Language of document : ECLI:EU:T:2004:268

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

16 ta' Settembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Il-portata ta' l-obbligu ta' eżami – Konverżjoni f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali – L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru. 40/94"

Fil-kawża T-342/02,

Metro-Goldwyn-Mayer Lion Corp., stabbilita f'Santa Monica, California (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn F. de Visscher, E. Cornu, E. De Gryse u D. Moreau, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentata minn S. Laitinen u D. Botis, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li hija

Moser Grupo Media, SL, stabbilita f'Santa Eulalia del Rio (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-5 ta' Settembru 2002 (kawża R 437/2001-3), li tiddikjara bħala inammissibli r-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Moser Grupo Media, SL u Metro-Goldwyn-Mayer Lion Corp.,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President u V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistatur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Novembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Mejju 2003,

wara s-seduta tat-28 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-7 ta' Novembru 1996, Moser Grupo Media SL ippreżentat, skond ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L11, p.1), kif emendat, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI).

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 38, 39 u 41 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       "pellikoli (films) reġistrati; diski kumpatti (awdjo-vidjo); apparati u strumenti ċinematografiċi, ottiċi u fotografiċi", li jaqgħu taħt il-klassi 9;

–       "rivisti, ritratti, kartelluni, materjal stampat u pubblikazzjonijiet" li jaqgħu taħt il-klassi 16;

–       "servizzi ta' xandir ta' programmi bit-televixin u bir-radju" li jaqgħu taħt il-klassi 38;

–       "servizzi ta' distribuzzjoni ta' kull tip ta' pubblikazzjonijiet, ta' vidjos u ta' pellikoli" li jaqgħu taħt il-klassi 39;

–       "servizzi ta' produzzjoni ta' films (pellikoli); servizzi ta' produzzjoni ta' films fuq vidjotejps; servizzi pprovduti mill-impriżi li jikru l-vidjo kassetts u l-films ċinematografiċi; editjar ta' programmi radjufoniċi u ta' televiżjoni; servizzi pprovduti fil-kuntest ta' studji ċinematografiċi" li jaqgħu taħt il-klassi 41.

4       Fid-9 ta' Marzu 1998, din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks tal-Komunità Nru 16/1998.

5       Fid-9 ta' Ġunju 1998, Metro-Goldwyn-Mayer Lion Corp. (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ressqet oppożizzjoni, abbażi ta' l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti MGM irreġistrata fid-Danimarka (klassijiet 9, 16 u 41), fil-Finlandja (klassijiet 9 u 41), fi Franza (klassijiet 9, 15, 16, 35, 38 u 41), fil-Ġermanja (klassi 9), fl-Italja (klassijiet 9, 15, 16, 35, 38 u 41), fil-Portugal (klassi 9), fi Spanja (klassi 9), fl-Iżvezja (klassi 9), fil-pajjiżi tal-Benelux (klassijiet 9, 15, 16, 20 u 41), fil-Greċja (klassijiet 9, 15 u 16), fir-Renju Unit (klassijiet 9, 35 u 41) u fl-Awstrija (klassijiet 9, 16 u 41), kif ukoll fuq l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 141820, ippreżentata fl-1 ta' April 1996 u li tkopri l-prodotti u s-servizzi inklużi fil-klassijiet 9, 38 u 41.

6       Permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2001 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' Oppożizzjoni"), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati. Waqt l-eżami tal-kawża, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ħaditx in konsiderazzjoni ċerti trade marks nazzjonali preċedenti, jiġifieri drittijiet rivendikati fl-Awstrija, fil-Greċja u fir-Renju Unit, u l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. F'dak li jirrigwarda t-trade marks nazzjonali msemmija hawn fuq, dawn ġew esklużi għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, id-dokument ippreżentat sabiex jipprova r-reġistrazzjoni nazzjonali miksuba fl-Awstrija wera li d-detentur tad-dritt in kwistjoni ma kienx ir-rikorrenti, iżda Metro-Goldwyn-Mayer Film Corp. It-tieni nett, it-traduzzjoni li tirrigwarda r-reġistrazzjoni nazzjonali miksuba fil-Greċja la kienet korretta u lanqas suffiċjenti u għaldaqstant ma kinitx aċċettata. It-tielet nett, il-prova tal-proprjetà tar-reġistrazzjonijiet nazzjonali fir-Renju Unit kienet ibbażata biss fuq l-informazzjoni provenjenti minn database databaseprivata u minħabba f'dan kienet insuffiċjenti.

7       Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-raġuni tal-probabbilita ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u ppreċiżat li, peress li laqgħet l-oppożizzjoni abbażi ta' l-imsemmija dispożizzjoni, l-eżami ta' l-argumenti bbażati fuq raġunijiet oħra ta' oppożizzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 8(4) u (5) ma kienx neċessarju.

8       Fl-4 ta' April 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Hija allegat li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni d-drittijiet nazzjonali preċedenti miksuba fl-Awstrija, fil-Greċja u fir-Renju Unit, kif ukoll l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u tiċħad l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-Unjoni Ewropea kollha sabiex timpedixxi konverżjoni eventwali ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, skond l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 40/94.

9       Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta' Settembru (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell iddeċieda li r-rikors ta' l-appell kien inammissibbli minħabba li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti fis-sens ta' l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti ma talbitx, la b'mod espliċitu u lanqas b'mod impliċitu, li tiġi adottata deċiżjoni li timpedixxi lil Moser Grupo Media SL milli tikkonverti l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali. Barra dan, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, l-għan tal-proċedura ta' oppożizzjoni mhuwiex li tirregola l-kunflitti ta' trade marks fuq livell nazzjonali, imma li timpedixxi r-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja li tinsab f'konflitt ma' drittijiet preċedenti. Skond il-Bord ta' l-Appell, l-obbligu li tipproċedi għal eżaminazzjoni ta' l-oppożizzjoni lil hinn mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jmur kontra l-funzjoni prinċipali tal-proċedura ta' oppożizzjoni u l-prinċipji ta' ekonomija tal-proċedura.

10     Is-sinjal verbali MGM kien irreġistrat bħala trade mark Komunitarja għar-rikorrenti fis-7 ta' Ottubru 2002.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni safejn hija laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni ta' Moser Grupo Media SL, u tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kollha kemm hi fuq il-bażi tat-trade marks MGM irreġistrati fuq livell nazzjonali;

–       tannulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, prinċipalment, safejn hija ma tiħux in kunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tar-rikorrenti u sussidjarjament safejn hija ma tiħux in konsiderazzjoni t-trade marks nazzjonali preċedenti rreġistrati fl-Awstrija, fil-Greċja u fir-Renju Unit;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

13     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

14     Ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 42(1)(a) u ta' l-Artikolu 8(2) kif ukoll ta' l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

15     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell għamel żball meta qies li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma effettwathiex ħażin. Hija ssostni li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma laqgħatx it-talbiet kollha meta ċaħħditha mid-dritt tagħha għal eżami dettaljat tal-kawża tagħha. Rigward dan, hija ssostni li, peress li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni la ħadet in kunsiderazzjoni t-trade marks nazzjonali miksuba fl-Awstrija, fil-Greċja jew fir-Renju Unit u lanqas l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, li f'dak iż-żmien kienet qed tiġi trattata, Moser Grupo Media SL għadha tista' tikkonverti l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja ma ġietx miċħuda, fuq il-bażi ta' drittijiet preċedenti tar-rikorrenti, skond l-Artikolu 108 tar-Regolament 40/94. Din il-possibbiltà kienet tkun eskluża kieku d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni bbażat ruħha, kif kellha tagħmel, jew fuq id-drittijiet nazzjonali preċedenti kollha tar-rikorrenti, jew fuq l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, ir-raġunijiet li jipprovdu l-bażi għad-deċizjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni jillimitaw l-effetti taċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni ta' Moser Grupo Media SL.

16     Rigward l-affermazzjoni li r-rikorrenti ma talbitx b'mod espliċitu li r-rifjut ikun l-iktar wiesa' possibbli, ir-rikorrenti tallega li talba bħal din la hija neċessarja u lanqas meħtieġa mir-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li l-oppożizzjoni tagħha hija bbażata fuq diversi drittijiet nazzjonali preċedenti u fuq l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 40/94, it-talba tagħha hija intiża sabiex tikseb ir-rifjut l-iktar wiesa' possibbli ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

17     Hija tallega li, skond ir-regola 20(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha tissospendi l-proċedura ta' oppożizzjoni għal wara r-reġistrazzjoni finali tat-trade mark Komunitarja MGM sabiex, imbagħad, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq it-trade mark irreġistrata.

18     Barra dan, peress illi d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni d-drittijiet nazzjonali preċedenti miksuba fl-Awstrija, fil-Greċja jew fir-Renju Unit, din ma kienet ibbażata fuq ebda raġuni leġittima.

19     Il-prova tar-reġistrazzjoni tat-trade mark MGM fl-Awstrija kienet miċħuda, peress li hija kienet ippreżentata f'isem Metro-Goldwyn-Mayer Film Corp., u mhux f'isem ir-rikorrenti. Madankollu, din hija l-istess persuna ġuridika. Rigward dan, ir-rikorrenti tirreferi għal-lista tal-kumpanniji sussidjarji tagħha u tal-kumpanniji sister, ippreżentata fl-anness 6 tar-rikors.

20     Ir-rikorrenti ssostni li ma tteħidx in kunsiderazzjoni r-reġistrazzjoni tat-trade mark Griega, peress li n-numru msemmi fit-traduzzjoni ma kienx l-istess bħal dak fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni. Dan kien minħabba nuqqas ta' ftehim, peress li t-traduzzjoni ppreżentata fl-ewwel osservazzjonijiet għas-sostenn ta' l-oppożizzjoni lanqas ma semmiet in-numru in kwistjoni.

21     Fl-aħħar nett, ma ttiħdux in kunsiderazzjoni t-trade marks reġistrati fir-Renju Unit minħabba li d-dokumenti ppreżentati kienu kopji meħuda minn databases privati. Mandankollu, id-dokumenti pprovduti fl-20 ta' Frar 2000 mill-avukati tar-rikorrenti fuq it-talba għal informazzjoni addizzjonali ta' l-UASI (ċertifikati ta' tiġdid) huma meħuda mid-databases ta' l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit u huma aċċettati fil-każ ta' l-uffiċċji lokali tat-trade marks.

22     Rigward l-argument li l-proċedura ta' oppożizzjoni mhijiex intiża sabiex ikun hemm is-soluzzjoni ta' kunflitti ta' trade marks fuq livell nazzjonali, il-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura ta' konverżjoni tirriżulta mir-Regolament Nru 40/94 stess, b'mod partikolari mill-Artikolu 108 tiegħu.

23     Huwa minħabba dan li l-Bord ta' l-Appell kif ukoll id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà għal Moser Grupo Media SL li tikkonverti l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali u għaldaqstant kellhom jibbażaw ir-rifjut tagħhom għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fuq it-trade marks nazzjonali preċedenti kollha invokati u fuq it-trade mark Komunitarja tar-rikorrenti.

24     Hija żżied li, safejn it-trade mark MGM kienet finalment irreġistrata fis-7 ta' Ottubru 2002, il-proċedura m'għandhiex għalfejn tkun iktar sospiża u l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tieħu in kunsiderazzjoni r-reġistrazzjoni. Peress li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddeċidiet, ġustament skond ir-rikorrenti, li kienet teżisti probabbilità ta' konfużjoni bejn it-trade mark tar-rikorrenti MGM u t-trade mark figurattiva Moser Grupo Media SL, l-istess raġunament għandu jkun applikabbli għat-trade mark Komunitarja MGM li issa hija rreġistrata.

25     Skond l-UASI, ir-rikorrenti ma talbitx, la b'mod espliċitu u lanqas b'mod impliċitu, li tiġi adottata deċiżjoni li timpedixxi lill-applikant għat-trade mark Komunitarja milli jikkonverti l-applikazzjoni tiegħu f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali.

26     Rigward il-kwistjoni jekk l-UASI kellux obbligu li jeżamina l-oppożizzjoni bl-aktar mod estiż possibbli, dan ta' l-aħħar isostni li l-għan prinċipali tal-proċedura ta' oppożizzjoni hija li tipprovdi strument lid-detenturi ta' drittijiet preċedenti sabiex jimpedixxu r-reġistrazzjoni ta' trade marks Komunitarji li huma f'kunflitt mad-drittijiet preċedenti tagħhom u mhux sabiex jipproteġu d-drittijiet tat-trade marks jew sabiex tinġieb is-soluzzjoni ta' konflitti ta' trade marks fuq livell nazzjonali.

27     L-UASI jikkunsidra li l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser sempliċement li ma tistax tibbaża ċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni fuq il-fatt li trade mark għadha mhijiex irreġistrata. Ir-regola 20(6) tar-Regolament Nru 2868/95 fl-ebda każ ma tobbliga lill-UASI li jissospendi l-proċedura ta' oppożizzjoni.

28     Barra dan, l-Artikoli 108 sal-110 tar-Regolament Nru 40/94, li jistabbilixxu r-regoli dwar il-konverżjoni ta' l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji f'applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali, ma jikkostitwixxux il-bażi ta' interess ġuridiku tal-partijiet li jkunu qed jopponu li jirrikjedu li l-kwistjonijiet dwar il-konverżjoni fi trade mark nazzjonali għandhom ikunu deċiżi fl-istadju ta' l-oppożizzjoni. Skond l-UASI, l-interess ġuridiku li r-rikorrenti tallega li għandha kellu diġà jkun dirett u attwali fil-mument tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

29     L-UASI tfakkar li, fil-prattika, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tipprova tieħu in kunsiderazzjoni d-drittijiet preċedenti possibbli kollha jew sussidjarjament tagħti deċiżjonijiet li għandhom portata territorjali l-iktar wiesgħa possibbli, bil-kundizzjoni li ma tittawwalx il-proċedura.

30     Fl-aħħar nett, rigward il-fatt li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-trade marks nazzjonali tar-rikorrenti rreġistrati fl-Awstrija, fil-Greċja u fir-Renju Unit, l-UASI tfakkar li t-trade mark Awstrijaka mhijiex miżmuma mir-rikorrenti, imma minn kumpannija ta' l-istess grupp, li hija persuna ġuridika distinta. Rigward it-trade mark Griega, in-numru tar-reġistrazzjoni li jidher fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni mhuwiex l-istess bħal dak li jidher fit-traduzzjoni. Rigward it-trade marks tal-Gran Brittanja, il-provi li jistabbilixxu li dawn huma l-proprjetà tar-rikorrenti ttieħdu minn database privata. Għaldaqstant m'hemmx garanzija li l-informazzjoni hija eżatta u aġġornata. L-UASI tikkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ġustament ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-trade marks nazzjonali in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

31     Ir-rikorrenti tikkritika, fis-sustanza, lill-UASI għall-fatt li M Moser Grupo Media SL tista' dejjem tikkonverti l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali fl-Istati Membri, fejn l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja ma kinitx miċħuda fuq il-bażi ta' trade marks preċedenti tar-rikorrenti, skond l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 40/94, peress li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni la t-trade marks nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti miksuba fl-Awstrija, fil-Greċja jew fir-Renju Unit u lanqas l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li kienet qed tiġi trattata dak iż-żmien.

32     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li "[k]ull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b'mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista' tappella".

33     Fil-każ in eżami, huwa kostanti li d-deċiżjoni kkontestata ddikjarat ir-rikors quddiem il-Bord ta' l-Appell bħala inammissibbli għar-raġuni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat it-talbiet tar-rikorrenti, fis-sens ta' l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94.

34     Rigward dan, huwa importanti li jiġi osservat li l-proċedura ta' oppożizzjoni għandha bħala għan li timpedixxi r-reġistrazzjoni ta' trade marks Komunitarji li jinsabu f'kunflitt mat-trade marks jew mad-drittijiet preċedenti. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista' twassal għall-ksib ta' l-għanijiet tar-Regolament 40/94. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni premessa tar-Regolament 40/94, is-sistema Komunitarja tat-trade marks tagħti lill-impriżi d-dritt li jiksbu, skond proċedura unika, trade marks Komunitarji li jibbenefikaw minn protezzjoni uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Komunità u li l-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja, hekk ifformulat, għandu japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

35     Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tal-proċedura ta' oppożizzjoni hija li tagħti l-impriżi, il-possibbiltà li jopponu, skond proċedura unika, l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji li jistgħu joħolqu probabbilità ta' konfużjoni mat-trade marks tagħhom jew mad-drittijiet tagħhom preċedenti u mhux li tirregola minn qabel il-konflitti li jistgħu jinqalgħu fuq livell nazzjonali.

36     Fil-każ in eżami, huwa kostanti li l-oppożizzjoni tar-rikorrenti ġiet milqugħa għal prodotti u servizzi kollha kkonċernati u li r-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Moser Grupo Media SL, kienet miċħuda. Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għalhekk laqgħet it-talba tar-rikorrenti.

37     Huwa importanti wkoll li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni la eżaminat it-trade marks nazzjonali preċedenti tagħha miksuba fl-Awstrija, fil-Greċja jew fir-Renju Unit u lanqas l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja kellu konsegwenzi ġuridiċi negattivi għaliha u dan indipendentement mill-eżitu tal-kawża.

38     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li huwa veru li r-Regola 15(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li "[o]ppożizzjoni tista' ssir fuq il-bażi ta' marka jew marki preċedenti li jaqgħu taħt it-tifsira mogħtija f'Artikolu 8(2) tar-Regolament ('marki preċedenti') jew ta' jedd jew jeddijiet preċedenti li jaqgħu taħt it-tifsira mogħtija f'Artikolu 8(4) tar-Regolament ('jeddijiet preċedenti')".

39     Barra dan jirriżulta mir-Regolament Nru 40/94, u b'mod partikolari mill-Artikolu 108(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li kien fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għal din il-kawża li "[l]-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ li applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew it-trade mark Komunitarja tiegħu tiġi tinqeleb f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali.[…] sakemm l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda, irtirata, jew meqjusa bħala irtirata".

40     Huwa wkoll veru li r-raġunijiet għal rifjut ta' applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tistax tiġi rreġistrata fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, huwa previst fl-Artikolu 108(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94 li l-konverżjoni m’għandhiex isseħħ għall-iskop ta’ protezzjoni fi Stat Membru fejn, skond id-deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju jew tal-qorti nazzjonali, japplikaw raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni jew japplikaw raġunijiet għar-revoka jew l-invalidità ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew ta’ trade mark Komunitarja.

41     Mandankollu, huwa paċifiku li l-proċedura ta' konverżjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja f'applikazzjoni għal trade mark nazzjonali tibqa' biss fakultattiva għall-applikant tat-trade mark Komunitarja. Barra dan, din il-proċedura, bl-ebda mod, ma tagħti lill-applikanti d-dritt li jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni fuq reġistrazzjoni nazzjonali eventwali hija riservata għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra dan, il-partijiet li jkunu qed jopponu għandhom il-possibbiltà li jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali.

42     Barra dan, m'hemm xejn li jimpedixxi applikant, li l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja kienet miċħuda wara proċedura ta' oppożizzjoni, milli jippreżenta applikazzjonijiet simili quddiem l-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma jirrikorri għall-proċedura ta' konverżjoni.

43     Konsegwentament, għandu jiġi kkonstatat li l-interess allegat mir-rikorrenti jirrigwarda sitwazzjoni ġuridika futura u inċerta.

44     F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika hija ammissibbli biss meta r-rikorrent għandu interess li l-att kkontestat jiġi annullat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 59; tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 40 u tat-30 ta' Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T-212/00, Ġabra p. II-347, punt 33). Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T-138/89, Ġabra Rec. p. II-2181, punt 33) u huwa evalwat fil-ġurnata ta' meta r-rikors jiġi ppreżentat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T-159/98, Ġabra FP p. I-A-83 u II-395, punt 28). Jekk l-interess li qed jallega r-rikorrent jirrigwarda sitwazzjoni ġuridika futura, huwa għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal dik is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament ta' l-att ikkontestat (sentenza NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

45     Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat it-talbiet tar-rikorrenti billi laqgħet l-oppożizzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati għalkemm l-oppożizzjoni ma ntlaqgħetx fuq il-bażi tat-trade marks kollha mressqa bħala raġunijiet għall-oppożizzjoni.

46     Rigward in-neċessità allegata li tittieħed in kunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-UASI ressqet, ġustament, kunsiderazzjonijiet ta' ekonomija tal-proċedura. Peress li l-applikazzjoni ta' l-oppożizzjoni tista' tiġi milqugħa fuq il-bażi ta' trade marks nazzjonali preċedenti diversi, ma kienx neċessarju li ttawwal iktar il-proċedura billi tissospendi l-proċedura, skond ir-Regola 20(6) tar-Regolament Nru 2868/95 sabiex tistenna sakemm it-trade mark Komunitarja hija rreġistrata. Fil-fatt, ir-Regola 20(6) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li "[l]-Uffiċċju jista' jissospendi kwalunkwe proċediment ta' oppożizzjoni fejn l-oppożizzjoni hija bbażata fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni skond Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament sakemm tittieħed deċiżjoni definittiva f'dak il-proċediment, jew fejn ċirkustanzi oħra huma tali li sospensjoni bħal din hija xierqa". Għaldaqstant, is-sospensjoni tibqa' fakultattiva għall-UASI, li jirrikorri għaliha biss meta jaħseb li hija ġustifikata.

47     Fil-fatt, jekk wieħed jaċċetta t-teżi tar-rikorrenti li l-UASI għandu l-obbligu li jissospendi kull proċedura ta' oppożizzjoni bbażata fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-kuntest ta' din l-applikazzjoni, din tista' twassal għal sensiela ta' reazzjonijiet. Fil-fatt, jista' jiġri li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament, tkun hija stess suġġetta għal oppożizzjoni fir-rigward ta' applikazzjoni oħra għal reġistrazzjoni li, min-naħa tagħha, għandha, skond it-teżi tar-rikorrenti, tkun sospiża.

48     Rigward il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti talbitx jew le, b'mod espliċitu jew impliċitu, deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni bl-aktar effetti wiesgħa possibbli, jiġifieri deċiżjoni li tkopri t-trade marks nazzjonali preċedenti kollha li fuqhom hija bbażat l-oppożizzjoni tagħha kif ukoll l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, peress li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni m'għandha, fl-ebda każ, l-obbligu li teżamina t-trade marks u d-drittijiet preċedenti kollha għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-kwistjoni tar-relevanza, fir-rigward ta' l-imsemmi obbligu, tal-portata ta' l-oppożizzjoni hija irrilevanti.

49     Għall-istess raġunijiet, lanqas ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark MGM fuq livell Komunitarju u l-eżistenza ta' trade marks Awstrijaċi, Griegi u tal-Gran Brittanja kinux bażijiet validi għall-iskopijiet ta' applikazzjoni ta' oppożizzjoni.

50      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

51     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla )

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Settembru 2004

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.