Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Novembru 2009 - Slovak Telekom a.s. vs Il-Kummssjoni

(Kawża T-458/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Slovak Telekom a.s. (Bratislava, ir-Repubblika Slovakka) (rappreżentanti: M. Maier, L. Kjølbye u D. Geradin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummssjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummssjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 6840, tat-3 ta' Settembru 2009, li tordnalha, abbażi tal-Artikoli 18(3) u 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 1, li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/39523 - Slovak Telekom, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE u li timponi pagamenti ta' penalità f'każ ta' nonosservanza tad-deċiżjoni.

Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament 1/2003 fir-rigward ta' informazzjoni li tkopri perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka fl-UE. Ir-rikorrenti tqis li qabel din id-data, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tapplika d-dritt Komunitarju għal aġir li seħħ fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u li hija ma kinitx awtorizzata biex tagħmel użu mis-setgħa ta' investigazzjoni mogħti lilha mill-Artikolu 18(3) sabiex tikseb l-informazzjoni dwar dan l-istess perijodu.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tal-ekwità proċedurali stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġir tar-rikorrenti matul perijodu li fih id-dritt Komunitarju ma kienx applikabbli u ma kellux jiġi osservat mir-rikorrenti hija tali li tippreġudika lir-rikorrenti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità kif previst mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista' titlob lill-impriżi sabiex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ppruvatx ir-rabta meħtieġa bejn l-informazzjoni mitluba għall-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni u l-aġir allegatament illegali wara l-1 ta' Mejju 2004. Minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni m'għandhiex bżonn ta' informazzjoni jew dokumenti relatati mal-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni sabiex tevalwa jekk l-aġir tar-rikorrenti wara l-adeżjoni huwiex konformi mad-dritt Komunitarju.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).