Language of document : ECLI:EU:T:2007:154

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Mejju 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja li għandhom il-logo Der Grüne Punkt – Deċiżjoni li tikkonstata l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti – Ostaklu għad-dħul – Ħlas dovut taħt ‘kuntratt għall-użu tal-logo’”

Fil-kawża T‑151/01,

Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, li qabel kienet Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland AG, stabbilita f’Kolonja (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Deselaers, B. Meyring, E. Wagner u C. Weidemann, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Rating, wara minn P. Oliver, H. Gading u M. Schneider, u fl-aħħar minn W. Mölls u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Vfw AG, stabbilita f’Kolonja (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. F. Wissel u J. Dreyer, avocats,

u minn

Landbell AG      für Rückhol-Systeme, stabbilita f’Mayence (il-Ġermanja),

BellandVision GmbH, stabbilita f’Pegnitz (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn A. Rinne u A. Walz, avocats,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/463/KE ta’ l-20 ta’ April 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] (Kawża COMP D3/34493 – DSD) (ĠU L 166, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 u tat-12 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Kuntest Ġuridiku

A –  Id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ

1        Fit-12 ta’ Ġunju 1991, il-Gvern Ġermaniż adotta l-Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen [Digriet Leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ (BGBl. 1991 I, p. 1234)], li l-verżjoni riveduta tiegħu – applikabbli fil-kawża preżenti – daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 1998 (aktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv” jew id-“digriet fuq l-imballaġġi”). Dan id-Digriet Leġiżlattiv għandu l-għan li jipprevjeni u li jnaqqas l-effetti ta’ l-iskart ta’ l-imballaġġ fuq l-ambjent. Għal dan l-iskop, huwa jobbliga lill-manifatturi u lid-distributuri li jerġgħu jieħdu u jirkupraw l-imballaġġi ta’ bejgħ użati, apparti s-sistema pubblika ta’ rimi ta’ l-iskart.

2        Skond l-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv, l-imballaġġi ta’ bejgħ (aktar ’il quddiem l-“imballaġġi”) huma dawk li, fil-punti tal-bejgħ, jintużaw għall-ippakkjar ta’ oġġett iddestinat għall-konsumatur finali. Dawn jinkludu wkoll l-imballaġġi użati fil-ħwienet, fir-ristoranti u minn fornituri ta’ servizzi oħra sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw il-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur finali (imballaġġi ta’ servizz), kif ukoll il-kontenituri u l-għodda ta’ l-ikel u l-kċina li ma jerġgħux jintużaw.

3        L-Artikolu 3(7) tad-Digriet Leġiżlattiv jiddefinixxi lill-manifattur bħala kull persuna li timmanifattura imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta ta’ l-imballaġġi, kif ukoll kull persuna li timporta imballaġġi fit-territorju Ġermaniż. Fir-rigward tad-distributur, l-Artikolu 3(8) tad-Digriet Leġiżlattiv jgħid li dan huwa kull persuna li jpoġġi fis-suq imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta ta’ l-imballaġġi jew inkella merkanziji imballati, fi kwalunkwe livell tas-sistema ta’ distribuzzjoni. Il-kumpanniji ta’ bejgħ permezz ta’ korrispondenza jikkostitwixxu wkoll distributuri għall-finijiet tad-Digriet Leġiżlattiv. Fl-aħħar, il-konsumatur finali hu ddefinit fl-Artikolu 3(10) tad-Digriet Leġiżlattiv bħala kull persuna li ma terġax tbiegħ il-merkanzija mill-ġdid taħt il-forma li ġiet mogħtija lilu.

4        Il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jistgħu jissodisfaw f’żewġ modi l-obbligu impost fuqhom mid-Digriet Leġiżlattiv li jerġgħu jiġbru u jirkupraw l-imballaġġi.

5        Minn naħa, skond l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv, il-manifatturi u d-distributuri għandhom jerġgħu jiġbru mingħajr ħlas l-imballaġġi użati mill-konsumaturi finali, fil-punt tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, u għandhom jissuġġettawhom għal irkupru (aktar ’il quddiem is-“sistema individwali”). L-obbligu ta’ ġbir lura ta’ distributur huwa limitat għat-tipi, għall-forom u għad-daqsijiet ta’ l-imballaġġi kif ukoll għall-prodotti imballati li jiffurmaw parti mill-firxa ta’ prodotti tiegħu. Għal dawk id-distributuri li jiddisponu minn superfiċi ta’ bejgħ ta’ daqs anqas minn 200 m2, l-obbligu ta’ ġbir lura huwa llimitat għall-imballaġġi tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade marks mibjugħa mid-distributur (ir-raba’ u l-ħames sentenzi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv). Skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv, fil-kuntest ta’ sistema individwali, id-distributur għandu jinforma lill-konsumatur finali bil-possibbiltà li jerġa’ jagħti lura l-imballaġġ “permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu u jinqraw b’mod ċar”.

6        Min-naħa l-oħra, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv, il-manifatturi u d-distributuri jistgħu jipparteċipaw f’sistema li tassigura ġbir regolari, fiż-żona sħiħa tas-suq tad-distributur, ta’ l-imballaġġi ta’ bejgħ użati mingħand il-konsumatur finali jew fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu sabiex jiġu ssuġġettati għal irkupru (aktar ’il quddiem is-“sistema kollettiva”). Il-manifatturi u d-distributuri li jipparteċipaw f’sistema kollettiva huma eżentati mill-obbligi tagħhom ta’ ġbir lura u ta’ rkupru għall-imballaġġi kollha koperti minn din is-sistema. Skond it-tieni sentenza tal-punt 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv, il-manifatturi u d-distributuri għandhom jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’sistema kollettiva “permezz ta’ tikkettar jew kull mezz xieraq ieħor”. Għaldaqstant huma jistgħu jsemmu din il-parteċipazzjoni fuq l-imballaġġi jew jużaw miżuri oħra bħal, per eżempju, informazzjoni lill-klijentela fil-post tal-bejgħ jew avviż miżjud fuq l-imballaġġ.

7        Skond il-ħdax-il sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv, is-sistemi kollettivi għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder in kwistjoni. Sabiex jiġu approvati, dawn is-sistemi għandhom, b’mod partikolari, ikollhom rata ta’ kopertura li testendi għat-territorju ta’ mill-inqas Land wieħed, jeffetwaw ġbir regolari fil-viċinanzi tar-residenza tal-konsumaturi u jkunu ffirmaw ftehim ma’ l-assoċjazzjonijiet lokali inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ l-iskart. Kull impriża li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’Land tista’ torganizza hemmhekk sistema kollettiva approvata.

8        B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, is-sistemi individwali u s-sistemi kollettivi huma suġġetti għall-istess rati ta’ rkupru. Dawn ir-rati, li jidhru fl-Anness I tad-Digriet Leġiżlattiv, ivarjaw skond il-materjal li huwa magħmul minnhu l-imballaġġ. Ir-rispett ta’ l-obbligi ta’ ġbir lura u ta’ rkupru huwa ggarantit, fil-każ tas-sistema individwali, permezz ta’ ċertifikati maħruġa minn esperti indipendenti u, fil-każ tas-sistema kollettiva, billi tiġi pprovduta informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura u rkuprati.

9        Barra minn hekk, id-disa’ sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tgħid li, jekk distributur ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ ġbir lura u ta’ rkupru permezz ta’ sistema individwali, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ sistema kollettiva.

10      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħhom ta’ l-24 ta’ Mejju 2000, mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrativa (aktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi”), l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li d-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi kien jippermetti lid-distributur li jassoċja l-ġbir fil-viċinanzi tal-ħanut, fil-kuntest ta’ sistema individwali, flimkien mall-ġbir fil-viċinanzi tal-konsumatur finali, fil-kuntest ta’ sistema kollettiva, billi jipparteċipa fis-sistema kollettiva biss fir-rigward ta’ parti mill-imballaġġi li huwa jkun qiegħed fis-suq.

11      Fl-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, ġie indikat ukoll li, jekk id-distributur jagħżel li jieħu sehem f’sistema kollettiva għall-imballaġġi kollha li huwa jikkummerċjalizza, huwa ma jibqax suġġett għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2), li jfisser li soluzzjoni ta’ rimi individwali a posteriori ma kinitx possibbli. Min-naħa l-oħra, jekk id-distributur jagħżel mill-bidu li jieħu sehem f’sistema individwali, parteċipazzjoni ulterjuri f’sistema kollettiva tkun possibbli jekk ir-rata ta’ rkupru ma tintlaħaqx fil-kuntest tar-rimi individwali.

B –  Is-sistema kollettiva ta’ Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH u l-kuntratt għall-użu tal-logo

12      B’effett mill-1991, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH (aktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “DSD”) hija l-unika kumpannija li tiġġestixxi sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu (aktar ’il quddiem is-“sistema DSD”). Għal din ir-raġuni, DSD ġiet approvata, fl-1993, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder kollha.

13      Ir-relazzjonijiet bejn DSD u l-manifatturi u d-distributuri msieħba fis-sistema tagħha huma rregolati permezz ta’ kuntratt standard li għandu bħala suġġett l-użu tal-logo Der Grüne Punkt (aktar ’il quddiem il-“kuntratt” jew il-“kuntratt għall-użu tal-logo”). Bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, l-impriża msieħba tkun awtorizzata, bi ħlas, twaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi ta’ bejgħ inklużi fis-sistema DSD (Artikolu 1(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo).

14      DSD tassigura, fir-rigward ta’ l-impriżi li jaderixxu għas-sistema tagħha, il-ġbir, l-għażla u l-irkupru ta’ l-imballaġġi ta’ bejgħ użati li jiddeċiedu li jinkludu fis-sistema DSD, u b’hekk ineħħuhom mill-obbligu tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ l-imsemmija imballaġġi (Artikolu 2 tal-kuntratt).

15      L-impriżi msieħba huma marbuta li jsemmu t-tipi ta’ imballaġġ li jixtiequ jarmu permezz tas-sistema DSD u li jwaħħlu l-logo Der Grüne Punkt fuq kull imballaġġ ta’ dawn it-tipi u ddestinati għall-konsum intern fil-Ġermanja sabiex DSD tkun tista’ teħles lill-impriża msieħba minn dan l-obbligu (Artikolu 3(1) tal-kuntratt).

16      L-utent tal-logo jħallas lil DSD dritt għall-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt li jiddistribwixxi fit-territorju Ġermaniż bl-applikazzjoni tal-kuntratt għall-użu tal-logo. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom ikunu suġġetti għal ftehim separat bil-miktub (Artikolu 4(1) tal-kuntratt). L-Artikolu 5(1) tal-kuntratt jgħid ukoll li l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt u ddistribwiti mill-utent tal-logo fit-territorju Ġermaniż ikunu fatturati (Artikolu 5(1) tal-kuntratt).

17      L-ammont tad-dritt huwa kkalkulat minn żewġ tipi ta’ elementi, jiġifieri, minn naħa waħda l-piż ta’ l-imballaġġ u t-tip ta’ materjal użat u, minn naħa l-oħra, il-volum jew is-superfiċi ta’ l-imballaġġ. Id-drittijiet huma kkalkulati mingħajr żieda skond il-benefiċċji u huma ddestinati esklużivament biex ikopru l-prezz tal-ġbir, ta’ l-għażla u ta’ l-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż amministrativi li huma marbuta magħhom (Artikolu 4(2) u (3) tal-kuntratt). Id-drittijiet jistgħu jiġu adattati b’deċiżjoni ta’ DSD jekk l-ispejjeż ivarjaw.

18      Fil-kuntest tas-sistema DSD, l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt jistgħu jinġabru kemm f’reċipjenti speċjali u ddifferenzjati skond jekk ikunux magħmula mill-metall, mill-plastik u minn materjali kompożiti, kif ukoll f’kontenituri mpoġġija fil-viċinanzi tad-djar (b’mod partikolari għall-karti u għall-ħġieġ), filwaqt li l-iskart residwu għandu jintrema fir-reċipjenti tas-sistema pubblika tar-rimi ta’ l-iskart.

19      Madankollu, DSD la tiġbor u lanqas tirkupra hi stess l-imballaġġi użati, iżda tagħti b’subappalt dan is-servizz lil impriżi lokali tal-ġbir. Ir-relazzjonijiet bejn DSD u dawn l-impriżi huma rregolati minn kuntratt standard, li huwa ħafna drabi emendat, li għandu bħala għan l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ sistema intiża għall-ġbir u l-għażla ta’ l-imballaġġi. Bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti ta’ servizzi ffirmati bejn DSD u 537-il impriża lokali, kull waħda minn dawn l-impriżi tiddisponi mis-setgħa esklużiva li teżerċita, f’żona determinata, il-ġbir ta’ imballaġġi f’isem DSD. Wara li jiġu magħżula, dawn l-imballaġġi jiġu ttrasportati lejn ċentru ta’ riċiklaġġ sabiex jiġu rkuprati.

20      Il-kuntratt ta’ servizzi huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/837/KE, tas-17 ta’ Settembru 2001 fi proċedura bil-miftuħ skond l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawżi COMP/34493 – DSD, COMP/37366 – Hofmann + DSD, COMP/37299 – Edelhoff + DSD, COMP/37291 – Rechmann + DSD, COMP/37288 – ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 – AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 – Feldhaus + DSD, COMP/37254 – Nehlsen + DSD, COMP/37252 – Schönmakers + DSD, COMP/37250 – Altvater + DSD, COMP/37246 – DASS + DSD, COMP/37245 – Scheele + DSD, COMP/37244 – SAK + DSD, COMP/37243 – Fischer + DSD, COMP/37242 – Trienekens + DSD, COMP/37267 – Interseroh + DSD) (ĠU L 319, p. 1). Din id-deċiżjoni hija s-suġġett ta’ l-appell għall-annullament ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża T-289/01, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

21      Fit-2 ta’ Settembru 1992, minbarra l-istatuti tagħha, DSD innotifikat ukoll lill-Kummissjoni numru ta’ ftehim fosthom il-kuntratt ta’ servizzi – l-uniku ftehim rilevanti għal din il-kawża –, sabiex tikseb ċertifikazzjoni negattiva jew, fin-nuqqas ta’ dan, deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

22      Wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fit-23 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, C 100, p. 4), tal-komunikazzjoni magħmula skond l-Artikolu 19(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), fejn ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiddikjara ruħa favorevoli għall-ftehim innotifikati, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand terzi persuni interessati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aspetti differenti ta’ l-implementazzjoni tal-kuntratt għall-użu tal-logo. B’mod partikolari, dawn it-terzi persuni interessati ddenunzjaw distorsjoni tal-kompetizzjoni allegata li kienet tirriżulta mill-ħlas ta’ dritt doppju fil-każ ta’ parteċipazzjoni fis-sistema DSD u f’dik ta’ fornitur ta’ servizzi ieħor.

23      Fil-15 ta’ Ottubru 1998, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni numru ta’ impenji intiżi sabiex jiġi evitat li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD ma jkollhomx iħallsu dritt doppju fil-każ fejn dawn jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra li topera fil-livell reġjonali. B’mod partikolari, DSD ipprevediet is-sitwazzjoni li fiha sistemi kollettivi, limitati għal Länder waħda jew aktar, jiġu stabbiliti b’mod parallel mas-sistema DSD. F’dan il-każ, imballaġġi ta’ l-istess tip u ta’ l-istess distributur jew manifattur ikunu jistgħu jinġabru, f’dawn il-Länder, minn waħda mis-sistemi kollettivi l-ġodda u, fil-Länder l-oħrajn, mis-sistema DSD, u l-impenn ta’ DSD f’dan ir-rigward kien is-segwenti (premessi 4, 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata)

“Jekk sistemi oħra barra s-[sistema DSD], li joperaw fuq skala reġjonali, jiġu stabbiliti u jiġu uffiċjalment approvati mill-ogħla awtoritajiet tal-Land skond l-Artikolu 6(3) tad-digriet leġiżlattiv fuq l-imballaġġi, [DSD] hija disposta li tapplika l-kuntratt għall-użu tal-logo b’tali mod li dawk li jaderixxu jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw għal wieħed minn dawn is-sistemi għal parti mill-imballaġġi tagħhom. Għaldaqstant, [DSD] ma tirċievi l-ebda dritt bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo għall-imballaġġi miġbura minn dawn is-sistemi, bil-kundizzjoni li dan it-tieni tip ta’ ġbir ikollu jiġi vverifikat permezz ta’ provi. It-tieni kundizzjoni imposta għall-eżenzjoni tad-drittijiet dovuti fuq l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo [Der Grüne Punkt] hi li ma jkun hemm l-ebda ksur kontra l-protezzjoni tat-trade mark [Der Grüne Punkt].”

24      Fit-3 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni qieset li n-numru ta’ impenji ppreżentati minn DSD fil-15 ta’ Ottubru 1998 ma kellhomx jiġu limitati biss għas-sistemi kollettivi, iżda kellhom jinkludu fihom ukoll is-sistemi individwali użati għar-rimi ta’ parti mill-imballaġġi.

25      Fil-15 ta’ Novembru 1999, xi manifatturi ta’ imballaġġi ppreżentaw ilment lill-Kummissjoni. Dawn qalu li l-kuntratt għall-użu tal-logo kien jostakola l-istabbiliment ta’ sistema individwali tal-ġbir ta’ l-imballaġġi. Dawn qiesu li l-użu tal-logo, mingħajr il-provvista effettiva ta’ servizz ta’ rimi ta’ skart minn DSD, jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn DSD.

26      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2000, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni żewġ impenji supplementari. Wieħed minnhom kien jirrigwarda l-każ fejn il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jgħażlu sistema individwali għal parti mill-imballaġġi tagħhom u jaderixxu mas-sistema DSD għall-bqija. F’dan il-każ, DSD obbligat ruħa li ma tirċievi l-ebda dritt bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo għal dik il-parti ta’ l-imballaġġi miġbura mis-sistema individwali, bil-kundizzjoni li jingħatawla l-provi relattivi għal dan it-tieni tip ta’ ġbir. Dawn il-provi kellhom jingħataw skond ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 2 ta’ l-anness I tad-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi. Fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Marzu 2000, DSD qalet ukoll li ma kinitx tqis li huwa neċessarju li tibdel in-numru ta’ impenji ppreżentati fil-15 ta’ Ottubru 1998 (ara l-premessi 7, 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fit-3 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil DSD, li rrispondiet għaliha permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2000.

28      Fl-20 ta’ April 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/463/KE dwar il-proċedura marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] (Kawża COMP D3/34493 – DSD) (ĠU L 166, p. 1, aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors bis-saħħa ta’ l-Artikolu 230(4) KE, bil-għan li tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

30      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet ukoll, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 242 KE, talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 safejn dawn jirreferu għall-Artikolu 3, sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il-mertu.

31      B’digriet tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T‑151/01 R, Ġabra p. II‑3295), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16, 19 u 20 ta’ Lulju 2001 rispettivament, Vfw AG, Landbell AG für Rückhol-Systeme (aktar ’il quddiem “Landbell”) u BellandVision GmbH talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. It-talbiet għal intervent ġew innotifikati lill-partijiet, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

33      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Novembru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) awtorizzat l-intervent ta’ dawn it-tliet impriżi u dawn setgħu jippreżentaw b’mod individwali l-osservazzjonijiet tagħhom fis-7 ta’ Frar 2002.

34      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet oralment waqt is-seduta. Dawn il-mistoqsijiet kienu jirrigwardaw id-diversi fażijiet tal-proċess ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ l-imballaġġi u l-kundizzjonijiet li fihom setgħet teżisti l-kompetizzjoni bejn is-sistemi individwali u kollettivi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet ukoll lill-Kummissjoni tressaq dokument ippreżentat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura amministrativa. Il-Kummissjoni ressqet dan id-dokument fis-26 ta’ Ġunju 2006.

35      Il-partijiet instemgħu fl-osservazzjonijiet u r-risposti għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduti tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2006.

36      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

38      Vfw titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

39      Landbell titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

40      BellandVision titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

41      Qabel ma ssir l-evalwazzjoni ta’ l-argumenti tal-partijiet dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tal-kwistjoni, għandu jiġi espost il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

A –  Id-deċiżjon kkontestata

42      B’differenza tad-Digriet Leġiżlattiv, li fih mhuwiex stabbilit jekk huwiex possibbli li jiġu mħallta sistema individwali u sistema kollettiva jew inkella li jintużaw diversi sistemi kollettivi sabiex jinġabru u jiġu rkuprati l-imballaġġi kkummerċjalizzati, id-deċiżjoni kkontestata tieħu bħala punt ta’ tluq il-possibbiltà, għal manifattur jew għal distributur ta’ l-imballaġġi, li jiġu mħallta dawn is-sistemi differenti sabiex jissodisfa l-obbligi imposti fuqu mid-Digriet Leġiżlattiv.

43      F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni tinqasam f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hija ddedikata għall-analiżi ta’ l-imġiba ta’ DSD fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE (premessi 65 sa 160 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tieni għall evalwazzjoni tal-miżuri li jippermettu lill-Kummissjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, li twaqqaf l-abbuż identifikat (premessi 161 sa 167 u l-Artikolu 3 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar il-legalità ta’ l-imġiba ta’ DSD fir-rigward ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

1.     Fuq il-possibbiltà li jiġu mħallta diversi sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi skond id-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi (is-sistemi mħallta)

44      Il-possibbiltà li jintużaw diversi sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi skond id-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi (aktar ’il quddiem is-“sistemi mħallta”) tikkostitwixxi l-assunzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni tikkunsidra t-tliet każijiet segwenti (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        il-każ nru 1 jikkorrispondi għall-każ fejn manifattur jew distributur juża s-sistema kollettiva (nazzjonali) ta’ DSD għal parti mill-imballaġġi tiegħu u jagħmel użu minn sistema kollettiva oħra (reġjonali) għall-bqija ta’ l-imballaġġi;

–        il-każ nru 2 jikkorrispondi għall-każ fejn manifattur jew distributur juża s-sistema kollettiva DSD għal parti mill-imballaġġi tiegħu u jagħmel użu minn sistema individwali għall-bqija ta’ l-imballaġġi;

–        il-każ nru 3 jikkorrispondi għall-każ fejn manifattur jew distributur jafda r-rimi ta’ l-imballaġġi kollha tiegħu fil-Ġermanja f’idejn sistemi kompetituri tas-sistema DSD, iżda fi Stati Membri oħra jaderixxi ma sistema li tuża l-logo Der Grüne Punkt.

45      Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-possibbiltà li jsir użu minn sistemi mħallta. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tgħid li mill-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, jirriżulta (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata) li d-Digriet Leġiżlattiv jippermetti li jiġu mħallta sistema individwali u sistema kollettiva bil-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva biss għal parti mill-imballaġġi kkummerċjalizzati. Madankollu f’dan il-każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li jkun jaqbel li jiġu ddefiniti b’mod ċar, kemm fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll ta’ l-awtoritajiet, liema huma l-imballaġġi suġġetti għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata tenfasizza wkoll li minn risposta preċedenti ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv ma jimplikax li huwa possibbli biss l-użu ta’ sistema unika. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma kellhom l-intenzjoni li jippermettu biss l-istabbiliment ta’ sistema kollettiva waħda fil-pajjiż kollu jew f’kull Land (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi jippermettu li jingħad li l-preżentazzjoni alternattiva tad-Digriet Leġiżlattiv, li manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jista’ jagħmel użu minn sistema individwali jew minn sistema kollettiva sabiex jirrispetta l-obbligi tiegħu, ma tipprekludix sistema mħallta. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li r-rikorrenti ma tikkontestax, f’din il-kawża, il-possibbiltà għal manifattur jew distributur ta’ imballaġġi li juża sistema mħallta, iżda pjuttost tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ l-imġiba tagħha mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda kemm l-Artikolu 82 KE kif ukoll l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

2.     Evalwazzjoni relattiva għall-Artikolu 82 KE

47      Skond id-deċiżjoni kkontestata, DSD hija l-unika impriża li toffri sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu u s-sistema DSD tiġbor madwar 70 % ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ fil-Ġermanja kif ukoll madwar 82 % ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ miġbura fil-Ġermanja mingħand il-konsumaturi (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-pożizzjoni dominanti ta’ DSD mhijiex ikkontestata f’din il-kawża.

48      F’dan il-każ, l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti kkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq il-fatt li d-drittijiet irċevuti minn DSD mingħand manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD ma jiddipendux fuq l-użu effettiv ta’ din is-sistema, iżda huma kkalkulati abbażi tan-numru ta’ imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt li dawn il-manifatturi jew distributuri jikkummerċjalizzaw fil-Ġermanja (Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) tal-kuntratt). Il-manifatturi u d-distributuri li jaderixxu mas-sistema DSD għandhom ipoġġu l-logo Der Grüne Punkt fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għall-konsum fil-Ġermanja (Artikolu 3(1) tal-kuntratt). Għaldaqstant, skond id-deċiżjoni, DSD tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha peress li ma torbotx id-drittijiet dovuti taħt il-kuntratt ma l-użu effettiv tas-sistema DSD. Fil-fatt, jirriżulta mill-inkjesta effetwata mill-Kummissjoni, abbażi ta’ lmenti ta’ klijenti jew ta’ kompetituri ta’ DSD, li l-metodu ta’ kalkolu tad-drittijiet imħallsa lil DSD jostakola x-xewqa ta’ ċerti manifatturi ta’ imballaġġi, klijenti tas-sistema DSD, li jkunu jistgħu jużaw is-sistema individwali tagħhom stess jew sistema kollettiva oħra sabiex jieħdu ħsieb parti mill-imballaġġi li jikkummerċjalizzaw (premessi 100 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li s-soluzzjoni proposta minn DSD, jiġifieri rinunzja għat-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD iżda jaqgħu taħt sistema oħra, kemm jekk individwali jew kollettiva, tfalli fil-konfront tar-realtajiet ekonomiċi “f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet” (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, soluzzjoni bħal din tkun tirrikjedi ttikkettjar selettiv ta’ l-imballaġġi (bil-logo Der Grüne Punkt jew mingħajr), li jkun ifisser żieda sinjifikattiva fil-prezz fil-każ ta’ preżentazzjoni uniformi ta’ l-imballaġġ jew ta’ l-użu ta’ ċirkwiti ta’ distribuzzjoni differenti (premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, soluzzjoni bħal din tkun tirrikjedi li manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jużaw sistemi mħallta jassiguraw li l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt ikunu ddepożitati fil-postijiet fejn is-sistema DSD tiġbor dawn l-imballaġġi u li dawk li fuqhom ma jidhirx dan il-logo jiġu ddepożitati fil-postijiet fejn is-sistemi l-oħra jassiguraw il-ġbir, li tkun impossibbli fil-prattika (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li ta’ spiss, huwa biss wara li jinxtara l-prodott imballat jew, eventwalment, wara li jintuża li l-konsumatur finali jiddeċiedi jekk jiddepożitax l-imballaġġ f’sistema kollettiva fil-viċinanzi ta’ fejn jirrisjedi jew jekk jieħdux lura fil-punt tal-bejgħ sabiex ipoġġieħ f’sistema individwali, huwa impossibbli li l-parti ta’ l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt tiġi assenjata lil tip jew ieħor ta’ ġbir (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-effetti ta’ l-abbuż, ikkaratterizzat f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ drittijiet marbuta mal-kuntratt għall-użu tal-logo, huma doppji. Minn naħa waħda, bl-issuġġettar tad-drittijiet b’mod esklużiv għall-użu tal-logo, DSD tesponi lill-impriżi li ma jużawx is-servizz ta’ l-assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-imballaġġi, jew li jużawha biss għal parti mill-imballaġġi, għal prezzijiet u għal kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni mhux ekwi. Minħabba d-differenza eċċessiva bejn l-ispejjeż tal-provvista tas-servizz u l-prezz tiegħu, dan huwa każ ta’ użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82(2)(a) KE (premessi 111 sa 113 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa l-oħra, minħabba s-sistema ta’ drittijiet stabbilita mill-kuntratt għall-użu tal-logo, mhuwiex ekonomikament vijabbli, għall-impriżi milquta, li jaderixxu ma’ sistema individwali jew kollettiva kompetitriċi, għaliex dawn l-impriżi jkollhom kemm iħallsu d-drittijiet lil-DSD, minbarra l-ħlas dovut lill-kompetitur, kif ukoll jintroduċu linji ta’ imballaġġi u ċirkwiti ta’ distribuzzjoni distinti. Għaldaqstant is-sistema tad-drittijiet tirrendi aktar diffiċli d-dħul fis-suq tal-kompetituri tas-sistema DSD (ara l-premessi 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Il-Kummissjoni tiddeskrivi b’mod aktar preċiż l-abbuż maħluq mid-drittijiet kuntrattwali fit-tliet każijiet imsemmija aktar ’il fuq. Fir-rigward tal-każ nru 1, dak ta’ sistema mħallta li tgħaqqad l-użu tas-sistema kollettiva nazzjonali DSD u dak ta’ sistema kollettiva reġjonali oħra, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li attwalment, dan il-każ jeħtieġ kemm it-twaħħil ta’ sinjal differenti skond is-sistema użata, kif ukoll il-ħlas ta’ drittijiet dovuti taħt iż-żewġ sistemi. Konsegwentement, il-fatt li DSD titlob il-ħlas tad-drittijiet fuq il-kwantità totali ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja għandhu l-effett li jċaħħad kull vijabbiltà ekonomika l-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva reġjonali (ara l-premessi 118 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Sabiex issib soluzzjoni għal din il-problema, DSD impenjat ruħa, fil-kuntest tal-proċedura amministrativa (premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata), li tapplika l-kuntratt għall-użu tal-logo b’tali mod li l-manifatturi u d-distributuri affettwati jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra għal parti mill-imballaġġi tagħhom, madankollu bil-kundizzjoni li tingħata prova ta’ dan u li ma jkun hemm l-ebda ksur kontra l-protezzjoni tat-trade mark Der Grüne Punkt. Peress li DSD tirrifjuta li tneħħi l-kundizzjoni relattiva għall-protezzjoni tat-trade mark, liema espressjoni barra minn hekk ma kinitx iċċarata, id-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li dan l-impenn ma kienx biżżejjed sabiex ineħħi d-dubji li kienet esprimiet il-Kummissjoni (ara l-premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Fir-rigward tal-każ nru 2, dak ta’ sistema mħallta li tgħaqqad l-użu ta’ sistema individwali u s-sistema DSD, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-fatt li DSD tirrikjedi l-ħlas tad-drittijiet fuq il-kwantità totali ta’ l-imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja għandhu l-effett li jeskludi l-parteċipazzjoni f’sistema individwali għal parti minn dawn l-imballaġġi (ara l-premessi 124 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Sabiex issib soluzzjoni għal din il-problema, DSD impenjat ruħa, fil-kuntest tal-proċedura amministrativa (premessi 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata), li ma tirċevix drittijiet taħt il-kuntratt għal dik il-parti mill-imballaġġi miġbura minn sistema individwali, madankollu bil-kundizzjoni li tingħata prova ta’ dan. F’dan l-impenn, DSD tgħid ukoll li l-użu tal-logo Der Grüne Punkt kellu jibqa’ limitat għall-imballaġġi miġbura mis-sistema DSD u għaldaqstant li dan ma setgħax jitwaħħal fuq imballaġġi miġbura mis-sistema individwali. Il-Kummissjoni qieset li fil-prattika ma kienx konċepibbli li jiġu stabbiliti linji ta’ imballaġġi u ċirkwiti ta’ distribuzzjoni distinti, peress li huwa kważi impossibbli li l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi affettwat ikun jista’ f’dan l-istadju jiddetermina liema huma l-imballaġġi li l-konsumatur sejjer jirritorna lis-sistema individwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li dan l-impenn ma kienx biżżejjed sabiex ineħħi d-dubji li kienet esprimiet fuq is-sitwazzjoni kompetittiva (ara l-premessi 127 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fir-rigward tal-każ nru 3, li jassumi n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fis-sistema DSD fil-Ġermanja, iżda l-parteċipazzjoni f’sistema ta’ ġbir u ta’ rimi li tuża l-logo Der Grüne Punkt fi Stat Membru ieħor, f’liema każ DSD tkun tista’ titlob il-ħlas tad-drittijiet fil-Ġermanja, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li impenn u dikjarazzjoni ta’ DSD ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrativa kienu jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-problemi identifikati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-premessi 62 sa 64 u 129 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Id-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-abbuż misjub mhuwiex iġġustifikat minn nuqqas ta’ kompatibbiltà allegat bejn id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv u t-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li għalihom l-ebda servizz ta’ assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-iskart ma huwa assigurat (ara l-premessi 136 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata). Lanqas ma huwa ġġustifikat minn neċessità li jiġi ppreżervat il-karattru distint tal-logo Der Grüne Punkt (ara l-premessi 143 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni tirreferi għal sentenza tal-Kammergericht Berlin (il-Qorti ta’ l-ewwel istanza reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ta’ l-14 ta’ Ġunju 1994, u tgħid li l-funzjoni essenzjali ta’ dan il-logo hija sodisfatta “kemm-il darba juri lill-konsumatur li dan għandu l-possibbiltà li jarmi l-imballaġ bis-servizz ta’ DSD”. Għaldaqstant, il-funzjoni ta’ l-imsemmi logo ma tirrikjedix li jitwaħħal biss fuq l-imballaġġi meħuda mis-sistema DSD fil-każ ta’ ġbir ta’ parti biss mill-imballaġġi minn din is-sistema (ara l-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Id-deċiżjoni kkontestata tgħid ukoll li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat b’mod apprezzabbli mill-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fil-metodi tad-drittijiet kuntrattwali kkontestati, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi adegwati għall-gbir u għall-irkupru ta’ l-imballaġġi fil-Ġermanja u fis-suq komuni (ara l-premessi 155 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-effet fuq il-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex ikkontestat f’din il-kawża.

58      Fl-aħħar ta’ l-evalwazzjoni tagħha skond l-Artikolu 82 KE, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li, f’ċerti każijiet, l-imġiba ta’ DSD li teżiġi l-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Dan il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE huwa kkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fit-termini li ġejjin:

“L-imġiba ta’ [DSD] li tikkonsisti fir-rekwiżit, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi tal-bejgħ kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo [Der Grüne Punkt] mhijiex kompatibbli mas-suq komuni meta l-impriżi suġġetti bis-saħħa tad-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi:

a)      ma jirrikorrux għas-servizz ta’ l-assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-iskart stabbilit fl-Artikolu 2 tal-kuntratt għall-użu tal-logo ħlief għal parti mill-imballaġġi [każijiet nri 1 u 2] jew li ma jirrikorrux għalih, iżda jpoġġu fis-suq fil-Ġermanja imballaġġ standardizzat, li huwa kkummerċjalizzat ukoll fi Stati Membri oħra taż-[Żona Ekonomika Ewropea] u li għalihom dawn jaderixxu ma’ sistema ta’ ġbir li tuża l-logo [Der Grüne Punkt] [każ nru 3], u

b)      jipprovaw li, fir-rigward tal-kwantità ta’ l-imballaġġi, totali jew parzjali, li għalihom dawn ma jirrikorrux għas-servizz ta’ l-assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-iskart, dawn jissodisfaw l-obbligi tal-ġbir imposti fuqhom mid-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi permezz ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali.”

3.     Evalwazzjoni relattiva għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17

59      Wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, id-deċiżjoni kkontestata tiddetermina, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, il-mod li bih DSD għandha twaqqaf il-ksur ikkonstatat (il-premessi 161 sa 167 u l-Artikoli 2 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Il-miżura prinċipali tobbliga lil DSD li ma tirċevix drittijiet fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt li fir-rigward tagħhom ma sarx użu tas-servizz ta’ l-assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-iskart u li għalihom l-obbligi imposti fid-digriet fuq l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor. Din il-miżura, stabbilita fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-każijiet nri 1 u 2, hija s-segwenti:

“DSD hija marbuta li tintrabat mal-firmatarji kollha tal-kuntratt għall-użu tal-logo sabiex ma tirċevix ħlas fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi ta’ bejgħ bil-logo [Der Grüne Punkt] ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja, li għalihom ma sarx l-użu tas-servizz ta’ l-assunzjoni ta’ l-obbligu tar-rimi ta’ l-iskart skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi kuntratt għall-użu tal-logo u li għalihom l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor.

Ir-rabta msemmija fl-ewwel paragrafu tissostitwixxi dispożizzjoni derogatorja stabbilita fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo.”

61      Barra minn hekk, fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi r-regoli tal-prova mitluba f’dawn il-każijiet kif isegwi:

“1.      [Każ nru 1] Jekk parti minn, jew l-imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema kollettiva kompetitriċi, il-konferma ta’ l-amministratur tas-sistema li tiddikjara li l-kwantità korrispondenti hija meħuda minn din is-sistema kollettiva kompetitriċi tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jiġu sodisfatti b’mod ieħor.

2.      [Każ nru 2] Jekk parti minn, jew l-imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema individwali, il-preżentazzjoni ulterjuri ta’ dikjarazzjoni ta’ espert indipendenti li turi li l-obbligi tal-ġbir u ta’ l-irkupru ġew sodisfatti tkun biżżejjed. Id-dikjarazzjoni tista’ tiġi stabbilita kemm individwalment għal kull manifattur jew distributur, kif ukoll għall-impriżi kollha li jipparteċipaw f’sistema individwali.

3.      DSD fl-ebda każ ma tista’ teżiġi li d-dikjarazzjoni tkun ippreżentata f’data qabel dik stabbilita mid-digriet fuq l-imballaġġi.

4.      Fir-rigward ta’ l-elementi ta’ prova li għandhom jiġu ppreżentati lil DSD, ikun biżżejjed, indipendentement mill-verżjoni korrispondenti tad-digriet fuq l-imballaġġi, li d-dikjarazzjoni tikkonferma lill-kontraenti li l-obbligi tal-ġbir u ta’ l-irkupru ġew sodisfatti għal volum determinat ta’ imballaġġi.

5.      Jekk id-dikjarazzjoni tinkludi fiha informazzjoni oħra, din tista’ tiġi ngassata b’mod li ma tinqarax.

6.      Kemm id-dikjarazzjoni ta’ l-amministratur tas-sistema kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ l-espert indipendenti jistgħu jiġu ssostitwiti minn ċertifikat ta’ awditur li jikkonferma li l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi ġew sodisfatti għal kwantità ddeterminata ta’ imballaġġi.

7.      L-ebda dispożizzjoni oħra tal-kuntratt għall-użu tal-logo ma tista’ tiġi applikata b’mod li jkollha l-effett li żżid mar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-elementi ta’ prova li għandhom jingħataw lil DSD.”

62      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari tal-każ nru 3:

“1.      DSD mhijiex awtorizzata li tirċievi drittijiet għall-imballaġġi miġbura fi Stat Membru ieħor minn sistema ta’ ġbir u rkupru li tuża l-logo [Der Grüne Punkt] u li huma kkummerċjalizzati fit-territorju fejn huwa applikabbli d-digriet fuq l-imballaġġi bil-logo, bil-kundizzjoni li jiġi ddikjarat li l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi jkunu sodisfatti b’mod ieħor milli l-adeżjoni mas-sistema mħaddma minn DSD skond l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv.

2.      DSD tista’ tissuġġetta l-eżenzjoni mid-drittijiet għall-kundizzjoni li, fuq l-imballaġġi msemmija fl-ewwel paragrafu, viċin il-logo [Der Grüne Punkt], l-attenzjoni tal-konsumatur finali tkun miġbuda, minn avviż f’dan is-sens jew taħt kull forma oħra xierqa, fuq il-fatt li l-imballaġġ mhuwiex miġbur mis-sistema mħaddma minn DSD skond l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv.

3.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-leġġibbiltà ta’ l-avviż, il-partijiet għandhom jitolbu lill-Kummissjoni taħtar espert f’terminu ta’ ġimgħa wara li parti jew iż-żewġ partijiet ikunu kkonstataw in-nuqqas ta’ qbil.

L-espert ikollu l-għan li jikkonstata, f’terminu ta’ erbgħa ġimgħat, jekk id-diversi preżentazzjonijiet ta’ l-avviż maħsuba mill-partijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2, fid-dawl tal-funzjonijiet bażiċi li għandhom ikunu dawk ta’ imballaġġ […]”

63      Huwa f’dan il-kuntest, li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tal-partijiet.

B –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors safejn jirrigwarda l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata

64      Il-Kummissjoni tgħid li l-appell huwa intiż sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sħiħa mingħajr ma tissemma s-sitwazzjoni partikolari msemmija fl-Artikolu 4, li hija separabbli mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata. Is-skiet tar-rikorrenti fuq dan il-punt mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-appell għandu jiġi ddikkjarat inammissibbli safejn jirrigwarda l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

65      Ir-rikorrenti ssemmi li, skond ir-rekwiżiti tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rikors fih espożizzjoni ċara u preċiża tal-fatti u ta’ l-argumenti fil-liġi li jippermettu lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qoti tal-Prim’Istanza teżerċita l-Istħarriġ tagħha (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20). B’mod partikolari, ir-rikors isemmi r-raġunijiet għaliex id-dispożizzjoniiet ikkontestati tal-kuntratt għall-użu tal-logo ma jistgħux jitqiesu li huma abbużivi fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE, li għandu l-effett li jneħħi l-bażi tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

66      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tikkaratterizza abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (Artikolu 1) u minħabba dan timponi ċerti obbligi fuq DSD bil-għan li twaqqaf dan l-abbuż (Artikoli 3 sa 7). B’mod partikolari, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, timponi obbligu bil-għan li twaqqaf l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fil-każ fejn manifattur jew distributur ikollu l-ħsieb li jikkummerċjalizza imballaġġi fi Stati Membri differenti mill-Ġermanja billi jaderixxi għal sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru li tuża l-logo Der Grüne Punkt, iżda li, għall-istess imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja, jissodisfa l-obbligi tiegħu mingħajr ma jipparteċipa fis-sistema DSD.

67      Issa, fil-kuntest ta’ l-ewwel argument ta’ l-appell, rigward il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn hemm ikkonstatat fiha, b’mod żbaljat, l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tilqa’ dan l-argument b’mod favorevoli, l-obbligi kollha imposti fuq DSD mid-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li jwaqqfu dan l-abbuż, ikollhom jiġu annullati mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi evalwata s-sitwazzjoni partikolari msemmija fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Bl-istess mod, fit-tieni argument ta’ l-appell, li jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti titlob l-annullament ta’ l-obbligu impost fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan mhux proporzjonat fid-dawl tal-possibbiltà ta’ tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi jew tar-rinunzja ta’ l-użu tat-trade mark “Der Grüne Punkt”, li jkun jirriżulta f’obbligu fuq DSD li tipprovdi s-servizzi tagħha qabel ma titħallas, u li teskludi l-ħlas tad-drittijiet għall-użu tat-trade mark biss.

69      Għaldaqstant, għandu jingħad li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ forma stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura u li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija għaldaqstant f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. It-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà ta’ l-appell safejn jirrigwarda l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-preżentazzjoni ta’ argumenti matul il-proċedura

70      Il-Kummissjoni tgħid li fir-replika hemm tliet argumenti ġodda, dwar interpretazzjoni ġdida tal-kuntratt għall-użu tal-logo (ara l-punt 115 aktar ’il quddiem), kritika ta’ kwotazzjonijiet minn verżjoni qadima tad-digriet fuq l-imballaġġi fl-espożizzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni kkontestata u l-fatt li l-konsumatur ma jistax jitlob lil sistemi individwali jiġbru l-imballaġġi fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

71      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ raġunijiet ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, argument li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ argument diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punti 33 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, l-imsemmija argumenti ġodda kkontestati mill-Kummissjoni fir-realtà jikkostitwixxu biss argumenti żviluppati mir-rikorrenti b’risposta għall-argumentazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fir-risposta taħt l-ewwel argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

73      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-preżentata ta’ l-argumenti l-ġodda matul il-proċedura għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċerti annessi ppreżentati mir-rikorrenti

a)     Fuq l-annessi ppreparati minn C. Weidemann

74      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-annessi ppreparati minn C. Weidemann, waħda mill-avukati ta’ DSD, li jirrigwardaw it-tmexxija ambjentali ta’ l-ekonomija ta’ l-imballaġġi fil-Ġermanja (Anness A mar-rikors) u l-ġustifikazzjoni tas-sistema DSD fid-dawl ta’ l-Artikolu 86 KE (Anness A mar-replika), tiġbor fiha spjegazzjonijiet li mhumiex inklużi fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-annessi, peress li allegazzjoni ta’ ksur tal-liġi ma tistax issir b’sempliċi riferenza għal annessi.

75      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, bil-għan li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex appell ikun ammissibbli hemm bżonn li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, għall-anqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u ċar, mit-test stess tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1961, Société Fives Lille Cail et vs Haute Autorité, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 561, 588 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 155, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jekk is-suġġett ta’ rikors jista’ jiġi elaborat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referenzi għal estratti ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki annessi mar-rikors, m’għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ argumenti essenzjali fid-dritt, li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, għandhom jidhru fir-rikors stess (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et. vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49; sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 155, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-annessi ppreparati minn C. Weidemann, li jirrigwardaw it-tmexxija ambjentali ta’ l-ekonomija ta’ l-imballaġġi fil-Ġermanja u l-ġustifikazzjoni tas-sistema DSD fid-dawl ta’ l-Artikolu 86 KE jikkostitwixxu osservazzjonijiet reali ppreżentati minn wieħed mill-avukati li jirrappreżenta lil DSD quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, l-elementi essenzjali ta’ l-argumentazzjoni fid-dritt żviluppata f’dawn l-annessi għandhom jidhru fir-rikors jew fir-replika, li għandhom jirreferu għal partijiet minn dawn l-annessi sabiex jelaboraw jew jikkompletaw il-kontenut tagħhom, u mhux sempliċement tirreferi b’mod globali għall-annessi msemmija.

77      Madankollu, meta tirreferi għall-ewwel wieħed minn dawn l-annessi, ir-rikors juri biss – mingħajr ma jagħti spjegazzjonijiet oħra – li l-konklużjoni li waslet għaliha Weidemann, fl-aħħar ta’ l-evalwazzjoni tagħha tat-tmexxija ambjentali ta’ l-ekonomija ta’ l-imballaġġi fil-Ġermanja, hija l-istess waħda li tinsab imsemmija fir-rikors, mingħajr ma turi għal liema punti speċifiċi ta’ dan l-anness ta’ 54 paġna qed tirreferi.

78      Huwa biss b’konnessjoni ma din l-unika indikazzjoni, li minnha jirriżulta li l-awtur ta’ l-anness jaqbel ma l-analiżi ppreżentata fir-rikors, li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-anness fuq it-tmexxija ambjentali ta’ l-ekonomija ta’ l-imballaġġi fil-Ġermanja.

79      Fir-rigward tat-tieni anness magħmul minn Weidemann, dwar il-ġustifikazzjoni tas-sistema DSD fid-dawl ta’ l-Artikolu 86 KE, għandu jingħad li l-anness ta’ 58 paġna ġie ppreżentat “b’mod komplementari” fl-istadju tar-replika, liema replika tirreferi “interament għall-iżviluppi ta’ l-anness għall-espożizzjoni tar-raġunijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 86 KE”.

80      Qabel kollox, indikazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma suffiċjenti fi-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq, sa fejn riferiment globali għal anness ma jistax jissostitwixxi n-nuqqas ta’ l-elementi essenzjali ta’ l-argumentazzjoni fid-dritt li għandhom jidhru fir-rikors. Madankollu, ir-replika tieħu ħsieb tippreżenta taqsira xotta tal-kontenut ta’ dan l-anness, liema anness jikkompleta l-argumentazzjoni ppreżentata fuq dan il-punt fir-rikors u jippermetti, bħala tali, lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa t-tielet argument li jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun ikkunsidrat li l-anness li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tas-sistema tar-rikorrenti fid-dawl ta’ l-Artikolu 86 KE mhuwiex ser jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Prim’Istanza ħlief safejn dan jirrigwarda, b’mod speċifiku, argumenti espressament imqajma minn DSD fil-kitbiet tagħha.

b)     Fuq l-inkjesti ta’ opinjoni magħqud mar-replika

82      Il-Kummissjoni tgħid li r-rikorrenti ma mmotivatx id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-provi kkostitwiti, b’mod partikolari, minn żewġ inkjesti ta’ opinjoni magħquda mar-replika, li jikser l-Artikolu 48(1) tar-Regoli ta’ Proċedura.

83      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-inkjesti ta’ opinjoni ppreżentati fir-replika mir-rikorrenti mhumiex provi fis-sens ta’ l-Artikolu 48(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, iżda jservu sabiex jelaboraw l-argumentazzjoni ppreżentata fir-replika, b’risposta għal xi argumenti mqajma fir-risposta fuq ir-rwoli tat-trade mark Der Grüne Punkt u tal-konsumatur finali fil-ġbir u l-irkupru ta’ l-imballaġġi.

84      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-inkjesti ta’ opinjoni magħquda mar-replika għandha tiġi miċħuda.

C –  Fuq il-mertu

85      Ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. It-tieni wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

1.     Fuq l-ewwel argument li jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

a)     Osservazzjonijiet preliminari fuq it-teżi tal-liċenzja obbligatorja mingħajr ħlas

 Argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti ssostni li fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tobbligaha tagħti “liċenzja obbligatorja mingħajr ħlas” fuq it-trade mark tagħha Der Grüne Punkt lill-impriżi li jaderixxu mas-sistema tagħha, sa fejn il-logo li jikkorrisponi għal din it-trade mark jista’ issa, bid-deċiżjoni, jitwaħħal fuq l-imballaġġi kollha, indipendentement mis-sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru kkonċernat. Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, liċenzja obbligatorja ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali tista’ tingħata biss f’“cirkustanzi eċċezzjonali”, jiġifieri meta r-rifjut ta’ liċenzja jirrigwarda dritt ta’ proprjetà industrijali li għaliha l-liċenzja hija indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attività in kwistjoni u li hi ta’ natura li teskludi kull kompetizzjoni fis-suq idderivat, u li dan ir-rifjut ma jkunx oġġettivament motivat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Magill”, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punti 50 sa 56, u tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punt 39). Peress li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma ġiet stabbilita fil-kawża preżenti, l-ebda abbuż ta’ pożizzjoni dominanti ma jista’ jiġi kkaratterizzat abbażi ta’ l-Artikolu 82 KE. In sostenn tat-teżi tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem l-argumenti li jsegwu: l-ewwel nett, it-trade mark Der Grune Punkt mhijiex indispensabbli għall-parteċipazzjoni f’sistema kompetitriċi tas-sistema DSD; it-tieni nett, il-kompetizzjoni mhijiex eskluża mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali kkontestati; u t-tielet nett, diversi raġunijiet oġġettivi jiġġustifikaw l-imġiba ta’ DSD, jiġifieri n-neċessità li twettaq l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv, dik li tippreżerva l-funzjonijiet differenti tat-trade mark Der Grune Punkt, liema trade mark ma tistax tkun is-suġġett ta’ liċenzja obbligatorja taħt il-liġi tat-trade marks, u dik li tippermetti t-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD.

87      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata ma tobbligax lil DSD tikkonċedi liċenzji obbligatorji mingħajr ħlas bi ksur tad-dritt Internazzjonali u tad-dritt Komunitarju. L-abbuż ikkaratterizzat jirriżulta mill-uniku fatt li s-sistema ta’ drittijiet tikser l-Artikolu 82 KE safejn DSD titlob li titħallas ta’ servizz li għalih hi ma tassigurax il-provvista, u li għalih ser jintwera li l-provvista kellha tiġi assigurata minn sistema oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

88      Fil-kuntest ta’ l-ewwel argument, li jirrigwarda l-Artikolu 82 KE, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tħaddim ta’ l-obbligu adottat abbażi ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, kif espost fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 60 aktar ’il fuq), bil-għan li jitwaqqaf l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkaratterizzat fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni (ara l-punt 58 aktar ’il fuq). Skond ir-rikorrenti, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni jobbligaha tagħti “liċenzja obbligatorja mingħajr ħlas” tat-trade mark Der Grüne Punkt għal imballaġġi ddestinati għar-rimi minn sistemi kompetituri tas-sistema DSD.

89      Madankollu, filwaqt li tikkontesta l-legalità ta’ tali liċenzja obbligatorja, ir-rikorrenti tgħid li t-trade mark Der Grune Punkt mhijiex indispensabbli għall-parteċipazzjoni f’sistema kompetitriċi tas-sistema DSD (ara l-punt 93 aktar ’il quddiem) u li l-kompetizzjoni mhijiex eskluża mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali kkontestati (ara l-punt 95 aktar ’il quddiem). Din l-argumentazzjoni tasal biex tgħid li l-imġiba ta’ DSD, kif ikkaratterizzata fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mgħandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni u għaldaqstant ma tikkostitwixxi fl-ebda abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE.

90      Bl-istess mod, ir-rikorrenti tallega li s-sistema ta’ drittijiet stabbilita mill-kuntratt għall-użu tal-logo hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw id-Digriet Leġiżlattiv (ara l-punti 98 sa 101 aktar ’il quddiem) tal-liġi tat-trade marks (ara l-punti 103 sa 114 aktar ’il quddiem) u minn neċessità li jiġi assigurat it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD (ara l-punti 115 u 116 aktar ’il quddiem). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrappreżentaw il-ġustifikazzjoni oġġettiva tas-sistema ta’ drittijiet li hija s-suġġett ta’ l-abbuż ikkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni u għaldaqstant, din is-sistema ma tistgħax titqies li hija abbużiva fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE.

91      Għaldaqstant, minflok ma jiġu eżaminati l-konsegwenzi li jistgħu jkollhom l-argumenti tar-rikorrenti fuq l-obbligu impost fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata – jiġifieri, skond DSD, il-“liċenzja obbligatorja mingħajr ħlas” – li jirriżultaw mit-tieni argument iddedikat għall-ksur ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, ikun tajjeb li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-ewwel argument – li jirrigwarda l-Artikolu 82 KE – tiġi limitata biss għall argumenti relattivi għall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jkun mingħajr bażi skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, peress li ma jkun hemm l-ebda ksur li għandu jitwaqqaf. A contrario, fil-każ ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, tiddisponi mis-setgħa li tobbliga lill-impriża kkonċernata li twaqqaf il-ksur ikkonstatat.

92      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu esposti l-argumenti tal-partijiet relattivi għall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata.

b)     Argumenti tal-partijiet relattivi għall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

 i) Fuq in-nuqqas tan-neċessità ta’ l-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt għall-parteċipazzjoni f’sistema kompetitriċi tas-sistema DSD

93      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tgħid li liċenzja obbligatorja tat-trade mark tagħha bl-ebda mod ma hija bl-ebda mod indispensabbli, fis-sens tas-sentenza Magill, iċċitata aktar ’il fuq, sabiex tippermetti lil manifattur jew lil distributur ta’ imballaġġi li jagħżel sistema kompetitriċi (punt 50, u s-sentenza Bronner, iċċitata aktar ’il fuq, punt 41). Madankollu, huwa fuq dan il-punt, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni tgħid li jkun aktar “komdu u aktar sempliċi” li titwaħħal it-trade mark ta’ DSD fuq l-imballaġġi li għalihom sar l-użu ta’ sistema kompetitriċi bil-għan li tiġi evitata ż-żieda fl-ispiża marbuta mat-tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi (ara l-premessi 103 sa 105 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil-każ ta’ użu fl-istess ħin ta’ sistema differenti mis-sistema DSD, il-logo Der Grüne Punkt jista’ jiġi jew ma jiġix imwaħħal fuq l-imballaġġi skond is-sistema li sar użu minnha. Barra minn hekk, din il-proċedura hija użata fis-settur tal-prodotti ta’ l-inbid, fejn huma ttikkettati bit-trade mark ta’ DSD biss dawk il-fliexken li jinbigħu fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut u li ma jittieħdux lura fil-ħanut, fis-setturi tal-bini u ta’ l-informatika, fejn il-prodotti jinbigħu f’imballaġġi li għandhom fuqhom it-trade mark ta’ DSD fil-każ ta’ provvista fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut u f’imballaġġi li mgħandhomx fuqhom din it-trade mark fil-każ ta’ provvista lill-ħwienet speċjalizzati jew lill-klijenti professjonisti u fis-settur ta’ l-ikel, fejn l-imballaġġi l-kbar, l-ikel tal-bott u l-kaxxi mgħandhomx tikkettar li għandu fuqu t-trade mark meta dawn jiġu pprovduti lill-industrija, lir-ristoranti u lill-canteens, filwaqt li jkollhom dan it-tip ta’ tikkettar meta jiġu pprovduti lill-ħwienet li jbigħu bl-imnut. Għaldaqstant, il-manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi jistgħu jgħamlu mod li l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt jiġu ddepożitati biss fl-installazzjonijiet tas-sistema DSD u li l-imballaġġi li fuqhom ma jidhirx dan il-logo jiġu ddepożitati biss fil-postijiet fejn sistema kompetitriċi tassigura r-rimi tagħhom.

94      Il-Kummissjoni, Landbell u BellandVision isostnu li t-tikkettar selettiv mhuwiex ekonomikament vijabbli għall-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi. Vfw tfakkar ukoll li DSD teżiġi l-ħlas tad-drittijiet mill-klijenti tagħha għall-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom it-trade mark Der Grüne Punkt, u dan indipendentement mill-fatt li l-imballaġġi jkunu effettivament mormija permezz tas-sistema DSD jew le.

 ii) Fuq in-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ liċenzja obbligatorja tat-trade mark Der Grüne Punkt

95      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dak li hemm imsemmi, fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontstata, li s-sistema tad-drittijiet tirrendi aktar diffiċli d-daħla fis-suq tal-kompetituri tas-sistema DSD, li mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni kif mitlub mis-sentenza Magill, iccitata aktar ’il fuq, (punt 56, u s-sentenza Bronner, iccitata aktar ’il fuq, punt 41). Fil-fatt, minħabba r-rekwiżiti tad-Digriet Leġiżlattiv, is-sistemi individwali ma jkunux jistgħu, bħala regola ġenerali, jikkompetu mas-sistema DSD ħlief fil-każ ta’ l-imballaġġi pprovduti lill-impriżi ż-żgħar ta’ l-artiġjanat, tal-kummerċ u l-industrija. F’din il-parti żgħira tas-suq, jeżistu madwar 40 sistema individwali li ma jużawx it-trade mark Der Grüne Punkt, u l-kwantitajiet attribwiti lill-dawn is-sistemi żdiedu b’aktar minn 60 % bejn l-1997 u l-2000. Bosta netwerkijiet kbar ta’ distribuzzjoni wkoll qalbu għal sistema differenti mis-sistema DSD, li għalhekk hija possibbli mingħajr diffikultà u mingħajr ma d-DSD tkun marbuta tagħti liċenzja obbligatorja. Għaldaqstant, m’hemmx kwistjoni ta’ dħul fis-suq aktar diffiċli.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li tispjega ruħa permezz tar-riforma ta’ l-1998 u l-fatt li inizjalment kellu jkun hemm numru żgħir ħafna ta’ imballaġġi taħt is-sistemi individwali.

 iii) Fuq id-diversi ġustifikazzjonijiet ta’ l-imġiba ta’ DSD

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt għall-użu tal-logo huma neċessarji sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tad-Digriet Leġiżlattiv, li jiġu mħarsa l-funzjonijiet differenti tat-trade mark Der Grune Punkt – li f’kull każ, ma tistax tkun suġġetta għal liċenzja obbligatorja – u sabiex jippermettu t-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD.

–       Fuq in-neċessità li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv

98      Ir-rikorrenti ssemmi l-kontenut ta’ l-obbligu ta’ trasparenza marbut mal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-prodott li huwa stabbilit fid-digriet fuq l-imballaġġi u li l-għan tiegħu huwa, skond l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, li “jiġi stabbilit, b’mod trasparenti għall-konsumaturi u għall-awtoritajiet, liema imballaġġ huwa suġġett għall-obbligu ta’ ġbir fil-ħwienet jew fil-viċinanzi diretti, u liema imballaġġ mhuwiex” (risposta għall-mistoqsija Nru 2.a). B’hekk, fil-każ ta’ użu ta’ sistema kollettiva, l-obbligu ta’ trasparenza jieħu l-forma ta’ obbligu ta’ tikkettar stabbilit fil-paragrafu 2(4) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv, li fil-kliem tiegħu “il-manifatturi u d-distributuri għandhom juru l-parteċipazzjoni [ta’ imballaġġ f’sistema kollettiva] permezz ta’ tikkettar jew metodi oħra li jkunu xierqa”, filwaqt li, fil-każ ta’ użu ta’ sistema individwali, dan jieħu l-forma ta’ obbligu ta’ indikazzjoni stabbilit fit-tielet frażi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv li jgħid li “id-distributur għandu jinforma lill-konsumatur finali privat bil-possibbiltà li jirritorna [imballaġġi] permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu u jinqraw b’mod ċar”. Dan l-obbligu ta’ trasparenza jippermetti li jkun magħruf jekk, għal imballaġġ partikolari, il-manifattur jew id-distributur responsabbi minn dan l-imballaġġ jissodisfax l-obbligi tiegħu permezz ta’ sistema individwali jew permezz ta’ sistema kollettiva. Dan jippermetti wkoll li l-konsumatur ikun jaf lil liema sistema għandu jirritorna dan l-imballaġġ. Konsegwentement, imballaġġ li jipparteċipa fis-sistema DSD ikollu jinġabar u jiġi rkuprat minn din is-sistema, filwaqt li imballaġġ li jipparteċipa f’sistema kollettiva oħra jew f’sistema individwali jkollu jinġabar u jiġi rkuprat mis-sistema msemmija. Imballaġġ ma jkunx jista’ jaqa’ taħt żewġ sistemi.

99      Ir-rikorrenti tgħid ukoll li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jikser dan l-obbligu ta’ trasparenza, peress li issa jkun possibbli li imballaġġi li jipparteċipaw f’sistemi kompetituri jkollhom fuqhom it-trade mark Der Grüne Punkt, li tidentifika s-sistema DSD. B’hekk, jekk l-imballaġġi kollha jkollhom fuqhom din it-trade mark, il-konsumatur ma jkunx jista’ jkun jaf liema imballaġġi għandhom jiġu rritornati fil-punt tal-bejgħ, għaliex jiffurmaw parti minn sistema individwali, u liema imballaġġi għandhom jiġu ddepożitati fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu, għaliex jiffurmaw parti minn sistema kollettiva. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’eżattezza ex ante jekk imballaġġ konkret huwiex ser ikun effettivament mormi permezz tas-sistema DSD jew minn sistema oħra, u huwa wkoll impossibbli li jiġi ddeterminat, anki ex post, li konsumatur effettivament rema imballaġġ permezz tas-sistema DSD (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa proprju minħabba f’hekk li fid-Digriet Leġiżlattiv hemm stabbilit li l-konsumatur għandu jkun infurmat permezz ta’ tikkettar ċar bl-iskop li jkun jaf jekk l-imballaġġ konkret in kwistjoni jipparteċipax fis-sistema DSD u bħala konsegwenza jkollu jiġi rritornat hemmhekk.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu tal-ġbir u ta’ l-irkupru ta’ sistema individwali ma japplikax għall immballaġġi li jipparteċipaw f’sistema kollettiva (ara l-ittra tal-Ministeru ta’ l-Ambjent tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg tas-27 ta’ Novembru 2001, p. 7). Fil-fatt, skond id-Digriet Leġiżlattiv, dawn l-imballaġġi jkunu “meħlusa” minn dan l-obbligu, għaliex huma attribwiti lis-sistema DSD u għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt. Għaldaqstant, dawn l-imballaġġi ma jkunux jistgħu jinġabru minn sistema individwali. Id-Digriet Leġiżlattiv għandu l-għan li jevita “ġlieda għall-iskart”, li fiha sistemi li jikkompetu jippruvaw jiġbru kwantitajiet kbar ta’ imballaġġi sabiex ikunu jistgħu jilħqu r-rata ta’ rkupru tagħhom. Kompetizzjoni ekwa u ordnata tissuponi pjuttost li s-sistemi differenti jiġbru u jirkupraw biss dawk l-imballaġġi li għalihom jassumu r-responsabbiltà tar-rimi tal-prodott (każ tas-sistemi individwali) jew jieħdu r-responsabbiltà għall-prodotti kollha (każ tas-sistemi kollettivi).

101    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tinterpreta b’mod żbaljat l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, meta tgħid li l-konsumatur jista’ jiddeċiedi liberament jekk jirkuprax l-imballaġġi mis-sistema DSD jew minn sistema oħra meta l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li jirrikorri għas-sistema DSD flimkien ma’ sistema kollettiva oħra jew ma sistema individwali (premessi 138, 141 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata). B’risposta għal mistoqsija tal-Kummissjoni l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw biss li, fil-każ ta’ użu ta’ sistema individwali u ta’ sistema kollettiva, il-konsumatur seta’ jagħżel li jħalli l-imballaġġ fil-ħanut, jew li jirritornaħ hemmhekk, jew li jissuġġettaħ għal rimi fil-viċinanzi tar-residenza, għaliex id-digriet fuq l-imballaġġi, “mgħandux fuqhu indikazzjonijiet preċiżi li jobbligaw lill-konsumatur finali li jirritorna”. Madankollu, il-kunċett ta’ rimi fil-viċinanzi tar-residenza jirriferi biss għar-rimi permezz ta’ entitajiet pubbliċi għar-rimi ta’ l-iskart, il-“kontenitur griż”, u mhux ir-rimi permezz tas-sistema DSD li wkoll tinsab fil-viċinanzi tar-residenza, il-“kontenitur isfar”. B’hekk, il-konsumatur ma jistax jagħżel is-sistema ta’ rimi użata.

102    Il-Kummissjoni tgħid li r-rikorrenti teżaġera l-importanza ta’ l-immarkar, safejn l-obbligu tal-ġbir u ta’ rkupru huwa applikabbli għal kwantitajiet ta’ imballaġġi u mhux għal imballaġġi preċiżi. Barra minn hekk, skond Landbell u BellandVision, id-Digriet Leġiżlattiv ma jimponix li t-trade mark ta’ DSD titwaħħal fuq l-imballaġġi.

–       Fuq il-ġustifikazzjonijiet relattivi għal-liġi tat-trade marks

103    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tgħid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad il-funzjoni distintiva – imsejħa wkoll il-funzjoni ta’ l-oriġini – tat-trade mark Der Grüne Punkt, li l-għan tagħha huwa li tiddistingwi l-imballaġġi attribwiti lis-sistema DSD minn dawk li jaqgħu taħt sistema kollettiva jew individwali kompetitriċi, li tippermetti li din it-trade mark titwaħħal fuq imballaġġi ddestinati li jintremew minn sistema differenti mis-sistema DSD. Madankollu, tali ksur tal-funzjoni distintiva tat-trade mark Der Grüne Punkt bħala prinċipju jmur kontra l-liġi tat-trade marks Ġermaniża, Komunitarja u internazzjonali.

104    Rigward il-liġi Ġermaniża, ir-rikorrenti tgħid li t-trade mark Der Grüne Punkt hija rreġistrata fil-Ġermanja bħala trade mark kollettiva, u li għalhekk tippermetti li “jiġu distinti l-merkanziji jew servizzi ta’ l-impriżi msieħba mas-sid tat-trade mark kollettiva minn dawk l-impriżi l-oħra f’termini ta’ oriġini kummerċjali jew ġeografika, tat-tip, tal-kwalità jew proprjetajiet oħra” [Artikolu 97(1) tal-Markengesetz tal-25 ta’ Ottubru 1994]. B’hekk, liċenzja obbligatorja tat-trade mark Der Grüne Punkt ikollha l-effett li ċċaħħad lil din it-trade mark mill-karattru distint tagħha u tirriskja li titħassar mir-reġistru.

105    Fir-rigward tad-Dritt Komunitarju, ir-rikorrenti tenfasizza li l-iskop speċifiku tat-trade mark Der Grüne Punkt, jiġifieri l-fatt li tiggarantixxi lill-utent aħħari l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott immarkat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ottubru 1978, Centrafarm, 3/78, Ġabra p. 1823, punti 11 sa 14) u li tipproteġi lil sidha kontra probabbiltajiet ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 1993, Deutsche Renault, C‑317/91, Ġabra p. I‑6227, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata), ma tibqax irrispettata fil-każ fejn xi imballaġġi li jipparteċipaw fis-sistema DSD u oħrajn li jaqgħu taħt sistema kompetitriċi jkollhom fuqhom mingħajr distinzjoni t-trade mark Der Grüne Punkt, b’mod li l-kompetitur ta’ DSD jkun jista’ japprofitta ruħu mill-popolarità tas-sistema DSD.

106    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li n-natura illeċita tal-prinċipju tal-liċenzji obbligatorji ta’ trade marks hija stabbilita fl-Artikolu 5 A tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, ta’ l-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol 828, Nru 11847, p. 108) irratifikata mill-Istati Membri kollha, u fl-Artikolu 21 tal-ftehim fuq l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ l-Awtur Konnessi mal-Kummerċ, tal-15 ta’ April 1994, (Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ), irratifikat mill-Istati Membri kollha u approvat mill-Komunità Ewropea permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1, 214), li ma jistabbilixxi l-ebda liċenzji obbligatorji għat-trade marks.

107    Il-Kummissjoni tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss is-sistema ta’ drittijiet imħaddma minn DSD u mhux l-effetti preżunti tad-deċiżjoni fuq l-attività tagħha bħala sid tat-trade mark Der Grüne Punkt. F’dan ir-rigward, l-uniku effett tad-deċiżjoni huwa dak li tevita li l-impriżi li jużaw is-sistema DSD iħallsu drittijiet doppji fil-każ ta’ użu ta’ sistema oħra. Landbell u BellandVision jenfasizzaw ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn DSD u l-kontraenti tagħha, fil-kuntest tal-kuntratt għall-użu tal-logo, u ma tagħti l-ebda dritt lil terzi persuni, li mhumiex kontraenti, li jużaw it-trade mark Der Grüne Punkt.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tinjora l-funzjoni distintiva tat-trade mark Der Grüne Punkt, li tippermetti li tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumatur fir-rigward tar-rimi ta’ l-iskart b’mod essenzjali għat-tħaddim tas-sistema tagħha. Fil-fatt, jekk il-konsumatur ma jirritornax l-imballaġġ li għandu fuqu l-logo Der Grüne Punkt fis-sistema DSD, ir-rikorrenti tirriskja li ma tibqax tilħaq ir-rati ta’ rkupru stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv u li titlef l-approvazzjoni tagħha. Bl-istess mod, jekk il-konsumatur jirritorna fis-sistema DSD imballaġġ li fuqu m’hemmx imwaħħal il-logo Der Grüne Punkt, ir-rikorrenti tibqa’ marbuta li tirkupra dan l-imballaġġ anki jekk ir-rati imposti jkunu diġà milħuqa (ara l-ewwel frażi tal-punt 1(5) ta’ l-anness 1 ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv).

109    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni li tidher fil-premessi 138, 139 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-funzjoni essenzjali tal-logo Der Grüne Punkt tkun sodisfatta meta dan jinforma lill-konsumatur li għandu l-possibbiltà li jagħti l-imballaġġi lil DSD sabiex tarmihom, għaliex din l-affermazzjoni hi bbażata fuq ċitazzjoni barra mill-kuntest tas-sentenza Kammergericht Berlin ta’ l-1994 (nota 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, it-test iċċitat fid-deċiżjoni sempliċement jgħid li t-trade mark Der Grüne Punkt ma fiha l-ebda affermazzjoni rigward il-karattru reċiklabbli ta’ l-imballaġġ. Madankollu, f’test ieħor tas-sentenza, il-Kammergericht jirrikonoxxi l-funzjoni attraenti tat-trade mark Der Grüne Punkt billi jiġġudika li overpacks setgħu juru din it-trade mark għal raġunijiet ambjentali superjuri, għalkemm ikun hemm, f’ċertu sens, tqarriq fir-rigward tal-konsumatur.

110    Bl-isess mod, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumatur jista’ jiddeċiedi liberament jekk jibgħatx l-imballaġġ in kwistjoni għall-irkupru mis-sistema DSD jew minn sistema individwali jew kollettiva kompetitriċi (premessi 145 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li huwa fundamentali li l-konsumatur ikun jista’ jidentifika, permezz tat-trade mark Der Grüne Punkt, il-fatt li l-imballaġġ in kwistjoni jaqa’ taħt is-sistema DSD u mhux taħt sistema oħra. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tgħid li l-funzjoni distintiva tat-trade mark tagħha hija kkonfermata minn inkjesti ta’ opinjoni magħmula għall preparazzjoni tar-replika. B’hekk, 60,8 % tal-konsumaturi mistoqsija jifmhux lit-trade mark Der Grüne Punkt bħala “indikazzjoni ta’ organizzazzjoni għal kollox speċifika li hija responsabbli għar-rimi u l-irkupru ta’ tali imballaġġi” u 27,9 % ta’ dawn il-konsumaturi jsemmu b’mod konkret is-sistema DSD (ara r-riżultati ta’ l-inkjesta magħmula mill-istitut Infratest Burke, rapport ta’ Awwissu 2001, Anness 85 għar-replika), li juri r-rabta li teżisti bejn it-trade mark u s-sistema DSD f’moħħ il-konsumaturi. Skond inkjesta ta’ opinjoni oħra, magħmula mill-istess istitut, kienu biss 3,3 % tal-konsumaturi mistoqsija li qalu li t-trade mark twassal il-messaġġ li huwa attribwit lilha fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ rimi (ara r-riżultati ta’ l-inkjesta magħmula mill-istitut Infratest Burke, rapport ta’ Awwissu 2001, Anness 86 għar-replika).

111    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt tat-twaħħil tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq imballaġġ li jipparteċipa f’sistema kompetitriċi jagħmel il-ħsara lill-funzjoni distinta ta’ din it-trade mark, peress li l-konsumaturi jiġu mqarrqa f’kull każ ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għar-rikorrenti, anki fil-każ ta’ użu ta’ sistemi differenti, il-konsumatur dejjem għandu jkun jista’ jiddetermina s-sistema li għandu juża għal kull imballaġġ, kemm jekk hija s-sistema DSD – bl-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt –, ta’ sistema kollettiva oħra – bl-użu ta’ mezz konformi mal-paragrafu 2(4) ta’ l-anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv – jew sistema individwali – bl-użu ta’ mezz konformi ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv. B’hekk, fil-każ ta’ użu fl-istess ħin ta’ sistema individwali u tas-sistema DSD, madwar 48,4 % tal-konsumaturi mistoqsija fil-kuntest ta’ l-inkjesti ta’ opinjoni msemmija aktar ’il fuq ma jifmhux l-informazzjoni kontradittorja rappreżentata, minn naħa waħda mill-indikazzjoni ta’ ġbir fil-ħanut skond l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv, u, minn naħa l-oħra, mill-indikazzjoni mogħtija mil-logo Der Grüne Punkt ta’ ġabra fil-viċinanzi tar-residenza bl-użu tas-sistema DSD.

112    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex kważi l-imballaġġi kollha fil-Ġermanja jkollhom fuqhom it-trade mark Der Grüne Punkt. B’hekk, il-parteċipazzjoni fis-sistema DSD ta’ valur totali ta’ 1 % ta’ l-imballaġġi kkummerċjalizzati tkun tippermetti lill-utent tal-logo li juża din it-trade mark mingħajr ħlas fil-konfront tad-99 % li jibqa’. B’hekk, is-sistema DSD tirriskja, fi żmien qasir, li jkollha tipproċessa imballaġġi mogħtija bi żball lis-sistema tagħha u li għalihom DSD ma tirċievi l-ebda ħlas. Barra minn hekk, u kważi fl-istess ħin, fid-dawl tal-limitazzjoni tas-sinjifikat tat-trade mark Der Grüne Punkt għal-sempliċi possibbiltà ta’ rimi, ir-riżultati tal-ġbir tas-sistema DSD jkollhom jonqsu u jkun hemm ir-riskju li ma jilħqux ir-rati legali ta’ rkupru.

113    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li t-trade mark Der Grüne Punkt tissodisfa wkoll funzjoni ta’ kontroll li tippermetti li tipprevjeni u li tipproċedi kontra l-abbużi magħmula mill-fabbrikanti u d-distributuri ta’ imballaġġi li jużaw is-sistema DSD mingħajr ma jħallsu l-ispejjeż bl-użu ta’ kontrolli magħmula fil-ħwienet, ta’ kontrolli skond l-għażla, jew kontrolli mill-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tirrendi iktar diffiċli l-protezzjoni effettiva kontra l-problema tal-persuni li japprofittaw ruħhom li ma kienx irnexxielhom iwasslu lil DSD għal-falliment fl-1993.

114    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tfakkar li, fin-nuqqas ta’ żbalji jew ta’ konfużjoni, il-funzjoni ta’ l-oriġini ta’ trade mark, li sservi sabiex tiddistingwi jew tidentifika l-oriġini ta’ merkanzija jew ta’ servizz, mhijiex affettwata. B’hekk, f’dan il-każ, il-perċezzjoni tat-trade mark Der Grüne Punkt mill-konsumatur finali li jixtri oġġetti ta’ konsum u li juża sistemi differenti biex jarmi l-imballaġġi, tkun dik ta’ l-indikazzjoni li huwa possibbli li dan jassigura r-rimi ta’ l-imballaġġ permezz tas-sistema tar-rikorrenti. Barra minn hekk, it-trade mark Der Grüne Punkt” ma għandhiex rwol determinanti waqt il-ġbir ta’ l-imballaġġi, peress li l-kontenituri sofor u l-kontenituri fejn jiġabru l-ħġieġ u l-karti użati mis-sistema DSD mgħandhomx fuqhom l-indikazzjoni ta’ din it-trade mark fiż-żoni kollha tal-ġbir. Barra minn hekk, huwa minħabba din ir-raġuni li l-konsumaturi ma jassoċjawx il-kontenituri tal-ġbir mal-logo, iżda mat-tip ta’ materjal ikkonċernat.

–       Fuq it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD

115    Wara li inizjalment qalet li d-dispożizzjonijiet ikkontestati relattivi għad-drittijiet kienu proporzjonati mas-servizzi pprovduti, sa fejn il-ħlas totali ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt u tal-provvista tas-sistema DSD tikkostitwixxi l-unika soluzzjoni prattikabbli li tista’ tiddetermina eżattament in-numru ta’ imballaġġi miġjuba b’mod konkret fis-sistema DSD, ir-rikorrenti tgħid, fl-istadju tar-replika, li d-drittijiet dovuti taħt id-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu jgħoddu biss għall-imballaġġi li għalihom kien sar użu mis-sistema DSD. B’hekk, il-liċenzja mogħtija minn DSD bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo hija valida biss għall-imballaġġi li jipparteċipaw fis-sistema DSD u mhux għal dawk li jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra jew f’sistema individwali. Restrizzjoni bħal din tal-liċenzja fuq l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt hija konformi mad-Digriet Leġiżlattiv, li jirrikjedi tikkettar ċar ta’ l-imballaġġi li jipparteċipaw f’sistema kollettiva sabiex jiġi indikat li l-manifattur jew id-distributur ikkonċernat huwa “meħlus” mill-obbligu li jiġbor u li jirkupra l-imballaġġi tiegħu, liema obbligu issa jkun taħt ir-responsabbilta ta’ DSD [digriet tal-Verwaltungsgerichtshof Kassel (qorti ta’ l-ewwel istanza amministrativa superjuri ta’ Kassel, il-Ġermanja), ta’ l-20 ta’ Awwissu 1999]. Sistema bħal din ma tkunx tista’ taħdem jekk l-imballaġġi li għalihom ma jkunx sar użu mis-sistema DSD jkollhom fuhom ukoll il-logo li jidentifika lil din is-sistema. Għaldaqstant, l-ebda dispożizzjoni tal-kuntratt għall-użu tal-logo ma tippermetti jew ma tobbliga lil min juża l-logo li jwaħħal it-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li għalihom ma jkunx sar użu mis-sistema DSD u ma jeżisti l-ebda żbilanċ bejn is-servizz ta’ DSD (il-ġbir u l-irkupru ta’ l-imballaġġi) u d-drittijiet mitluba bħala ħlas għalih.

116    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti federali tal-ġustizzja, Ġermanja), tal-15 ta’ Marzu 2001, mogħtija fil-kawża BäKo, ir-rikorrenti tgħid li, f’din is-sentenza, il-Bundesgerichtshof ma ddeċidietx li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali relattivi għad-drittijiet ma kinux xierqa. Kuntrarjament, din qalet li r-rikorrenti ma tistax titlob id-drittijiet sħaħ skond l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo għall-imballaġġi li ma jaqgħux taħt il-kompetenza legali tagħha, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt l-industrija u l-impriżi l-kbar. Fil-fatt, f’dan il-każ, li mhuwiex previst fid-deċiżjoni kkontestata (nota 14 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet is-servizz ta’ assunzjoni ta’ l-obbligi li kien intalab. Fil-kawża preżenti, l-imballaġġi in kwistjoni għandhom fuqhom it-trade mark Der Grüne Punkt u mingħajr dubju jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ DSD, jiġifieri li jiġu ddepożitati għand il-konsumaturi finali privati u wara dan DSD tipprovdi s-servizz ta’ assunzjoni ta’ l-obbligi tal-ġbir u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi, u dan anki meta, bi żball, il-konsumaturi jieħdu l-imballaġġ f’sistema pubblika ta’ rimi ta’ l-iskart jew f’sistema kompetitriċi ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ l-imballaġġi.

117    Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-każ ta’ użu tas-sistema DSD u ta’ sistema kollettiva oħra jew ta’ sistema individwali, ir-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut minn DSD u d-drittijiet mitluba bħala ħlas għalih hija żbilanċjata jekk din tillimita ruħha għall-kunsiderazzjoni tat-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġ għaliex sistema bħal din ma tikkunsidrax ir-realtà tas-servizz ipprovdut lill-impriżi li jaderixxu.

118    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tgħid li l-argumentazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fir-replika, li d-drittijiet huma applikabbli biss għall-imballaġġi pproċessati mis-sistema tagħha, tmur kontra l-prattika preċedenti tagħha. Fir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi, minn naħa waħda, is-sentenza BäKo (punt 116 aktar ’il fuq), li fiha l-Bundesgerichtshof, f’sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, iddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li tgħid DSD, l-ebda kreditu ma seta’ jinżamm minn din l-impriża kontra wieħed mill-klijenti tagħha fir-rigward ta’ l-imballaġġi li kellhom fuqhom it-trade mark Der Grüne Punkt li ngħataw lil impriża tal-ġbir professjonali. Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirreferi għall-kawża Hetzel, li fiha DSD invokat il-kuntratt għall-użu tal-logo sabiex topponi talba ta’ wieħed mill-klijenti tagħha biex jingħata l-ħlas lura ta’ dik il-parti mid-drittijiet korrispondenti għall-imballaġġi li għalihom DSD ma kinitx f’pożizzjoni li tassigura servizz ta’ assunzjoni ta’ l-obbligu ta rimi [sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-qorti ta’ l-ewwel istanza reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), tal-11 ta’ Awwissu 1998, kawża Hertzel, li kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Bundesgerichtshof].

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 i) Fuq l-abbuż ikkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata

119    Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-aġir ta’ DSD li jikkonsisti fir-rekwiżit li jitħallsu d-drittijiet fil-konfront tat-totalità ta’ l-imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, kif ukoll li tingħata prova li, fir-rigward tal-kwantità ta’ imballaġġi li għalihom il-manifattur jew id-distributur ma jirrikorrix għas-sistema DSD, l-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv huma sodisfatti permezz ta’ l-użu ta’ sistema kollettiva oħra jew ta’ sistema individwali, huwa abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (ara l-punt 58 aktar ’il fuq). L-effetti ta’ dan l-abbuż, skond id-deċiżjoni kkontestata huma doppji, u kollha flimkien jikkaraterizzaw abbuż ta’ l-operat tal-klijenti ta’ DSD, minħabba n-nuqqas ta’ proporzjon bejn il-ħlas mitlub u s-servizz mogħti, u ostaklu għad-dħul tal-kompetituri li jipproponu soluzzjonijiet alternativi għas-sistema DSD, fid-dawl ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-użu konġunt ta’ sistema differenti mis-sistema DSD (ara l-punt 50 aktar ’il fuq).

120    Fir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament in segwitu għall-preżenza ta’ l-impriża in kwistjoni, il-kompetizzjoni tkun diġà ddgħajfet u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċi, il-permanenza tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 91).

121    B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 82(2)(a) KE li prattika abbużiva bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fl-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet jew kundizzjonijiet inġusti ta’ kummerċ. B’hekk, ikun hemm użu abbużiv meta impriża f’pożizzjoni dominanti teżiġi għas-servizzi tagħha l-ħlas ta’ drittijiet mhux proporzjonati meta mqabbla mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors vs Il-Kummissjoni, 26/75, Ġabra p. 1367 ; ta’ l-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 235 sa 268, u tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, Ġabra p. 3263, punti 27 sa 30).

122    Bl-istess mod, impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tostakola b’mod abbużiv id-dħul ta’ kompetituri, bir-rabta, fid-dritt u fil-fatt, tax-xerrejja tas-servizzi tagħha u billi b’hekk iċċaħħadhom milli jużaw is-servizzi tal-fornituri kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 90).

 ii) Fuq l-esklużività allegata mir-rikorrenti

123    F’dan il-kuntest, l-argument prinċipali mqajjem mir-rikorrenti fir-rikors tagħha huwa li l-kompetizzjoni bejn is-sistemi ma tistax tiġi milquta ħlief bil-kunsiderazzjoni, minn naħa waħda, tal-fatt li l-manifattur jew id-distributur ikkonċernati jittrasferixxulil DSD l-imballaġġi li għalihom huwa jixtieq li jiġi meħlus mill-obbligu tal-ġbir u ta’ l-irkupru impost fid-Digriet Leġiżlattiv u, minn naħa l-oħra, mill-fatt li l-konsumatur finali għandu jkun jista’ jidentifika b’mod ċar l-imballaġġi li huwa jista’ jpoġġi fis-sistema DSD u dawk li jista’ jpoġġi f’sistema kollettiva oħra jew f’sistema individwali (ara l-punt 115 aktar ’il fuq).

124    B’hekk, it-trade mark Der Grüne Punkt tippermetti, fl-istess ħin, li jiġi muri liema huma l-imballaġġi ttrasferiti lil DSD, u b’hekk meħlusa mill-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru imposti fuq il-manifattur u fuq id-distributur, u li juru lill-konsumatur dak li għandu jagħmel, li jippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq ta’ l-inkarigu fdat lil DSD minn dan il-manifattur jew dan id-distributur ta’ l-imballaġġi. Konsegwentement, huma biss dawk l-imballaġġi li għalihom sar l-użu tas-sistema DSD li għandhom jiġu mmarkati bil-logo Der Grüne Punkt li jikkorrispondi għal din is-sistema, peress li dawn huma imballaġġi li minnhom ir-rikorrenti teħles kuntrattwalment u legalment lill-fabbrikant jew lid-distributur ikkonċernat mill-obbligu tiegħu tal-ġbir u ta’ rkupru skond id-Digriet Leġiżlattiv. Barra minn hekk, il-fatt li l-imballaġġ in kwistjoni huwa biss is-suġġett ta’ indikazzjoni waħda fir-rigward tas-sistema ta’ ġbir u rkupru li għandu jiġi użat, jippermetti li jiġi influwenzat l-aġir tal-konsumatur finali li b’hekk, ma jiġix imqarraq minn indikazzjonijiet oħra li jitolbuh li jagħti lura dan l-imballaġġ lil sistema oħra.

125    Abbażi ta’ din l-argumentazzjoni, ir-rikorrenti tgħid li s-sistema tagħha tad-drittijiet ma tikkostitwix abbuż fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE, peress li din is-sistema tillimita l-ħlas dovut għas-servizz ta’ ġbir u ta’ rkupru permezz tas-sistema DSD għal dawk l-imballaġġi biss li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt li għalihom l-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi jkun talab li jinħeles mill-obbligi tiegħu taħt id-Digriet Leġiżlattiv. Bħala eżempju, dan ifisser li, jekk manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li jikkummerċjalizza 100 imballaġġ fil-Ġermanja u li jafda l-ġbir u l-irkupru tan-nofs ta’ dawn l-imballaġġi lil DSD, dan ikollu jwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq 50 imballaġġ sabiex jindika lill-konsumatur li dawn il-50 imballaġġ huma ddestinati li jinġabru u rkuprati minn DSD, tkun ingħatat ir-responsabbiltà li tipproċessa lil dawn l-imballaġġi. Jekk dan il-manifattur jew distributur jiddeċiedi li jwaħħal il-logo fuq 100 imballaġġ li jikkummerċjalizza, dan b’hekk ikollu jħallas id-drittijiet ikkalkulati fuq din il-bażi – u dan anki jekk konkretement 50 imballaġġ biss jitpoġġew fis-sistema DSD – peress li DSD tkun potenzjalment obbligata tiġbor u tirkupra 100 imballaġġ li għandu fuqu l-logo Der Grüne Punkt li jkunu ġew fdati lilha b’applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv. L-ammont ta’ drittijiet imħallsa bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo jkun jiddependi minn numru ta’ imballaġġi li jkollhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt.

126    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi jista’ jikkombina s-sistema DSD ma’ sistema kollettiva oħra jew ma’ sistema individwali b’mod partikolari sabiex jevita li jħallas għal servizz li mhuwiex assigurat b’mod konkret mis-sistema DSD (ara l-punt 46 aktar ’il fuq). Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tgħid li dan il-manifattur jew distributur għandu wkoll – qabel ma jagħti l-prodott lill-konsumatur finali – jagħmel distinzjoni bejn l-imballaġġi li għalihom jagħmel użu mis-sistema DSD minn dawk li għalihom jagħmel użu minn sistema oħra. Sabiex jerġa jingħata l-eżempju ta’ qabel, dan ikun ifisser li, fil-konfront tan-nofs l-ieħor tal-100 imballaġġ ikkummerċjalizzat, il-manifattur jew id-distributur ikollu juri l-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva differenti mis-sistema DSD permezz ta’ avviż fuq l-imballaġġ jew kull miżura oħra xierqa jew jiżgura, fil-każ ta’ użu ta’ sistema individwali, li d-distributur jinforma lill-konsumatur finali bil-possibbiltà tar-restituzzjoni ta’ l-imballaġġ fil-punt tal-bejgħ. F’kull każ, ir-rikorrenti tqis li l-logo Der Grüne Punkt ma jistax jitwaħħal fuq il-50 imballaġġ li għalihom dan il-manifattur ma jgħamilx użu mis-sistema DSD.

127    Skond l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, il-logo Der Grüne Punkt huwa esklużiv u ma jistax jintuża b’mod konġunt ma’ indikazzjoni oħra li tkun kapaċi tidentifika sistema kompetitriċi tas-sistema DSD. L-imballaġġi mmarkati bil-logo Der Grüne Punkt jaqgħu b’mod esklużiv taħt is-sistema tagħha u ma jistgħux jiġu kkunsidrati minn sistema oħra.

128    In sostenn ta’ din l-argumentazzjoni u sabiex tikkontesta l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssemmi kemm il-mod li biħ tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni (ara l-punt 93), li tista’ ssir abbażi ta’ l-immarkar esklużiv ta’ l-imballaġġi skond is-sistema użata (ara l-punt 95), kif ukoll id-Digriet Leġiżlattiv (ara l-punti 98 sa 101), il-liġi tat-trade marks (ara l-punti 103 sa 113) u n-neċessitajiet relattivi għat-tħaddim tas-sistema DSD (ara l-punti 115 u 116), li jimponu l-immarkar esklużiv imsemmi fil-każ ta’ l-użu tas-sistema DSD.

 iii) Fuq il-mod ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta

129    L-evalwazzjoni ta’ l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tobbliga lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika l-premessi tagħha. B’mod partikolari huwa importanti li jiġi stabbilit jekk, kif tgħid ir-rikorrenti, il-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi jittrasferix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jiġi mmarkat fuqhom il-logo Der Grüne Punkt u jekk, kif tikkontesta r-rikorrenti, l-imballaġġi fdati lil DSD jistgħux fl-istess ħin jaqgħu taħt sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru differenti mis-sistema DSD.

130    Waqt is-seduta, lill-partijiet sarulhom mistoqsijiet fuq il-metodi ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta bl-iskop li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ ssir taf x’kien ir-rwol ta’ l-imballaġġ bħala tali u, b’mod partikolari, ta’ l-imballaġġ li għandhu fuqu l-logo Der Grüne Punkt, fit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru imposti mid-Digriet Leġiżlattiv. Din l-evalwazzjoni kontradittorja tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza tasal għall-konklużjonijiet segwenti

131    Fl-ewwel lok, għandu jingħad li r-rati ta’ rkupru stabbiliti fl-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Ġermaniż fuq l-imballaġġi huma kkalkulati f’perċentwali tal-massa ta’ materjal ikkummerċjalizzat li ġie effettivament miġbur u rkuprat u mhux skond in-numru jew it-tip ta’ imballaġġi kkonċernati, kemm jekk għandhom logo li jidentifika sistema kollettiva jew le. Il-punt 1(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv b’hekk jgħid li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti relattivi għall-irkupru ta’ l-imballaġġi li kkummerċjalizzaw u li l-istess jgħodd għall-operaturi tas-sistemi kollettivi fir-rigward ta’ l-imballaġġi li għalihom il-manifatturi jew id-distributuri japperteċipaw f’sistemi bħal dawn. Fir-rigward, huwa stabbilit fil-punt 1(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv li l-kwantitajiet ta’ imballaġġ rilevanti huma ddeterminati “f’perċentwali tal-massa”; kemm jekk huma imballaġġi kkummerċjalizzati mill-manifattur jew mid-distributur jew minn dawk li għalihom il-manifattur jew id-distributur jipparteċipaw f’sistema kollettiva. Barra minn hekk, sa mill-1 ta’ Jannar 2000, is-sistemi individwali u s-sistemi kollettivi huma suġġetti għall-istess rata ta’ rkupru skond il-materjal (premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fit-tieni lok, minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni tal-manifattur jew tad-distributur ta’ l-imballaġġi li jqassam il-kwantitajiet ta’ imballaġġi bejn sistemi differenti ma tirrigwardax kwantitajiet ta’ imballaġġi prestabbiliti, iżda tirrigwarda l-masses ta’ materjal li jikkorrispondu għal dawn l-imballaġġi. Fil-prattika, dan ifisser li, meta manifattur ta’ l-imballaġġi jiddeċiedi li jafda l-ġbir u l-irkupru ta’ nofs l-imballaġġi magħmula mill-plastik li jikkummerċjalizza fil-Ġermanja lil DSD, din tkun qed tingħata r-responsabbiltà li tiġbor u tirkupra kwantità ta’ materjal korrispondenti għal nofs dawn l-imballaġġi. Għaldaqstant, sabiex tirrispetta r-rati ta’ rkupru stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv, DSD għandha turi lill-awtoritajiet Ġermaniżi li ssuġġettat għall-irkupru 60 % tal-massa ta’ plastik li ġiet inkarigata lilha minn dan il-manifattur (fejn 60 % hija r-rata ta’ rkupru applikabbli għall-plastik). Bl-istess mod, jekk il-manifattur jista’ juri li ttrasferixxa fuq DSD l-obbligu ta’ ġbir u ta’ rkupru tiegħu fir-rigward tan-nofs tal-kwantità ta’ plastik ikkummerċjalizzat, ikollu barra minn hekk jipprova li huwa ġabar u rkupra l-kwantità ta’ materjal li fadal, li tikkorrispondi għan-nofs l-ieħor, bl-użi ta’ sistema individwali jew ta’ sistema kollettiva oħra.

133    Fit-tielet lok, mill-mument meta tintlaħaq ir-rata ta’ rkupru stabbilita fid-Digriet Leġiżlattiv u jseħħ it-tqassim tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi bejn is-sistemi abbażi tal-masses ta’ materjal ikkonċernat u mhux skond l-imballaġġi bħala tali, kemm jekk ikollhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt jew le, dan ma jkollux ir-rwol u l-importanza mogħti lilu mir-rikorrenti. B’hekk, manifattur jew distributur ta’ imballaġġi li jiddeċiedi li jittrasferixxi l-ġbir u l-irkupru ta’ parti mill-imballaġġi li jikkummerċjalizza fil-Ġermanja lil DSD u li jiżgura huwa stess il-ġbir u l-irkupru tal-parti l-oħra ta’ l-imballaġġi tiegħu, kemm permezz ta’ sistema individwali, kif ukoll billi jinkariga lil sistema kollettiva oħra, ikollu biss iqassam il-kwantitajiet ta’ materjali bejn is-sistemi differenti kkonċernati mingħajr ma joqgħod jiddefinixxi l-aġir tal-konsumatur finali b’mod konkret, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti.

134    Meta jittieħed l-eżempju konkret ta’ stabbiliment ta’ fast food, imsemmi waqt is-seduta, dan ikun ifisser li, meta l-konsumatur finali jixtri sandwich li jkun mibjugħ f’imballaġġ li jkun intiż li jżomm is-sħana, dan il-konsumatur jista’ liberament jiddeċiedi li jiekol il-prodott fil-post u li jpoġġi l-imballaġġ fil-kontenituri li jkunu mpoġġija fil-post mill-istabbiliment ta’ fast food fil-kuntest tas-sistema individwali tiegħu, jew li jieħu dan il-prodott għandu biex b’hekk ipoġġi l-imballaġġ fl-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ DSD mpoġġija fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu. Għaldaqstant, dan l-imballaġġ jista’ jingħata fiż-żewġ sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru proposti mill-istabbiliment ta’ fast food sabiex jaqdi l-obbligi stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv.

135    Kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti (ara l-punt 112), il-fatt li l-imballaġġ in kwistjoni eventwalment ikollu fuqu l-logo Der Grüne Punkt, filwaqt li jkun jista’ wkoll jinġabar u jiġi rkuprat minn sistema oħra, ma jfixkilx it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD, peress li dak li huwa importanti fir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi, huwa li jiġi ggarantit li l-kwantitajiet ta’ materjal li tpoġġa fis-suq li għandu jiġi rkuprat ikunu effettivament miġbur u rkuprat sabiex jintlaħqu r-rati stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv. Kif intqal aktar ’il fuq, għas-sistema DSD, l-ilħuq ta’ dawn ir-rati ma jiddependix mill-fatt jekk l-imballaġġ in kwistjoni għandux fuqu l-logo Der Grüne Punkt jew le.

136    Barra minn hekk, fil-każ fejn l-istabbiliment ta’ fast food jikkummerċjalizza 100 tunnellata ta’ plastik f’sena partikolari, u fejn ikun jaf, skond ir-riżultati tas-sena ta’ qabel, li 50 minn dawn il-100 tunnellata kienu jinsabu fis-sistema individwali tiegħu stess, dan ikollu jagħmel użu minn sistema kollettiva sabiex juri li l-50 tunnellata l-oħra ta’ plastik imqiegħeda fis-suq ser ikunu miġbura u rkuprati skond l-obbligi tad-Digriet Leġiżlattiv. Jekk l-aġir tal-klijenti ta’ dan l-istabbiliment ta’ fast food huwa konformi ma’ dan it-tqassim ta’ kwantitajiet, jiġifieri 50 tunnellata ta’ plastik għandu jinġabar u jiġi rkuprat permezz ta’ l-użu tas-sistema individwali filwaqt li l-50 tunnellata l-oħra ta’ plastik għandu jinġabar u jiġi rkuprat permezz ta’ l-użu ta’ sistema kollettiva, ir-rati ta’ rkupru tas-sistemi differenti in kwistjoni jkunu ntlaħqu.

137    Madankollu, jekk l-aġir tal-klijenti ta’ dan l-istabbiliment mhuwiex konformi mat-tqassim tal-kwantitajiet imbassar, ikollhom jitħaddmu mekkaniżmi ta’ korrezzjoni sabiex tiġi kkunsidrata din ir-realtà. Bħala eżempju, jekk ikun hemm biss 10 tunnellati ta’ plastik li jitpoġġew fis-sistema individwali, l-istabbiliment ta’ fast food ikollu jixtri l-40 tunnellata nieqsa ta’ plastik mingħand sistemi li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ surplus preċiżament minħabba li ġabru u rkupraw 40 tunnellata ta’ plastik żejjed. Bl-istess mod, jekk 90 tunnellata ta’ plastik jitpoġġew fis-sistema individwali, l-istabbiliment ta’ fast food ikun jista’ jitlob il-ħlas lura tad-drittijiet li jkun ħallas lis-sistema kollettiva kkonċernata, kemm-il darba dan l-istabbiliment juri li jkun ġabar u rkupra 40 mill-50 tunnellata li gew inkarigati lilha. Dawn il-possibilitajiet ta’ korrezzjoni jippermettu li jiġi ggarantit li kull sistema tissodisfa l-obbligi stabbiliti mid-Digriet Leġiżlattiv billi jiġu mħallsa skond is-servizz li jkun effettivament ipprovdut.

138    Dawn il-possibilitajiet ta’ korrezzjoni tal-kwantitajiet ta’ materjal attribwiti kuntrattwalment skond riżultati konkreti ta’ ġbir u ta’ rkupru jeżistu wkoll fil-każ fejn manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li juża żewġ sistemi kollettivi jew aktar, bħas-sistema DSD u s-sistema Landbell. Barra minn hekk, b’mod inċidentali, għandu jingħad li dawn il-possibilitajiet ta’ korrezzjoni ġew ikkonkretizzati fi ftehim ta’ kumpens, imsemmi waqt is-seduta, li jippermetti lill-amministraturi tas-sistemi diversi jaqsmu l-kwantitajiet ta’ materjal irkuprat mill-impriżi ta’ ġbir li jgħamlu użu tagħhom fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ materjal li għalihom huma responsabbli skond il-kuntratti ffirmati mal-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi.

139    Konsegwentement, minn dak li ntqal jirriżulta li l-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il-manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil-Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l-intenzjoni li jafda lis-sistema DSD bil-ġbir u l-irkupru. Għaldaqstant huwa possibbli għal manifattur jew għal distributur ta’ imballaġġi li jagħmel użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonforma ruħu mar-rati ta’ rkupru stabbiliti mid-Digriet Leġiżlattiv.

 iv) Fuq l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata

140    Din il-preżentazzjoni tal-metodi prattiċi ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta tippermetti li tiġi evalwata l-portata ta’ l-ilmenti tar-rikorrenti relattivi għall-analiżi spjegata fid-deċiżjoni kkontestata.

141    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li huma biss id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt għall-użu tal-logo dwar id-drittijiet li huma kkwalifikati bħala abbużivi mid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt). Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkritikax il-fatt li l-Artikolu 3(1) tal-kuntratt timponi fuq il-manifattur jew id-distributur li jixtieq juża s-sistema DSD li jwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq kull imballaġġ mogħti jew intiż għall-konsum intern. Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa abbużiv l-aġir ta’ DSD li jikkonsisti fl-eżiġenza tal-ħlas ta’ drittijiet għat-totalità ta’ l-imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo msemmi meta tkun ingħatat prova li xi wħud minn dawn l-imballaġġi ġew miġbura u rkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.

–       Fuq in-nuqqas tal-ħtieġa li jitwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi kollha fil-każ ta’ użu ta’ sistema mħallta minħabba l-possibbiltà li jintuża tikkettar selettiv skond is-sistema użata

142    Fl-ewwel lok, rigward l-argument tar-rikorrenti li mhuwiex neċessarju li l-logo Der Grüne Punkt jidher fuq l-imballaġġ fil-każ ta’ użu ta’ sistema mħallta, fid-dawl tal-possibbiltà li titwaħħal it-trade mark Der Grüne Punkt jew le fuq l-imballaġġi skond is-sistema li tgħamel użu minnha, jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-ebda dispożizzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv ma timponi tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi.

143    Barra minn hekk, kif intqal fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 103 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi skond is-sistema użata jkollu l-konsegwenza li joħloq spejjeż sinjifikattivament żejda għall-manifatturi u d-distributuri li jixtiequ jikkummerċjalizzaw imballaġġ uniformi fl-Ewropa jew jirrikorru għal sistemi mħallta minħabba n-neċessità li jsir intervent fl-istadju tal-linja ta’ l-imballaġġi u li tiġi kkontrollata l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom sa l-istadju ta’ l-għoti lill-konsumatur finali. Barra minn hekk, hemm riskju li dawn l-isforzi jkunu għalxejn, fid-dawl tal-fatt li huwa l-konsumatur finali u mhux il-manifattur jew id-distributur li jiddeċiedi l-post tal-ġbir u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġ. F’kull każ, fl-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-tikkettar selettiv għandu l-effett li jiddisswadi lill-manifatturi u lid-distributuri ta’ l-imballaġġi milli jgħamlu użu minn sistemi differenti mis-sistema DSD, liema ħaġa tikkostitwixxi preċiżament wieħed mill-effetti ta’ l-aġir ta’ DSD ikkwalifikat bħala abbużiv fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-eżempji ta’ tikkettar selettiv imsemmija mir-rikorrenti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jirrigwardaw setturi li għalihom parti mill-imballaġġi in kwistjoni, dik intiża għal klijenti professjonisti, tinsab barra mill-kamp ta’ intervent tar-rikorrenti, li tieħu ħsieb l-imballaġġi intiżi għall-konsumaturi finali.

145    Għaldaqstant, għandu jingħad li s-soluzzjoni tat-tikkettar selettiv, issuġġerita mir-rikorrenti, mhijiex imposta fid-Digriet Leġiżlattiv u ma tippermettix li jitwaqqaf l-abbuż ikkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

146    Fit-tieni lok, rigward l-argumenti tar-rikorrenti li l-kompetizzjoni mhijiex eliminata mill-imġiba kkontestata ta’ DSD peress li l-kwantitajiet ta’ imballaġġi attribwiti mas-sistemi individwali żiedu b’60 % bejn l-1997 u l-2000 u li xi klijenti ta’ DSD qalbu mis-sistema tagħha għal sistema kollettiva oħra (ara l-punt 95 aktar ’il fuq), għandu jingħad li din l-informazzjoni ma tikkunsidrax il-każ ta’ sistemi mħallta li jużaw, f’parti s-sistema DSD u f’parti sistema kollettiva oħra jew sistema individwali.

147    Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tal-kwantitajiet attribwiti lis-sistemi individwali msemmija mir-rikorrenti ma tidhirx determinanti meta mqabbla ma’ l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta, peress li numru żgħir ħafna ta’ imballaġġi kienu effettivament meħuda minn sistemi individwali fl-1997 u li kienu biss 333,000 tunnellata li nġabru minn sistemi individwali fl-2000, jiġifieri 6 % biss mill-5,5 miljun tunnellata miġbura mis-sistema DSD f’dik is-sena.

148    F’kull każ, din l-informazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tan-natura abbużiva skond l-Artikolu 82 KE, ta’ l-aġir ta’ DSD li jikkonsisti fl-eżiġenza li jitħallsu d-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, peress li ngħatat prova li xi wħud minn dawn l-imballaġġi kienu nġabru u ġew irkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.

149    Għaldaqstant, l-argument dwar l-iżvilupp tas-sistemi individwali u tat-tluq ta’ xi klijenti tas-sistema DSD lejn sistema kollettiva oħra għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv

150    Fit-tielet lok, rigward il-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv billi jiġi permess lir-rikorrenti timponi li l-imballaġġi li huma fdati lis-sistema DSD ikollhom fuqhom esklużivament il-logo Der Grüne Punkt (ara l-punti 98 sa 101 aktar ’il fuq), jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-metodi ta’ prattika tat-tħaddim tas-sistemi mħallta li esklużività bħal din mhijiex imposta fid-Digriet Leġiżlattiv fil-każ ta’ użu ta’ sistemi mħallta. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-metodi prattiċi jippermettu li jiġi stabbilit li l-logo mgħandux l-importanza li tagħtih ir-rikorrenti, peress li r-rati ta’ rkupru li għandhom jintlaħqu sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv huma kkalkulati skond il-materjal miġbur u mhux skond it-trade mark imwaħħla fuq l-imballaġġi.

151    F’dan ir-rigward, dwar id-determinazzjoni tar-rwol tal-konsumatur finali, huwa importanti li jigħad li r-rikorrenti taqbel li tirrikonoxxi li huwa possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza ex ante jekk imballaġġ konkret huwiex effittivament mormi permezz tas-sistema DSD. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkontesta li, b’risposta għal mistoqsija tal-Kummissjoni li xtaqet tkun taf jekk kienx minnu li “wara d-dħul fis-seħħ tad-digriet fuq l-imballaġġi, il-konsumatur huwa liberu li jgħażel jekk iħallix l-imballaġġ fil-ħanut jew jekk jirritornaħx lura hemm, jew jekk jissuġġettahx għal rimi fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu”, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew li “id-Digriet Leġiżlattiv ma fiħ l-ebda indikazzjonijiet← preċiżi← li jobbligaw lill-konsumatur finali għar-restituzzjoni” u li “is-suppożizzjoni li tinsab fil-mistoqsija tal-Kummissjoni hija għaldaqstant korretta” (ara l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, premessa 20, nota nru 9 [8 fil-verżjoni bil-Franċiż]). Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-kunċett ta’ “rimi fil-viċinanzi tar-residenza” jipprevedi r-rimi permezz ta’ l-użu tas-sistema pubblika tar-rimi ta’ l-iskart u mhux l-użu ta’ sistema kollettiva, peress li jidher ċar mit-titolu tal-mistoqsija nru 1 magħmula mill-Kummissjoni, li tirrigwarda l-mezzi ta’ osservanza tar-rati ta’ rkupru stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv, u tal-kontenut ta’ l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi b’risposta għall-mistoqsija Nru 1.a, li tgħid li l-ġbir fil-viċinanzi tal-konsumatur finali jsir permezz ta’ l-użu ta’ sistema kollettiva, li dan il-kunċett jirreferi għal-sistema kollettiva skond l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv.

152    Konsegwentement, l-ebda argument ippreżentat mir-rikorrenti ma jippermetti li titqiegħed f’dubju d-deċiżjoni kkontestata safejn fiha jingħad li d-Digriet Leġiżlattiv iħalli lill-konsumatur finali l-liberta li jiddeċiedi lil liema sistema jieħu lura l-imballaġġ fil-każ ta’ sistema mħallta (premessi 138, 141 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi indikat lill-konsumatur li imballaġġ jista’ jinġabar u rkuprat minn numru ta’ sistemi, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 141 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-metodi differenti ta’ reklamar stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv – jiġifieri t-tikkettar jew kull mezz ieħor xieraq għas-sistemi kollettivi (punt 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv) u l-avviż tal-possibbiltà tar-restituzzjoni ta’ l-imballaġġ fil-punt tal-bejgħ għas-sistemi individwali (Artikolu 6(1)(3) tad-Digriet Leġiżlattiv) – jippermettu li l-konsumatur finali jiġi infurmat bil-possibilitajiet differenti ta’ restituzzjoni proposti għall-imballaġġ in kwistjoni mingħajr ma tikkonferma l-argument tar-rikorrenti li t-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq imballaġġ ikollu l-effett li jimpedixxi l-ġbir u l-irkupru minn sistema differenti mis-sistema DSD.

154    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fid-Digriet Leġiżlattiv mhuwiex stabbilit li l-logo Der Grüne Punkt ma jistax jidher fuq l-imballaġġi miġbura fil-kuntest ta’ sistema kollettiva kompetitriċi jew ta’ sistema individwali kemm-il darba dawn ikunu jirrispettaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet imposti fid-Digriet Leġiżlattiv sabiex tiġi identifikata s-sistema użata flimkien mas-sistema DSD. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkunu kumulattiv u l-istess imballaġġ għaldaqstant jista’ jaqa’ taħt diversi sistemi fl-istess ħin. Huwa f’dan is-sens li l-Kummissjoni tinterpreta, ġustament, il-kontenut ta’ l-obbligu ta’ trasparenza ddefinit mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-osservazzjonijiet tagħhom, li għandu jiġi ddefinit b’mod ċar, liema huma l-imballaġġi suġġetti għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu (ara l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, risposta għall-mistoqsija 2.a, l-aħħar frażi; deċiżjoni, premessi 20, 141 u 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Għaldaqstant, l-argumenti relattivi għan-neċessità li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq il-ġustifikazzjonijiet relattivi għal-liġi tat-trade marks

156    Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-liġi tat-trade marks (ara l-punti 103 sa 113 aktar ’il fuq) għandu jingħad li l-fatt li l-logo Der Grüne Punkt u l-indikazzjoni ta’ “metodu xieraq” li jindika lil sistema kollettiva oħra skond il-punt 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv, ikunu jidhru fuq l-istess imballaġġ, fil-każ ta’ użu konġunt ta żewġ sistemi kollettivi, u l-fatt li fuq l-istess imballaġġ jidhru l-logo Der Grüne Punkt u l-indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ restituzzjoni fil-ħanut, fil-każ ta’ użu konġunt tas-sistema DSD u ta’ sistema individwali, ma jiksirx il-funzjoni essenzjali tat-trade mark ta’ DSD (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Volvo, 238/87, Ġabra p. 6211, punt 9, u Magill, iċċitata aktar ’il fuq, punti 49 u 50 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Micro Leader vs Il-Kummissjoni, T‑198/98, Ġabra p. II‑3989, punt 56). Fil-fatt, hekk kif intqal fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minn sentenza tal-Kammergericht Berlin ta’ l-14 ta’ Ġunju 1994, li din it-trade mark “sempliċement tavża, għas-servizz ikkonċernat, li l-prodott li fuqu tidher jista’ jintrema permezz tas-sistema DSD” mingħajr ma tagħti indikazzjoni fuq il-kwalità tas-servizz propost (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fil-każ ta’ attribuzzjoni ta’ parti mill-imballaġġi lil kompetitur ta’ DSD, il-konsumatur jista’ jagħżel jekk jirkuprax l-imballaġġ permezz tas-sistema DSD jew permezz tas-sistema kompetitriċi.

157    B’hekk, filwaqt li l-funzjoni tal-logo Der Grüne Punkt hi dik li tidentifika l-possibbiltà tar-rimi ta’ l-imballaġġ in kwistjoni permezz tas-sistema DSD u li dan il-logo jista’ jitwaħħal flimkien ma sinjali oħra jew mekkaniżmi oħra li jippermettu li tiġi identifikata possibbiltà oħra ta’ rimi permezz ta’ sistema individwali jew ta’ sistema kollettiva kompetitriċi, ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur mhux proporzjonat tal-liġi tat-trade marks jew, f’kull każ, ksur mhux ġustifikat minn neċessità li jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82 KE.

158    F’dan ir-rigward, l-ilment magħmul mir-rikorrenti fuq l-użu li sar, fid-deċiżjoni kkontestata, tas-sentenza tal-Kammergericht Berlin (ara l-punt 109 aktar ’il fuq) mhuwiex rilevanti. Dan l-ilment isemmi biss l-kuntest partikolari li fih iseħħ is-sentenza, li fiha l-Kammergericht Berlin jiċħad l-idea li l-logo Der Grüne Punkt jista’ jagħti indikazzjonijiet fuq il-kwalità tas-servizz tar-rimi ta’ l-iskart, mingħajr b’hekk ma jpoġġi fid-dubju l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li diversi indikazzjonijiet li jinfurmaw lill-konsumatur fuq l-aġir li għandu jsir fir-rigward tas-sistemi differenti kapaċi li jiġbru u li jirkupraw il-prodott jistgħu jidhru fuq l-istess imballaġġ. B’hekk, l-eżempju msemmi aktar ’il fuq ta’ l-istabbiliment tal-fast food juri t-tifsira konkreta tat-trade mark Der Grüne Punkt meta din titwaħħal fuq imballaġġ li l-ġbir u l-irkupru tiegħu jaqgħu taħt sistema oħra wkoll.

159    Fir-rigward ta’ l-argumenti dwar l-inkjesti ta’ opinjoni ppreżentati mir-rikorrenti (ara l-punt 110 aktar ’il fuq), għandu jingħad li r-riżultati ta’ dawn l-inkjesti ma jpoġġux fid-dubju r-raġunament imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa loġiku li l-konsumaturi jidentifikaw il-logo Der Grüne Punkt imwaħħal fuq l-imballaġġi bħala indikazzjoni li dan jista’ jiġi rritornat fl-installazzjonijiet tal-ġbir li jinsabu fil-viċinanzi tar-residenza tagħhom. Madankollu, dan ma jippermettix li jkunu magħrufa r-reazzjonijiet ta’ dawn il-konsumaturi fil-preżenza ta’ imballaġġ li fuqu hemm imwaħħla diversi logos li jidentifikaw lil sistemi kollettivi. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti juru, f’dan ir-rigward, dak li kien ġie kkonfermat waqt is-seduta, jiġifieri li l-installazzjonijiet tal-ġbir użati minn dawn is-sistemi huma ġeneralment l-istess u li, ħafna drabi, il-konsumatur jiddepożita l-imballaġġi f’dawn l-installazzjonijiet skond il-materjal użat u mhux skond il-logo li jidher fuq l-imballaġġi. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ każ fejn hemm sistema mħallta li tinkludi s-sistema DSD u sistema individwali, l-indikazzjoni li 48,4 % tal-konsumaturi ma jifmhux l-indikazzjonijiet kontradittorji li jirrigwardaw lil dawn iż-żewġ sistemi ma tidhirx rilevanti meta jiġi kkunsidrat il-fatt li dawn jindikaw biss il-libertà ta’ l-għażla offerta lill-konsumatur fil-każ ta’ sistema mħallta u li, għaldaqstant, dan ma jistgħux joħolqu kontradizzjonijiet, kif juri l-eżempju ta’ l-istabbiliment tal-fast food eżaminat aktar ’il fuq.

160    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-argument dwar it-tqarriq fir-rigward tal-pubbliku mit-trade mark ma jistax jirnexxi (ara l-punt 111 aktar ’il fuq), peress li l-kuntratt għall-użu tal-logo jirrigwarda biss lil min juża l-logo msemmi, jiġifieri l-manifatturi u d-distributuri ta’ l-imballaġġi li jgħamlu użu mis-sistema DSD, u mhux il-konsumaturi.

161    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-aċċettazzjoni ta’ l-esklużività asserita mir-rikorrenti jkollha biss l-effett li timpedixxi lill-manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi milli jużaw sistemi mħallta u milli tingħata l-possibbiltà, għar-rikorrenti, li titħallas għal servizz li għalih dawk interessati wrew li dan ma ġiex ipprovdut konkretament peress li jkun ġie fdat lil sistema kollettiva oħra jew lil sistema individwali skond il-metodi stabbiliti fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata.

162    B’hekk, l-argumenti relattivi għal-liġi tat-trade marks għandhom jiġu miċħuda, peress li mhemmx ksur tal-funzjoni proprja tat-trade mark Der Grüne Punkt fil-każ ta’ sistemi mħallta.

–       Fuq it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD

163    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argumenti dwar in-neċessità li jiġi rrispettat it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD (ara l-punti 115 u 116 aktar ’il fuq), minn dak li ntqal aktar ’il fuq jirriżulta li dan mhuwiex imqiegħed f’dubju fil-każ ta’ sistemi mħallta. F’kull każ, in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jistgħux jiġġustifikaw l-imġiba tar-rikorrenti kkaratterizzata fis-sentenzi BäKo tal-Bundesgerichtshof u Hertzel ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf, iċċitati mill-Kummissjoni (ara l-punti 116 u 118 aktar ’il fuq), id-diversi lmenti ppreżentati lill-Kummissjoni (premessi 3 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata), u r-raġunament ippreżentat inizjalment minn DSD fl-appell tagħha (ara l-punt 115 aktar ’il fuq), li jikkonsisti fl-eżiġenzi tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, filwaqt li fl-istess ħin tingħata prova li xi wħud minn dawn l-imballaġġi nġabru u ġew rkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.

 v) Konklużjoni

164    Minn dak li ntqal jirriżulta li, skond dak li ntqal fid-deċiżjoni kkontestata, la d-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi, la l-liġi tat-trade marks u lanqas in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jawtorizzaw lir-rikorrenti li teżiġi mingħand l-impriżi li jgħamlu użu mis-sistema tagħha l-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, meta dawn l-impriżi jipprovaw li huma ma jgħamlux użu mis-sistema DSD għal parti minn dawn l-imballaġġi jew l-imballaġġi kollha.

165    Konsegwentement, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni argument dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

166    Ir-rikorrenti tgħid li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi jtemmu dan il-ksur. Id-deċiżjoni intiża li twaqqaf il-ksur għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u konsegwentement tista’ tordna biss dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwaqqaf il-ksur u sabiex terġa tiġi stabbilita l-legalità fir-rigward tar-regoli li ġew miksura (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1991, ITP vs Il-Kummissjoni, T‑76/89, Ġabra p. II‑575, punt 80, u tat-8 ta’ Ġunju 1995, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, T‑7/93, Ġabra p. II‑1533, punt 209). F’dan il-każ, il-miżuri imposti mill-Artikoli 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfawx dawn l-eżiġenzi.

a)     Fuq it-tikkettar selettiv

167    Essenzjalment, ir-rikorrenti tallega li t-tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi skond is-sistema użata hija aktar xierqa mill-obbligu impost fid-deċiżjoni kkontestata.

168    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid li, għall-klijenti ta’ DSD, it-tikkettar selettiv ta’ imballaġġ uniformi (bit-trade mark Der Grüne Punkt jew mingħajrha) ifalli “f’numru mhux żgħir ta’ każijiet minħabba r-realtajiet ekonomiċi” (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-ebda liċenzja obbligatorja ma għandha tiġi imposta fil-każ fejn it-tikkettar selettiv ma jfallix minħabba l-fatt tar-realtajiet ekonomiċi. F’dawn il-każijiet, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jkun, minnu nnifsu, eskluż u l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jkunu mhux proporzjonati.

169    Il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi każijiet fejn l-imballaġġi huma kollha identiċi u li din tesponi r-raġunijiet li għalihom mhuwiex realistiku li jintalab lill-manifatturi jew lid-distributuri ta’ l-imballaġġi li jiddifferenzjaw l-imballaġġi skond is-sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru li jkun sar użu minnhom.

170    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fl-istadju tal-karatterizzazzjoni ta’ l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, id-deċiżjoni kkontestata evalwat l-argumentazzjoni ta’ DSD li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jgħamlu użu mis-sistema tagħha kellhom ikunu kapaċi li jieqfu milli jwaħħlu l-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD. Skond id-deċiżjoni kkontestata, it-tikkettar selettiv ta’ l-imballaġġi, skond is-sistema użata, ma tikkostitwix soluzzjoni xierqa li tippermetti lill-manifatturi u lid-distributuri ta’ l-imballaġġi li jużaw sistema individwali jew sistema kollettiva oħra flimkien mas-sistema DSD. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li dan jimplika ammont ħafna għola ta’ spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni (premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata), li huwa diffiċli, u anki impossibbli li jiġi kkontrollat il-moviment ta’ imballaġġ fis-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata), u li huwa l-konsumatur li jiddeċiedi l-post tar-restituzzjoni fil-każ ta’ l-użu ta’ sistema individwali u ta’ sistema kollettiva (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi inkluż l-estratt tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitat mir-rikorrenti, li r-rinunzja li jitwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD “ifallu f’numru mhux żgħir ta’ każijiet minħabba r-realtajiet ekonomiċi” (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    Għaldaqstant, minn din l-evalwazzjoni ma jistax jitqies li l-miżuri imposti fl-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex proporzjonati. Fil-fatt, dawn il-miżuri sempliċement jobbligaw lil DSD ma tirċevix drittijiet fuq l-imballaġġi kollha mmarkati bil-logo Der Grüne Punkt meta jiġi pprovat li parti minn dawn l-imballaġġi ġiet miġbura u rkuprata permezz ta’ sistema oħra. Kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-metodi ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta, magħmula fil-kuntest ta’ l-ewwel argument (ara l-punti 131 sa 138 aktar ’il fuq), il-kompetittività bejn is-sistemi ssir abbażi tal-kwantitajiet ta’ materjal li għandu jiġi rkuprat u mhux abbażi tal-kwantitajiet predefiniti ta’ imballaġġi li jaqgħu b’mod esklużiv taħt – partikolarment bl-użu ta’ tikkettar selettiv – sistema jew oħra li jsir użu minnha. Barra minn hekk, il-miżuri in kwistjoni ma jmorrux b’mod mhux proporzjonat kontra l-interessi ta’ DSD, peress li din tibqa’ mħallsa għas-servizz li tassigura l-provvista tagħha, jiġifieri l-ġbir u l-irkupru tal-kwantitajiet ta’ materjal inkarigat mill-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema tagħha.

173    B’hekk, il-fatt li fit-teorija jista’ jkun possibbli li l-logo jitwaħħal b’mod selettiv fuq l-imballaġġi, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jwassal għall-annullament tal-miżuri ċċitati aktar ’il fuq, peress li għall-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi din is-soluzzjoni tiswa aktar sabiex titħaddem mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, liema miżuri huma intiżi biss sabiex jillimitaw il-ħlas tas-servizz propost minn DSD għas-servizz effettivament ipprovdut mis-sistema tagħha.

174    Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat il-prinċipju tat-tikkettar selettiv ikun ifisser li l-Kummissjoni jkollha tippermetti lil DSD tkompli tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha, b’mod li l-ispejjeż marbuta ma’ din is-soluzzjoni u d-diffikultajiet prattiċi tat-tħaddim tagħha jirriskjaw li jżommu lil klijenti ta’ DSD milli jgħamlu użu minn sistema differenti mis-sistema DSD biex jiġbru u jirkupraw fil-Ġermanja parti mill-imballaġġi (każijiet nru 1 u 2) jew l-imballaġġi kollha tagħhom (każ nru 3).

175    Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq l-impożizzjoni ta’ liċenzja obbligatorja mingħajr restrizzjoni fiż-żmien

176    Ir-rikorrenti tgħid li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex proporzjonati għaliex jobbligawha tagħti liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt lil terzi persuni mingħajr restrizzjoni fiż-żmien, u dan anki fil-każ tan-non parteċipazzjoni fis-sistema DSD, filwaqt li l-unika motivazzjoni mogħtija fuq dan il-punt hija bbażata fuq il-fatt li d-dħul fis-suq ikun magħmul ħafna aktar diffiċli minħabba d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt (ara l-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, liċenzja obbligatorja ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata ħlief għall-perijodu li jikkorrispondi mad-dħul fis-suq tal-kompetituri.

177    Il-Kummissjoni tgħid li l-kompetituri potenzjali tar-rikorrenti jerġgħu jkunu iżolati mis-suq jekk il-klijenti tagħhom jerġgħu jiġu ssuġġettati għall-ħlas tad-drittijiet dovuti lil DSD għall-kwantitajiet imneħħija mis-sistema DSD.

178    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE, id-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li l-aġir ta’ DSD li jikkonsisti fl-eżiġenza tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt kien jikkostitwixxi abbuż ta’ użu u ostaklu għad-dħul (premessi 110 sa 135 u l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata). Skond id-deċiżjoni, id-drittijiet ma jistgħux jintalbu meta l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jużaw is-sistema DSD għal parti biss mill-imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja jipprovaw li ssodisfaw l-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru imposti mid-Digriet Leġiżlattiv permezz ta’ l-użu ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali (każijiet nru 1 u 2). Bl-istess mod, id-drittijiet ma jistgħux jintalbu meta l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li ma jgħamlux użu mis-sistema DSD fil-Ġermanja iżda li jikkummerċjalizzaw f’dan il-pajjiż imballaġġ standard li jikkummerċjalizzaw ukoll fi Stat Membru ieħor li għalih jaderixxu għal sistema li tuża l-logo Der Grüne Punkt juru li jissodisfaw l-obbligi imposti mid-Digriet Leġiżlattiv permezz ta’ l-użu ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistema individwali (każ nru 3).

179    Huwa bil-għan li twaqqaf dan il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE li l-Kummissjoni timponi fuq DSD li tirrispetta l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

180    Għaldaqstant, dawn l-obbligi ma jirrigwardawx lil terzi persuni, iżda lil manifatturi jew distributuri ta’ imballaġġi li huma kemm kontraenti ta’ DSD fil-kuntest tal-kuntratt għall-użu tal-logo (każ ta’ l-Artikolu 3 li jirrigwarda l-każijiet nru 1 u 2), kif ukoll lil min għandu liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt fi Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ sistema ta’ ġbir jew ta’ rkupru li tuża l-logo korrispondenti għal din it-trade mark (każ ta’ l-Artikolu 4(1) li jirrigwarda l-każ nru 3).

181    Bl-istess mod, dawn l-obbligi m’għandhomx l-għan li jimponu liċenzja fuq DSD mingħajr restrizzjoni fiż-żmien għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt, iżda biss li jobbligaw lil DSD li ma tirċevix il-ħlas ta’ drittijiet fuq l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt meta jiġi pprovat li l-imballaġġi kollha jew parti minnhom biss inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistema oħra.

182    Konsegwentement, kemm-il darba l-utenti tal-logo Der Grüne Punkt jagħtu prova li l-kwantitajiet ta’ imballaġġi li għalihom ma jgħamlux użu mis-sistema DSD ikunu ġew effettivament miġbura u rkuprati mis-sistema jew sistemi kollettivi jew individwali li jgħamlu użu minnhom, ir-rikorrenti ma tistax tallega li mhuwiex proporzjonat li tintalab li ma titħallasx għal servizz li hi ma tipprovdix.

183    B’hekk, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq l-obbligu tal-provvista bil-quddiem

184    Ir-rikorrenti tgħid li mill-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-utenti tal-logo jistgħu liberament jirrifjutaw li jħallsu d-drittijiet għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt billi jiddikjaraw li għandhom l-intenzjoni li ma jużawx aktar is-sistema DSD għal parti mill-imballaġġi tagħhom u li ser jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-Digriet Leġiżlattiv permezz ta’ soluzzjoni ta’ rimi individwali. L-Artikolu 5(3) u (7) tad-deċiżjoni kkontestata jimpedixxi lir-rikorrenti milli titlob il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ espert qabel id-data stabbilita fid-digriet (li hi l-1 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara) jew li titlob ġustifikazzjoniiet oħra. Din il-miżura mhijiex proporzjonata u twassal għal tqassim mhux ekwu tar-riskji, safejn ir-rikorrenti jkollha tirrinunzja għall-ħlas bil-quddiem tad-drittijiet u tbiddel dan il-ħlas fi proċedura ta’ preżentazzjoni tal-prova li tingħata sittax-il xhar wara, bir-riskju, matul dan il-perijodu, tan-nuqqas ta’ likwidità tal-klijent tagħha.

185    Il-Kummissjoni tgħid li l-każ li kważi l-imballaġġi kollha ddistribwiti jkunu miġbura mis-sistema ta’ DSD mhuwiex verosimili, minħabba l-obbligi ta’ prova li huma relatati. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “provvista bil-quddiem” mhuwiex preċiż, peress li r-rikorrenti ma tkunx imġiegħla tingħata l-ħlas a posteriori ħlief jekk is-sistemi l-oħra ta’ ġbir ma jilħqux ir-rati stabbiliti. B’hekk, l-impriżi li jipproponu sistemi ta’ ġbir individwali ma jissuġġerux lill-klijenti tagħhom li jaġixxu b’dan il-mod peress li dawn ikunu qed jippruvaw jilħqu r-rata stabbilita għall-kwantità li hija inkarigata lilhom kuntrattwalment bl-iskop li ma jkollhomx l-obbligu li jiksbu liċenzja parzjali a posteriori mingħand kompetitur, jekk ikun il-każ flimkien mal-ħlas ta’ interessi, jekk din ir-rata ma tintlaħaqx.

186    Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-każ imsemmi mir-rikorrenti li xi utenti tal-logo jkunu jistgħu jirrifjutaw li jħallsu d-drittijiet għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt billi jiddikkjaraw li għandhom l-intenzjoni li ma jużawx aktar is-sistema DSD għal parti mill-imballaġġi tagħhom, mhijiex verosimili fil-prattika, fid-dawl tal-fatt li d-digriet jimponi fuq dawn l-utenti li jressqu l-prova li jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ l-imballaġġi kkummerċjalizzati permezz ta’ sistema oħra, u li jekk dan ma jkunx il-każ, dawn l-utenti jkollhom għaldaqstant jixtru l-kwantitajiet nieqsa mingħand is-sistema DSD jekk din is-sistema tkun ġabret il-kwantitajiet ta’ materjal korrispondenti għal dawn l-imballaġġi (ara l-punti 137 u 138 aktar ’il fuq).

187    Barra minn hekk jirriżulta, mill-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li “DSD fl-ebda każ ma tista’ teżiġi li d-dikjarazzjoni tingħata f’data qabel dik stabbilita mid-digriet fuq l-imballaġġi” u mill-Artikolu 5(7) li “l-ebda dispożizzjoni oħra tal-kuntratt għall-użu tal-logo ma tista’ tapplika b’mod li jkollha l-effett li ssaħħaħ ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-elementi ta’ prova li għandha tingħata lil DSD”.

188    Dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-possibbiltà, għall-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi li jagħmel użu minn sistema kollettiva kompetitriċi jew minn sistema individwali għal parti mill-imballaġġi li jikkummerċjalizza, li jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ l-amministratur jew ta’ l-espert indipendenti lil DSD, jew iċ-ċertifikat ta’ awditur, neċessarju sabiex juri li l-obbligi imposti mid-Digriet Leġiżlattiv ġew sodisfatti minn sistema differenti mis-sistema DSD għal kwantità ta’ imballaġġi determinata (ara l-Artikolu 5(1), (2), (4) u (6)).

189    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tallega li dawn il-miżuri mhumiex proporzjonati, peress li dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni huwa validu għas-sistemi kollha, inkluż għas-sistema DSD, u peress li din ma tagħti l-ebda raġunijiet partikolari li jiġġustifikaw li ma jiġix applikat dan il-proċess. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “provvista bil-quddiem” invokat mir-rikorrenti huwa qarrieq, peress li DSD titħallas skond il-kwantitajiet ta’ materjal li jiġu inkarigati lilha mill-klijenti tagħha u li huwa biss fil-każ ta’ problema, jiġifieri jekk is-sistemi ta’ ġbir l-oħra ma jilħqux ir-rati stabbiliti għall-kwantitajiet li ġew inkarigati lilhom, li DSD tkun tista’ titlob li titħallas għall-materjal iż-żejjed.

190    Konsegwentement, dan it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq l-esklużjoni ta’ drittijiet xierqa għall użu tat-trade mark biss

191    Ir-rikorrenti tgħid li, permezz ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tobbligaha ma tirċevix drittijiet sakemm ma jkunx ipprovat li l-obbligi imposti mid-Digriet Leġiżlattiv ikunu sodisfatti minn metodu ieħor. B’hekk, DSD ma jkollhiex id-dritt li titlob il-ħlas ta’ drittijiet mingħand l-utenti tal-logo għas-sempliċi użu tat-trade mark Der Grüne Punkt. Din l-esklużjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li taċċetta l-ħlas ta’ drittijiet raġjonevoli (sentenza Volvo, iċċitata aktar ’il fuq, punt 11).

192    Il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma timponix liċenzja obbligatorja fuq DSD, iżda hija intiża biss sabiex tevita li DSD tirċievi l-ħlas tad-drittijiet meta l-imballaġġ li fuqu hemm imwaħħal il-logo mhuwiex miġbur u rkuprat mis-sistema DSD. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, hekk kif il-kuntratt għall-użu tal-logo ppreżentat minn DSD ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn id-drittijiet dovuti bħala ħlas għall-użu tat-trade mark minn dawk dovuti bħala ħlas għall-użu tas-sistema DSD, id-deċiżjoni ma tgħid xejn dwar il-kwistjoni jekk jistax jintalab il-ħlas tad-drittijiet għas-sempliċi użu tat-trade mark.

193    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-obbligu impost fuq DSD fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, jippermetti lill-manifatturi u d-distributuri li jgħamlu użu mis-sistema tagħha għal parti biss mill-imballaġġi tagħhom li ma jħallsux id-drittijiet lil DSD meta tingħata l-prova li l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt ma jkunux ġew miġbura u rkuprati mis-sistema DSD iżda minn sistema kompetitriċi.

194    Għaldaqstant, anki f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li t-trade mark Der Grüne Punkt imwaħħla fuq l-imballaġġ in kwistjoni jista’ jkollha valur ekonomiku bħala tali, peress li din tippermetti li jiġi indikat lill-konsumatur li l-imballaġġ in kwistjoni jista’ jingħata lis-sistema DSD, kif wara kollox intqal fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, anki jekk l-imballaġġ imsemmi effettivament ma jingħatax lis-sistema DSD u jiġi pprovat li l-ekwivalenti tiegħu f’materjal ġie miġbur u rkuprat minn sistema kompetitriċi, xorta jibqa’ l-fatt li t-trade mark tħalli lill-konsumatur il-possibbiltà li jarmi dan l-imballaġġ permezz tas-sistema DSD. Possibbiltà bħal din offerta lill-konsumatur għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati bil-logo Der Grüne Punkt, kemm jekk ikunu jaqgħhu taħt is-sistema DSD jew le, wara l-verifika tal-kwantitajiet miġbura, hija kapaċi li jkollha prezz, li, anki jekk ma jistax jirrappreżenta l-prezz effettiv tal-prezz tal-ġbir u ta’ l-irkupru kif seta jkun il-każ fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt għall-użu tal-logo, għandhom ikunu jistgħu jitħallsu lil DSD għas-servizz ipprovdut f’dan il-każ, jiġifieri l-provvista tas-sistema tagħha.

195    Wara li ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li din il-kwistjoni ma kinitx ikkunsidrata fid-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni kienet tillimita ruħa għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ l-aġir ta’ DSD fir-rigward tal-ħlas tad-drittijiet għal servizz li għalihom ingħatat il-prova li ma kienx effettwat mis-sistema DSD iżda minn sistema oħra.

196    Konsegwentement, għandu jingħad li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teskludix il-possibbiltà għal DSD li tirċievi l-ħlas ta’ drittijiet adegwati għall-użu biss tat-trade mark fil-każ meta jiġi pprovat li l-imballaġġ li għandu fuqu l-logo Der Grüne Punkt ġie miġbur u rkuprat minn sistema oħra.

e)     Fuq il-possibbiltà li titwaħħal nota ta’ spjegazzjoni

 Argumenti tal-partijiet

197    Ir-rikorrenti tgħid li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex proporzjonat safejn dan iwaqqafha milli teżiġi mingħand l-utenti tal-logo li jwaħħlu nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġi fil-każijiet Nri 1 u 2. Skond DSD, din in-nota ta’ spjegazzjoni, li tista’ titwaħħal mingħajr diffikultajiet kbar mill-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jgħamlu użu mis-sistema tagħha, tippermetti li tnaqqas il-ksur tat-trade mark Der Grüne Punkt li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, in-nota msemmija tkun tista’ tindika lill-konsumatur li, f’ċertu Land jew ieħor, l-imballaġġ ma jipparteċipax fis-sistema DSD iżda f’sistema kollettiva oħra (każ nru 1) jew li, anki jekk l-imballaġġ għandu fuqu t-tikketta bil-logo Der Grüne Punkt, xi punti tal-bejgħ ma jgħamlux użu mis-sistema korrispondenti iżda minn sistema individwali (każ nru 2).

198    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li, skond l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata, hija tista’ teżiġi li l-manifatturi jew distributuri ta’ imballaġġi li ma jużawx is-sistema DSD fil-Ġermanja, iżda li jikkummerċjalizzaw imballaġġ standard fi Stat Membru ieħor li għalih jaderixxu għal sistema ta’ ġbir li tuża l-logo Der Grüne Punkt (każ nru 3), iwaħħlu nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġ sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-fatt li dan l-imballaġġ ma jinġabarx mis-sistema DSD fil-Ġermanja. Skond ir-rikorrenti, din il-miżura ma tkunx proporzjonata, peress li miżura oħra, jiġifieri l-ħabi totali tal-logo Der Grüne Punkt u mhux sempliċement it-twaħħil ta’ nota ta’ spjegazzjoni maġemb l-imsemmi logo, jikkaġuna anqas ħsara lill-funzjoni ta’ l-oriġini tat-trade mark tagħha.

199    Il-Kummissjoni tgħid li, fir-rigward tal-każ nru 1, xejn ma jwassal għall-ħsieb li d-Digriet Leġiżlattiv jipprojbixxi lil sistemi kompetituri milli jużaw l-istess logo. Skond ir-rikorrenti, l-impriżi suġġetti għandhom ibiddlu n-nota ta’ spjegazzjoni fil-każ ta’ kull introduzzjoni ta’ sistema kompetitriċi f’Land ġdid. Għal dan il-għan, ikun hemm bżonn li l-imballaġġi jiġu mibdula b’mod kontinwu, b’mod partikolari fil-fażi tat-tnedija tal-kompetizzjoni. Rigward il-każ nru 2, nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġ tkun impossibbli. Rigward il-każ nru 3, il-Kummissjoni tgħid li, jekk it-trade mark Der Grüne Punkt tibbenifika mill-protezzjoni allegata mir-rikorrenti, il-manifatturi jkollhom jimmanifatturaw imballaġġi differenti għal kull Stat Membru, ħaġa li ma tkunx ekonomikament vijabbli u tkun tikkostitwixxi xkiel għall-kummerċ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

200    Fir-rigward ta’ l-ilment relattiv għall-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li t-twaħħil ta’ noti ta’ spjegazzjoni mixtieq mir-rikorrenti ma jistax ikollu l-effett li jwaqqaf l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkaratterizzat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni. Dawn in-noti ta’ spjegazzjoni fil-fatt huma bbażati fuq l-idea li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, li jaqgħu taħt is-sistema DSD, minn dawk li fuqhom hemm imwaħħal il-logo Der Grüne Punkt iżda li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD u li għaldaqstant għandhom ikunu suġġetti għal nota intiża sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur. Madankollu, kif diġà ntqal (ara l-punti 131 sa 138 aktar ’il fuq), il-metodi ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta mhumiex ibbażati fuq l-identifikazzjoni ta’ l-imballaġġi mill-konsumaturi, li jibqgħu liberi li jiddeċiedu lil liema sistema jagħtu lura l-imballaġġ, iżda fuq l-attribuzzjoni ta’ masses ta’ materjal li għandu jiġi rkuprat.

201    Għaldaqstant, it-twaħħil ta’ noti ta’ spjegazzjoni mixtieq mir-rikorrenti ma jippermettix li jitwaqqaf l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkaratterizzat mill-Kummissjoni fil-każijiet nri 1 u 2.

202    Konsegwentement, għadu jiġi miċħud l-argument relattiv għan-natura mhux proporzjonata ta’ l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata peress li ma jikkunsidrax il-possibbiltà li titwaħħal nota ta’ spjegazzjoni.

203    F’dak li jirrigwarda l-ilment relattiv għall-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li minn din il-miżura jirriżulta li “DSD tista’ tissuġġetta l-eżenzjoni mill-ħlas tad-drittijiet għall-kundizzjoni li, fuq l-imballaġġi kkonċernati [mill-każ nru 3], viċin il-logo [Der Grüne Punkt], tinġibed l-attenzjoni tal-konsumatur finali, permezz ta’ nota f’dan is-sens jew taħt forma xierqa oħra, fuq il-fatt li l-imballaġġ ma jaqax taħt is-sistema mħaddma minn DSD, skond l-Artikolu 6(3) tad-Digriet Leġiżlattiv”. Din id-dispożizzjoni tikkonsisti fis-sempliċi assunzjoni ta’ impenn propost minn DSD fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (premessi 63 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, DSD ma tistax tallega, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, li soluzzjoni differrenti minn dik li hija stess ipproponiet lill-Kummissjoni tikkostitwixxi, minn issa l-quddiem, soluzzjoni aktar xierqa sabiex issolvi l-problema identifikata waqt il-proċedura. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tas-soluzzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti, jiġifieri l-ħabi tal-logo Der Grüne Punkt minflok it-twaħħil ta’ nota ta’ spjegazzjoni viċin il-logo msemmi, tkun tirriżulta f’impożizzjoni fuq il-manifatturi ta’ imballaġġi li jimmanifatturaw tipi differenti ta’ imballaġġi għal kull Stat Membru, ħaġa li ma tkunx ekonomikament raġonevoli.

204    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment relattiv għan-natura mhux proporzjonata ta’ l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan jimponi t-twaħħil ta’ nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġ, filwaqt li kien ikun possibbli li jinħeba l-logo Der Grüne Punkt.

3.     Fuq it-tielet argument dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 86(2) KE u ta’ l-Artikolu 253 KE

a)     Argumenti tal-partijiet

205    Ir-rikorrenti tgħid li l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE huwa eskluż għaliex hija inkarigata minn servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali skond l-Artikolu 86(2) KE, jiġifieri l-amministrazzjoni ta’ l-iskart għal għanijiet ambjentali u, aktar preċiżament, il-ġbir u l-irkupru ta’ l-imballaġġi fit-territorju Ġermaniż kollu inklużi ż-żoni rurali mingħajr profitt (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 1994, Almelo, C‑393/92, Ġabra p. I‑1477, punt 47, u tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C‑209/98, Ġabra p. I‑3743, punti 75 u 76 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II‑229, punt 72). Dan is-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali ġie inkarigat lilha mil-Länder Ġermaniżi minħabba r-rikonoxximent tas-sistema DSD skond l-Artikolu 6(3)(11) tad-Digriet Leġiżlattiv. Id-deċiżjoni kkontestata tfixkel it-twettiq, ta’ kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, ta’ dan is-servizz, peress li din ixxejjen l-effett ta’ sinjal tat-trade mark Der Grüne Punkt u tirriskja li ma tippermettilhiex li tarmi l-iskart fit-territorju kollu. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni imposti fuqha skond l-Artikolu 253 KE, peress li din ma tgħid xejn fir-rigward ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

206    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-affermazzjoni li DSD hija inkarigata minn servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fdat lilha mill-awtoritajiet reġjonali responsabbli mill-iskart, safejn kull operatur ta’ sistema kollettiva jista’ jikseb l-istess awtorizzazzjoni bħal DSD abbażi ta’ l-Artikolu 6(3)(11) tad-Digriet Leġiżlattiv. Barra minn hekk, mid-Digriet Leġiżlattiv jirriżulta li l-leġiżlatur ma riedx jiċħad il-koeżistenza ta’ sistemi individwali u ta’ sistemi kollettivi, flimkien mas-sistema mħaddma mir-rikorrenti. Din il-kompetizzjoni mhijiex riskju, iżda l-għan tad-Digriet Leġiżlattiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

207    Skond l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari għar-regoli li jirreferu għall-kompetizzjoni, kemm-il darba l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq, de jure jew de facto, tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dawk l-impriżi. Dan l-Artikolu jgħid ukoll li l-iżvilupp ta’ l-iskambji mgħandux jintlaqat b’mod li jmur kontra l-interess tal-Komunità.

208    F’dan il-każ, għandu jingħad li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti hija responsabbli minn servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali skond l-Artikolu 86(2) KE, u dan l-istess bħas-sistemi kollettivi kollha maħtura mill-awtoritajiet tal-Länder, xorta jibqa’ l-fatt li r-riskju li din il-funzjoni terġa titqiegħed fid-dubju minħabba d-deċiżjoni kkontestata mhijex ipprovata.

209    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-argument, il-fatt li DSD ma tistax titħallas għal servizz li ġie pprovat li ġie pprovdut minn sistema oħra, bl-ebda mod ma jistabbilixxi li d-deċiżjoni kkontestata tostakola t-twettiq, taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, tas-servizz ta’ ġbir u rkupru inkarigat lis-sistema DSD.

210    B’mod partikolari, mill-punti 156 sa 158 imsemmija aktar ’il fuq, jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma terġax tpoġġi fid-dubju l-funzjoni essenzjali tat-trade mark Der Grüne Punkt fil-kuntest tal-kuntratt għall-użu tal-logo. Bl-istess mod, l-ebda element li jinsab fil-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata tirriskja li ma tippermettix aktar lil DSD li tarmi l-imballaġġi fit-territorju Ġermaniż kollu.

211    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma invokatx il-benefiċċju ta’ l-Artikolu 86(2) KE fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt.

212    Konsegwentement, it-tielet argument għandu jiġi miċħud.

213    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

214    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, ta’ Landbell u ta’ BellandVision, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja, skond it-talbiet tal-Kummissjoni, ta’ Landbell u ta’ BellandVision f’dan is-sens. Peress li Vfw ma għamlet l-ebda talba f’dan is-sens, din għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni, ta’ Landbell AG Rückhol-Systeme u ta’ BellandVision GmbH, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji

3)      Vfw AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Mejju 2007.

Reġistratur

 

       President

Werrej


Il-Kuntest Ġuridiku

A –  Id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ

B –  Is-sistema kollettiva ta’ Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH u l-kuntratt għall-użu tal-logo

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

A –  Id-deċiżjon kkontestata

1.  Fuq il-possibbiltà li jiġu mħallta diversi sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi skond id-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi (is-sistemi mħallta)

2.  Evalwazzjoni relattiva għall-Artikolu 82 KE

3.  Evalwazzjoni relattiva għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17

B –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors safejn jirrigwarda l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq il-preżentazzjoni ta’ argumenti matul il-proċedura

3.  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċerti annessi ppreżentati mir-rikorrenti

a)  Fuq l-annessi ppreparati minn C. Weidemann

b)  Fuq l-inkjesti ta’ opinjoni magħqud mar-replika

C –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel argument li jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

a)  Osservazzjonijiet preliminari fuq it-teżi tal-liċenzja obbligatorja mingħajr ħlas

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Argumenti tal-partijiet relattivi għall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

i) Fuq in-nuqqas tan-neċessità ta’ l-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt għall-parteċipazzjoni f’sistema kompetitriċi tas-sistema DSD

ii) Fuq in-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ liċenzja obbligatorja tat-trade mark Der Grüne Punkt

iii) Fuq id-diversi ġustifikazzjonijiet ta’ l-imġiba ta’ DSD

–  Fuq in-neċessità li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv

–  Fuq il-ġustifikazzjonijiet relattivi għal-liġi tat-trade marks

–  Fuq it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Fuq l-abbuż ikkaratterizzat fid-deċiżjoni kkontestata

ii) Fuq l-esklużivitŕ allegata mir-rikorrenti

iii) Fuq il-mod ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta

iv) Fuq l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq in-nuqqas tal-ħtieġa li jitwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi kollha fil-każ ta’ użu ta’ sistema mħallta minħabba l-possibbiltŕ li jintuża tikkettar selettiv skond is-sistema użata

–  Fuq l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

–  Fuq il-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Digriet Leġiżlattiv

–  Fuq il-ġustifikazzjonijiet relattivi għal-liġi tat-trade marks

–  Fuq it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD

v) Konklużjoni

2.  Fuq it-tieni argument dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a)  Fuq it-tikkettar selettiv

b)  Fuq l-impożizzjoni ta’ liċenzja obbligatorja mingħajr restrizzjoni fiż-żmien

c)  Fuq l-obbligu tal-provvista bil-quddiem

d)  Fuq l-esklużjoni ta’ drittijiet xierqa għall użu tat-trade mark biss

e)  Fuq il-possibbiltà li titwaħħal nota ta’ spjegazzjoni

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tielet argument dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 86(2) KE u ta’ l-Artikolu 253 KE

a)  Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.