Language of document : ECLI:EU:T:2004:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

21 ta' Settembru 2004(*)

"Maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 3319/94 – Kunċett ta' "sitwazzjoni partikolari" skond l-Artikolu 905 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Dazju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' soluzzjoni mħallta ta' urea u ta' nitrat ta' l-ammonju li toriġina mill-Polonja – Fatturazzjoni diretta lill-importatur"

Fil-kawża T-104/02,

Société française de transports Gondrand Frères SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M.Famchon, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Durand, B. Stromsky u X. Lewis, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni C(2002) 24 finali tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Jannar 2002, li tikkonstata li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni mhijiex iġġustifikata, f'każ partikolari,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest Ġuridiku

1        Il-premessa 39 tar-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 3319/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' soluzzjoni mħallta ta' urea u ta' nitrat ta' l-ammonju li toriġina mill-Bulgarija u mill-Polonja, esportata minn kumpanniji għajr dawk li huma eżenti mid-dazju u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost (ĠU L 350, p. 20) li jinsab fit-Titolu H, intitolat " Miżuri kontra d-dumping" tipprovdi

"B'kunsiderazzjoni għad-dannu konsiderevoli subit mill-industrija Komunitarja taħt il-forma ta' telf finanzjarju u minħabba l-fatt li l-iffissar ta' dazju ad valorem ikun ta' dannu għas-sitwazzjoni tal-prezz fis-suq Komunitarju ta' dan il-prodott staġonali u li huwa estremament sensibbli għall-prezz u minħabba l-eżistenza ta' numru ta' sorsi minn fejn jista' jiġi impurtat permezz ta' kumpanniji ta' pajjiżi terzi, huwa kkunsidrat approprjat li jiġi impost dazju varjabbli fuq livell li jippermetti lill-industrija Komunitarja żżid l-prezzijiet tagħha sa livell profitabbli għall-importazzjonijiet fatturati direttament mill-produtturi Bulgari jew Pollaki jew minn partijiet li esportaw il-prodott kkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, dazju speċifiku kkalkulat fuq l-istess bażi għall-importazzjonijiet l-oħra kollha sabiex jiġi evitat li jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 jistabbilixxi s-segwenti dazju definittiv kontra d-dumping :

"L-ammont tad-dazju kontra d-dumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Polonja huwa l-istess għad-differenza bejn il-prezz minimu ta' l-importazzjoni ta' EKU 89 għall-kull tunnellata ta' prodott u l-prezz [prezz, assigurazzjoni u ġarr (cif)] fil-fruntiera Komunitarja miżjud bid-dazju [Tariffa Doganali Komuni] (TDK) li għandu jitħallas għal kull tunnellata ta' prodott, f'kull każ fejn il-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja miżjud bid-dazju TDK li għandu jitħallas għal kull tunnellata ta' prodott huwa inqas mill-prezz minimu ta' importazzjoni u fejn l-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera huma direttament iffatturati lil importatur li huwa indipendenti mill-esportaturi jew mill-produtturi segwenti li jinsabu fil-Polonja :

[…]

- Zaklady Azotowe Pulawy, Pulawy,

- (kodiċi addizzjonali TARIC : 8793).

Għall-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera li mhumiex iffatturati direttament lill-importatur li huwa indipendenti mill-esportaturi jew mill-produtturi msemmija iktar 'il fuq li jinsabu fil-Polonja, id-dazju segwenti huwa stabbilit:

għall-prodott […] iċċertifikat minn Zaklady Azotowe Pulawy […] dazju speċfiku ta' EKU 19 għal kull tunnellata ta' prodott [...] (kodiċi addizzjonali TARIC: 8795)." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali"), jipprovdi li d-dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas jew meta ġie kkunsidrat l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2) ta' l-istess Kodiċi. Madankollu ebda ħlas lura jew maħfra m'għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta' ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta' azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

4        L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (iktar 'il quddiem il-"klawżola ta' ekwità") jgħid kif ġej:

" Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f'sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

- li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat,

- li jirriżultaw minn ċirkustanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur. Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq"

5        L-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali (ĠU L 253, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' implementazzjoni"), jipprovdi:

"Meta l-awtorità doganali ta' deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni skond l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista' tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta' l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartieni din l-awtorità għandu jittrażmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909.[…] "

6        L-Artikolu 399 tal-Kodiċi Doganali Franċiż jiddefinixxi "persuni kkonċernati" fil-frodi bħala dawk li ħadu sehem b'xi mod jew ieħor f'reat ta' kontrabandu jew f' reat ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni mingħajr dikjarazzjoni. Il-persuni kkonċernati fil-frodi jeħlu l-istess pieni bħal dawk li wettqu l-ksur u, barra minn hekk, pieni li jċaħħduhom mid-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 432 ta' l-istess Kodiċi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti hija kumpannija Franċiża li teżerċita l-attività ta' aġent tad-dwana awtorizzat. Fit-22 u 23 ta' Awwissu u fis-17 ta' Settembru 1996 hija rrilaxxat għaċ-ċirkulazzjoni libera, fl-uffiċċju doganali ta' Rouen (Franza), tliet kunsinni ta' soluzzjoni mħallta ta' urea u ta' nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw mill-Polonja, f'isem tliet kumpanniji Franċiżi, jiġifieri UNCAA, Champagne Fertilisants u EFI Trade (iktar 'il quddiem "il-kumpanniji destinatarji").

8        Dawn il-merkanziji kienu nxtraw mingħand il-kumpannija Pollakka Zaklady Azotowe Pulawy (iktar 'il quddiem "ZAP") mill-kumpannija Franċiża Evertrade. Il-merkanziji kienu l-ewwel iffatturati minn ZAP lil Evertrade li mbagħad iffatturathom lill-kumpannija destinatarji (fatturi tat-12 ta' Awwissu 1996, Numri 96.00230 u 96.00231 lil Champagne Fertilisants, u 96.00232 lil UNCAA, u tal-21 ta' Awwissu 1996, Numri 96.00243, 96.00244, 96.00245 u 96.00246 lil EFI Trade).

9        Id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati mir-rikorrenti jinkludu talba għal eżenzjoni mid-dazji kontra d-dumping fuq il-bażi ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94. Il-merkanziji ġew aċċettati mill-awtorità doganali fl-uffiċċju tad-dwana ta' Rouen (iktar 'il quddiem "l-awtorità doganali kompetenti"), li ttimbraw fuq dawn id-dikjarazzjonijiet "ACD" (admis conforme sur documents) (aċċettati konformement mad-dokumenti) meta dawn ġew ippreżentati fit-22 ta' Awwissu u fis-17 ta' Settembru 1996. Is-seba' fatturi maħruġa minn Evertrade (ara l-punt 8 iktar 'il fuq) kienu annessi ma' dawn id-dikjarazzjonijiet.

10      Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Lulju 1997, il-kollettur prinċipali tad-dwana u taxxi indiretti fil-kwartieri interreġjonali tad-dwana f'Rouen indika lir-rikorrenti li, wara kontroll li sar wara tad-dikjarazzjonijiet doganali, huwa kien ikkonstata li l-importazzjonijiet in kwistjoni ma kinux ġew direttament iffatturati minn ZAP lit-tliet kumpanniji destinatarji . Huwa qis li, għalhekk, id-dazju speċifiku ta' EKU 19 għal kull tunnellata ta' prodott kellu jiġi applikat f'dan il każ u li r-rikorrenti kellha tħallas dejn ta' FRF 1 757 175 bħala dazju kontra d-dumping u ta' FRF 96 643 bħala taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), jiġifieri ammont totali ta' FRF 1 853 818 (iktar 'il quddiem id-"dejn kontra d-dumping").

11      Permezz ta' ittra tat-3 ta' Awwissu 2000 indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana (Rouen), ir-rikorrenti talbet abbażi ta' l-Artikolu 236(1) u ta' l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, maħfra tad-dazji kontra d-dumping li hija ġiet mitluba tħallas. Fit-12 ta' Diċembru 2000 id-Direttorat Ġenerali tad-dwana u tat-taxxi indiretti Franċiz indikalha li t-talba tagħha għall-maħfra ġiet mgħoddija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

12      Permezz ta' Deċiżjoni C(2002) 24 finali tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Jannar 2002, li tikkonstata li l-maħra ta' dazji fuq l-importazzjoni mhijiex iġġustfikata f'każ partikolari, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata").

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta' rikors ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' April 2002 ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

14      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħar ma tipproċedi għal miżuri ta' istruttorja.

15      Peress illi r-rikorrenti ma ppreżentatx ruħha għas-seduta tat-18 ta' Diċembru 2003, ir-Reġistratur ikkonferma li n-notifika tas-seduta kienet ġiet mibgħuta fl-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu indikat mir-rikorrenti u li r-riferta ta' din in-notifika ġiet kienet mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni fuq sospensjoni eventwali, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tkompli s-seduta, peress illi l-Kummissjoni kienet ħalliet għad-diskrezzjoni tagħha biex tiddeċiedi.

16      Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta.

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        taħfer lir-rikorrenti d-dazji kontra d-dumping li ġew imposti fuqha.

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza :

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza taħfer lir-rikorrenti d-dazji kontra d-dumping li ġew imposti fuqha

 L-argumenti tal-partijiet

19      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza taħfer lir-rikorrenti d-dazji kontra d-dumping li ġew imposti fuqha. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax, fil-fatt, tassumi r-rwol ta' l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar maħfra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

20      Skond ġurisprudenza kostanti mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha, fil-kuntest ta' rikors għall-annullament ta' att ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, tindirizza inġunzjonijiet lill-Istituzzjonijiet Komunitarji jew li tassumi r-rwol mogħti lilhom. Fil-fatt, jekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla l-att ikkontestat, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha, skond l-Artikolu 233KE , tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta' annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T-67/94, Ġabra p. II-1, punt 200, u tas-16 ta' Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T-133/95 u T-204/95, Ġabra. p. II-3645, punt 52). Għaldaqstant il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza taħfrilha d-dazji kontra d-dumping imposti fuqha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

21      Biex issostni r-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi, bbażati, l-ewwel nett, fuq l-ineżistenza tad-dejn kontra d-dumping, it-tieni nett, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u t-tielet nett, fuq irregolarità fil-forma tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tad-dejn kontra d-dumping 

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tad-dejn kontra d-dumping. Hija ssostni li l-prezz iffatturat minn ZAP lill-Evertrade, u a fortiori minn Evertrade lill-kumpanniji destinatarji kien konsiderevolment għola mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni ta' EKU 89 imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 u li, għaldaqstant, dan ma kienx prezz ta' dumping. Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-aġent tad-dwana jiġi mġiegħel jsostni l-obbligu finanzjarju tad-dazji kontra d-dumping fir-rigward ta' importazzjonijiet li, bla dubju ta' xejn, ma kinux la s-suġġett ta' dumping u lanqas parti min skema intiża biex jiġu evitati l-miżuri antidumping, jikkostitiwixxi sitwazzjoni inaċċettabbli kemm bħala fatt, kemm fid-dritt u kif ukoll fl-ekwità.

23      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ineżistenza tad-dejn kontra d-dumping sabiex tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt id-deċiżjonijiet tagħha meħuda fir-rigward tal-maħfra abbażi ta' ekwità m'għandhomx bħala għan li jiddeċiedu fuq l-eżistenza ta' dejn doganali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 1998, Sportgoods, C-413/96 , Ġabra p. I-5285, punti 39 sa 43, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Lulju 1998, Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, T-195/97 , Ġabra p. II-2907, punt 36).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

24      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta' ekwità. Din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni huma intiżi sabiex ikopru sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha jinsab l-operatur ekonomiku kkonċernat meta mqabbel ma operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess attività (ara f'dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punt 18, u tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 52). Il-klawżola ta' ekwità u l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni huma, b'mod partikolari, intiżi biex jiġu implementati meta ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn l-operatur ekonomiku kkonċernat u l-amministrazzjoni huma tali li mhux ekwu li jiġi impost fuq dan l-operatur dannu li normalment huwa ma kienx isofri (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs il-Kummissjoni, T-42/96 , Ġabra p. II-401, punt 132). Il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti ċirkustanzi u f'każijiet speċifikament previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-proċedura normali ta' importazzjonijiet u ta' esportazzjonijiet (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-156/00, Ġabra p. I-2527, punt 91).

25      Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula lill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet magħquda tal-klawżola ta' ekwità u ta' l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni ma jikkonċernawx il-kwistjoni dwar jekk jeżistix jew le dazju kontra d-dumping, imma huma intiżi biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew le ta' ċirkustanzi partikolari li jistgħu, mil-lat ta' l-ekwità, jiġġustifikaw ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenzi Sportgoods, iċċitata iktar 'il fuq, punti 39 sa 43, u Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq punti 36 u 37). Issa, l-introduzzjoni ta' tali domanda quddiem il-Kummissjoni tippreżupponi l-eżistenza tad-dejn in kwistjoni, peress illi r-rikorrenti għandha rimedji legali oħra sabiex tikkontesta l-eżistenza ta' dan id-dejn, b'mod partikolari b'applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, (ĠU 1996 L 56, p.1), kif emendat.

26      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta, fil-kuntest ta' din il-kawża, l-eżistenza tad-dejn kontra d-dumping.

27      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv,ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni

28      Dan il-motiv jinqasam f'żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' "sitwazzjoni partikolari" f'dan il-każ. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tiġi akkużata b'ebda qerq jew negliġenza evidenti.

 F'dak li jikkonċerna l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

29      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas li qed tiġi akkużata bih huwa "strettament formali" u ma kellu l-ebda effett reali fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura doganali kkunsidrata, skond l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali.

30      Fit-tieni lok hija targumenta li l-assuġġettament ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni għad-dazji kontra d-"dumping" biss minħabba l-fatt li l-fatturazzjoni mill-esportatur lill-ewwel destinatarju stabbilit fil-Komunità ma tippermettix lill-importatur juri li ma ġewx evitati l-miżuri konta d-dumping tmur lil hinn mill-għanijiet li r-Regolament applikabbli jrid jilħaq. Hi tinvoka inadegwatezza bejn l-għanijiet tar-Regolament Nru 3319/94, hekk kif deskritti fil-premessi tiegħu, u t-test ta' dan ir-Regolament. Hija ssostni li l-għan li l-leġiżlatur Komunitarju ried jilħaq, imsemmi fid-39 premessa tar-Regolament Nru 3319/94, kien li jiġi evitat li l-miżuri kontra d-dumping jiġu evitati permezz ta' l-istabbiliment ta' kanali ta' importazzjoni li jinkludu l-intervenzjoni ta' kumpanniji intermedjarji li jinstabu f'pajjiżi terzi. Dan mhux il-każ in kwistjoni minħabba li l-ewwel xerrejja mingħand l-esportatur Pollakk kienet kumpannija Franċiża. Skond ir-rikorrenti jekk il-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi kull forma ta' arranġament triangolari, il-premessi tar-Regolament Nru 3319/94 ma kinux jiddefinixxu l-għan li t-test irid jilħaq b'referenza biss għall-"kanali ta' importazzjoni permezz ta' kumpanniji ta' pajjiżi terzi ".

31      Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni stipulata fil-punt 50 iktar 'il quddiem li, billi volontarjament ħarġet mill-kanali kummerċjali "viżibbli" għall-awtorità doganali, Evertrade reġgħet rebħet libertà assolutà fir-rigward tal-prezz li ġie ffatturat lilha u b'hekk ipprivat lill-awtorità doganali kompetenti minn kull dritt li tara jekk kienx hemm tnaqqis sussegwenti. Hija tippretendi li, jekk din l-awtorità kellha xi dubbji fuq il-prezz imħallas minn Evertrade lil ZAP, hija setgħet tivverifika dan il-prezz skond l-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali Franċiż. L-argument ibbażat fuq il-possibbiltà li Evertrade tikseb tnaqqis sussegwenti huwa bla effett. Fil-fatt, minn naħa, ir-riskju ta' frodi huwa identiku irrispettivament minn jekk ix-xerrej dirett fil-Polonja huwiex jew le l-importatur indikat. Min-naħa l-oħra fil-każ ta' frodi, Evertrade tkun suġġetta għall-istess pieni, abbażi ta' l-Artikolu 399 tal-Kodiċi Doganali Franċiż, jew bħala awtur priċipali, jekk id-dikjarazzjonijiet doganali kienu saru f'isimha jew bħala persuna kkonċernata fil-frodi fil-każ ta' importazzjonijiet f'isem ix-xerrej stess.

32      Barra minn hekk ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 jippreżenta diffikultajiet ta' interpretazzjoni u li numru kbir ta' operaturi u ta' awtoritajiet doganali fl-Istati Membri interpretaw din id-dispożizzjoni b'mod żbaljat. Hija tirrileva li l-ittra tat-12 ta' Diċembru 2000 tad-Direttorat Ġenerali tad-dwana u tad-dazji indiretti Franċiżi li informatha li t-talba tagħha għall-maħfra ġiet mgħoddija lill-Kummissjoni (ara l-punt 11 iktar 'il fuq) kienet tirrikonoxxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari fil-każ in kwistjoni minħabba li l-prezz ta' l-importazzjoni tal-merkanziji ma kienx inqas mill-prezz minimu previst mir-Regolament Nru 3319/94 u li r-rilaxx għall-użu domestiku f'isem id-destinatarju finali, permezz ta' fattura maħruġa mill-intermedjarju Franċiż,waħdu kien jiġġustifika l-applikazzjoni tad-dazju speċifiku.

33      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tinterpreta l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 bħala li jistabbilixxi żewġ dazji differenti. Minn naħa, dan jipprovdi għal dazju varjabbli li huwa daqs id-differenza bejn il-prezz minimu ta' l-importazzjoni, iffissat għal EKU 89, u l-prezz cif liberu fil-fruntiera Komunitarja miżjud bid-dazju TDK li għandu jitħallas għall-kull tunnellata ta' prodott meta l-prezz cif huwa inqas minn EKU 89 u l-importazzjonijiet huma direttament iffatturati mill-kumpannija ZAP lill-importatur indipendenti. Min-naħa l-oħra, dazju speċifiku ta' EKU 19 għal kull tunnellata huwa previst meta din il-kumpannija ma ffatturatx direttament lill-importatur. Madankolu, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix metodu ta' kalkolu tal-marġini ta' dumping meta l-prezz iffatturat mill-kumpannija ZAP huwa għola minn EKU 89 għal kull tunnellata. Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, f'tali każ, id-dazju kontra d-dumping huwa applikabbli peress illi l-esportatur Pollakk ma ffatturax direttament lill-importatur. Fil-fatt minn naħa, id-dispożizzjoni tista' wkoll tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi distinzjoni biss għall-każ fejn il-prezz cif huwa inqas mill-prezz minimu ta' EKU 89, u, min-naħa l-oħra, il-premessa 39 tar-Regolament Nru 3319/94 mhijiex espliċita, f'dak illi hija tirreferi għal "livell li jippermetti lill-industrija Komunitarja żżid l-prezzijiet tagħha sa livell profittabbli " u tindika li d-dazju speċifiku huwa kkalkulat "sabiex jiġi evitat li jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping". Hija tenfasizza li din l-istess premessa tirreferi għall-"eżistenza ta' diversi kanali ta' importazzjoni permezz ta' kumpanniji ta' pajjiżi terzi", sitwazzjoni li ma teżistix fil-każ in kwistjoni.

34      Ir-rikorrenti żżid li l-microskeda tat-tariffa doganali li tikkonċerna l-intestatura tariffarja in kwistjoni tkompli din il-konfużjoni.

35      Hija tikkunsidra li għaldaqstant teżisti fil-każ in kwistjoni sitwazzjoni partikolari li tikkonsisti fil-fatt li, minħabba "żball komuni ta' interpretazzjoni" ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94, hija applikat għall-benefiċċju ta' eżenzjoni mid-dazji kontra d-dumping għall-merkanziji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet oġġettivi kollha sabiex tibbenefika minn din l-eżenzjoni, billi għażlet li tirrilaxxhom għaċ-ċirkulazzjoni libera f'isem id-destinatarji finali, flok, filwaqt illi hija kellha tagħmel hekk f'isem il-kumpannija Evertrade, u li l-awtorità doganali kompetenti li rreġistrat id-dikjarazzjonijiet biss wara eżami tal-merkanziji u tad-dokumenti li kienu jakkumpanjawhom, kienet ikkunsidrat li l-għażla tal-Kodiċi TARIC addizzjonali u l-eżenzjoni konsegwenti kienu ġustifikati

36      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari hija eskluża f'dan il-każ minħabba li numru indefinit ta' operaturi ekonomiċi kienu fl-istess sitwazzjoni. Hija tindika li s-sitwazzjoni tagħha hija partikolari minħabba li l-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja li bih ZAP biegħet il-merkanziji importati kien manifestament għola mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni previst fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 u li l-merkanziji kienu ffatturati minn ZAP lil kumpannija Franċiża, Evertrade, li l-kontijiet tagħha setgħu jiġu liberament eżaminati mill-ispetturi tad-Dwana Franċiża. Ċirkustanzi bħal dawn mhumiex komuni għall-numru indefinit ta' operaturi ekonomiċi.

37      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li meta l-merkanziji ġew importati, id-dikjarazzjonijiet doganali ġew aċċettati mingħajr restrizzjonijiet mill-awtorità doganali kompetenti, li kienet taf perfettament bil-kundizzjonijiet li taħthom il-merkanziji ġew importati.

38      Sabiex issostni dan l-argument, ir-rikorrenti tispjega li l-merkanziji kienu għaddew mill-kanal 1 (kif juri l-fatt li d-dikjarazzjonijiet għandhom it-timbru "CIR1"), li jimplika kontroll fiżiku u dokumentarju. Hija żżid li l-awtorità doganali kompetenti rat li hija kienet qablet mad-dikjarazzjonijiet billi kkompletat l-intestatura tariffarja b'referenza għall-kodiċi addizzjonali TARIC 8793, li jikkorrispondi għall-importazzjonijiet li jibbenefikaw minn eżenzjoni tad-dazji kontra d-dumping u mhux għall-kodiċi addizzjonali TARIC 8795, li huwa applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ZAP li ma setgħux jibbenefikaw minn tali eżenzjoni. Skond ir-rikorrenti l-fatt li l-awtorità doganali kompetenti ttimbrat id-dikjarazzjonijiet "ACD" minflok "reconnu", fuq id-dikjarazzjonijiet jimplika li hija kienet ivverifikat id-dokumenti annessi ma' dawn id-dikjarazzjonijiet.

39      Konsegwentement, l-awtorità doganali kompetenti kien imissha kkonstatat, minn naħa, li ZAP li kienet tidher fuq id-dikjarazzjoni bħala l-konsenjatriċi u l-kumpannija li kienet ħarġet il-fattura annessa ma' din id-dikjarazzjoni, jiġifieri Evertrade, ma kinux l-istess, u min-naħa l-oħra li l-kodiċi addizzjonali TARIC indikat ma setax jiġi aċċettat minħabba li kien hemm fattura tal-kumpannija Evertrade u minħabba l-fatt li l-valur iddikjarat kien jirriżulta minn din il-fattura. Għalhekk kienet l-amministrazzjoni doganali stess li taħt dawn iċ-ċirkustanzi għamlet l-iżball li tagħti l-eżenzjoni mid-dazji kotnra d-dumping għall-merkanziji.

40       Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tippretendi li l-awtorità doganali kompetenti ma kinitx obbligata tivverifika jekk id-dikjarazzjonijiet doganali kinux konformi mal-leġiżlazzjoni, u b'hekk tagħmel l-eżami tal-konformità l-iktar bażiku għall-kontrolli sussegwenti u tafferma li l-fatt li Evertrade ma kinitx tidher bħala importatur dirett seta' jippermettilha li tevita l-leġiżlazzjoni. Kien ikun biżżejjed li, waqt il-kontroll sussegwenti, jiġi vverfikat il-prezz li Evertrade effettivament ħallset sabiex tiġi skartata din l-ipoteżi. Barra minn hekk, fil-każ in kwistjoni, Evertrade bagħtet il-fatturi kkonċernati lill-awtorità doganali kompetenti meta dawn ġew mitluba lilha l-ewwel darba.

41      Hija ssostni li l-fatt li l-awtorità doganali kompetenti aċċettat l-ewwel dikjarazzjoni, ippreżentata fit-22 ta' Awwissu 1996, mingħajr ebda kumment seta' jwassalha biss biex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet suċċessivi taħt l-istess kundizzjonijiet.

42      Fl-aħħar ir-rikorrenti żżid, fir-replika tagħha li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huwa wkoll favur maħfra tad-dazji.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta li r-rikorrenti sabet ruħha f'sitwazzjoni partikolari.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura allegatament formali tan-nuqqas, il-Kummissjoni ssostni b'mod b'mod partikolari li r-rikorrenti ma tistax b'mod utli tinvoka l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali. Hija tafferma mill-ġdid li "d-deċiżjonijiet tagħha [meħuda] fir-rigward tal-maħfra fuq il-bażi ta' ekwità mhumiex intiżi sabiex jiddeċiedu fuq l-eżistenza ta' dejn doganali". Issa, l-Artikolu 204 iċċitat iktar 'il fuq jiddetermina wieħed mill-modi ta' kostituzzjoni tad-dejn doganali.

45      Fit-tieni lok il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-assuġġettament ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni għad-dazju kontra d-dumping imur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament Nru3319/94 u li l-Artikolu 1(3) iqajjem diffikultajiet ta' interpretazzjoni.

46      Hija targumentaHiHIHHH, f'dan ir-rigward li ż-żewġ "prinċipji essenzjali" segwenti jirregolaw l-għotja ta' maħfra fuq bażi ta' ekwità. Minn naħa, skond il-Kummissjoni, sitwazzjoni ta' natura oġġettiva, applikabbli għal numru indefinit ta' operaturi ekonomiċi, ma tikkostitwixxix sitwazzjoni partikolari skond il-klawżola ta' ekwità (sentenza tal-Qorti tas-26 ta' Marzu 1987, Coopérative agricole d’approvisionnement des Avirons, 58/86, Ġabra p. 1525, punt 22). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-iżbalji jew in-nuqqasijiet eventwali ta' l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jippermettu l-implementazzjoni tal-klawżola ta' ekwità biss meta dawn l-iżbalji jew nuqqasijiet imponew fuq l-operatur ekonomiku obbligu finanzjarju li fir-rigward tiegħu huwa ma kellu ebda mezzi legali sabiex jikkontestah (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Marzu 1987, Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, 244/85 u 245/85, Ġabra. p. 1303, punt 17).

47      Il-Kummissjoni tqis li inkompatibbiltà eventwali bejn l-għanijiet tar-Regolament Nru 3319/94, hekk kif jinsabu fil-premessi tiegħu u t-test ta' dan ir-Regolament ma tistax tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni.

48      Bl-istess mod, il-Kummissjoni targumenta li diffikultà eventwali fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 3319/94 ma tpoġġix lir-rikorrenti f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess attività, peress illi tali diffikultà teffettwa numru indeterminat ta' operaturi ekonomiċi.

49      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li l-għan tal-metodu ta' kalkolu alternattiv tad-dazju kontra d-dumping mhuwiex relatat mat-tip ta' tranżazzjonijiet li jikkonċernawha, għandu jiġi miċħud, peress illi "huma l-arranġamenti triangolari kollha li jinvolvu intermedjarju li jippreżentaw ir-riskju li jiġi permess li jiġi evitat dazju kontra d-dumping ‘varjabbli’ (ibbażat fuq prezz minimu)".

50      Hija żżid li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-prezz iffatturat lil Evertradre minn ZAP kien iktar mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni huwa irrilevanti. L-applikazzjoni tad-dazju kontra d-dumping speċifiku kienet iġġustifikata, peress illi kien hemm inċertezza fir-rigward tal-prezz imħallas lill-produttur jew lill-esportatur. Hija tosserva illi "billi volontarjament neħħiet lilha nnifisha mill-kanali kummerċjali "viżibbli" għall-awtoritajet tad-dwana (billi ma ħellsitx mid-dwana l-merkanziji hija stess), Evertrade reġgħet akkwistat libertà assoluta fir-rigward tal-prezz li kien iffatturat lilha, u b'hekk ipprivat lill-awtorità doganali ta' l-importazzjoni minn kull dritt li teżamina xi tnaqqis sussegwenti li [hija] setgħat titlob u tikseb mill-fornitur Pollakk ".

51      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ebda argument fuq il-fatt li l-awtoritajiet doganali kompetenti aċċettaw id-dikjarazzjonijiet doganali in kwistjoni. Hi tiċħad li l-imsemmija awtoritajiet stess għamlu żball f'dan il-każ, billi tqajjem diversi argumenti.

52      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tafferma li, fil-mument ta' l-importazzjoni, kuntrarjament għal dak li tisħaq ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet doganali ma ġewx aċċettati mingħajr restrizzjoni mill-awtorità doganali kompetenti. Sabiex issostni din l-affermazzjoni, hija targumenta li huwa "materjalment ineżatt" li wieħed jippretendi li t-timbru tal-kliem "ACD" fuq id-dikjarazzjonijiet doganali jimplika lid-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni ġew eżaminati. Dan it-timbru jfisser biss li d-dikjarazzjonijiet ġew aċċettati bħala li huma in konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-Kummissjoni tirrileva li, meta dikjarazzjoni hija aċċettata bħala konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni doganali, l-awtorità doganali kompetenti tillimita ruħa li tivverifika li p-partijiet tad-dikjarazzjoni li għandhom obbilgatorjament jintlew ġew effetivament mimlija u li d-dokumenti li għandhom obbligatorjament jiġu annessi huma fil-fatt hemmhekk. Fil-każ in kwistjoni, l-awtorità doganali kompetenti, għaldaqstant limitat ruħha li tivverifika l-eżistenza tad-dokumenti u mhux il-kontenut ta' dawn ta' l-aħħar. Fiż-żmien meta l-merkanzija ġiet rilaxxata mid-dwana ma saret la verifika ddettaljata tad-dokumenti u lanqas kontroll fiżiku tal-merkanzija.

53      Skond il-Kummissjoni t-timbru "circuit 1" fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ma jikkontradixxix dawn il-konstatazzjonijiet iżda, għall-kuntrarju jsaħħaħhom. Hija tosserva li b' "circuit 1", id-dwana tista' ċertament tagħmel kontroll fiżiku tal-merkanzija, iżda hija m'għamiltx hekk f'dan il-każ kif jindikaw l-ittri "ACD". Kontroll approfondit ikun previst jekk tkun intużat il-proċedura " circuit 2", li ma kienx il-każ fil-każ in kwistjoni.

54      Fit-tieni lok il-Kummissjoni tippreċiża li huma biss l-iżbalji li jirriżultaw minn atti ta' l-awtoritajiet kompetenti jew minn nuqqas tagħhom li jaġixxu, meta intervenzjoni minima kienet tippermetti li tinkixef irregolarità, li jippermettu li sussegwentement ma jinġabrux id-dazji doganali. Għaldaqstant huma esklużi żbalji li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet ineżatti tad-debitur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 1991, C-348/89 , Ġabra. p. I-3277, punti 23 u 26)

55      Konsegwentement, skond il-Kummissjoni, is-sempliċi aċċettazzjoni, mill-awtorità doganali kompetenti ta' dikjarazzjoni doganali bħala li hija in konformi ma tikkostitwixxix sitwazzjoni partikolari, anki jekk l-awtorità doganali kompetenti kellha fil-mument ta' l-aċċettazzjoni l-elementi kollha li jippermettu li tiġi aċċertata n-nuqqas ta' konformità tad-dikjarazzjoni mal-leġiżlazzjoni doganali.

56      Fit-tielet lok il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ebda argument fuq il-fatt li l-uffiċċju tad-dwana ta' Rouen aċċetta, mingħajr ma għamel ebda kumment, l-ewwel dikjarazzjoni. Hija tosserva li ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta' ċertezzi preċiżi li l-amministrazzjoni tkun tatha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, T-571/93, Ġabra p. II-2379, punt 72). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti, bħala aġent tad-dwana, ma setax ikollha dubji fuq it-tifsira ta' l-ittri "ACD" u għaldaqstant ma setax ikollha ebda aspettattivi leġittimi fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni inizjali tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħha

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

57      Mill-kliem ta' l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni jirriżulta li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari, u t-tieni nett, in-nuqqas ta' negliġenza evidenti u ta' qerq minn naħa tal-persuna kkonċernata. Konsegwentement, hu biżżejjed li tkun nieqsa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet mitluba sabiex il-ħlas lura tad-dazji jkollu jiġi miċħud (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, Ġabra. p. II-15, punt 87).

58      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li elementi li "jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jimplikawx la qerq u lanqas negliġenza evidenti minn naħa tal-persuna kkonċernata" skond id-dispożizzjoni ċċitata iktar 'il fuq, jeżistu meta, fid-dawl ta' l-għan li hemm wara l-klawżola ta' ekwità, huma kkonstatati elementi li jistgħu jpoġġu lill-applikant f'sitwazzjoni partikolari meta mqabbel ma' l-operaturi ekonomiċi oħra li jeżerċitaw l-istess attività (sentenza Trans‑Ex‑Import, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Settembru 2001 Bacardi, C-253/99 , Ġabra. p. I-6493, punt 56).

59      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 iqajjem diffikultajiet ta' interpretazzjoni (ara, b'mod partikolari punti 32 sa 35 iktar 'il fuq) u numru kbir ta' operaturi u ta' awtoritajiet doganali fl-Istati Membri interpretaw ħażin din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-kliem ta' dan l-Artikolu ma jippreżenta ebda diffikultà partikolari.

60      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 jipprevedi l-iffissar, minn naħa, ta' dazju kontra d-dumping varjabbli li huwa applikat meta l-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera huma direttament iffatturati lil importatur li huwa indipendenti minn ċerti esportaturi jew produtturi li jinsabu fil-Polonja, inkluża l-kumpannija ZAP, u sakemm il-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja, miżjud bid-dazju TDK, huwa inqas mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni ta' EKU 89 għal kull tunnellata ta' prodott, u min-naħa l-oħra, ta' dazju kontra d-dumping fiss jew speċifiku applikabbli meta l-importazzjonijet li ġew irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera mhumiex direttament iffatturati lill-importatur indipendenti.

61      Mir-Regolament Nru 3319/94 jirriżulta li, kuntrarjament għad-dazju varjabbli previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) ta' l-imsemmi Regolament, id-dazju speċifiku previst fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni japplika indipendentement mid-differenza bejn il-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja u l-prezz minimu ta' l-importazzjoni ffissat għall-EKU 89, meta l-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera mhumiex direttament iffatturati lill-importatur indipendenti.

62      L-impożizzjoni ta' dazju speċifiku tirriżulta mir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, kif turi b'mod ċar il-premessa 39 tar-Regolament Nru 3319/94, li jevita li, permezz ta' importazzjonijiet li ma ġewx iffatturati direttament mill-esportaturi jew mill-produtturi indikati lill-importatur indipendenti, il-miżuri kontra d-dumping jiġu evitati. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ikopri għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet fejn ma kienx hemm fatturazzjoni diretta mill-esportatur jew mill-produttur lil importatur indipendenti, sabiex tiġi eskluża kull forma ta' arranġamenti trijangolari li jistgħu jwasslu għal riskju li jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping.

63      Fil-każ in kwistjoni, mill-proċess jirriżulta li t-tliet kunsinni li fit-22 u 23 ta' Awwissu u fis-17 ta' Settembru 1996 ġew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, ma kinux direttament iffatturati minn ZAP lill-kumpannijia destinatarji, iżda kienu l-ewwel iffatturati minn ZAP lil Evertrade imbagħad kienu ffattruati minn Evertrade lill-kumpanniji destinatarji. Peress illi ZAP ma ffatturatx direttament il-merkanziji lill-kumpanniji destinatarji, din is-sitwazzjoni taqa' mingħajr l-ebda dubbju taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) t tar-Regolament Nru 3319/94.

64      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi ddubitata mill-argument tar-rikorrenti li skond hi l-assoġġettament ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni għad-dazji konta d-dumping imur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament Nru 3319/94, in kwantu, fil-każ in kwistjoni, il-miżuri kontra d-dumping ma ġewx evitati, u l-prezz imħallas minn Evertrade ikun jista' jiġi vverifikat.

65      Fil-fatt fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li r-rikorrenti ma tistax tqiegħed f'dubju, fil-kuntest ta' din il-kawża, l-eżistenza tad-dejn kontra d-dumping. Minn dan jirriżulta li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan il-motiv fir-rigward tal-prezz effetivament imħallas minn Evertrade lill-ZAP huma bla effett.

66      Fit-tieni lok, kif ukoll ġie indikat fil-punti 59 sa 62 hawn fuq, ir-regola stabbilita mit-tieni paragrafu ta' lArtikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma tippreżenta ebda diffikulta konsiderevoli ta' interpretazzjoni, u ġiet stabbilita bil-għan li jiġi evitat ir-risku li jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping permezz ta' l-użu ta' arranġamenti ta' importazzjoni triangolari, li jistgħu b'mod partikolari jgħollu artifiċjalment il-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja billi jippermettu li jiġi evitat id-dazju varjabbli previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li mhuwiex neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza li qed jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping sabiex japplika t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94. Għall-kuntrarju, mir- Regolament Nru 3319/94 jirriżulta li r-riskju jiġi meqjus li jeżisti meta l-improtazzjonijiet mhumiex direttament iffatturati mill-produttur jew mill-esportatur lil importatur indipendenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dazju speċifiku ta' EKU 19 għal kull tunnellata ta' prodott iddikjarat minn ZAP, imsemmi f'din id-dispożizzjoni, kien ċertament applikabbli.

67      Anki jekk ikunu stabbiliti l-allegati diffikultajiet ta' interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 invokati mir-rikorrenti, dawn id-diffikultajiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżistenza ta' ċirkustanzi li jistgħu joħolqu sitwazzjoni partikolari fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, id-diffikultajiet in kwistjoni għandhom l-istess effett fuq l-operaturi ekonomiċi kollha li jimportaw soluzzjoni mħallta ta' urea u ta' nitrat ta' l-ammonju li toriġina mill-Polonja u ma jpoġġux lir-rikorrenti f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' numru ta' operaturi ekonomiċi oħra.

68      Konsegwentement ir-rikorrenti ma ppreżentatx il-prova ta' l-eżistenza ta' ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni.

69      F'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura purament formali tan-nuqqas li qed tiġi akkużata bih, għandu jiġi kkonstatat li fid-dawl tal-kliem u ta' l-għan ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94, il-kundizzjoni relatata mal-fatturazzjoni diretta mill-esportatur jew mill-produttur lill-importatur indipendenti, sabiex ikun jista' jiġi applikat dazju kontra d-dumping, mhijiex, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ta' natura purament formali. Fil-fatt, il-ksur ta' din il-kundizzjoni jwassal għal konsegwenzi sinjifikanti għall-funzjonament korrett tar-regoli doganali, peress illi l-eżistenza ta' diversi kanali ta' importazzjoni tista' żżid ir-riskju li jiġu evitati l-miżuri kontra d-dumping.

70      Barra minn hekk, kif sostniet korrettamnet il-Kummissjoni, in-nuqqas ta' fatturazzjoni diretta ma jaqax taħt il-lista ta' nuqqasijiet li m'għandhomx konsegwenzi sinjifikanti fuq il-funzjonament korrett tar-regoli doganali kkonċernati, previsti fl-Artikolu 859 tar-Regolament ta' implementazzjoni, li fid-dawl tiegħu għandu jinqara l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98 , Ġabra p. I-7877, punt 43).

71      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni ma kellhomx jiġu aċċettati mill-awtorità doganali kompetenti, peress illi l-kumpannija Pollakka li tidher bħala l-konsenjatriċi fuq dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kumpannija li ħarġet il-fatturi li kienu inklużi mad-dikjarazzjonijiet ma kinux l-istess.

72      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-mod kif l-awtoritajiet Franċiżi pproċessaw id-dokumenti in kwistjoni, jiġifieri t-timbru bl-ittri "ACD" fuq id-dikjarazzjonijiet. Kif il-Kummissjoni spjegata fid-difiża tagħha (ara l-punti 52 u 53 iktar 'il fuq) dan it-timbru jfisser biss li l-partijiet tad-dikjarazzjoni li kellhom obligatorjament jintlew effettivament intlew, u li d-dokumenti li kellhom obligatorjament ikunu annessi, kienu ppreżentati wkoll. Għaldaqstant ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tat-tliet kunsinni wara li sar dan it-timbru ma jikkostitwixxix konferma minn naħa ta' l-awtoritajiet doganali Franċiżi tal-validità jew ta' l-eżattezza ta' l-informazzjoni li tidher fid-dikjarazzjonijiet in kwistjoni jew fid-dokumenti li annessi magħhom u ma impedixxihomx milli jagħmlu verifika sussegwenti ta' din l-informazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mal-kodiċi TARIC indikat mir-rikorrenti f'isem l-importatur.

73      F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li ZAP, li hija waħda mill-esportaturi jew produtturi Pollakki speċifikament imsemmija fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94, li fir-rigward tal-prodotti tagħha seta' jiġi applikat dazju kontra d-dumping varjabbli meta ċerti kundizzjonijiet kienu sodisfatti, kienet identifikata fid-dikjarazzjonijiet, bħala esportatriċi u li kumpanniji stabbiliti fi Franza kienu indikati bħala destinatarji. Barra minn hekk il-kodiċi TARIC 8793, applikabbli meta l-importazzjonijiet irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera kienu direttament iffatturati lil importatur li huwa indipendenti mill-esportaturi jew produtturi msemmija fir-Regolament 3319/94 u li jinsabu fil-Polonja, jidher fid-dikjarazzjonijiet in kwistjoni. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-irregolarità relatata ma' l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi applikat dazju kontra d-dumping varjabbli b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 tinsab fil-fatt li l-fatturi diretti bejn ZAP u l-kumpanniji destinatarji ma ġewx annessi mad-dikjarazzjonijiet doganali.

74      Għandu jiġi rrilevat ukoll li f'dan il-każ mhuwiex il-każ li ġew ippreżentati fatturi ħżiena minflok il-fatturi rilevanti, jiġifieri fatturi diretti bejn l-esportatur Pollakk u l-kumpanniji destinatarji. Fil-fatt ZAP ma ħarġitx fatturi lill-kumpanniji destinatarji, minħabba li f'dan il-każ it-tranżazzjonijiet seħħew f'żewġ stadji (ara l-punt 8 iktar 'il fuq).

75      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, konsegwentement, li l-awtoritajiet doganali Franċiżi ma kellhom ebda obbligu taħt dawn iċ-ċirkustanzi, li jiċħdu d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni, u li huma stess m'għamlux żball billi ttimbraw l-ittri "ACD" fuq l-imsemmija dikjarazzjonijiet qabel ma għamlu eżami approfondit ta' l-informazzjoni li d-dikjarazzjonijiet kien fihom u tal-koerenza ta' din l-informazzjoni ma' dik li tirriżulta mill-eżami tal-fatturi annessi ma' l-imsemmija dikjarazzjonijiet. Fil-fatt għandu jiġi osservat li l-importatur u l-aġent tad-dwana li jaġixxi f'ismu huma responsabbli għall-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet in kwistjoni. Għalhekk, jekk wara eżami approfondit, seta' jirriżulta li l-informazzjoni in kwistjoni kienet żbaljata, dan xorta waħda ma jistax jimplika li l-awtoritajiet doganali Franċiżi, safejn ittimbraw l-ittri "ACD" fuq id-dikjarazzjonijiet, għamlu żball meta l-prodotti kkonċernati ġew irrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera.

76      Safejn ir-rikorrenti tilmenta li l-awtoritajiet doganali Franċiżi, billi aċċettaw mingħajr kumment l-ewwel dikjarazzjoni tagħha fit-22 ta' Awwissu 1996, wassluha sabiex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet segwenti taħt l-istess kundizzjonijiet (ara l-punt 41 iktar 'il fuq), għandu jiġi mfakkar li fil-każ in kwistjoni tliet dikjarazzjonijiet biss ġew ippreżentati f' perijodu ta' inqas min xahar,jiġifieri bejn it-22 ta' Awwissu u s-17 ta' Settembru 1996 (ara l-punt 9 iktar 'il fuq). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-qosor ta' dan il-perijodu ma jippermettix materjalment lill-awtoritajiet Franċiżi jwettqu verifika approfondita ta' l-ewwel dikjarazzjoni u, wara, li jsibu l-iżball li jinsab fiha qabel ma ġew ippreżentati d-dikjarazzjonijiet sussegwenti.

77      F'kull każ anki jekk l-awtoritajiet Franċiżi għamlu kontroll iktar approfondit tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti meta t-tliet kunsinni ġew rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera u kienu sabu l-iżball mwettaq mir-rikorrenti fil-formoli fir-rigward tal-Kodiċi TARIC użat, dan il-fatt ma kienx ibiddel la r-realtà tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni lanqas il-fatt li dawn il-kunsinni kienu s-suġġett ta' fatturazzjoni doppja, l-ewwel bejn ZAP u Evertrade imbagħad bejn din il-kumpannija u l-kumpanniji destinatarji, u li għaldaqstant dazju kontra d-dumping fiss kellu jiġi applikat. Għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li l-Kummissjoni m'għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari skond il-klawżola ta' ekwità u l-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi mwarrba l-ewwel parti ta' dan il-motiv.

79      Press illi waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 905 tar-Regolament ta' implementazzjoni għall-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni mhijiex sodisfatta mhemmx lok li tiġi eżaminata l-parti l-oħra ta' dan il-motiv.

80      Konsegwentement, it-tieni motiv huwa miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-irregolarità fil-forma tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija irregolari fil-forma minħabba li ma tagħmel ebda referenza għaliha. Hija tallega li l-unika indikazzjoni li tippermetti li jiġi rrilevat li din id-deċiżjoni hija applikabbli għaliha hija li l-ammont tad-dazji msemmi fid-deċiżjoni kkontestata huwa simili għal dak li huwa s-suġġett tat-talba għal maħfra. Dan huwa partikolarment ta' ħsara għaliha peress illi din hija deċiżjoni individwali li ma jistax ikollha natura ġenerali.

82      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija regolari fil-forma u li ma hemmx ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

83      Għandu jiġi rrilevat li, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ebda dispożizzjoni ta' l-Artikolu 905 u ta' dawk segwenti tar-Regolament ta' implementazzjoni, li jistabbilixxu l-proċedura dwar il-maħfra mid-dazji b'applikazzjoni tal-klawżola ta' ekwità, ma tobbliga lill-Kummissjoni tippreċiża l-isem ta' l-applikant tat-talba għal maħfra fid-deċiżjoni adottata wara din il-proċedura. Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li huwa l-Istat Membru li taħtu taqa' l-awtorità tad-dwana li ħadet id-deċiżjoni li jibgħat il-każ lill-Kummissjoni sabiex issolvih. Wara, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq l-eżistenza jew le ta' sitwazzjoni partikolari hija nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat.

84      F'kull każ ir-rikorrenti ma kkontestatx li d-deċiżjoni kkontestata ġiet notifikata lilha mill-awtoritajiet doganali Franċiżi. Barra minn hekk jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni, permezz ta' ittra tas-27 ta' Settembru 2001, informat lir-rikorrenti li hi kienet irċeviet it-talba tagħha għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, li ntbagħtet mill-awtoritajiet Franċiżi, u hi informat lir-rikorrenti bl-analiżi tagħha tal-kawża sabiex hija tkun tista' teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk f'din l-ittra l-Kummissjoni indikat li t-talba għal maħfra kienet ġiet irreġistrata bin-numru ta' referenza REM 06/01, jiġifieri l-istess numru ta' referenza bħal dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant dan in-numru ppermetta lir-rikorrenti li tagħmel b'kull ċertezza konnessjoni bejn l-applikazzjoni għal maħfra imressqa mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata.

85      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li dan il-motiv mhuwiex fondat u għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

86      Peress illi ebda wieħed mill-motivi mqajjma fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata ma ġie milqugħ, ir-rikors jrid għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mengozzi

 

       Martins Ribeiro

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-21 ta' Settembru 2004.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża : il-Franċiż.