Language of document : ECLI:EU:T:2013:23

Kawżi magħquda T‑346/11 u T‑347/11

Bruno Gollnisch

vs

Il-Parlament Ewropew

“Privileġġi u immunitajiet — Membru tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità — Attività mingħajr rabta mal-funzjonijiet ta’ membru — Proċedura għat-tneħħija tal-immunità — Deċiżjoni li ma jiġux imħarsa l-privileġġi u l-immunitajiet —Tmiem tal-interess ġuridiku — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Jannar 2013

1.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom — Kunċett ta’ opinjoni mogħtija fl-eżerċizzju tal-kariga — Bżonn ta’ rabta diretta u evidenti bejn l-opinjoni mogħtija u d-dmirijiet parlamentari — Opinjonijiet mogħtija bħala politiku nazzjonali — Assenza ta’ rabta — Inapplikabbiltà tal-immunità

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8 u 9)

2.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom — Portata — Impossibbiltà ta’ tneħħija ta’ din l-immunità — Verifika mill-Parlament tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tagħha

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8 u 9)

3.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità — Talba għall-ħarsien tal-immunità — Portata tad-deċiżjoni tal-Parlament — Talba mressqa parallelament mat-talba għat-tneħħija tal-immunità

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8 u 9)

4.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità — Talba għat-tneħħija tal-immunità — Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Parlament — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 9)

5.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità — Talba għat-tneħħija tal-immunità — Att imwettaq mill-membru tal-Parlament fuq it-territorju nazzjonali — Rikonoxximent tal-immunità abbażi tar-Regoli tal-Istat Membru

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8 u 9)

6.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Komunikazzjoni ta’ kumitat parlamentari Ewropew dwar il-prattika fil-qasam tal-privilieġġi u l-immunitajiet tal-membri — Komunikazzjoni li ma għandhiex in-natura ta’ att tal-Parlament — Att li ma jinkludix informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti li jista’ jikkostitwixxi garanzija preċiża sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi — Deċiżjoni ta’ teħid ta’ distanza mill-imsemmija komunikazzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

7.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom — Opinjonijiet li jaqgħu taħt l-inċitament għall-mibgħeda razzjali — Deċiżjoni tal-Parlament li titneħħa l-immunità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba

Artikolu 296 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9)

8.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Skadenza tal-mandat parlamentari — Proċedura ġudizzjarja nazzjonali li tista’ twassal għal din l-iskadenza — Obbligu għall-Istati Membri li jinformaw lill-Parlament Ewropew — Assenza

(Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 3(6))

9.      Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità — Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità — Deċiżjoni adottata mingħajr dibattitu f’seduta plenarja — Preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-membru tal-Parlament ikkonċernat quddiem il-kumitat parlamentari — Ksur tad-dritt għal smigħ — Assenza

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikoli 7(3) u 138(2))

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Natura kumulattiva — Illegalità — Assenza — Rabta kawżali — Assenza — Ċaħda tar-rikors

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Mill-kliem tal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sabiex tkun koperta bl-immunità, opinjoni ta’ membru fil-Parlament Ewropew għandha tingħata “fil-qadi ta’ dmirijiet[u]”, u dan jimplika l-eżiġenza ta’ rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari. Dan ma japplikax għall-opinjonijiet espressi minn membru tal-Parlament Ewropew, barra mill-konfini parlamentari, fil-kuntest ta’ funzjonijiet eżerċitati minn dan il-membru tal-Parlament bħala membru ta’ organu reġjonali ta’ Stat Membru u bħala president ta’ grupp politiku fi ħdan l-istess organu.

(ara l-punti 40, 77, 78)

2.      L-immunità parlamentari stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea tista’ titneħħa mill-Parlament Ewropew, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9, filwaqt li l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll ma tistax titneħħa. Għaldaqstant, meta awtorità nazzjonali tibgħatlu talba għat-tneħħija tal-immunità, huwa l-ewwel nett il-Parlament li għandu jivverifika jekk il-fatti li wasslu għat-talba tat-tneħħija jistgħux ikunu koperti mill-Artikolu 8, f’liema każ it-tneħħija tal-immunità tkun impossibbli. Jekk il-Parlament jasal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni ma tapplikax, huwa għandu, imbagħad, jivverifika jekk il-membru kkonċernat igawdix mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll għall-fatti li huwa jkun akkużat bihom u, jekk dan ikun il-każ, li jiddeċiedi jekk hemmx lok li din l-immunità titneħħa.

(ara l-punti 45-47)

3.      Peress li l-immunità tal-membru tal-Parlament Ewropew prevista fl-Artikolu 9 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea toħroġ mil-liġi u peress li din tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-Parlament Ewropew ineħħiha, id-difiża ta’ din l-immunità tidħol biss fil-każ fejn, fin-nuqqas ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti quddiem il-Parlament, l-immunità tal-imsemmi membru, kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu tkun ippreġudikata, b’mod partikolari, minħabba l-azzjoni tal-pulizija jew tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-membru jista’ jitlob lill-Parlament sabiex iħares l-immunità tiegħu, kif jipprevedi l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Il-ħarsien tal-immunità jikkostitwixxi għaldaqstant, mod kif il-Parlament jintervjeni, fuq talba ta’ membru tal-Parlament, meta l-awtoritajiet nazzjonali jiksru jew ikunu ser jiksru l-immunità ta’ wieħed mill-membri tagħhom.

Min-naħa l-oħra, jekk issir talba għat-tneħħija tal-immunità mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Parlament għandu jieħu d-deċiżjoni li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità. F’dak il-każ, ma jkunx għad hemm lok li jeżisti l-ħarsien tal-immunità, peress li kemm jekk il-Parlament ineħħi l-immunità u l-ħarsien tagħha ma jkunx għadu possibbli, u kemm jekk huwa jirrifjuta li jneħħi din l-immunità u l-ħarsien tagħha jkun inutli, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu avżati li t-talba tagħhom għat-tneħħija tal-immunità tkun ġiet miċħuda mill-Parlament u li l-immunità, għaldaqstant, tostakola l-miżuri li jistgħu jew ikunu jridu jieħdu dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 52-56)

4.      Għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Unjoni mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea huma ta’ natura funzjonali, sa fejn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ingħataw espressament lill-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Unjoni huma previsti fl-interess pubbliku tal-Unjoni jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija esklużivament lill-Unjoni u mhux ukoll lill-uffiċjali tagħha, lill-aġenti l-oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jiġi ppreżentat rikors skont it-Trattat.

Ċertament, il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li kellu intenzjoni jagħti lid-deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità, minħabba n-natura politika li għandha tali deċiżjoni. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati mill-istituzzjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 58-60)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 82-90)

6.      Komunikazzjoni magħmula biss mis-segretarjat ġenerali tal-Parlament Ewropew, li tirreferi għal dokument tal-Kumitat legali u tas-suq intern dwar il-prattika deċiżjonali tiegħu dwar it-tneħħija tal-immuita parlamentari u intiża sabiex tiffamiljarizza lill-membri tal-parlament fir-rigward ta’ din il-prattika, ma hijiex att tal-Parlament u għalhekk ma tistax torbot lil dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li tali dokument ma jistax jinkludi informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li jirriżultaw mill-Parlament, tali li jista’ jikkostitwixxi garanzija preċiża min-naħa tiegħu sabiex jinħolqu l-aspettattivi leġittimi fi ħdan membru tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, billi jitbiegħed minn din il-komunikazzjoni, il-Parlament ma jistax jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-imsemmija komunikazzjoni ma hijiex att ta’ din l-istituzzjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala leġiżlazzjoni ċara u preċiża li tippermetti lill-persuni li huma suġġetti għaliha li jkunu jistgħu jsiru jaf d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u bħala konsegwenza jieħdu l-provvedimenti tagħhom.

(ara l-punti 107, 115, 124)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 109-114)

8.      L-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew ma jipprovdi għal ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jinformawh bl-eżistenza ta’ proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ wieħed mill-membri tagħhom. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jibdew proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ Membru, il-president tal-Parlament għandu jitlobhom biex iżommuh informat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura u għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli mill-verifika ta’ kredenzjali, li fuq il-proposta tiegħu l-Parlament jista’ jieħu pożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jipprovdu għaldaqstant il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-president tal-Parlament u mhux mill-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa eskluż, fi kwalunkwe każ, li jista’ jiġi stabbilit xi obbligu fuq l-Istati Membri abbażi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Fil-fatt, l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat il-funzjonament intern tajjeb tal-Parlament u din ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, formalità proċedurali sostanzjali fil-proċedura għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru li l-ksur tagħha jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Parlament.

(ara l-punti 132-137, 141)

9.      Skont il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbiliti fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-persuna kkonċernata għandu jkun kellha l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha, li tagħti l-fehma tagħha b’mod utli fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi li abbażi tagħhom dik id-deċiżjoni tkun ġiet adottata. Minn dan isegwi li, skont dan il-prinċipju, deċiżjoni ma tistax tiġi adottata abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ ċirkustanzi li fuqhom il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-fehma tagħha utilment qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Madankollu, id-dritt għal smigħ ma jimplikax neċessarjament, li ssir diskussjoni pubblika f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju ma jimplikax, konsegwentement, li l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew, ta’ deċiżjoni li tikkonċerna t-tneħħija tal-immunità ta’ membru tiġi neċessarjament ippreċeduta b’diskussjoni fis-seduta plenarja, iżda tista’ tiġi adottata skont il-proċedura mingħajr diskussjoni u mingħajr emendi, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, l-membru kkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu għandu jingħata l-possibbiltà li jispjega ruħu quddiem il-kumitat parlamentari kompetenti u jista’ jippreżenta d-dokumenti u skritturi kollha li jidhrulu rilevanti.

(ara l-punti 167, 175-179)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 210-212, 222)