Language of document : ECLI:EU:T:2007:155

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Mejju 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja li għandhom il-logo Der Grüne Punkt – Deċiżjoni ta’ eżenzjoni – Obbligi imposti mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-kompetizzjoni – Esklużività mogħtija mill-amministratur tas-sistema lill-impriżi ta’ ġbir użati – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess tal-kompetituri għall-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mill-amministratur tas-sistema – Impenji adottati mill-amministratur tas-sistema”

Fil-kawża T‑289/01,

Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, li qabel kienet Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland AG, stabbilita f’Kolonja (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Deselaers, B. Meyring u E. Wagner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Rating, imbagħad minn P. Oliver, H. Gading u M. Schneider, u fl-aħħar minn W. Mölls u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Landbell AG für Rückhol-systeme, stabbilita f’Mayence (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne u A. Walz, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/837/KE, tas-17 ta’ Settembru 2001, fi proċedura mibdija abbażi ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każijiet COMP/34493 – DSD, COMP/37366 – Hofmann + DSD, COMP/37299 – Edelhoff + DSD, COMP/37291 – Rechmann + DSD, COMP/37288 – ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 – AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 – Feldhaus + DSD, COMP/37254 – Nehlsen + DSD, COMP/37252 – Schönmakers + DSD, COMP/37250 – Altvater + DSD, COMP/37246 – DASS + DSD, COMP/37245 – Scheele + DSD, COMP/37244 – SAK + DSD, COMP/37243 – Fischer + DSD, COMP/37242 – Trienekens + DSD, COMP/37267 – Interseroh + DSD) (ĠU L 319, p. 1), jew sussidjarjament l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, u l-annullament ta’ l-impenn tar-rikorrenti riprodott fil-premessa 72 ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 u tat-12 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ

1        Fit-12 ta’ Ġunju 1991, il-Gvern Ġermaniż adotta l-Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen [digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ (BGBl. 1991 I, p. 1234)], li l-verżjoni riveduta tiegħu – applikabbli fil-kawża preżenti – daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 1998 (aktar ’il quddiem id-“digriet” jew id-“digriet fuq l-imballaġġ”). Dan id-digriet għandu l-għan li jipprevjeni u li jnaqqas l-effetti ta’ l-iskart mill-imballaġġ fuq l-ambjent. Għal dan l-iskop, huwa jobbliga lill-manifatturi u lid-distributuri li jerġgħu jiġbru u jirkupraw l-imballaġġi ta’ bejgħ użati barra mis-sistema pubblika ta’ rimi ta’ l-iskart.

2        Skond l-Artikolu 3(1) tad-digriet, l-imballaġġi ta’ bejgħ (aktar ’il quddiem l-“imballaġġi”) huma dawk li, fil-punti tal-bejgħ, jintużaw għall-ippakkjar ta’ oġġett iddestinat għall-konsumatur finali. Dawn jinkludu wkoll l-imballaġġi użati fil-ħwienet, fir-ristoranti u minn fornituri ta’ servizzi oħra sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw il-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur finali (imballaġġi ta’ servizz), kif ukoll il-platti u l-pożati li ma jerġgħux jintużaw

3        L-Artikolu 3(7) tad-digriet jiddefinixxi lill-manifattur bħala kull persuna li timmanifattura imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta ta’ l-imballaġġi, kif ukoll kull persuna li ddaħħal imballaġġi fit-territorju Ġermaniż. Fir-rigward tad-distributur, l-Artikolu 3(8) tad-digriet jgħid li dan huwa kull persuna li jqiegħed fis-suq imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta ta’ l-imballaġġi jew inkella merkanzija imballata, indipendentement mil-livell tas-sistema ta’ distribuzzjoni. Il-kumpanniji ta’ bejgħ permezz ta’ korrispondenza jikkostitwixxu wkoll distributuri għall-finijiet tad-digriet. Fl-aħħar nett, il-konsumatur finali huwa ddefinit, prinċipalment fl-Artikolu 3(10) tad-digriet, bħala kull persuna li ma terġax tbiegħ il-merkanzija mill-ġdid fil-forma li ġiet mogħtija lilu.

4        Il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jistgħu jissodisfaw f’żewġ modi l-obbligu impost fuqhom mid-digriet li jieħdu lura u jirkupraw l-imballaġġi.

5        Minn naħa, skond l-Artikolu 6(1) u (2) tad-digriet, il-manifatturi u d-distributuri għandhom jerġgħu jiġbru mingħajr ħlas l-imballaġġi użati mill-konsumaturi finali, fil-punt tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, u għandhom jissuġġettawhom għal irkupru (aktar ’il quddiem is-“sistema individwali”). L-obbligu ta’ teħid lura ta’ distributur huwa limitat għat-tipi, għall-forom u għad-daqsijiet ta’ l-imballaġġi kif ukoll għall-prodotti imballati li jiffurmaw parti mill-firxa ta’ prodotti tiegħu. Għal dawk id-distributuri li jiddisponu minn superfiċi ta’ bejgħ ta’ daws anqas minn 200 m2, l-obbligu ta’ teħid lura huwa llimitat għall-imballaġġi tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade marks mibjugħa mid-distributur (ir-raba’ u l-ħames sentenzi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-digriet). Skond it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tad-digriet, fil-kuntest ta’ sistema individwali, id-distributur għandu jinforma lill-konsumatur finali bil-possibiltà li jerġa’ jagħti lura l-imballaġġ “permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu u jinqraw b’mod ċar”.

6        Min-naħa l-oħra, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-digriet, il-manifatturi u d-distributuri jistgħu jipparteċipaw f’sistema li tassigura ġbir regolari, fiż-żona sħiħa tas-suq tad-distributur, ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati mingħand il-konsumatur finali jew fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu sabiex jiġu ssuġġettati għal irkupru (aktar ’il quddiem is-“sistema kollettiva”). Il-manifatturi u d-distributuri li jipparteċipaw f’sistema kollettiva huma eżentati mill-obbligi tagħhom ta’ teħid lura u ta’ rkupru fil-konfront ta’ l-imballaġġi kollha koperti minn din is-sistema. Skond it-tieni sentenza tal-punt 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet, il-manifatturi u d-distributuri għandhom jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’sistema kollettiva “permezz ta’ tikkettar jew kull mezz xieraq ieħor”. Għaldaqstant huma jistgħu jsemmu din il-parteċipazzjoni fuq l-imballaġġi jew jużaw miżuri oħra bħal, per eżempju, informazzjoni lill-klijentela fil-post tal-bejgħ jew avviż miżjud fuq l-imballaġġ.

7        Skond il-ħdax-il sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-digriet, is-sistemi kollettivi għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder in kwistjoni. Sabiex jiġu approvati, dawn is-sistemi għandhom, b’mod partikolari, ikollhom rata ta’ kopertura li testendi għat-territorju ta’ mill-inqas Land wieħed, jeffetwaw ġbir regolari fil-viċinanzi tar-residenza tal-konsumaturi u jkunu ffirmaw ftehim ma’ l-awtoritajiet lokali inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ l-iskart. Kull impriża li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’Land tista’ torganizza hemmhekk sistema kollettiva approvata.

8        B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, is-sistemi individwali u s-sistemi kollettivi huma suġġetti għall-istess rati ta’ rkupru. Dawn ir-rati, li jidhru fl-Anness I tad-digriet, ivarjaw skond il-materjal li huwa magħmul minnhu l-imballaġġ. Ir-rispett ta’ l-obbligi ta’ teħid lura u ta’ rkupru huwa ggarantit, fil-każ tas-sistema individwali, permezz ta’ ċertifikati maħruġa minn esperti indipendenti u, fil-każ tas-sistema kollettiva, billi tiġi pprovduta informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura u rkuprati.

9        Barra minn hekk, id-disa’ sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tgħid li, jekk distributur ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ teħid lura u ta’ rkupru permezz ta’ sistema individwali, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ sistema kollettiva.

10      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħhom ta’ l-24 ta’ Mejju 2000, mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrativa (aktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi”), l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li d-digriet fuq l-imballaġġi kien jippermetti lid-distributur li jassoċja t-teħid lura fil-viċinanzi tan-negozju, fil-kuntest ta’ sistema individwali, flimkien mal-ġbir fil-viċinanzi tal-konsumatur finali, fil-kuntest ta’ sistema kollettiva, billi jipparteċipa fis-sistema kollettiva biss fir-rigward ta’ parti mill-imballaġġi li huwa jkun qiegħed fis-suq.

11      Fl-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi ġie indikat ukoll li, jekk id-distributur jagħżel li jieħu sehem f’sistema kollettiva għall-imballaġġi kollha li huwa jikkummerċjalizza, huwa ma jibqax suġġett għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2), li jfisser li soluzzjoni ta’ rimi individwali a posteriori ma kinitx possibbli. Min-naħa l-oħra, jekk id-distributur jagħżel mill-bidu li jieħu sehem f’sistema individwali, parteċipazzjoni ulterjuri f’sistema kollettiva tkun possibbli jekk ir-rata ta’ rkupru ma tintlaħaqx fil-kuntest tar-rimi individwali.

B –  Is-sistema kollettiva ta’ Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, il-kuntratt ta’ l-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi

12      Mill-1991, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH (aktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “DSD”) hija l-unika kumpannija li tiġġestixxi sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu (aktar ’il quddiem is-“sistema DSD”). Għal din ir-raġuni, DSD ġiet approvata, fl-1993, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder kollha

13      Sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fis-sistema DSD, il-manifatturi u d-distributuri jridu jiffirmaw kuntratt ma’ DSD li jagħtihom id-dritt li jużaw il-logo Der Grüne Punkt, li jikkorrispondi għat-trade mark kollettiva Der Grüne Punkt li hija proprjetà ta’ DSD. Bħala korrispettiv, il-manifatturi u d-distributuri kkonċernati jħallsu drittijiet lil DSD. Il-kuntratt għall-użu tal-logo huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/463/KE, ta’ l-20 ta’ April 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP D3/34493 – DSD) (ĠU L 166, p.1). Din id-Deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors għal anullament imressaq mir-rikorrenti fil-kawża T-151/01, DSD vs Il-Kummissjoni.

14      Fil-kuntest tas-sistema DSD, ir-rikorrenti la tiġbor u lanqas ma tirkupra hija stess l-imballaġġi użati iżda, permezz ta’ sub appalt, tgħaddi dan is-servizz lil impriżi tal-ġbir. Ir-relazzjonijiet bejn DSD u dawn l-impriżi huma rregolati permezz ta’ kuntratt standard, emendat diversi drabi, li għandu bħala għan il-ħolqien u l-isfruttament ta’ sistema intiża għall-ġbir u l-għażla ta’ l-imballaġġi (aktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizzi”). La darba jintgħażel, dan il-materjal jiġi ttrasportat lejn ċentru ta’ riċiklaġġ sabiex jiġi rkuprat.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Fit-2 ta’ Settembru 1992, minbarra l-istatuti tagħha, DSD innotifikat ukoll lill-Kummissjoni numru ta’ ftehim fosthom il-kuntratt ta’ servizzi – l-uniku ftehim rilevanti għal din il-kawża –, sabiex tikseb ċertifikazzjoni negattiva jew, fin-nuqqas ta’ dan, deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

16      Fit-23 ta’ Lulju 1997 il-Kummissjoni ppubblikat, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1997, C 100, p.4), l-avviż mitlub mill-Artikolu 19(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), fejn hija ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiddikjara ruħha favorevoli għall-ftehim innotifikati.

17      F’dan l-avviż, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat li DSD kienet assumiet diversi impenji, fosthom dak li ma tobbligax lill-impriżi ta’ ġbir li jaħdmu esklużivament għal DSD u l-impenn li ma tobbligax lil dawn l-impriżi jużaw il-kontenituri jew l-installazzjonijiet ta’ ġbir l-oħra esklużivament għall-finijiet tat-twettieq tal-kuntratt ta’ servizzi. DSD madankollu kienet ippreċiżat li dan it-tieni impenn ma kienx japplika meta l-użu tal-kontenituri jew ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir minn terżi jkun inkompatibbli ma’ l-“eżenzjoni ta’ l-awtoritajiet”, meta d-digriet fuq l-imballaġġi jew dispożizzjonijiet legali oħra jipprovdu mod ieħor jew meta dan l-użu jkun inaċċettabbli għal raġunijiet oħra, marbutin, per eżempju, ma’ l-użu ta’ sustanzi li jagħmlu l-ħsara. DSD indikat ukoll li l-użu minn terzi ta’ kontenituri jew ta’ l-installazzjonijiet oħra ta’ ġbir seta’ jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ l-impriżi ta’ ġbir (premessi 66 u 67 ta’ l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, premessi 71 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand terzi interessati fir-rigward ta’ diversi aspetti ta’ l-applikazzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi. Dawn it-terzi ddikjaraw li, fil-prattika, kuntrarjament għall-impenji ċċitati aktar ’il fuq, DSD ma kinitx tippermettilhom aċċess liberu għall-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mill-kontraenti ta’ DSD (premessi 76 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva, għalhekk, li DSD kienet talbet li l-kompetituri tagħha jiġu awtorizzati jużaw dawn l-installazzjonijiet bil-kunsens tagħha biss. Din it-talba kienet tidher fost il-motivi ta’ ilment magħmul abbażi ta’ l-Artikolu 82 KE mill-Vereinigung für Wertsoffrecycling (aktar ’il quddiem il-“VfW”) u kienet tikkostitwixxi wkoll is-suġġett ta’ kawża quddiem il-Landgericht Köln (Qorti tal-Prim’Istanza reġjonali ta’ Kolonja, il-Ġermanja) (premessi 57 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’din il-kawża DSD kienet bdiet proċeduri, abbażi tal-leġiżlazjoni Ġermaniża fuq il-kompetizzjoni żleali, kontra sistema individwali, il-VfW, li kienet qegħdha tipprova tuża, mingħajr ħlas, l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD f’ċerti sptarijiet Ġermaniżi. Din il-kawża wasslet għas-sentenza tal-Langericht Köln tat-18 ta’ Marzu 1997, fejn DSD rebħet il-kawża fis-sens li l-qorti Ġermaniża ddikjarat bħala illegali l-użu konġunt mingħajr ħlas ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir li jagħmlu parti mis-sistema DSD. F’din is-sentenza, il-Langericht Köln indikat ukoll li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kumpens xieraq għal tali użu konġunt seta’ jinkiseb biss jekk VfW tħallas direttament lil DSD xi forma ta’ drittijiet bħala korrispettiv għall-użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet ta’ ġbir.

20      F’dan il-kuntest, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni indikat lil DSD li mġiba li kienet tikkonsisti f’li terzi jiġu esklużi milli jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha tista’ taqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE u enfasizzat l-importanza li din l-imġiba seta’ jkollha fir-rigward tal-proċedura ta’ eżenzjoni, safejn, skond ir-raba’ kundizzjoni imposta mill-Artikolu 81(3) KE, ftehim innotifikat għall-finijiet ta’ eżenzjoni ma jistax jagħti l-possibiltà li l-kompetizzjoni tiġi eliminata fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

21      Wara li l-Kummissjoni adottat din il-pożizzjoni, DSD ipproponiet l-impenn segwenti sabiex tagħmel tajjeb għall-preokkupazzjonijiet li din l-istituzzjoni espremiet fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Awwissu 1997 (premessi 58, 72 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata):

“[DSD] hija lesta li tirrinunzja milli tagħmel azzjonijiet ta’ inibizzjoni, bħal dawk deskritti fis-sentenza tal-Landgericht Köln, tat-18 ta’ Marzu 1997, kontra l-VfW, kif ukoll f’każijiet simili. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ informazzjoni u tad-dritt għal kumpens jibqa’ possibbli fil-konfront ta’ impriżi ta’ ġbir marbutin kuntrattwalment ma’ [DSD].”

 Id-deċiżjoni kkontestata

22      Fis-17 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 2001/837/KE dwar proċedura miftuħa abbażi ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawżi COMP/34493 – DSD, COMP/37366 – Hofmann + DSD, COMP/37299 – Edelhoff + DSD, COMP/37291 – Rechmann + DSD, COMP/37288 – ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 – AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 – Feldhaus + DSD, COMP/37254 – Nehlsen + DSD, COMP/37252 – Schönmakers + DSD, COMP/37250 – Altvater + DSD, COMP/37246 – DASS + DSD, COMP/37245 – Scheele + DSD, COMP/37244 – SAK + DSD, COMP/37243 – Fischer + DSD, COMP/37242 – Trienekens + DSD, COMP/37267 – Interseroh + DSD) (ĠU L 319, p.1, aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” jew id-“deċiżjoni”).

23      L-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandha bħala punt ta’ tluq it-talba li DSD għamlet sabiex tikseb ċertifikazzjoni negattiva, jew, jekk meħtieġ, deċiżjoni ta’ eżenzjoni, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ servizzi.

A –  Fuq ir-relazzjoni kuntrattwali bejn DSD u l-impriżi ta’ ġbir

24      DSD ma tiġborx l-imballaġġi hija nfisha iżda tagħmel użu minn impriżi ta’ ġbir li magħhom hija ffirmat kuntratt ta’ servizzi. Skond l-Artikolu 1 ta’ dan il-kuntratt standard, DSD tagħti lil kull waħda minn dawn l-impriżi l-kompitu esklużiv li jiġbru u jagħżlu l-imballaġġi f’żona stabbilita skond sistema kollettiva, u dan għal durata ta’ madwar ħmistax-il sena (aktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ esklużività favur l-impriża ta’ ġbir” jew il-“klawżola ta’ esklużività”).

25      Dan il-ġbir isir f’kontenituri mqiegħda fil-viċinanzi tar-residenza tal-konsumaturi kkonċernati, jew permezz tal-ġbir jew it-tbattil ta’ boroż tal-plastik jew kontenituri mqassma lill-konsumaturi mill-impriża ta’ ġbir. L-impriża hija l-propjetarja tal-kontenituri u ta’ l-imballaġġi li jkunu ddepożitati fihom jew li tkun ġabret. L-għażla tal-materjal miġbur hija fost l-obbligi ta’ l-impriża ta’ ġbir u ġeneralment issir f’ċentru ta’ għażla speċjalizzat. Kull impriża ta’ ġbir titħallas minn DSD skond il-piż ta’ kull tip ta’ materjal, l-ispiża ta’ l-ipproċessar ta’ l-iskart magħżul u tar-rata ta’ suċċess tal-ġbir (premessi 32, 45 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-deċiżjoni kkontestata jiġi osservat ukoll, inċidentalment, li l-impriżi ta’ ġbir ġeneralment jiġbru wkoll, fl-istess ħin meta jiġbru l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun, il-materjal stampat (gazzetti u rivisti). Issa, peress li dan il-materjal stampat, li jirrappreżenta madwar 75 % ta’ dan it-tip ta’ materjal, ma jagħmilx parti mill-kompiti ta’ DSD, din ta’ l-aħħar ma tħallasx għall-ġbir tiegħu (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  L-evalwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 81(1) KE

27      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra żewġ aspetti tal-kuntratt ta’ servizzi.

1.     Fuq il-klawżola ta’ esklużività favur l-impriża ta’ ġbir

28      L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi osservat li l-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir, li ġiet inkluża fil-kuntratti ta’ servizz kollha konklużi bejn DSD u l-kontraenti tagħha, għandha l-effett li teskludi lill-impriżi ta’ ġbir l-oħra milli joffru s-servizzi tagħhom lil DSD (premessi 122 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Sabiex tanalizza din il-klawżola fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni l-ewwel nett teżamina s-sitwazzjoni tad-domanda fis-suq Ġermaniż tal-ġbir u ta’ l-għażla ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi (aktar ’il quddiem is-“suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi”). F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata huwa espost li DSD tipproċessa madwar 70 % ta’ l-imballaġġi li jistgħu jinġabru fil-Ġermanja u minn ta’ l-anqas 80 % tad-domanda fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi. Għalhekk, l-importanza ta’ DSD hija determinanti kemm fuq livell nazzjonali, fejn hija tikkostitwixxi l-unika sistema kollettiva disponibbli, kif ukoll fuq il-livell tal-500 territorju koperti mill-kuntratti ta’ servizz (premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Min-naħa tal-provvista, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi sussegwentement enfasizzat li numru kbir ta’ operaturi joffru servizzi ta’ ġbir. Fid-deċiżjoni jiġi wkoll indikat li “attwalment huwa pjuttost improbabbli, speċjalment minħabba raġunijiet ta’ ekonomija ta’ lokalità u ta’ loġistika, li tiżdied sistema oħra ta’ ġbir mingħand il-konsumatur privat ma’ dik diġà mwaqqfa minn DSD”. Għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni jiġi osservat li “peress li l-ħolqien ta’ l-infrastruttura ta’ ġbir fil-viċinanzi tar-residenzi huwa l-aktar aspett diffiċli, f’dan il-każ huwa ħafna aktar realistiku li jiġi previst li sistema kollettiva potenzjalment kompetitriċi u/jew sistema individwali jikkooperaw ma’ l-impriżi li attwalment diġà jassiguraw is-servizzi ta’ ġbir għal DSD fil-kuntest tal-kutratt ta’ servizzi”. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, huwa biss f’ċerti postijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ residenzi, bħall-isptarijiet jew il-kantinijiet, u bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-loġistika u l-imballaġġi, li impriżi oħra ta’ ġbir minbarra l-kontraenti ta’ DSD jistgħu jippjanaw li jinstallaw kontenituri ta’ ġbir apparti dawk użati mis-sistema DSD. Fid-deċiżjoni, madankollu, jiġi kkunsidrat li possibbilitajiet bħal dawn mhumiex importanti wisq fuq il-livell ekonomiku u li għaldaqstant ftit huwa probabbli li, matul id-durata tal-kuntratt, l-impriżi ta’ ġbir esklużi jkollhom possibbiltajiet sinjifikattivi li joffru s-servizzi tagħhom fuq kull territorju kuntrattwali kopert minn kuntratt ta’ servizzi ta’ DSD (premessi 127 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni jiġi osservat li d-durata tal-klawżola ta’ esklużività għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni peress li aktar ma din id-durata tkun twila, aktar ma din il-klawżola jkollha l-effett li ċċaħħad għal żmien twil lill-impriżi ta’ ġbir li mhumiex il-kontraenti ta’ DSD mill-possibbiltà li jippreżentaw offerta sabiex jissodisfaw id-domanda ta’ l-aktar sistema kollettiva importanti fil-Ġermanja (premessi 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Wara din l-analiżi, il-Kummissjoni tikkonstata li l-aċċess ta’ l-impriżi ta’ ġbir għas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi huwa kunsiderabbilment ostakolat, u li dan jikkontribwixxi b’mod importanti għall-għeluq tas-swieq f’parti kunsiderabbli tas-suq komuni. Għaldaqstant, il-klawżola ta’ esklużività favur l-impriża ta’ ġbir tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta, matul is-seduta DSD ġiet mistoqsija dwar dan il-punt, hija indikat li ma kinitx qegħdha tikkontesta din l-analiżi.

2.     Fuq l-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir

33      It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi eżaminat safejn kompetitur ta’ DSD jista’ jkollu aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, fl-opinjoni tagħha, ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE “jekk il-kuntratt ta’ servizzi jkun magħmul b’tali mod li jċaħħad lill-kompetituri ta’ DSD mill-aċċess għall-infrastruttura ta’ ġbir” (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, id-deċiżjoni tinvoka, minn naħa, il-fatt li l-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir għandhom, “f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni, importanza partikolari minħabba li l-ħolqien ta’ l-infrastruttura ta’ ġbir fil-viċinanzi tar-residenzi huwa l-aktar aspett diffiċli”. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi osservat li, ġeneralment, dan it-tip ta’ ġbir isir direttament mingħand il-konsumaturi kollha ta’ kollettività territorjali (is-sistemi ta’ ġbir), bl-eċċeżżjoni ta’ sistemi fejn l-iskart jittieħed b’mod volontarju mill-pubbliku (il-postijiet speċjalizzati għar-rimi ta’ skart), li huma selettivi. Fid-deċiżjoni jiġi indikat ukoll li, għal raġunijiet loġistiċi, il-ġbir mir-residenzi jista’ jsir, ġeneralment, bi spejjeż ottimali biss jekk ikun hemm numru limitat ta’ impriżi ta’ ġbir. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni jiġi enfasizzat li, minħabba limitazzjonijiet ta’ post kif ukoll minħabba drawwiet stabbiliti fi ħdan il-konsumaturi privati f’dak li jirrigwarda ġbir, fil-post ta’ depożitu jista’ jitqiegħed biss kontenitur wieħed għal kull tip ta’ materjal (bħal ħġieġ, karti jew l-imballaġġi ħfief). Ċirkustanzi bħal dawn jikkostitwixxu r-raġuni ewlenija għalxiex, normalment, impriża waħda ta’ ġbir tinkariġa ruħha li fl-istess ħin tiġbor l-iskart domestiku u l-materjal riċiklabbli (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 92 u 93 ta’ din l-istess deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi mfakkar li wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali saru xi oġġezzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li, f’dik l-okkażjoni, diversi terzi interessati indikaw li, kuntrarjament għall-ewwel serje ta’ impenji ppreżentati minn DSD (ara l-punt 17), din l-impriża ma kinitx tippermetti aċċess liberu lil terzi għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha minħabba li kienet teżiġi li għandu jkun hemm il-kunsens tagħha għall-użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 76 u 77 ta’ din l-istess deċiżjoni).

35      F’dan il-kuntest, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi mfakkar li, għall-ewwel, DSD kienet talbet sabiex it-terzi jkunu jistgħu jużaw b’mod konġunt l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha biss jekk hija tagħti l-kunsens tagħha. Fid-deċiżjoni madankollu jiġi ppreċiżat li, wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 1997, li kienet tiġbed l-attenzjoni ta’ DSD li mġiba bħal din setgħet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE, DSD kienet irrinunzjat milli timponi l-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens tagħha sabiex terzi jkunu jistgħu jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD (ara l-punti 20 u 21). Fid-deċiżjoni jiġi wkoll espost li “jkun ukoll problematiku jekk DSD tibda tobbliga direttament lit-terzi sabiex iħalsuha drittijiet bħala korrispettiv għal dan l-użu u/jew jekk teżiġi li tieħu sehem attiv fin-negozjati, bejn l-impriżi ta’ ġbir u terzi, li jirrigwardaw ħlas ta’ drittijiet ekwu għall-użu konġunt tal-kontenituri ta’ ġbir”. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tindika, b’ċerta attenzjoni, li, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet tal-kontraenti tagħha, DSD tibqa’ ħielsa li tinnegozja tnaqqis tad-drittijiet imħallsa lil dawn l-impriżi u hija tista’ wkoll tieħu l-passi meħtieġa sabiex tassigura li l-ebda servizz pprovdut lil terzi ma jiġi ffatturat lilha (premessi 136 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Fid-dawl ta’ dawn l-impenji u ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kuntratt ta’ servizzi ma fih l-ebda klawżola ta’ esklużivita favur DSD u li l-impriżi ta’ ġbir jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-kompetituri ta’ DSD. Għalhekk, fid-deċiżjoni jiġi enfasizzat li “għaldaqstant, il-kuntratt ta’ servizzi ma jimplikax l-esklużjoni tal-kompetituri ta’ DSD mill-aċċess għall-infrastruttura ta’ ġbir, b’tali mod li m’hemmx restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE]” (premessi 134 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  L-evalwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 81(3) KE

37      Sabiex tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE mhumiex applikabbli għall-kuntratt ta’ servizzi, id-deċiżjoni kkontestata teżamina l-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(3) KE.

38      F’dan il-kuntest, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi kkunsidrat li din il-klawżola tikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni u għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku peress li tippermetti li jiġu sodisfatti għanijiet ambjentali (premessi 142 sa 146 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li tirriżerva għall-konsumaturi parti ekwa tal-benefiċċju li jirriżulta (premessi 147 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-karattru indispensabbli tal-klawżola ta’ esklużività prevista fil-kuntratt ta’ servizzi, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi enfasizzat li t-twaqqif tas-sistema DSD jeħtieġ investimenti kunsiderabbli min-naħa ta’ l-impriżi ta’ ġbir, li għandhom ikunu jistgħu jiksbu mingħand DSD ċerti garanziji dwar id-durata tal-kuntratt b’tali mod li dawn l-investimenti jkunu jistgħu jinfdew u jkunu jistgħu jirrendu profitt. Wara l-eżami, il-Kummissjoni madankollu tqis li huwa meħtieġ li titnaqqas id-durata inizjalment prevista mill-klawżola ta’ esklużivita u li l-iskadenza tagħha għandha tiġi ffissata għall-31 ta’ Diċembru 2003 (premessi 150 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-klawżola ta’ esklużività hijiex ta’ natura tali li telimina l-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibda’ billi tindika li l-impriżi ta’ ġbir li ma jiffurmawx parti mis-sistema DSD dejjem ħa jsibu offerti fil-qasam tas-sistemi ta’ ġbir individwali. Dawn ta’ l-aħħar huma, f’kull każ, possibbli għal-ċerti abbonamenti ta’ imballaġġi u ta’ postijiet ta’ depożitu fil-marġni tas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa ekonomikament profittabbli li territorju kuntrattwali jiġi allokat totalment lil impriża ta’ ġbir waħda u li, f’ħafna każijiet, huwa pjuttost ftit profittabbli li jkollok diversi installazzjonijiet ta’ ġbir intiżi għar-residenzi minħabba l-organizzazzjoni tat-territorju, in-natura ta’ l-infrastruttura ta’ ġbir u minħabba drawwiet stabbiliti sewwa fi ħdan il-konsumaturi privati f’dak li jirrigwarda ġbir. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, it-tqegħid tal-kontenituri ta’ ġbir ta’ l-imballaġġi fil-viċinanzi tar-residenżi jikkostitwixxi l-aspett l-aktar diffiċli. Hija għalhekk tqis li huwa realistiku li wieħed jissupponi li s-sistemi kollettivi li jikkompetu mas-sistema DSD u, sa ċertu punt, anki s-sistemi individwali ta’ spiss jaħdmu ma’ l-impriżi ta’ ġbir li jaħdmu għal DSD. Din l-analiżi tagħmilha possibbli għall-Kummissjoni li tfakkar il-ħtieġa ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD, peress li “aċċess liberu u mingħajr tfixkil għall-infrastrutturi ta’ ġbir stabbiliti mill-impriżi li ffirmaw kuntratti ta’ servizz ma’ DSD jikkostitwixxi fattur determinanti kemm fir-rigward ta’ l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-livell tad-domanda għal servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi [mingħand il-konsumatur] u kemm fir-rigward ta’ l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq vertikali ulterjuri ta’ l-organiżazzjoni tat-teħid lura u l-irkupru ta’ l-imballaġġi [mingħand il-konsumatur]” (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kuntratt ta’ servizzi ma jorbotx lill-impriżi ta’ ġbir b’mod esklużiv ma’ DSD u li din ta’ l-aħħar adottat diversi impenji fosthom dak li tirrinunzja milli ġġiegħel lill-impriżi ta’ ġbir jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir biss għat-twettiq tal-kuntratt ta’ servizzi u dak li ma tieħux azzjonijiet ta’ inibizzjoni kontra terzi fil-każ ta’ użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet ta’ ġbir (premessi 158 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

D –  Obbligi imposti mill-Kummissjoni sabiex jiġu integrati mad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni

42      Sabiex tiggarantixxi li l-effetti antiċipati fuq il-kompetizzjoni effettivament iseħħu u li l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 81(3)KE jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li mad-deċiżjoni tagħha li teżenta l-kuntratt ta’ servizzi tinkludi numru ta’ obbligi fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      L-ewwel obbligu impost fuq DSD fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata huwa li “DSD m’għandiex twaqqaf lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu, mal-kompetituri ta’ DSD, kuntratti li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jużaw il-kontenituri tagħhom u installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, u milli jonoraw dawn il-kuntratti.”

44      It-tieni obbligu huwa ddefinit fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni u jgħid li “DSD ma tistax teżiġi mingħand l-impriżi ta’ ġbir li jkunu kkonkludew mal-kompetituri ta’ DSD kuntratti li jirrigwardaw l-użu konġunt tal-kontenituri u ta’ installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, li jipprovdula l-prova tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li ma nġabrux fil-kuntest tas-sistema DSD.”

45      Sabiex tispjega għalfejn dawn l-obbligi għandhom jiġu imposti minkejja l-impenn ta’ DSD li tawtorizza l-kompetituri tagħha jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir, id-deċiżjoni kkontestata tinvoka l-importanza ewlenija li l-aċċess liberu għal dawn l-infrastrutturi għandu fir-rigward ta’ l-eżistenza tal-kompetizzjoni u r-riżervi li DSD għamlet fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ wieħed mill-impenji msemmija fil-premessa 71 (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

E –  Konklużjonijiet

46      Fid-dawl ta’ l-impenji proposti minn DSD kif ukoll ta’ l-obbligi integrati mad-deċiżjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi billi tosserva li aċċess liberu u mingħajr tfixkil għall-infrastrutturi ta’ ġbir huwa possibbli fil-prattika. Skond id-deċiżjoni, kemm is-sistemi kollettivi kompetituri tas-sistema DSD kif ukoll is-sistemi ta’ ġbir individwali għandhom possibbiltajiet reali ta’ aċċess għas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur. Dawn il-possibbiltajiet jippermettu wkoll li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi (premessi 176 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi osservat li l-klawżola ta’ esklużività favur impriżi ta’ ġbir, li tinsab fil-kuntratt ta’ servizzi, tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE (premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva wkoll li, “skond l-Artikolu 81(3) [KE] […], id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] […] huma inapplikabbli għall-kuntratti ta’ servizz individwali li jipprevedu klawżola ta’ esklużività li d-durata tagħha ma tmurx lil hinn mill-aħħar tas-sena 2003” u li “l-eżenzjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2003”.

48      Din l-eżenzjoni hija marbuta maż-żewġ obbligi ċċitati aktar ’il fuq (ara l-punti 43 u 44), esposti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, intiżi, l-ewwel wieħed, sabiex ikun iggarantit l-aċċess għall-infrastrutturi ta’ ġbir tal-firmatarji tal-kuntratti ta’ servizz u sabiex tiġi evitata kull eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni, u t-tieni wieħed, sabiex il-kompetituri ta’ DSD ikunu jistgħu jużaw liberament il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura f’isimhom fil-kuntest ta’ dan l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir. Dawn l-obbligi huma indispensabbli sabiex tiġi evitata l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni u jikkostitwixxu konkretizzazzjoni ta’ l-impenji proposti minn DSD b’tali mod li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali ta’ dawn ta’ l-aħħar (premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata jiġi indikat li, jekk f’deċiżjoni fl-aħħar grad ta’ qorti Ġermaniża kompetenti jiġi deċiż li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, l-użu minn terzi ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ l-impriżi firmatarji tal-kuntratt ta’ servizzi mhuwiex kompatibbli mad-digriet fuq l-imballaġġi, dan ikun ifisser bdil sinjifikattiv tal-fatti li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni u għaldaqstant il-Kummissjoni jkollha teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE għall-kuntratt ta’ servizzi u, jekk ikun meħtieġ, tirrevoka l-eżenzjoni (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata).

F –  Il-parti operattiva

50      L-Artikolu 1 tal-parti operattiva jesponi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-istatuti u l-kuntratti msejħa ta’ garanzija li kienu ġew innotifikati minn DSD fl-istess żmien mal-kuntratti ta’ servizz:

“Billi tibbaża ruħha fuq l-għarfien attwali li hija għandha tal-fajl u fid-dawl ta’ l-impenji proposti minn DSD, il-Kummissjoni tikkonstata li hija m’għandha l-ebda raġuni, fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, sabiex topponi l-istatuti u l-kuntratti ta’ garanzija”.

51      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jeżenta l-kuntratt ta’ servizzi:

“Skond l-Artikolu 81(3) [KE] u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE huma inapplikabbli għall-kuntratti ta’ servizz individwali li jipprevedu klawżola ta’ esklużività li d-durata tagħha ma tmurx lil hinn mill-aħħar tas-sena 2003.

L-eżenzjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2003”.

52      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni torbot l-eżenzjoni ċċitata aktar ’il fuq ma’ żewġ obbligi:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 hija marbuta ma’ l-obbligi li ġejjin:

a)      DSD m’għandiex twaqqaf lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu, mal-kompetituri ta’ DSD, kuntratti li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jużaw il-kontenituri tagħhom u installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, u milli jonoraw dawn il-kuntratti;

b)      DSD ma tistax teżiġi mingħand l-impriżi ta’ ġbir li jkunu kkonkludew mal-kompetituri ta’ DSD kuntratti li jirrigwardaw l-użu konġunt tal-kontenituri u ta’ installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, li jipprovdula l-prova tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li ma nġabrux fil-kuntest tas-sistema DSD”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

53      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Novembru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Frar 2002, Landbell AG für Rückhol-systeme (aktar ’il quddiem “Landbell”), sistema kollettiva kompetitriċi ta’ DSD, talbet sabiex tkun tista’ tintervjeni f’dawn il-proċeduri in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ta’ intervent ġiet innotifikata lill-partijiet, li, min-naħa tagħhom, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini preskritti.

55      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Ġunju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) aċċettat l-intervent ta’ Landbell u din ta’ l-aħħar setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fid-9 ta’ Ottubru 2001.

56      Wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet lill-partijiet li għalihom kellhom jingħataw tweġibiet orali matul is-seduta.

57      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-11 u tat-12 ta’ Lulju 2006.

58      Ir-rikorrenti tilob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tannulla l-impenn ta’ DSD li ssir referenza għalih fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

59      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

60      Landbell titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

61      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li dan l-obbligu jikser l-Artikolu 86 (2) KE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 86(2) KE. Ir-raba’ motiv, marbut mat-talba għall-annullament ta’ l-impenn tar-rikorrenti msemmi fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

62      Ir-rikorrenti tqis li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata (aktar ’il quddiem l-“ewwel obbligu”), li jgħid li “DSD m’għandiex twaqqaf lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu, mal-kompetituri ta’ DSD, kuntratti li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jużaw il-kontenituri tagħhom u installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, u milli jonoraw dawn il-kuntratti”, jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija essenzjalment taqsam il-motiv tagħha fi tliet partijiet.

63      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu mhuwiex oġġettivament meħtieġ fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(3) KE peress li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir u ta’ għażla (aktar ’il quddiem l-“installazzjonijiet ta’ ġbir”) mhuwiex indispensabbli għall-attivita tal-kompetituri ta’ DSD. Minn ta’ l-anqas, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjenti fir-rigward ta’ dan il-punt.

64      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, b’risposta għall-argumenti ppreżentati fir-risposta tad-difiża, li l-allegat riskju ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE invokat mill-Kummissjoni huwa ta’ natura spekulattiva u ma jistax jiġġustifika l-ewwel obbligu, li – f’kull każ – jista’ jkollu bħala għan biss il-prevenzjoni ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq li fih tkun ġiet ikkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

65      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu huwa sproporzjonat billi tallega, l-ewwel nett, li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir impost minn dan l-obbligu jmur kontra d-digriet fuq l-imballaġġi; it-tieni nett, li l-ewwel obbligu jimplika distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tagħha; it-tielet nett, li l-imsemmi obbligu huwa ta’ preġudizzju għall-iskop speċifiku tat-trade mark Der Grüne Punkt; u r-raba’ nett, li huwa jikser id-dritt fundamentali tagħha għal aċċess għall-ġustizzja.

66      Qabel ma tesponi dawn l-argumenti, ir-rikorrenti tippreżenta, b’mod preliminari, ir-raġunijiet li għalihom huwa meħtieġ li jinkiseb il-kunsens tagħha fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir.

67      Dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu eżaminati qabel ma ssir l-evalwazzjoni tat-tliet partijiet ta’ l-ewwel motiv iċċitati aktar ’il fuq.

1.     Fuq il-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens ta’ DSD fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir

a)     L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm hija mhijiex legalment il-propjetarja ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ikkontemplati mill-ewwel obbligu, dawn xorta waħda għandhom jiġu kkunsidrati bħala installazzjonijiet ta’ DSD, peress li ġew iffinanzjati minnha, jagħmlu parti integrali mis-sistema DSD, u għandhom it-trade mark Der Grüne Punkt. Għaldaqstant, kull użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir li kkonkludew kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD jeħtieġ il-kunsens tar-rikorrenti.

69      Sabiex tistabbilixxi l-ħtieġa li jinkiseb dan il-kunsens, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, il-fatt li hija ffinanzjat l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 7(1) tal-kuntratt ta’ servizzi, li jgħid li r-remunerazzjoni li DSD tagħti lill-impriża ta’ ġbir tikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizzi kollha pprovduti minn din l-impriża, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenituri tal-ġbir, it-trasport u l-għażla ta’ l-imballaġġi kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ l-iskart. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll sentenza tal-Langericht Köln, tat-18 ta’ Marzu 1997, li tgħid li, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, kompetitur ta’ DSD ikun qiegħed japprofitta mis-sistema DSD u li tali użu huwa possibbli biss wara “li jinkiseb il-kunsens ta’ [DSD] (permezz ta’ ħlas)”. Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-prinċipju li l-obbligi kuntrattwali għandhom jitwettqu in bona fide, stabbilit fl-Artikolu 242 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, aktar ’il quddiem il-“BGB”), li jimponi fuq il-partijiet kontraenti obbligi ta’ prekawzjoni partikolari fil-każ ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għal żmien twil u ta’ kooperazzjoni ekonomika mill-qrib.

70      Bl-istess mod, il-ksib tal-kunsens tar-rikorrenti fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir huwa meħtieġ sabiex din tkun tista’ tirrispetta l-obbligi li hija għandha skond id-digriet fuq l-imballaġġi, kemm f’dak li jirrigwarda l-bżonn li tiġi assigurata kopertura tat-territorju kollu kif ukoll fir-rigward tar-rispett tar-rati ta’ rkupru u tal-prova tal-flussi kwantitattivi għal kull Land [it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10 tal-kuntratt ta’ servizzi; punti 1.1 u 1.5.1 tar-raba’ kuntratt li jemenda l-kuntratt ta’ servizzi, u s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Gießen (Tribunal amministrattiv ta’ Gießen, il-Ġermanja), tal-31 ta’ Jannar 2001]. Dan il-kunsens huwa wkoll meħtieġ sabiex jiġi assigurat li l-imballaġġi koperti mis-sistema DSD u li għandhom il-logo Der Grüne Punkt effettivament jittieħdu mill-konsumatur lejn is-sistema korrispondenti, jiġifieri l-installazzjonijiet ta’ ġbir li jkollhom dan il-logo.

71      Il-Kummissjoni u Landbell jenfasizzaw li l-finanzjament ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir huwa konsegwenza loġika tal-kuntratt ta’ servizzi, li jiddetermina s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti u r-remunerazzjoni mogħtija bħala korrispettiv għal dawn is-servizzi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma invokatx l-Artikolu 242 tal-BGB matul il-proċedura amministrattiva u l-pożizzjoni attwali tagħha hija kuntrarja għal dik li hija kienet adottat f’dak il-kuntest. Barra minn dan, l-obbligi imposti mid-digriet japplikaw għal DSD bħalma japplikaw għal kull operatur ieħor li jkun jinsab fl-istess pożizzjoni u t-twaħħil tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-installazzjonijiet ta’ ġbir m’għandu l-ebda importanza għall-konsumatur li essenzjalment jassoċja dawn l-installazzjonijiet mat-tip ta’ materjal li għandu jiġi rkuprat. Landbell tindika wkoll li l-awtoritajiet lokali kollha tal-Land ta’ Hessen aċċettaw li s-sistema kollettiva tagħhom tuża l-istess installazzjonijiet ta’ ġbir bħal dawk użati mis-sistema DSD.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, DSD impenjat ruħha fil-konfront tal-Kummissjoni li ma tobbligax lill-impriżi ta’ ġbir li jaħdmu esklużivament mas-sistema DSD u li ma torbotx lil dawn l-impriżi sabiex jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħhom biss għall-finijiet tat-twettiq tal-kuntratt ta’ servizzi (ara l-punt 17). Bl-istess mod, DSD impenjat ruħha wkoll fil-konfront tal-Kummissjoni li tirrinunzja milli tissuġġetta l-użu minn terzi ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD għall-kunsens tagħha (ara l-punt 21).

73      Dawn l-impenji jikkonċernaw, minn naħa, l-impriżi ta’ ġbir kontraenti ta’ DSD, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li jixtiequ jkollhom aċċess għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD. Dawn l-impenji jirrispondu għat-tħassib li l-Kummissjoni esponiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda kemm l-eventwali applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE għall-kuntratt ta’ servizzi, jekk dan ikun fih klawżola ta’ esklużività favur DSD fir-rigward ta’ l-aċċess ta’ terzi għall-installazzjonijiet ta’ ġbir (ara l-punt 35), kif ukoll l-eventwali applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE, jekk jinstab li r-rieda ta’ DSD, li tissuġġetta għall-kunsens tagħha l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE (ara l-punt 20).

74      Sabiex tirrimedja għal dan it-tħassib, DSD ipproponiet l-impenji ċċitati aktar ’il fuq. L-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata huwa partikolarment indikattiv f’dan ir-rigward, peress li ġie ppreżentat sabiex jirrispondi għat-tħassib li l-Kummissjoni esponiet fir-rigward tat-talba inizjali ta’ DSD li tissuġġetta għall-kunsens tagħha l-użu konġunt minn terzi ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha (premessi 57, 58, 136 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, dan l-impenn kien intiż sabiex iserraħ moħħ il-Kummissjoni billi jindikalha li DSD kienet qiegħda tirrinunzja milli tieħu azzjonijiet ta’ inibizzjoni bħal dawk deskritti fis-sentenza tal-Langericht Köln tat-18 ta’ Marzu 1997, mibdija minn DSD, abbażi tal-liġi Ġermaniża fuq il-kompetizzjoni żleali, kontra impriża kompetitriċi li kienet qegħdha tipprova tuża mingħajr ħlas ċerti installazzjonijiet ta’ ġbir tas-sistema DSD.

75      Għandu jiġi kkonstatat li l-impenji proposti minn DSD ittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi nnotifikat minn DSD. Dan huwa minnhu kemm fuq il-livell ta’ l-eżami ta’ eventwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE fir-rigward ta’ l-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir (ara l-punti 33 sa 36, premessi 133 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fuq livell ta’ l-analiżi ta’ l-Artikolu 81(3) KE fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tinżamm il-kompetizzjoni (ara l-punt 41, premessi 158 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala eżempju, fid-deċiżjoni l-Kummissjoni espliċitament tirreferi għall-impenji meta tikkonkludi li l-kuntratt ta’ servizzi ma jorbotx lill-impriżi ta’ ġbir b’mod esklużiv ma DSD u li l-impriżi ta’ ġbir jistgħu għalhekk liberament u mingħajr tfixkil jipproponu s-servizzi tagħhom lill-kompetituri ta’ DSD (ara l-punt 46, premess 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Wara li ntemmet il-proċedura amministrattiva, madankollu, ir-rikorrenti sostniet, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li kull użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha kien jeħtieġ il-kunsens tagħha.

77      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li din il-ħtieġa tirriżulta mill-fatt li hija ħadet sehem fil-finanzjament ta’ l-installazzjonijet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD permezz tar-remunerazzjoni mogħtija abbażi tal-kuntratt ta’ servizzi. Fuq dan il-punt għandu jiġi mfakkar li s-sistema DSD hija l-ewwel sistema kollettiva awtorizzata fil-Ġermanja kollha u li l-importanza tagħha f’dak il-pajjiż hija kunsiderabbli inkwantu s-sistema DSD tirrappreżenta madwar 70 % ta’ l-imballaġġi li jistgħu jinġabru fil-Ġermanja u minn ta’ l-anqas 80 % tad-domanda fis-suq Ġermaniż tal-ġbir mingħand il-konsumaturi (ara l-punt 29). Għalhekk, huwa evidenti li DSD hija s-sors ewlieni u prinċipali, jekk mhux l-uniku wieħed, ta’ dħul ta’ l-impriżi ta’ ġbir f’dak li jirrigwarda l-ġbir u l-għażla ta’ l-imballaġġi.

78      Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax li huma l-impriżi ta’ ġbir u mhux DSD li kellhom jagħmlu l-investimenti neċesssarji għall-ġbir u l-għażla ta’ l-imballaġġi (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, hija ma tikkontestax li l-installazzjonijiet ta’ għażla, li sa dak iż-żmien ma kinux għadhom jeżistu, talbu investimenti kunsiderabbli min-naħa ta’ l-impriżi ta’ ġbir (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, kien sabiex dawn l-impriżi jkunu jistgħu, matul id-durata tal-kuntratt ta’ servizzi, jagħmlu tajjeb għall-investimenti tagħhom, li ġew stmati li jammontaw għal madwar għaxar miljun mark Ġermaniż (DEM), li l-Kummissjoni aċċettat li l-klawżola ta’ esklużività ta’ DSD favur l-impriżi ta’ ġbir ikollha durata pjuttost importanti (ara l-punt 39). Din il-klawżola għalhekk għandha bħala għan li tiġi assigurata l-profittabbiltà ta’ l-investimenti magħmula mill-impriżi ta’ ġbir u mhux sabiex DSD tkun tista’ tirrivendika dritt li żżomm taħt għajnejha l-użu ta’ dawn l-investimenti.

79      Barra minn dan, l-eżami tal-kuntratt ta’ servizzi jippermetti li jiġi kkonstatat li l-klawżola ta’ esklużività ċċitata aktar ’il fuq hija l-uniku mezz li permezz tiegħu DSD iġġorr ir-riskji konnessi ma l-investimenti meħtieġa għall-implementazzjoni tas-sistema DSD. Għalhekk, DSD mhijiex responsabbli għar-riskji sostnuti mill-impriżi ta’ ġbir minħabba l-isfruttament tas-sistema (Artikolu 5(1) tal-kuntratt ta’ servizzi). Bl-istess mod, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi, DSD la tagħmel tajjeb għall-investimenti ta’ l-impriża ta’ ġbir u lanqas ma tħallas danni f’dan ir-rigward (Artikolu 9(3) u 4 tal-kuntratt ta’ servizzi). Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tal-kuntratt ta’ servizzi jirriżulta li d-drittijiet imħalsa minn DSD lill-kontraenti tagħha huma proporzjonali għall-piż ta’ l-imballaġi miġbura, u dan ifisser li jekk impriża ta’ ġbir ma tiġborx aktar imballaġġi għal DSD, din ta’ l-aħħar ma jkollhiex għalfejn tagħtiha remunerazzjoni għall-investimenti magħmula.

80      Barra minn hekk, DSD tonqos milli tikkunsidra l-fatt li, fil-każ ta’ użu konġunt, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni espressament tagħtiha d-dritt li tieħu l-passi meħtieġa sabiex tassigura li ma jiġi ffatturat lilha l-ebda servizz fornut lil terzi mill-impriżi ta’ ġbir u tawtorizzaha tnaqqas, minħabba din ir-raġuni, ir-remunerazzjoni dovuta lill-kontraenti ta’ DSD (ara l-punt 35). Dawn il-preċiżazzjonijiet jiggarantixxu lil DSD li l-użu konġunt ma jsirx bi spejjeż tagħha f’termini ta’ remunerazzjoni ta’ l-impriżi ta’ ġbir. Għalhekk ma jistax ikun hemm “użu mingħajr ħlas” ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir kif kien il-każ fis-sentenza tal-Landgericht Köln, fi żmien meta d-digriet Ġermaniż fuq l-imballaġġi kien għadu ma ġiex rivedut u f’sitwazzjoni fejn DSD ma setgħetx tnaqqas il-ħlasijiet tagħha lill-impriżi ta’ ġbir proporzjonalment għall-użu konġunt ta’ l-installazzjonijet ta’ ġbir.

81      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 242 tal-BGB, li skond ir-rikorrenti jimponi obbligi ta’ prekawzjoni partikolari fuq il-kontraenti, obblili li fir-rigward tagħhom huwa diffiċli li jiġi mifhum b’liema mod jistgħu jikkaratterizaw il-ħtieġa għal DSD li tagħti l-kunsens tagħha f’każ ta’ użu konġunt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tikkonstata biss li peress li dan l-argument ibbażat fuq id-dritt Ġermaniż ma ġiex invokat matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditux in kunsiderazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

82      Għaldaqstant, il-fatt li DSD kienet l-ewwel sistema kollettiva li użat is-servizzi ta’ impriżi ta’ ġbir u li hija hija s-sors ta’ dħul prinċipali, jekk mhux l-uniku, ta’ dawn l-impriżi mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza d-dritt ta’ DSD li tagħti l-kunsens tagħha f’każ ta’ użu konġunt.

83      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kunsens tagħha huwa meħtieġ f’każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir sabiex hija tkun tista’ tirrispetta l-obbligi li jirriżultaw mid-digriet fuq l-imballaġġi u tiggarantixxi li l-imballaġġi koperti mis-sistema DSD effettivament jitqiegħdu f’din is-sistema mill-konsumatur.

84      Fuq dan il-punt għandu jiġi osservat li l-obbligi li jirriżultaw mid-digriet japplikaw għal DSD bħalma japplikaw għal kull operatur ieħor ta’ sistema kollettiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizzi invokati minn DSD ma jippermettux li jiġi stabbilit id-dritt ta’ DSD li tissuġġetta għall-kunsens tagħha l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha. Għalhekk, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10 tal-kuntratt ta’ servizzi ma tikkonċernax l-ipoteżi ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir iżda dik ta’ bdil fl-organizzazzjoni tas-sistema DSD u din id-dispożizzjoni sempliċement tindika li organizzazzjoni differenti minn din is-sistema teħtieġ il-kunsens tal-partijiet kontraenti u ta’ l-awtorità territorjali kkonċernata. Issa, kif ser jiġi espost aktar ’il quddiem, l-użu konġunt m’għandux l-effett li jfixkel is-sistema DSD milli tissodisfa l-obbligi tagħha fir-rigward tad-digriet (ara l-punti 161 sa 170). Bl-istess mod, il-punti 1.1. u 1.5.1 tar-raba’ kuntratt li jemenda l-kuntratt ta’ servizzi ma jikkonċernawx l-imballaġġi, li huma l-uniku fattur rilevanti f’din il-kawża, iżda “materjali addizzjonali, li ma jikkostitwixxux imballaġġi”. Barra minn hekk, fis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, il-Verwaltungsgericht Gießen ma eżaminatx il-ħtieġa li DSD tagħti l-kunsens tagħha għall-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, iżda sempliċement ikkonstatat li l-Lahn-Dill-Kreis (distrett ta’ Kreis) għandu jiftiehem mar-rikorrenti fuq ġbir u rkupru li huma kienu wettqu u li ma kinux jikkostitwixxu sistema konformi ma’ l-Artikolu 6(3) tad-digriet fuq l-imballaġġi.

85      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegata ħtieġa li jiġi mħares ir-rwol li t-trade mark Der Grüne Punkt għandha fl-istadju tal-ġbir ta’ l-imballaġġi, għandu jiġi osservat li mill-fajl jirriżulta li diversi installazzjonijiet ta’ ġbir mhumiex identifikati b’din it-trade mark (ara l-punt 189). Aktar minn hekk, il-konsumaturi ma jassoċjawx il-kontenituri ta’ l-iskart ma’ din it-trade mark, iżda mat-tip ta’ imballaġġi (imballaġġi ta’ bejgħ) u fuq kollox mat-tip ta’ materjal (materjal ħafif, karta/kartun, ħġieġ, eċċ.) li għandu jitqiegħed fid-diversi tipi ta’ installazzjonijiet ta’ ġbir. L-eżempju tal-ġbir konġunt tal-materjal stampat (gazzetti u rivisti) u ta’ l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, juri l-possibbiltà ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-eventwali twaħħil tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq dawn l-installazzjonijiet (ara l-punt 26).

86      Għaldaqstant, il-fatt li DSD kienet l-ewwel sistema kollettiva li integrat l-installazzjonijiet ta’ ġbir fis-sistema tagħha jew dik li tuża t-trade mark Der Grüne Punkt sabiex tidentifika s-sistema tagħha mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza d-dritt li din tagħti l-kunsens tagħha fil-każ ta’ użu konġunt.

87      F’kull każ, anki jekk jitqies li r-rikorrenti tista’ tinvoka dritt li tagħti l-kunsens tagħha għall-użu konġunt minn terzi ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha, ħaġa li, kif jirriżulta mill-punti preċedenti, bl-ebda mod ma ġiet ipprovata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tikkonstata biss li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħdha tirrinunzja milli tagħmel użu minn tali dritt. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni ta’ argument speċifiku li jirrigwarda l-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni – li ser jiġi eżaminat aktar ’il quddiem (ara l-punti 218 et seq) – ir-rikorrenti ma tikkontestax il-validità jew il-legalità tad-diversi impenji proposti matul il-proċedura amministrattiva sabiex tingħata risposta għat-tħassib espost mill-Kummissjoni.

88      Dawn l-impenji kellhom bħala effett li jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-kuntratt ta’ servizzi nnotifikat minn DSD, għal finijiet ta’ ċertifikazzjoni negattiva jew ta’ eżenzjoni, billi indikaw lill-Kummissjoni b’liema mod DSD kellha l-intenzjoni li ġġib ruħha fil-futur. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ħadet in kunsiderazzjoni dawn l-impenji fl-evalwazzjoni tagħha, b’tali mod li DSD kisbet id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni li hija kienet talbet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu pożizzjoni fuq l-eżistenza jew le tad-dritt ta’ DSD li tissuġġetta għall-kunsens tagħha l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, peress li din l-impriża kienet irrinunzjat, fl-impenji tagħha, li topponi dan l-użu konġunt.

89      Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-allegat dritt ta’ DSD li topponi l-użu konġunt minħabba l-impenji li DSD ipproponiet f’dan ir-riġward sabiex tirrispondi għall-problemi identifikati mill-Kummissjoni. Għalhekk, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina l-legalità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl ta’ element li għalih ir-rikorrenti kienet irrinunzjat.

2.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ħtieġa għall-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir.

a)     L-argumenti tal-partijiet

90      B’analoġija mal-ġurisprudenza fuq l-installazzjonijiet essenzjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Magill”, C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, punti 53 u 54 u tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C-7/97, Ġabra p. I-7791, punt 41; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/98, Ġabra p. II-3141), ir-rikorrenti ssostni li l-użu konġunt, impost mill-ewwel obbligu, għandu jkun indispensabbli għall-attivita tal-kompetituri ta’ DSD, li mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

91      F’dak li jirrigwarda s-sistemi kollettivi, ir-rikorrenti ssostni li dawn is-sistemi jista’ jkollhom aċċess għal madwar 70 % tas-suq mingħajr ma jirrikorru għall-użu konġunt. Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika li madwar 70 % ta’ l-imballaġġi pproċessati mis-sistema tagħha (dawk tal-ħġieġ, il-parti l-kbira ta’ l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun, u l-imballaġġi ħfief fin-nofsinhar tal-Ġermanja) jinġabru permezz ta’ sistemi ta’ depożitu volontarju, jiġifieri jew permezz ta’ kontenituri installati f’postijiet previsti għal dan il-għan, jew permezz ta’ postijiet speċjalizzati għar-rimi ta’ skart. Dawn is-sistemi jikkostitwixxu r-regola u mhux soluzzjoni iżolata, kif ġie indikat fid-deċiżjoni (ara l-punt 34). Għalhekk ikun biżżejjed li s-sistemi kollettivi kompetituri jinstallaw il-kontenituri tagħhom stess sabiex ma jkollhomx bżonn jirrikorru għall-użu konġunt. Ir-rikorrenti ssemmi wkoll l-eżempju tal-“boroż blu”, użati minn Landbell f’April 1998 sabiex tiġbor ċerti tipi ta’ imballaġġi fil-Lahn-Dill-Kreis, sabiex tindika li sistema ta’ ġbir distinta mis-sistema DSD tista’ tiġi stabbilita mingħajr diffikulta. Barra minn hekk, mid-digriet tal-Verwaltungsgerichtshof Kassel (Tribunal amministrattiv superjuri ta’ Kassel, il-Ġermanja), ta’ l-20 ta’ Awwissu 1999, jirriżulta li sistemi kollettivi kompetituri jistgħu jiġu sfruttati “waħda ħdejn l-oħra”, u dan ifisser li dawn jistgħu jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħhom stess.

92      F’dak li jirrigwarda s-sistemi individwali, ir-rikorrenti tfakkar li dawn is-sistemi ma jistgħux, ġeneralment, jiġbru l-imballaġġi f’installazzjonijiet ta’ ġbir li jinsabu fil-viċinanzi tar-residenzi tal-konsumaturi, sitwazzjoni li madankollu tista’ tkun possibbli minħabba l-ewwel obbligu. Din l-interdizzjoni hija deteminanti sabiex jiġu rrispettati r-rati ta’ rkupru imposti fid-digriet. Bħala eċċezzjoni, ir-rikorrenti tammetti li s-sistemi individwali jistgħu jiġbru l-imballaġġi mir-residenzi tal-konsumatur jew mill-viċinanzi tagħhom f’każijiet marġinali, jiġifieri l-impriżi ta’ artiġjanat, in-negożji u l-industriji żgħar u l-bejgħ bil-posta (ara l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, p. 7). Madankollu, f’dawn iż-żewġ oqsma periferiċi, sistemi individwali diġà jisfruttaw installazzjonijiet ta’ ġbir li huma tagħhom stess u għalhekk l-użu konġunt mhuwiex meħtieġ.

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 253 KE billi ma tesponix b’liema mod l-użu konġunt huwa indispensabbli għall-attività tal-kompetituri ta’ DSD. F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet ta’ ġbir, id-deċiżjoni kellha tinkludi studji fuq l-istruttura tas-suq u fuq l-allegati restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex jiġi stabbilit il-karattru indispensabbli ta’ l-użu konġunt. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-organizzazzjoni tat-territorju, għan-natura ta’ l-infrastruttura ta’ ġbir u għad-drawwiet stabbiliti sewwa fi ħdan il-konsumaturi f’dak li jirrigwarda ġbir (ara l-punt 41), il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq fatti verifikabbli. Bl-istess mod, il-fatt li fl-istess premessa l-Kummissjoni tafferma li ż-żieda ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir “f’ħafna każijiet ma tkunx profittabbli wisq” mhuwiex suffiċjenti. F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet ta’ għażla, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni ma fiha l-ebda motivazzjoni li tippermetti li tiġi spjegata l-ħtieġa ta’ l-użu konġunt tagħhom, ħlief għall-indikazzjoni ġenerali fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata li tali użu konġunt huwa meħtieġ sabiex tiġi ostakolata l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni.

94      Il-Kummissjoni tqis li r-referenza li saret għall-ġurisprudenza fuq l-installazzjonijiet essenzjali mhijiex rilevanti peress li l-installazzjonijiet ta’ ġbir mhumiex ta’ DSD u li terzi għandhom ikunu jistgħu jużawhom mingħajr il-kunsens tagħha. F’dan il-każ, għandu pjuttost jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tagħti eżenzjoni skond l-Artikolu 81(3) KE għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni billi torbot din l-eżenzjoni ma’ obbligu intiż sabiex jassigura ż-żamma tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, fil-premessi 133 sa 139 (ara l-punti 33 sa 36) id-deċiżjoni tindika r-raġunijiet għalfejn l-aċċess tal-kompetituri ta’ DSD għall-installazzjonijiet ta’ ġbir huwa essenzjali. Bl-istess mod, il-klawżola ta’ esklużività li torbot lil DSD ma’ l-impriżi ta’ ġbir, eżaminata fil-premessi 128, 160 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, tostakola kunsiderabbilment id-dħul ta’ kompetituri fis-suq (ara l-punti 30 u 40). Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li, li kieku l-ewwel obbligu ma ġiex impost, il-klawżola ta’ esklużivita li tgħaqqad lir-rikorrenti u lill-impriżi ta’ ġbir ikollha l-effett li tostakola d-dħul tal-kompetituri ta’ DSD fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward.

95      F’dak li jirrigwarda l-kritika  fir-rigward ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir għas-sistemi kollettivi, il-Kummissjoni u Landbell jenfasizzaw li dan l-użu huwa meħtieġ sabiex ikun hemm kompetizzjoni effettiva. Landbell tindika, barra minn hekk, li, sa mill-bidu tagħha, is-sistema DSD ikkondividiet l-installazzjonijiet ta’ ġbir tad-distretti li kienu diġà jeżistu sabiex tiġbor l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun kif ukoll tal-ħġieġ.

96      F’dak li jirrigwarda l-kritika fir-rigward ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir għas-sistemi individwali, il-Kummissjoni tfakkar li dan l-użu jista’ jkun possibbli biss meta jkun hemm sovrapożizzjoni bejn il-postijiet ta’ ġbir tas-sistemi individwali u dawk tas-sistema DSD skond id-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel obbligu japplika għas-sitwazzjonijiet fejn is-sistemi individwali huma awtorizzati jiġbru mingħand il-konsumaturi. F’każ bħal dan il-Kummissjoni tindika li l-użu konġunt għandu jseħħ biss meta l-postijiet ta’ ġbir ma jkunux jistgħu jilqgħu aktar minn installazzjoni waħda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistemi individwali jkollhom bżonn l-użu konġunt f’dak li jirrigwarda l-imballaġġi li jkunu ġejjin mill-bejgħ bil-posta biss meta l-fatturat tal-klijenti tagħhom tant ikun żgħir li ma jkunx ekonomikament vijabbli li jiġu installati kontenituri ta’ ġbir f’“distanza raġjonevoli” mill-post ta’ l-istabbiliment ta’ dawn il-klijenti.

97      F’dak li jirrigwarda l-kritika fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ għażla, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tikkunsidrax il-fatt li, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, l-imballaġġi jkollhom bilfors jintgħażlu b’mod komuni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      Permezz ta’ referenza għall-ġurisprudenza Magill, li tikkonċerna sitwazzjoni fattwali fejn il-persuna interessata tista’ tinvoka dritt inkontestabbli li tiddisponi mill-installazzjonijiet in kwistjoni – li mhuwiex il-każ f’din il-kawża (ara l-punti 87 sa 89) ­–, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ewwel obbligu għandu jiġi annullat safejn jimponi l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, inklużi l-installazzjonijiet ta’ għażla, mingħajr m’huwa meħtieġ sabiex jippermetti l-attività tas-sistemi kollettivi u tas-sistemi individwali jew mingħajr m’huwa suffiċjentement immotivat fis-sens ta’ l-Artikolu 253 KE.

99      Sabiex jiġi eżaminat dan l-argument, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid b’mod ċar li l-għan ta’ l-ewwel obbligu, li jipprovdi li DSD ma tistax tipprojbixxi lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu kuntratti ma’ kompetituri ta’ DSD li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jużaw il-kontenituri tagħhom u installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla, huwa li “tiġi ostakolata l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni”, jiġifieri, minn naħa, is-suq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, is-suq ulterjuri ta’ l-organizzazjzoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi (ara l-punt 48, il-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, in konnessjoni mal-punt 46, il-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-identifikazzjoni tas-swieq in kwistjoni).

100    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda s-sinjifikat tal-kliem “kompetituri ta’ DSD” li jidher fl-ewwel obbligu, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tas-sistemi kollettivi, li huma mingħajr ebda dubju l-kompetituri ta’ DSD fiż-żewġ swieq iċċitati aktar ’il fuq, u s-sistemi individwali, li l-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn is-swieq hija biss marġinali, peress li dawn, bħala prinċipju, ikollhom jiġbru l-imballaġġi fil-post tal-bejgħ jew fil-viċinanzi tiegħu u mhux mingħand il-konsumaturi (ara l-punti 5 u 6).

 i) Fuq il-ħtieġa ta’ l-użu konġunt għas-sistemi kollettivi kompetituri

101    Essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li d-diversi tipi ta’ installazzjonijiet użati mis-sistema DSD fit-territorju Ġermaniż kollu jikkostitwixxu restrizzjoni, u l-aċċess għalihom huwa neċessarju sabiex is-sistemi kollettivi l-oħra jkunu jistgħu jikkompetu ma’ DSD fis-suq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi, u għaldaqstant, li jkunu attivi fis-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi.

102    Għal dan il-għan, l-installazzjonijiet imsemmija fl-ewwel obbligu huma ddefiniti b’mod aktar preċiż bħala l-“kontenituri u installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi” ta’ l-impriżi ta’ ġbir li kkonkludew kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD. Dawn l-installazzjonijiet jissemmew ukoll fid-deċiżjoni bl-isem ta’ “infrastrutturi ta’ ġbir” (premessi 162, 164, 171 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata) jew taħt l-intestatura ġenerali ta’ “installazzjonijiet ta’ ġbir” (premessi 164 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond id-deċiżjoni, dawn huma kontenituri, imqiegħda fil-viċinanzi tar-residenza tal-konsumaturi f’postijiet riżervati għal dan il-għan kif ukoll infrastrutturi meħtieġa għall-ġbir tal-boroż tal-plastik jew għat-tbattil tal-kontenituri mqassma lill-konsumaturi mill-impriża ta’ ġbir (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

103    Bl-istess mod, safejn l-għażla tal-materjal hija kompetenza ta’ l-impriżi ta’ ġbir, il-kunċett ta’ installazzjoni ta’ ġbir jinkludi wkoll iċ-ċentri speċjalizzati fejn ġeneralment issir din l-għażla. Din l-ispjegazzjoni, esposta fil-premessa 32 tad-deċiżjoni, tippermetti li wieħed jifhem għal liema raġuni l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir jirrigwarda wkoll l-installazjonijiet ta’ għażla. Fil-fatt, il-fażi ta’ ġbir hija biss l-ewwel stadju tal-proċess ta’ rkupru ta’ l-imballaġġi u l-fażi ta’ għażla tikkostitwixxi l-pass loġiku u l-konsegwenza neċessarja ta’ dan il-ġbir. Għaldaqstant, mill-mument meta l-impriżi ta’ ġbir ikunu jistgħu jagħmlu l-ġbir ta’ l-imballaġġi koperti mis-sistema DSD u ta’ dawk li jaqgħu taħt sistemi kollettivi oħra, dawn l-impriżi jkunu jistgħu ukoll jagħmlu l-għażla tal-kwantitajiet miġbura f’isem dawn id-diversi sistemi. Dawn il-fatti huma magħrufa sewwa mir-rikorrenti peress li l-kuntratt ta’ servizzi jkopri kemm il-ġbir kif ukoll l-għażla. Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni tqis li s-suq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi jinkludi kemm il-ġbir u kif ukoll l-għażla ta’ l-imsemmija imballaġġi, żewġ attivitajiet distinti li jeħtieġu infrastrutturi differenti, iżda li jikkostitwixxu suq uniku minħabba l-fatt tad-domanda globali għal dawn is-servizzi minn DSD (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

104    Għalhekk ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni ta’ l-installazzjonijiet ta’ għażla fil-kunċett ġenerali ta’ installazzjonijiet ta’ ġbir u l-ilment li r-rikorrenti tagħmel fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.

105    Sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa li jiġi previst użu konġunt ta’ l-installazjonijiet ta’ ġbir sabiex is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD ikun jista’ jkollhom aċċess għal, u jibqgħu fuq, is-swieq tal-ġbir u ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru mingħand il-konsumaturi, id-deċiżjoni teżamina s-sehem li l-impriżi ta’ ġbir għandhom fil-kuntest ta’ sistema kollettiva u l-karateristiċi ta’ l-installazjonijiet ta’ ġbir.

106    F’dak li jirrigwarda l-impriżi ta’ ġbir, fid-deċiżjoni jiġi ġustament osservat li “huwa ekonomikament profitabbli li sistema kollettiva tagħti territorju kuntrattwali kollu lil impriża waħda ta’ ġbir”, peress li s-servizzi ta’ ġbir mingħand il-konsumaturi huma kkaratterizzati minn effetti kunsiderabbli ta’ netwerk u ta’ ekonomika ta’ skala u ta’ portata (premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-fatt li, għal territorju partikolari, DSD tiffirma kuntratt ma’ impriża ta’ ġbir waħda jiffaċilità l-ksib ta’ l-awtorizzazzjonijiet u ta’ l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi sodisfatta l-leġiżlazzjoni applikabbli u jippermetti l-ġbir ta’ l-imballaġġi fit-territorju kollu kkonċernat mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jsir użu mis-servizzi ta’ diversi kumpanniji.

107    Fid-deċiżjoni jiġi wkoll ġustament osservat li huwa pjuttost improbabbli, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija ta’ lokalità u ta’ loġistika, li sistema kollettiva oħra tirrikorri għas-servizzi ta’ impriżi ta’ ġbir li ma jieħdux sehem fis-sistema DSD, li tirrapreżenta 80 % tad-domanda fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-fatt li 80 % ta’ l-imballaġġi li jistgħu jinġabru mingħand il-konsumaturi diġà huma s-suġġett ta’ netwerk ta’ impriżi ta’ ġbir awtorizzati mill-awtoritajiet territorjali, jagħmel it-twaqqif ta’ netwerks paralleli ħafna aktar diffiċli. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni tqis li huwa pjuttost improbabbli li jinħoloq netwerk ieħor bħan-netwerk stabbilit mill-impriżi ta’ ġbir li jagħmlu parti mis-sistema DSD.

108    F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet ta’ ġbir, bħala tali, fid-deċiżjoni jiġi ġustament indikat li, għal raġunijiet essenzjalment marbuta ma’ l-organizzazzjoni tat-territorju, man-natura ta’ l-infrustruttura ta’ ġbir, kif ukoll minħabba drawwiet stabbiliti sewwa fi ħdan il-konsumaturi f’dak li jirrigwarda ġbir, f’ħafna każijiet ma jidhirx li huwa profittabbli wisq li jkun hemm diversi installazzjonijiet ddedikati għall-konsumaturi (premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan jista’ jinftihem peress li t-tkattir ta’ l-installazzjonijiet la huwa fl-interess ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, li jagħtu l-kunsensi u l-awtorizzazzjonijiet neċessarji, u lanqas fl-interess tal-konsumaturi, li l-kooperazzjoni tagħhom hija meħtieġa sabiex is-sistemi kollettivi jirnexxu, peress li huma dawn ta’ l-aħħar li jqiegħdu l-imballaġġi fil-boroż li jinġabru, fil-kontenituri li jitbattlu jew fil-kontenituri rilevanti.

109    Minn dan il-lat, li l-konsumaturi jiġu mitluba jimlew żewġ boroż ta’ l-imballaġġi, jew aktar, skond is-sistema kollettiva użata u mhux skond il-materjali, jew li jiġu mitluba li fir-residenza tagħhom iżommu żewġ kontenituri, jew aktar, li jitbattlu b’mod differenti skond is-sistema użata, ikun kontroproduttiv, jekk mhux ukoll inkompatibbli mal-mod ta’ kif tiġi organizzata l-kompetizzjoni meta l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li juża diversi sistemi kollettivi sabiex jiggarantixxi t-teħid lura u l-irkupru tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, DSD vs Il-Kummissjoni, T-151/01, Ġabra p. II-1607, punti 129 sa 139 fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tesponi l-kontenut ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-funzjonament tas-sistemi li jagħqdu flimkien diversi sistemi kollettivi sabiex jiġi ggarantit il-ġbir u l-irkupru ta’ l-imballaġġi). Huwa f’dan is-sens li għandhom jiġu interpretati l-kliem “drawwiet stabbiliti sewwa fi ħdan il-konsumaturi f’dak li jirrigwarda ġbir” (premessi 93 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata), li jixtiequ jikkontribwixxu għat-titjib ta’ l-ambjent, iżda b’mod li joħloqilhom l-inqas inkonvenjent possibbli.

110    Bl-istess mod, il-multiplikazzjoni tas-sistemi ta’ ġbir tal-boroż jew ta’ tbattil tal-kontenituri, l-istess bħall-multiplikazzjoni tal-kontenituri jew tal-postijiet previsti sabiex il-konsumatur ikun jista’ jeħles mill-imballaġġi fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu mhijiex ekonomikament raġjonevoli, safejn il-postijiet disponibbli huma limitati (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata) u safejn l-istess kontenitur jista’ jservi għal żewġ sistemi kollettivi jew aktar, bl-istess mod bħalma attwalment jiġri f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-imballaġġi tal-karti jew tal-kartun li jaqgħu taħt is-sistema DSD, u min-naħa l-oħra, il-materjal stampat (gazzetti u rivisti) li jaqgħu taħt il-kunsilli (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk il-Kummissjoni setgħet ġustament tieħu in kunsiderazjoni l-organizzazzjoni tat-territorju u n-natura ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir sabiex tevalwa f’liema kundizzjonijiet kien possibbli li s-sistemi kollettivi jingħataw aċċess għall-konsumaturi.

111    Dawn il-kunsiderazzjonijiet soċjoloġiċi u ekonomiċi huma magħrufa sewwa minn DSD li ħadithom in kunsiderazzjoni matul it-twaqqif tas-sistema tagħha. Fil-fatt, sa mill-bidu, DSD iddeċidiet li tuża l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kunsilli li kienu diġà jeżistu għall-ġbir ta’ l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun kif ukoll dawk tal-ħġieġ. Għalhekk dawn l-installazzjonijiet li kienu diġà jeżistu ppermettew li s-sistema DSD tiġi implementata rapidament u b’mod effiċjenti sabiex tilħaq faċilment lill-konsumaturi li kienu diġà mdorrija jużaw il-postijiet previsti għad-depożitu ta’ dawn it-tipi ta’ imballaġġi.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, kif mitlub mil-liġi, ir-raġunijiet għalxiex l-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir li ffirmaw kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD jikkostitwixxu restrizzjoni għas-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD, fosthom Landell, waħda mill-kompetituri prinċipali ta’ DSD.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk DSD tiġi awtorizzata li twaqqaf lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu jew jonoraw kuntratti mal-kompetituri ta’ DSD dawn il-kompetituri jiġu effettivament imċaħħda minn kull possibbiltà serja li jidħlu u li jibqgħu fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi, u l-Kummissjoni tista’ ġustament tikkonkludi li l-użu konġunt huwa neċessarju sabiex tiġi evitata kull eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

114    Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata fl-argumenti li r-rikorrenti tressaq sabiex tikkritika l-ħtieġa ta’ l-użu konġunt għas-sistemi kollettivi.

115    Għalhekk, il-fatt li 70 % tal-piż ta’ l-imballaġġi miġbura mir-rikorrenti huwa s-suġġett ta’ ġbir permezz ta’ sistema fejn il-materjal jittieħed volontarjament f’kontenituri jew f’postijiet speċjalizzati għar-rimi ta’ skart u mhux permezz ta’ sistema ta’ ġbir tal-boroż jew ta’ tbattil tal-kontenituri, ma jikkontestax ir-raġunament, iċċitat aktar ’il fuq, li kemm l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema ta’ depożitu volontarju kif ukoll l-infrastrutturi ta’ ġbir użati mis-sistema ta’ ġbir jikkostitwixxu restrizzjoni li għalihom is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD għandu jkollhom aċċess sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur.

116    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-eżempju tal-“boroż blu” li Landbell użat fil-Lahn-Dill-Kreis, li r-rikorrenti tinvoka bħala eżempju tal-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ ġbir awtonoma, ma jistax jiġi injorat il-fatt li dan l-eżempju ma kienx jirigwarda Land iżda biss distrett, u dan jipprekludi li b’xi mod jiġi awtorizzat bħala sistema kollettiva, li f’dan il-każ dan kien proġett pilota mwaqqaf bl-għajnuna ta’ l-awtoritajiet lokali u li DSD ressqet azzjoni legali kontra din is-sistema. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’effett mid-deċiżjoni, Landbell setgħet effettivament terġa’ tidħol fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi bħala sistema kollettiva għal-Land ta’ Hessen, fejn Landbell tuża, bil-kunsens ta’ l-impriżi in kwistjoni u ta’ l-awtoritajiet lokali kkonċernati, l-istess installazzjonijiet ta’ ġbir bħal dawk użati mis-sistema DSD.

117    Fl-aħħar nett, iċ-ċitazzjoni ta’ silta mid-digriet tal-Verwaltungsgerichtshof Kassel ta’ l-20 ta’ Awwissu 1999, fejn huwa previst li s-sistemi kollettivi jiġu stabbiliti “waħda ħdejn l-oħra”, ma tippermettix, għaldaqstant, li jiġi konkluż li sistemi kollettivi kompetituri għandhom jużaw installazzjonijiet ta’ ġbir separati.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tindika, kif titlob il-liġi f’dak li jirrigwarda l-obbligi li l-Kummissjoni għandha fid-dawl ta’ l-Artikolu 81 KE u l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raġunijiet li għalihom l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, inklużi l-installazzjonijet ta’ għażla, ta’ l-impriżi li kkonkludew kuntratt ma’ DSD huwa neċessarju sabiex is-sistemi kollettivi kompetituri jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi u, għaldaqstant, li jkunu attivi fis-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi.

119    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-karattru żbaljat jew fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-użu konġunt sabiex tinżamm il-kompetizzjoni bejn is-sistemi kollettivi.

 ii) Fuq l-allegata ħtieġa ta’ l-użu konġunt għas-sistemi individwali

120    Għandu jiġi osservat li, peress li DSD hija awtorizzata bħala sistema kollettiva fil-Länder kollha Ġermaniżi, huwa evidenti li l-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD” li għalih jirreferi l-ewwel obbligu jkopri, prinċipalment, is-sistemi kollettivi kompetituri kollha, jiġifieri s-sistemi kollha awtorizzati mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jieħdu lura u jirkupraw l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi. Madankollu tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan il-kunċett jkoprix ukoll is-sistemi individwali. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-użu konġunt mhuwiex meħtieġ għas-sistemi individwali filwaqt li l-Kummissjoni, fis-sottomissjonijiet tagħha, issostni li l-ewwel obbligu japplika għas-sistemi individwali meta dawn ikunu awtorizzati li jiġbru mingħand il-konsumaturi.

121    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-ewwel obbligu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD” ma jkoprix is-sistemi individwali iżda s-sistemi kollettivi biss, u dan għar-raġunijiet segwenti.

122    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li ma jistax jiġi kkontestat li s-sistemi individwali għandhom, bħala prinċipju, jiġbru l-imballaġġi fil-postijiet tal-bejgħ jew fil-viċinanzi tagħhom u mhux mingħand il-konsumaturi. Interpretazzjoni bħal din hija bbażata fuq il-kliem tad-digriet fuq l-imballaġġi (ara l-punti 5 u 6). Din hija bbażata wkoll fuq l-osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li minnhom jirriżulta li “ir-rati ta’ teħid lura imposti [fid]-digriet jistgħu jintlaħqu biss permezz tat-teħid lura ta’ l-imballaġġi fil-punt ta’ bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati [tiegħu], u li eventwali ġbir organizzat fil-viċinanzi tar-residenzi ma jistax jiġi inkluż f’dawn ir-rati” (osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, p. 3 sa 6; premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi allegat li s-sistemi individwali u s-sistemi kollettivi huma kompetituri diretti f’dak li jirrigwarda l-ġbir mingħand il-konsumaturi.

123    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-partijiet ma baqgħux jikkontestaw li, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ċċitat aktar ’il fuq, is-sistemi individwali jistgħu jintervjenu marġinalment fuq is-suq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi u, għaldaqstant, fuq is-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi. Għalhekk, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq tal-ġbir, il-Kummissjoni tosserva li, jekk l-interpretazzjoni adottata mill-awtoritajiet Ġermaniżi kellha tiġi aċċettata (ara l-punt 122), “is-sistemi individwali jkollhom joperaw fuq in-naħa tad-domanda ta’ dan is-suq fil-periferija tiegħu biss, b’mod partikolari fis-settur tal-postijiet ta’ ġbir li jistgħu jiġu assimilati ma’ residenzi privati jew dak tal-kunsinna lill-konsumaturi privati” (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata moqrija flimkien mal-premessa 15 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, ara wkoll il-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, b’risposta għall-argument ta’ DSD li l-ġbir mingħand il-konsumaturi ma kienx possibbli fil-kuntest tas-sistemi individwali, il-Kummissjoni tosserva li “ma jistax jiġi kkontestat li l-imballaġġi ta’ merkanzija kkonsenjata lill-konsumaturi privati (bejgħ bil-posta, kunsinni mingħand negozjanti żgħar) għandhom ukoll jittieħdu lura minn sistemi individwali fil-viċinanzi tal-post ta’ residenza tal-konsumatur privat” (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-partijiet jaqblu meta jirrikonoxxu li l-possibbiltajiet li sistema individwali tintervjenti fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi huma limitati għal żewġ ipoteżi ta’ sovrapożizzjoni definiti fid-digriet fuq l-imballaġġi. L-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżi tirrigwarda l-kumpanniji ta’ bejgħ bil-posta li jużaw sistema individwali. Fil-fatt, skond is-sitt sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tad-digriet fuq l-imballaġġi, fil-każ ta’ bejgħ bil-posta, “it-teħid lura għandu jiġi assigurat permezz ta’ possibbiltà ta’ restituzzjoni f’distanza aċċettabbli għall-konsumatur finali”. Dan ifisser li l-kunċett ta’ teħid lura fil-post tal-bejgħ, li fil-prinċipju jikkaratterizza s-sistema individwali, għandu f’dan il-każ ikun jista’ jsir fil-viċinanzi tal-konsumatur. It-tieni ipoteżi tirrigwarda l-każ fejn id-destinatarju ta’ l-imballaġġi huwa assimilat ma’ konsumatur fid-digriet. Għalhekk, mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 3(10) tad-digriet jirriżulta li l-“ħwienet fejn iservu l-kafè, il-ħotellijiet, il-kantinijiet, l-amministrazzjonijiet, il-kwartieri tas-suldati, l-isptarijiet, l-istabbilimenti edukattivi, l-istituzzjonijiet tal-karità, il-professjonijiet li jaħdmu għal rashom kif ukoll l-impriżi agrikoli u l-impriżi ta’ l-artiġjanat minbarra l-istamperiji u impriżi oħra li jipproċessaw il-karta, li l-iskart tagħhom jista’ jiġi eliminat b’ritmu normali bħal dak tar-residenzi permezz tal-ġbir tradizjonali tal-karti, tal-kartun, tal-kartunċin u ta’ imballaġġi oħra ħfief b’kontenituri li jesgħu sa massimu ta’ 1,100 litru għal kull grupp ta’ materjal” huma kkunsidrati bħala konsumaturi.

125    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, b’differenza mis-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD, li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni tesponi r-raġunijiet għalxiex l-impriżi ta’ ġbir kontraenti ta’ DSD u l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħhom jikkostitwixxu restrizzjoni, il-Kummissjoni ma tispjegax għalxiex huwa meħtieġ li s-sistemi individwali jkollhom aċċess għal dawn l-impriżi u għall-installazzjonijiet tagħhom sabiex tinżamm il-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni.

126    Għall-kuntrarju, fl-analiżi tagħha tal-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-kompetizzjoni (ara l-punt 40), il-Kummissjoni tindika li “l-impriżi ta’ ġbir li ma jiffurmawx parti mis-sistema DSD dejjem ħa jsibu offerti fil-qasam tas-sistemi ta’ ġbir individwali” filwaqt li tippreċiża li “dawn ta’ l-aħħar huma, f’kull każ, possibbli għal ċerti abbinamenti ta’ imballaġġi u ta’ postijiet ta’ depożitu fil-marġni tas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur” (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata b’referenza għall-premessa 87 ta’ l-imsemmija deċiżjoni). Din l-ispjegazzjoni tagħti l-wieħed x’jifhem li l-Kummissjoni ma kinitx imħassba, jew f’kull każ ma kinitx għadha mħassba fid-dawl ta’ l-impenji proposti minn DSD (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata), dwar il-possibbiltà li sistemi individwali jsibu impriża ta’ ġbir sabiex tieħu lura u tirkupra l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi fil-każ tas-sovrapożizzjoni prevista fid-digriet.

127    Din l-analiżi hija kkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni tosserva, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru sensittiv tal-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir fuq il-kompetizzjoni (ara l-punt 30), li “l-unika każ fejn jista’ jkun previst li jsir użu minn impriżi ta’ ġbir oħra (u għalhekk li jiġu installati kontenituri ta’ ġbir addizzjonali) jikkonċerna ċerti postijiet li jistgħu jiġu assimilati mar-residenzi, per eżempju sptarijiet u kantinijiet, sakemm jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-loġistika u l-imballaġġi” (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan ifisser li, f’dawn il-każijiet, jista’ jkun possibbli li żewġ sistemi ta’ ġbir jitħallew jeżistu fl-istess ħin.

128    Fil-fatt, b’mod differenti mis-sistemi kollettivi, li għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet stretti f’dak li jirrigwarda kopertura tat-territorju, is-sistemi individwali jistgħu jillimitaw ruħhom li jieħdu lura l-imballaġġi fil-post fejn dawn jiġu kkummerċjalizzati. Għalhekk, għalkemm kien jidher diffiċli, għar-raġunijiet esposti aktar ’il fuq (ara l-punti 105 sa 113), li jiżdiedu l-installazzjonijiet kollha meħtieġa għal sistema kollettiva, huwa eħfef għal sistema individwali li tikseb li t-tieni installazzjoni titqiegħed f’tali jew tali post sabiex hija tkun tista’ tiġbor l-imballaġġi li jaqgħu taħt is-sistema tagħha.

129    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet li jippermettu li jinftiehem b’liema mod l-użu konġunt jista’ jkun neċessarju għas-sistemi individwali sabiex “tiġi ostakolata kull eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni”, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “kompetitur ta’ DSD” użat fl-ewwel obbligu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix is-sistemi individwali iżda biss is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD.

130    Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD” hija barra minn hekk ikkonfermata f’silta tad-deċiżjoni, fejn jiġi espressament indikat li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir minn “sistemi kompetituri” ma jikkonċernax is-sistemi individwali. Fil-fatt, sabiex tiċħad argument li DSD ressqet kontra l-użu konġunt tal-kontenituri minn sistemi kompetituri, il-Kummissjoni tosserva li dan l-argument jirrigwarda “biss il-kwistjoni ta’ jekk is-sistemi individwali jistgħux jiġbru jew jixtru imballaġġi ddepożitati fil-viċinanzi tar-residenzi tal-konsumaturi u għalhekk ma jirrigwardax il-problema ta’ l-użu konġunt tal-kontenituri flimkien mas-sistemi kompetituri” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 16 fir-rigward tal-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kwotazzjoni, li tikkuntrasta sistemi individwali u sistemi kompetituri, teskludi b’mod ċar is-sistemi individwali mill-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, li huwa għalhekk illimitat għas-sistemi kompetituri, jiġifieri s-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD.

131    F’dan il-kuntest, m’hemmx lok li tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn l-ewwel obbligu jikkonċerna s-sistemi individwali.

132    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni uħud mill-argumenti li l-Kummissjoni invokat fl-istadju tal-kontroreplika li jgħidu li l-użu konġunt jista’ jkun neċessarju fil-każ ta’ fatturat dgħajjef, fir-rigward tas-sistemi individwali li jieħdu ħsieb l-imballaġġi kkonsenjati fil-kuntest tal-bejgħ bil-posta, u fil-każ fejn installazzjoni ta’ ġbir waħda biss tkun tista’ tiġi installata, per eżempju fi sptar, fir-rigward tal-postijiet ta’ depożitu li jistgħu jiġu assimilati mal-konsumaturi. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jinstabux fid-deċiżjoni kkontestata (fil-każ tal-fatturat) jew jikkontradixxuha (fil-każ ta’ l-isptar) u l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni matul is-seduta ma jistgħux jirrimedjaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C-329/93, C-62/95 u C-63/95, Ġabra p. I-5151, punti 47 u 48, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T-93/02, Ġabra p. II-143, punt 126).

3.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-impossibbiltà li jiġi impost obbligu sabiex jirrimedja għal eventwali ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 82 KE

a)     L-Argumenti tal-partijiet

133    Sabiex tirrispondi għall-argumenti ppreżentati fid-difiża (ara l-punt 94), ir-rikorrenti ssostni li l-eventwali ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE, invokat mill-Kummissjoni, huwa purament spekulattiv u ma jistax jiġġustifika l-ewwel obbligu, li – f’kull każ – jista’ jkollu bħala għan biss il-prevenzjoni ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq fejn tkun ġiet ikkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri s-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi.

134    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-unika restrizzjoni tal-kompetizzjoni identifikata fid-deċiżjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, tinsab fil-klawżola ta’ esklużività konkluża minn DSD favur l-impriżi ta’ ġbir (ara l-punti 28 sa 32). Din ir-restrizzjoni tikkonċerna s-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi u teskludi lill-impriżi ta’ ġbir l-oħra milli joffru s-servizzi tagħhom lil DSD, u dan ikollu l-effett li jnaqqas konsiderabbilment il-kompetizzjoni bejn l-impriżi ta’ ġbir fit-territorju kuntrattwali (premessi 123, 124 u 140 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, l-imsemmija restrizzjoni kienet ġiet eżentata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81(3) KE (ara l-punti 37 sa 41), safejn, b’mod partikolari, din ma kinitx ta’ natura tali li telimina l-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi (premessi 158 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu, li l-għan iddikjarat tiegħu huwa li jippermetti l-aċċess tal-kompetituri għas-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tal-ġbir mingħand il-konsumaturi (premessi 162 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata), m’għandu l-ebda rabta mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ċċitata aktar ’il fuq, li ma tikkonċernax lill-kompetituri ta’ DSD fis-suq ta’ l-organizzazzjoni, iżda dawk ta’ l-impriżi ta’ ġbir kontraenti ta’ DSD. Għaldaqstant, l-ewwel obbligu mhuwiex ta’ natura tali li jintensifika l-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi.

135    It-tieni nett, ir-rikorrenti tesponi li l-Kummissjoni ma tistax timponi obbligu sabiex tostakola allegat perikolu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jew ta’ abbuż f’suq derivat, is-suq ta’ l-organizzazjoni mingħand il-konsumatur, li fir-rigward tiegħu l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma ġiet ikkonstatata, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, u lanqas ma ġiet eżentata a fortiori, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(3) KE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tgħid b’mod ċar li l-kuntratt ta’ servizzi ma fih l-ebda esklużività favur DSD f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha (ara l-punt 36). Bl-istess mod, il-Kummissjoni tosserva li ma teżisti l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tas-suq ta’ l-organizzazzjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tindika wkoll li l-ebda element ma jippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni li hemm ir-riskju li hija tista’ tilħaq tali ftehim ta’ esklużività mal-kontraenti tagħha jew li timponi din l-esklużivita b’mod unilaterali. F’dawn iċ-ċirkustanzi r-rikorrenti ssostni li s-suq li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE għandu jkun identiku għal dak eżaminat fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Barra minn dan, l-istess bħas-suġġett ta’ l-eżami ta’ l-Artikolu 81(3) KE, il-possibbiltà li jiġi impost obbligu skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17 hija wkoll limitata mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata abbażi ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 ma jistax iservi bħala bażi legali sabiex jiġi impost obbligu intiż sabiex jirregola allegata problema ta’ kompetizzjoni.

136    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku l-Kummissjoni setgħet timponi obbligu f’deċiżjoni ta’ eżenzjoni sabiex tipprevjeni restrizzjoni tal-kompetizzjoni fittizja f’suq derivat, hija ma setgħetx tagħmel dan fil-forma ta’ obbligu, li huwa miżura kompletament distinta [l-Artikolu 15(2)(b) tar-Regolament Nru 17], iżda kellha tagħmel dan fil-forma ta’ kundizzjoni li sservi sabiex tagħmel il-ftehim “eżentabbli” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1996, SNCF u British Railways vs Il-Kummissjoni, T-79/95 u T-80/95, Ġabra p. II-1491, punti 63 et seq). Dan huwa kkonfermat mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni (iċċitata fir-replika, noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 20 u Nru 21), li kważi dejjem rabtet id-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni tagħha b’kundizzjonijiet u mhux b’obbligi, jekk, u safejn, hija kienet tikkunsidra li mġiba partikolari kienet meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(3) KE.

137    Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-argument iċċitat aktar ’il fuq huwa inammissibbli peress li huwa motiv ġdid imressaq tard fis-sens ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-iskop ta’ l-ewwel obbligu huwa li jiggarantixxi l-impenji li DSD ipproponiet sabiex tirrimedja għal ċerti problemi identifikati matul il-proċedura amministrattiva u għal ċerti ambigwitajiet li kienu jinsabu f’dawn l-impenji. Għalhekk il-fattur rilevanti huwa li jsir magħruf jekk l-imġiba li DSD irrinunzjat milli tadotta setgħetx tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Issa, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi t-tħassib tagħha f’dan ir-rigward, tħassib li ma jikkonċernax biss il-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir iżda wkoll il-kwistjoni ta’ l-aċċess tal-kompetituri għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir kontraenti ta’ DSD. Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tagħha, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 81 KE, m’għandiex tillimita ruħha biss għas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur, li f’kull każ għandu żewġ aspetti – dak ta’ l-offerta ta’ servizzi mill-impriżi ta’ ġbir u dak tad-domanda ta’ servizzi minn DSD u mis-sistemi kollettivi l-oħra –, iżda tista’ tkopri wkoll l-eventwali effetti tal-kuntratt ta’ servizzi fuq is-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 i) Fuq l-ammissibbiltà

138    Bħala risposta għat-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex l-argument ta’ DSD, iċċitat aktar ’il fuq, jiġi ddikjarat inammissibbli peress li huwa motiv ġdid imressaq tard fis-sens ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi osservat li għalkemm din id-dispożizzjoni effettivament tipprojbixxi l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża, madankollu, motiv li jiżviluppa fuq motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu konnessjoni stretta ma dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. L-istess soluzzjoni għandha tiġi adottata fil-każ ta’ ilment invokat in sostenn ta’ motiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156).

139    Issa, f’dan il-każ, l-argument li DSD ressqet fir-replika tagħha ma jagħmel xejn ħlief jiżviluppa l-argumenti ppreżentati fir-rikors in sostenn ta’ l-illegalità ta’ l-ewwel obbligu fid-dawl ta’ l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk dawn l-argumenti sempliċement jirrispondu għall-argumenti li l-Kummissjoni ppreżentat fir-risposta tad-difiża tagħha sabiex tiffoka s-suġġett tal-kawża fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tagħti eżenzjoni għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni, skond l-Artikolu 81(3) KE, billi torbot din l-eżenzjoni b’obbligu bbażat fuq il-ħtieġa li l-kompetizzjoni tiġi protetta. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l-ewwel obbligu jikser l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17, ippreżentata għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, hija strettament marbuta ma’ dik tal-ksur ta’ l-Artikolu 81(3) KE magħmula fl-ewwel motiv, peress li dan il-motiv jikkontesta l-legalità ta’ l-ewwel obbligu fir-rigward tad-dritt applikabbli u li huwa preċiżament l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 li jippermetti lill-Kummissjoni sabiex torbot b’obbligu deċiżjoni ta’ eżenzjoni skond l-Artikolu 81(3) KE.

140    F’kull każ, il-Kummissjoni kellha l-opportunità, fil-kontroreplika u matul is-seduta, sabiex tesponi l-kummenti tagħha fuq dak li hija tikkunsidra bħala motiv ġdid.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandha tiġi miċħuda t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà ta’ l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi impost obbligu sabiex jirrimedja għal eventwali riskju ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 82 KE.

 ii) Fuq il-mertu

142    Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li r-rikorrenti tinvoka sabiex tallega li l-Kummissjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, torbot deċiżjoni ta’ eżenzjoni adottata abbażi ta’ l-Artikolu 81(3) KE b’obbligu impost abbażi ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17.

143    Skond l-Artikolu 81(3) KE, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE jistgħu jiġu ddikjarati inapplikabbli għal kull ftehim bejn impriżi li jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovi progress tekniku jew ekonomiku (l-ewwel kundizzjoni), filwaqt li fl-istess ħin, jassigura li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom (it-tieni kundizzjoni) mingħajr ma jimponi fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet (it-tielet kundizzjoni) u mingħajr ma jagħti lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni (ir-raba’ kundizzjoni).

144    Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17 jippermetti lill-Kummissjoni li torbot deċiżjoni ta’ eżenzjoni abottata abbażi ta’ l-Artikolu 81(3) KE b’kundizzjonijiet u obbligi.

145    F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni magħmula mir-rikorrenti hija żbaljata. Fil-fatt, fl-istadji kollha ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 81 KE, id-deċiżjoni kkontestata ma tillimitax ruħha li teżamina biss l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir, iżda hija kkunsidrat ukoll il-kwistjoni ta’ l-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir.

146    Dan huwa minnhu kemm f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(1) KE (premessi 28 sa 32 u l-premessi 33 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(3) KE (ara l-premessi 37 sa 39, f’dak li jikkonċerna l-ewwel tliet kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, fejn l-analiżi hija kkonċentrata fuq l-impriżi tal-ġbir, u l-premessi 40 u 41, fejn il-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-kompetizzjoni hija eżaminata fir-rigward ta’ l-impriżi ta’ ġbir, iżda wkoll, u fuq kollox, fir-rigward tas-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD).

147    Huwa biss fil-livell ta’ l-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħti sabiex tiġġustifika l-obbligi integrati mad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 li d-deċiżjoni sempliċement tinvoka l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess tal-kompetituri ta’ DSD għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir li kkonkludew kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD, u dan sabiex tilqa’ għar-riżervi li r-rikorrenti għamlet għal wieħed mill-impenji riprodotti fil-premessa 71, u sabiex tevita l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir mingħand il-konsumatur u fis-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tal-ġbir mingħand il-konsumatur (ara l-punti 42 u 45).

148    Barra minn hekk, fl-argument tagħha, ir-rikorrenti tagħmel distinzjoni artifiċjali bejn is-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi, li hija għandha l-intenzjoni li tillimita biss għall-impriżi ta’ ġbir li DSD tuża u għall-impriżi ta’ ġbir li ma kkonkludewx kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD, u s-suq ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru mingħand il-konsumaturi, li jikkonċerna lil DSD u lill-kompetituri tagħha. Fil-verità, kif huwa espost fid-deċiżjoni (ara l-punt 41), il-fattur rilevanti huwa pjuttost il-kwistjoni ta’ jekk is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD għandhomx jew le jkollhom aċċess għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi u, għaldaqstant, li jkunu attivi fis-suq ulterjuri ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi.

149    Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni tikkonċerna biss ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni identifikata fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 81(1) KE, jiġifieri l-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir. Din id-deċiżjoni tirrigwarda, fil-fatt, l-intier tal-kuntratt ta’ servizzi nnotifikat minn DSD u ppreċiżat mid-diversi impenji proposti minn din l-impriża sabiex tikkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu.

150    Għalhekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat li teżenta l-kuntratt ta’ servizzi minħabba li DSD assiguratha, b’mod partikolari, li ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kuntrat ma setgħet torbot lill-impriżi ta’ ġbir ma’ DSD u li hija ma kellhiex tieħu azzjonijiet ta’ inibizzjoni kontra terzi fil-każ ta’ użu konġunt. Dawn il-garanziji huma determinanti, peress li huma jippermettu lill-Kummissjoni li tikkunsidra li l-kundizzjoni ta’ eżenzjoni marbuta maż-żamma tal-kompetizzjoni hija, f’dan il-każ, sodisfatta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura amministrativa, il-Kummissjoni b’mod ċar indikat li fin-nuqqas ta’ tali garanziji hija ma kellhiex l-intenzjoni li tawtorizza jew li teżenta l-kuntratt ta’ servizzi, iżda li hija kienet qiegħda taħseb li jew tikkunsidra li l-eżistenza ta’ eventwali tfixkil ta’ l-aċċes tal-kompetituri ta’ DSD għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD kienet tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fiha nfisha (ara l-punt 33), jew li tistħarreġ jekk l-imġiba ta’ DSD intiża sabiex tostakola l-aċċess tal-kompetituri tagħha għall-imsemmija installazzjonijiet setgħetx tiġi mwaqqfa taħt l-Artikolu 82 KE (ara l-punt 35).

151    Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni billi bbażat ruħha kemm fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-klawżola ta’ esklużività favur l-impriżi ta’ ġbir kif ukoll fid-dawl tal-ħtieġa li tinżamm il-kompetizzjoni b’tali mod li s-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD ikollhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD (ara l-punti 118 u 128), il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 billi adottat l-ewwel obbligu.

152    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku l-Kummissjoni setgħet timponi obbligu fuq DSD fid-deċiżjoni kkontestata, hija setgħet tagħmel dan biss fil-forma ta’ kundizzjoni u mhux ta’ obbligu minħabba li l-konsegwenzi legali marbuta ma’ obbligu huma aktar sinjifikattivi minn dawk marbuta ma’ kundizzjoni. Fil-fatt, skond l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni tagħha jew tipprojbixxi atti speċifiċi mill-partijiet ikkonċernati, fejn dawn ta’ l-aħħar jikkommettu ksur ta’ xi obbligu marbut mad-deċiżjoni, u skond l-Artikolu 15(2)(b) ta’ l-istess Regolament, il-Kummissjoni tista’ timponi multa jekk ir-rikorrenti tikser obbligu.

153    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni jistgħu jkunu marbuta b’kundizzjonijiet u obbligi mingħajr ma jispeċifika abbażi ta’ liema kundizzjonijiet il-Kummissjoni għandha tagħżel bejn waħda jew l-oħra minn dawn il-possibbiltajiet. Barra minn dan, peress li l-Artikolu 81(3) jistabbilixxi, favur l-impriżi, eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandu jkollha, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ kif hija torbot eżenzjoni, setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni filwaqt li tibqa’ obbligata li tirrispetta l-limiti li l-Artikolu 81 KE jimponi fuq il-kompetenza tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 16).

154    Il-fatt li f’każijiet oħra l-Kummissjoni ppreferiet timponi kundizzjonijiet minflok obbligi mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jikkontesta l-possibbiltà mogħtija mir-Regolament Nru 17, li deċiżjoni ta’ eżenzjoni tiġi marbuta b’obbligi aktar milli b’kundizzjonijiet.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 billi, f’dan ik-każ, rabtet id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni b’obbligu li jirrigwarda l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-użu konġunt mis-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD.

4.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

156    Anke jekk jitqies li l-użu konġunt ta’ l-installazjonijiet ta’ ġbir huwa meħtieġ sabiex jippermetti ż-żamma tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti madankollu sostni li l-ewwel obbligu huwa xorta waħda sproporzjonat peress li, l-ewwel nett, dan jikser id-digriet fuq l-imballaġġi, it-tieni nett, iġib miegħu distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-dannu ta’ DSD, it-tielet nett, jikkostitwixxi dannu eċċessiv għat-trade mark Der Grüne Punkt u, ir-raba’ nett, huwa ta’ dannu għad-dritt fundamentali ta’ DSD li jkollha aċċess għall-ġustizzja.

a)     Fuq l-allegat ksur tad-digriet fuq l-imballaġġi

 L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu huwa sproporzjonat peress li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ DSD huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ responsabbiltà għall-prodott stabbilit fid-digriet fuq l-imballaġġi. Dan il-prinċipju jobbliga lill-manifatturi u lid-distributuri ta’ l-imballaġġi sabiex jilħqu r-rati ta’ rkupru “f’dak li jirrigwarda l-imballaġġi li huma jkunu qiegħdu fuq is-suq” (l-ewwel sentenza tal-Punt 1(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet). Barra minn hekk, fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’sistema kollettiva, ir-responsabbiltà tal-manifattur jew tad-distributur għal dawn l-imballaġġi tgħaddi fuq l-amministratur ta’ l-imsemmija sistema, li għandu “jissuġġetta għall-irkupru l-imballaġi li jinġabu lilu” (it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-digriet) u jilħaq ir-rati ta’ rkupru “f’dak li jikkonċerna l-imballaġi li fir-rigward tagħhom il-manifatturi u d-distributuri jipparteċipaw fis-sistema [tiegħu]” (it-tieni sentenza tal-Punt 1(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet). Fid-dawl ta’ din il-proċedura, li hija bbażata fuq l-imballaġġ innifsu, huwa illegali li jinxtraw lura imballaġġi mingħand sistemi oħra sabiex jintlaħqu r-rati ta’ rkupru previsti f’dan id-digriet. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li s-sistemi li jikkompetu mas-sistema tagħha għandhom, bħala prinċipju, jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ teħid lura u ta’ rkupru permezz ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħhom stess, imsejħa “installazzjonijiet ta’ ġbir tas-sistema” (ara s-seba inċiż tal-Punt 3(3) ta’ l-Anness I tad-digriet).

158    Għalhekk, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir minn żewġ sistemi li jikkompetu ma’ xulxin, l-attribuzzjoni ta’ imballaġġ konkret lil waħda jew lill-oħra minn dawn is-sistemi ma tkunx ġeneralment possibbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-attribuzzjoni tal-“volumi miġbura abbażi ta’ l-oriġini tagħhom billi jiġu maqsuma fi kwoti”, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata), teħtieġ analiżi ta’ l-għażla li jiswew ħafna flus u li huma kumplessi. Barra minn dan, l-eżempju tal-karti u tal-kartun użat mill-Kummissjoni wassal għal riżultati inġusti, safejn il-parti tal-volum miġbur, kompost minn imballaġġi attribwiti lil DSD u ddeterminat permezz ta’ l-analiżi ta’ għażla, kienet inizjalment ta’ 25 %, filwaqt li l-parti ta’ l-imballaġġi verament illiċenzjata minn DSD kienet nettament inferjuri għal din il-kwota. L-applikazzjoni ġenerali ta’ soluzzjoni bħal din għall-imballaġġi kollha hija inaċċettabbli għal DSD.

159    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-digriet jagħmel illegali kull użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir mis-sistemi individwali, li ġeneralment ma jistgħux jiġbru l-imballaġġi fil-viċinanzi tal-konsumatur. Għalhekk, billi sostniet li DSD ma setgħetx tagħmel użu mid-digriet fuq l-imballaġġi fil-konfront tal-kontraenti tagħha (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni injorat il-fatt li d-digriet għandu wkoll l-għan li jħares lir-rikorrenti mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

160    Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li r-rikorrenti tagħti tad-digriet hija ineżatta peress li r-rati ta’ rkupru mhumiex ibbażati fuq l-imballaġġi konkreti jew fuq il-volum totali ta’ imballaġi mqiegħda fis-suq, iżda fuq il-kwantità ta’ imballaġġi fdati f’idejn is-sistema kkonċernata. Min-naħa tagħha, Landbell issostni li, f’kull każ, l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir huwa kompatibbli mad-digriet fuq l-imballaġġi, li l-emendi tiegħu ta’ l-1998 kienu intiżi sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni bejn is-sistemi kollettivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

161    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ l-impriżi li kkonkludew kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD għandu bħala effett it-tfixkil tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi li ġew konkretament attribwiti lilha mill-manifatturi u mid-distributuri ta’ l-imballaġġi kkonċernati skond il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-prodott stabbilit fid-digriet fuq l-imballaġġi. Għalhekk, meta jċaħħad lil DSD milli topponi ruħha għall-użu konġunt, l-ewwel obbligu jikkawża dannu li huwa sproporzjonat għad-drittijiet u l-obbligi li DSD għandha abbażi ta’ dan id-digriet.

162    Matul is-seduta, il-partijiet ġew mistoqsija dwar il-modalitajiet ta’ funzjonament tas-sistemi kollettivi u tas-sistemi individwali sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ ssir taf x’kien ir-rwol ta’ l-imballaġġ fih innifsu, dak li r-rikorrenti ssejjaħ “l-imballaġġ konkret”, fit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ teħid lura u ta’ rkupru imposti mid-digriet. Din l-espożizzjoni kontradittorja tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tagħmel il-konstatazzjonijiet li ġejjin.

163    Minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rati ta’ rkupru stabbiliti fl-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet fuq l-imballaġġi huma kkalkolati f’perċentwali tal-massa tal-materjal ikkummerċjalizzat li jiġi effettivament miġbur lura u rkuprat u mhux skond in-numru u t-tip ta’ imballaġġi kkonċernati. Il-punt 1(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet għalhekk jipprovdi li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet relatati ma’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi li huma kkummerċjalizzaw u li dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ l-operaturi tas-sistemi kollettivi f’dak li jikkonċerna l-imballaġġi li għalihom il-manifatturi u d-distributuri jipparteċipaw f’sistemi bħal dawn. F’dan ir-rigward, fil-Punt 1(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet huwa ppreċiżat li l-kwantitajiet ta’ imballaġġi rilevanti huma ddeterminati “f’perċentwali tal-massa”, kemm jekk dawn ikunu imballaġġi kkummerċjalizzati mill-manifattur jew mid-distributur u kemm jekk dawn ikunu l-imballaġġi li għalihom il-manifattur jew id-distributur jipparteċipaw f’sistema kollettiva. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2000, is-sistemi individwali u s-sistemi kollettivi huma suġġetti għall-istess rati ta’ rkupru skond il-materjal (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata)

164    Barra minn hekk, mir-raba’ u l-ħames sentenzi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-digriet jirriżulta li l-obbligu ta’ teħid lura u ta’ rkupru tad-distributuri li għandhom postijiet ta’ bejgħ ta’ aktar minn 200 m2 jestendi għall-imballaġġi tal-prodotti ta’ trade marks li huma ma jbiegħux, sakemm dawn l-imballaġġi huma tat-tip, tal-forma u tad-daqs ta’ dawk li jagħmlu parti mis-selezzjoni tagħhom. Għalhekk, ir-rata ta’ valorizzazzjoni ta’ dawn id-distributuri mhijiex ikkalkolata skond l-imballaġġi li effettivament tqiegħdu fuq is-suq iżda skond imballaġġi simili f’termini ta’ tip, forma u daqs.

165    Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tqassim tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi bejn id-diversi sistemi, li jiġi deċiż mill-manifattur jew mid-distributur ta’ l-imballaġġi, ma jirrigwardax kwantitajiet ta’ imballaġġi stabbiliti iżda l-massa ta’ materjal li tikkorrispondi għal dawn l-imballaġġi. Fil-prattika, dan ifisser li meta manifattur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li jafda t-teħid lura u l-irkupru ta’ nofs l-imballaġġi tal-plastik li huwa jikkummerċjalizza fil-Ġermanja lil DSD, din ta’ l-aħħar tingħata l-obbligu li tiġbor lura u tirkupra kwantità ta’ materjal li jikkorrispondi għal nofs dawn l-imballaġġi. Għalhekk, sabiex tissodisfa r-rati ta’ rkupru previsti fid-digriet, DSD għandha turi lill-awtoritajiet Ġermaniżi li hija ssuġġettat għall-irkupru 60 % tal-massa ta’ plastik li ġiet mogħtija lilha minn dan il-manifattur (peress li 60 % hija r-rata ta’ rkupru applikabbli għall-plastik). Bl-istess mod, jekk il-manifattur jista’ juri li għadda fuq DSD l-obbligu tiegħu ta’ teħid lura u ta’ rkupru fir-rigward ta’ nofs il-kwantità ta’ plastik ikkummerċjalizzata, huwa għandu, barra minn hekk, ikun jista’ jipprova li ġabar lura u rkupra l-kwantità ta’ materjal li jifdal, li tikkorrispondi għan-nofs l-ieħor, permezz ta’ sistema individwali jew ta’ sistema kollettiva oħra.

166    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li huwa perfettament possibbli, kif jiġi osservat fil-premessa 170 tad-deċiżjoni, li l-kwantitajiet miġbura minn installażżjonijiet ta’ ġbir jinqasmu fi kwoti bejn diversi sistemi. Fil-fatt, l-istess eżempju tar-rikorrenti li jirrigwarda l-imballaġġi tal-kari u tal-kartun, li jinġabru mis-sistema DSD fl-istess ħin mal-materjal stampat (gazzetti u rivisti), juri li installazzjonijiet ta’ ġbir jistgħu jintużaw minn aktar minn sistema waħda mingħajr problemi. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tipprova tipprojbixxi lill-kompetituri tagħha milli jużaw teknika li hija stess tuża. Barra minn hekk, matul is-seduta, Landbell invokat l-eżistenza ta’ ftehim ta’ kumpens, adottat wara d-deċiżjoni, li jippermetti lid-diversi amministraturi tas-sistema li jaqsmu l-kwantitajiet ta’ materjal irkuprat mill-impriżi ta’ ġbir li huma jużaw fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ materjal li għalih huma responsabbli abbażi tal-kuntratti ffirmati mal-manifatturi u mad-distributuri ta’ l-imballaġġi.

167    F’kull każ, l-allegazzjoni ta’ DSD li t-tqassim tal-kwantitajiet miġbura f’dak li jirrigwarda imballaġġi tal-karti u tal-kartun u tal-materjal stampat (gazzetti u rivisti) huwa kumpless u jiswa ħafna flus, mhijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-proporzjonalità ta’ l-ewwel obbligu fid-dawl tad-digriet fuq l-imballaġġi. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan huwa minnu, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji tal-kumplessità u ta’ l-ispiża mhumiex kriterji li jisgħu jikkaratterizzaw ksur tad-digriet u li bħala tala ma jistgħux jiġġustifikaw imġiba li tista’ twassal għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata espliċitament tindika li l-ewwel obbligu ma jipprekludix lil DSD milli tnaqqas il-ħlasijiet li hija tagħti lill-impriżi tal-ġbir fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet tal-ġbir sabiex tassigura ruħha li ma jiġi ffatturat lilha l-ebda servizz mogħti lil terzi (ara l-punt 35). Għalhekk, fil-każ ta’ użu konġunt, DSD tista’ tassigura ruħha li l-ħlasijiet dovuti lill-impriżi ta’ ġbir ikunu jkopru biss is-servizzi ta’ teħid lura u rkupru magħmula f’isem DSD mingħajr ma dawn il-ħlasijiet iservu sabiex jiffinanzjaw servizz mogħti f’isem sistema oħra.

168    Bl-istess mod, l-ebda element ta’ prova ma jsostni l-allegazzjoni ta’ DSD li t-teknika tal-kwoti użata għall-imballaġġi tal-karti u tal-kartun u tal-materjal stampat waslet għal riżultati inġusti fir-rigward tagħha. F’kull każ, l-użu konġunt propost mid-deċiżjoni ma jġibx miegħu r-riskju ta’ dannu għall-interessi ta’ DSD peress li l-għan ta’ tali dispożizzjoni huwa, preċiżament, li kull sistema kollettiva tiġi assigurata l-possibbiltà li tiġbor l-imballaġġi li ġew attribwiti lilha mill-manifatturi u d-distributuri kkonċernati. Barra minn hekk, huwa sabiex tiggarantixxi dan il-għan li l-Kummissjoni timponi t-tieni obbligu fuq DSD (ara l-punti 213 sa 217).

169    Għaldaqstant, peress li l-kompetizzjoni bejn is-sistemi ma ssirx abbażi ta’ l-attribuzzjoni ta’ l-imballaġġi konkreti iżda fuq dik ta’ allokazzjoni tal-massa ta’ materjali li jikkorrispondu għal dawn l-imballaġġi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-ewwel obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat.

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat peress li jmur kontra d-digriet fuq l-imballaġġi.

171    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li abbażi tad-digriet hija tista’ topponi l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD mas-sistemi individwali, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD”, użat sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel obbligu, fis-sens li jkopri biss is-sistemi li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġi assigurat l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, jiġifieri s-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel obbligu ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq l-eventwali possibbiltà għal DSD li tuża d-digriet sabiex topponi tali użu konġunt mas-sistemi individwali.

b)     Fuq ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-dannu ta’ DSD

 L-Argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu huwa sproporzjonat peress li jippermetti lill-kompetituri tagħha sabiex jagħżlu speċifikatament l-installazzjonijiet ta’ ġbir l-aktar profittabbli u jħallulha dawk li għandhom l-aktar spejjeż. Tali sfruttament huwa wkoll disponibbli, mingħajr restrizzjoni, għas-sistemi individwali, li m’għandhom l-ebda obbligu ta’ kopertura territorjali, f’dak li jirrigwarda l-oqsma ta’ sovrapożizzjoni mas-sistemi kollettivi, jiġifieri l-postijiet ta’ depożitu assimilabbli mar-residenzi u l-imballaġġi mibjugħa bil-posta. Is-sistemi kollettivi l-oħra jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ minn dan l-isfruttament għad-dannu tar-rikorrenti u jista’ jkun hemm kunflitti ta’ interess fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, peress li DSD ma tkunx tista’ tibqa tirregola b’mod dettaljat l-organizzazzjoni tas-sistema tagħha kif hija tagħmel fil-preżent. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għall-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi li jinvokaw ir-riskju li s-sistemi kollettivi jsiru anqas effiċjenti u li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, p. 10) jekk “is-sistemi individwali […] ikunu jistgħu, indipendentement mir-reġjun ta’ distribuzzjoni ta’ l-imballaġġi, jagħżlu l-postijiet, eventwalment limitati reġjonalment għal postijiet ta’ depożitu importanti, fejn huma jiġbru jew jixtru skart mill-imballaġġi”.

173    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Landbell, tikkontesta l-allegat perikolu li l-ewwel obbligu jikkostitwixxi fil-konfront tas-sistema DSD. Fil-fatt, safejn id-digriet fuq l-imballaġġi japplika bl-istess mod għas-sistemi kollettivi kollha, l-ebda waħda minn dawn is-sistemi ma tista’ tillimita ruħha għas-setturi li allegatament huma aktar profittabbli. Bl-istess mod, is-sistemi individwali għandhom, fil-prinċipju, jiġbru l-imballaġġi tagħhom fil-post tal-bejgħ lill-konsumatur u l-istruttura tal-postijiet ta’ depożitu tagħhom hija, għalhekk, differenti minn dik tas-sistemi kollettivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

174    Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ma jistax ikollu l-effett li s-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD jkunu jistgħu jiffavorixxu, fi ħdan l-istess Land, iż-żoni l-aktar profittabbli għad-dannu ta’ l-oħrajn li jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-sistema DSD. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li s-sistemi kollettivi kollha huma suġġetti għall-istess obbligi, kemm fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ kopertura territorjali kif ukoll tar-rispett tar-rati ta’ rkupru u tal-prova tal-flussi kwantitattivi.

175    Barra minn hekk, f’kull każ, id-deċiżjoni tindika espliċitament li l-ewwel obbligu ma jipprekludix lil DSD milli tnaqqas minħabba f’hekk il-ħlasijiet mogħtija lill-impriżi ta’ ġbir (ara l-punt 35).

176    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegata inkompatibbiltà ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ma’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, li jgħid li s-sistemi intiżi sabiex jassiguraw it-teħid lura jew il-ġbir ta’ l-imballaġġi għandhom ikunu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata għandha preċiżament l-għan li tiggarantixxi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni, u dan in konformità ma’ l-għanijiet tad-digriet li l-emendi tiegħu ta’ l-1998 kienu intiżi sabiex jippermettu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn is-sistemi kollettivi (premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

177    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat minħabba li jġib miegħu risku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-dannu tar-rikorrenti.

178    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegat riskju għall-kompetizzjoni li l-ewwel obbligu jista’ jirrappreżenta fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir bejn il-kontraenti ta’ DSD u s-sistemi individwali, għandu jiġi mfakkar li aktar ’il fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD”, użatt sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel obbligu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri s-sistemi li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni kkontestat ikkunsidrat li kien meħtieġ li jiġi assigurat l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir, jiġifieri s-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel obbligu ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq ir-relazzjonijiet bejn DSD u s-sistemi individwali.

c)     Fuq l-allegat dannu għall-funzjoni tat-trade mark Der Grüne Punkt

 L-argumenti tal-partijiet

179    Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel obbligu huwa sproporzjonat peress li dan huwa ta’ dannu għall-funzjoni ta’ l-oriġin tat-trade mark Der Grüne Punkt, li hija dik li tidentifika s-servizzi ta’ teħid lura u ta’ rkupru tas-sistema DSD u mhux is-servizzi ta’ sistema oħra. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li t-trade mark tagħha hija rreġistrata fil-Ġermanja kemm bħala trade mark kollettiva li titqiegħed fuq l-imballaġġi tal-manifatturi u tad-distributuri li jieħdu sehem fis-sistema DSD u kif ukoll bħala trade mark individwali li titqiegħed fuq l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD. B’mod partikolari, il-funzjoni ta’ l-oriġni tat-trade mark kollettiva Der Grüne Punkt ġiet rikonoxxuta minn diversi qrati Ġermaniżi [is-sentenza tal-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi Ġermaniż), tat-18 ta’ Settembru 1996, li tgħid li t-trade mark tagħti indikazzjoni dwar l-impenn ekoloġiku tal-manifattur; is-sentenza tal-Landgericht Hamburg (Qorti reġjonali ta’ Amburgu, il-Ġermanja), tat-23 ta’ Diċembru 1996, u s-sentenza tal-Kammergericht Berlin (Qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), ta’ l-14 ta’ Ġunju 1994, li jgħidu li t-trade mark tagħti informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fis-sistema DSD; is-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Köln (Qorti reġjonali superjuri ta’ Kolonja, il-Ġermanja) tat-8 ta’ Mejju 1998, li tirreferi għas-sinjifikat ewlieni tat-trade mark minħabba d-diffużjoni u l-għarfien tagħha, u s-senteza tal-Bundesgerichtshof (Qorti tal-ġustizzja federali, il-Ġermanja), tal-15 ta’ Marzu 2001, li tgħid li l-manifatturi u d-distributuri jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema DSD billi jqiegħdu t-trade mark fuq l-imballaġġi tagħhom]. F’dan il-każ ir-rikorrenti ssostni li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir huwa ta’ dannu għat-trade marks kollettivi u individwali Der Grüne Punkt, peress li l-konsumatur jaf, permezz tar-reklami, li l-imballaġġi li għandhom din it-trade mark jieħdu sehem fis-sistema DSD u mhux f’sistema kompetitriċi u li dawn għandhom jiġu mormija permezz ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tas-sistema DSD li ġeneralment ukoll ikollhom it-trade mark Der Grüne Punkt. Issa, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazjonijiet ta’ ġbir, l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi miġbura mis-sistema DSD issir parzjalment – kuntrarjament għall-aspettattivi tal-konsumatur – minn kompetituri ta’ DSD. Għalhekk, l-użu konġunt ta’ l-instalazzjonijiet ta’ ġbir li jaqgħu taħt is-sistema DSD ikollu l-effett li jqarraq bil-konsumaturi.

180    Ir-rikorrenti tgħid ukoll li l-ewwel obbligu jobbligha tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni billi tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzja obbligatorja, mingħajr ħlas, għat-tqegħid tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-installazzjonijiet ta’ ġbir. Issa, liċenzja bħal din hija illegali peress li tikser il-prinċipji applikabbli f’dan il-qasam [Artikolu 21 tal-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPS), tal-15 ta’ April 1994 (Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU I 336, p. 1, 241) u l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 1994 (opinjoni 1/94, Ġabra p. I-5267)].

181    Preliminarjament, il-Kummissjoni tosserva li uħud mill-ilmenti mressqa mir-rikorrenti ma jirrigwardawx il-kuntratt ta’ servizzi, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-kuntratt ta’ użu tal-logo, li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni 2001/463, u li għaldaqstant m’għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti donnha trid toħroġ dritt ta’ esklużività fuq l-użu ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir mill-fatt li hija tawtorizza lill-propjetarju tagħhom sabiex fuqhom iqiegħed il-logo Der Grüne Punkt, haġa li ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, dan ikun ifisser, għalhekk, li impriża ta’ ġbir li tqiegħed il-logo Der Grüne Punkt fuq il-vettura li tiġbor l-imballaġġi tkun tista’ tuża din il-vettura biss fil-kuntest tas-sistema DSD u mhux għat-trasport ta’ skart ieħor. Issa, mhux biss talli l-kuntratt ta’ servizzi ma fihx dispożizzjonijiet li jistgħu jsostnu dan l-argument, iżda talli mir-risposti li l-impriżi ta’ ġbir ipprovdew għal talba ta’ informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni jirriżulta, b’mod partikolari, li dawn l-impriżi jużaw il-vetturi tagħhom għal ordnijiet oħra. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu mid-dritt ta’ esklużività li hija tallega li għandha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-konsumatur ma jiġix imqarraq meta jixħet imballaġġ bil-logo Der Grüne Punkt f’installazzjoni ta’ ġbir li taqa’ taħt is-sistema DSD, peress li l-kwistjoni ta’ l-użu konġunt m’għandiex effett fuq l-imġiba tal-konsumatur. Barra minn dan, l-utent finali tas-servizz ta’ teħid lura u ta’ rkupru pprovdut mis-sistema DSD mhuwiex il-konsumatur iżda l-manifattur jew id-distributur ta’ l-imballaġġi. Għalhekk ma teżisti l-ebda prova li l-allegat qerq invokat mir-rikorrenti huwa ta’ dannu għat-trade mark Der Grüne Punkt.

182    F’dak li jirrigwarda l-liċenzja obligatorja, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tonqos milli tindika lil min id-deċiżjoni tobligaha tagħti liċenzja. Ir-rikorrenti tibqa ħielsa li tawtorizza lill-impriżi ta’ ġbir sabiex jużaw it-trade mark tagħha billi jqiegħduha fuq il-kontenituri tagħhom, jekk mhux ukoll tirrakkomandalhom li jagħmlu dan, kif ukoll li tirtiralhom tali awtorizzazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

183    Ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-ewwel obbligu jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-użu konġunt huwa ta’ dannu għat-trade mark Der Grüne Punkt, li tippermetti li s-servizzi tagħha jiġu distinti minn dawk offruti minn impriżi oħra. Jekk ikollhom il-possibbiltà ta’ aċċess għall-installazzjonijiet ta’ ġbir imwaqqfa mill-impriżi ta’ ġbir, li diġà jintużaw mis-sistema DSD, is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD ikunu, minħabba f’hekk, qegħdin japprofittaw mill-għarfien li l-konsumaturi għandhom ta’ din it-trade mark, u dawn ta’ l-aħħar jiġu mqarrqa meta jqiegħdu l-imballaġġi tagħhom f’kontenituri li huma jaħsbu li huma ddedikati għas-sistema DSD u mhux għal-sistema kompetitriċi.

184    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

185    L-ewwel nett, il-kuntratt ta’ servizzi ma jipprekludix lill-impriżi ta’ ġbir kontraenti ta’ DSD milli joffru l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħhom lil sistema kompetitriċi ta’ DSD. Fil-fatt, fil-kuntratt ta’ servizzi jiġi indikat biss li, “fl-azzjonijiet tagħha ta’ promozzjoni tas-sistema, l-impriża ta’ ġbir għandha, b’mod xieraq u standard, tenfasizza l-logo Der Grüne Punkt mogħti minn DSD, per eżempju billi tistampah fuq il-karti ta’ l-ittri tagħha, fuq il-mezzi pubbliċitarji u fuq il-kontenituri ta’ ġbir, kif ukoll billi turih fuq il-vetturi u l-apparat li hija tuża fil-kuntest ta’ l-isfruttament tas-sistema” [ir-raba’ sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(5)] u li “l-użu tal-logo Der Grüne Punkt huwa mingħajr ħlas għall-impriża ta’ ġbir” [l-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2(5)]. Il-fatt li DSD tawtorizza lill-impriża ta’ ġbir sabiex tqiegħed, mingħajr ħlas, it-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-installazzjonijiet ta’ ġbir tagħha mhuwiex biżżejjed sabiex DSD tkun tista’ tinvoka l-użu esklużiv ta’ l-imsemmija installazzjonijiet. Bil-kontra ta’ dan, mill-kuntratt ta’ servizzi jirriżulta li t-tqegħid ta’ dan il-logo għandu biss is-sinjifikat li jindika “għal finijiet promozzjonali” li l-installazzjonijiet in kwistjoni jieħdu sehem fis-sistema DSD.

186    Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizzi li jirrigwardaw it-trade mark Der Grüne Punkt ma jippermettux li jiġi stabbilit li t-tqegħid ta’ din it-trade mark fuq installazzjoni ta’ ġbir għandu l-effett li jipprekludi lil din l-installazzjoni milli sservi għal skopijiet oħra.

187    It-tieni nett, ebda dispożizzjoni tad-digriet fuq l-imballaġġi ma timponi li l-installazzjonijiet għandhom jiġu identifikati skond is-sistema użata. A fortiori, l-ebda dispożizzjoni tad-digriet ma tippermetti li jiġi ddikjarat li l-installazzjonijiet ta’ ġbir hekk identifikati għandhom ikunu riżervati għal sistema waħda, sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jitfixkel fuq l-identità tas-sistema li tkun qiegħdha tiġbor lura u tirkupra l-imballaġġi li huwa jkun qiegħed jiddepożita fihom. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-importanza li għandha tingħata għat-tqiegħid tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi – waħda mill-possibbiltajiet li t-tieni sentenza tal-Punt 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet tagħti sabiex il-konsumatur ikun jista’ jidentifika l-parteċipazzjoni ta’ l-imballaġġ in kwistjoni f’sistema kollettiva (ara l-punt 6) –, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza DSD vs Il-Kummissjoni, T-151/01, punt 133, iddeċidiet li, sakemm jiġu sodisfatti r-rati ta’ rkupru previsti fid-digriet u t-tqassim tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi bejn sistemi jsir abbażi tal-massa ta’ materjal ikkonċernat u mhux abbażi ta’ l-imballaġġi bħala tali, irrispettivament minn jekk ikollhomx jew le l-logo Der Grüne Punkt, dan ta’ l-aħħar m’għandux ir-rwol u l-importanza li tagħtih ir-rikorrenti. Għalhekk, manifattur jew distributur ta’ l-imballaġġi li jiddeċiedi li jgħaddi fuq DSD it-teħid lura u l-irkupru ta’ parti mill-imballaġġi li huwa jikkummerċjaliżża fil-Ġermanja u li jiggarantixxi huwa stess, permezz ta’ sistema individwali jew permezz ta’ sistema kollettiva oħra, it-teħid lura u l-irkupru tal-parti l-oħra ta’ dawn l-imballaġġi, għandu biss iqassam il-kwantitajiet ta’ materjal bejn id-diversi sistemi kkonċernati u jirrispetta l-kundizzjonijiet ta’ identifikazzjoni preskritti mid-digriet mingħajr ma jkollu għalfejn jiddefinixxi b’mod konkret l-imġiba tal-konsumatur finali kif tallega r-rikorrenti.

188    F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tad-digriet ma jippermettux li jiġi stabbilit li t-tqegħid tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq installazzjoni ta’ ġbir jew fuq imballaġġ intiż sabiex jinġabar lura mis-sistema DSD għandu l-effett li jostakola l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir.

189    It-tielet nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li mill-fajl jirriżulta li l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati mis-sistema DSD mhux kollha għandhom il-logo Der Grüne Punkt. Għalhekk huwa ġġustifikat li wieħed jaħseb li, fl-istadju tad-depożitu ta’ l-imballaġġi fl-installazzjonijiet ta’ ġbir, il-konsumaturi ma jassoċjawx dawn l-installazzjonijiet mat-trade mark Der Grüne Punkt iżda mat-tip ta’ imballaġġ (imballaġġ tal-bejgħ) u fuq kollox mat-tip ta’ materjal li dawn huma magħmulin minnu (materjali ħfief, karti/kartun, ħġieġ, eċċ.) li għandhom jitqiegħdu fid-diversi tipi ta’ installazzjonijiet ta’ ġbir. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma turix li l-konsumatur jagħti importanza lill-fatt li DSD u mhux sistema kollettiva oħra hija inkarigata mit-teħid lura u mir-rimi ta’ imballaġġ. Il-konsumatur jista’, ċertament, ikun ikkonċernat dwar l-ambjent iżda, safejn is-sistemi kollettivi kollha huma suġġetti għall-istess obbligi, il-kwistjoni ta’ liema hija s-sistema li b’mod konkret hija inkarigata mit-teħid lura u mill-irkupru ma tidhirx li hija determinanti. Issa, l-ebda wieħed minn dawn l-obbligi m’huwa milqut mill-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir eżistenti. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-imballaġġi tal-karti u tal-kartun jinġabru fl-istess installazzjonijiet flimkien mal-materjal stampat (gazzetti u rivisti) li huma r-responsabbiltà tal-kunsilli u mhux tas-sistema DSD. Issa, f’dan ir-rigward hija ma tallegax li l-konsumaturi jikkunsidraw, minħabba l-fatt ta’ l-eventwali tqegħid tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq dawn l-installazzjonijiet, li s-sistema DSD tassumi r-responsabbiltà għall-ġbir u għall-irkupru tal-materjal stampat.

190    Għaldaqstant, jidher li huwa biżżejjed, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur, li fuq l-installazzjonijiet ta’ ġbir użati minn diversi sistemi jiġi indikat li l-imballaġġi jinġabru lura f’isem is-sitema DSD u f’isem sistema jew diversi sistemi kollettivi oħra li jikkompetu ma’ DSD, mingħajr ma madankollu jkun meħtieġ li jiġi pprojbit kull użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet ta’ ġbir kif tallega r-rikorrenti.

191    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li la l-ewwel obbligu u lanqas ir-restrizzjonijiet tekniċi ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ma jeżiġu li l-kompetituri ta’ DSD ikunu awtorizzati minn din ta’ l-aħħar sabiex jużaw it-trade mark Der Grüne Punkt. Għalhekk jista’ jiġi previst li l-installazzjonijiet ta’ ġbir ikunu ħielsa minn kull logo jew indikazzjoni, jew, bil-kontra ta’ dan, li kull sistema tqiegħed fuqhom mezz ta’ kif tiġi identifikata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li l-ewwel obbligu jimponi lil DSD li tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzja obbligatorja, mingħajr ħlas, għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat minħabba li jimplika dannu eċċessiv għar-rwol li t-trade mark Der Grüne Punkt għandha fil-kuntest tas-sistema DSD.

d)     Fuq l-effett ta’ l-ewwel obbligu fuq id-dritt ta’ aċċess għall-qrati nazzjonali

 L-Argumenti tal-partijiet

193    Ir-rikorrenti tosserva li l-ewwel obbligu jipprojbilha li “twaqqaf” lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu kuntratti ta’ użu konġunt mal-kompetituri tagħha. Tali ostakolu jista’ jkun ikkostitwit mill-fatt li DSD tressaq azzjoni kontra dawn l-impriżi quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali sabiex issostni l-inkompatibbiltà ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir mad-digriet. F’dan il-każ, l-ewwel obbligu huwa għalhekk inkompatibbli mad-dritt fundamentali ta’ l-aċċess għall-ġustizzja previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punti 17 u 18; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T-111/96, Ġabra p. II-2937, punt 60).

194    Il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel obbligu bl-ebda mod ma jipprekludi lir-rikorrenti milli tressaq, quddiem qorti amministrattiva Ġermaniża, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir mad-digriet fuq l-imballaġġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Verwaltungsgerichtshof Kassel ta’ l-20 ta’ Awwissu 1999, u tal-Verwaltungsgericht Gießen, tal-31 ta’ Jannar 2001). Min-naħa l-oħra, huma l-qrati Komunitarji li għandhom jeżaminaw il-legalità ta’ l-impenji u ta’ l-obbligi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

195    Ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-ewwel obbligu jipprekludiha milli ssostni, quddiem il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali Ġermaniżi, li l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir jikser id-digriet.

196    Issa, l-ewwel obbligu ma jistax jiġi interpretat f’dan is-sens. Dan, fil-fatt, jimponi fuq DSD li din ma tostakolax l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir minn sistemi kollettivi kompetituri tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza aktar ’il fuq iddeċidiet li dan l-obbligu kien konformi ma’ l-Artikolu 81(3) KE u ma’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17 (ara l-punt 151) peress li kien meħtieġ sabiex jippermetti ż-żamma tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-ġbir ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi u ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru ta’ l-imballaġġi mingħand il-konsumaturi.

197    Madankollu, l-ewwel obbligu ma jipprekludix lil DSD milli tressaq azzjoni quddiem qorti jew quddiem awtorità nazzjonali sabiex topponi l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir li ġie impost fuqha fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni. Għalhekk, DSD jibqgħala l-possibbiltà li topponi għall-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha billi tinvoka l-ksur tad-digriet Ġermaniż fuq l-imballaġġi u dispożizzjonijiet nazzjonali oħra. Madankollu, għalkemm DSD għandha din il-possibbiltà, hija ma tistax, għaldaqstant, tinjora l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tali azzjoni tikser l-obbligu li ġie impost fuqha sabiex tiġi ggarantita d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni, u dan in konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim jew fuq prassi li diġà huma s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jadottaw deċiżjonijiet li jmorru kontra dik tal-Kummissjoni, anki jekk din ta’ l-aħħar hija kontradittorja għal deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali ta’ l-ewwel istanza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C-344/98, Ġabra p, I-11369, punt 52).

198    Għalhekk, id-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja invokat minn DSD ma jawtorizzax lill din ta’ l-aħħar sabiex tinjora deċiżjoni adottata abbażi tad-dritt Komunitarju.

199    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat minħabba li jċaħħad lil DSD mid-dritt li tressaq azzjoni quddiem il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali.

5.     Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

200    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel obbligu jipprekludi lir-rikorrenti milli tostakola l-aċċess tas-sistemi kollettivi kompetituri għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha. Dan l-obbligu huwa bbażat fuq ir-rieda tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-aċċess tas-sistemi kompetituri ta’ DSD għas-suq tal-ġbir mingħand il-konsumaturi, u għaldaqstant, għas-suq ta’ l-organizzazzjoni tat-teħid lura u ta’ l-irkupru mingħand il-konsumaturi. L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv m’huwa ta’ natura tali li jegħleb din il-konklużjoni.

201    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kompletament f’dak li jirrigwarda s-sistemi kollettivi.

202    Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta għall-argumenti ta’ DSD f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa meħtieġ li jiġi mfakkar (ara l-punt 121) li l-kunċett ta’ “kompetituri ta’ DSD”, użat sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel obbligu, ma jinkludix is-sistemi individwali, peress li mid-deċiżjoni jirriżulta li dawn is-sistemi joperaw biss fil-periferija tas-swieq in kwistjoni u li dawn għandhom, f’dawn il-każijiet ta’ sovrapożizzjoni, possibbiltajiet biżżejjed ta’ aċċess għal impriżi jew għal installazzjonijiet ta’ ġbir differenti minn dawk użati mis-sistema DSD.

203    Għaldaqstant, peress li l-ewwel obbligu ma jirrigwardax is-sistemi individwali, mhemmx bżonn li aktar ’il quddiem tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti li r-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestat jikser l-Artikolu 86(2) KE

1.     L-Argumenti tal-partijiet

204    Ir-rikorrenti tosserva li hija tiġbor u tirkupra l-imballaġġi fit-territorju Ġermaniż kollu, inkluż ir-reġjuni rurali li mhumiex attraenti, u dan sabiex tħares l-ambjent. Hija tfakkar ukoll li s-sistema DSD ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länders kollha. Issa, skond ir-rikorrenti, dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom l-effett li jinkarigawha bl-operazzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tippreċiża li l-fatt li kwalunkwe operatur ta’ sistema kollettiva jista’ jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet ta’ Land huwa irrilevanti peress li l-Artikolu 86(2) KE jirreferi biss għall-inkarigu li jiġi pprovdut servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u mhux għall-eżistenza ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ l-Artikolu 86(1) KE. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li t-twettiq ta’ l-obbligi ta’ garanzija imposti fuq DSD (ġbir regolari fit-territorju kollu, rata ta’ rkupru u prova tal-flussi kwantitattivi) huwa mhedded mill-użu konġunt ta’ l-installazjonijiet ta’ ġbir previst mill-ewwel obbligu peress li dan l-użu jista’ jippreġudika l-awtorizzazzjoni tas-sistema DSD. Barra minn hekk, tali użu konġunt iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-dannu ta’ DSD minħabba li l-kompetituri ta’ din ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jużaw is-sistema ta’ din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, ir-regoli ta’ kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 81 KE m’għandomx jiġu applikati għal dan il-każ safejn dawn iġibu fix-xejn it-twettiq ta’ l-inkarigu partikolari fdat f’idejn DSD.

205    Il-Kummissjoni u Landbell jenfasizzaw li r-rikorrenti ma ġġib l-ebda prova tar-riskju li l-użu konġunt jirrappreżenta għall-attività tagħha jew ta’ allegat inkarigu li jaqa’ taħt servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, peress li l-imsemmi użu konġunt bl-ebda mod ma jolqot lill-impriżi ta’ ġbir użati minn DSD. Landbell tosserva wkoll li l-fatt li s-servizz jiġi pprovdut f’reġjuni rurali mhux attraenti jagħmel parti integrali mis-servizz mitlub mill-klijenti tas-sistemi kollettivi li jitolbu li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ġbir li jkopri t-territorju kollu kkonċernat sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-digriet.

2.     Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

206    Skond l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li l-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux isir b’tali mod li jmur kontra l-interessi tal-Komunità.

207    F’dan il-każ għandu jiġi osservat li, ank jekk jitqies li r-rikorrenti hija inkarigata b’servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE, u dan bl-istess mod bħas-sistemi kollettivi simili kollha awtorizzati mill-awtoritajiet tal-Länders, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-riskju ta’ kontestazzjoni ta’ dan l-inkarigu minħabba d-deċiżjoni kkontestata mhuwiex ipprovat.

208    Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-obbligu impost fuq DSD li ma tostakolax lill-impriżi ta’ ġbir milli jikkonkludu, mal-kompetituri ta’ DSD, kuntratti li jawtorizzaw lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jużaw il-kontenituri jew installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla tagħhom jew milli jirrispettaw dawn il-kuntratti, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata thedded it-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomiċi aċċettabbli, tas-servizz ta’ teħid lura u ta’ rkupru fdat f’idejn is-sistema DSD.

209    B’mod partikolari, l-ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi konkluż li hemm ir-riskju li d-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal sabiex DSD ma tkunx aktar tista’ tiġbor l-imballaġġi b’mod regolari fit-territorju Ġermaniż kollu, tilħaq ir-rati ta’ rkupru imposti fid-digriet jew tipprovdi l-prova tal-flussi kwantitattivi rikjesta mill-imsemmi digriet. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li kien hemm ir-riskju li l-implementazzjoni ta’ l-ewwel obbligu twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-dannu tagħha.

210    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 86(2) KE.

211    Ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata (aktar ’il quddiem it-“tieni obbligu”), li jgħid li “DSD ma tistax teżiġi mingħand l-impriżi ta’ ġbir li jkunu ikkonkludew mal-kompetituri ta’ DSD kuntratti li jirrigwardaw l-użu konġunt tal-kontenituri u ta’ installazzjonijiet oħra ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ l-imballaġġi tal-bejgħ użati, li jipprovdula l-prova tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li ma nġabrux fil-kuntest tas-sistema DSD”, jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 86(2) KE. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-argumenti li ġew esposti aktar ’il fuq fil-kuntest ta’ l-ewwel u t-tieni motivi.

212    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, fid-digriet fuq l-imballaġġi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jimponulha li tirkupra l-“kwantitajiet ta’ imballaġġi effettivament miġbura” (ara s-sezzjoni 1(5) ta’ l-Anness I ta’ l-Artikolu 6 tad-digriet leġiżlativ) u li, sabiex tipprovdi l-prova marbuta ma’ din il-kwantità, hija titlob lill-impriżi ta’ ġbir sabiex kull xahar jindikawlha l-“kwantitajiet miġbura”. It-tieni obbligu, madankollu, jimponi lil DSD sabiex ma teżiġix li dawn l-impriżi ta’ ġbir jipprovdulha l-provi marbuta mal-“kwantitajiet ta’ imballaġġi li ma nġabrux fil-kuntest tas-sistema DSD” fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir. Skond id-deċiżjoni kkontestata, dan l-obbligu huwa meħtieġ “[s]abiex il-kompetituri ta’ DSD ikunu jistgħu jużaw liberament il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura f’isimhom fil-kuntest ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir” (premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tesponi li l-iskop tat-tieni obbligu huwa dak li jiggarantixxi li, f’każ ta’ użu konġunt, il-kwantitajiet miġbura ma jintużawx sabiex tiġi stabbilita l-prova tal-flussi kwantitattivi pproċessati minn DSD, iżda jiġu, bil-kontra ta’ dan, attribwiti lill-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, dan l-obbligu m’għandux jeskludi l-possibbiltà li DSD titlob lill-impriżi ta’ ġbir li jipprovdulha l-informazzjoni dwar l-imballaġġi kollha miġbura fl-installazzjonijiet ta’ ġbir sabiex tkun tista’ tipprovdi l-prova tal-kwantitajiet miġbura.

213    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, l-ewwel nett, li fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha r-rikorrenti ma tesponix argumenti ġodda jew speċifiċi li jistgħu jindikaw b’liema mod it-tieni obbligu jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 86(2) KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet li ġew esposti fil-kuntest ta’ l-ewwel u tat-tieni motivi.

214    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, matul is-seduta, il-Kummissjoni u DSD ftehmu dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kontenut tat-tieni obbligu ddefinit fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata.

215    Għalhekk, fid-dawl tat-trattazzjoni u tar-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula matul is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għalkemm, skond it-tieni obbligu, DSD ma tistax titlob lill-impriżi ta’ ġbir sabiex jipprovdulha informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura fil-kuntest ta’ sistema kollettiva kompetitriċi, DSD madankollu għandha l-possibbilità li titlob lill-imsemmija impriżi li jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa sabiex hija tipprovdi l-prova tal-kwantitajiet miġbura mis-sistema DSD. Dan id-dritt għall-informazzjoni huwa barra minn hekk espliċitament previst fil-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata.

216    Meta matul is-seduta l-Kummissjoni ġiet mistoqsija fuq dan il-punt, hija indikat li t-tieni obbligu ma jipprekludix lir-rikorrenti la milli ssir taf il-kwantità totali ta’ imballaġġi miġbura mill-impriżi ta’ ġbir u lanqas milli ssir taf il-parti ta’ dawn l-imballaġġi li hija ta’ DSD, filwaqt li osservat li l-fattur importanti jirrigwarda essenzjalment il-fatt li DSD ma tfittix li jiġu attribwiti lilha l-kwantitajiet ta’ imballaġġi li dawn l-impriżi ta’ ġbir ġabru f’isem sistema kompetitriċi. Din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija wkoll dik adottata mir-rikorrenti (ara l-punt 212).

217    F’dawn is-ċirkustanzi, it-tieni obbligu għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, DSD ma tistax teżiġi li l-impriżi ta’ ġbir, li huma l-kontraenti tagħha skond il-kuntratt ta’ servizzi, jattribwulha l-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura f’isem sistema kompetitriċi, u min-naħa l-oħra, li dan l-obbligu ma jipprekludix lil DSD milli ssir taf il-kwantità totali ta’ imballaġġi miġbura mill-impriżi ta’ ġbir kif ukoll li ssir taf il-parti ta’ dawn l-imballaġġi li hija ta’ DSD.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, li huwa konness mat-talba għall-annullament ta’ l-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata u bbażat fuq il-ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja

1.     L-argumenti tal-partijiet

218    Ir-rikorrenti tfakkar li, fuq talba tal-Kummissjoni, hija impenjat ruħha li “tirrinunzja milli tagħmel azzjonijiet ta’ inibizzjoni, bħal dawk deskritti fis-sentenza tal-Landgericht Köln, tat-18 ta’ Marzu 1997, kontra l-VfW, kif ukoll f’każijiet simili” (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata), wara li DSD kienet ressqet azzjoni sabiex topponi l-użu mingħajr ħlas ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir tas-sistema DSD mill-VfW. Skond ir-rikorrenti, dan l-impenn huwa inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal aċċess liberu għall-ġustizzja (sentenza ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 60). Dan il-ksur huwa aktar u aktar serju fid-dawl tal-fatt li azzjoni ta’ inibizzjoni mressqa minn DSD kontra waħda mill-kompetituri tagħha mhijiex “manifestament nieqsa minn kull fondatezza” u għalhekk abbużiva taħt id-dritt Ġermaniż (sentenza ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 56). Fil-fatt, mis-sentenza tal-Landgericht Köln jirriżulta li DSD tista’ leġittimament tressaq azzjoni quddiem qorti, abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fuq il-kompetizzjoni żleali, sabiex teżiġi li l-VfW ma tkunx tista’ tuża mingħajr ħlas l-installazzjonijiet ta’ ġbir iffinanzjati minn DSD. Skond dik is-sentenza, l-użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet ta’ ġbir jeħtieġ il-kunsens ta’ DSD u l-ħlas ta’ “forma ta’ kumpens” direttament lil DSD.

219    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Landbell, tosserva li r-rikorrenti tikkritika impenn adottat b’risposta għall-osservazzjonijiet, li diversi terzi bagħtu lill-Kummissjoni, li jgħidu li DSD, kuntrarjament għall-impenn riprodott fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx tippermetti aċċess liberu għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li għalkemm ir-rikorrenti ma tistax tostakola lill-impriżi ta’ ġbir milli jawtorizzaw l-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet tagħhom, hija lanqas ma jista’ jkollha d-dritt li tipprojbixxi dan l-użu konġunt lil kompetitur.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

220    Għandu jiġi mfakkar li, wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fejn tħabbar li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiddikjara ruħha favorevoli għad-diversi kuntratti li jirrigwardaw is-sistema DSD, diversi terzi interessati kkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jindikawlha li, minkejja l-impenji li DSD adottat f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda l-possibblità mogħtija lil terzi li jkollhom aċċess liberu għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha, DSD kienet qiegħdha tressaq azzjonijiet quddiem il-qrati sabiex topponi għall-użu konġunt ta’ dawn l-installazzjonijiet. Għalhekk, is-sentenza tal-Landgericht Köln tat-18 ta’ Marzu 1997 kienet turi b’mod ċar l-intenzjoni ta’ DSD li topponi ruħha għal sistema individwali, il-VfW, li xtaqet li jkollha aċċess mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet ta’ ġbir li s-sistema DSD tuża f’ċerti sptarijiet Ġermaniżi.

221    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat lil DSD, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 1997, li mġiba, li kienet tikkonsisti f’li terzi jiġu ostakolati milli jużaw l-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti tagħha, setgħet taqa’ taħt l-Artikolu 82 KE u hija enfasizzat l-importanza li din l-imġiba seta’ jkollha fir-rigward tal-proċedura ta’ eżenzjoni, safejn, skond ir-raba’ kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE, ftehim innotifikat għal finijiet ta’ eżenzjoni ma jistax jagħti l-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

222    Wara li l-Kummissjoni adottat din il-pożizzjoni, DSD ipproponiet s-segwenti impenn – riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata – sabiex tirrimedja għall-preokupazzjonijiet li l-Kummissjoni esponiet fl-ittra tagħha tat-21 ta’ Awwissu 1997:

“[DSD] hija lesta li tirrinunzja milli tagħmel azzjonijiet ta’ inibizzjoni, bħal dawk deskritti fis-sentenza tal-Landgericht Köln, tat-18 ta’ Marzu 1997, kontra l-VfW, kif ukoll f’każijiet simili. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ informazzjoni u tad-dritt għal kumpens jibqa’ possibbli fil-konfront ta’ impriżi ta’ ġbir marbutin kuntrattwalment ma’ [DSD].”

223    F’dan ir-rigward ma jistax jiġi allegat li impenn bħal dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ DSD li jkollha aċċess għall-ġustizzja. Fil-fatt, DSD ipproponiet dan l-impenn lill-Kummissjoni minn jeddha sabiex tevita li din l-istituzzjoni tieħu miżuri addizzjonali wara l-ittra tagħha tal-21 ta’ Awwissu 1997. Kien għalhekk minn jeddha u in konformità mal-prinċipju li jgħid li huwa possibbli li wieħed jirrinunzja milli jinvoka dritt li huwa jkollu, u b’għarfien sħieħ tal-fatturi tal-kwistjoni, li DSD essenzjalment indikat lill-Kummissjoni li hija kienet qiegħdha tirrinunzja milli tressaq azzjonijiet quddiem il-qrati Ġermaniżi sabiex tikkontesta l-ftehim li jista’ jkun hemm bejn l-impriżi ta’ ġbir li kkonkludew kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD u d-diversi sistemi li setgħu jkunu interessati fl-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ dawn l-impriżi.

224    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rinunzja li DSD għamlet permezz ta’ l-impenn riprodott fil-premessa 72 saret biss għax, bi tpattija ta’ dan, kien hemm konċessjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.

225    Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni ma bdietx proċeduri abbażi ta’ l-Artikolu 82 KE biss minħabba l-impenn li DSD adottat, u dan bil-kontra ta’ dak li ġara fil-każ tal-kuntratt għall-użu tal-logo fejn il-Kummissjoni bdiet tali proċedura wara li terzi interessati ppreżentaw osservazzjonijiet fuq il-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

226    Bl-istess mod, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni żammet f’moħħa l-impenn adottat minn DSD meta għażlet li ma teżaminax aktar fil-fond l-eżistenza ta’ eventwali problema ta’ kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda, per eżempju, l-aċċess tas-sistemi individwali għall-installazzjonijiet ta’ ġbir fl-isptarijiet Ġermaniżi jew f’partijiet oħra tas-suq. Fil-fatt, analiżi bħal din setgħet kienet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-effett li l-imġiba li DSD adottat fil-kuntest tal-kwistjoni li tagħat lok għas-sentenza tal-Landgericht Köln tat-18 ta’ Marzu 1997, seta jkollha fuq l-analiżi tagħha tal-kuntratt ta’ servizzi fil-kuntest ta’ l-Artikolu 81 (1) u (3) KE. F’dan il-każ, l-analiżi tal-Kummissjoni fuq dan il-punt baqgħet vaga, u dan minkejja li d-deċiżjoni kienet tindika li kien possibbli li sptar ikollu diversi installazzjonijiet ta’ ġbir (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi preżunta mir-riżultat li seta’ kellha eventwali analiżi dettaljata tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-ġbir ta’ l-imballaġġi kkonsenjati lill-isptarijiet.

227    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-dawl ta’ l-Artikolu 81(3) KE u ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17, li hija ma setgħetx tissodisfa ruħha bl-impenn li DSD ipproponiet f’dak li jirrigwarda l-aċċess tas-sistemi kollettivi għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD, iżda li hija kellha tagħmel pass ieħor u torbot id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni b’obbligu li jippermetti li jiġi ggarantit li l-kuntratt ta’ servizzi ma jippermettix lil DSD li telimina l-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni.

228    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ewwel obbligu ma jirrigwardax is-sistemi individwali peress li, minħabba s-soluzjonijiet alternattivi offruti mill-impriżi ta’ ġbir li ma kkonkludewx kuntratt ta’ servizzi ma’ DSD, mhuwiex meħtieġ li jiġi ggarantit l-aċċess ta’ dawn is-sistemi għall-installazzjonijiet ta’ ġbir tal-kontraenti ta’ DSD (ara l-punti 120 sa 129 u l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali minħabba li ma jsolvix il-problema ta’ kompetizzjoni identifikata fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-impenn huwa bbażat fuq loġika differenti minn dik li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-ewwel obbligu. Filwaqt li dan l-obbligu għandu l-iskop li jiggarantixxi t-twettiq tar-raba’ kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81 (3) KE, jiġifieri li jiġi assigurat li l-kuntratt ta’ servizzi ma jeliminax il-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni, l-impenn huwa sempliċement intiż sabiex jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni meta din tkun fil-proċess li tagħti ċertifikazzjoni negattiva jew eżenzjoni. Issa, kif ġie indikat fil-punti 225 u 226 aktar ’il fuq, l-impenn propost minn DSD ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tevita li tanalizza kwistjonijiet li setgħu, fihom infushom, jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata u jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura abbażi ta’ l-Artikolu 82 KE.

229    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-impenn adottat mir-rikorrenti, espost fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex ta’ preġudizzju għad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-ġustizzja, peress li ġie adottat minn DSD, b’għarfien sħiħ tal-fatturi tal-kwistjoni, sabiex il-Kummissjoni taċċetta li ma teżaminax kwistjonijiet li setgħu jwasslu għall-ftugħ ta’ proċedura abbażi ta’ l-Artikolu 82 KE jew li tiġi kkontestata l-analiżi li din ta’ l-aħħar għamlet fil-kuntest ta’ l-Artikolu 81 KE.

230    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

231    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu kemm f’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni obbligu kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jew sempliċement l-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

232    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3) ta’ l-istess Regoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-interpretazzjoni li ngħatat lill-kontenut ta’ l-ewwel obbligu, safejn dan jirrigwarda biss is-sistemi kollettivi kompetituri ta’ DSD u mhux is-sistemi individwali, u lill-kontenut tat-tieni obbligu twassal sabiex jiġu aċċettati parzjalment l-ilmenti li r-rikorrenti ppreżentat f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ikun iġġustifikat li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tar-rikorrenti u kwart mill-ispejjeż tagħha stess. Ir-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tagħha stess, tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni kif ukoll l-ispejjeż ta’ Landbell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, hija kkundannata tbati tliet kwarti mill-ispejjeż tagħha stess, tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni kif ukoll l-ispejjeż ta’ Landbell AG für Rückhol-systeme.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess u kwart mill-ispejjeż tar-rikorrenti.

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Mejju 2007.

E. Coulon

 

       J. D. Cooke

Reġistratur

 

       President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ

B –  Is-sistema kollettiva ta’ Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, il-kuntratt ta’ l-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq ir-relazzjoni kuntrattwali bejn DSD u l-impriżi ta’ ġbir

B –  L-evalwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 81(1) KE

1.  Fuq il-klawżola ta’ esklużivitŕ favur l-impriża ta’ ġbir

2.  Fuq l-aċċess għall-installazzjonijiet ta’ l-impriżi ta’ ġbir

C –  L-evalwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 81(3) KE

D –  Obbligi imposti mill-Kummissjoni sabiex jiġu integrati mad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni

E –  Konklużjonijiet

F –  Il-parti operattiva

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

1.  Fuq il-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens ta’ DSD fil-każ ta’ użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ħtieġa għall-użu konġunt ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġbir.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Fuq il-ħtieġa ta’ l-użu konġunt għas-sistemi kollettivi kompetituri

ii) Fuq l-allegata ħtieġa ta’ l-użu konġunt għas-sistemi individwali

3.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-impossibbiltŕ li jiġi impost obbligu sabiex jirrimedja għal eventwali ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 82 KE

a)  L-Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Fuq l-ammissibbiltà

ii) Fuq il-mertu

4.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

a)  Fuq l-allegat ksur tad-digriet fuq l-imballaġġi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-dannu ta’ DSD

L-Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  Fuq l-allegat dannu għall-funzjoni tat-trade mark Der Grüne Punkt

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

d)  Fuq l-effett ta’ l-ewwel obbligu fuq id-dritt ta’ aċċess għall-qrati nazzjonali

L-Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestat jikser l-Artikolu 86(2) KE

1.  L-Argumenti tal-partijiet

2.  Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 86(2) KE.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, li huwa konness mat-talba għall-annullament ta’ l-impenn riprodott fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata u bbażat fuq il-ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.