Language of document : ECLI:EU:T:2014:631

Kawża T‑151/11

Telefónica de España, SA

u

Telefónica Móviles España, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku ta’ xandir — Għajnuna li Spanja qiegħda tippjana li timplementa favur RTVE — Bidla tas-sistema ta’ finanzjament — Sostituzzjoni tad-dħul mir-reklamar b’taxxi ġodda fuq l-operaturi ta’ televiżjoni u ta’ telekomunikazzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Drittijiet proċedurali — Għajnuna ġdida — Bidla tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti — Miżura fiskali li tikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna — Eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn it-taxxa u l-għajnuna — Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2014

1.      Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Ċaħda ta’ rikors fuq il-mertu mingħajr deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà — Setgħa diskrezzjonali tal-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami tal-ilmenti — Ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali — Evalwazzjoni preliminari li għandha natura neċessarjament provviżorja — Possibbiltà għat-terzi interessati li jippreżentaw kummenti

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4(4), 6(1) u 7)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Miżura li tibdel skema ta’ għajnuna eżistenti — Bidla li ma taffettwax is-sostanza tal-iskema u li għandha natura li tista’ tiġi sseparata minn din l-iskema — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida biss ta’ dawk l-elementi ta’ din is-sistema li kienu affettwati fis-sostanza tagħhom mill-bidla

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(c); Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Kontradizzjoni fil-motivazzjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Għarfien mid-destinatarji tal-motivi reali tad-deċiżjoni u eżistenza ta’ bażi legali għad-dispożittiv tagħha

(Artikoli 107(1) TFUE u 296 TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Taxxi li jikkostitwixxu l-mod ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna — Assenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-finanzjament tal-għajnuna kkonċernata — Esklużjoni

(Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

6.      Rikors għal annullament — Stħarriġ tal-legalità — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att kontenzjuż

(Artikolu 263 TFUE)

7.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern — Kriterji

(Artikoli 106(2) TFUE u 107 TFUE)

8.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Kontroll mill-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 106(2) TFUE, Protokoll Nru 29 anness mat-Trattati UE u FUE)

9.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri

(Artikolu 106(2) TFUE; Protokoll Nru 29 anness mat-Trattati UE u FUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34 u 35)

2.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura tal-Istat sabiex jiġi evalwat jekk din tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ma hemm xejn xi jwaqqaf lit-terzi interessati milli jagħmlu kummenti mhux biss fir-rigward tad-dubji li l-Kummissjoni ssemmi fid‑deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda wkoll fir-rigward ta’ elementi oħra tal-miżura li tkun qiegħda tiġi investigata. F’dan il-kuntest, ma hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli, sussegwentement għal dubji mqajma fil-kummenti ta’ terz interessat, twettaq investigazzjoni iktar fid-dettall, tiġbor informazzjoni supplimentari u, jekk ikun il-każ, tibdel il-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 4(4) u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ natura preliminari li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni inizjali dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri investigati għandhomx in-natura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u ta’ jekk humiex kompatibbli mas-suq intern. Dan ifisser li tali deċiżjoni hija biss ta’ natura preparatorja. In-natura neċessarjament provviżorja tal-evalwazzjonijiet li jsiru f’tali deċiżjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, fid-deċiżjoni finali, tiddeċiedi li l-miżura investigata ma tikkostitwixxix għajnuna, li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni, li l-għajnuna nnotifikata tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet, jew li l-għajnuna nnotifikata hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, l-imsemmija terzi jistgħu jippreżentaw kummenti u l-Kummissjoni tista’ tieħu dawn il-kummenti inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(ara l-punti 45 sa 47)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61 sa 65 u 70)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86, 88, 90 u 190)

5.      Sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna. Fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, taxxa ma tkunx tista’ titqies bħala li hija allokata għal miżura ta’ għajnuna u għaldaqstant ma tikkostitwixxix waħda mill-modalitajiet tagħha. Is-sempliċi fatt li jkun hemm tali dispożizzjoni ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna. Meta jkun hemm tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk id-dħul mit-taxxa jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna. Sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, ma huwiex suffiċjenti, għaldaqstant, li d-dħul minn din it-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tagħha. Lanqas ma huwa biżżejjed li jintwera li l-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżura fiskali huwa allokat lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

(ara l-punti 102 sa 104)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 134)

7.      Sabiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom ikunu ssodisfatti: minn naħa, l-operatur ikkonċernat għandu jkun inkarigat b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni; min-naħa l-oħra, l-imsemmi operatur ma għandux jirċievi kumpens eċċessiv u l-finanzjament mill-Istat ma għandux jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq estern b’mod sproporzjonat.

(ara l-punt 152)

8.      Mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE għandhom ikunu bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament jingħata lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, iddefinita u organizzata minn kull Stat Membru u sa fejn dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni, bil-kundizzjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni t-twettiq tal-mandat ta’ dan is-servizz pubbliku.

Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-organizzazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-kontroll mill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-organizzazzjoni tagħha huwa limitat. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkopri fatti ekonomiċi kumplessi. Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa saħansitra iktar limitat mill-kontroll tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura tal-Istat Membru kkonċernat. L-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal verifika ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament inadegwata meta kkunsidrata fid-dawl tal-għan segwit.

(ara l-punti 158 sa 161 u 173)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 177)