Language of document : ECLI:EU:T:2015:955

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2015 

“FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Żvilupp rurali – Korrezzjoni finanzjarja ta’ darba – Eliġibbiltà tal-infiq magħmul għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat– Sistema derogatorja għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006”

Fil-Kawża T‑124/14,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u S. Hartikainen, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Aalto, J. Aquilina, P. Rossi u T. Sevón, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 338, p. 81), sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni taħt il-FAEŻR ċertu nfiq tar-Repubblika tal-Finlandja, li jammonta għal EUR 927 827.58, għaliex ma huwiex konformi mar-regoli tal-Unjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Mit-23 sas-27 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea wettqet verifika fuq il-post fil-Finlandja (investigazzjoni RD1/2011/805/FI) dwar il-miżura M312 “Ħolqien u żvilupp ta’ impriżi mikro”.

2        Fid-9 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Finlandiżi komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162), fejn informathom bir-riżultati tal-verifika fuq il-post. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni esponiet il-motivi għalfejn hija kienet qed tqis li l-awtoritajiet Finlandiżi ma kinux osservaw, fil-kuntest tal-finanzjament tal-infiq ta’ żvilupp rurali mis-sena 2007, ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fosthom dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 55(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 322M, p. 305), kif emendat, u stiednet lill-imsemmija awtoritajiet jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom huma kienu jqisu eliġibbli l-infiq magħmul għax-xiri ta’ tagħmir użat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkontestat lakuni fil-verifika tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż marbuta max-xiri ta’ ċertu tagħmir użat, fis-sens tal-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 330M, p. 455).

3        B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika tal-Finlandja rrispondiet lill-Kummissjoni billi qalet li kienet tqis li aġixxiet b’mod konformi mar-regoli tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1974/2006, peress li dan l-artikolu jawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-infiq magħmul għax-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jiġi kklassifikat bħala eliġibbli. Fil-Finlandja, din il-possibbiltà ġiet implementata permezz tal-Artikoli 23 u 35 tad-Digriet Nru 632/2007, li jiffissa fl-istess waqt il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna.

4        B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Finlandiżi għal laqgħa bilaterali fi Brussell (il-Belġju) li nżammet fit-2 ta’ Frar 2012. B’ittra tad-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Finlandiżi l-proċess verbal ta’ din il-laqgħa, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll talba għal informazzjoni addizzjonali. Fl-Anness 1 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni, minn naħa, esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li d-Digriet Nru 632/2007 ma kienx kompatibbli mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 u, min-naħa l-oħra, irrepetiet il-kritika tagħha rigward il-verifika lakunari tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż marbuta max-xiri ta’ ċertu tagħmir użat.

5        Fis-27 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proċess verbali tal-laqgħa tat-2 ta’ Frar 2012 u r-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni.

6        Fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni indirizzat lill-awtoritajiet Finlandiżi komunikazzjoni uffiċjali bid-data tas-6 ta’ Mejju preċedenti, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li tħabbar korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 927 827.58 għall-perijodu bejn id-9 ta’ Settembru 2009 u l-15 ta’ Ottubru 2012. Il-Kummissjoni esponiet il-motivi għalfejn kienet qed tqis li l-awtoritajiet Finlandiżi, fir-rigward tal-għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir użat, ma kinux osservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 u tal-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament Nru 1975/2006.

7        Fid-19 ta’ Ġunju 2013, ir-Repubblika tal-Finlandja, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006, ressqet talba għal konċiljazzjoni quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni. B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2013, l-imsemmi korp għarraf li ma kienx ser jiddikjara ruħu fuq din it-talba, għaliex l-ammont li għalih tirreferi l-korrezzjoni finanzjarja kien inqas minn miljun euro.

8        Fil-punt 17.1 tar-rapport ta’ sinteżi, tat-18 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat li, minn naħa, rigward l-eliġibbiltà tal-għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir użat, il-prattiki tal-awtoritajiet Finlandiżi ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, għaliex ir-Repubblika tal-Finlandja ma ddeterminatx u ma mmotivatx kif xieraq il-każijiet partikolari li fihom tagħmir użat kien, b’mod eċċezzjonali, ammess sabiex jibbenefika minn finanzjament tal-FAEŻR. Bil-kontra, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet Nru 632/2007 kienu jipprevedu possibbiltà ġenerali ta’ investiment f’tagħmir użat, li n-natura eliġibbli tiegħu tiġi evalwata fuq bażi individwali skont il-kriterju mhux iddefinit b’mod ċar tal-għażla “l-iktar favorevoli mil-lat ekonomiku globali”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat li l-verifika tal-ispejjeż raġonevoli marbuta mal-finanzjament ta’ tagħmir użat kienet lakunari u ma kinitx tikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament Nru 1975/2006. Minn dan hija kkonkludiet li korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 % kellha tiġi applikata fir-rigward tal-għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir użat, li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 927 827.58. Fir-rigward tal-verifika lakunari tal-ispejjeż raġonevoli marbuta mal- finanzjament ta’ tagħmir użat, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 %, li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 14 208.31, li madankollu hija kompletament assorbita mill-ewwel korrezzjoni finanzjarja.

9        Fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/763/UE dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 338, p. 81, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika tal-Finlandja, fit-13 ta’ Diċembru 2013, taħt ir-referenza C (2013) 8743.

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li rreferiet għar-“rapport ta’ sinteżi [tat-18 ta’ Novembru 2013]” (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni eskludiet bħala ineliġibbli, għas-snin finanzjarji bejn l-2009 u l-2012, infiq iddikjarat mir-Repubblika tal-Finlandja għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat fil-kuntest tal-miżura intitolata “Żvilupp rurali li jaqa’ taħt l-Assi 1+3 tal-FAEŻR – Miżuri orjentati lejn l-investiment (2007-2013)”. Il-korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 927 827.58 hija kklassifikata hemmhekk bħala ta’ “darba” sa fejn hija ġġustifikata permezz tan-“nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament [...] Nru 1974/2006”. Sa fejn l-imsemmija korrezzjoni finanzjarja hija bbażata fuq “nuqqasijiet fil-verifika tar-raġonevolezza tal-ispejjeż”, hija kklassifikata li hija ta’ “rata fissa” ta’ 10 %, li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 14 208.31, iżda li ma għandhiex “impatt finanzjarju” (ara l-Artikolu 1 moqri flimkien mal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, p. 98 u 99).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2014, ir-Repubblika tal-Finlandja ppreżentat dan ir-rikors.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

13      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2015.

14      Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni titlob, f’dak li jikkonċernaha, rimbors ta’ finanzjament ta’ ammont ta’ EUR 927 827.58;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja tinvoka, essenzjalment, motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fir-replika, ir-Repubblika tal-Finlandja kkonfermat li r-rikors tagħha kien jirreferi biss għall-korrezzjoni finanzjarja ta’ darba applikata fid-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa kkorroborat permezz tal-motiv għal annullament imqajjem fir-rikors tagħha, li jirreferi b’mod esklużiv għall-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, u mhux għall-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament Nru 1975/2006 li fuqu kienet ibbażata l-korrezzjoni finanzjarja ta’ rata fissa. Għaldaqstant, is-suġġett ta’ din it-tilwima huwa limitat għal-legalità tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 bħala bażi għall-imsemmija korrezzjoni finanzjarja ta’ darba.

18      Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li l-Kummissjoni tinjora r-rabta bejn l-ewwel subparagrafu, subinċiż (b) tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 (iktar ’il quddiem, l-“ewwel subparagrafu”) u t-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem, it-“tieni subparagrafu”). Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà ta’ ċertu materjal u tagħmir użat, peress li t-tieni subparagrafu ma jiffissax kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk l-għajnuna għax-xiri ta’ materjal u ta’ tagħmir użat tistax tkun “iġġustifikata b’mod xieraq”. L-imsemmi regolament lanqas ma jeżiġi li l-Istat Membru jiddefinixxi b’mod preċiż kull każ partikolari li fih ix-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat huwa eliġibbli. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26), jipprevedi b’mod espliċitu li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-infiq għandhom jiġu ffissati fuq il-livell nazzjonali. B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw kriterji iktar preċiżi sabiex jistabbilixxu l-każijiet li fihom huwa ssostanzjat kif xieraq li tingħata għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir użat. Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, il-kunċetti ta’ “każijiet ġustifikati kif xieraq” u ta’ “kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà” huma marbuta fil-qrib, b’tali mod li huwa impossibbli li jiġu applikati wieħed indipendentement mill-ieħor. Ikun għaldaqstant biżżejjed li l-Istat Membru jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti sabiex l-għoti tal-għajnuna għax-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat ikun iġġustifikat b’mod xieraq.

19      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-ewwel subparagrafu jistabbilixxi regola ġenerali skont liema l-infiq ammissibbli għal investimenti ffinanzjati mill-FAEŻR huma limitati għax-xiri jew għall-bejgħ b’kiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir ġdid. Skont it-tieni subparagrafu, huwa biss b’deroga mill-ewwel subparagrafu u “f’każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” li x-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jitqies li huwa nfiq eliġibbli. Għal din ir-raġuni, l-Istat Membru huwa marbut jidentifika konkretament, permezz ta’ definizzjoni minn qabel, il-“każi[jiet] [rari] sostanzjati kif xieraq” li fihom għajnuna tista’ tingħata. Biss tali approċċ huwa konformi, minn naħa, mal-għan tal-għajnuna Komunitarja għall-investiment agrikolu, stabbilit fil-premessa 21 tar-Regolament Nru 1698/2005, li huwa li jiġu mmodernizzati l-istabbilimenti agrikoli u li jiġu mtejba l-prestazzjonijiet ekonomiċi tagħhom billi jittejjeb l-użu mill-fatturi ta’ produzzjoni b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u permezz tal-innovazzjoni, u, min-naħa l-oħra, mal-għanijiet tal-għajnuna mogħtija mill-FAEŻR, kif stabbiliti fil-premessa 23 tal-istess regolament, li huma li jiġi inkoraġġut it-titjib tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u ta’ forestrija primarji. Il-limitu impost fuq l-għajnuna għat-tagħmir użat huwa wkoll konformi mal-għan stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, intiż għat-titjib tal-kompetittività tal-agrikoltura u tal-forestrija b’sostenn għar-ristrutturazzjoni, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni (ara wkoll il-premessa 46 tal-istess regolament). Dawn l-għanijiet jistgħu ġeneralment jintlaħqu biss billi jsiru investimenti f’tagħmir ġdid.

20      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 difiża mir-Repubblika tal-Finlandja tmur kontra kemm l-istruttura tiegħu, li tistabbilixxi regola ġenerali u deroga, kif ukoll kontra l-“ġerarkija normattiva” bejn din ir-regola u din id-deroga. Mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir użat tidderoga mir-regola ġenerali dwar ix-xiri ta’ tagħmir ġdid, li inkwantu tali ma teżiġix ġustifikazzjoni speċifika. Preċiżament minħabba n-natura derogatorja ta’ din l-għajnuna, l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw ix-xiri ta’ tagħmir użat biss “f’każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, jiġifieri billi jagħmlu sforz addizzjonali ta’ definizzjoni u ta’ motivazzjoni. L-interpretazzjoni difiża mir-Repubblika tal-Finlandja twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga sa tali punt li din tinbidel f’regola ġenerali. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Finlandja ma jistax ikollha setgħa diskrezzjonali, għaliex il-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u dawn huma obbligati jżommu ruħhom fil-limiti ddefiniti b’mod ċar permezz tar-Regolament Nru 1974/2006. L-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 tippreżupponi b’dan il-mod li l-Istat Membru jiddefinixxi korrettament minn qabel il-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, jiġifieri numru limitat ta’ każijiet identifikati b’mod ċar. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument skont liema l-kriterji tal-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” u tal-“kundizzjonijiet meta x-xiri ta’ tagħmir mhux ġdid [użat] jista’ jitqies bħala nfiq eliġibbli” huma interkonnessi u għandhom jiġu applikati b’mod konġunt. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni Finlandiża tonqos milli tiddefinixxi, b’mod konformi mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, il-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” li fihom l-għajnuna tista’, b’deroga, tingħata għax-xiri ta’ tagħmir użat.

21      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li tiffoka l-evalwazzjoni tagħha fuq il-validità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mar-rapport ta’ sinteżi. Fil-fatt, il-partijiet huma f’oppożizzjoni, b’mod prinċipali, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel u lit-tieni subparagrafi kif ukoll fuq ir-rabta li teżisti bejniethom. Dan l-artikolu jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      F’każ ta’ investimenti, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għal:

[…]

b)      ix-xiri jew ix-xiri b’kera ta’ makkinarju u tagħmir ġdid, inkluż is-softwer tal-kompjuter sal-valur tas-suq ta’ l-assi. […];

[…]

F’każi sostanzjati kif xieraq u permezz ta’ deroga mill-punt (b) ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meta x-xiri ta’ tagħmir mhux ġdid jista’ jitqies bħala nfiq eliġibbli biss għal intrapriżi ta’ daqs mikro, żgħir u medju [...].”

22      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu jistabbilixxi regola ġenerali skont liema “l-ispejjeż [infiq] eliġibbli” għal investimenti ffinanzjati mill-FAEŻR “limitati għal […] ix-xiri jew ix-xiri b’kera ta’ makkinarju u tagħmir ġdid”. Skont it-tieni subparagrafu, huwa biss “permezz ta’ deroga mill-[...]ewwel subparagrafu”, jiġifieri l-imsemmija regola ġenerali, u “biss għal intrapriżi ta’ daqs mikro, żgħir u medju” li “[f]’każi sostanzjati kif xieraq [...] l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meta x-xiri ta’ tagħmir mhux ġdid jista’ jitqies bħala nfiq eliġibbli”. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-deroga, l-Istat Membru kkonċernat huwa għaldaqstant marbut li jidentifika konkretament, permezz ta’ definizzjoni minn qabel, fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu, il-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” li fihom għajnuna tista’, b’mod eċċezzjonali, tingħata sabiex isir investiment f’tagħmir użat.

23      Min-naħa l-oħra, minkejja li r-Repubblika tal-Finlandja ma tikkontestax in-natura derogatorja minnha nnifisha tat-tieni subparagrafu meta mqabbel mal-ewwel wieħed, hija ssostni, essenzjalment, li din id-deroga ma għandhiex tinftiehem bħala eċċezzjoni ta’ interpretazzjoni stretta, iżda bħala sistema speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri huma liberi li joħolqu, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, tali sistema li huma awtorizzati jiddefinixxu l-kontenut tagħha billi jistabbilixxu “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà ta’ nfiq għall-finijiet tax-xiri ta’ tagħmir użat. Dawn il-kundizzjonijiet huma “marbuta mill-qrib” mal-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” li l-Istat Membru jista’, fin-nuqqas ta’ definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jispeċifika fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Ikun biżżejjed li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi l-imsemmija “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà u li dawn jiġu ssodisfatti, sabiex l-infiq magħmul għax-xiri ta’ tagħmir użat jirrappreżenta “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”.

24      Sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni mqajma b’dan il-mod u sabiex tiġi stabbilita l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 kif ukoll ir-rabta li teżisti bejniethom, għandha ssir, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni litterali, teleoloġika, kuntestwali u storika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra, EU:T:2002:278, punti 72 sa 83, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra, EU:T:2005:349, punti 41 sa 60).

 Fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

 Fuq in-natura derogatorja tat-tieni subparagrafu

25      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali, għandha tiġi eżaminata n-natura ġuridika tal-ewwel u t-tieni subparagrafi kif ukoll dik tar-rabta bejniethom. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-testi ta’ dritt tal-Unjoni huma redatti f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi; interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timplika b’dan il-mod paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra, EU:C:1982:335, punt 18, u tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra, EU:T:2007:332, punt 95).

26      Kif irrikonoxxew il-partijiet, b’mod partikolari, fis-seduta, paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ma jippermettix li tiġi ċċarata iktar il-portata tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 u, b’mod partikolari, l-importanza tar-rabta speċifika bejn l-ewwel u t-tieni subparagrafi.

27      Fir-rigward tal-kliem “permezz ta’ deroga” msemmi fit-tieni subparagrafu, dan jista’ jew ifisser il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola ġenerali bl-istabbiliment ta’ regola distinta għal ipoteżi ddeterminata/i b’mod astratt, ifformalizzata fil-massimi specialia generalibus derogant u legi speciali per generalem non derogatur, u, għaldaqstant, eċċezzjoni fis-sens strett, jew inkella jirreferi għad-deċiżjoni tal-awtur tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li ma japplikax ir-regola ġenerali għal ċerti sitwazzjonijiet jew għal ċerti destinatarji u li jissuġġettahom għal sistema distinta u speċifika barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

28      Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-ewwel subparagrafu jikkostitwixxi r-regola prinċipali jew ġenerali u li t-tieni subparagrafu jipprevedi soluzzjoni differenti għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, li jippermetti li jiġi kklassifikat, f’kull każ, bħala regola derogatorja. Kif ġie indikat fil-punt 27 hawn fuq, tali klassifikazzjoni ma hijiex neċessarjament ekwivalenti għal dik ta’ eċċezzjoni fis-sens strett, iżda tista’ tindika l-eżistenza ta’ sistema speċifika u distinta meta mqabbla mas-sistema stabbilita permezz tar-regola prinċipali jew ġenerali. B’dan il-mod, il-kliem Ingliż “derogation”, Taljan “deroga” u Portugiż “derrogação” ma huwiex, fil-każijiet kollha, sinonimu ta’ “exception”, “eccezione” u ta’ “exceção”. Bl-istess mod, il-kliem Ġermaniż “abweichend” u Olandiż “[i]n afwijking” ifisser “differenti” jew “diverġenti” mingħajr ma jindika neċessarjament eċċezzjoni. Fl-aħħar nett, l-espressjoni Spanjola “no obstante” tfisser “madankollu”, li tista’, iżda ma għandhiex neċessarjament, tirreferi għal eċċezzjoni fis-sens strett.

29      Il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tat-tieni subparagrafu bħala eċċezzjoni fis-sens strett jew bħala regola derogatorja li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju lanqas ma tista’ tiġi deċiża bil-fatt li, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, il-kliem ekwivalenti għall-kliem “permezz ta’ deroga” huwa separat, permezz tal-konġunzjoni “u”, mit-tieni parti tal-frażi, li tirreferi, bl-użu tal-avverbju “biss” (only; exclusivamente; unicamente; alleen), għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Fil-fatt, minnu ma tirriżultax b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jew jistabbilixxi tali eċċezzjoni fis-sens strett, jew inkella li jipprevedi biss l-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru li joħloq sistema derogatorja u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, għaliex il-kliem “permezz ta’ deroga” u “[u] biss”, moqri flimkien, jista’ jiġi interpretat f’dawn iż-żewġ sensi. B’dan il-mod, il-koeżistenza taż-żewġ elementi limitattivi msemmija hawn fuq fl-istess frażi ma tagħtix indikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu jikkostitwixxix eċċezzjoni fis-sens strett jew sempliċi regola derogatorja li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

30      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, ma tapplikax neċessarjament il-ġurisprudenza, ispirata mill-prinċipju tad-dritt Ruman singularia non sunt extendenda, skont liema r-regoli tal-Unjoni li jipprevedu eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tar-regola ġenerali li minnha huma jidderogaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, C‑481/99, Ġabra, EU:C:2001:684, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, BLV Wohn- und Gewerbebau, C‑395/11, Ġabra, EU:C:2012:799, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tali interpretazzjoni ma tkunx imposta jekk it-tieni subparagrafu għandu jiġi kklassifikat bħala regola derogatorja li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

31      Għaldaqstant, interpretazzjoni litterali ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk it-tieni subparagrafu jikkostitwixxix eċċezzjoni ta’ interpretazzjoni stretta fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 hawn fuq, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, iżda biss li jiġi kkonstatat li jipprevedi regola speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

 Fuq ir-rabta bejn il-kriterji “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” u “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà

32      Fir-rigward tal-portata eżatt tat-tieni subparagrafu, għandu jitfakkar li l-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu ma japplikax ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li, barra minn hekk, għandhom jiġu ddefiniti b’mod speċifiku u minn qabel mill-Istat Membru fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu, jew jekk għandux portata usa’ li tkopri, fil-prinċipju, it-totalità tas-sitwazzjonijiet li jissodisfaw, skont l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-“kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà previsti fil-leġiżlazzjoni interna, u għaldaqstant dawn il-kundizzjonijiet jirrappreżentaw minnhom innifishom “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, meta l-imsemmija awtoritajiet jiddeċiedu li japplikawhom u jimmotivaw l-applikazzjoni tagħhom skont l-għanijiet segwiti permezz tar-regoli inkwistjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, skont il-formulazzjoni univoka tat-tieni subparagrafu indipendentement mill-verżjoni lingwistika, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fl-istabbiliment u fl-implementazzjoni ta’ sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, sa fejn, għal dan l-għan, huma “jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meta x-xiri ta’ tagħmir mhux ġdid jista’ jitqies bħala nfiq eliġibbli”. Bl-istess mod, huwa stabbilit li l-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” ma huwiex iddefinit fid-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ukoll setgħa diskrezzjonali – minbarra għall-istabbiliment tal-“kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà – fir-rigward tal-ippreċiżar ta’ dawn il-każijiet.

34      Imbagħad, huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti sinjifikat proprju u distint lill-kriterji ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, minn naħa, u ta’ “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà, min-naħa l-oħra. Din il-konstatazzjoni ma tippermettix minnha nnifisha li tiġi ġġustifikata l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel tal-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, jiġifieri l-allegata neċessità għall-Istat Membru li jadotta leġiżlazzjoni ta’ portata ġenerali li tiddefinixxi, minn qabel, il-każijiet preċiżi li fihom ix-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat jista’ jitqies bħala nfiq ammissibbli. Bil-kontra, fid-dawl tal-istruttura tat-tieni subparagrafu, il-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” huwa immedjatament marbut mal-awtorizzazzjoni u mas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru (“[f]’każi sostanzjati kif xieraq [...] jistgħu jistabbilixxu”) li jistabbilixxi u jimplementa sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. F’dan ir-rigward, huwa għall-bqija indifferenti li, b’mod partikolari, il-verżjoni Daniża (“I behørigt begrundede tilfælde”) u Portugiża (“Em casos devidamente fundamentados”) isemmu l-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” fil-bidu tat-tieni subparagrafu.

35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” sempliċement jikkwalifika l-mod li fih l-Istat Membru huwa mistenni jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont it-tieni subparagrafu u, fuq kollox, jimmotiva dan l-eżerċizzju. Fi kliem ieħor, kull darba li l-Istat Membru jqis xieraq li juża l-awtorizzazzjoni tiegħu u l-imsemmija setgħa diskrezzjonali, huwa marbut jew, fil-kuntest ta’ eventwali deċiżjoni, li jadotta regoli ta’ portata ġenerali, jew inkella, fil-kuntest ta’ eventwali deċiżjoni dwar każ individwali ta’ xiri ta’ tagħmir użat, li jressaq il-motivi rilevanti insostenn tad-deċiżjoni tiegħu sabiex jissodisfa l-imsemmi kriterju u biex jippermetti lill-Kummissjoni li twettaq kontroll f’dan ir-rigward. Għandu jiġi kkonstatat li dan is-sens huwa l-istess fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-tieni subparagrafu u li huwa biżżejjed sabiex jiggarantixxi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li teżerċita kontroll a posteriori xieraq tal-eżerċizzju mill-Istat Membru tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont it-tieni subparagrafu, b’mod konformi mal-għanijiet tar-regoli rilevanti tal-Unjoni (ara wkoll il-punti 40 u 41 iktar ’il quddiem).

36      Fl-aħħar nett, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola li tikkorrispondi għall-interpretazzjoni difiża mill-Kummissjoni, huwa kellu jindika b’mod ċar li l-Istat Membru kien marbut jistabbilixxi regoli ta’ portata ġenerali u jispeċifika, minn qabel, is-sitwazzjonijiet kollha li fihom finanzjament tax-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat seta’ jitqies bħala eliġibbli, li ma huwiex madankollu l-każ tat-tieni subparagrafu. Skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-partijiet fil-kawża, fosthom l-Istati Membri, ma jistgħux isofru diffikultajiet ta’ interpretazzjoni dovuti għal leġiżlazzjoni impreċiża li tipprevedi konsegwenzi pekunjarji sfavorevoli fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C‑17/01, Ġabra, EU:C:2004:242, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 80, u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, Ġabra, EU:C:2015:386, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni skont liema, essenzjalment, minn naħa, it-tieni subparagrafu jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ interpretazzjoni stretta fir-rigward tar-regola ġenerali jew prinċipali stabbilita fl-ewwel subparagrafu u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru huwa mistenni, skont il-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, li jipprovdi, minn qabel, f’leġiżlazzjoni ta’ portata ġenerali, motivazzjoni preċiża li tiddefinixxi l-imsemmija każijiet u li tiġġustifika l-applikazzjoni tad-diversi “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà li huma stabbiliti fiha sabiex jevita li l-portata tal-allegati eċċezzjonijiet tneħħi mir-regola ġenerali l-kontenut tagħha u tippreġudika l-effettività tal-imsemmija regola.

 Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

38      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni teleoloġika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ġenerali segwit permezz tar-Regolamenti Nri 1698/2005 u 1974/2006, jiġifieri l-“għajnuna għall-iżvilupp rurali”.

39      Il-premessi 21 u 23 tar-Regolament Nru 1698/2005 jispeċifikaw dan l-għan, b’mod partikolari, bil-mod li ġej:

“(21)      L-għan tal-għajnuna Komunitarja għall-investiment fl-azjendi agrikoli huwa li jiġu modernizzati l-azjendi agrikoli biex titjieb il-prestazzjoni ekonomika tagħhom permezz tal-użu aħjar tal-fatturi ta’ produzzjoni, li jinkludi, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ innovazzjoni, filwaqt li jiġu ppreferuti l-kwalità, il-prodotti organiċi u d-diversifikazzjoni intra u extra-azjendali, inklużi s-setturi li mhux tal-ikel u tal-prodotti tar-raba’ enerġetiċi […]

(23)      Għandu jitħeġġeġ it-titjib fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u forestali primarji permezz ta’ appoġġ għall-investimenti li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fis-settur tal-ipproċessar u dak tal-kummerċjalizzazzjoni, li jippromovu l-ipproċessar tal-produzzjoni agrikola u forestali għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jintroduċu teknoloġiji ġodda u innovazzjoni, li jiftħu opportunitajiet ġodda fis-suq għall-prodotti agrikoli u forestali, li jtejbu l-kwalità, li jżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u t-trattament xieraq tal-annimali, skont il-każ, billi, bħala regola ġenerali, jiffukaw fuq il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u intrapriżi oħra taħt ċertu daqs, li huma f’pożizzjoni aħjar biex iżidu l-valur tal-prodotti lokali, waqt li jiġu ssimplifikati wkoll il-kondizzjonijiet għall-għajnuna għall-investiment meta mqabbel ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.”

40      B’dan il-mod, l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1698/2005 huwa li jippermetti mmodernizzar u titjib tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-impriżi, fosthom b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME), fis-settur agrikolu, b’mod partikolari, billi tiġi pprivileġġata l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni. Madankollu, dan l-għan ma jeżiġix neċessarjament, b’mod esklużiv, l-investiment f’materjal jew f’tagħmir ġdid jew innovattiv f’dak li jirrigwarda l-SMEs. Huwa minnu li l-finanzjament ta’ tali investiment jista’ jippromwovi l-immodernizzar u l-kompetittività tal-SMEs, li jippreżenta wkoll rabta mal-għan ta’ kontribuzzjoni għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol fiż-żoni rurali, għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u għall-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ teknoloġiji innovattivi. Jibqa’ l-fatt li, fil-każ tal-SMEs, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-operaturi attivi f’dan is-settur, li għalihom tirreferi l-premessa 23 in fine tar-Regolament Nru 1698/2005, u li l-mezzi finanzjarji tagħhom huma ġeneralment inqas meta mqabbla ma’ dawk li għandhom l-impriżi l-kbar, l-investiment f’tagħmir ġdid mhux dejjem jista’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. B’dan il-mod, jista’ jirriżulta li x-xiri ta’ materjal użat ta’ livell tekniku għoli, iżda bi prezz imnaqqas, jew saħansitra ta’ livell tekniku aħjar minn dak ta’ ċertu tagħmir ġdid, ikun jissodisfa wkoll il-bżonnijiet ta’ dawn l-impriżi u jikkontribwixxi jerġa’ iktar għall-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku tagħhom fis-sens tal-immodernizzar previst fis-settur agrikolu.

41      Minn din il-perspettiva, il-fatt li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprevedu u jimplementaw sistema distinta u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fir-rigward tax-xiri ta’ materjal użat jidħol kompletament fl-għanijiet tar-Regolamenti Nri 1698/2005 u 1974/2006 u ma jeżiġix għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva tar-regoli tal-imsemmija sistema fid-dawl tal-imsemmija għanijiet. Jibqa’ l-fatt li l-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” li jinsab fit-tieni subparagrafu għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dawn l-għanijiet sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru jagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt it-tieni subparagrafu skont kunsiderazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-imsemmija għanijiet u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq kontroll effikaċi f’dan ir-rigward.

42      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni teleoloġika ma tistax tikkontesta r-riżultat tal-analiżi litterali tat-tieni subparagrafu.

 Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

43      Għandu jiġi osservat li interpretazzjoni kuntestwali barra mill-kuntest leġiżlattiv stabbilit fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 ma hijiex tali li tinvalida, jew tikkonferma r-riżultat tal-analiżi litterali tat-tieni subparagrafu.

44      F’dan ir-rigward, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jirriżulta li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu “r-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa” fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR. Jekk dan l-artikolu jista’ jindika li l-Istati Membri għandhom, fil-prinċipju, jadottaw, għal dan l-għan, regoli ta’ portata ġenerali, ma jirriżultax madankollu li l-imsemmija Stati għandhom setgħa diskrezzjonali illimitata fl-istabbiliment tal-imsemmija regoli, u lanqas li dawn għandu jkollhom ċertu kontenut. Fuq kollox, l-Istati Membri għandhom josservaw il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti permezz tar-regoli tal-Unjoni li huma applikabbli b’mod speċifiku f’dan il-kuntest, u li saħansitra jikkostitwixxu l-bażi legali konkreta tal-attività leġiżlattiva inkwistjoni. Dawn huwa l-każ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 li jikkostitwixxi l-lex specialis meta mqabbel mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, iżda madankollu jħalli setgħa diskrezzjonali importanti lill-Istati Membri (ara l-punt 33 hawn fuq). Bl-istess mod, jekk l-Artikolu 5(7) tal-istess regolament, li jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEŻR huma konformi mat-Trattat [FUE]”, moqri flimkien mal-Artikolu 310(5) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317, TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw b’mod leali mal-Kummissjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġi eżegwit il-baġit tal-Unjoni, dawn l-obbligi ġenerali ma jistgħux jagħtu preċiżjonijiet utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni kontenzjuża tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006.

45      Għalhekk, ma jistax jiġi dedott minn dawn ir-regoli u prinċipji ġenerali qari iktar preċiż tat-tieni subparagrafu, b’mod partikolari tal-kriterji ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” u ta’ “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltà kif ukoll tar-rabta tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, li jmur lil hinn mill-interpretazzjonijiet litterali u teleoloġika msemmija fil-punti 25 sa 42 hawn fuq.

46      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux kjarifika addizzjonali rigward is-sens li għandu jingħata lill-imsemmija kriterji.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet preċedenti u posterjuri

47      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet preċedenti, għandu jsir riferiment għar-regoli rilevanti applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nri 1698/2005 u 1974/2006.

48      F’dan ir-rigward, kienu fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nri 445/2002 u 817/2004, tas-26 ta’ Frar 2002 u tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 269 u ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87). B’mod differenti mill-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, il-punt b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 445/2002 ma kienx jinkludi regoli espliċiti rigward ix-xiri ta’ tagħmir użat jew rigward l-SMEs, iżda kien jirreferi biss għal infiq eliġibbli li jirrigwarda “makkinarju u tagħmir ġodda li jinkludu software ġdid tal-kompjuter”. L-istess kien jgħodd għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 817/2004.

49      Min-naħa l-oħra, l-eliġibbiltà ta’ nfiq marbut max-xiri ta’ materjal użat kienet prevista fil-qasam tal-Fondi strutturali, jiġifieri fir-regola Nru 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000, tat-28 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122). L-istess kien jgħodd għar-regola Nru 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004, tal-10 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1685/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar l-eliġibilità tal-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali u li jirtira r-Regolament (KE) Nru 1145/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 2, p. 3).

50      Minn dan jirriżulta li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nri 1698/2005 u 1974/2006, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ta’ tagħmir użat kienet effettivament is-suġġett tal-leġiżlazzjoni dwar il-Fondi strutturali, iżda kienet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li r-Regolamenti Nri 1698/2005 u 1974/2006 ġew issostitwiti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, p. 487), kif ukoll permezz tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014, tal-1 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, p. 1). Abbażi tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 45(6) tar-Regolament Nru 1305/2013, il-Kummissjoni stabbiliet l-Artikolu 13(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014 skont liema “fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom ix-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jitqies bħala nefqa eliġibbli”. Bil-kontra tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, dawn ir-regoli ġodda ma jipprevedux għaldaqstant la sistema speċifika għall-SMEs u lanqas il-kriterju ta’ “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”. Minbarra dan, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tax-xiri ta’ tagħmir użat, dawn jeżiġu b’mod espliċitu l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ta’ portata ġenerali fil-kuntest tal-“programmi tagħhom ta’ żvilupp rurali”.

52      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi dedott la mill-ġenesi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas mil-leġiżlazzjoni posterjuri kwalunkwe konklużjoni rigward il-portata eżatt tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006.

53      Fl-aħħar nett, ir-regoli diverġenti rigward il-Fondi strutturali ma humiex tali li jkollhom impatt fuq din l-evalwazzjoni, peress li l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 445/2002 jispeċifika li l-Artikolu 22 tal-istess regolament jikkostitwixxi regola speċjali meta mqabbel mar-regoli – iktar ġenerali – li jinsabu fir-Regolament Nru 1685/2000, b’tali mod li r-Repubblika tal-Finlandja ma hijiex, f’kull każ, fondata li tinvoka dawn ir-regoli msemmija l-aħħar.

 Konklużjoni dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

54      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq u b’mod partikolari fid-dawl tal-analiżi litterali esposta fil-punti 25 sa 37 hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tieni subparagrafu jawtorizza lill-Istati Membri, billi jagħtihom setgħa diskrezzjonali għal dan l-għan, li jistabbilixxu u jimplementaw sistema derogatorja u speċifika għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju billi jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom ix-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jitqies bħala nfiq ammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li l-Istat Membru jiddefinixxi, b’mod preċiż u minn qabel, f’leġiżlazzjoni ta’ portata ġenerali, il-każijiet li fihom l-investiment jikkorrispondi għal “każ sostanzjat kif xieraq”. Jibqa’ l-fatt li dan il-kriterju msemmi l-aħħar jeżiġi li l-Istat Membru, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jew fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi regoli ta’ portata ġenerali, jew fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar każ individwali, jagħti l-motivi li juru li din id-deċiżjoni ttieħdet b’mod konformi mal-kriterji u mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti interna u tal-Unjoni.

55      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata fl-intier tagħha mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Finlandiża mal-imsemmi artikolu hijiex ukoll ivvizzjata bi żball. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi speċifikat li l-Kummissjoni sempliċement tikkontesta l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ wisq tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tax-xiri ta’ materjal jew ta’ tagħmir użat kif ukoll l-assenza ta’ definizzjoni konkreta u minn qabel, tad-Digriet Nru 632/2007, tal-“każi[jiet] sostanzjati kif xieraq”, li jirriżulta preċiżament mill-interpretazzjoni żbaljata tagħha tal-Artikolu 55(1) tal-istess regolament.

 Fuq l-ispejjeż

56      L-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

57      Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tal-Finlandja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni taħt il-FAEŻR ċertu nfiq tar-Repubblika tal-Finlandja, li jammonta għal EUR 927 827.58, għaliex ma huwiex konformi mar-regoli tal-Unjoni.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-suġġett tat-tilwima

Fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

Fuq in-natura derogatorja tat-tieni subparagrafu

Fuq ir-rabta bejn il-kriterji “każi[jiet] sostanzjati kif xieraq” u “kundizzjonijiet” ta’ ammissibbiltŕ

Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet preċedenti u posterjuri

Konklużjoni dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1974/2006

Fuq l-ispejjeż