Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2011 - Gobierno de Aragón et vs Il-Kunsill

(Kawża T-150/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Gobierno de Aragón (Aragón, Spanja), Principado de Asturias, Junta de Castilla y León (rappreżentanti: C. Fernández Vicién, I. Moreno-Tapia Rivas, E. Echeverría Álvarez, M. López Garrido, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 3(1)(a), (b) u (f), l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan ta' dan ir-rikors huwa l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-10 ta' Diċembru 2010, dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (2010/787/UE).

Insostenn ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti u konsegwentement ksur tal-Artikolu 194 TFUE.

Id-Deċiżjoni tagħmel żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti meta tgħid li l-kontribuzzjoni żgħira ta' faħam issussidjat għat-taħlita globali ta' enerġija ma għadhiex tiġġustifika ż-żamma ta' tali sussidji sabiex tiġi żgurata l-provvista ta' enerġija fl-Unjoni Ewropea. Billi għamlet dan l-iżball, id-Deċiżjoni inkwistjoni tikser wieħed mill-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija stabbilita fl-Artikolu 194 TFUE, li fil-paragrafu (b) jistabbilixxi l-obbligu li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Il-ħtieġa tal-għeluq jew tat-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija skont id-Deċiżjoni inkwistjoni għal mini li, filwaqt li fl-2011 ma humiex kompetittivi, jistgħu jsiru kompetittivi sal-2018, ma hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet intiżi mid-Deċiżjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati permezz ta' dan ir-rikors imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-ambjent, peress li ma jwasslux għat-tnaqqis tal-perċentwali tal-enerġija li hija prodotta mill-faħam. Id-dispożizzjonijiet kkontestati lanqas ma huma proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' kompetittività tal-industrija tal-faħam, peress li (i) jistgħu iwasslu għall-għeluq fl-2018 ta' mini li jkunu kompetittivi f'dak iż-żmien, iżda minħabba d-Deċiżjoni inkwistjoni kellhom jimpenjaw rwieħhom li jgħalqu peress fl-2011 ma setgħux jibqgħu jaħdmu mingħajr l-għajnuna pprovduta minn din id-deċiżjoni u (ii) ma jippromwovux iż-żamma ta' mini kompetittivi minn perspettiva ambjentali u ta' sigurtà.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrenti jsostnu li ċerti aspetti tad-Deċiżjoni inkwistjoni, billi jneħħu s-sigurtà tal-provvista bħala għan li huwa protett mir-regola l-ġdida, jiksru l-prinċipju Komunitarju tal-aspettattivi leġittimi.

4.    Ir-raba' motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni ma tagħtix raġunijiet suffiċjenti għall-adozzjoni ta' miżuri li huma differenti minn dawk stabbiliti fir-Regolament preċedenti u milll-kuntest leġiżlattiv li tagħmel parti minnu.

____________