Language of document : ECLI:EU:T:2004:275

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 September 2004 (*)

"Kompetizzjoni – Kontroll ta' konċentrazzjonijiet – Rikors għal annullament – Interess li wieħed jaġixxi – Kompetenza tal-Kummissjoni"

Fil-kawża T-310/00,

MCI, Inc., li qabel kienet MCI WorldCom, Inc., u wara WorldCom, Inc., stabbilità f'Ashburn, Virginia (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn K. Lasok, QC, J.-Y. Art u B. Hartnett, Avukati, wara minn M. Lasok, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta

mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,

parti intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver, P. Hellström u L. Pignataro, wara minn P. Oliver u P. Hellström, bħala aġenti, assistiti minn N. Khan, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta

mir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/790/KE tat-28 ta' Ġunju 2000, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1741 – MCI WorldCom/ Sprint) (ĠU 2003, L 300, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : J. Plingers, Amministratur,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Kummissjoni

1        MCI, INC. li qabel kienet MCI WorldCom, Inc., wara Worldcom, Inc., (iktar 'il quddiem "WorldCom") u Sprint Corp (iktar 'il quddiem "Sprint") huma t-tnejn impriżi ta' telekomunikazzjonijiet globali li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-Istati Uniti. Fl-1999, il-fatturat dinji ta' WorldCom kien ta' madwar 37 miljun dollaru Amerikan (USD) u dak ta' Sprint ta' madwar 17-il mijun. Sa żmien riċenti, l-attivitajiet ta' Sprint fl-Ewropa kienu jitmexxew, kompletament jew fil-parti l-kbira tagħhom, permezz ta' Global One, in-negozju bi sħab li kien inħoloq fl-1995 ma' Deutsche Telekom u France Télécom.

2        Fl-4 ta' Ottubru 1999, WorldCom u Sprint iffirmaw ftehim u pjan ta' għaqda li jikkorispondu għad-definizzjoni ta' konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [ĠU L 395, p. 1, korriġendum fil-ĠU 1990, L 257, p. 13, abrogat sussegwentement mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1]. Din l-għaqda kellha tiġi rrealizzata permezz ta' skambju ta' ishma Sprint għal ishma WorldCom, għal ammont inizjalment evalwat għal 127 miljun USD.

3        B'ittri ta' l-20, is-26 u t-28 ta' Ottubru 1999, WorldCom u Sprint informaw lill-Kummissjoni b'dan il-ftehim u bir-raġunijiet għalfejn huma kkunsidraw li l-konċentrazzjoni in kwistjoni ma kellhiex dimensjoni Komunitarja, fis-sens ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament 4064/89, u li għalhekk ma kellhiex tkun notifikata lilha skond dan ir-Regolament. Huma sostnew, b'mod partikolari li, safejn Sprint kienet intrabtet kontratwalment ma' WorldCom li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha f'Global One qabel mas-seħħ l-għaqda, l-kalkolu tal-fatturat totali rrealizzat minn Sprint fil-Komunità, fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4064/89 ma kellux jinkludi l-parti tagħha tal-fatturat ta' Global One.

4        Fid-29 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni kkuntestat din il-perspettiva u infurmat lill-partijiet kkonċernati li hija kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-parti ta' Sprint fil-fatturat ta' Global One, li wassalha biex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ppjanata kellha dimensjoni Komunitarja. Hija sostniet li l-kalkolu tal-fatturat intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk konċentrazzjoni għandhiex dimensjoni Komunitarja għandu jsir fid-data li fiha jiġi ffirmat il-ftehim ta' għaqda u fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' fatt li teżisti f'din id-data jew, l-iktar tard fid-data li fiha l-obbligu ta' notifika nħoloq. Skond hija, il-fatturat attribwibbli għal ċerti attivitajiet jista' jiġi mnaqqas biss meta l-ftehim innotifikat għandu kundizzjoni sospensiva li tipprevedi ċ-ċessjoni ta' dawn l-attivitajiet jew jekk dawn ta' l-aħħar ġew ċeduti bejn l-għeluq tal-kontijiet u l-iffirmar tal-ftehim ta' għaqda definittiv. Il-Kummissjoni qiset li dan ma kienx il-każ f'din il-kawża. 

5        B' att ta' l-10 ta' Jannar 2000 (iktar 'il quddiem in-"notifika"), irċevut mill-Kummissjoni fil-11 ta' Jannar, WorldCom u Sprint (iktar ' il quddiem il-"partijiet li qed jinnotifikaw") innotifikaw flimkien il-proġġett ta' konċentrazzjoni tagħhom, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 4064/89 "bla ħsara għall-pożizzjoni tal-partijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' kompetenza dwar l-attribuzzjoni lil Sprint tal-fatturat ta' Global One".

6        Fl-21 ta' Jannar 2000, Sprint ikkonkludiet ftehim formali ma' Deutsche Telecom u France Télécom li jipprovdi għat-trasferiment ta' l-interessi tagħha f' Global One

7        Fit-2 ta' Frar 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw informaw lill-Kummissjoni b'dan il-ftehim u pproponew rabta fis-sens ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, skond liema Sprint kellha tagħmel dak kollu neċessarju, mingħajr dewmien inġustifikat, sabiex titrasferixxi l-interessi tagħha f'Global One u, sadattant, ma tipparteċipax bl-ebda mod fil-ġestjoni ta' kuljum ta' Global One. Fl-10 ta' Frar 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw indirizzaw lill-Kummissjoni, memorandum li jispjega l-fehmiet tagħhom dwar l-effett fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni li rriżulta mit-trasferiment ta' l-interessi ta' Sprint f'Global One, u li jindika r-raġunijiet li, fl-opinjoni tagħhom, awtorizzawhom jirtiraw in-notifika.

8        Peress illi r-rabta proposta ma kinitx suffiċjenti, il-konċentrazzjoni in kwistjoni kienet taqa' tassew taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u kien hemm dubji serji dwar il-kompattibbiltà tagħha mas-suq komuni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-21 ta' Frar 2000, li tibda l-proċeduri skond l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament Nru 4064/89. Hija identifikat tliet swieq li fir-rigward tagħhom il-konċentrazzjoni tqajjem problemi ta' kompetizzjoni: dak tal-"konnettività ta’ l-Internet fuq livell għoli ħafna jew universali", dak tas-servizzi ta' telekomunikazzjoni globali, u dak tat-telefonija bil-leħen internazzjonali. 

9        Wara li rċiviet informazzjoni varja b'risposta għad-domandi skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni bagħtet lill-partijiet li qed jinnotifikaw fit-3 ta' Mejju 2000, dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 447/98 tal-1 ta' Marzu 1998 dwar in-notifiki, perijodi ta' żmien u smigħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 1998 L 61, p. 1) iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' applikazzjoni" sussegwentement abrogat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tas-7 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU L 133, p. 1) li fiha hija sostniet li l-konċentrazzjoni ppjanata kienet tikkonkretizza ruħha fil-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti għall-benefiċċju tal-partijiet li qed jinnotifikaw, jew fit-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' World Com fis-suq tal-konnettività ta’ l-Internet fuq livell għoli ħafna kif ukoll f'dak tas-servizzi mondjali ta' telekomunikazzjoni lill- impriżi multinazzjonali. Il-partijiet li qed jinnotifikaw wieġbu għal din id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet fit-22 ta' Mejju 2000.

10      Wara diversi laqgħat iddedikati għall-eżami tal-miżuri korrettivi possibbli, il-partijiet li qed jinnotifikaw ippreżentaw lill-Kummissjoni, b'ittra tat-8 ta' Ġunju 2000, rabta (ta' "miżuri korrettivi") taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 u ta' l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta' applikazzjoni dwar iċ-ċessjoni ta' l-attivitajiet Internet ta' Sprint.

11      Fil-5 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni sejħet laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar konċentrazzjonijiet imwaqqaf mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 4064/89. Dan il-Kumitat iltaqa' fit-22 ta' Ġunju u ta l-opinjoni tiegħu fl-istess jum.

12      Fis-26 ta' Ġunju 2000, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta' kompetizzjoni, is-Sur Monti, mar Washington (l-Istati-Uniti) sabiex jiltaqa' ma' xi rappreżentanti tad-Department of Justice (Dipartiment tal-Ġustizzja, iktar 'il quddiem id-DoJ"). Huwa ddikjara, waqt konferenza stampa, li l-proposta tiegħu lill-Kummissjoni tkun li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata.

13      Fis-27 ta' Ġunju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw bagħtu żewġ ittri permezz ta' faks lill-Kummissjoni li rċievithom l-istess ġurnata li fihom huma ddikjaraw formalment li qed jirtiraw, minn naħa, ir-rabta preżentata fit-8 ta' Ġunju 2000, u min-naħa l-oħra, in-notifika tal-11 ta' Jannar 2000. It-tieni ittra kien fiha d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Il-partijiet m’għandhomx iktar l-intenzjoni li jimplementaw il-proġett ta' konċentrazzjoni fil-forma ppreżentata fin-notifika. Safejn il-partijiet jiddeċiedu li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom taħt forma oħra fil-futur, il-partijiet jippreżentaw in-notifiki adatti skond il-liġijiet applikabbli dwar il-konċentrazzjonijiet.”

14      Fl-istess jum, id-DoJ ressaq uffiċjalment quddiem id-District Court of Columbia (Qorti tad-Distrett ta' Columbia) ilment kontra World Com u Sprint, intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-proġett ta' għaqda tagħhom imur kontra l-Clayton Antitrust Act, 1914 (Liġi antitrust Clayton ta' l-1914) u sabiex tinkiseb inġunzjoni permanenti li tipprojbixxi lil dawn l-impriżi milli jimplementaw il-ftehim ta' konċentrazzjoni in kwistjoni. Dan l-ilment kien ibbażat fuq l-allegati effetti anti-kompetittivi ta' dan il-ftehim fuq is-suq tal-provvista ta' servizzi ta' netwerk ta' Internet bażiku kif ukoll fuq numru ta' swieq oħra.

15      Fis-27 ta' Ġunju 2000 wkoll, Sprint ippubblikat fuq il-websajt tagħha komunikat stampa dwar il-proċedimenti ġudizzjarji mressqa mid-DoJ, li kien jispiċċa b'dawn il-kliem:

"Sprint tispera li din l-operazzjoni ta' għaqda jkollha konklużjoni raġonevoli. Il-vantaġġi li jirriżultaw minnha għall-pubbliku huma kbar wisq biex jiġu rrinunzjati."

16      Fl-istess jum ukoll, il-websajt ta' ABC NEWS ippubblikat il-kummentarju li ġej:

"[…] id-dikjarazzjonijiet ippubblikati miż-żewġt impriżi jidhru li jindikaw li huma għadhom ma rrinunzjawx kompletament għall-konċentrazzjoni kbira ppjanata, ta' valur ta' 128 miljun Dollaru. Peter Lucht, kelliem għal World Com ma riedx jgħid jekk huma kinux temmew l-offerta tagħhom. 'Il-każ għadu pendenti quddiem l-awtoritajiet Amerikani', iddikjara P. Lucht".

17      Fit-28 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/790/KE li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.1741 - MCI WorldCom/Sprint) (ĠU 2003, L 300, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), fuq il-bażi b'mod partikolari ta' l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89.

18      Fil-premessa 410 tad-Fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni ppjanata "twassal kemm għall-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti għall-benefiċċju ta' l-entita li tinħoloq mill-konċentrazzjoni, kif ukoll għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti ta' MCI WorldCom fis-suq tal-provvista ta' konnettività [fuq livell għoli ħafna] jew universali, li jkollha bħala konsegwenza li l-kompetizzjoni tkun mfixkla b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet". Min-naħa l-oħra, fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni "iddeċidiet li ma tqajjimx iżjed oġġezzjoni fir-rigward tas-suq tal-provvista ta' servizzi mondjali ta' telekomunikazzjoni". Fil-premessi 303 sa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni barra minn hekk abbandunat l-ilmenti tagħha dwar is-suq tat-telefonija bil-leħen internazzjonali.

19      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lill-partijiet li qed jinnotifikaw fl-istess jum.

20      Fit-13 ta' Lulju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw ħabbru, permezz ta' komunikati stampa, li, minħabba l-oppożizzjoni tad-DoJ, huma kienu qed itemmu l-ftehim ta' għaqda tagħhom.

 Proċedura

21      Permezz ta' rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Settembru 2000, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

22      Il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) stiednet lir-rikorrenti tippronunzja ruħha, fir-replika tagħha, dwar jekk, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, Ġabra p. II753), u tal-15 ta' Diċembru 1999 Kesko vs Il-Kummissjoni (T-22/97, Ġabra p. II3775) hija għadx kellha interess li taġixxi, b'kunsiderazzjoni għall-abbandun definittiv tal-proġett ta' konċentrazzjoni wara l-intervent tad-DoJ. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba u l-Kummissjoni wkoll ħadet pożizzjoni fuq din id-domanda fil-kontroreplika tagħha.

23      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Mejju 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża tħallew jintervjenu sabiex isostnu rispettivament it-talbiet tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni.

24      Fl-21 ta' Lulju 2002, WorldCom u l-biċċa l-kbira tas-sussidjarji tagħha fl-Istati Uniti ressqu istanza ta' rijabilitazzjoni skond il-Kapitolu 11 tal-U.S. Bankruptcy Code (Kodiċi tal-Falliment Amerikan) quddiem il-Bankruptcy Court for the Southern District of New York (Qorti tal-Falliment tad-Distrett tan-Nofsinhar ta' New York).

25      B'ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippronunzja ruħha dwar l-effett eventwali ta' l-avvenimenti li għaddejjin fuq il-prosegwiment tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, tindika jekk hija tqisx li għad għandha interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjoni u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ‘il fuq, b'mod iktar partikolari, tindika jekk hija tqisx li għad għandha xi ċans li tirrealizza fil-futur il-konċentrazzjoni ddikjarata inkompattibbli mas-suq komun bid-deċiżjoni kkontestata, jew kwalunkwe konċentrazzjoni simili, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tkun annullata skond it-talbiet ta' dan ir-rikors, u tipproduċi, kif ikun aċċettat mill-kredituri tagħha u approvat mit-Tribunal Amerikan kompetenti, il-pjan ta' dħul u ta' nefqa (business plan) meħtieġ skond il-Kapitolu 11 tal-U.S. Bankruptcy Code. Ir-rikorrenti ssodisfat dawn it-talbiet b'ittri tal-21 ta' Ottubru 2002, tat-2 ta' Mejju 2003, tad-9 ta' Lulju 2003, tas-17 ta' Diċembru 2003 u tal-11 ta' Marzu 2004.

26      Peress illi l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġiet mibdula mis-sena l-ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li lilha din il-kawża, għaldaqstant, ġiet assenjata.

27      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li żżomm, fl-ewwel lok, seduta speċifikament iddedikata għall-eżami tad-domandi ta' ammissibbiltà, ta' interess li wieħed jaġixxi u tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li dan ir-rikors iqajjem.

28      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-30 ta' Marzu 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza, qabel kollox, li huwa b'risposta għall-kummenti li għamel is-Sur Monti waqt il-konferenza stampa tiegħu tas-26 ta' Ġunju (ara l-punt 12 iktar 'il fuq) li l-partijiet li qed jinnotifikaw, l-għada, irtiraw in-notifika tagħhom, u informaw uffiċjalment lill-Kummissjoni li huma kienu abandunaw il-konċentrazzjoni prevista kif notifikata. Fir-rigward tal-proċedimenti mibdija fl-istess 27 ta' Ġunju mid-DoJ quddiem id-District Court of Columbia (ara l-punt 14 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti tenfasizza li dawn ma kellhomx effetti legali vinkolanti, b'differenza tad-deċiżjoni kkontestata, adottata fit-28 ta' Ġunju 2000. Fil-fehma tar-rikorrenti, huwa għalhekk ineżatt li jiġi affermat li l-proġett ta' konċentrazzjoni kien ġie abbandunat "wara l-intervent" tad-DoJ.

32      Ir-rikorrenti barra dan issostni li hija għandha interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim'istanza fis-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjoni punt 22 iktar 'il fuq (punti 41 sa 45), u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq (punti 57 sa 64). F'dan ir-rigward, hija ssostni b'mod partikolari li l-proġett ta' konċentrazzjoni kien ġie abbandunat mill-partijiet li qed jinnotifikaw meta kien manifestament ċar li l-Kummissjoni kienet ser tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni. Il-fatt li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni saret pubblika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-fatt li l-partijiet li qed jinnotifikaw imxew fuq id-deċiżjoni qabel l-adozzjoni formali tagħha ma jċaħdux lir-rikorrenti mill-interess tagħha li titlob l-annullament tagħha.

33      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1986, Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23), id-dritt fundamentali tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja, stabbilit kemm mit-Trattat KE kif ukoll mill-Artikoli 16 u 21 tar-Regolament Nru 4064/89. Hija tallega b'mod partikolari li, f'Komunità ta' dritt, l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89 ma jistax bl-ebda mod jiġi effettwat bl-eżistenza ta' proċedimenti ġudizzjarji quddiem qrati oħra, speċjalment peress illi f'din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-uniku ostakolu legali għall-konċentrazzjoni ppjanata.

34      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta' Ottubru 2002 b'risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Ottubru 2002 (ara l-punt 25 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti tafferma, essenzjalment, li t-tqegħid tagħha taħt il-protezzjoni tal-Kapitolu 11 tal-U.S. Bankruptcy Code m'għandu ebda effett legali fuq it-tkomplija ta' dan ir-rikors, li hija għandha interess ikbar minn qabel biex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjoni u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq, u, iktar partikolarment, li, minħabba problemi strutturali ta' produzzjoni żejda, tnaqqis fid-domanda u oħrajn li tfaċċaw wara s-sena 2000 fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, hija għandha ċans aħjar minn qabel sabiex tirrealizza l-konċentrazzjoni ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni bid-deċiżjoni kkontestata, jew konċentrazzjoni oħra simili, jekk din id-deċiżjoni kienet annullata skond it-talbiet tar-rikors.

35      Fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha tat-2 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti tirreferi, b'mod partikolari għal approvazzjoni fi żmien qasir, mill-U.S. Bankruptcy Court, tal-pjan finali tagħha ta' riorganizzazzjoni u tgħid illi tistenna li toħroġ mill-proċedura prevista fil-Kapitolu 11 tal-U.S. Bankruptcy Code fit-tielet trimestru ta' l-2003. Hija tikkonferma li l-ikompletar tal-proċedura ta' riorganizzazzjoni ma jkollu ebda effett fuq l-interess tagħha għal riżoluzzjoni fil-pront ta' din il-kawża lanqas fuq id-drittijiet li jistgħu jirriżultaw minn sentenza li tilqa' r-rikors tagħha.

36      Anness ma' l-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha tad-9 ta' Lulju 2003, tas-17 ta' Diċembru 2003 u tal-11 ta' Marzu 2004, ir-rikorrenti ppreżentat, rispettivament, kopja tad-digriet tal-U.S. Bankruptcy Court tas-7 ta' Lulju 2003, li japprova l-proposta tagħha ta' ftehim finali mal-U.S. Securities and Exchange Commission (Kummissjoni ta' l-operazzjonijiet tal-Borża Amerikana), kopja tad-digriet ta' l-istess qorti tal-31 ta' Ottubru 2003, li japprova l-pjan ta' riorganizzazzjoni tagħha tal-21 ta' Ottubru 2003, u kopja tad-digriet ta' l-imsemmija qorti tal-25 ta' Frar 2004, li jestendi t-terminu ta' żmien li għandha r-rikorrenti sabiex tikkonforma ruħha ma' ċerti kundizzjonijiet previsti mill-pjan ta' riorganizzazzjoni tagħha.

37      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li, fis-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjoni u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat importanza kunsiderevoli liċ-ċirkustanzi ta' fatt li fihom ir-rikors kien ġie mressaq kif ukoll dawk li fihom il-konċentrazzjoni ppjanata kienet ġiet abbandunata.

38      Hija tenfasizza li, fis-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq (punt 45), il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li l-fatt li l-bażi tal-konċentrazzjoni ma kinitx għada teżisti "fih innifisu" mhuwiex element ta' natura li jeskludi stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat is-sens ta' din l-affermazzjoni fis-sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq (punti 61 sa 64), billi kkonkludiet, wara li eżaminat ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti kienet irrinunzjat għall-konċentrazzjoni ppjanata, li din ir-rinunzja ma kinitx volontarja, iżda direttament attribwibbli għad-deċiżjoni kkontestata, u li għalhekk ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

39      Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li r-raġunijiet li għalihom il-partijiet li qed jinnotifikaw irrinunzjaw għall-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom, flimkien ma' ċirkustanzi oħra, jistgħu effettivament iwasslu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha. Hija ssostni li, jekk il-partijiet li qed jinnotifikaw ħadu din id-deċiżjoni minħabba raġunijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mad-deċiżjoni kkontestata, wieħed jista' b'mod raġonevoli jiddeduċi li r-riżultat tal-proċedimenti mhuwiex ta' interesss suffiċjenti għar-rikorrenti, b'tali mod li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

40      Issa, f'din il-kawża, WorldCom u Sprint stess għamluha ċara li huma kienu rrinunzjaw għall-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom minħabba raġunijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt mill-proposti tagħhom jirriżulta li huwa biss minħabba l-oppożizzjoni tad-DoJ li l-proġġett kien ġie abbandunat. Il-Kummissjoni tirreferi b'mod partikolari għall-estratt segwenti mill-komunikat stampa ppubblikat fit-13 ta' Lulju 2000 kemm mir-rikorrenti kif ukoll minn Sprint (ara punt 20 iktar 'il fuq):

"Il-kumpanniji [WorldCom u Sprint] jaqblu t-tnejn li l-kundizzjonijiet diversi meħtieġa finalment mid-[DoJ] jikkompromettu l-benefiċċji finanzjarji ta' l-għaqda u l-vantaġġi lill-klijenti jistgħu jibbenefikaw minnhom. Peress illi d-[DoJ] afferma li ma huwa ma jkunx lest qabel is-sena ddieħla jargumenta l-każ tiegħu fuq il-bażi tat-teoriji tiegħu dwar l-għaqda, il-kumpanniji ddeċidew li ma jkunx fl-interess ta' l-azzjonisti, tal-klijenti u tal-ħaddiema li jinbdew proċedimenti mingħajr tmiem."

41      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni b'mod fondat li l-ilment ippreżentat mid-DoJ lid-District Court of Columbia ma setax kien ir-raġuni tad-deċiżjoni tagħha li tirrinunzja għall-proġett ta' konċentrazzjoni minħabba l-fatt li dan l-ilment ma kienx vinkolanti.

42      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni ma kienx bl-ebda mod konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq, mhijiex relevanti f'dan il-każ, u li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

43      Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li, fis-sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ' il fuq (punt 55), il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod partikolari staqsiet lilha nnifisha dwar jekk il-proġett ta' konċentrazzjoni kienx għadu jeżisti fil-mument meta tressaq ir-rikors, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm interess effettiv u attwali li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Issa, f'din il-kawża, il-proġett ta' konċentrazzjoni kien ġie abbandunat f'Lulju ta' l-2000, jiġifieri ħafna qabel ma tressaq ir-rikors fis-27 ta' Settembru 2000.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44      Skond ġurisprudenza, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent għandu interess li jara li l-att kkontestat jiġi annullat. Tali interess jissoponi li l-annullament ta' dan l-att jista' jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21; ta' l-14 ta' Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ta' l-20 ta' Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni, T-188/99, Ġabra p. II1757, punt 26), jew skond formolarju ieħor, li r-rikors jista', bir-riżultat tiegħu, jipprovdi benifiċċju lill-parti li ressqitu (ara s-sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Lulju 2000, Parlement vs Richard, Ġabra p. I6189, punt 33, u tal-25 ta' Lulju 2002, Union de Pequenos Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00, Ġabra p. I-6677, punt 21).

45      F'dak li jikkonċerna l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Novembru 1985, Grégoire-Foulon vs Il-Parlament, 19/85, Ġabra p. 3771, u tas-7 ta' Ottubru 1987, D.M vs Il-Kunsill u l-KES, 108/96, Ġabra p. 3933; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 1993, McAvoy vs Il-Parlament, T-45/91, Ġabra p. II83, punt 22), il-qorti Komunitarja tista' tqajjem tali inamissibbiltà ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P , Ġabra p. I3319).

46      Fil-qasam ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fis-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq (punti 41 sa 45), li impriża li hija parti minn konċentrazzjoni ppjanata għandha interess li taġixxi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, anki jekk, minħabba li l-bażi kuntrattwali ta' din il-konċentrazzjoni ma tkunx għadha teżisti, din ma tistax iktar titwettaq, anki f'każ ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza favur ir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, b'mod partikolari, il-konsegwenzi ġuridiċi attwali u futuri ta' l-annullament ta' tali deċiżjoni, skond l-Artikolu 233 KE, kif ukoll il-ħtieġa ta' l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta' l-atti adottati mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89.

47      Billi applikat dawn il-prinċipji għal każ ta' abandun tal-konċentrazzjoni ppjanata, il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet, fis-sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq (punti 61 sa 65), li, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ juru li l-abbandun ma kienx volontarju, iżda kien il-"konsegwenza diretta" ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriża in kwistjoni jbqa' jkollha interess li taġixxi għall-annullament ta' din id-deċiżjoni.

48      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 43 iktar 'il fuq), din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi limitata għall-każijiet biss fejn l-abbandun tal-konċentrazzjoni jsir wara l-preżentata ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, l-imsemmija ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li impriża li tillimita ruħha sabiex tikkonforma ruħha ma' deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif hija obbligata li tagħmel, ma titlifx, bl-ebda mod, l-interess tagħha li tikseb l-annullament ta' din id-deċiżjoni (sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq, punt 59). Issa tali obbligu huwa inerenti fin-natura stess tad-deċiżjoni, kif jirriżulta mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE. Għalhekk dan l-obbligu jeżisti qabel, u indipendentament mill-preżentata ta' rikors, filwaqt li n-nuqqas ta' effett sospensiv ta' rikors jiġġustifika, barra minn hekk, iż-żamma ta' l-interess li wieħed jaġixxi f'każ ta' abbandun tal-konċentrazzjoni matul istanza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 19).

49      F'din il-kawża, il-fatt li l-bażi kuntrattwali tal-konċentrazzjoni m'għadhiex teżisti, wara l-abbandun tal-konċentrazzjoni mill-partijiet li qed jinnotifikaw, mhuwiex fih innifsu element tali li jeskludi l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Din il-kawża tista', madankollu, tkun distinta f'żewġ aspetti mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjoni u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq. Minn naħa, għalkemm din l-allegazzjoni hija parzjalment ikkontestata mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti stess issostni li l-konċentrazzjoni in kwistjoni kienet ġie abbandunat fis-27 ta' Lulju 2000, jiġifieri anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li dan l-abbandun huwa iktar dovut għall-oppożizzjoni tad-DoJ milli għall-azzjoni tagħha. Fiż-żewġ aspetti titqajjem, għaldaqstant, il-mistoqsija dwar safejn l-abbandun tal-konċentrazzjoni in kwistjoni jista' jiġi kkwalifikat bħala "konsegwenza diretta" tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tas-sentenza Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ' il fuq, u liema huma l-konsegwenzi eventwali ta' distinzjoni bħal din f'dak li jikkonċerna l-interess tar-rikorrenti li taġixxi f'din il-kawża.

51      Fir-rigward ta' l-ewwel minn dawn iż-żewġ aspetti, għandu jiġi mfakkar li, b'ittra tas-27 ta' Lulju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw iddikjaraw formalment lill-Kummissjoni li kienu qed jirtiraw in-notifika tagħhom u li ma kellhomx "iktar l-intenzjoni li jimplementaw il-konċentrazzjoni taħt il-forma ppreżentata fin-notifika".

52      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, fl-ewwel lok, li din id-dikjarazzjoni kienet ġiet magħmula immedjatament wara l-kummenti mogħtija lill-istampa, fis-26 ta' Ġunju 2000, mis-Sur Monti, li minnhom jirriżulta li huwa kellu l-intenzjoni li jipproponi lill-Kummissjoni timpedixxi l-konċentrazzjoni ppjanata, u, fit-tieni lok, li din id-dikjarazzjoni kellha manifestament bħala għan li tevita l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li d-diskussjoni tagħha kienet inkluża fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2000.

53      Issa, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra din id-dikjarazzjoni bħala li tikkostitwixxi rtirar formali mill-ftehim ta' għaqda notifikata. Hija għalhekk ikkunsidrat lilha nnifisha bħala kompetenti biex tieħu deċiżjoni fuq dan il-ftehim, minkejja l-kliem tad-dikjarazzjoni in kwistjoni.

54      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet waħedhom huma biżżejjed biex jiġġustifikaw l-interess tar-rikorrenti li tikseb l-annullament ta' deċiżjoni li hija indirizzata lilha u li l-adozzjoni tagħha hija ppruvat, bla suċċess, timpedixxi billi tiddikjara formalment li tirrinunċja għall-konċentrazzjoni notifikata li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, li wieħed mill-motivi prinċipali invokati mir-rikorrenti sabiex issostni t-talbiet tagħha għall-annullament huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, wara l-irtirar tan-notifika li seħħ fis-27 ta' Ġunju 2000.

55      Għandu jingħad ukoll li, sakemm teżisti d-deċiżjoni kkontestata, li tibbenifika minn preżunzjoni ta' validità sakemm tkun annullata mill-qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti ta' l-1 ta' April 1982, Durbeck vs Il-Kummissjoni, 11/81, Ġabra p. 1251, punt 17), ir-rikorrenti hija legalment ipprojbita milli tingħaqad ma' Sprint, għall-inqas taħt il-konfigurazzjoni u bil-kundizzjonijiet preżenti fin-notifika, fil-każ li hija jkollha mill-ġdid din l-intenzjoni fil-futur.

56      Il-fatt li r-rikorrenti m'għandhiex neċessarjament din l-intenzjoni, jew li hija forsi ma twettaqhiex, jikkostitwixxi f'dan ir-rigward ċirkustanza purament suġġettiva li ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni meta qiegħed jġi evalwat l-interess tagħha li taġixxi għall-annullament ta' att li, inkontestabbilment, jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji ta' natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jbiddlu bmod distint il-pożizzjoni legali tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-31 ta' Marzu 1998 ,Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I1375, punt 62; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Marzu 1999, Assicurazioni Generali e Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punt 37, u tat-22 ta' Marzu 2000, CocaCola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u 127/97 Ġabra p. II1733, punt 77).

57      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ġġustifikat interess suffiċjenti sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata anki fil-każ fejn, kif hija tisħaq, hija verament abbandunat il-konċentrazzjoni in kwistjoni ġurnata qabel l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

58      Fir-rigward tat-tieni aspett imsemmi fil-punt 50 iktar 'il fuq, huwa veru li l-irtirar formali tan-notifika u l-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni "taħt il-forma ppreżentata fin-notifika", nnotifikata mil-partijiet li qed jinnotifikaw permezz ta' faks lis-segretarjat tat-task force "Kontroll tal-konċentrazzjoni bejn impriżi" tal-Kummissjoni ta' Brussell fis-27 ta' Ġunju 2000, fil-5.25 ta' wara nofs inhar (ara l-anness 3 tar-rikors, p. 185), jikkoinċidi ġurnata b'ġurnata kif ukoll siegħa b'siegħa, b'kunsiderazzjoni tad-differenza fil-ħin, ma' l-aħbar tat-tressiq ta' rikors mid-DoJ quddiem id-District Court of Columbia, mogħtija f'Washington fis-27 ta' Ġunju 2000 filgħodu (ara l-Annessi 1 u 11 tar-risposta). Barra minn hekk, ukoll, kif ammettew il-partijiet li qed jinnotifikaw stess (ara l-komunikat stampa tagħhom tat-13 ta' Lulju 2000, iċċitat fil-punt 40 iktar 'il fuq), l-abbandun definittiv tal-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom huwa konsekuttiv għall-proċedimenti mressqa mid-DoJ quddiem id-District Court of Columbia.

59      Madankollu, anki jekk l-oppożizzjoni tad-DoJ kienet determinanti fid-deċiżjoni tal-partijiet li qed jinnotifikaw li jabbandunaw il-konċentrazzjoni in kwistjoni, xorta jibqa' l-fatt li, kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi bħalissa fl-uniku ostaklu legali attwali u ċert għat-twettiq ta' din il-konċentrazzjoni, fl-eventwalità li l-partijiet li qed jinnotifikaw jixtiequ mill-ġdid jingħaqdu taħt il-konfigurazzjoni u bil-kundizzjonijiet preżenti fin-notifika, peress illi l-proċedimenti mibdija mid-DoJ quddiem id-District Court of Colombia ma waslux għall-għoti ta' mandat ta' inibizzjoni u kienu abbandunati b'mod volontarju mid-DoJ fit-13 ta' Lulju 2000.

60      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-partijiet li qed jinnotifikaw kienu jgħażlu li jiddefendu ruħhom quddiem id-District Court of Columbia kieku l-Kummissjoni ma kinitx, min-naħa tagħha adottat id-deċiżjoni kkontestata.

61      F'dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-prinċipju fundamentali skond liema, f'komunità ta' dritt, ir-rispett tal-legalità għandu jkun garantit kompletament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63), il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li din il-kawża ma tiddistingwix ruħha biżżejjed mis-sentenzi li wasslu għal Gencor vs Il-Kummissjoni u Kesko vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar 'il fuq, sabiex tiġġustifika soluzzjoni differenti fir-rigward ta' l-evlawazzjoni ta' l-interess tar-rikorrenti li taġixxi, fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

62      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jistaw jaffettwaw iż-żamma ta' dan l-interess, sussegwentement għall-preżentata tar-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-osservazzjonijiet ppreżentati mir-rikorrenti fil-21 ta' Ottubru 2002, fit-2 ta' Mejju 2003, fid-9 ta' Lulju 2003, fis-17 ta' Diċembru 2003 u fil-11 ta' Marzu 2004 jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-riorganizzazzjoni tagħha taħt superviżjoni tal-qorti miexja tajjeb.

63      Barra minn hekk, ir-rikorrenti affermat fl-osservazzjonijiet tagħha u rrepetiet fis-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontradixxuta mill-Kummissjoni, li l-qasam ta' l-attivitajiet tagħha ma nbiddlux minn wara li ġie ppreżentat ir-rikors u li hija għada tista' twettaq konċentrazzjoni tat-tip bħal dik iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mid-deċiżjoni kkontestata.

64      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, għaldaqstant, li r-rikorrenti għandha interess suffiċjenti għall-kontinwazzjoni ta' dawn il-proċedimenti.

 Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

65      Sabiex issostni t-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi għall-annullament bbażati fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

66      Permezz ta' l-ewwel motiv, li jinqasam f'żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tadotta d-deċiżjoni kkontestata peress li l-proġett ta' konċentrazzjoni in kwistjoni ma kellux dimensjoni Komunitarja, kemm fid-data li fiha nbdiet il-proċedura (l-ewwel parti) kif ukoll wara bidla sustanzjali fiċ-ċirkustanzi, fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni (it-tieni parti).

67      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tadotta d-deċiżjoni kkontestata peress li l-partijiet li qed jinnotifikaw kienu rtiraw uffiċjalment in-notifika tagħhom u huma kienu informawha dwar l-abbandun tal-konċentrazzjoni fil-forma prevista fin-notifika.

68      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li teżamina l-ewwel it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata wara l-irtirar tan-notifika u l-abbandun tal-konċentrazzjoni fil-forma prevista fin-notifika.

 L-argumenti tal-partijiet

69      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Gvern Ġermaniż, issostni li l-Kummissjoni aġixxiet ultra vires meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, fit-28 ta' Ġunju 2000, filwaqt li, fis-27 ta' Ġunju 2000 l-partijiet li qed jinnotifikaw kienu rtiraw uffiċjalment in-notifika tagħhom u kienu informawha li ma kinux ser jippruvaw iwettqu l- konċentrazzjoni proposta kif notifikata u li, safejn huma jiddeċiedu li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom taħt forma oħra fil-futur, huma kienu jagħmlu n-notifiki meħtieġa mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta' konċentrazzjonijiet.

70      Peress illi l-Kummissjoni b'mod partikolari ġġustifikat il-kompetenza tagħha, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-fatt li l-kommunikazzjoni tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000 ma kinitx tikkostitwixxi rtirar formali tal-kuntratt ta' għaqda ta' l-4 ta' Ottubru 1999 li kien is-suġġett tan-notifika, ir-rikorrenti ssostni li din l-interpretazzjoni hija artifiċjali u kuntrarja għall-qari razzjonali tal-kliem ta' l-imsemmi komunikat stampa. Fir-rigward tal-komunikati stampa tal-partijiet li qed jinnotifikaw, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, sabiex issostni l-argument li dawn il-partijiet ma kinux abbandunaw il-proġett ta' konċentrazzjoni kif innotifikat (ara l-punti 15, 16 u 20 iktar ' il fuq), xejn ma jindika fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadithom in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha. F'kull każ, dawn il-komunikati stampa bl-ebda mod ma jikkontradixxu l-komunikat stampa tal-partijiet li qed jinnotifikaw lill-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2000.

71      Barra minn hekk, safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proġett ta' konċentrazzjoni seta' jiġi rtirat biss jekk il-partijiet jirrevokaw uffiċjalment il-kuntratt ta' għaqda, ir-rikorrenti ssostni li hija aġixxiet b'mod irraġonevoli, diżproporzjonat, kuntrarju għall-prassi amministrattiva tagħha u, għalhekk, bi ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti tat-12 ta' Novembru 1987, Ferriere San Carlo vs Il-Kummissjoni, 344/85, Ġabra p. 4435; tal-5 ta' Ottubru 1988, Fingruth, 129/87, Ġabra p. 1621, punti 14 sa 16 u ta' l-14 ta' Novembru 1989, Italja vs Il-Kummissjoni, 14/88, Ġabra p. 3677, punti 28 sa 31). Ir-rikorrenti tqis, fil-fatt, li, wara l-komunikati tagħhom tas-27 ta' Ġunju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw, setgħu leġittimament jistennew li l-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni nnotifikata, skond l-prassi amministrattiva preċedenti tagħha magħmula pubblika f'xi għoxrin kawża oħra.

72      Il-Kummissjoni ssostni li s-sempliċi rtirar tan-notifika mhuwiex biżżejjed biex tipprivaha mill-kompetenza tagħha taħt ir-Regolament Nru 4064/89. Dan jista' jsir biss, skond hi, jekk il-partijiet li qed jinnotifikaw jabbandunaw ukoll il-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom.

73      Jirriżulta kemm mill-ispirtu kif ukoll mill-kliem tar-Regolament Nru 4064/89, u b'mod partikolari tal-premessi 9 u 17 tiegħu kif ukoll mill-Artikolu 2(2), l-Artikolu 4, l-Artikolu 7(1) u (5), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 11 tiegħu li l-kompetenza tal-Kummissjoni mhijiex limitata biss għall-proġetti nnotifikati, peress illi n-notifika hija biss l-instrument li jiffaċilità l-eżerċizzju ta' kompetenza li l-Kummissjoni għandha f'kull każ u li ma tistax tiddependi biss mill-volonta tal-partijiet. (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-3/93 Ġabra p. II-121, punt 53). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, peress li hija żżomm taħt il-kontroll tagħha l-konċentrazzjonijiet indipendentement minn kull notifika minn qabel, viċi versa, il-partijiet f'proġett ta' konċentrazzjoni ma jistgħux iċaħduha mill-kompetenza tagħha billi jirtiraw in-notifika tagħhom, għajr jekk huma jabbandunaw ukoll il-proġett tagħhom. Minn din il-perspettiva, l-irtirar tan-notifika jesponi ukoll lill-partijiet li qed jinnotifikaw għal ammendi taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 4064/89, sakemm il-proġett ta' konċentrazzjoni mhuwiex abbandunat ukoll.

74      F'din il-kawża, huwa ċar li, fit-28 ta' Ġunju 2000, il-partijiet li qed jinnotifikaw kien għad kellhom tama kbira li l-konċentrazzjoni ppjanata setgħat tiġi rrealizzata. Dan jidher ċar mill-komunikati stampa ippubblikati minnhom il-ġurnata ta' qabel (ara l-punti 15 u 16 iktar 'il fuq). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk, effettivament, deċiżjoni daqshekk importanti bħall-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni kienet ittieħdet, il-partijiet ma kinux jitilfu din l-okkażjoni biex jagħtu l-aħbar. Il-komunikat stampa tagħhom tas-27 ta' Ġunju 2000 lill-Kummissjoni għalhekk ma kienx kompeltament sinċier u ma kellux jittieħed litteralment, iktar u iktar meta kien biss fit-13 ta' Lulju 2000 li l-partijiet li qed jinnotifikaw ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jabbandunaw il-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom lill-Awtoritajiet Amerikani (ara l-punt 20 iktar 'il fuq). Il-Kummissjoni minn dan tikkonkludi li, fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proġett ta' konċentrazzjoni kien fis-seħħ.

75      Fir-rigward tal-prassi amministrattiva preċedenti tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li, fil-kawżi kollha invokati mir-rikorrenti, kienet twaqfet il-konċentrazzjoni nnotifikata qabel ma hija għalqet il-każ. Fl-ebda minn dawk il-kawżi, il-Kummissjoni ma kkunsidrat is-sempliċi rtirar tan-notifika bħala suffiċjenti. Kuntrarjament, hija insistiet f'żewġ każijiet, li jingħataw provi, mhux ipprovduti spontanjament mill-partijiet, li juru li l-proġett ta' konċentrazzjoni kien tassew ġie abbandunat. Issa, f'din il-kawża, il-partijiet li qed jinnotifikaw ma pprovdew ebda dokument jew element ta' prova li jista' jikkonferma l-affermazzjoni tagħhom li huma ma kellhomx iktar l-intenzjoni li jipproċedu bil-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom.

76      F'kull każ, il-Kummissjoni tirrifjuta l-idea li l-prassi amministrattiva tagħha stess, li tikkonsisti f'serje ta' deċiżjonijiet individwali, tista' toħloq aspettattiva leġittima. Tali aspettattiva għandha, skond hija, tkun ibbażata fuq komunikat ta' tip ġenerali. Hija tikkunsidra, bl-istess mod, li s-sens komun ma jippermettix li l-fatt li hija ma ssegwix prassi segwita f'diversi deċiżjonijiet preċedenti jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi fih innifsu mġieba irraġonevoli jew sproporzjonata.

77      Fl-aħħar, fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenzi Ferriere San Carlo vs Il-Kummissjoni u Fingruth, punt 71 iktar 'il fuq, huma irrilevanti f'din il-kawża. Dawn iż-żewġ sentenzi kkonstataw l-eżistenza ta' nuqqas fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, li għalih l-Istituzzjoni Komunitarja kkonċernata kienet irrimedjat b'prassi amministrattiva kostanti. F'din il-kawża, ir-Regolament Nru 4064/89 ma jippreżenta ebda nuqqas u r-rikorrenti qed tinvoka fir-realtà hekk imsejħa aspettattiva leġittima fil-fatt li l-Kummissjoni mhijiex se teżerċita s-setgħat li għandha bis-saħħa ta' dan ir-Regolament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

78      Jaqbel, qabel kollox, li tiġi ddeterminata l-portata ta' l-ittra tas-27 ta' Ġunju 2000, iċċitata fil-punt 13 iktar 'il fuq, li biha l-partijiet li qed jinnotifikaw irtiraw formalment in-notifika tagħhom tal-11 ta' Jannar 2000 u ddikjaraw lill-Kummissjoni li huma ma kellhomx "iktar l-intenzjoni li jimplementaw il-proġett ta' konċentrazzjoni taħt il-forma ppreżentata fin-notifika".

79      Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kuntest ta' dan ir-rikors, dan il-komunikat ma kkonċernax l-abbandun, bħala prinċipju, ta' kull idea jew proġett ta' konċentrazzjoni bejn WorldCom u Sprint, iżda biss l-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni "taħt il-forma ppreżentata fin-notifika". L-eventwalità ta' konċentrazzjoni "taħt forma oħra fil-futur" hija barra minn hekk espressament ipprovduta, b'mod ipotetiku, veru, ("[i]nsofar as" – "sakemm") fl-istess ittra. Il-komunikat stampa ta' Sprint u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem ta' WorldCom ta' l-istess ġurnata, rispettivament iċċitati fil-punti 15 u 16 iktar 'il fuq jikkonfermaw ukoll li l-partijiet li qed jinnotifikaw kien għad kellhom, f'din id-data, ċerta tama li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom taħt forma jew oħra, minkejja l-oppożizzjoni tad-DoJ u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġġett tagħhom. Fir-realtà, huwa biss bil-komunikat stampa tat-13 ta' Lulju 2000, iċċitat f'punt 40 iktar 'il fuq, li l-partijiet li qed jinnotifikaw ħabbru pubblikament li huma kienu qed jabbandunaw b'mod definittiv il-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom.

80      B'konsegwenza, id-domanda li dan il-motiv iqajjem hija jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Kummissjoni kinitx kompetenti biex tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, li tiddikjara l-"konċentrazzjoni nnotifikata" inkompatibbli mas-suq komuni, meta, mingħajr ma rrinunzjaw formalment għall-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom, il-partijiet li qed jinnotifikaw kienu ddikjaraw uffiċjalment li kienu qed jirtiraw in-notifika tagħhom u li ma kellhomx iktar l-intenzjoni li jimplementaw dan il-proġett fil-forma ppreżentata fin-notifika, filwaqt li rriservaw il-possibbiltà li jgħaqqdu l-attivitajiet taħt forma oħra fil-futur.

81      F'dan ir-rigward għandu jkun enfasizzat qabel kollox li, taħt il-forma ppreżentata fin-notifika, il-proġett ta' konċentrazzjoni in kwistjoni kien dak speċifikament identifikat u deskrit fil-ftehim u fil-pjan ta' għaqda ffirmat minn WorldCom u Sprint fl-4 ta' Ottubru 1999, bl-esklużjoni ta' kull konċentrazzjoni oħra teoretikament possibli bejn dawn il-partijiet.

82      B'rigward għall-forma speċifika mogħtija lil dan il-proġett fin-notifika, id-dikjarazzjoni tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000, iffirmata mill-avukati awtorizzati biex jirrappreżentaw lil dawn il-partijiet quddiem il-Kummissjoni, tista' tiġi interpretata biss bħala li timplika li l-ftehim u l-pjan ta' għaqda kif kienu konklużi u nnotifikati skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89 waqaw.

83      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li d-distinzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn l-irtirar tan-notifika u l-irtirar tal-ftehim ta' għaqda ffirmat fl-4 ta' Ottubru 1999, hija eċċessivament formalista kif ukoll artifiċjali.

84      Minn naħa, fil-fatt, din id-distinzjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ittra tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000 kienet titratta mhux biss l-irtirar tan-notifika, iżda wkoll ir-rinunzja ta' l-implementazzjoni tal-proġett ta' konċentrazzjoni "taħt il-forma ppreżentata fin-notifika" u għalhekk taħt il-forma tal-ftehim ta' għaqda ta' l-4 ta' Ottubru 1999.

85      Min-naħa l-oħra, din id-distinzjoni tinterpreta ħażin il-portata ta' tali rinunzja, li neċessarjament taffettwa l-effettività, jekk mhux il-validità tal-ftehim ta' għaqda stess. F'dan ir-rigward, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ittra tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000, "ma kkostitwitx irtirar formali tal-ftehim ta' għaqda" ma tirriżultax b'mod loġiku mid-dikjarazzjoni tal-partijiet li qed jinnotifikaw li "ma kellhomx iktar l-intenzjoni li jimplementaw" l-imsemmi ftehim.

86      Barra minn hekk, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, skond liema l-partijiet li qed jinnotifikaw kienu rriservaw il-possibbiltà li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom taħt forma oħra fil-futur, mhuwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm, fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ftehim ta' għaqda f'forma tajba u valida, li jista jiġi implementat minn dawn il-partijiet, u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni setgħet eżerċitat il-kontroll tagħha.

87      Wara kollox, dan il-fatt huwa tali li jdgħajjef, iktar milli jikkonferma l-argument tal-Kummissjoni, peress illi juri li l-partijiet li qed jinnotifikaw ikkunsidraw li l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' għaqda ġdida kienet meħtieġa sabiex titwettaq fil-futur, skond il-każ, il-konċentrazzjoni ppjanata.

88      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni takkuża, madankollu lill-partijiet li "ma kinux sinċieri " fil-komunikat tagħhom tas-27 ta' Ġunju 2000, b'tali mod li dan m'għandux "jittieħed litteralment".

89      Sakemm il-Kummissjoni takkuża għaldaqstant lill-partijiet li qed jinnotifikaw li ma kinux irrinunzjaw definittivament, f'din id-data, għall-proġett ta' konċentrazzjoni, l-ilment tagħha huwa fondat (ara l-punt 79 iktar 'il fuq), iżda bla effett. Fil-fatt, mhuwiex biżżejjed li żewġ impriżi jippjanaw li jingħaqqdu (jew ikomplu jippjanaw li jingħaqqdu) sabiex jeżisti (jew ikompli jeżisti) ipso facto bejniethom ftehim ta' għaqda f'forma tajba u valida, fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89. Il-kompetenza tal-Kummissjoni ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi intenzjoniet suġġettivi tal-partijiet. Din tiddependi, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament, fuq "il-konklużjoni tal-ftehim" ta' konċentrazzjoni. Kif il-Kummissjoni mhijiex kompetenti biex tadotta deċiżjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89 qabel il-konklużjoni ta' tali ftehim, hija tieqaf milli tkun kompetenti hekk kif dan il-ftehim jiġi mitmum, anki jekk l-impriżi kkonċernati jkomplu n-negozjati tagħhom bil-għan li jiġi konkluż ftehim "taħt forma oħra".

90      F'dak illi l-Kummissjoni takkuża iktar speċifikament lill-partijiet li qed jinnotifikaw li żammew fis-seħħ b'mod sigriet il-ftehim ta' għaqda tagħhom ta' l-4 ta' Ottubru 1999 minkejja l-kliem użat fil-komunikat uffiċjali tagħhom tas-27 ta' Ġunju 2000, għandu jiġi kkonstatat li l-akkuża tagħha, li tista' jkollha effett, mhija bbażata fuq ebda element ta' prova li tista' tipprovha skond il-liġi. Partikolarment, fil-komunikat stampa ta' Sprint jew fid-dikjarazzjonijiet tal-kelliem ta' WorldCom tas-27 ta' Ġunju 2000, iċċitati iktar 'il fuq m'hemm xejn li jsostni din l-akkuża, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħat ikkunsidrat dawn id-dokumenti li mhumiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

91      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, fid-dawl ta' l-ittra tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000, kif miġbura fil-qosor fil-punt 80 iktar 'il fuq u kif interpretata fil-punti 82 sa 86 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li hija ma kinitx iktar kompetenti, fin-nuqqas ta' "ftehim" ta' konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89, sabiex tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 8(3), tar-Regolament, li tiddikjara l-" konċentrazzjoni" inkompatibbli mas-suq komuni.

92      Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' dan ir-rikors ma jista' jqiegħed f'dubju din l-evalwazzjoni.

93      Ċertament, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, b'referenza għall-punt 53 tas-sentenza AirFrance vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar 'il fuq, il-kompetenza tagħha mhijiex limitata biss għall-konċentrazzjonijiet innotifikati, peress li n-notifika hija biss l-istrument li jiffaċilità l-eżerċizzju ta' kompetenza li l-Kummissjoni għandha f'kull każ u li ma tistax tiddependi biss mill-volonta tal-partijiet.

94      F'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Ġermaniż li deċiżjoni ta' inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 tista' tkun adottata biss meta l-konċentrazzjoni, ex hypotesi mhux notifikata, diġà ġiet implementata, u l-miżuri sabiex jintemm il-kontroll konġunt skond l-Artikolu 8(4) jkunu neċessarji. Tali interpretazzjoni hija kuntrarja għall-ispirtu u għall-kliem tar-Regolament Nru 4064/89, partikolarment l-Artikolu 14(2)(c) tiegħu.

95      Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata fl-eżami tagħha tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali eżistenti, u, b'mod partikolari, li tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet ippreċiżati fil-ftehim, mhux notifikat, li jwettaq il-konċentrazzjoni (ara, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna l-eżami ex ufficio mill-Kummissjoni ta' ftehim li jirristrinġi l-kompetizzjoni mhux notifikata, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Wirtschaftsvereingung Stahl et vs Il-Kummissjoni, T-16/98, Ġabra p. II-217, punti 32 u 33).

96      Għaldaqstant, jekk huwa veru li l-partijiet fi ftehim ta' konċentrazzjoni ma jistgħux jipprivaw lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha billi jirtiraw in-notifika tagħhom, huwa neċessarju li, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, il-Kummissjoni tesprimi ruħha fuq konċentrazzjoni reali, u mhux, wara l-irtirar tan-notifika u l-abbandun tal-konċentrazzjoni taħt il-forma inizjalment ippjanata, fuq l-intenzjonijiet vagi tal-partijiet li jgħaqdu l-attivitajiet tagħhom fil-futur taħt forma oħra, kif hija għamlet f'din il-kawża.

97      Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tesponi ruħha biex tikkommetti żbalji ta' evalwazzjoni li jistgħu jkollhom effett sostanzjali fuq l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni realment in kwistjoni, tagħmel l-evalwazzjoni tagħha fuq id-dispożizzjonijiet ta' ftehim li l-partijiet iddikjaraw formalment li qed jirrinunzjaw l-implementazzjoni tiegħu.

98      Fil-kawża preżenti, il-komunikat tal-partijiet li qed jinnotifikaw lill-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2000 implika, mill-inqas, li dawn il-partijiet antiċipaw li jagħmlu ċerti bidliet lill-ftehim ta' għaqda nnotifikat, qabel ma l-konċentrazzjoni ppjanata tista' tkun eventwalment mwettqa "taħt forma oħra" fil-futur, u li dan il-ftehim għaldaqstant ma kienx jirrefletti l-volontà komuni tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim innotifikat li saret fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkunsidrax neċessarjament il-portata tal-konċentrazzjoni l-ġdida eventwalment prevista, għall-futur, mill-partijiet li qed jinnotifikaw.

99      Issa, dan l-iżball seta' kellu effett sostanzjali fuq l-evalwazzjoni tal- konċentrazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-portata vera tal-konċentrazzjoni prevista taħt forma oħra mill-partijiet in kawża, mhuwiex eskluż li l-evalwazzjoni tagħha kienet tkun differenti u li hija kienet tqis li din il-konċentrazzjoni ma kinitx inkompatibbli mas-suq komuni (ara, b'analoġija, is-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl et vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar 'il fuq, punt 45).

100    F'dan il-kuntest, jaqbel li jiġi rrivelat ukoll li l-iżbalji ta' evalwazzjoni li esponiet ruħha għalihom il-Kummissjoni, billi pproċediet bil-mod ta' kif hija pproċediet f'din il-kawża setgħu jkunu evitati faċilment. Partikolarment, ma kienx hemm terminu ta' żmien mandatorju li kien jimponilha tadotta b'ħeffa kbira deċiżjoni daqshekk riskjuża bħad-deċiżjoni kkontestata.

101    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-data ta' l-għeluq għall-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, li warajha l-konċentrazzjoni kienet tkun meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 4064/89, kienet l-Erbgħa 12 ta' Lulju 2000. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni barra minn hekk, spjegat li hija tiltaqa' bħala kulleġġ darba fil-ġimgħa, ġeneralment nhar t'Erbgħa, li deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 huma kawżi sistematikament adottati permezz tal-proċedura orali, sabiex tkun garantita trasparenza ikbar, u li hija l-prassi li l-abbozz ikun sottomess fil-laqgħa ta' qabel ta' l-aħħar qabel id-data ta' skadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 4064/89, b'mod li jippermetti lill-kulleġġ jiddeċiedi fuq test emendat fil-każ fejn il-maġġoranza tal-membri tiegħu jopponu għall-ewwel verżjoni.

102    Għaldaqstant, jekk hija kellha xi dubji dwar il-portata jew dwar is-sinċerità tal-komunikat tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltajiet kollha, waqt il-laqgħa ta' l-Erbgħa 28 ta' Ġunju 2000, biex tiddiferixxi l-adozzjoni formali tad-deċiżjoni kkontestata sad-data ta' l-Erbgħa l-5 jew l-Erbgħa t-12 ta' Lulju 2000 u li sadattant tibgħat lill-partijiet li qed jinnotifikaw talba għal informazzjoni skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 4064/89, jekk neċessarju permezz ta' deċiżjoni taħt il-paragrafu 5 ta' l-istess dispożizzjoni.

103    Minbarra dan, skond l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 4064/89, it-terminu ta' żmien massimu ta' erba' xhur stabbilit fl-Artikolu 10(3) ta' dan l-istess Aritkolu, sabiex tittieħed deċiżjoni ta' inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 8(3) huwa eċċezzjonalment sospiż meta l-Kummissjoni, minħabba ċirkustanzi li għalihom waħda mill-impriżi li qed tipparteċipa fil-konċentrazzjoni hija responsabbli, kellha titlob informazzjoni permezz ta' deċiżjoni b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11. Jidħlu, b'mod partikolari, fost dawn iċ-ċirkustanzi, skond l-Artikolu 9(1)(a) u (d) tar-Regolament ta’ applikazzjoni, il-fatt li l-informazzjoni li l-Kummissjoni talbet lil waħda mill-partijiet li qed jinnotifikaw, skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 4064/89, ma ġietx kompletament ikkomunikata lilha fit-terminu li hija ffissat u l-fatt li l-partijiet li qed jinnotifikaw ma kkomunikawx lill-Kummissjoni emendi essenzjali ta' l-elementi indikati fin-notifika.

104    Għaldaqstant, f'din il-kawża, il-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tivverifika, permezz ta' provi formali, li l-ftehim ta' għaqda kien ġie verament irtirat jew abbandunat, kif hija stess tammetti li għamlet fil-passat, fil-każ ta' mill-inqas żewġ konċentrazzjonijiet oħra (ara l-punt 111 iktar 'il quddiem), jekk hija ma kkunsidratx li kienet informata biżżejjed sabiex tagħlaq il-proċedura fid-dawl tal-komunikat tal-partijiet li qed jinnotifikaw tas-27 ta' Ġunju 2000.

105    Il-Kummissjoni ma tistax lanqas tinkova n-neċessità li fiha kienet tinsab li twaqqaf użu eventwali ħażin jew abbużiva tal-komunikat tal-partijiet tas-27 ta' Ġunju 2000.

106    Partikolarment, ma kienx hemm lok għall-biża' li l-partijiet li qed jinnotifikaw, billi deliberament ma jqisux il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 4064/89, jimplementaw il-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom, kemm jekk taħt il-forma notifikata, kemm jekk taħt forma oħra, wara l-irtirar tan-notifika. Fil-fatt, kif jirrivelaw ir-rikorrenti u l-Gvern Ġermaniż, il-partijiet li qed jinnotifikaw setgħu pproċedew hekk biss billi jesponu lilhom infushom għall-ammendi previsti fl-Artikolu 14(2)(b), tar-Regolament Nru 4064/89, li jistgħu jilħqu 1l% tal-fatturat totali tagħhom. Dawn l-ammendi għandhom effett disważiv bħal dawk previsti fl-Artikolu 14(2)(c) ta' dan ir-Regolament, fil-każ fejn impriżi jwettqu konċentrazzjoni ddikjarata inkompattibbli mas-suq komuni permezz ta' deċiżjoni meħuda b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(3).

107    Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata meta l-partijiet li qed jinnotifkaw kienu rtiraw uffiċjalment in-notifika tagħhom u informaw lill-Kummissjoni dwar l-abbandun tal-konċentrazzjoni taħt il-forma prevista fin-notifika, din l-istituzzjoni eċeddiet il-limiti tal-kompetenza tagħha taħt ir-Regolament Nru 4064/89.

108    Fi kwalunkew każ, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx inkompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, kif hija ssostni fuq il-bażi tad-distinzjoni li hija għamlet bejn l-irtirar tan-notifika u l-irtirar tal-ftehim ta' għaqda, għandu jiġi kkonstatat, li billi għamlet hekk il-Kummissjoni, b'mod mhux mistenni, ma segwitx il-prassi amministrattiva konstanti tagħha, kif magħmula pubblika. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti rreferiet għal xi għoxrin kawża li fihom il-Kummissjoni kienet tat l-impressjoni li kienet sodisfatta bis-sempliċi rtirar tan-notifika mill-partijiet kkonċernati, sabiex tagħlaq mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-mertu proċedura dwar kawża ta' konċentrazzjoni.

109    Għaldaqstant, fid-dawl tal-komunikati tal-Kummissjoni intitolati "Rtirar tan-notifika ta' konċentrazzjoni", li huma l-uniċi dokumenti li ġew ippubblikati, rispettivament, fil-każijiet Nru IV/M.608, Ericsson/Ascom (ĠU 1995, C292, p. 8), u Nru IV/M.680 Kvaerner/Amec (ĠU 1996, C8, p. 4) jidher li din l-istituzzjoni ddeċidiet li tagħlaq il-każ, mingħajr ma tadotta deċiżjoni, fl-istess jum li l-partijiet li qed jinnotifikaw informawha li huma kienu "issospendew l-implementazzjoni tal-proġett ta' konċentrazzjoni nnotifikat" u "għaldaqstant iddeċidew li jirtiraw in-notifika".

110    Barra minn hekk, f'numru kbir ta' każijiet oħra, [Nru IV/M.208, Scott/Molnlycke; Nru IV/M.238, Siemens/Philips Kabel; Nru IV-M.388, Unilever France/Ortiz Miko; Nru IV/M.418, Tractabel/Distrigaz; Nru IV/494, Colonia/Lefac/KMK-CCI; Nru IV/M.562, Swissair/Sabena; Nru IV/M.592, RWE-DEA/Enichem Augusta ; Nru IV/M.805, Telecom-2; Nru IV/M.852, Basf/Shell; Nru IV/M.888, Metallgesellschaft/AG; Nru IV/M.892 Hochtief/Deutsche Bank/Holzmann ; Nru IV/M.905, Schweizer Ruck/SAFR > Nru IV/M.948 Watt AG> Nru IV/M.974, Bertelsmann/Burda-Host ; Nru IV/M.1010, Artemis/Worms & Cie ; Nru IV/M.1047, Wienerberger/Cremer & Breuer (ĠU 1998, C93, p. 23) ; Nru IV/M.1246, LHZ/Carl Zeiss (ĠU 1998, C384, p. 9) ; Nru IVM/M.1277, BLG Container/Maersk/Sea-Land Service (ĠU 1998, C290, p. 12) ; Nru IV/M.1321 Verbund/ Kelag/ Porr/OMV Poterra/Siemens/KRV (ĠU 1998, C382, p. 3) ; Nru IV/M.1431, Ahlstrom/Kvaerber (ĠU 1999, C262, p. 3) ; Nru IV/M.1447, Deutsche post/Trans-o-flex (ĠU 1999, C130, p. 9) ; Nru IV/M.1609 Elf/Saga ; Nru IV/M.1703, Phelps Dodge/Asarco (ĠU 1999, C313, p. 7) ; COMP/M.2117, Aker Maritime/Kvaerner (ĠU 2001, C9, p. 5) u Comp/M.1829 HTMF Nabisco Group Holdings/Burlington Biscuits/United Biscuits ], il-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u/jew il-komunikat stampa li ħabbar l-għeluq tal-proċedura jillimitaw ruħhom li jindikaw li "il-partijiet li qed jinnotifikaw informaw lill-Kummissjoni li huma rtiraw in-notifika tagħhom", mingħajr ma jirreferu għal dak li ser jiġri mill-proġett jew mill-ftehim ta' konċentrazzjoni stess. Mill-kliem tat-tip tad-dokumenti pubbliċi in kwistjoni, il-Kummissjoni wasslet lil dawk interessati sabiex jemmnu li l-irtirar tan-notifika għaliha huwa ekwivalenti, fil-prattika, għall-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni għalkemm il-prattika amministrattiva reali tagħha setgħat kienet differenti.

111    F'dan ir-rigward il-Kummissjoni għamlet referenza, fir-risposta tagħha għal żewġ każijiet [Nru IV/1328, KLM/Martinair (ĠU 1999, C162, p. 7), u Nru IV/M.1412 Hutchinson Wampoa/RMPM/ECT (ĠU 1999, C256, p. 5)] li fihom, issostni li, peress illi l-partijiet ma pprovdewx b'mod spontanju l-provi ta' l-abbandun tal-proġett ta' konċentrazzjoni tagħhom, hija insistiet fuq il-preżentazzjoni ta' tali provi qabel ma ngħalaq il-każ. Madankollu, l-elementi tal-każijiet magħmula pubbliċi permezz tan-notifika fil-Ġurnal Uffiċjali u/jew ta' komunikat stampa ma jsemmux tali insistenza minn naħa tagħha. F'kull każ, il-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn hija ma mxietx bl-istess mod, f'din il-kawża, minnflok ma ħaffet sabiex tadotta deċiżjoni negattiva, l-għada ta' l-irtirar tan-notifika.

112    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet li qed jinnotifikaw kienu leġittimament intitolati jistennew li l-komunikat tagħhom tas-27 ta' Ġunju 2000 kien biżżejjed sabiex iwassal għall-għeluq tal-każ, skond il-prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni magħmula pubblika u fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet kuntrarji mogħtija minn din ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li sempliċi prassi jew tolleranza amministrattiva, li mhijiex kuntrarja għar-regolamenti fis-seħħ u li ma timplikax l-eżerċizzju ta' setgħa diskrezzjonali, tista' tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati, mingħajr mhemm bżonn għaldaqstant li din tkun neċessarjament bbażata fuq komunikat ta' portata ġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Ottubru 1997, 84/85 Renju Unit vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 3765 ; sentenzai Ferriere San Carlo vs Il-Kummissjoni u Fingruth, punt 71 iktar 'il fuq ; digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Ġunju 1998, C-152/88 R, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 2931).

113    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, ta' l-inqas, kisret l-aspettattiva leġittima tal-partijiet li qed jinnotifikaw billi adottat d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma avżathom minn qabel li l-komunikat tagħhom ma kienx biżżejjed u li hija kellha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 sakemm il-partijiet ma jipprovdux immedjatament il-prova formali ta' l-irtirar tagħhom mill-ftehim ta' għaqda.

114    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tieni motiv huwa fondat. Hemm lok, għaldaqstant, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, skond it-talbiet tar-rikorrenti, mingħajr mhemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra u l-argumenti l-oħra mressqa minnha sabiex issostni r-rikors tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regolament ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

116    Madankollu, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeċiedi li :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/790/KE tat-28 ta' Ġunju 2000, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ KOMP/M.1741 – MCI WorldCom/Sprint) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk ta' MCI, Inc.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-28 ta' Settembru 2004

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża : l-Ingliż.