Language of document : ECLI:EU:C:2010:803

Kawża C-77/09

Gowan Comércio Internacional e Serviços Lda

vs

Ministero della Salute

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio)

“Prodotti fitosanitarji — Direttiva 2006/134/KE — Validità — Restrizzjonijiet fl-użu tal-fenarimol bħala sustanza attiva”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Ammissibbiltà — Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

(Artikolu 234 KE)

2.        Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 19 u Anness I; Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134)

3.        Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 19 u Anness I; Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134)

4.        Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Artikoli 168 TFUE u 191(1) u (2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Anness I; Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134)

5.        Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 5(5), u Anness I; Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134)

1.        Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta, b’mod partikolari, ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni Ewropea, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi effettivament għad-domandi magħmula lilha.

Dan ma huwiex il-każ meta, minn naħa, ikun paċifiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-domanda magħmula dwar il-validità tad-direttiva hija rilevanti sabiex il-kawża prinċipali tiġi deċiża u li, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali spjegat li d-dubji tagħha dwar il-validità huma essenzjalment ġejjin mill-fatt li hemm inkoerenza bejn il-limiti fl-użu ta’ sustanza stabbiliti b’din id-direttiva u l-evalwazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi ta’ din is-sustanza, li kienu globalment pożittivi, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tippermettilha teżamina l-validità tad-direttiva fid-dawl tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

(ara l-punti 25-27)

2.        Kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessi tagħha, id-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tfittex l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Sabiex tkun tista’ ssegwi b’mod effikaċi l-għan mogħti lilha, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi li hija għandha twettaq meta, fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għall-inkużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, hija tevalwa r-riskji marbuta mal-użu ta’ dawn is-sustanzi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa madankollu suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti Komunitarja għandha tara jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li jservu ta’ bażi għall-konklużjonijiet li l-imsemmija qorti tnissel minnhom.

(ara l-punti 54-57)

3.        Fil-kuntest tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għalkemm il-Kummissjoni għandha tqis l-evalwazzjoni xjentifika ppreparata mill-Istat Membru relatur, din l‑evalwazzjoni ma torbot la lill-Kummissjoni u lanqas, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill, li, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, għandhom id-dritt li jadottaw miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji li jkunu differenti minn dawk proposti mill-Istat Membru relatur.

Fir-rigward tad-Direttiva 2006/134, li temenda d-Direttiva 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-fenarimol bħala sustanza attiva, meta, minn naħa, l-informazzjoni pprovduta min-notifikant tkun ikkonfermat l-evalwazzjoni inizjali tal-Istat Membru relatur dwar in-nuqqas ta’ riskju aċċettabbli u din tkun ġiet aċċettata mill-grupp ta’ ħidma “evalwazzjoni” u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija Direttiva 2006/134 ma tikkontradixxix ir-riżultati tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji marbuta ma’ din is-sustanza attiva għaliex din l-aħħar direttiva twassal li tawtorizza l-użu tagħha fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li d-Direttiva 2006/134 hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qisitx b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi xjentifiċi ppreżentati mill-Istat Membru relatur matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji marbuta mal-użu tal-fenarimol.

(ara l-punti 60, 62, 63, 65, 67)

4.        Meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew impreċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ dannu reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi.

Fir-rigward tal-proċedura sabiex il-fenarimol jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, irriżulta, matul il-formulazzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni intiż li jinkludi l-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li kien hemm ċertu tħassib dwar l-effetti tossiċi intrinsiċi tal-fenarimol, u b’mod partikolari l-proprjetajiet tagħha li potenzjalment iħawdu l-endokrini u għalhekk huwa ġġustifikat li l-użu tiegħu għandu jiġi ristrett. Issa, ma jistax jitqies li dan it-tħassib huwa bbażat fuq sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ipotetika.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li juru li kien għad hemm ċerta inċertezza xjentifika dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sistema endokrinali minn sustanzi bħall-fenarimol, il-Kummissjoni ma tistax titqies li pproċediet b’applikazzjoni manifestament żbaljata tal-prinċipju ta’ prekawzjoni meta ssuġġettat l-awtorizzazzjoni ta’ din is-sustanza għal restrizzjonijiet fl-użu tagħha.

(ara l-punti 76-79)

5.        Hemm lok li tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa, meta hija tadotta, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ restrizzjoni fl-użu tal-fenarimol humiex adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija bid-Direttiva 91/414, mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/134, li emendat id-Direttiva 91/414, sabiex tinkludi s-sustanza attiva fenarimol, kif ukoll mill-premessi ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet li setgħet sabiex tasal għal ekwilibru bejn l-għanijiet tad-Direttiva 91/414 dwar it-titjib tal-produzzjoni veġetali u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimal, tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ambjent, u l-interess tan-notifikant li jikseb l-inklużjoni tal-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fi tmiem l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji marbuta ma’ din is-sustanza. Fid-dawl tat-tħassib dwar l-effetti potenzjali ta’ żbilanċ endokrinali dovut għall-fenarimol u l-inċertezzi xjentifiċi f’dan ir-rigward li ġġustifikaw l-użu mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ir-restrizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2006/134 għall-użu ta’ din is-sustanza ma jidhrux li huma inadegwati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Dwar in-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-inklużjoni tal-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tnaqqset għal perijodu ta’ 18-il xahar, mill-premessa 11 tad-Direttiva 2006/134 jirriżulta li din il-limitazzjoni ratione temporis ma tipprekludix l-eventwali tiġdid ta’ din l-inklużjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414. Bl-istess mod, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2006/134 jirriżulta b’mod espress li l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-fenarimol hija limitata biss għall-użu effettivament evalwat u meqjus li huwa konformi mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 ma jipprekludix li, wara evalwazzjoni sħiħa tagħhom, użi oħra jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-miżuri ta’ restrizzjonijiet tal-użu tal-fenarimol imorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2006/134 ma hijiex invalida minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 82-87)