak it-tagħrif ikun ġie miksub bil-mezz tat-tagħmil orninarju ta’ xogħolhom, mingħajr piżijiet jew spejjeż addizzjonali. […]”

6        L-Artikolu 94 tal-istess regolament, intitolat “Ksur tal-liġi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull min:

a)      jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti; jew

[…]

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.      Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

7        L-Artikolu 114 tad-Direttiva 2100/94, intitolat “Regoli oħrajn ta’ l-implimentazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Regoli dettaljati ta’ l-implimentazzjoni għandhom jiġu adottati għall-għan ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. […]”

 Ir-Regolament Nru 1768/95

8        Ir-Regolament Nru 1768/95 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regolament Nru 2100/94.

9        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95, intitolat “Livell ta’ ħlas”, jipprovdi:

“1.      Il-livell ta’ ħlas ġust li jrid isir lid-detentur skond l-Artikolu 14(3), ir-raba’ inìż, tar-Regolament [Nru 2100/94] jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.

2.      Meta kuntratt bħal dan ma’ jkunx ġie finalizzat jew ma japplikax il-livell ta’ ħlas għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li jikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona.

[…]

4.      Meta fil-każ tal-paragrafu 2 il-livell tal-ħlas ikun soġġett għal xi ftehim bejn l-organizzazzjonijiet tas-sidien u l-bdiewa, […] il-livelli miftehma għandhom ikunu wżati bħala linji ta’ gwida biex jiġi stabbilit il-ħlas li għandu jsir fiż-żona u għall-ispeċji konċernati, jekk dawk il-livelli u l-kondizzjonijiet tagħhom jkunu ġew notifikati bil-miktub lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet rappresentattivi ta’ l-organizzazzjonijiet rilevanti u jekk fuq il-bażi tal-livelli miftehma u l-kondizzjonijiet tagħhom jkunu ġew pubblikat […].

5.      Meta fil-każ tal-paragrafu 2 xi ftehim li għalih jirriferi l-paragrafu 4 ma jkunx japplika, il-ħlas li għandu jsir għandu jkun ta’ 50 % tal-ammont imħallas għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2.

Iżda, jekk xi Stat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni qabel 1 ta’ Jannar 1999 bil-konkluzjoni imminenti ta’ xi ftehim li għalih jirreferi l-paragrafu 4 bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti mwaqqfa f’livell nazzjonali jew reġjonali, il-ħlas li għandu jsir f’dik ż-żona u għall-ispeċji konċernati għandu jkun ta’ 40 % minflok ta’ 50 % kif speċifikat fuq, iżda biss dwar l-użu ta’ l-eżenzjoni agrikola magħmula qabel l-implimentazzjoni ta’ dak il-ftehim u mhux aktar tard mill-1 ta’ April 1999.

[…]

10      L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Abbuż”, jipprevedi:

“Id-detentur jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtijin lilu permezz tad-dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanti kontra xi persuna li tikser xi kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li qegħdin mad-deroga skond l-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 2100/94] kif imsemmi f’dan ir-Regolament.”

11      L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pretensjonijiet speċjali skond il-liġi ċivili”, jipprevedi:

“1.      Persuna msemmija fl-Artikolu 17 tista’ titħarrek mid-detentur sabiex jitwettqu l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament [Nru 2100/94] kif imsemmi f’dan ir-Regolament.

2.      Jekk din il-persuna ripetutament u intenzjonalment ma ħarsitx l-obbligu tagħha skond l-Artikolu 14(3) ir-raba’ inċiż tar-Regolament [Nru 2100/94], f’waħda jew iktar varjetajiet ta’ l-istess detentur, l-obbligu ta’ kumpens lid-detentur għall kull ħsara oħra li tista’ ssir skond l-Artikolu 94(2) tar-Regolament [Nru 2100/94] għandu jkopri mill-inqas somma waħda li tkun kalkolata fuq il- bażi ta’ medja moltiplikata għal erbgħa darbiet, ta’ l-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ kwantità korrispondenti ta’ materjal riproduttiv ta’ varjetajiet prottetti ta’ l-ispeċi ta’ pjanti konċernati fl-istess lokalità, bla ħsara għall-ħlas ta’ kumpens għal xi dannu ikbar.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      STV hija grupp ta’ detenturi ta’ varjetajiet tal-pjanti protetti, li huwa inkarigat mill-membri tiegħu li jiddefendi d-drittijiet tagħhom u, b’mod partikolari, li jressaq f’ismu stess talbiet għal informazzjoni kif ukoll talbiet għal ħlas.

13      MS huwa bidwi li kkultiva, matul l-erba’ staġuni ta’ kummerċjalizzazzjoni 2012/2013 sa 2015/2016, il-varjetà tax-xgħir tax-xitwa KWS Meridian, protetta skont ir-Regolament Nru 2100/94.

14      STV ippreżentat rikors sabiex tikseb b’mod partikolari informazzjoni dwar din il-kultivazzjoni. MS ipprovda, għall-ewwel darba quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, iċ-ċifri relatati mal-operazzjonijiet tal-għażla ta’ din iż-żerriegħa tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa KWS Meridian għal dawn l-erba’ staġuni, jiġifieri, rispettivament, kwantitajiet ta’ 24.5, 26, 34 u 45.4 qantar ta’ żerriegħa.

15      MS għalhekk ħallas, għall-istaġuni ta’ kummerċjalizzazzjoni 2013/2014 sa 2015/2016, ammonti korrispondenti għat-tariffa dovuta għall-użu liċenzjat ta’ żrieragħ tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa KWS Meridian u kkalkolata bl-istess mod bħal dik għall-istaġun ta’ kummerċjalizzazzjoni 2015/2016, fejn dan l-ammont jikkorrispondi għall-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

16      STV talbet, għat-tliet staġuni ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni, il-ħlas ta’ danni addizzjonali, sa erba’ darbiet din it-tariffa, bħala kumpens previst fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1768/95 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”), billi jitnaqqas minn dan l-ammont dak li jikkorrispondi għall-imsemmija tariffa mħallsa minn MS għal dawn it-tliet staġuni.

17      MS ikkontesta d-dritt ta’ STV għal tali ħlas. F’dan ir-rigward, huwa sostna, essenzjalment, li d-dannu kkawżat lil STV kien ġie kkumpensat bil-ħlas tal-kumpens raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, minflok il-ħlas tal-ammont dovut għall-kultivazzjoni, stabbilit konformement mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95. Huwa sostna wkoll li l-impożizzjoni ta’ danni punittivi, ġenerali u addizzjonali, ma kinitx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2020, il-Landgericht Kaiserslautern (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaiserslautern, il-Ġermanja) essenzjalment laqgħet it-talba ta’ STV, filwaqt li ppreċiżat li rreferiet għat-termini ċari tad-dispożizzjoni kkontestata.

19      MS appella din is-sentenza quddiem il-Pfälzisches Oberlandesgericht Zweibrücken (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Zweibrücken, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. Skont MS, id-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi invalidata, minħabba li ma hijiex konformi mal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, li ma jawtorizzax l-allokazzjoni, lid-detentur, ta’ danni punittivi fil-forma ta’ somma f’daqqa, ekwivalenti, f’dan il-każ, għal erba’ darbiet it-tariffa li tkun dovuta għall-produzzjoni liċenzjata (iktar ’il quddiem it-“tariffa tal-liċenzja”).

20      STV issostni li d-dispożizzjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni li hija għandha tadotta tiddependi esklużivament mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex valida. Wara li fakkret li regolament adottat b’applikazzjoni ta’ regolament bażiku, skont awtorizzazzjoni li tinsab fih, ma jistax jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, li minnu huwa dderivat, bir-riskju, jekk le, li jiġi annullat, hija tosserva li d-dispożizzjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ffissat il-livell tal-kumpens minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa sa erba’ darbiet it-tariffa tal-liċenzja, tista’ tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u hija invalida f’dan is-sens.

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex jiġi kkumpensat il-vantaġġ miksub mill-awtur tal-ksur l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi kumpens raġonevoli, li jikkorrispondi għall-ammont tat-tariffa tal-liċenzja. F’dan il-kuntest, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament jista’ jkollha tiġi interpretata fis-sens li d-detentur jista’ jkollu dritt għal kumpens addizzjonali, fil-każ ta’ ksur intenzjonat jew b’negliġenza, biss jekk juri konkretament tali dannu. Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-iffissar, permezz ta’ regola ġenerali, ta’ livell ta’ dannu minimu ma huwiex kompatibbli mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

23      Huwa f’dan il-kuntest li l-Pfälzisches Oberlandesgericht Zweibrücken (il-Qorti Reġjonali Superjuri Palatina ta’Zweibrücken) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 18(2) tar-Regolament [Nru 1768/95], sa fejn jipprovdi li livell minimu ta’ kumpens ekwivalenti għall-kwadruplu tat-tariffa tal-liċenzja jista’ jintalab taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fih, huwa kompatibbli mar-Regolament [Nru 2100/94], b’mod partikolari mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tiegħu?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma ssostni b’mod espliċitu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, tosserva li ċ-ċirkustanzi madwar il-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, huma ftit ċari. Hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94, b’mod partikolari dawk dwar l-użu tal-prodott tal-ħsad ta’ varjetà protetta għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, għal għanijiet ta’ propagazzjoni, fl-għalqa, fuq l-art tal-bidwi, kinux issodisfatti matul l-istaġuni ta’ kummerċjalizzazzjoni 2013/2014 sa 2015/2016.  Hija ssostni li, jekk dan ma huwiex il-każ, din id-dispożizzjoni u d-dispożizzjoni kkontestata ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u r-risposta għad-domanda preliminari ma hijiex deċiżiva f’dan ir-rigward. Hija tenfasizza madankollu li l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet fattwali stabbiliti f’dan l-Artikolu 14 humiex osservati għandha tiġi evalwata biss mill-qorti tar-rinviju, li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-fatti rilevanti kollha.

25      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, sa fejn id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha dubji mhux fuq ir-rilevanza tad-dispożizzjoni kkontestata sabiex tapplika għall-kawża prinċipali, iżda fuq il-validità tagħha fir-rigward tar-Regolament Nru 2100/94 u, b’mod partikolari, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tiegħu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li MS sostna, fl-ewwel istanza, li d-dannu kkawżat lil STV kien ġie kkumpensat bil-ħlas tal-kumpens raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, minflok il-ħlas tal-ammont dovut skont il-kultivazzjoni, stabbilit konformement mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna l-livell ta’ ħlas xieraq li għandu jitħallas lid-detentur skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, li jippreżupponi li l-kundizzjonijiet sabbiliti fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk dwar l-użu tal-prodott tal-ħsad ta’ varjetà protetta sabiex titħares il-produzzjoni agrikola, għal għanjiet ta’ propagazzjoni, fl-għalqa, fuq l-art tal-bidwi, huma ssodisfatti. Fl-aħħar jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-partijiet fil-kawża prinċipali jikkontestaw biss l-ammont tad-danni li għandhom jitħallsu minħabba kultivazzjoni mhux awtorizzata.

28      Għaldaqstant, ma jidhirx, u iktar u iktar b’mod manifest, li l-evalwazzjoni ta’ validità mitluba mil-qorti tar-rinviju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

29      B’konsegwenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

30      Permezz tad-domanda waħda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex valida fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn tipprevedi, f’każ ta’ ksur repetut u intenzjonali tal-obbligu li jitħallas il-ħlas xieraq, dovut skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, kumpens għad-dannu mġarrab mid-detentur li jirrappreżenta tal-inqas ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa kkalkolat fuq il-bażi ta’ erba’ darbiet l-ammont medju miġbur għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet tal-pjanti protetti tal-ispeċi veġetali kkonċernata fl-istess reġjun.

31      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzjoni tad-detentur hija meħtieġa, fir-rigward ta’ kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, b’mod partikolari għall-produzzjoni jew għar-riproduzzjoni (multiplikazzjoni).

32      Madankollu, sabiex titħares il-produzzjoni agrikola, l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, b’deroga mill-obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-detentur, il-bdiewa jistgħu jużaw, għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad miksub permezz tal-kultivazzjoni fuq l-art tagħhom, ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti, inklużi fil-lista tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli elenkati fl-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament. L-applikazzjoni ta’ din id-deroga hija suġġetta li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.

33      L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, minn naħa, jipprovdi li dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 114 ta’ dan ir-regolament, abbażi ta’ kriterji li jippermettu li jingħata effett lil din id-deroga u li jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar, iddefinit fl-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament, u tal-bidwi u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi dawn id-diversi kriterji. Fost dawn tal-aħħar hemm dak stabbilit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament li jikkonsisti fil-ħlas, lid-detentur, ta’ ħlas xieraq derogatorju dovut skont dan l-użu (iktar ’il quddiem il-“ħlas xieraq derogatorju”). Dan il-ħlas għandu jkun b’mod sinjifikattiv inqas mill-ammont tat-tariffa tal-liċenzja.

34      Bidwi li jaqa’ taħt ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 iżda li ma jħallasx ir-remunerazzjoni msemmija fih lid-detentur ma jistax jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament u għandu jitqies li jwettaq, mingħajr ma jkun ġie awtorizzat, wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament, dan il-bidwi jista’ jiġi mħarrek mid-detentur sabiex jitneħħa dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn. F’każ li jaġixxi intenzjonalment jew b’mod negliġenti, il-bidwi huwa obbligat, barra minn hekk, li jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-imsemmi detentur, konformement mal-Artikolu 94(2) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, Saatgut-Treuhandverwaltung, C‑242/14, EU:C:2015:422, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sa fejn ir-Regolament Nru 1768/95 huwa intiż li jippreċiża l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta l-miżuri ta’ applikazzjoni kollha neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament, madankollu sakemm, b’mod partikolari, ma jkunux kuntrarji għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi ddeterminat jekk, billi pprovdiet, permezz tad-dispożizzjoni kkontestata, ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa għal kumpens tad-dannu mġarrab mid-detentur, il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 jibbaża dritt għal kumpens favur id-detentur tal-jedd għal drittijiet Komunitarji ta’ varjetà ta’ pjanta li huwa, mhux biss sħiħ, iżda jistrieħ, barra minn hekk, fuq bażi oġġettiva, jiġifieri jkopri biss id-dannu li jirriżulta minn ta’ att ta’ ksur ta’ din il-kisba, mingħajr ma dan l-artikolu jista’ jservi bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa addizzjonali minħabba ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punti 33 u 43).

37      Għalhekk, l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jistax jiġi interpretat sabiex jista’ jservi ta’ bażi legali, għall-benefiċċju ta’ dan id-detentur, għall-kundanna tal-awtur tal-ksur għal danni ta’ natura punittiva, iffissati b’rata fissa (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 34).

38      Għall-kuntrarju, il-portata tal-kumpens dovut skont dan l-Artikolu 94 għandha tirrifletti b’mod preċiż, sa fejn ikun possibbli, id-danni reali u ċerti sostnuti mill-imsemmi detentur minħabba l-ksur (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 35).

39      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu l-għan li jikkumpensa finanzjarjament il-vantaġġ li jikseb l-awtur tal-ksur, fejn dan il-vantaġġ jikkorrispondi mal-ammont ekwivalenti għat-tariffa tal-liċenzja li huwa ma kienx ħallas. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix il-kumpens għal danni ħlief dawk marbuta man-nuqqas tal-ħlas ta’ “kumpens raġonevoli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jikkonċerna d-dannu li l-awtur tal-ksur “b’żieda” huwa obbligat li jikkumpensa lid-detentur fil-każ ta’ ksur imwettaq “intenzjonalment jew b’mod traskurat” (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 32).

41      Fir-rigward tal-portata tal-kumpens għad-dannu subit, previst fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li huwa d-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur li għandu jipproduċi l-provi li juru li d-dannu tiegħu jeċċedi l-elementi koperti mill-kumpens raġonevoli previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 56).

42      F’dan ir-rigward, l-ammont tat-tariffa tal-liċenzja ma jistax iservi bħala bażi għall-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu. Fil-fatt, tali tariffa tippermetti l-kalkolu tal-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u ma għandhiex neċessarjament rabta mad-dannu li jibqa’ mhux ikkumpensat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 57).

43      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti adita li għandha tevalwa jekk id-danni invokati mid-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur, jistgħux jiġu pprovati bi preċiżjoni jew jekk hemmx lok li jsir l-iffissar ta’ ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa, li jirrifletti għall-aħjar ir-realtà ta’ dawn id-danni (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 59).

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-validità, fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, tad-dispożizzjoni kkontestata.

45      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni kkontestata tistabbilixxi ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa kkalkolat b’riferiment għall-ammont medju tat-tariffa tal-liċenzja, filwaqt li l-ammont ta’ din it-tariffa ma jistax iservi per se bħala bażi għall-evalwazzjoni tad-dannu skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

46      Fit-tieni lok, l-istabbiliment ta’ ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-kumpens tad-dannu mġarrab mid-detentur jimplika, kif indikat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan id-detentur ma huwiex obbligat li jipprova l-portata tad-dannu subit, iżda biss l-eżistenza ta’ ksur, repetut u intenzjonali, tad-drittijiet tiegħu. Issa, kif tfakkar fil-punti 38 u 41 ta’ din is-sentenza, il-kumpens skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jirrifletti preċiżament, sa fejn huwa possibbli, id-danni reali u ċerti subiti minn tali detentur li għandu jipproduċi l-provi li juru li d-dannu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jeċċedi l-elementi koperti mill-kumpens raġonevoli previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

47      L-istabbiliment ta’ ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa jimplika wkoll li tiġi stabbilita preżunzjoni inkonfutabbli fir-rigward tal-portata minima ta’ dan id-dannu u jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti, peress li din tal-aħħar tista’ biss iżżid l-ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa stabbilit mid-dispożizzjoni kkontestata, iżda mhux tnaqqsu, u dan, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fit-tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta dwar dan il-punt, anki jekk id-dannu reali jista’ jiġi faċilment stabbilit u jirriżulta li huwa inqas minn dan l-ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa.

48      Fl-aħħar, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-kumpens skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jista’ jiġi ffissat fil-forma ta’ somma f’daqqa biss abbażi ta’ evalwazzjoni tal-qorti adita. Għaldaqstant, billi tipprevedi ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa sabiex jiġi kkumpensat id-dannu mġarrab mid-detentur, id-dispożizzjoni kkontestata tillimita wkoll f’dan ir-rigward is-setgħa diskrezzjonali ta’ din il-qorti.

49      Fit-tielet lok, filwaqt li, kif tfakkar fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tal-kumpens dovut skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandha tirrifletti preċiżament, sa fejn huwa possibbli, id-danni reali u ċerti subiti mid-detentur, mingħajr ma twassal għal kundanna ta’ natura punittiva, id-dispożizzjoni kkontestata tista’, billi tistabbilixxi l-livell tal-kumpens għal tali dannu għal ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa kkalkolat fuq il-bażi ta’ erba’ darbiet l-ammont medju tat-tariffa tal-liċenzja, twassal għall-għoti ta’ danni ta’ natura punittiva.

50      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (C‑367/15, EU:C:2017:36), kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), filwaqt li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1768/95, li hija miżura ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 u li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandha f’dan ir-rigward tkun konformi ma’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 94(2) tiegħu. Minbarra dan, din id-direttiva tikkonċerna d-drittijiet ta’ propjetà intellettwali kollha, u mhux biss id-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, u d-diversità tal-ħsara u ksur possibbli tad-drittijiet li hija tkopri hija wiesgħa. Għaldaqstant, anki jekk l-imsemmija direttiva tista’ skont il-każ, tikkostitwixxi element ta’ kuntest rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94, għandu madankollu jiġi evitat li tingħata, taħt kopertura ta’ interpretazzjoni kuntestwali ta’ dan ir-regolament, portata lilu li ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tiegħu u mal-iskop tiegħu fir-rigward tas-sistema ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

51      Hekk kif jirriżulta mill-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza, sa fejn hija tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens dovut fir-rigward tat-tariffa tal-liċenzja, tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli fir-rigward tal-portata minima tad-dannu mġarrab mid-detentur u tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti adita, id-dispożizzjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt, sostnut minn STV u mill-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni tapplika biss f’każ ta’ ksur repetut u intenzjonali tal-obbligu ta’ ħlas tal-ħlas xieraq derogatorju previst fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni. Għalhekk, bl-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni tagħha.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-dispożizzjoni kkontestata hija invalida, fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn tipprevedi, f’każ ta’ ksur repetut u intenzjonali tal-obbligu li jitħallas il-ħlas xieraq derogatorju, dovut skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, kumpens għad-dannu subit mid-detentur li jirrappreżenta tal-inqas ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa kkalkolat abbażi tal-erba’ darbiet l-ammont medju miġbur għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi veġetali kkonċernata fl-istess reġjun.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95 tal24 ta’ Lulju 1995 li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98 tat3 ta’ Diċembru 1998, huwa invalidu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.