Language of document : ECLI:EU:T:2011:233

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

23 ta’ Mejju 2011

Kawża T‑493/09 P

Y

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Tkeċċija — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-tielet Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2009, Y vs Il-Kummissjoni (F-29/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑393 u II‑A‑1‑2099) li jitlob l-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Y għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138)

2.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

3.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138)

4.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Obbligu li jiġu informati s-superjuri dwar il-fatti li jwasslu għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas serju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

1.      B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li ntalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

L-ilmenti bbażati fuq żball ta’ liġi li ma jidentifikawx bil-preċiżjoni meħtieġa dawn l-elementi u li ma jiżviluppawx l-argumenti legali sostanzjali insostenn tal-allegazzjonijiet tal-appellant, ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Marzu 2010, Il-Parlament vs Collée, T‑78/09 P, punti 20 u 21

2.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-kwistjoni tad-dritt, b’mod li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tiegħu tirriżulta mid-dokumenti tal-inkartament li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u sabiex jevalwa dawn il-fatti.

B’mod konformi mar-rwol tal-Qorti tal-Appell, l-iżnaturament tal-provi għandu jkun jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I‑3175, punt 72; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Marzu 2010, Bianchi vs ETF, T‑338/07 P, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata


3.      Appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew jirriproduċi ad verbatim il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ġew sottomessi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regolament tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punt 57)

Referenza: Il-Parlament vs Collée, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22

4.      L-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li uffiċjal li jkun ikkomunika skont l-Artikolu 22a(1), informazzjoni li tirrigwarda fatti li minnhom wieħed jista’ jassumi attività illegali eventwali jew kondotta li tista’ tirrivela nuqqas gravi tat-twettiq tal-obbligi tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej “m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, […], sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà”. Anke jekk dan ir-rekwiżit li wieħed jaġixxi b’mod raġonevoli u bl-onestà jista’ jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-uffiċjal ikkonċernat li għandu jieħu passi sabiex jipprova l-veraċità tal-allegazzjonijiet tiegħu, dan evidentement u fi kwalunkwe każ, ma għandux iwasslu milli ma jżommx informati lis-superjuri tiegħu dwar dawk il-passi, speċjalment meta dawn ikunu jikkonċernaw investigazzjonijiet li jistgħu jikkompromettu l-immaġni tal-istituzzjoni. L-uffiċjal ikkonċernat ukoll ma jistax jiġġustifika dawk il-passi bil-fatt li s-superjuri tiegħu ma fdawhx peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi speċifikament li l-uffiċjal għandu, jekk huwa jikkunsidra li jkun utli, javża lis-Segretarju-Ġenerali jew xi persuna f’pożizzjoni ekwivalenti, jew direttament lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, dwar il-fatti bħal dawk li jissemmew f’dak l-Artikolu.

(ara l-punt 62)