Language of document : ECLI:EU:T:2007:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-appell)

23 ta’ Mejju 2007(*)

“Appell – Rikors iffirmat minn avukat permezz ta’ timbru – Inammissibbiltà ta’ rikors”

Fil-kawża T-223/06 P,

li għandha bħala suġġett appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2006, Eistrup vs Il-Parlament (F-102/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. von Hertzen u L. Knudsen, bħala aġenti,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Ole Eistrup, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti fi Knebel (id-Danimarka), irrappreżentat minn S. Hjelmborg u M. Honoré, avocats,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla ta’ l-Appell),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger, J. Pirrung, M. Vilaras u H. Legal, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ l-appell tiegħu, ippreżentat skond l-Artikolu 9 ta’ l-Anness ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament jitlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Lulju 2006, Eistrup vs Il-Parlament (F-102/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li kien qajjem minħabba ksur ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li huwa applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ĠU L 333, p.7), minħabba l-fatt li r-rikors, minflok li kien iffirmat bil-miktub mill-avukat tar-rikorrent fl-ewwel istanza, kien kompost minn timbru li jirripproduċi l-firma ta’ dan l-avukat.

 Fuq il-proċedura fl-ewwel istanza

2        Permezz ta’ rikors inizjalment ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru 2005, O. Eistrup talab, min-naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2004 li permezz tagħha l-Parlament stabbilixxa f’ammont il-kumpens li kellu jingħatalu minħabba ingaġġ mill-ġdid tardiv wara leave għal raġunijet personali kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2005, li ċaħdet l-ilment kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2004 u, min-naħa l-oħra, li l-Parlament jiġi kkundannat iħallas kumpens għad-dannu subit.

3        Wara li ġie kkonstatat li r-rikors kellu timbru li jirripproduċi l-firma ta’ l-avukat ta’ O. Eistrup, ir-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2005, sejjaħ lil dan l-avukat biex jippreżenta osservazzjonijiet dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġewx irrispettati, li skond dawn “l-oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat” tal-partijiet.

4        Bħala risposta, l-avukat ta’ O. Eistrup, permezz ta’ nota tal-5 ta’ Novembru 2005, ikkonferma li kien l-awtur tal-firma li dehret fir-rikors. Huwa żied jgħid li, bħalma tipprovdi l-leġiżlazzjoni Daniża, dan it-tip ta’ firma għandha titqies li hija waħda valida.

5        Sussegwentement, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza bagħat ir-rikors kif ukoll kopja ta’ l-ittra msemmija hawn fuq lill-Parlament.

6        B’att separat ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2005, il-Parlament qajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni fl-10 ta’ April 2006.

7        Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2004/752, irreferiet din il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar bin-numru F-102/05.

8        Fis-16 ta’ Ġunju 2006, l-avukat ta’ O. Eistrup, fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ippreżenta verżjoni tar-rikors iffirmata minnu bil-miktub fir-reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar.

9        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz tad-digriet appellat, ċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif imqajma mill-Parlament.

 Fuq id-digriet appellat

10      Wara li fakkar li fid-digriet ta’ l-24 ta’ Frar 2000, FTA et vs Il-Kunsill (T‑37/98 Ġabra p.II-373, iktar ’il quddiem id-“digriet FTA”, punt 26), il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha bħala li jitlob firma bil-miktub ta’ l-avukat tar-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku aċċetta li l-użu tat-timbru li jirripproduċi l-firma ta l-avukat ta’ O. Eistrup jikkostitwixxi irregolarità. Madankollu, skond it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tali irregolarità, ikkonstatata fl-istadju ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, ma setgħetx, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors (punti 22 sa 24 tad-digriet appellat).

11      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies, fil-punt 25 tad-digriet appellat, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-avukat ta’ O. Eistrup, bħala risposta għall-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Ottubru 2005, ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li kien dan l-avukat li ffirma r-rikors. F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni (T-34/02, Ġabra p. II-267, punt 56), fir-rigward tal-mandat mogħti, skond l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, minn rappreżentant ta’ persuna morali lill-avukat biex jippreżenta rikors, mandat li ġie ffirmat permezz ta’ timbru.

12      Fil-punt 26 tad-digriet appellat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li, sussegwentement għall-ispjegazzjonijiet ta’ l-avukat ta’ O. Eistrup, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza informa lill-Parlament bir-rikors. Huwa żied ukoll, fil-punt 27, li kien irċieva verżjoni tar-rikors mingħand O. Eistrup iffirmat bil-miktub mill-avukat tiegħu.

13      Fil-punt 28 tad-digriet appellat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li min-naħa tiegħu l-Parlament ma kien indika ebda element li juri ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jeżiġi l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

14      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, għal nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità ta’ proċedura, minbarra effett sostanzjali fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, tikser b’mod diżproporzjonat id-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari fl-ewwel istanza (punt 29 tad-digriet appellat).

15      Id-digriet appellat ġie mibgħut lill-Parlament fis-17 ta’ Lulju 2006.

 Fuq l-appell

 Proċedura

16      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tat-Tribunal fit-23 ta’ Awissu 2006, il-Parlament ifformula l-appell preżenti.

17      L-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, wara s-sottomissjonijiet bil-miktub, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-appell mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, ħlief jekk waħda mill-partijiet tippreżenta talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

18      Fir-risposta tiegħu ppreżentata fl-10 ta’ Novembru 2006, O. Eistrup talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza ssejjaħ seduta, “fid-dawl tan-natura determinanti li [kellha] l-formalità kontenzjuża [għalih] u għar-rikors tiegħu kontra l-Parlament”.

19      Din it-talba għandha tiġi miċħuda, min-naħa, bħala prematura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, u min-naħa l-oħra, li m’għandhiex indikazzjoni konkreta u speċifika tar-raġunijiet għalfejn O. Eistrup ried jinstema’.

20      Permezz ta’ nota tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Parlament talab, skond l-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, awtorizzazzjoni biex jippreżenta replika. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006, din it-talba ġiet miċħuda. Dik il-ġurnata stess, il-fażi bil-miktub ingħalqet.

21      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Awla ta’ l-appell) ikkonstatat li ebda talba għal seduta ma kienet ġiet ippreżentata mill-partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u ddeċidiet, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

22      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        taqta’ definittivament il-kawża billi tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà fondata;

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

23      O. Eistrup jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

 Argumenti tal-partijiet

24      In sostenn ta’ l-appell tiegħu, il-Parlament jinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt Komunitarju min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet dwar ksur ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, rispettivament.

25      Għall-ewwel parti ta’ l-aggravju tiegħu, il-Parlament isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ma ddikjarax inammissibbli r-rikors ippreżentat minn O. Eistrup, minħabba l-ksur ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, minkejja li l-avukat ta’ dan ta’ l-aħħar ma ffirmax bil-miktub ir-rikors.

26      Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Parlament isostni li din is-sentenza kkonċernat l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura u mhux l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1). Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-Artikolu 44(5)(b) jista’ jiġi rregolarizzat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 44(6), filwaqt li ebda regolarizzazzjoni ma hija prevista fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) rigward l-eżiġenza tal-firma ta’ l-atti oriġinali tal-proċedura mill-avukat tal-parti. Għaldaqstant, is-sentenza ċċitata mhijiex applikabbli fil-każ preżenti.

27      Sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata fil-punt 25 tad-digriet appellat li “l-avukat tar-rikorrent huwa ċertament il-firmatarju tar-rikors”, konstatazzjoni li tfisser li l-avukat kien huwa stess il-firmatarju tar-rikors billi huwa stess qiegħed it-timbru bil-firma tiegħu fuq ir-rikors oriġinali, il-Parlament jistaqsi x’inhu l-bżonn ta’ l-użu ta’ timbru minflok li wieħed jiffirma bil-miktub ladarba l-parti kkonċernata tinsab preżenti. F’kull każ, jibqa’ dejjem impossibbli s’issa li jiġi vverifikat b’mod ċar li l-avukat, fil-mument li ntbagħat ir-rikors, ried li t-termini tar-rikors jitqiesu li huma tiegħu.

28      Għat-tieni parti ta’ l-aggravju tiegħu, il-Parlament jakkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bi ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali meta huwa ma rrispettax id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, ma hemm ebda dispożizzjoni fid-dritt Komunitarju li tillimita d-dritt li jiġi invokat ksur tar-Regoli tal-Proċedura għall-każijiet fejn dan il-ksur setgħa jikser id-drittijiet tad-difiża. L-eżiġenza ta’ firma hija kundizzjoni ta’ ammissibbiltà daqs kemm huwa r-rispett tat-termini tal-proċedura, b’mod li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jinvoka l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aċċess għall-ġustizzja biex jevita l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

29      O. Eistrup jirribatti li la r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas it-testi li jirrigwardawhom ma jippreċiżaw x’għandu jitqies li hija “firma”. Barra minn hekk, la d-digriet FTA u lanqas xi deċiżjoni ġudizzjarja oħra ma jagħtu definizzjoni ċara ta’ dan il-kunċett u inqas minn hekk ta’ “firma bil-miktub”. Barra minn hekk, f’ċerti sistemi legali bħalma hija s-sistema legali Daniża, l-użu ta’ timbru huwa komunement aċċettat fl-atti tal-proċedura. F’kull każ, żball skużabbli twettaq f’dan il-każ, iżda madankollu r-rikors ma setax jiġi ddikjarat inammissibbli.

30      F’dan ir-rigward, O. Eistrup isostni, primarjament, li l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura mkien ma jipprovdi li l-firma ta’ rikors trid tirrispetta ċerti formalitajiet. Huwa jżid li, skond l-istruzzjonijiet prattiċi mogħtija lill-partijiet (ĠU 2002, L 87, p.48) (punt I 2), il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-każ ta’ trażmissjoni permezz ta’ posta elettronika, ma taċċettax faks b’firma “magħmula mill-kompjuter”. Min-naħa l-oħra, dan it-test ma jeskludix it-trażmissjoni ta’ faks b’firma bil-miktub. Rigward l-Artikolu 6(3) ta’ l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 1994 (ĠU L 78, p.32), emendati l-aħħar fil-5 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 160, p.1), li bihom ir-Registatur ma jistax jaċċetta ħlief dokumenti li fihom firma oriġinali ta’ l-avukat jew ta’ l-aġent tal-parti kkonċernata, O. Eistrup jsostni li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda idea ċara ta’ x’għandu jitqies li hija “firma” jew firma “oriġinali”.

31      Skond O. Eistrup, jeħtieġ li tiġi analizzata l-funzjoni ta’ firma fiżika. Din ikollha l-għan li tiggarantixxi l-awtentiċità, l-integrità u n-natura inkontestabbli tat-test li jidher fuq id-dokument iffirmat u, b’mod partikolari, biex id-destinatarju jkun assigurat li l-firma saret minn persuna speċifika, jiġifieri dik il-persuna li ffirmat. O. Eistrup jikkonkludi li l-użu ta’ timbru għandu jiġi kkunsidrat, almenu fid-Danimarka, li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, u li għalhekk, huwa komparabbli ma’ firma bil-miktub magħmula minn pinen jew inka. Barra minn hekk, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) jikkunsidra, huwa wkoll, li l-użu ta’ faks b’firma huwa metodu aċċettabbli ta’ firma [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Settembru 2006, DEF-TEC Defense Technology vs L-UASI – Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T-6/05, ĠabraSP p. I-A-137, II-451, punt 3].

32      Rigward ir-riskju ta’ użu abbużiv ta’ timbru bħal dan, il-leġiżlazzjoni Daniża tipprovdi soluzzjoni għal din il-problema billi timponi fuq l-awtur ta’ firma permezz ta’ faks, l-obbligu li jipprova li l-abbuż sar f’każ konkret. Konsegwentement, firma magħmula bl-użu ta’ timbru tibbenefika minn preżunzjoni ta’ awtentiċità. Fi kliem ieħor, l-awtur ta’ firma b’faks isostni r-riskju assoċjat ma’ l-użu ta’ timbru. Barra minn hekk, ir-riskju li jkun hemm falsifikazzjoni ta’ firma ma tikkonċernax biss l-użu ta’ timbri, imma wkoll firem magħmula permezz ta’ pinen.

33      F’dan il-kuntest, O. Eistrup isostni li l-Parlament ma kkontesta, fl-ebda mument, il-fatt li l-avukat kien inkarigat li jirrappreżentah, li dan l-avukat kien effettivament l-awtur tar-rikors jew li l-faks tal-firma kienet magħmula mill-istess avukat.

34      O. Eistrup jopponi, it-tieni nett, it-teżi tal-Parlament li s-sentenza Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi invokata, minħabba li kkonċernat att li l-vizzji tiegħu setgħu, kuntrarjament għall-każ preżenti, jiġu rregolarizzati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa jsostni li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, iktar milli tikkunsidra n-neċessità ta’ regolarizzazzjoni, qieset li ma kienx hemm ksur tad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li l-firma, magħmula permezz ta’ timbru, minn mandat ta’ l-avukat mogħti mill-klijenti tiegħu kienet valida. Din is-sentenza hija rilevanti fil-każ preżenti, peress li jirriżulta, mill-Artikolu 7(3) ta’ l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, li d-dokumenti ppreżentati skond l-Artikolu 44(5)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkollhom mandat mill-avukat, “iffirmati” minn rappreżentant tal-persuna morali kkonċernata. Mandat bħal dan għandu, biex ikun validu, jirrispetta l-kundizzjoni tal-firma. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet aċċettat, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-użu ta’ timbru.

35      Fir-rigward tad-digriet FTA, O. Eistrup isostni li l-argument kruċjali mqajjem fil-kawża fl-oriġini tad-digriet kien li jsir magħruf jekk persuna oħra minbarra l-avukat tar-rikorrenti setgħetx validament tiffirma r-rikors f’isem l-avukat, u mhux dak li jsir magħruf kif firma bħal din setgħet issir f’rikors. Għalhekk, kien jirrigwarda obiter dictum meta l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura bħala li jeżiġi “firma bil-miktub”. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tippreċiża x’għandu jiġi mfisser b’“firma bil-miktub”, ma kinitx iddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk l-użu ta’ timbru setax jitqies li huwa firma valida.

36      O. Eistrup jallega, it-tielet nett, li l-użu ta’ timbru għandu jiġi kkunsidrat, almenu fid-Danimarka, li huwa firma fiżika valida u li jista’ jiġi mqabbel ma’ firma magħmula b’pinna. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, waqt il-preżentata ta’ atti ta’ proċedura quddiem il-qrati Daniżi.

37      Ir-raba’ nett, huwa jsostni li, f’kull każ, l-użu ta’ timbru mill-avukat tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala żball skużabbli. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka s-segwenti elementi:

–        la l-kunċett ta’ “firma” u lanqas ta’ “oriġinal” ta’ firma ma ġew imfissra b’mod ċar fid-dritt Komunitarju;

–        l-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet jeskludu biss il-faksijiet li għandhom firma magħmula bil-kompjuter;

–        skond il-ġurisprudenza Komunitarja, l-atti tal-proċedura jistgħu jiġu ffirmati permezz ta’ timbru, meta ma jkun hemm ebda dubju li l-kontenut huwa dak ta’ l-awtur u li għandu mandat validu;

–        l-identità ta’ l-awtur tar-rikors ma tat lok għal ebda dubju fil-każ preżenti;

–        l-użu ta’ timbru li jirriproduċi firma huwa aċċettat fid-Danimarka;

–        il-klassifikazzjoni tar-rikors preżenti bħala wieħed inammissibbli tkun att gravi ħafna.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38      Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament jakkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li wettaq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

39      Fir-rigward ta’ l-imsemmija dispożizzjoni proċedurali, “[l-]oriġinal ta’ kull att tal-proċedura għandu tkun iffirmat mill-aġent jew mill-avukat tal-parti” kkonċernata.

40      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata li teżiġi li l-firma bil-miktub ta’ l-avukat li kellu mandat mill-parti rikorrenti tidher fl-oriġinal tar-rikors (digriet FTA, punti 23, 26 u 27). Hija din l-interpretazzjoni li jadottaw l-Istruzzjonijet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li fl-Artikolu 6(3), jordnaw lir-Reġistratur jaċċetta biss dawk id-dokumenti li għandhom “l-oriġinal tal-firma ta’ l-avukat”.

41      Huwa għalhekk li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda ġustament, fil-punti 24 u 25 tad-digriet appellat, li l-użu ta’ timbru mill-avukat ta’ O. Eistrup li jirripproduċi l-firma tiegħu kien irregolari, fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, peress li l-fatt li l-firma permezz ta’ timbru ma kinitx tikkostitwixxi firma direttament magħmula, kif inhu mitlub skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, anki jekk it-timbru użat irripproduċa l-firma ta’ l-avukat, jibqa’ l-fatt li dan il-metodu ta’ kif wieħed jiffirma kellu natura indiretta u r-rikors ma kellux l-oriġinal tal-firma ta’ l-avukat.

42      L-ebda argument magħmul minn O. Eistrup ma jista’ jkun tali li jinvalida din il-konkużjoni.

43      B’hekk, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti, l-ewwel nett, l-argument li O. Eistrup joħroġ mis-sentenza Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tiegħu jsostni li din is-sentenza, peress li taċċetta firma permezz ta’ faks magħmula abbażi ta’ mandat mogħti lill-avukat sabiex jippreżenta rikors, skond l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, iddefinixxiet it-terminu “firma” skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, u li din id-definizzjoni hija applikabbli wkoll fil-każ preżenti (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jeżiġi biss “prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat”. Prova bħal din ma tistax tikkonsisti neċessarjament f’dokument li għandu l-firma bil-miktub tal-mandant. Jekk inhu veru li l-Artikolu 7(3) ta’ l-istruzzjonijiet lir-Reġistratur jeżiġi “mandat [ ...] iffirmat minn rappreżentant ta’ persuna morali”, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tiġi interpretata li emendat id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura – li, barra minn hekk, ma tistax tiġi emendata mill-istruzzjonijiet lir-reġistratur -, imma pjuttost għandha tinftiehem li tirreferi għall-forma ta’ preżentazzjoni l-iktar frekwenti ta’ mandat bħal dan mingħajr, madankollu, ma teskludi kull possibbiltà ta’ prova oħra li l-mandat ġie mogħti regolarment. Min-naħa l-oħra, il-kliem ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jippermettix li jiġi aċċettat rikors mhux iffirmat, anki jekk titressaq prova li dan kien approvat, taħt forma barra minn dik ta’ firma bil-miktub, mill-avukat jew mill-aġent li f’ismu tiġi ppreżentata.

45      It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-eżiġenza formali mitluba mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-invokazzjoni tas-sentenza FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, iċċitata iktar ’il fuq, li ssemmi deċiżjoni interna ta’ l-UASI li tawtorizza l-użu ta’ faks ta’ firem ta’ aġenti responsabbli għall UASI għall-finijiet ta’ deċiżjoni, ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika ta’ dawn ta’ l-aħħar, mhijiex applikabbli fil-kuntest preżenti. Bħala regola ġenerali, il-fatt li l-użu ta’ faksijiet, telex, u telegrammi jew ta’ ittri elettroniċi jiġu aċċettati f’oqsma li mhumiex suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ formalità iżjed stretti, bħalma huma l-komunikazzjonijiet fil-qasam tat-trade marks Komunitarji [Regoli 55 u 79 sa 82 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p.1), huwa irrilevanti.

46      L-istess għandu jingħad, it-tielet nett, għall-argument li jgħid li għandu jiġi dedott a contrario mill-punt I 2 ta’ l-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza taċċetta, fil-każ ta’ trażmissjoni permezz ta’ posta elettronika, faksijiet ta’ firem bil-miktub (ara l-punt 30 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-istruzzjoni f’dan il-każ tikkonċerna biss l-użu ta’ metodi tekniċi ta’ komunikazzjoni kif inhuma skond l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, din hija irrilevanti għall-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1).

47      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti, il-fatt li l-avukat ta’ O. Eistrup ma rrispettax l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma fissirx li r-rikors sar inammissibbli. B’hekk, huwa sostna li l-eżiġenza ta’ firma bil-miktub tista’ titħalla inapplikabbli jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jitolbu hekk.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-assenza ta’ firma bil-miktub f’rikors minn avukat imqabbad għal dan il-għan mhijiex parti mill-irregolaritajiet formali li jistgħu jiġu rregolarizzati skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Artikolu 6(1)(4) u (5) ta’ l-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

49      Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti, wara l-emendi ta’ dawn ir-regoli fis-6 ta’ Diċembru 2000 (ĠU L 322, p.4), l-użu ta’ faksijiet u ta’ posta elettronika, il-validità ta’ komunikazzjoni permezz ta’ dawn il-metodi elettroniċi hija suġġetta għall-kundizzjoni li “l-firma oriġinali ta’ l-att” in kwistjoni tiġi ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara. Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 43(7) jawtorizza lill-Qorti tal-Prim’Istanza, wara l-emendi tar-Regoli tal-Proċedura adottati fit-12 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 298, p.1), tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, il-kundizzjonijiet li fihom att ta’ proċedura ppreżentat lir-Reġistratur elettronikament “ jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dak l-att”, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni bħal din għadha ma tteħdietx.

50      Minn dan isegwi, fl-istat attwali tad-dritt tal-proċeduri ġudizzjarji Komunitarji, li l-firma, magħmula bil-miktub minn avukat, fl-oriġinal tar-rikors hija l-uniku mod li tassigura li r-responsabbiltà tat-twettiq u tal-kontenut ta’ dak l-att tal-proċedura tinsab f’idejn persuna li hija awtorizzata tirrappreżenta l-parti rikorrenti quddiem il-qrati Komunitarji (ara, f’dan is-sens, id-digriet FTA, punti 25 u 26).

51      L-eżiġenza ta’ firma bil-miktub fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiggarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u teskludi r-riskju li, fil-verità, din ma tkunx ta’ l-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, din l-eżiġenza trid tiġi kkunsidrata bħala regola sostanzjali tal-proċedura u trid tiġi applikata strettament, b’tali mod li l-ksur tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

52      Fir-rigward ta’ l-istampar ta’ timbru, fir-rikors promotur, li jirripproduċi l-firma ta’ l-avukat imqabbad mill-parti rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dan il-metodu indirett u mekkaniku ta’ kif wieħed “jiffirma” ma jippermetix, waħdu, li jiġi kkonstatat li huwa neċessarjament l-avukat stess li ffirma l-atti ta’ proċedura fil-każ preżenti.

53      Fir-rigward tal-konstatazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 25 tad-digriet appellat, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-avukat ta’ O. Eistrup ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li dan l-avukat kien hu stess il-firmatarju tar-rikors, għandu jiġi mfakkar li rikors li huwa vvizzjat fil-mument tal-preżentata tiegħu ma jistax jiġi rregolarizzat b’sempliċi dikjarazzjoni posterjuri u esterna għall-att tal-proċedura proprja, peress li l-assenza ta’ firma bil-miktub mhijiex inkluża fost l-irregolaritajiet formali li jistgħu jiġu rregolarizzati matul il-kawża (ara l-punt 48 iżjed ’il fuq). Barra minn hekk, dikjarazzjoni bħal din mhijiex biżżejjed, waħidha, biex tivvalida posta elettronika jew faksijiet meta dawn ma jiġux ippreżentati wara “l-oriġinali ffirmat ta’ l-att”.

54      Għandu jingħad ukoll li anki jekk O. Eistrup ikkonferma li l-avukat tiegħu kien iffirma personalment ir-rikors permezz ta’ timbru li jirripproduċi l-firma tiegħu (punt 20 tad-digriet appellat), għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ kif ir-rikors ġie ffirmat jaqa’ taħt l-isfera interna ta’ l-impriża ta’ avukati in kwistjoni u mhuwiex normalment aċċessibbli għall-kontroll la tal-kontroparti u lanqas ta’ l-imħallef. Għaldaqstant, dan mhuwiex każ ta’ ċirkustanza oġġettivament ta’ natura li tippermetti li jiġi assigurat, mingħajr ebda dubju, li r-responsabbiltà tat-twettiq u tal-kontenut tar-rikors kienet ittieħdet mill-avukat ta’ O. Eistrup.

55      Din il-konklużjoni mhijiex kontradetta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punti 114 sa 119). F’din is-sentenza, li fiha ġiet mitluba tiddeċiedi dwar il-validità tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-avukat tal-parti rikorrenti li kellhom l-għan li jivvalidaw il-mandat li din ta’ l-aħħar tat lill-avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dikjarazzjonijiet, magħmula minn membru ta’ l-avukatura ta’ wieħed mill-Istati Membri, irregolat bħala tali mill-kodiċi ta’ etika professjonali, kienu biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, sabiex jistabbilixxu li l-parti rikorrenti hija kkwalifikata biex tinkariga avukati. Issa, il-partikolarità ta’ dan il-każ kienet tikkonsisti fil-fatt li l-parti rikorrenti kienet entità li ma kellhiex personalità ġuridika, ħaġa li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li la d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut tagħha u lanqas dawk tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jew ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienu intiżi għall-preżentata ta’ rikors minn entità bħal din. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, formalità eċċessiva kellha tiġi evitata, u bħala konsegwenza, l-entità rikorrenti titħalla turi, permezz ta’ kull tip ta’ prova, li hija kienet ikkwalifikata biex tinkariga avukati.

56      Min-naħa l-oħra, sitwazzjoni eċċezzjonali bħal din ma tirrikjedix, bħal fil-każ preżenti, l-eżiġenza ta’ firma bil-miktub, bħala regola sostanzjali tal-forma (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), li hija preċiżament indikata fid-dispożizzjonijet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretati skond il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

57      Din il-konstatazzjoni mhi lanqas ivvizzjata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni (T-158/99. Ġabra p.II-1, punti 42 sa 45), peress li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ir-rikors kien iffirmat bil-miktub mill-avukat tal-parti rikorrenti u li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tivverifika l-awtenticità ta’ din il-firma filwaqt li tqabbilha ma’ firem oħra ta’ l-istess avukat, jiġifieri abbażi ta’ elementi oġġettivi u mhux fir-rigward ta’ dikjarazzjoni posterjuri u esterna għall-atti tal-kawża magħmula minn dan ta’ l-aħħar.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-assenza ta’ firma bil-miktub ma tistax tiġi kkunsidrata li ġiet irregolarizzata bil-fatt li, min-naħa, ir-rikors ta’ O. Eistrup ġie ppreżentat lill-parti konvenuta fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rċieva mingħand O. Eistrup verżjoni ta’ l-att iffirmat bil-miktub mill-avukat tiegħu (punt 27 tad-digriet appellat). Fil-fatt, rikors ma jsirx, bla dubju ta’ xejn, ammissibbli bil-fatt biss li ġie ppreżentat lill-kontroparti. Fir-rigward tal-komunikazzjoni minn O. Eistrup ta’ rikors ġdid, biżżejjed li jiġi mfakkar li dan ir-rikors ġie ppreżentat fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Ġunju 2006. Kif irrileva ġustament il-Parlament, din il-preżentata saret wara li ddekorra t-terminu għar-rikors.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Parlament ma kienx wera ksur għad-drittijiet tad-difiża fl-ipoteżi fejn ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli, filwaqt li dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ rikors, minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ formalità ta’ proċedura mingħajr inċidenza sostanzjali għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, tikser b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja (punti 28 u 29 tad-digriet appellat). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżiġenza ta’ firma bil-miktub skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tikkostitwixxi regola sostanzjali tal-proċedura (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Issa, il-ksur ta’ regola sostanzjali tal-proċedura timplika l-inammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Frar 1993, Stagakis vs Il-Parlament, T-101/92, Ġabra p.II-63, punt 8) mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ksur bħal dan, u b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk in-nuqqas ta’ firma bil-miktub fir-rikors ikunx ikkawża dannu lill-kontroparti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C-286/95, Ġabra p.I-2341, punti 42 u 52).

60      Minn dan isegwi li l-istampar fuq att permezz ta’ timbru li jirripproduċi l-firma ta’ l-avukat inkarigat mill-parti rikorrenti jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors, u dan indipendentement miċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk li ttieħdu in kunsiderazzjoni fid-digriet appellat.

61      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-irregolarità proċedurali mqajma ma setgħetx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża preżenti, twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

62      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni li ngħatat fl-ewwel istanza juru ksur tad-dritt Komunitarju, imma li d-dispożittiv tiegħu kien fondat għal motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91P, Ġabra p. I-3755, punt 28; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, Ġabra p.I-5863, punt 52).

63      Fil-każ preżenti, O. Eistrup jinvoka l-karattru skużabbli ta’ l-iżball li twettaq.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li żball skużabbli seta’ jkollu bħala konsegwenza mhux li jirrendi ammissibbli r-rikors ivvizzjat minħabba nuqqas ta’ firma bil-miktub, imma li jipprekludi li jibda jiddekorri t-terminu ta’ l-appell kontra l-interessat, b’mod li l-verżjoni tar-rikors iffirmata b’mod regolari, ippreżentata lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Ġunju 2006, ma tkunx tardiva.

65      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li O. Eistrup la għamel riferiment għaċ-ċirkustanza eċċezzjonali li pprekludiet lill-avukat tiegħu li jagħmel firma bil-miktub fir-rikors u lanqas ma stabbilixxa li l-avukat tiegħu, permezz ta’ timbru ta’ firem, kien wera d-diliġenza mitluba minn persuna li hija normalment avżata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il-Parlament, T-33/89 u T-74/89, Ġabra p. II-249, punt 34, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 1997, Fichtner vs Il-Kummissjoni, T-63/96, ĠabraFP p.I-A-189 u II-563, punt 25). Issa, il-qari tat-testi relevanti, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) ta’ l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u dawk tad-digriet FTA, kellhom iwassluh, bħala bniedem professjonali u avżat, jiffirma bil-miktub.

66      Jirriżulta li l-kunċett ta’ żball skużabbli ma jistax jiġi invokat fil-każ preżenti.

67      Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

68      Skond l-Artikolu 13(1) ta’ l-Anness tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess jekk il-kawża tkun f’punt li tista’ tinqata’. Dan huwa l-każ hawnhekk.

69      Jirriżulta mill-punti 38 sa 67 iktar ’il fuq li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-Parlament għandha tiġi milqugħa. Konsegwentement, ir-rikors ta’ O. Eistrup għandu jiġi miċħud bħala wieħed inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell huwa fondat u l-Qorti tal-Prim’Istanza taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

71      Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 87(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 144 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

72      Madankollu, skond l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-appelli ppreżentati mill-istituzzjonijiet skond l-Artikoli 144 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 148 ta’ l-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom, bħala regola, ibatu l-ispejjeż tagħhom.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2006, Eistrup vs Il-Parlement (F‑102/05, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), huwa annullat.

2)      Ir-rikors ippreżentat minn M. Eistrup quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F‑102/05 huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha għal dak li jikkonċerna kemm il-proċedura ta’ l-ewwel istanza kif ukoll l-appell.

Vesterdorf

Jaeger

Pirrung

Vilaras

 

       Legal

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Mejju 2007.

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.