Language of document : ECLI:EU:C:2023:369

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Mejju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data għall-ipproċessar tad-data personali – Artikolu 15(3) – Fornitura ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ ‘kopja’ – Kunċett ta’ ‘informazzjoni’”

Fil-Kawża C‑487/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

F.F.

vs

Österreichische Datenschutzbehörde,

fil-preżenza ta’:

CRIF GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F.F., minn M. Schrems,

–        għal Österreichische Datenschutzbehörde, minn A. Jelinek u M. Schmidl, bħala aġenti,

–        għal CRIF GmbH, minn L. Feiler u M. Raschhofer, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F.F. u l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem id-“DSB”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li timponi fuq CRIF GmbH li tittrażmetti lil F.F. kopja tad-dokumenti u estratti ta’ databases li fihom, fost oħrajn, id-data personali tiegħu li huwa s-suġġett ta’ pproċessar.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-premessi 10, 11, 26, 58, 60 u 63 tar-RĠPD huma redatti kif ġej:

“(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

(11)      Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali […]

[…]

(26)      Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. […] Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. […]

[…]

(58)      Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni indirizzata lill-pubbliku jew lis-suġġett tad-data tkun konċiża, aċċessibbli faċilment u faċli li tinftiehem, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi […]

[…]

(60)      Il-prinċipji ta’ pproċessar ġust u trasparenti jeħtieġu li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-għanijiet tagħha. Il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali. […]

[…]

(63)      Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. […] Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data personali, fejn possibbli il-perijodu li għalih id-data personali tiġi pproċessata, ir-riċevituri tad-data personali, il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku tad-data personali u, għallinqas meta bbażata fuq it-tfassil ta’ profili, il-konsegwenzi ta’ dan l-ipproċessar. Fejn possibbli, il-kontrollur għandu jkun jista’ jipprovdi aċċess mill-bogħod għal sistema sikura li tipprovdi lis-suġġett tad-data b’aċċess dirett għad-data personali tiegħu. Dak id-dritt ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b’mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software. […]”

4        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      “‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali […];.

[…]”

5        L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jipprevedi:

“1.      Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b’mezzi oħra.

[…]

3.      Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. […] Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b’mezzi f’forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

a)      il-finijiet tal-ipproċessar;

b)      il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;

c)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

d)      fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

e)      l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

f)      id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

g)      fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

h)      l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

2.      Fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.

3.      Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b’mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni.

4.      Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

7        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għar-rettifika”, jipprovdi:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta’ data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B’kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.”

8        L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed […]

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        CRIF hija aġenzija ta’ informazzjoni kummerċjali li tipprovdi, fuq talba tal-klijenti tagħha, informazzjoni dwar is-solvenza ta’ terzi. Għal dan il-għan, hija tipproċessa d-data personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

10      Fl‑20 ta’ Diċembru 2018, dan tal-aħħar talab lil CRIF, abbażi tal-Artikolu 15 tar-RĠPD, li jkollu aċċess għad-data personali li tikkonċernah. Barra minn hekk, huwa talab il-fornitura ta’ kopja tad-dokumenti, jiġifieri ittra elettroniċi u l-estratti ta’ databases, li fihom, fost oħrajn, id-data tiegħu, “f’forma elettronika użata b’mod komuni”.

11      B’risposta għal din it-talba, CRIF ittrażmettiet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, taħt forma sintetika, il-lista tad-data personali tiegħu li hija s-suġġett tal-ipproċessar.

12      Jekk jitqies li CRIF kien imissha tittrażmettielu kopja tad-dokumenti kollha li fihom id-data tiegħu, bħall-ittri elettroniċi u l-estratti tad-databases, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali adixxa lil DSB b’ilment.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2019, id-DSB ċaħdet dan l-ilment, billi kkunsidrat li CRIF ma kienet wettqet ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

14      Il-qorti tar-rinviju, adita bir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni, tistaqsi dwar il-portata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk l-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni li tipprovdi “kopja” tad-data personali hija ssodisfatta meta l-kontrollur ittrażmetta data personali fil-forma ta’ tabella sintetika jew jekk dan l-obbligu jimplika wkoll li jiġu trażmessi l-estratti tad-dokumenti saħansitra dokumenti sħaħ, kif ukoll estratti ta’ databases, li fihom din id-data hija riprodotta.

15      Iktar preċiżament, din il-qorti tagħmel id-domanda li ssir taf jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD sempliċement tiddefinixxi l-forma li fiha d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi żgurat, jew jekk din l-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi dritt awtonomu tal-persuna kkonċernata għall-aċċesss għall-informazzjoni dwar il-kuntest li fih id-data ta’ din il-persuna hija pproċessata, taħt forma ta’ kopja tal-estratti ta’ dokumenti jew saħansitra dokumenti sħaħ jew estratti ta’ databases li fihom, fost oħrajn, din id-data.

16      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minbarra dan, jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni” li jidher fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jinkludi wkoll informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) ta’ dan ir-regolament, saħansitra informazzjoni supplimentari bħal metadata marbuta mad-data, jew jekk hija tinkludi biss id-“data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmi regolament.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘kopja’ li jinsab fl-Artikolu 15(3) tar-‘RĠPD’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal fotokopja, faks jew kopja elettronika ta’ data (elettronika), jew jinkludi wkoll, skont id-definizzjoni mogħtija mid-dizzjunarju Ġermaniż, Franċiż u Ingliż, ‘Abschrift’, ‘double’ (‘duplicata’) jew ‘transcript’?

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li tipprovdi li ‘[i]l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’, għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-persuna kkonċernata dritt ġenerali sabiex tingħata kopja – ukoll – tad-dokumenti kollha li fihom id-data personali tal-persuna kkonċernata hija pproċessata, jew ukoll, meta d-data personali ttrattata f’database, sabiex tingħata kopja ta’ estratt ta’ din id-database, jew tipprevedi għall-persuna kkonċernata – biss – dritt għar-riproduzzjoni fidila tal-oriġinal tad-data personali li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD?

3)      Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta fis-sens li għall-persuna kkonċernata hemm biss dritt għar-riproduzzjoni fidila tal-oriġinal ta’ data personali li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) [tiegħu] għandha tiġi interpretata fis-sens li minħabba n-natura tad-data pproċessata [pereżempju, id-data relatata mad-dijanjosi, mar-riżultati ta’ eżamijiet u mal-evalwazzjonijiet, imsemmija fil-premessa 63 tar-RĠPD, jew ukoll dik relatata ma’ dokumenti oħra marbuta ma’ eżami fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994),] u l-prinċipju ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, jista’ madankollu jkun neċessarju, f’każ partikolari, li l-persuna kkonċernata tiġi pprovduta wkoll b’siltiet minn testi jew b’dokumenti sħaħ?

4)      Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lill-persuna kkonċernata, meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm [din ma titlobx] mod ieħor’, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għad-‘data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’ imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD?

a)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda: il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lill-persuna kkonċernata, meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm [din ma titlobx] mod ieħor’, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD?

b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva wkoll għall-parti a) tar-raba’ domanda: il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lill-persuna kkonċernata meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm [din ma titlobx] mod ieħor’, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi pereżempju, minbarra għad-‘data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’ u għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD, għal metadata relatata?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel sattielet domanda preliminari

18      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, moqrija fid-dawl tal-prinċipju tat-trasparenza prevista fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali li qiegħda tiġi pproċessata timplika li tintbagħat lill-persuna kkonċernata mhux biss kopja ta’ din id-data, iżda wkoll kopja tal-estratti ta’ dokumenti saħansitra ta’ dokumenti sħaħ jew ukoll ta’ estratti ta’ databases li fihom, fost oħrajn, l-imsemmija data. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-portata ta’ dan id-dritt.

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet mfittxija mill-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Vodafone Kabel Deutschland, C‑484/20, EU:C:2021:975, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 28).

20      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-kontrollur “għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata”.

21      Għalkemm ir-RĠPD ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “kopja” hekk użata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens abitwali ta’ dan it-terminu, li jindika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riproduzzjoni jew it-traskrizzjoni fidila ta’ oriġinal, b’tali mod li deskrizzjoni purament ġenerali tad-data li tkun is-suġġett ta’ pproċessar jew riferiment għal kategoriji ta’ data personali ma tkunx tikkorrispondi għal din id-definizzjoni, Barra minn hekk, mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-obbligu ta’ komunikazzjoni huwa marbut mad-data personali li hija s-suġġett tal-ipproċessar inkwistjoni.

22      Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data personali” bħala li tindika, “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” u jippreċiża li “persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

23      L-użu tal-espressjoni “kull informazzjoni” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi sens wiesa’ lil dan il-kunċett, li potenzjalment jiġbor fih kull tip ta’ informazzjoni, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva fil-forma ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn “jikkonċernaw” lill-persuna inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 34).

24      F’dan ir-rigward, ġie deċiż li informazzjoni tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-għan jew l-effett tagħha, din tkun relatata ma’ persuna identifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 35).

25      Fir-rigward tan-natura “identifikabbli” ta’ persuna fiżika, il-premessa 26 tar-RĠPD tippreċiża li għandhom jitqiesu “l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament”.

26      Għalhekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “data personali” ma tkoprix biss id-data miġbura u miżmuma mill-kontrollur, iżda tinkludi wkoll l-informazzjoni kollha li tirriżulta minn ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna persuna identifikata jew identifikabbli, bħall-evalwazzjoni tas-solvenza tagħha jew tad-dispożizzjoni tagħha li għandha titħallas.

27      F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett ta’ “ipproċessar”, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, portata wiesgħa billi jirrikorri għal lista ta’ operazzjonijiet mhux eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).

28      Għaldaqstant, mill-analiżi testwali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tikseb riproduzzjoni fidila tad-data personali tagħha, mifhuma f’sens wiesa’, li hija s-suġġett ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala pproċessar imwettaq mill-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar.

29      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi sa fejn ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar eventwali dritt li tinkiseb mhux biss kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, iżda wkoll kopja tal-estratti ta’ dokumenti jew dokumenti sħaħ jew ukoll estratti minn databases li jinkludu, fost oħrajn, din id-data.

30      Fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tar-RĠPD, li huwa intitolat “id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jiddefinixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess irrikonoxxut lis-suġġett tad-data u jistabbilixxi fih id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jikseb mingħand il-kontrollur l-aċċess għad-data personali tiegħu kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (h) ta’ dan il-paragrafu.

31      L-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jispeċifika l-modalitajiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu impost fuq il-kontrollur, billi jispeċifika b’mod partikolari fl-ewwel sentenza tiegħu l-forma li fiha dan il-kontrollur għandu jipprovdi d-“data personali li tkun qed tiġi pproċessata”, jiġifieri fil-forma ta’ “kopja”. Barra minn hekk, dan il-paragrafu jistabbilixxi, fit-tielet sentenza tiegħu, li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika ta’ użu komuni meta t-talba titressaq b’mod elettroniku, sakemm is-suġġett tad-data ma jitlobx mod ieħor.

32      Konsegwentement, l-Artikolu 15 tar-RĠPD ma jistax jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tiegħu, dritt distint minn dak previst fil-paragrafu 1 tiegħu. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kelma “kopja” ma tirreferix għal dokument bħala tali, iżda għad-data personali li fih u li għandha tkun kompleta. Għalhekk, il-kopja għandha tinkludi d-data personali kollha li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

33      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tar-RĠPD, għandu jiġi rrilevat li dan għandu l-għan, kif tippreċiża l-premessa 11 tiegħu, li jsaħħaħ u jippreċiża d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, f’dan ir-rigward, dritt li tinkiseb kopja, b’differenza mit-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 15, p. 355), li sempliċement jeżiġi “komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata”. Il-premessa 63 tar-RĠPD tippreċiża, min-naħa tagħha, li “[s]uġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar”.

34      Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15 tar-RĠPD għandu jippermetti lis-suġġett tad-data li jiżgura li d-data personali li tikkonċernah tkun eżatta u li tiġi pproċessata b’mod legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ data personali), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      B’mod partikolari, dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju sabiex jippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita, jekk ikun il-każ, id-dritt tiegħu għar-rettifika, id-dritt tiegħu għat-tħassir (“dritt li wieħed jintesa”) u, id-dritt tiegħu għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, li huma rrikonoxxuti lilu, rispettivament, mill-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RGDP, kif ukoll id-dritt tiegħu li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu, previst fl-Artikolu 21 tar-RĠPD, id-dritt tiegħu għal rimedju fil-każ ta’ dannu mġarrab, previst fl-Artikoli 79 u 82 tar-RĠPD (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ data personali), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-premessa 60 tar-RĠPD tiddikjara li l-prinċipju ta’ pproċessar ġust u trasparenti jeżiġi li s-suġġett tad-data jiġi informat bl-eżistenza tal-operazzjoni ta’ pproċessar u l-għanijiet tagħha, filwaqt li jiġi enfasizzat li l-kontrollur għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari u tal-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali.

37      Barra minn hekk, konformement mal-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li għalih tirreferi l-premessa 58 tar-RĠPD u li tistabbilixxi espressament l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, kull informazzjoni indirizzata lis-suġġett tad-data għandha tkun konċiża, faċilment aċċessibbli u faċli li tinftiehem, u fformulata f’termini ċari u sempliċi.

38      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kontrollur għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jipprovdi lis-suġġett tad-data kull informazzjoni msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15 tar-RĠPD, b’mod konċiż, trasparenti, komprensibbli u faċilment aċċessibbli, f’termini ċari u sempliċi, u li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezz elettroniku, sakemm is-suġġett tad-data ma jitlobx li din tiġi pprovduta bil-fomm. Din id-dispożizzjoni, li hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandha l-għan li tiggarantixxi li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tifhem b’mod sħiħ l-informazzjoni indirizzata lilha.

39      Minn dan jirriżulta li l-kopja tad-data personali li hija s-suġġett ta’ pproċessar, li l-kontrollur għandu jipprovdi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandu jkollha l-karatteristiċi kollha li jippermettu lis-suġġett tad-data jeżerċita effettivament id-drittijiet tiegħu taħt dan ir-regolament u għandu, konsegwentement, jirriproduċi din id-data b’mod sħiħ u preċiż.

40      Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-għan ta’ dan ir-regolament, li huwa intiż b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 10 tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni u, għal dan l-għan, li jiżgura applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, X‑FAB Dresden, C‑453/21, EU:C:2023:79, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta b’dan il-mod tkun tista’ tinftiehem faċilment, kif jeżiġi l-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-premessa 58 ta’ dan ir-regolament, ir-riproduzzjoni ta’ estratti ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti sħaħ jew anki ta’ estratti ta’ databases li jinkludu, fost oħrajn, id-data personali li tkun is-suġġett ta’ pproċessar tista’ tirriżulta indispensabbli, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ fejn il-kuntestwalizzazzjoni tad-data pproċessata tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata l-komprensibbiltà tagħha.

42      B’mod partikolari, meta data personali tiġi ġġenerata minn data oħra jew meta tali data tirriżulta minn oqsma liberi, jiġifieri assenza ta’ indikazzjoni li tiżvela informazzjoni dwar is-suġġett tad-data, il-kuntest li fih din id-data tkun is-suġġett ta’ pproċessar huwa element indispensabbli sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jkollu aċċess trasparenti u preżentazzjoni li tinftiehem ta’ din id-data.

43      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 15(4) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-premessa 63 ta’ dan ir-regolament, id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, inkluż is-sigriet kummerċjali jew il-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari d-drittijiet tal-awtur li jipproteġu s-softwer.

44      Għaldaqstant, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ ta’ kunflitt bejn, minn naħa, l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess sħiħ u komplet għad-data personali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ ħaddieħor, hemm lok li jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-libertajiet inkwistjoni. Sa fejn huwa possibbli, għandhom jintgħażlu modalitajiet ta’ komunikazzjoni tad-data personali li ma jippreġudikawx id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ oħrajn, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx “rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni kollha lis-suġġett tad-data”, kif jirriżulta mill-premessa 63 tar-RĠPD.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD

għandha taiġi interpretata fis-sens li:

id-dritt li tinkiseb mill-kontrollur kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li tingħata lis-suġġett tad-data riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt jippreżumi dak li tinkiseb kopja ta’ estratti ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti sħaħ jew ukoll ta’ estratti ta’ databases li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk il-provvista ta’ tali kopja hija indispensabbli sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament, billi jiġi enfasizzat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

 Fuq irraba’ domanda preliminari

46      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “informazzjoni” li hija tkopri jirrigwarda esklużivament id-data personali li l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tagħha skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, jew jekk dan jirreferix ukoll għall-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jew jinkludix ukoll elementi li jmorru lil hinn, bħal metadata.

47      Kif tfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

48      F’dan ir-rigward, għalkemm it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD sempliċement tindika li, “[f]ejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b’mezzi elettroniċi […] l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni”, mingħajr ma tispeċifika x’għandu jinftiehem bil-kelma “informazzjoni”, l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu tipprovdi li “[i]l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”.

49      Għaldaqstant, mill-kuntest tat-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirriżulta li l-“informazzjoni” li hija tkopri tikkorrispondi neċessarjament għad-data personali li l-kontrollur tad-data għandu jipprovdi kopja tagħha konformement mal-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

50      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15(3) tar-RĠPD li huma, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li jiġu ddefiniti l-modalitajiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu impost fuq il-kontrollur li jipprovdi kopja tad-data personali li hija s-suġġett ta’ pproċessar. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma toħloqx dritt distint minn dak li jibbenefika minnu l-persuna kkonċernata li tikseb riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data, li tippermettilha teżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament.

51      Issa, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tistabbilixxi differenza fit-trattament ta’ applikazzjoni skont il-forma li fiha tiġi ppreżentata, b’tali mod li l-portata tad-dritt li tinkiseb kopja ma tistax tvarja skont din il-forma.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, konformement mal-Artikolu 12(3) tar-RĠPD, meta t-talba tkun tressqet b’mod elettroniku, l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 15, inkluża dik imsemmija fil-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu għandha tiġi pprovduta b’mod elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mis-suġġett tad-data.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li t-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-kunċett ta’ “informazzjoni” li hija tkopri huwa relatat esklużivament mad-data personali li l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tagħha skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

 Fuq lispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

id-dritt li tinkiseb mill-kontrollur kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li tingħata lis-suġġett tad-data riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt jippreżumi dak li tinkiseb kopja ta’ estratti ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti sħaħ jew ukoll ta’ estratti ta’ databases li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk il-provvista ta’ tali kopja hija indispensabbli sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-regolament, billi jiġi enfasizzat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

2)      It-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament 2016/679

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-kunċett ta’ “informazzjoni” li hija tkopri huwa relatat esklużivament mad-data personali li l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tagħha skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.