Language of document : ECLI:EU:T:2013:323

Kawża T‑509/09

Ir-Repubblika Portugiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sajd — Kontribuzzjoni finanzjarja għall-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza — Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-akkwist ta’ żewġ dgħajjes oċejaniċi tal-għassa — Artikolu 296 KE — Direttiva 93/36/KEE — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2013

1.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 264 TFUE u 266 TFUE)

2.      Sajd — Politika komuni tas-sajd — Miżuri ta’ kontroll — Kontribuzzjoni finanzjarja għall-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza — Kundizzjonijiet — Applikabbiltà ta’ direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Deroga minħabba n-natura militari tal-materjal skont l-Artikolu 296(1)(b) KE — Inammissibbiltà

(Artikolu 296(1)(b) KE; Direttiva tal-Kunsill 93/36; Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/431, Artikolu 2(e), 9(1) u 17(2) u (3))

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Derogi mir-regoli komuni — Interpretazzjoni stretta — Neċessità li jiġi previst obbligu ta’ kunfidenzjalità — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 93/36, Artikolu 2(1)(b))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Għajnuna finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd — Rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni tal-għoti — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 93/36)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni — Riferiment għal dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jippermettu li jiġu rikonoxxuti l-kriterji li jkunu wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni — Motivazzjoni insuffiċjenti

(Artikolu 253 KE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/431/KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

2.      Jirriżulta mill-Artikolu 2(e), mill-Artikolu 9(1) u mill-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2001/431, dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal ċerti spejjeż li jsiru minn Stati Membri meta jkunu qed jimplementaw is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sorveljar applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd, jirriżulta li kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-akkwist tal-bastimenti effettivament użati sabiex jiġu żgurati l-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd hija possibbli biss, skont din id-deċiżjoni, jekk l-ispejjeż jiġu sostnuti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija deċiżjoni u mid-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fosthom id-Direttiva 93/36, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku. Minn dan jirriżulta li hemm lok li d-Deċiżjoni 2001/431, u partikolarment l-Artikolu 17(2) tagħha, jistabbilixxi li l-kofinanzjament mill-Unjoni jippreżumi l-applikabbiltà ratione materiae tal-imsemmija direttivi.

Fil-fatt, l-għan inerenti tar-rekwiżit tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa qabel kollox it-trasparenza sħiħa u n-natura kompletament kontrollabbli tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri kkofinanzjati mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-kofinanzjament, mill-Unjoni, ta’ bastimenti tal-gwerra ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-politika komuni tas-sajd. Għalhekk, skont id-Deċiżjoni 2001/431, ma huwiex ammissibbli għal Stat Membru li jitlob, minn naħa, il-kofinanzjament mill-Unjoni għall-akkwist ta’ bastimenti ġodda maħsuba interament jew parzjalment għal finijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tas-sajd li, b’mod konformi mal-imsemmija direttiva, għandu josserva r-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u li jiddeċiedi, min-naħa l-oħra, li ma japplikax l-istess regoli billi jinvoka l-Artikolu 296(1)(b) KE, minħabba n-natura militari tal-materjal akkwistat. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 296(1)(b) KE ma jipprekludix lill-Istati Membri li jkunu jipprevedu li jakkwistaw tagħmir militari li jaqa’ fil-kamp ta’ din id-dispożizzjoni milli jiddeċiedu madankollu li jissuġġettaw ruħhom għall-proċeduri komuni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jistgħu, b’hekk, jippretendu l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fid-Deċiżjoni 2001/431.

(ara l-punti 38-40, 42, 45)

3.      Fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, in-neċessità tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma tipprekludi l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti relatati mal-kunfidenzjalità jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni partikolarment fil-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura, jew fl-evalwazzjoni tal-proposti, bl-istabbiliment ta’ subkriterji tal-għoti relatati ma’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

(ara l-punt 51)

4.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jipprekludi l-annullament ta’ għajnuna Komunitarja meta l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-imsemmija għajnuna ma jkunux ġew issodisfatti manifestament.

(ara l-punt 62)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 67-69)