Language of document : ECLI:EU:C:2023:816

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑26 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawżi magħquda C554/21, C622/21 u C727/21

Financijska agencija

vs

HANN-INVEST d.o.o. (C554/21)

u

Financijska agencija

vs

MINERAL-SEKULINE d.o.o. (C622/21)

u

UDRUGA KHL MEDVEŠČAK ZAGREB (C727/21)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà – Interpretazzjoni meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Mekkaniżmu intern intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza ta’ qorti tat-tieni istanza – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Rekwiżiti ta’ aċċess għal qorti stabbilita mil-liġi u ta’ smigħ xieraq”






1.        Ladarba titfakkar l-evidenza li l-ġurisprudenza hija sors tal-liġi, ir-responsabbiltà tal-qorti tidher fl-estensjoni u fil-kumplessità tagħha kollha, peress li din tal-aħħar tinsab fiċ-ċentru ta’ ordnijiet kontradittorji, fejn hija msejħa sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali iżda wkoll sabiex taġġorna sabiex tadatta l-liġi għall-iżviluppi tas-soċjetà li hija tippretendi li tirregola. Barra minn hekk, il-mistoqsija ġiet ġustament magħmula fid-duttrina: “Kemm tista’ tippermetti inċertezza sistema ġuridika?” (2).

2.        Bla ħsara għal tweġiba pożittiva għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, dawn il-kawżi jagħtu l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tfittex il-punt ta’ bilanċ bejn ir-rekwiżiti fuq imsemmija waqt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ mekkaniżmu proċedurali intern intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza ta’ qorti, evalwazzjoni li tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-indispensabbli indipendenza tal-imħallfin.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

3.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa rilevanti l-Artikolu 19(1)TUE.

B.      Iddritt Kroat

4.        L-Artikolu 37 taż-Zakon o sudovima (il-Liġi dwar il-Qrati) (Narodne novine, Nri. 28/13, 33/15, 82/15, 82/16, 67/18, 126/19, 130/20) jipprevedi:

“1.       Il-qrati li għandhom diversi awli jew kulleġġi, inkluż b’imħallef uniku, li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jaqgħu f’qasam tad-dritt wieħed jew iktar konnessi, jistabbilixxu sezzjonijiet li jiġbru fi gruppi l-imħallfin li jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet.

2.       Is-sezzjoni hija stabbilita mill-programm annwali ta’ assenjazzjoni tal-imħallfin, li jaħtar il-president tas-sezzjoni, responsabbli mit-twettiq tal-ħidma. [...]”

5.        L-Artikolu 38 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Is-seduti tas-sezzjoni huma ddedikati għall-eżami ta’ kwistjonijiet li huma ta’ interess għall-ħidma tas-sezzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-attività interna, il-kwistjonijiet ta’ liġi kontroversjali, l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza u l-kwistjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’kull qasam legali kif ukoll il-monitoraġġ tal-ħidma u tat-taħriġ tal-imħallfin, tal-konsulenti ġudizzjarji u tal-imħallfin li qed jitħarrġu assenjati lis-sezzjoni.

2.      Huma eżaminati wkoll, waqt is-seduti tas-sezzjonijiet tal-Županijski sud [il-Qorti tal-Kontea], tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske [il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja] u tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell għal Reati Minuri tar-Repubblika tal-Kroazja], il-kwistjonijiet ta’ interess komuni għall-qrati inferjuri fil-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati.

3.      Is-seduti tas-sezzjoni tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja] huma ddedikati għall-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni għal uħud jew il-qrati kollha fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja kif ukoll għall-eżami u għall-formazzjoni ta’ opinjoni dwar l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li jaqgħu f’qasam legali partikolari.”

6.        Skont l-Artikolu 39 tal-imsemmija liġi:

“1.      Il-president tas-sezzjoni, jew il-president tal-qorti, isejjaħ seduta tas-sezzjoni kull darba li din tkun meħtieġa u tal-inqas darba kull tliet xhur; huwa jmexxi l-ħidma tagħha. Meta l-president tal-qorti jipparteċipa fil-ħidma tas-seduta tas-sezzjoni, huwa jippresjedi s-seduta u jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali.

2.      Għandha tissejjaħ seduta tal-imħallfin kollha tal-qorti meta s-sezzjoni tal-qorti jew kwart tal-imħallfin kollha tagħha jitolbu dan.

3.      Waqt is-seduti tal-imħallfin tal-qorti jew tas-sezzjoni, id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti tal-imħallfin, jew tal-imħallfin tas-sezzjoni.

4.      Għandu jiġi redatt proċess verbali tal-ħidma tas-seduta.

5.      Il-president tal-qorti, jew tas-sezzjoni, jista’ wkoll jistieden xjentisti eminenti u esperti f’qasam legali partikolari sabiex jipparteċipaw fis-seduta tal-imħallfin kollha jew tas-sezzjoni.”

7.        L-Artikolu 40 tal-Liġi dwar il-Qrati jipprovdi:

“1.      Seduta ta’ sezzjoni jew ta’ mħallfin tissejjaħ meta jiġi kkonstatat li jeżistu interpretazzjonijiet differenti bejn sezzjonijiet, awli jew imħallfin dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi jew meta awla jew imħallef ta’ sezzjoni jinjora l-pożizzjoni legali adottata preċedentement.

2.      Il-pożizzjonijiet legali adottati waqt seduta tal-Imħallfin kollha jew tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske [il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell għar-Reati ż-Żgħar tar-Repubblika tal-Kroazja] u waqt seduta tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Županijski sud [il-Qorti tal-Kontea] jorbtu fit-tieni istanza lill-awli jew lill-imħallfin kollha li jiddeċiedu f’kompożizzjoni ta’ Mħallef uniku fi ħdan tali sezzjoni jew qorti.

3.      Il-president ta’ sezzjoni jista’, jekk ikun il-każ, jistieden professuri tal-fakultà tal-liġi, xjentisti eminenti jew esperti f’qasam partikolari tal-liġi sabiex jipparteċipaw fis-seduta tas-sezzjoni.”

8.        L-Artikolu 41 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“1)       Il-president tal-qorti jaħtar, fil-programm annwali ta’ assenjazzjoni tal-imħallfin, imħallef wieħed jew iktar responsabbli mill-monitoraġġ u l-istudju tal-ġurisprudenza [...]”

9.        L-Artikolu 177(3) tas-Sudski poslovnik (ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati (Narodne novine, Nri. 37/14, 49/14, 8/15, 35/15,123/15, 45/16, 29/17, 33/17, 34/17, 57/17, 101/18, 119/18, 81/19, 128/19, 39/20 u 47/20) jipprevedi:

“Quddiem qorti tat-tieni istanza, kawża hija kkunsidrata magħluqa fid-data meta tintbagħat id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-imħallef, wara li tirritorna l-kawża mid-dipartiment tal-monitoraġġ u tar-Reġistru. Sa mid-data minn meta jirċievi l-proċess, id-dipartiment tal-monitoraġġ u tar-Reġistru għandu jibagħtu lura lill-uffiċċju tal-imħallef fl-iqsar żmien possibbli. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tintbagħat f’terminu ġdid ta’ tmint’ijiem.”

II.    Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

10.      Il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), il-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, hija adita bi tliet appelli. Fil-Kawżi C‑554/21 u C‑622/21, l-appelli jirrigwardaw digrieti li jiċħdu t-talba ta’ Financijska agencija (l-Aġenzija Finanzjarja, il-Kroazja) intiża għar-rimbors ta’ spejjeż relatati mal-intervent tagħha fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Fil-Kawża C‑727/21, l-appell jirrigwarda digriet li ċaħad it-talba għall-bidu ta’ proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

11.      F’dawn it-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju, li tippresjedi f’kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin, eżaminat l-appelli u ċaħdithom b’unanimità tal-membri tagħha, u kkonfermat għalhekk id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza. Dawn id-deliberazzjonijiet ġew iffirmati u mbagħad mibgħuta lill-uffiċċju tal-monitoraġġ u tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, skont l-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati.

12.      Skont din id-dispożizzjoni u kif esponietha l-qorti tar-rinviju, f’kawża deċiża fit-tieni istanza, il-ħidma ġudizzjarja hija kkunsidrata kompluta biss meta l-kawża hija rreġistrata minn dan l-uffiċċju u mbagħad mibgħuta lura lill-kulleġġ ġudikanti sabiex id-deċiżjoni tintbagħat lill-partijiet. Huwa biss fid-data li fiha d-deċiżjoni tintbagħat lill-partijiet li l-kawża hija kkunsidrata magħluqa. Għalhekk, minkejja l-fatt li hija kienet adottata minn kulleġġ ġudikanti, id-deċiżjoni ġudizzjarja hija kkunsidrata ffinalizzata biss meta hija tkun ikkonfermata minn imħallef tal-imsemmi uffiċċju (iktar ’il quddiem l-“Imħallef tar-reġistrazzjoni”), li huwa maħtur mill-president tal-qorti kkonċernata, fil-kwalità tiegħu ta’ korp tal-amministrazzjoni ġuridika, fil-kuntest tal-programm annwali ta’ assenjazzjoni tal-imħallfin. Tali proċedura ma hijiex prevista minn liġi bħala kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, iżda tikkorrispondi għal prattika tal-qrati tat-tieni istanza li l-bażi tagħha huma r-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati.

13.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fit-tliet kawżi prinċipali, l-Imħallef tar-reġistrazzjoni rrifjuta li jirreġistra d-deċiżjonijiet adottati u bagħathom lura flimkien ma’ ittra ġustifikattiva. Fil-Kawżi C‑554/21 u C‑622/21, din l-ittra tistabbilixxi konstatazzjoni ta’ kontradizzjoni ma’ deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw tilwim simili, filwaqt li tesprimi, fil-Kawża C‑727/21, in-nuqqas ta’ qbil ta’ dan l-imħallef mal-interpretazzjoni legali adottata mill-awla fil-proċedura prinċipali, mingħajr ma tirreferi għal ġurisprudenza kontradittorja.

14.      Wara dawn ir-rifjuti ta’ reġistrazzjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, fil-Kawżi C‑554/21 u C‑622/21, li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja t-talbiet għal deċiżjoni preliminari fid-dawl ta’ dubji li għandha dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qrati mad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-Kawża C‑727/21, wara li l-qorti tar-rinviju żammet id-deċiżjoni inizjali tagħha u wara l-komunikazzjoni mill-ġdid tagħha lill-Imħallef tar-reġistrazzjoni, dan tal-aħħar bagħatha lis-sezzjoni tal-kontenzjuż kummerċjali u tilwim ieħor tal-qorti tar-rinviju sabiex il-kwistjoni legali kontenzjuża tiġi eżaminata waqt seduta tas-sezzjoni. Waqt is-seduta tagħha, din is-sezzjoni adottat “pożizzjoni legali”, li fiha hija sostniet is-soluzzjoni ppreferuta mill-Imħallef tar-reġistrazzjoni. Sussegwentement, il-kawża ntbagħtet għal darba oħra quddiem l-awla sabiex tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Qrati, b’konformità ma’ din il-pożizzjoni legali, sitwazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni ta’ rinviju fil-Kawża C‑727/21.

15.      Fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċeduri prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Imħallef tar-reġistrazzjoni, li ma huwiex magħruf mill-partijiet, li r-rwol tiegħu ma huwiex previst mir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-appelli, u li mingħajr ma huwa qorti superjuri, jista’ jinkoraġġixxi awla kompetenti tvarja d-deċiżjoni tagħha, jista’ jikser, bl-azzjoni tiegħu, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-eżistenza ta’ tali forma ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarji kienet iġġustifikata, sal-lum, mill-ħtieġa li l-ġurisprudenza tkun iktar uniformi. Madankollu, il-mod li bih dan l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jipproċedi wara li tiġi adottata deċiżjoni ġudizzjarja jmur kontra, fl-opinjoni ta’ din il-qorti, id-dritt fundamentali kkostitwit mill-indipendenza tal-ġustizzja, sa fejn l-imsemmi uffiċċju jagħżel huwa stess id-deċiżjonijiet li jkunu se jintbagħtu lill-partijiet mill-qorti.

16.      Barra minn hekk, fil-Kawża C‑727/21, fir-rigward tas-seduti ta’ sezzjoni ta’ qorti, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din hija korp li ma huwiex previst mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u li huma biss l-imħallfin tar-reġistrazzjoni u l-presidenti tas-sezzjonijiet li jiddeċiedu l-punti fuq l-aġenda ta’ tali seduta. Il-partijiet fi proċeduri differenti ma jafux bir-rwol ta’ din is-seduta u ma jistgħux jipparteċipaw fiha. Madankollu, id-deċiżjoni mogħtija minn kulleġġ ġudikanti ma tistax tiġi eżaminata u varjata ħlief wara rikors ippreżentat mill-partijiet quddiem il-qorti kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura legali li jkunu jafu biha u mhux minħabba opinjoni ta’ mħallef li ma jagħmilx parti minn dan il-kulleġġ jew ta’ seduta ġenerali ta’ mħallfin.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja) iddeċidiet, f’kull waħda mit-tliet kawżi magħquda, li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola prevista fit-tieni parti tal-ewwel sentenza u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 177(3) tas-Sudski poslovnik (ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qrati [...]), li tgħid li: ‘[f]il-qrati tat-tieni istanza l-kawża titqies li hija magħluqa fil-mument li tintbagħat id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-Imħallef, wara li l-kawża tasal lura mill-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet [; m]ill-jum li jirċievi l-att, l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet għandu jibagħtu lura lill-uffiċċju tal-imħallef mill-iktar fis possibbli [;f]it-8 ijiem segwenti, ir-Reġistru tal-Qorti għandu jibgħat id-deċiżjoni tal-Qorti’ – għandha titqies li hija konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’)]?”

18.      Barra minn hekk, fil-Kawża C‑727/21, il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 40(2) [tal-Liġi dwar il-Qrati], li jipprevedi li: ‘[i]l-pożizzjonijiet legali adottati waqt seduta tal-Imħallfin kollha jew tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske (il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske (il-Qorti tal-Appell għar-Reati ż-Żgħar tar-Repubblika tal-Kroazja) u waqt seduta tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-qorti reġjonali jorbtu fit-tieni istanza lill-awli jew lill-imħallfin kollha li jiddeċiedu f’kompożizzjoni ta’ Mħallef uniku fi ħdan tali sezzjoni jew qorti’ huwa konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta]?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Marzu 2022, il-Kawżi C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21 kienu ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

20.      Il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawżi C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑554/21. Waqt is-seduta, li nżammet fil‑5 ta’ Ġunju 2023, instemgħu l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Kroat u l-Kummissjoni.

IV.     Analiżi

21.      Kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tad-dubji li hija għandha dwar il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 177(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qrati u tal-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Qrati li jirregolaw il-proċess deċiżjonali fi ħdan il-qrati Kroati tat-tieni istanza.

22.      Minkejja li ħadd mill-partijiet ma għamel osservazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (3).

A.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

23.      Għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha (4).

24.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar, li skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji u proċeduri li tiżgura stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (5).

25.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kull istanza nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jaqgħu għalhekk fl-oqsma koperti minn dan id-dritt. Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li fil-fatt, tista’ tintalab, fil-kwalità tagħha ta’ qorti ordinarja Kroata, tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Kroata ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (6), fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (7).

26.      Mill-preċedenti jirriżulta li, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

27.      Fit-tieni lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni din li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwarha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (8).

28.      F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 47 tal-Karta, previst minn dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwim adita minnu l-qorti tar-rinviju jirrigwarda, essenzjalment, ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minn organu pubbliku wara l-intervent tiegħu fi proċeduri ta’ insolvenza u jirrigwarda l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza li ċaħdet it-talba ta’ assoċjazzjoni, stabbilita f’Żagreb (il-Kroazja), intiża għall-bidu ta’ proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja. Fir-rigward, preċiżament, il-qasam tal-proċeduri ta’ insolvenza, huwa stabbilit li l-leġiżlatur tal-Unjoni adottata diversi atti dwaru (9). Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirrigwarda dan il-qasam li hija applikabbli għat-tilwim inkwistjoni u lanqas tipproduċi ebda prova li tindika li l-kawżi prinċipali, invokati fil-qosor fid-digrieti tar-rinviju, jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, f’każ partikolari, jippreżupponi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali invokaw dritt li huma għandhom abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (10).

29.      Mill-preċedenti jirriżulta li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li hija implimentata fuq livell nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 47 tal-Karta f’dawn il-kawżi.

B.      Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal deċiżjoni preliminari

30.      Jidhirli li din il-kwistjoni hija ta’ importanza singulari fid-dawl tal-portata wiesgħa ħafna tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tal-ġurisdizzjoni korrelattiva tagħha (11). Sa mill-adozzjoni tas-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (12), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet id-destinatarja ta’ diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari li kienu jeħtieġu l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’kawżi varjati, b’uħud juru ksur gravi tal-Istat tad-dritt u b’mod iktar partikolari tal-indipendenza tal-imħallfin, u oħrajn jirrigwardaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ promozzjoni ta’ mħallef, tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala tas-salarju, tar-regoli li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-kawżi fi ħdan qorti, tal-kwalità ta’ firmatarju ta’ risposta jew tal-mument li fih tingħata sentenza, mingħajr rabta evidenti mas-suġġett tat-tilwima prinċipali (13). Ir-rigorożità fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tidher, f’dan il-kuntest, bħala l-uniku limitu possibbli għall-eżami ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari kuntrarji għall-ispirtu u l-iskop ta’ dan ir-rimedju legali, jiġifieri l-kostruzzjoni flimkien, mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali fl-osservanza tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, ta’ soluzzjoni għat-tilwima sottomessa lil din tal-aħħar.

31.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari, tal-espressjoni kkonsolidata tagħha li tirriżulta mis-sentenza Miasto Łowicz, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, jirriżulta li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari. Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta pendenti quddiemha. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (14).

32.      Mis-sentenza Miasto Łowicz jirriżulta li din ir-rabta tista’ tkun diretta jew indiretta, skont it-tliet ipoteżijiet ta’ ammissibbiltà hemm stabbiliti. Hija diretta meta l-qorti tar-rinviju hija mitluba tapplika d-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba sabiex tistabbilixxi s-soluzzjoni fuq il-mertu li għandha tingħata għat-tilwima prinċipali (l-ewwel ipoteżi). Hija indiretta meta d-deċiżjoni preliminari hija ta’ natura li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li hija għandha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha (it-tieni ipoteżi) jew interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali ta’ dritt nazzjonali, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima li għandha quddiemha (iktar ’il quddiem it-“tielet ipoteżi”) (15).

33.      Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-kawżi prinċipali għandhom ċerta rabta materjali mad-dritt tal-Unjoni relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza li l-qorti tar-rinviju ma titlobx l-interpretazzjoni ta’ xi dispożizzjoni minnhom mill-Qorti tal-Ġustizzja, rabta manifestament insuffiċjenti sabiex tissodisfa l-kriterju ta’ neċessità. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari lanqas ma juru li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li huwa previst mid-domandi preliminari, sabiex tiġi stabbilita s-soluzzjoni fuq il-mertu li għandha tingħata lil dan it-tilwim li jirrigwarda r-responsabbiltà għall-ispejjeż jew il-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ proċedura ta’ insolvenza.

34.      Fir-realtà, permezz tad-domandi preliminari li hija indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob, jidher li l-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika, mhux fuq il-mertu tat-tilwim li għandha quddiemha, iżda pjuttost fuq kwistjoni ta’ natura proċedurali, miftiehma f’sens wiesa’ (16), ta’ dritt nazzjonali li għandha tiġi deċiża minnha in limine litis, peress li din tirrigwarda il-fakultà ta’ din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-imsemmi tilwim b’indipendenza sħiħa fil-kuntest ta’ mekkaniżmu intern intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza tal-qorti u li jinvolvi l-intervent ta’ istanzi ġudizzjarji oħra. Il-qorti tar-rinviju esponiet, b’mod suffiċjenti, ir-raġunijiet li f’dan il-każ wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u b’mod partikolari, ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li, fil-fehma tagħha, huma ta’ natura li jinfluwenzaw il-proċess ġudizzjarju li fi tmiemu hija ser tagħti s-sentenzi tagħha. Skont din il-qorti, b’kunsiderazzjoni tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-mekkaniżmu fuq imsemmi, hija tkun tista’ jew ma tistax, tinjora pożizzjonijiet legali adottati mis-sezzjoni tal-imħallfin inkwistjoni marbuta mat-tilwim prinċipali.

35.      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jibdlux is-suġġett ta’ dan it-tilwim u l-konstatazzjoni preċedentement magħmula li mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jista’ jkollha, fid-dawl tan-natura tal-kwistjoni proċedurali mqajma fit-talbiet għal deċizjoni preliminari, influwenza fuq il-mod li bih il-qorti tar-rinviju ser tiddeċiedi l-kawżi prinċipali ma jfissirx li hija tissodisfa l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni fuq il-mertu ta’ tilwim li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni.

36.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi tal-qorti tar-rinviju effettivament neċessarji sabiex tippermettilha ssolvi, in limine litis, kwistjoni proċedurali nazzjonali li jista’ jkollha effett negattiv fuq l-obbligu tal-Istati Membri previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, qabel issolvi l-mertu tat-tilwim li ma huwiex marbut mad-dritt tal-Unjoni? Fil-fehma tiegħi, din il-mistoqsija tirriżulta delikata.

37.      Infakkar, fl-ewwel lok, li fis-sentenza Miasto Łowicz, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat suċċessivament l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmulin fid-dawl ta’ tliet sitwazzjonijiet distinti u awtonomi li jissodisfaw il-kriterju ta’ neċessità sabiex tikkonkludi l-inammissibbiltà tagħhom billi enfasizzat, għat-tliet ipoteżijiet, id-differenza mal-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (17), li fihom l-interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tilwim “relatat mad-dritt tal-Unjoni” (18).

38.      Fit-tieni lok, l-istabbiliment fis-sentenza Miasto Łowicz tat-tielet ipoteżi ta’ ammissibbiltà, minbarra dik iktar frekwenti ta’ rabta diretta mal-kawża prinċipali, rigwad il-mertu, mad-dritt tal-Unjoni, ma jfissirx li din ipoteżi għandha neċessarjament tinftiehem, sabiex tingħata sens, bħala li għandha tapplika f’kawża li fiha din ir-rabta ma teżistix. Fir-realtà, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari u jsir raġunament fir-rigward ta’ kull domanda preliminari magħmula. Id-deċiżjonijiet tar-rinviju jistgħu jinkludu, bħal f’dan il-każ, domandi preliminari li jirrigwardaw biss kwistjoni ta’ proċedura nazzjonali jew jinvolvu domandi preliminari ta’ natura differenti, uħud b’rabta diretta mal-kawża prinċipali rigward il-mertu u oħrajn relatati ma’ kwistjoni proċedurali nazzjonali, b’dawk tal-ewwel jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli bid-differenza għal dawk tat-tieni (19).

39.      Fit-tielet lok, il-ġustifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jirrigwarda, b’mod ġenerali, “l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, ma tistax tkun dik tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal domanda preliminari, taħt piena li jiġu konfużi żewġ kunċetti legali distinti u tintilef kull utilità ta’ dan l-aħħar rekwiżit.

40.      Huwa minnu li l-indipendenza tal-imħallfin hija legalment indiviżibbli, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bobek (20), ma teżistix, essenzjalment, “‘indipendenza ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’ b’kuntrast għal ‘indipendenza ġudizzjarja f’kawżi purament nazzjonali’”. Irrispettivament mir-rilevanza li jista’ jkollha din l-osservazzjoni, hija ma tippermettix li jinqasam l-istadju tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula u għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi eżentata milli tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex effettivament applikat fil-kawża prinċipali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi (21).

41.      Il-fatt li l-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju jidher li hija ta’ ċerta gravità, minħabba n-natura sistematika tar-regoli inkwistjoni għas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, ma jaqax taħt l-eżami tal-ammissibbiltà iżda fil-mertu, jiġifieri taħt il-konformità ta’ dawn ir-regoli mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Ċertu nuqqas ta’ ħeġġa li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju u għalhekk li tiġi eżaminata leġiżlazzjoni u prattika li potenzjalment jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin Kroati u li jistgħu jkunu ta’ interess, permezz tal-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, għal sistemi ġuridiċi nazzjonali oħrajn, ma jistax jikkostitwixxi l-motivazzjoni, f’dan il-każ sottostanti, ta’ deċiżjoni ta’ ammissibbiltà (22).

42.      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li jsirulha mistoqsijiet dwar dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi solvuta kwistjoni ta’ natura proċedurali nazzjonali b’tali mod li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jsiru f’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, dan isir biss fil-perspettiva ta’ deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża prinċipali li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, irrid nirrikonoxxi li, dwar dan l-aħħar punt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għas-sentenza Miasto Łowicz ma hijiex uniformi, tant li huwa minnu li ċerti deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà jew ta’ ammissibbiltà tad-domandi preliminari sottomessi jaqgħu taħt din il-linja (23) filwaqt li oħrajn donnhom jitilqu minnha, billi jadottaw, barra minn hekk, soluzzjonijiet apparentament kontradittorji (24).

43.      F’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, b’mod ġenerali, li d-domandi preliminari intiżi sabiex jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, kwistjonijiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew ukoll mal-effetti legali li għandhom jiġu rrikonoxxuti jew le lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża mill-imsemmija qorti, huma ammissibbli skont l-Artikolu 267 TFUE (25). Dan l-approċċ donnu jawtorizza l-kwistjoni proċedurali, fiha nnifisha, fis-sens li hija tkun ta’ natura li tissodisfa, waħedha, il-kriterju ta’ neċessità skont l-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet biss u b’mod ċar żewġ każijiet partikolari, distinti mis-sitwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha ma jinkludu ebda mistoqsija dwar il-ġurisdizzjoni sostantiva tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawżi prinċipali u lanqas jikkonstataw deċiżjonijiet ġudizzjarji li jostakolaw it-tkomplija tal-eżami ta’ dawn il-kawżi.

44.      Finalment, naħseb li huwa neċessarju li tiġi invokata t-tieni ipoteżi prevista fis-sentenza Miasto Łowicz. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ammissibbli domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju kkonċernata għandha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha, fil-fehma tiegħi, din ma hijiex il-portata tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi magħquda, sakemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jiġix ikklassifikat fil-kategorija ta’ regoli fuq imsemmija. L-eżami tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja juri li hija tirrigwarda atti tad-dritt derivat li jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ natura proċedurali, sitwazzjonijiet partikolari li jeħtieġu s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-ammissibbiltà (26).

45.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ammissibbli domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 (27), domanda li fir-rigward tagħha kienet ġiet preliminarjament ikkonstatata l-assenza ta’ effett dirett fuq ir-riżultat tal-kawża prinċipali li tikkonċerna l-għoti ta’ danni fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (28). It-traspożizzjoni ta’ tali deċiżjoni għal dawn il-kawżi, flimkien mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex issostni l-ġurisdizzjoni tagħha, iwasslu għal applikazzjoni estensiva sabiex ma ngħidx mingħajr limitu ta’ din id-dispożizzjoni f’qasam, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, ikkunsidrat li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar.

46.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, iżda huma ta’ natura ġenerali, li tiġġustifika konklużjoni ta’ inammissibbiltà tagħhom.

47.      Għall-finijiet ta’ kompletezza fl-eżerċizzju tal-missjoni ta’ assistenza lill-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija lill-avukat ġenerali, ser nesponi, madankollu, l-analiżi tiegħi tal-imsemmija domandi rigward il-mertu.

C.      Fuq ilmertu

48.      Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal- leġiżlazzjoni u tal-prattika nazzjonali li jipprevedu l-intervent, fil-proċess deċiżjonali ġudizzjarju tat-tieni istanza, tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni u tas-sezzjoni tal-imħallfin, li fir-rigward tagħhom din il-qorti tistaqsi b’mod distint u speċifiku lill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li dawn l-interventi jaqgħu taħt mekkaniżmu wieħed intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza ta’ qorti, għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE qabel jiġu eżaminati konġuntivament id-domandi preliminari magħmula (29).

49.      L-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dan il-mekkaniżmu timplika, preliminarjament, li tiġi enfasizzata, fil-kuntest ta’ prevenzjoni ta’ diverġenzi ġurisprudenzjali, l-importanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

1.      Fuq irrekwiżit ta’ ċertezza legali

50.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (30). B’mod partikolari, huwa jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu b’ċertezza l-portata tal-obbligi imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u sabiex ikunu jistgħu jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fid-dawl ta’ dan (31).

51.      Il-koerenza tal-ġurisprudenza li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, sors ta’ prevedibbiltà u għalhekk ta’ ċertezza legali, hija b’mod evidenti tħassib maġġuri tal-Qorti tal-Ġustizzja, u inkluża fil-mod ta’ funzjonament interna tagħha, peress li tikkorrispondi għall-missjoni oriġinali tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE huwa intiż sabiex jiżgura li f’kull ċirkustanza d-dritt tal-Unjoni jkollu l-istess effett fl-Istati Membri kollha u b’hekk jipprevjeni diverġenzi fl-interpretazzjoni tiegħu li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni. Għal dan il-għan, l-imsemmi artikolu joffri lill-qorti nazzjonali mezz sabiex jiġu eliminati d-diffikultajiet li jista’ jqajjem ir-rekwiżit li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri (32).

52.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li mekkaniżmu vertikali ta’ uniformizzazzjoni tal-ġurisprudenza, permezz tal-intervent tal-qrati supremi tal-Istati Membri, ma jmurx kontra, fih innifsu, id-dritt tal-Unjoni, anki jekk id-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar għandhom saħħa vinkolanti għall-qrati inferjuri. Konklużjoni ta’ inkompatibbiltà tkun imposta biss jekk id-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix l-indipendenza tal-qrati supremi jew jekk dan il-mekkaniżmu jkun ta’ natura li jipprekludi qorti nazzjonali milli tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja preliminarjament (33).

53.      Xorta jibqa’ l-fatt li, kif ġustament osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-eventwalità ta’ diverġenzi ta’ ġurisprudenza bejn qrati nazzjonali jew fi ħdan l-istess qorti hija inerenti għal kull sistema ġudizzjarja. Minkejja li tali sitwazzjoni ma hijiex, fiha nnifisha, kuntrarja għall-KEDB, il-Qorti EDB tippreċiża li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa impliċitu fl-artikoli kollha tagħha, huwa intiż b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxi ċerta stabbilità tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u jinkoraġixxi l-fiduċja tal-pubblika fil-ġustizzja. Kwalunkwe persistenza ta’ diverġenzi ta’ ġurisprudenza tirriskja li twassal għal stat ta’ inċertezza legali ta’ natura li jnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġudizzjarja, minkejja li din il-fiduċja hija wieħed mill-komponenti fundamentali tal-istat tad-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-Istati kontraenti għandhom l-obbligu li jorganizzaw is-sistema ġudizzjarja tagħhom b’mod li jevitaw l-adozzjoni ta’ sentenzi diverġenti u jivverifikaw l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi li jistgħu jiżguraw il-koerenza tal-prattika fi ħdan il-qrati u l-uniformizzazzjoni tal-ġurisprudenza (34).

54.      Huwa interessanti li jiġi osservat, minn naħa, li l-mekkaniżmu intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza previst f’dawn il-kawżi jirrigwarda l-qrati Kroati tat-tieni istanza, filwaqt li r-riżoluzzjoni ta’ eventwali kontradizzjonijiet jew inċertezzi li jirriżultaw minn sentenzi li jinkludu interpretazzjonijiet diverġenti jaqa’ fil-prinċipju taħt ir-rwol ta’ qorti suprema (35). Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan tal-aħħar bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni neċessarju ta’ ġurisprudenza armonizzata għal dak li jirrigwarda t-tieni istanza ta’ qorti u dan iktar u iktar fir-rigward tan-natura straordinarja tar-rimedji possibbli kontra d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-qrati (36). Il-prevedibbiltà tad-dritt u ċ-ċertezza legali li jirriżultaw minnha għandhom ikunu t-tħassib tal-istanzi ġudizzjarji kollha, ikun xi jkun il-grad tagħhom fis-sistema ġudizzjarja, sabiex tkun żgurata l-ugwaljanza tal-individwi kollha quddiem il-liġi, fuq territorju partikolari kollu. Min-naħa l-oħra, il-mekkanizmu inkwistjoni huwa intiż sabiex jiżgura koerenza orizzontali, kull qorti tat-tieni istanza għandha tiżgura permezz tiegħu l-unità tal-ġurisprudenza tagħha stess, sitwazzjoni li l-Qorti EDB tagħtiha importanza partikolari (37).

55.      Madankollu, l-istabbiliment neċessarju ta’ mekkaniżmi intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza tal-ġurisprudenza ma jistax isir bi ksur tal-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita mil-liġi.

2.      Fuq irrispett taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

56.      Għandu jitfakkar li l-Unjoni tiġbor fi ħdanha Stati li aderixxew liberament u volontarjament għall-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 TUE, li jirrispettaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom. B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li l-Istati Membri jikkondividu sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif ippreċiżat f’dan l-artikolu. Barra minn hekk, l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li tiġi evitata kull rigressjoni, fir-rigward ta’ dan il-valur, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi joqogħdu lura milli jadottaw regoli li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin (38).

57.      Kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih f’dan is-sens jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (39).

58.      Peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-istess bħall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (40). Issa, sabiex jiġi ggarantit li istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiżguraw tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (41).

59.      Minkejja li l-kwistjoni tal-indipendenza tal-kulleġġ adit hija ta’ natura essenzjali f’dawn il-kawżi, dik marbuta mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-garanzija tal-aċċess għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll.

a)      Fuq irrekwiżit ta’ indipendenza talqrati

60.      Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (42).

61.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali. Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (43).

62.       F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (44).

63.      Minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq hija intiża fuq kollox sabiex iżżomm l-indipendenza tal-qrati fid-dawl tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi b’konformità mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament tal-Istat tad-dritt, hija tapplika b’mod sħiħ, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġeneralità tal-kliem użati, f’kuntest ieħor li jista’ jkun ikklassifikat bħala purament intern. F’dan il-każ, id-dubji espressi fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrigwardaw, essenzjalment, dispożizzjonijiet u prattika nazzjonali relatati ma’ mekkaniżmu intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza u jipprevedi l-intervent, f’dan ir-rigward, ta’ żewġ korpi li jaqgħu taħt l-istess qorti minbarra l-imħallfin awturi ta’ dawn id-deċiżjonijiet. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-kuntest ta’ kontenzjuż li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-president ta’ qorti li jittrasferixxi mħallef, mingħajr il-kunsens tiegħu, mid-diviżjoni tal-imsemmija qorti li fiha kien jippresjedi sa dak iż-żmien lejn diviżjoni oħra ta’ din l-istess qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi li s-sistema applikabbli għat-trasferimenti tagħhom mingħajr kunsens għandha tinkludi, bħar-regoli fil-qasam dixxiplinari, b’mod partikolari l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li din l-indipendenza tiġi pperikolata permezz ta’ interventi esterni diretti jew indiretti (45).

64.      Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza espliċita tal-Qorti EDB relatata mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB li tipprovdi li l-indipendenza tal-ġustizzja teħtieġ li l-imħallfin ma jkunux suġġetti għal influwenzi indebiti ġejjin mhux biss mill-estern tas-sistema ġudizzjarja, iżda wkoll mill-intern ta’ din tal-aħħar. Din l-indipendenza interna tal-imħallfin teħtieġ li huma ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ direttivi jew pressjonijiet min-naħa ta’ mħallfin oħra jew ta’ dawk li jeżerċitaw responsabbiltajiet amministrattivi fi ħdan qorti, bħall-president tal-qorti jew il-president ta’ diviżjoni fi ħdan il-qorti. Fl-assenza ta’ garanziji suffiċjenti li jipproteġu l-indipendenza tal-imħallfin fi ħdan sistema ġudizzjarja, u b’mod partikolari, fir-rigward tas-superjuri tagħhom fi ħdan il-qorti tagħhom, wieħed jista’ jiddubita mill-indipendenza u mill-imparzjalità tal-qorti (46).

65.      F’dan il-każ, wieħed jista’ jikkunsidra li l-intervent tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni u tas-sezzjoni tal-imħallfin, żewġ korpi ġudizzjarji tal-istess livell bħall-kulleġġ ġudikanti inizjalment adit, huwa ta’ natura li jippreġudika r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-membri ta’ dan tal-aħħar? It-tweġiba għal din il-mistoqsija jidhirli li għandha tkun fin-negattiv (47).

66.      Fl-ewwel lok, għandha tiġi stabbilita l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-funzjonament tas-“sezzjoni” li tiġbor fiha, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar il-Qrati, l-imħallfin li jifformaw id-diversi awli jew kulleġġi tal-qorti kkonċernata, inkluż b’imħallef uniku, li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jaqgħu f’qasam tad-dritt wieħed jew iktar konnessi. Skont l-Artikolu 38 ta’ din il-liġi, id-dibattiti ta’ seduta ta’ sezzjoni jirrigwardaw “il-kwistjonijiet” li huma ta’ interess għas-sezzjoni, b’mod partikolari, il-“punti ta’ liġi kontenzjużi” u “l-uniformizzazzjoni tal-ġurisprudenza”. Dawn id-dibattiti jwasslu għall-adozzjoni ta’ “pożizzjoni legali”, skont l-Artikolu 40(2) tal-imsemmija liġi, espressjoni sinjifikattiva, sa fejn din topponi dik ta’ soluzzjoni jew ta’ deċiżjoni f’kawża partikolari.

67.      Fit-tieni lok, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Kroat u l-eżami tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw din l-analiżi eżeġetika dwar il-funzjonament ta’ istanza ġudizzjarja kulleġġjali, li tinkludi l-imħallfin tal-kulleġġ adit, li jiddibattu, b’mod ġenerali, dwar l-interpretazzjoni tar-regoli inkwistjoni u tal-ġurisprudenza marbuta magħhom, bl-adozzjoni fl-aħħar nett, permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza, ta’ pożizzjoni komuni tal-imħallfin dwar l-interpretazzjoni li għandha tiġi sostnuta. Għalhekk, huwa stabbilit li, fuq l-inizjattiva tal-president tagħha, inżammet seduta, permezz tal-vidjokonferenza, tas-sezzjoni tal-kawżi kummerċjali, fis‑26 ta’ Ottubru 2021, fil-preżenza ta’ 28 imħallef fosthom it-tlieta li jikkostitwixxu l-kulleġġ adit u l-Imħallef tar-reġistrazzjoni. Din is-seduta kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żewġ kwistjonijiet legali, stabbiliti b’mod astratt fl-aġenda, li taw lok għal skambji bejn dan l-imħallef u dan il-kulleġġ. Il-proċess verbali tal-imsemmija seduta jinkludi l-indikazzjoni inizjali li l-preżenza ta’ 28 imħallef mill‑31 li jifformaw il-Qorti Kummerċjali tal-Appell kienet suffiċjenti sabiex jittieħdu deċiżjonijiet validi, “jiġifieri pożizzjonijiet legali”, u jiddeskrivi d-diversi interventi tal-imħallfin, fosthom wieħed li jappartjeni għall-kulleġġ adit, u l-kontenut tal-pożizzjoni legali relatata għal kull kwistjoni indirizzata. Din tal-aħħar hija kkaratterizzata mill-astrazzjoni tagħha u mill-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-kawżi prinċipali sottomessi lill-kulleġġ inizjali. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Kroat jirriżulta li s-sezzjoni tal-imħallfin ma għandhiex il-proċessi relatati ma’ dawn il-kawżi u li jinkludu l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, u hija biss l-ewwel deliberazzjoni tal-kulleġġ adit li hija kkomunikata lill-parteċipanti flimkien ma’ elementi ta’ ġurisprudenza.

68.      Fit-tielet lok, hija l-awla adita li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ natura ġenerali ta’ regoli legali applikabbli sabiex tadotta, b’kunsiderazzjoni tal-fatti tal-każ u tal-provi kontenuti fil-proċess, is-soluzzjoni legali xierqa fil-kawżi sottomessi (48). Din id-distinzjoni bejn interpretazzjoni u applikazzjoni tar-regola tad-dritt hija magħrufa minn sistemi ġuridiċi nazzjonali oħra u tikkorrispondi għall-essenza nnifisha tal-mekkaniżmu ta’ kull rinviju għal deċiżjoni preliminari u evidentement għal dak previst fl-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-aħħar mekkaniżmu għandu l-għan, permezz tal-istabbiliment ta’ djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, jiżgura l-koerenza u l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (49). Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE hija li tipprovdi lil kull qorti tal-Unjoni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwim reali li bih huma jkunu ġew aditi (50). Din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda sempliċement li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (51).

69.      L-analiżi żviluppata iktar ’il fuq hija fundamentali għall-evalwazzjoni tal-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Qrati li jipprovdi li l-pożizzjoni legali adottata waqt is-seduta ta’ sezzjoni torbot lill-awli jew l-imħallfin kollha tat-tieni istanza ta’ din is-sezzjoni. Jekk wieħed jaċċetta d-distinzjoni bejn interpretazzjoni u applikazzjoni tar-regola legali, il-fatt li l-kulleġġ adit, parti integrali minn kulleġġjalità li ddibattiet u vvotat b’maġġoranza għall-adozzjoni tal-pożizzjoni legali, ikun marbut li jimplimenta lil din tal-aħħar, bħal sentenza ta’ qorti suprema li tiddeċiedi unikament fid-dritt, jissodisfa l-għan ta’ ċertezza legali, mingħajr ma jikser ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qorti (52). Jekk jiġi aċċettat mekkaniżmu intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza bla ħsara għan-natura mhux vinkolanti tal-pożizzjoni legali, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, iwassal sabiex dan jingħata natura sempliċi ta’ inċentiv u għalhekk utilità totalment każwali.

70.      Fir-raba’ lok, ir-rwol li jgawdi l-Imħallef tar-reġistrazzjoni fil-mekkaniżmu kkritikat għandu jiġi llimitat. Minkejja li dan l-imħallef għandu, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, is-setgħa li jinblokka l-proċess deċiżjonali u jipprekludi li d-deliberazzjoni tal-kulleġġ adit milli ssir formalment att ġudizzjarju nnotifikat lill-partijiet, huwa fl-ebda każ ma jista’ jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik ta’ dan il-kulleġġ. Huwa jista’ biss jirrinvija l-proċess lill-imsemmi kulleġġ għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid flimkien ma’ osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni legali mqajma, u f’każ ta’ persistenza ta’ nuqqas ta’ qbil mal-awla adita, huwa jista’ biss jinforma lill-president tal-qorti jew dak tas-sezzjoni, responsabbli mit-tmexxija tal-ħidma, li huma l-uniċi kompetenti li jadixxu dan il-kulleġġ estiż, “meta jiġi kkonstatat li jeżistu interpretazzjonijiet differenti bejn is-sezzjonijiet, l-awli jew il-qrati dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi jew meta awla jew imħallef ta’ sezzjoni jinjora l-pożizzjoni legali adottata preċedentement” (53). Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-motivi taqa’ biss taħt dawn iż-żewġ korpi kompetenti li jadixxu lis-sezzjoni (54), li tadotta pożizzjoni legali, jekk ikun il-każ, kuntrarja għall-approċċ tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni u li torbtu bħala mħallef tas-sezzjoni kkonċernata (55). Għalhekk, huwa ma jistax jiġi kkunsidrat li għandu l-“aħħar kelma” fil-proċess ta’ deliberazzjoni li jintemm bl-adozzjoni ta’ pożizzjoni legali, li għandha saħħa vinkolanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni legali, u sussegwentement fuq id-deċiżjoni tal-kulleġġ adit.

71.      Jeżisti għalhekk mekkaniżmu proċedurali intern, magħruf minn diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li jipprevedi l-involviment ta’ kulleġġ estiż mingħajr trasferiment tal-kawża kkonċernata, peress li dan il-kulleġġ ma jagħtix deċiżjoni li taqta’ l-kawża minflok l-awla inizjalment adita iżda jiddeċiedi biss dwar kwistjoni ta’ liġi u jirrinvija l-kawża quddiem il-kulleġġ ġudikanti inizjali sabiex huwa jiddeċiedi dwar il-kawża filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni t-tweġiba mogħtija mill-kulleġġ estiż. Skont is-sistemi ġuridiċi, il-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar tkun ta’ natura konsultattiva jew, bħal f’dan il-każ, ikollha saħħa vinkolanti (56), limitata għall-kulleġġ inizjali jew estiża għall-kulleġġi oħra.

72.      Għalkemm f’ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti, ir-riferiment għall-kulleġġ estiż huwa rriżervat għall-awla inizjalment adita, fil-kuntest ta’ fakultà jew obbligu, fil-każ fejn hija tipprevedi li tinjora l-ġurisprudenza preċedenti jew għall-każijiet fejn tiġi kkonstatata diverġenza fil-ġurisprudenza jew meta jeżisti riskju ta’ tali diverġenza, dan ir-riferiment jista’ jkun attribwit lil organu ġudizzjarju terz, bħall-president tal-qorti jew tas-sezzjoni kkonċernata, li huwa sempliċement avżat, f’dan il-każ, mill-Imħallef tar-reġistrazzjoni.

b)      Fuq irrekwiżit tarrispett ta’ drittijiet taddifiża

73.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li s-seduti ta’ sezzjoni ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku u li l-partijiet ma humiex f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom fihom. Waqt is-seduta ġie osservat li l-proċessi verbali ta’ dawn is-seduti ma jinxterdux u li f’dawn tal-aħħar jipparteċipaw imħallfin li ma qrawx l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u lanqas semgħuhom, kollha elementi li jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-proċess huwiex ġust. L-istess japplika għall-intervent tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni.

74.      Għandu jitfakkar li l-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet, ikkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, u l-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB, huma kkostitwiti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt li persuna tieħu parir, li tiġi difiża u li tiġi rrappreżentata. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u li tali dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul l-imsemmija proċedura (57).

75.      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li skont l-Artikolu 334 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kroat, “qorti hija marbuta bis-sentenza tagħha hekk kif tiġi ppubblikata, u jekk is-sentenza ma hijiex ippubblikata, hekk kif tiġi mibgħuta. Is-sentenza tipproduċi effetti fir-rigward tal-partijiet mill-ġurnata li tiġi nnotifikata lilhom”. Skont l-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati, “[f]il-qrati tat-tieni istanza l-kawża titqies li hija magħluqa fil-mument li tintbagħat id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-Imħallef, wara li l-kawża tasal lura mill-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet”.

76.      Mid-dispożizzjonijiet fuq imsemmija jirriżulta li l-mekkaniżmu proċedurali inkwistjoni jaqa’ fil-fażi tad-deliberazzjoni tal-proċess quddiem il-kulleġġ adit, peress li ma tkun għadha ngħatat formalment ebda deċiżjoni ġudizzjarja wara d-dibattiti fi ħdan dan il-kulleġġ, u dan irrispettivament mill-ftehim b’maġġoranza jew unanimu tal-imħallfin li jifformawh dwar l-ewwel deliberazzjoni. Din il-fażi ta’ deliberazzjoni tiġi wara proċedura li matulha l-partijiet setgħu jesponu l-pretensjonijiet u l-argumenti tagħhom b’mod kontradittorju u l-uniku għan tagħha huwa li tippermetti lill-maġistrati jwettqu ħidma ta’ riflessjoni u ta’ analiżi rigward it-tilwima sottomessa u s-soluzzjoni tagħha b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

77.      F’dan il-każ, din id-deliberazzjoni tinkludi riflessjoni mwettqa kulleġġjalment mill-imħallfin membri tas-sezzjoni kkonċernata, li ma għandhomx il-proċess tal-kawża eżaminat mill-awla adita u li tirrigwarda biss l-interpretazzjoni astratta tad-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet legali inkwistjoni diskussi matul il-proċedura kontradittorja preliminari. F’dan il-kuntest, bħala prinċipju, ma jistax ikun hemm pożizzjonijiet legali adottati abbażi ta’ elementi li dwarhom il-partijiet ma għandhomx il-possibbiltà li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk id-dibattiti fi ħdan is-sezzjoni jwasslu finalment għall-konklużjoni li t-tilwima għandha tkun risolta b’konformità ma’ dispożizzjoni legali mhux imsemmija u diskussa mill-partijiet matul il-proċedura kontradittorja, l-implimentazzjoni ta’ tali pożizzjoni legali timplika ftuħ mill-ġdid tad-dibattiti għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jaqa’ taħt id-drittijiet tad-difiża. Dan ma jfissirx li d-diskussjoni bejn imħallfin fi ħdan is-sezzjoni ma tistax tirrigwarda ġurisprudenza mhux iċċitata mill-partijiet jew tieħu l-forma ta’ raġunament b’analoġija ma’ dispożizzjoni differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża eżaminata mill-awla adita. Iżda dan id-dibattitu dwar il-kwistjoni ta’ liġi pura jikkostitwixxi essenzjalment il-ħidma tal-imħallef.

78.      Jekk wieħed jaċċetta d-distinzjoni bejn interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali, ma jistax jiġi sostnut, fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq, ksur tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq.

c)      Fuq laċċess għal qorti stabbilita milliġi

79.      Abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li din il-materja tkun irregolata minn liġi adottata mis-setgħa leġiżlattiva b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (58).

80.      F’dan ir-rigward, skont il-Qorti EDB, għalkemm id-dritt għal “tribunal [...] mwaqqaf b’liġi” ggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk l-imsemmija qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li minkejja li r-rekwiżiti istituzzjonali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandhom għan preċiż li jipprovdu garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn għandhom komuni bejniethom il-fatt li huma intiżi għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-Istat tad-dritt u tas-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li tispeċifika, f’dan ir-rigward, li kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra (59).

81.      F’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali previsti fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirrigwardawx l-eżistenza nnifisha u l-ġurisdizzjoni tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), li huma bbażati fuq bazi legali pprovat, iżda l-proċess deċiżjonali tagħha, wara għeluq tal-proċedura kontradittorja bil-miktub, u jekk ikun il-każ, orali, li jwassal għall-adozzjoni tal-att ġudizzjarju finali li jiddeċiedi t-tilwima sottomessa mill-partijiet, u b’mod iktar partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom jintervjenu f’dan il-proċess is-sezzjoni tal-imħallfin u l-Imħallef tar-reġistrazzjoni. Fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għal-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (60).

82.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-kwistjoni mqajma mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma hijiex dik ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli interni li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-kulleġġ ġudikanti adit fir-rigward ta’ elementi esterni (61) iżda pjuttost dik tal-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw il-fażi ta’ deliberazzjoni tal-proċess ta’ natura li jistgħu jqajmu tali dubju.

83.      F’dan ir-rigward, nirrileva li r-regoli kollha relatati mal-funzjonament tas-sezzjoni tal-imħallfin joriġinaw mil-Liġi dwar il-Qrati. Għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ din is-sezzjoni fil-fażi ta’ deliberazzjoni tal-kulleġġ adit hija bbażata fuq bażi legali inkontestabbli li toffri l-livell ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza meħtieġ sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ikkonċernat (62). Minbarra dan, kif ġie kkonstatat preċedentement, il-modalitajiet tagħha ma humiex tali li jistgħu jnisslu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi għal dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-membri tal-kulleġġ adit.

84.      L-eżistenza nnifisha tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni hija wkoll prevista mil-Liġi dwar il-Qrati, bit-titolu tal-funzjoni jinkludi d-definizzjoni tal-għan tiegħu, jiġifieri li jsegwi u jistudja l-ġurisprudenza. It-trażmissjoni tal-kawżi lil dan l-aħħar uffiċċju, qabel ma d-deċiżjonijiet jintbagħtu mill-uffiċċju tal-imħallef, tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati, regoli ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi adottati mill-Ministru għall-Affarijiet Ġudizzjarji skont is-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 76 tal-imsemmija liġi (63). Madankollu, id-dettalji preċiżi tal-kontenut ta’ din il-funzjoni la jinsabu f’din tal-aħħar u lanqas f’dawn ir-regoli, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-setgħa ta’ sospensjoni tar-reġistrazzjoni ta’ deliberazzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti. Din il-kompetenza tikkorrispondi għal prattika ġuridika jew issib, skont il-Gvern Kroat, bażi testwali f’att ġudizzjarju intern tal-qorti.

85.      Madankollu, għandu jitfakkar li r-rwol tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni huwa li jiżgura sorveljanza ġurisprudenzjali, li jsib il-kawżi simili sabiex jiżgura trattament uniformi tagħhom, u fin-negattiv, l-azzjoni aħħarija tiegħu hija li jinforma, sempliċi att ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja, lill-president tas-sezzjoni tal-imħallfin sabiex tissejjaħ seduta u tiġi adottata, wara diskussjoni u votazzjoni b’maġġoranza, pożizzjoni legali vinkolanti. Loġikament, matul iż-żmien meħtieġ għal din l-adozzjoni, il-proċess deċiżjonali huwa sospiż.

86.      Barra minn hekk, il-funzjoni tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni għandha tiġi rrikonċiljata mal-motivi għas-sejħa tas-seduta ta’ sezzjoni li jirrigwardaw, skont l-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar il-Qrati, l-eżistenza ta’ interpretazzjonijiet differenti bejn is-sezzjonijiet, l-awli jew l-imħallfin dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi jew meta awla jew imħallef ta’ sezzjoni jinjora l-pożizzjoni legali adottata preċedentement. L-intervent tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni jikkontribwixxi għall-koerenza u għall-effikaċja ta’ mekkaniżmu xieraq sabiex jiżgura l-unità tal-ġurisprudenza tal-qorti kkonċernata.

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervent speċifiku tal-Imħallef tar-reġistrazzjoni fil-proċess deċiżjonali bl-ebda mod ma huwa paragunabbli fil-portata tiegħu ma’ dak tas-sezzjoni għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-att ġudizzjarju li jtemm tilwima u jidhirli li għandu jevita, bid-differenza għat-tieni, ir-rekwiżit kontenut fl-espressjoni “mwaqqaf b‘liġi” (64).

3.      Konklużjoni intermedjarja

88.      Għar-raġunijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix mekkaniżmu intiż sabiex jiżgura l-koerenza tal-ġurisprudenza ta’ qorti, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Jidhirli li din il-konklużjoni hija bbażata wkoll fir-rigward ta’ żewġ osservazzjonijiet.

89.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 2 TUE, la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq l-Istati Membri mudell kostituzzjonali preċiż li jirregola r-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn is-setgħat statali differenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom, u lanqas mudell istituzzjonali għall-organizzazzjoni tal-ġustizzja (65). Id-determinazzjoni ta’ dan tal-aħħar, inkluż l-iżvolġiment tal-fażi tad-deliberazzjoni ta’ proċess, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt (66), b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, applikati għall-qrati tat-tieni istanza, u tal-indipendenza ta’ dawn il-qrati. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bobek, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tidentifika rekwiżiti minimi li magħhom sistemi nazzjonali għandhom jikkonformaw (67).

90.      Min-naħa tagħha, il-Qorti EDB ippreċiżat li f’pajjiżi rregolati mid-dritt ikkodifikat, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma tistax titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, li madankollu ma jeskludix li tiġi rrikonoxxuta lilhom ċerta setgħa ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. Wara kollox, id-delega ta’ poteri fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni ġudizzjarja hija aċċettabbli sa fejn din il-possibbiltà tidħol fil-kuntest tad-dritt intern tal-Istat inkwistjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kostituzzjoni tagħha (68).

91.      It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta ċertament li r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-partijiet f’kawża ma jistabbilixxux dritt miksub f’ġurisprudenza stabbilita. Żvilupp tal-ġurisprudenza ma jmurx fih innifsu kontra amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għax l-abbandun ta’ approċċ dinamiku u evoluttiv jirriskja li jostakola kwalunkwe riforma jew titjib (69). Issa, f’dan il-każ, il-mekkaniżmu inkwistjoni jidhirli li jistabbilixxi rikonċiljazzjoni relattivament xierqa bejn dawn ir-rekwiżiti u l-addattament neċessarju tad-dritt għall-iżviluppi soċjali permezz ta’ avvanzi pretorjani. Infakkar li l-pożizzjonijiet legali adottati waqt is-seduta tal-imħallfin ta’ qrati tat-tieni istanza ma jorbtux lill-qrati tal-ewwel istanza, li jistgħu jikkontradixxu l-approċċ adottat mill-Imħallef tar-reġistrazzjoni u fl-ebda każ ma jipprekludu lill-qorti suprema milli tgawdi r-rwol tagħha ta’ regolatur fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, jekk ikun il-każ, billi tannulla d-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza riferita filwaqt li tibdel il-ġurisprudenza.

V.      Konklużjoni

92.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ammissibbli t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lil din il-qorti:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens:

li ma jipprekludix leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali li jipprevedu, matul il-fażi ta’ deliberazzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja, tat-tieni istanza, dwar tilwima li kienet is-suġġett ta’ deliberazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti adit:

-      li l-president tal-qorti jew il-president ta’ sezzjoni speċjalizzata, fid-dawl ta’ din id-deliberazzjoni u f’sitwazzjoni ta’ riskju ta’ jew ta’ ksur tal-koerenza tal-ġurisprudenza tal-qorti, jadixxi kulleġġ estiż għall-finijiet tal-adozzjoni, b’maġġoranza tal-voti, ta’ pożizzjoni komuni dwar l-interpretazzjoni ta’ natura ġenerali u astratta tad-dispożizzjoni legali applikabbli, preċedentement diskussa mill-partijiet, li l-kulleġġ inizjali adit għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima dwar il-mertu;

-      li l-president tal-qorti jew il-president ta’ sezzjoni speċjalizzata jiġi avżat minn imħallef responsabbli milli jsegwi l-ġurisprudenza tal-qorti, b’sitwazzjoni ta’ riskju ta’ jew ta’ ksur tal-koerenza tagħha, minħabba ż-żamma mill-kulleġġ adit tad-deliberazzjoni inizjali tiegħu, u waqt l-istennija tal-adozzjoni tal-pożizzjoni legali fuq imsemmija, is-sospensjoni tal-għoti tad-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar it-tilwima minn dan il-kulleġġ u tan-notifika tagħha lill-partijiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Huglo, J.-G., “Le principe de sécurité juridique”, Cahier du Conseil constitutionnel n° 11, Diċembru 2001.


3      Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59).


4      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77).


5      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Miasto Łowicz”, EU:C:2020:234, punti 32 u 33).


6      Skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja) tieħu konjizzjoni fost oħrajn, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tat-tieni istanza, tal-kontenzjuż kummerċjali kif ukoll ta’ tilwim li jirrigwarda d-dritt tal-kumpanniji, id-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew anki l-ajruplani u l-vapuri. Skont l-Artikoli 21 u 24 tal-Liġi dwar il-Qrati, il-qorti tar-rinviju, tiddeċiedi dwar l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati kummerċjali, li jiddeċiedu dwar it-talbiet għall-bidu tal-proċedura ta’ insolvenza u jmexxu l-proċeduri ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja.


7      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Miasto Łowicz (punti 34 sa 36).


8      Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78), u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22).


9      Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9) u d-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18). Għandu jiġi nnotat li dan ir-regolament jirrigwarda l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali u li jiffoka fuq ir-riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjonijiet u ta’ liġijiet fil-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali u jiggarantixxi r-rikonoxxenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ insolvenza fl-Unjoni kollha. Huwa ma jarmonizzax id-dritt sostantiv tal-insolvenza tal-Istati Membri. Id-Direttiva 2019/1023 ma tippreġudikax il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2015/848 iżda hija intiża sabiex tikkompletah billi tistabbilixxi standards minimi sostantivi għall-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv, kif ukoll għall-proċeduri li jwasslu għal ħelsien mid-dejn għall-imprendituri (premessi 12 u 13).


10      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 34 u 35).


11      Fid-dawl tal-integrazzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri ta’ dritt tal-Unjoni dejjem iktar produttiv u tal-missjoni tal-qorti nazzjonali, qorti tal-Unjoni ta’ dritt komuni, li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jirrigwarda biss ir-rwol ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jidhirli li għandu jkun issodisfatt kważi sistematikament.


12      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, (C‑64/16, EU:C:2018:117).


13      Fil-fehma tiegħi, f’ċerti kawżi, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien iktar jidher bħala skuża proċedurali sabiex jiġu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċement bl-invokazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon/akkużi tal-awtur tagħhom rigward il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali.


14      Sentenza Miasto Łowicz (punti 44 sa 46 u 48).


15      Ara s-sentenza Miasto Łowicz (punti 49 sa 51).


16      Fil-fehma tiegħi, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza inkwistjoni jiddetermina l-proċess deċiżjonali matul il-fażi deliberattiva fi ħdan il-qorti tar-rinviju, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkritikati ma jagħmlux parti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kroat huwa irrilevanti.


17      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019 (C‑585/18, C-624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).


18      Sentenza Miasto Łowicz (punt 51).


19      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949) għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni domanda preliminari.


20      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 136).


21      Madankollu, dan huwa dak li essenzjalment tikkunsidra l-qorti tar-rinviju li tallega li l-mekkaniżmu ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza huwa ta’ natura li jkollu effett sinjifikattiv fuq l-osservanza tal-Istat tad-dritt u tal-indipendenza tal-imħallfin, b’mod partikolari, għaliex japplika fil-kawżi kollha quddiem il-qrati kollha tat-tieni istanza fil-Kroazja “indipendentement mill-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex applikat jew le għal dan il-każ” (paġna 4 tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑554/21).


22      Barra minn hekk, jista’ jiġi raġonevolment ikkunsidrat li dan il-mekkaniżmu qatt ma huwa ser jiġi eżaminat fil-futur minn qorti Kroata tat-tieni istanza f’każ ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni? Minbarra dan il-każ, tista’ tiġi prevista l-possibbiltà ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentata mill-Kummissjoni jew ta’ stħarriġ konvenzjonali mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il- “Qorti EDB”).


23      Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Prokuratura Rejonowa w Słubicach (C‑623/18, EU:C:2020:800); sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 94); tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punti 58 sa 66 u 87), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 67, 92 u 99).


24      Digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher (C‑256/19, EU:C:2020:523), li fih filwaqt li rriproduċiet ir-raġunament tas-sentenza Miasto Łowicz, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod speċifiku, immotivat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tielet ipoteżi ta’ ammissibbiltà minkejja il-konstatazzjoni preliminari tal-assenza ta’ rabta tal-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. F’din il-kawża li tirrigwarda it-tqassim tal-proċessi fi ħdan il-qorti, hija kkonstatat ukoll l-eżawriment mill-qorti tar-rinviju tar-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha u l-impossibbiltà għal din tal-aħħar li tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dwar jekk il-proċess kienx ġie attribwit lilha legalment. Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 48 u 49), li fiha r-rabta tal-kawżi prinċipali (proċeduri kriminali fil-fazi tas-sentenza), rigward il-mertu, mad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex espliċità, u s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 113 sa 121), li tiddikjara ammissibbli domanda li tirrigwarda eċċezzjoni proċedurali dwar il-locus standi tal-awtur ta’ risposta fil-kuntest ta’ kawża prinċipali li s-suġġett tagħha kien il-kisba minn assoċjazzjoni ta’ mħallfin ta’ data statistika miżmuma mill-Ispettorat Ġudizzjarju.


25      Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punti 46 u 47), waqt li jiġi osservat li ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kawżi prinċipali li kellhom jiġu deċiżi fil-mertu mill-qorti tar-rinviju kienu jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni.


26      Sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85); tat‑13 ta’ Ġunju 2033, Versalis vs Il‑Kummissjoni (C‑511/11 P, EU:C:2013:386), u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, EU:C:2015:383).


27      Regolament tal-Kunsill tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).


28      Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 38). Għal dan il-għan, kien ġie deċiż li l-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza” fis-sens tal-Artikolu 267(2) TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li ssir taf bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha, irrispettivament li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 ma tidhirx neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (punt 42 tas-sentenza).


29      Id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-mekkaniżmu fih innifsu, li japplika “irrispettivament mill-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex applikat f’dan il-każ” skont l-indikazzjonijiet ta’ din il-qorti. Barra minn hekk, din il-proċedura turi li donnu xejn ma jipprekludi l-qrati Kroati tat-tieni istanza milli jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE sabiex jitolbu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.


30      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 81).


31      Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 46).


32      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 64).


33      Sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander et Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643); tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 44); u d-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2023, Jurtukała (C‑55/23, EU:C:2023:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2016, Paroisse gréco-catholique Lupeni et vs Ir-Rumanija, (CE:ECHR:2016:1129JUD007694311, punti 116 u 129). Eżami ta’ sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti fi ħdan l-Unjoni juri li, fl-assenza ta’ mekkaniżmu tal-preċedenza fis-sens tad-dritt tal-common law, diversi ordinamenti ġuridiċi tal-Ewropa kontinentali rrikorrew għal mekkaniżmi interni intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza tal-ġurisprudenza fi ħdan il-qrati tagħhom.


35      Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2016, Paroisse gréco-catholique Lupeni et vs Ir‑Rumanija, (CE:ECHR:2016:1129JUD007694311, punt 123). Fil-kuntest ta’ sistemi li jipprevedu mekkaniżmi intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza tal-ġurisprudenza waqt it-trattament ta’ kawża partikolari, l-ordinamenti ġuridiċi tal-Unjoni jħalluhom pjuttost għall-qrati supremi, iżda jeżisti mekkaniżmu ta’ rinviju lil kulleġġ estiż fi ħdan qrati tat-tieni istanza, pereżempju fil-Ġermanja, għall-benefiċċju tal-qrati amministrattivi tal-appell meta dawn jiddeċiedu fl-aħħar istanza dwar kwistjoni partikolari, u fil-Finlandja.


36      Din l-istess klassifikazzjoni tapplika għall-proċedura ta’ reviżjoni li tista’ tinbeda quddiem il-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja) skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Kroat waqt is-seduta. Dan tal-aħħar ippreċiża wkoll li l-pożizzjonijiet legali adottati mill-qrati superjuri ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-ewwel istanza.


37      Qorti EDB, 1 ta’ Lulju 2010, Vusić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2010:0701JUD004810107), Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2016, Paroisse gréco-catholique Lupeni et vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2016:1129JUD007694311), u Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2019, Sine Tsaggarakis A.E.E. vs Il‑Greċja, (CE:ECHR:2019:0523JUD001725713).


38      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin) (C‑791/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja”, EU:C:2021:596, punti 50 u 51).


39      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 52.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 37).


41      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.


42      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 58.


43      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 sa 123).


44      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 60.


45      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 117).


46      Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2009, Parlov-Tkalčić vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2009:1222JUD002481006, punti 86 sa 88).


47      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt wara li twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 132)).


48      Fil-punti 42 u 43 tal-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Kroat isemmi digrieti tal-Ustavni sud (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja) li fihom huwa ppreċiżat li l-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ pożizzjonijiet legali humiex issodisfatti huwa deċiż mill-imħallfin innifishom, li jiddeċiedu b’mod awtonomu u indipendenti fil-kawża inkwistjoni u għandhom id-dritt u l-obbligu li jimmotivaw l-aspetti kollha tal-kawża li dwarhom jiddeċiedu, inkluż il-kwistjoni tal-applikabbiltà jew l-inapplikabbiltà ta’ pożizzjoni legali vinkolanti għall-bażi legali tal-azzjoni li kienet ikkonstatata.


49      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 35 u 37).


50      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 37).


51      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 71), u tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 33). Huwa minnu li, f’ċerti kawżi li fihom il-grad ta’ preċiżjoni/teknikalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa għoli, il-fruntiera bejn il-kunċetti ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali tista’ tirriżulta tenaċi. Madankollu, ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi evalwata, de jure, il-konformità tal-mekkaniżmu Kroat fid-dawl tal-unika partikolarità, de facto, ta’ xi kawżi, li ma tistax tannulla r-rilevanza tad-distinzjoni kunċettwali inkwistjoni.


52      Il-fatt li l-membri tal-kulleġġ ġudikanti ma għandhomx il-fakultà li jniżżlu punt fl-aġenda tal-laqgħa tas-sezzjoni ma huwiex ta’ natura li jnaqqas sa xejn, kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin.


53      Hemmhekk ukoll, il-formulazzjoni hija partikolarment sintomatika.


54      Jidhirli li din il-konstatazzjoni twieġeb għall-fatt li l-qorti tar-rinviju tikkontesta l-għażla tal-kawżi mill-Imħallef tar-reġistrazzjoni waqt l-implimentazzjoni tal-assenjazzjonijiet tiegħu, billi tindika b’mod iktar partikolari li l-parti interessata ma kinitx effettivament ikkonstatat kontradizzjoni ġurisprudenzjali fil-proċess li jikkorrispondi għall-Kawża C‑727/21.


55      Infakkar li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑727/21 jirriżulta li l-Imħallef tar-reġistrazzjoni, awtur tal-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2021 li tistieden lill-awla adita twettaq eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tagħha, kien parti mit‑28 imħallef preżenti mill‑31 li jifformaw is-sezzjoni kkonċernata, kif juri l-proċess verbali relatat ma’ din is-seduta.


56      Għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali, wara li tkun eżerċitat id-diskrezzjoni mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, tinjora l-evalwazzjonijiet ta’ qorti superjuri jekk tikkunsidra, fid-dawl ta’ din l-interpetazzjoni, li dawn ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni (digriet tas‑17 ta’ Lulju 2023, Jurtukala (C‑55/23, EU:C:2023:599, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


57      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punti 203 u 205.


58      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Ezami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124 li tikkwota s-sentenza tal-l-Qorti EDH tal- 1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233).


60      Ara b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 125 li tikkwota s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs l-Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232).


61      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Ezami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 71).


62      Ara b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 171.


63      Punt 11 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Kroat.


64      Huwa interessanti li jiġi osservat li fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-illegalitajiet li jaffettwaw il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef ma jikkostitwixxux ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali, li jikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, sa fejn dawn ma jammontawx għal ksur tar-regoli fundamentali relatati ma’ din il-proċedura. Kif jenfasizza awtur, b’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-portata tar-rekwiżit fuq imsemmi (ara Dero-Bugny D., “Le principe du juge légal en droit de l’Union européenne”, Journal du droit européen, p. 154, 2022).


65      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 38 u 43).


66      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442).


67      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 230).


68      Qorti EDB, 28 ta’ April 2009, Savino et vs L‑Italja, (CE:ECHR:2009:0428JUD001721405, punt 94) iċċitata fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 168.


69      Qorti EDB, 18 ta’ Diċembru 2008, Unédic vs Franza, (CE:ECHR:2008:1218JUD002015304, punt 74); Qorti EDB,  29 ta’ Novembru 2016, Paroisse gréco-catholique Lupeni et vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2016:1129JUD007694311, punt 116); u Qorti EDB,  20 ta’ Ottubru 2011, Nejdet Sahin u Perihan Sahin, (CE:ECHR:2011:1020JUD001327905, punt 58).