Language of document : ECLI:EU:T:2012:145

Kawżi magħquda T-458/09 u T-171/10

Slovak Telekom a.s.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tintalab informazzjoni — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li tintalab informazzjoni relatata ma’ perijodu preċedenti għall-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat ikkonċernat

(Artikolu 82 KE; Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1) u (3))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li tintalab informazzjoni relatata ma’ perijodu preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat ikkonċernat — Informazzjoni rilevanti

(Artikolu 82 KE; Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li tintalab informazzjoni relatata ma’ perijodu preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat ikkonċernat — Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Assenza

(Artikolu 82 KE; Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Indikazzjoni tal-bażijiet legali u r-raġuni għat-talba — Portata

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Modalitajiet

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18)

1.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sabiex tinżamm l-effettività tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża li tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha li tirrigwarda fatti li hija jista’ jkollha għarfien dwarhom u li tikkomunikalha, skont il-bżonn, id-dokumenti relatati magħha li jinsabu fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex jistabbilixxu, fir-rigward tagħha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv.

Il-kunċett ta’ informazzjoni neċessarja għandu jiġi interpretat skont l-għanijiet li fid-dawl tagħhom is-setgħat investigattivi inkwistjoni ngħataw lill-Kummissjoni. Dan jiġi sodisfatt bir-rekwiżit ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt, peress li, f’dan l-istadju tal-proċedura, din it-talba tista’ tiġi leġittimament ikkunsidrata bħala li tippreżenta relazzjoni mal-ksur preżunt, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippresupponi li d-dokument ser jgħinha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat. Minbarra dan, mill-Kummissjoni tista’ tiġi mitluba biss il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw l-iżvolġiment tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa tal-Kummissjoni, hija din li għandha tevalwa n-neċessità tal-informazzjoni li hija titlob mingħand l-impriżi kkonċernati. Minbarra dan, l-impriża li tkun qed tiġi investigata hija suġġetta għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li jimplika li hija żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi ta’ informazzjoni kollha relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-għan tiegħu u skont il-prinċipji ċċitati, jiġi kkunsidrat li s-setgħat investigattivi li huma previsti minn din id-dispożizzjoni huma suġġetti biss għar-rekwiżit tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba, evalwata mill-Kummissjoni, sabiex tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw l-iżvolġiment tal-investigazzjoni, u b’mod partikolari, li tiġi żvelata l-applikazzjoni abbużiva ta’ pożizzjoni dominanti pprojbita mill-Artikolu 82 KE u mill-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1), iċċitat iktar ’il fuq, li twassal li tipprojbixxi lill-Kummissjoni, bħala prinċipju, li titlob lil impriża informazzjoni dwar perijodu li matulu r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kinux applikabbli għaliha, filwaqt li tali informazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żvelat ksur possibbli ta’ dawn ir-regoli mill-mument meta dawn ikunu applikabbli għaliha, jista’ jwassal sabiex din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha u jmur kontra l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq informazzjoni li ttrattat l-aġir ta’ impriża preċedenti għall-adeżjoni tal-Istat Membru li fih hija stabbilita sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-prattiki tagħha, sussegwenti għal din l-adeżjoni, mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(ara l-punti 41-45, 52)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE jew 102 TFUE, informazzjoni u dokumenti preċedenti għad-data ta’ adeżjoni fl-Unjoni ta’ Stat ma jistgħux jiġu kkunsidrati, bħala prinċipju, irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ eventwali abbuż minn pożizzjoni dominanti minn impriża stabbilita f’dan l-Istat, minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni ta’ tali ksur tista’ tiġi fondata biss fuq informazzjoni oġġettiva u sussegwenti għall-ksur.

B’mod partikolari, informazzjoni u dokumenti, anki preċedenti għall-perijodu li fih seħħ il-ksur, li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni ta’ impriża jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-gravità tal-ksur possibbli u, għaldaqstant, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq id-doveri li ġew assenjati lilha mir-Regolament Nru 1/2003, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-fatt li l-kunċett ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax l-intenzjoni li ssir ħsara ma jwassalx għall-kunsiderazzjoni li l-intenzjoni li wieħed jirrikorri għal prattiki li ma jaqgħux fil-parametri tal-kompetizzjoni fuq il-merti hija f’kull każ irrilevanti, peress li din tista’ dejjem tittieħed inkunsiderazzjoni insostenn ta’ konklużjoni li l-impriża kkonċernata wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti, anki jekk tali konklużjoni għandha qabelxejn tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ implementazzjoni materjali tal-aġir abbużiv. Għalhekk il-Kummissjoni għandha d-dritt li teżamina d-dokumentazzjoni interna tal-impriżi kkonċernati, peress li hija tista’ turi li l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kienet maħsuba jew, bil-kontra, tissuġġerixxi spjegazzjoni differenti mill-prattiki eżaminati.

(ara l-punti 60-62)

3.      Il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta, għall-finijiet li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 82 KE wara l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, hija tipprova tikseb informazzjoni dwar l-aġir ta’ impriża, stabbilita f’dan l-Istat, fis-suq f’mument fejn hija ma kellhiex l-obbligu li tosserva din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari minħabba l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, li hija għandha tipprepara deċiżjoni bid-diliġenza kollha meħtieġa u li tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni kollha li jista’ jkollha effett fuqha. Il-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, is-setgħa li titlob lill-impriżi l-informazzjoni kollha neċessarja skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, informazzjoni u dokumenti, anki preċedenti għall-adeżjoni tal-Istat fl-Unjoni u għall-perijodu li fih seħħ il-ksur, jistgħu jirriżultaw neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq id-doveri li huma assenjati lilha minn dan ir-regolament, imparzjalment u b’mod ekwu.

(ara l-punti 70-72)

4.      L-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Kummissjoni tindika l-bażi legali u r-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija rikjesta u tistabbilixxi terminu li fih l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta. Din id-dispożizzjoni tippreċiża barra minn hekk li l-Kummissjoni tindika wkoll is-sanzjonijiet previsti mil-Artikolu 23, li hija tindika jew timponi s-sanzjonijiet previsti mil-Artikolu 24 u li hija tindika wkoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha rigward il-ksur preżunt, lanqas li tagħmel klassifikazzjoni legali sostanzjali ta’ dan il-ksur, iżda hija għandha tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika.

(ara l-punti 76, 77)

5.      It-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lil impriża, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għaliha oneru sproporzjonat meta pparagunat man-neċessitajiet tal-investigazzjoni. Minbarra dan, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ kull persuna, indipendentement jekk hija fiżika jew ġuridika, huwa rrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, titlob informazzjoni lil impriża permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal talba sempliċi preċedenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-fatt biss li adottat deċiżjoni mingħajr ma indirizzat tali talba minn qabel lil impriża.

(ara l-punti 81, 90)