Language of document : ECLI:EU:T:2016:342

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pagament ta’ penalità – Deċiżjoni ta’ likwidazzjoni tal-pagament ta’ penalità – Metodu ta’ kalkolu tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali – Interessi komposti”

Fil-Kawża T-122/14,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8681 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, li biha, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, EU:C:2011:740), il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut mir-Repubblika Taljana għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Deċiżjoni relattiva għal għajnuna illegali u inkompatibbli (deċiżjoni ta’ rkupru)

1        Bid-Deċiżjoni 2000/128/KE, tal-11 ta’ Mejju 1999, dwar l-iskemi ta’ għajnuna implementati mill-Italja għall-promozzjoni tal-impjiegi (ĠU 2000, L 42, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru”), il-Kummissjoni Ewropea ordnat lir-Repubblika Taljana biex tipproċedi bl-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern mogħtija fil-kuntest ta’ miżuri għall-impjieg. Permezz ta’ nota SG(99) D/4068, tal-4 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni ta’ rkupru lir-Repubblika Taljana.

2        Ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Taljana kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru ġie miċħud b’sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-310/99, EU:C:2002:143).

 Rikors u sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

3        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ppreżentat, skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 88(2) KE, rikors intiż biex jiġi kkonstatat li, meta ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li, skont id-deċiżjoni kkontestata, instabet li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tinformaha bil-miżuri adottati, ir-Repubblika Taljana kienet naqset mill-obbligi tagħha skont id-deċiżjoni ta’ rkupru kif ukoll skont it-Trattat KE.

4        B’sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-99/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”, EU:C:2004:207), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni u ddeċidiet li, meta ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il‑benefiċjarji l-għajnuna li, skont id-deċiżjoni ta’ rkupru, instabet li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana kienet naqset mill-obbligi tagħha skont id-deċiżjoni ta’ rkupru.

 Rikors ġdid u sentenza eżegwibbli

5        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, biex tiddikjara li, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Taljana kienet naqset mill-obbligi tagħha skont id-deċiżjoni ta’ rkupru u skont l-Artikolu 228(1) KE u, min-naħa l-oħra, biex tordna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni pagament ta’ penalità kuljum f’ammont inizjalment iffissat għal EUR 285 696, sussegwentement imnaqqas għal EUR 244 800, għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mid-data tal-adozzjoni tas-sentenza f’din l-kawża l-ġdida u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

6        B’sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza eżegwibbli”, EU:C:2011:740), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni.

7        Fis-sentenza eżegwibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat l-evalwazzjonijiet segwenti:

“52. […G]ħandu jiġi impost fuq ir-Repubblika Taljana, il-ħlas perjodiku ta’ somma kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun għadu ma ġietx effettwat jew li ma jkunx ġiet ipprovat meta mqabbel mal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma nġabrux mid-data meta tingħata din is-sentenza […]

53. F’dan ir-rigward, sabiex jiġu kkalkolati l-pagamenti ta’ penalità[,] l-irkupru tal-imsemmija għajnuna jista’ jitqies biss bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ġiet informata u setgħet tevalwa n-natura xierqa tal-prova li ġiet ikkomunikata lilha f’dan ir-rigward. […]

54. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-perjodiċità tal-pagamenti ta’ penalità billi tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ sitt xhur sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-istatus tal-operazzjonijiet ta’ rkupru fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perjodu inkwistjoni, filwaqt li tippermetti lill-Istat Membru konvenut juża ż-żmien meħtieġ għall-ġbir u l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tad-dokumenti tali li jistabbilixxu, għall-perijodu kkonċernat, l-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament.

55. Konsegwentement, il-kwantifikazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità għandha titwettaq fuq bażi ta’ sitt xhur u l-ammont tagħhom għandu jiġi kkalkolati billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha ma twettaqx jew li ma jkunx ġie pprovat fi tmiem il-perjodu kkonċernat meta mqabbel mat-total tal-ammonti li jkunu għadhom ma nġabrux sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

[…]

67. [I]l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun kull sitt xhur hija adegwata.

68. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità fl-ammont ekwivalenti għall-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun bil-perċentwali ta’ għajnuna illegali inkompatibbli li l-irkupru tagħha ma jkunx għadu ġie effettwat jew ma jkunx ġie ipprovat fi tmiem il-perijodu kkonċernat, ikkalkolat b’relazzjoni mat-totalità tal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, u dak kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza [għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (EU:C:2004:207)], b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza [għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (EU:C:2004:207)].

[…]

69. Għandu jitfakkar […] li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi prova diretta u attendibbli lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad‑Deċiżjoni [ta’ rkupru] u l-irkupru effettiv tal-ammonti ta’ għajnuna illegali involuti.

[…]

72. Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għall-proċedura ta’ falliment fejn l-għan huwa li ssir il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriżi jkunu f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru. […]

73. Skont ġurisprudenza li wkoll hija stabbilita, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv […]

74. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża, hija r-Repubblika Taljana li għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi prova ta’ reġistrazzjoni tad-debiti inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment. Fin-nuqqas li tagħmel hekk, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi kwalunkwe prova sabiex jistabbilixxi li huwa uża d-diliġenza kollha dovuta għal dan l-iskop. B’mod partikolari, fil-każ fejn it-talba għal inklużjoni ta’ debiti tkun ġiet miċħuda, huwa għandu jerġa’ jipproduċi l-prova li huwa għamel, skont id-dritt nazzjonali, kull proċedura tali li tikkontesta l-imsemmi rifjut.

75. Konsegwentement, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi addebitat lir-Repubblika Taljana, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità f’din il-kawża u fir-rigward ta’ impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għal proċedura ta’ falliment, l-obbligu li tiġi prodotta prova mhux biss tal-inklużjoni ta’ debiti mal-passiv ta’ dawn, iżda wkoll il-bejgħ tal-attiv tagħhom skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Kif ġustament isostni dan l-Istat Membru, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tat-talba tal-Kummissjoni dwar il-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità dovuti b’riżultat tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, is-somom li għadhom ma ġewx irkuprati minn impriżi li fallew, iżda għall-irkupru li l-imsemmi Stat Membru jkun wettaq bid-diliġenza kollha meħtieġa. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija pagamenti ta’ penalità jitilfu n-natura tagħhom adattata u proporzjonata għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat […] billi jimponu fuq ir-Repubblika Taljana piż pekunjarju li jirriżulta min-natura stess tal-proċedura ta’ falliment kif ukoll mit-tul inkompressibbli tagħha u fuq liema dan l-Istat ma għandux influwenza diretta ”

8        Fl-aħħar tal-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, iddeċidiet li billi, fid-data ta’ skadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata maħruġa fl‑1 ta’ Frar 2008 mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 228 KE, ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-deċiżjoni ta’ rkupru u taħt l-Artikolu 228(1) KE (sentenza eżegwibbli, punt 1 tad-dispożittiv).

9        Min-naħa l-oħra, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza eżegwibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Taljana kienet ikkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità fl-ammont ekwivalenti għall-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun bil-perċentwali ta’ għajnuna illegali inkompatibbli “li l-irkupru tagħha ma jkunx għadu ġie effettwat jew ma jkunx ġie ipprovat fi tmiem il-perijodu kkonċernat” (iktar ’il quddiem, l-“ammont tal-għajnuna li għadha ma ġietx irkuprata”), ikkalkolat b’relazzjoni mat-totalità tal-“ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati mid-data tal-għoti [tas]-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740)]” (iktar ’il quddiem l-“ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011”), u dak kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mid-data tas-sentenza eżegwibbli, u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 Talba għal interpretazzjoni u digriet ta’ interpretazzjoni

10      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Taljana, abbażi tal-Artikolu 43 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 158 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat talba għal interpretazzjoni tal-punti 52, 55 u 68 tal-motivi kif ukoll tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza eżegwibbli.

11      B’hekk, fir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Taljana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta, minn naħa, l-espressjoni “ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati mid-data tal-għoti [tas]-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740)]”, li tinsab fil-punti 52, 55 u 68 tal-motivi u fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, fis-sens li din tirreferi għall-ammonti li jkunu għadhom ma nġabrux fid-data li fiha tkun intemmet, matul il-proċedura, il-fażi ta’ amministrazzjoni tal-provi, jiġifieri fil-mument tal-kristallizzazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali proċedurali li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-tilwima, u, min-naħa l-oħra, l-espressjoni “li l-irkupru tagħha ma jkunx għadu ġie effettwat jew ma jkunx ġie ipprovat fi tmiem il-perijodu kkonċernat”, użata fil-punti 52, 55 u 68 tal-motivi u fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, fis-sens li din timponi fuq il-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni kull sitt xhur tal-progress magħmul mir-Repubblika Taljana fl-irkupru tal-għajnuna kkonċernata, mhux biss id-dokumenti relattivi għal dawn is-sitt xhur ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tal-imsemmija sitt xhur, iżda wkoll kull dokument relattiv għas-sitt xhur ta’ referenza.

12      B’digriet tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09 INT, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ interpretazzjoni”, EU:C:2013:461), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talba għal interpretazzjoni tar-Repubblika Taljana bħala inammissibbli.

13      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “ [kellu] jiġi kkonstatat li d-dispożittiv tas-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740)], konformement mal-motivazzjoni msemmija fil-punti 52, 55 u 68 tagħha, [kien] jikkonċerna espressament id-data tal-adozzjoni tas-sentenza msemmija bħala data ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-ammont totali tal-għajnuna li għadha ma ġietx irkuprata […] użata biex isservi bħala bażi għall-kalkolu għall-pagament ta’ penalità degressiva li [kien] ġie kkundannat għaliha dan l-Istat Membru” (digriet ta’ interpretazzjoni, punt 9).

14      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “ [kien] stabbilit li qari strettament litterali tad-dispożittiv tas-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740) kien] tali li sservi bħala bażi għat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-perċentwali tal-għajnuna li għandha tiġi kkunsidrata bħala mhux irkuprata fi tmiem semestru speċifiku, tas-sempliċi provi dokumentarji […] li jaslulha qabel l-iskadenza tal-perijodu kkonċernat” (digriet ta’ interpretazzjoni, punt 10).

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “t-talba tar-Repubblika Taljana [kienet] intiża sabiex tqiegħed inkwistjoni l-konsegwenzi ta’ tali interpretazzjoni strettament litterali tad-dispożittiv tas-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740)], [iżda] tali tqegħid inkwistjoni ma jistax jikkonċilja ruħu mal-Artikoli 43 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u [mal-Artikolu] 158(1) tar-Regoli tal-Proċedura [tal-Qorti tal-Ġustizzja], u lanqas mal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja” (digriet ta’ interpretazzjoni, punt 11).

16      B’hekk, “[b]illi ma kienet ibbażata fuq ebda diffikultà fir-rigward tas-sens u l-portata tas-sentenza [eżegwibbli (EU:C:2011:740)], l-imsemmija talba [kellha] għaldaqstant tiġi ddikjarata inammissibbli” (digriet ta’ interpretazzjoni, punt 12).

 L-ewwel deċiżjoni u sentenza fuq l-ewwel pagament ta’ penalità

17      Fil-11 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Taljana ġiet innotifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 1264 finali, tas-7 ta’ Marzu 2013, li tordnalha tħallas fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” is-somma ta’ EUR 16 533 000 bħala pagament ta’ penalità għall-ewwel semestru li jsegwi s-sentenza eżegwibbli.

18      Fil-21 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (Kawża T-268/13).

19      B’sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T-268/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza fuq l-ewwel pagament ta’ penalità”, li ma ġietx ippubblikata, EU:C:2014:900), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Taljana.

 It-tieni deċiżjoni fuq l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità (deċiżjoni kkontestata)

20      Wara li tat lill-awtoritajiet Taljani l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq l-evalwazzjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 8681 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, li permezz tagħha, b’eżekuzzjoni tas-sentenza eżegwibbli, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovut mir-Repubblika Taljana għat-tieni semestru li jsegwi lil din is-sentenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari evalwat il-progress imwettaq mir-Repubblika Taljana f’dak li kien jikkonċerna l-irkupru tal-għajnuna matul il-perijodu inkwistjoni (mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012), u stabbilixxiet li l-għajnuna li kienet għadha trid tiġi rkuprata fis-17 ta’ Novembru 2012 kienet tirrappreżenta 20.84 % tal-għajnuna li kienet għadha trid tiġi rkuprata fid-data tas-sentenza eżegwibbli. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika Taljana pagament ta’ penalità ugwali għal 20.84 % tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun, jiġifieri EUR 6 252 000.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2014, ir-Repubblika Taljana bdiet din l-azzjoni.

23      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi domandi lill-partijiet u talbet il-preżentata ta’ diversi provi relattivi għall-kawża.

24      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali talbet lir-Repubblika Taljana biex tippreċiża jekk, wara s-sentenza dwar l-ewwel pagament ta’ penalità, li biha din ċaħdet motiv analogu għall-ewwel motiv invokat fil-kawża preżenti, din riditx iżżomm dan l-ewwel motiv.

25      Fit-terminu mogħti, ir-Repubblika Taljana indikat lill-Qorti Ġenerali li kienet qed tirtira l-ewwel motiv tar-rikors, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan.

26      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jippreċiżaw kif l-applikazzjoni ta’ interessi komposti f’din il-kawża seta jkollha effett fuq l-ammont tal-pagament ta’ penalità li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-affermattiv, il-Kummissjoni kienet mitluba li tagħti iktar dettalji dwar it-teżi li tgħid li t-tieni motiv invokat f’din il-kawża kellu jiġi ddikjarat inammissibbli jew ineffettiv, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tiddeċiedi dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi komposti.

27      Il-partijiet ikkomunikaw ir-risposti tagħhom għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

28      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impatt li jista’ jkollha s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537), fuq ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni motiv.

29      Il-partijiet ikkomunikaw ir-risposti tagħhom għal din il-mistoqsija lill-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

30      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tikkomunikalha d-dokumenti li kienu jippermettulha li ssostni, essenzjalment, li r-Repubblika Taljana kienet aċċettat li tidderoga mir-regola stabbilita fl-Artikoli 1282 u 1283 tal-Kodiċi Ċivili (Kodiċi Ċivili Taljan) f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ikkontestata (ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata, punti 29 u 32) u dan għal kull perijodu kkunsidrat.

31      Il-Kummissjoni kkomunikat id-dokumenti mitluba lill-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti, li ġew ikkomunikati wkoll lir-Repubblika Taljana. Dawn id-dokumenti huma s-segwenti:

–        ittra tal-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana bid-data tat-12 ta’ Ġunju 2013, li kienet tinkludi evalwazzjoni preliminari fuq l-istat tal-istadju tal-irkupru magħmul matul it-tieni semestru wara s-sentenza eżegwibbli;

–        ittra tal-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2003, li kienet tfakkar li, “għall-kalkolu tal-ammont tar-rimbors, [kell]hom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi komposti konformement mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali […]”;

–        ittra tal-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana bid-data tad-29 ta’ Jannar 2004, li kienet tfakkar ukoll li l-interessi komposti kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ rimbors konformement mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali (ĠU 2003, C 110, p. 21);

–        ittra tar-Repubblika Taljana lill-Kummissjoni bid-data tas-17 ta’ Jannar 2005, li kellha annessa magħha nota li tagħti lill-Kummissjoni ċ-ċifri li jikkonċernaw l-għajnuna illegali li tippreċiża li “l-interessi [kienu] ġew ikkalkolati fuq bażi komposta, kif indikat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, abbażi tar-rata ta’ referenza implementata fil-kundizzjonijiet li jidhru fis-sit tal-Internet tal-Unjoni Ewropea”.

32      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

34      F’dan l-istadju, ir-Repubblika Taljana tinvoka motiv uniku insostenn tar-rikors tagħha (ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq). Din tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-leġiżlazzjoni applikabbli peress li, biex tiddefinixxi l-ammont tal-pagament ta’ penalità, il-Kummissjoni ħtieġet it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ interessi komposti fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Issa, skont il-ġurisprudenza, għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru li jippreċedu d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-artikolu [108 TFUE] (ĠU 2004, L 140, p. 1), kif irrettifikat (ĠU 2004, L 286, p. 3), interessi komposti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk dan jikkorrispondi mas-sistema normalment applikata fil-liġi nazzjonali. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża b’applikazzjoni tal-Artikolu 1283 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jgħid li l-interessi dovuti ma jipproduċux interessi awtomatikament. (rikors, punt 62, replika, punti 27 sa 34)

35      Il-Kummissjoni tosserva li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli jew ineffettiv, jew, f’kull każ, li għandu jiġi miċħud bħala infondat. Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-kalkolu tal-pagament ta’ penalità magħmul fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex influwenzat mit-talba li saret fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, f’obiter dictum, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi komposti fuq l-għajnuna illegali. Fil-fatt, din it-talba ma tibdilx l-ammont tal-pagament ta’ penalità ddeterminat mill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni biss id-data pprovduta qabel mill-awtoritajiet Taljani. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tistax tikkontesta t-talba relattiva għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi komposti magħmula f’dak il-mument tal-proċedura amministrattiva, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal data pprovduta mill-Italja li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi komposti meta din iddeterminat l-ammont bażi tal-pagament ta’ penalità fis-sentenza eżegwibbli (punt 64). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi komposti huwa, b’hekk, mhux biss legali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea relattiva għall-irkupru tal-għajnuna u mill-ftehim li sar bejn il-partijiet f’dan ir-rigward, iżda jibbenefika wkoll mir-res judicata marbuta mas-sentenza eżegwibbli. (difiża, punti 43 sa 50)

 Osservazzjonijiet preliminari

 Il-kuntest ġuridiku

–       Ir-Regolament Nru 659/1999

36      L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 1999, L 83, p. 1), intitolat “Irkupru tal-għajnuna”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3. […l-i]rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni […]”

–       Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkurpu ta’ għajnuna illegali

37      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkurpu ta’ għajnuna illegali ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Mejju 2003 (ĠU 2003, C 110, p. 21) tipprovdi:

“ […]

Fl-ambitu tal-proċess ta’ kollaborazzjoni leali stabbilit bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul l-eżekuzzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ rkupru, qamet madankollu l-kwistjoni ta’ jekk dawn l-interessi kellhomx ikunu sempliċi jew komposti […] Fid-dawl tal-għan ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u tal-importanza tiegħu fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat prevista mit-Trattat KE, il-Kummissjoni tqis li huwa urġenti li tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

[…]

Skont il-prattiki tas-suq, interessi sempliċi normalment jiġu kkalkolati meta l-benefiċjarju tal-fondi ma jużax l-ammont ta’ dawn l-interessi qabel it-tmiem tal-perijodu kkunsidrat, pereżempju meta l-ammont inkwistjoni jkun tħallas biss wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu; min-naħa l-oħra, interessi komposti huma normalment ikkalkolati jekk wieħed jista’ jikkunsidra li, kull sena (jew perijodu), l-ammont tal-interessi jitħallas lill-benefiċjarju, b’mod li dan jiżdied mal-kapital li huwa inizjalment ipperċepixxa. F’dan il-każ, fil-fatt, il-benefiċjarju jikseb interessi fuq l-interessi mħallsa għal kull perijodu.

[…] Jidher konsegwentement, minkejja l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet possibbli, li għajnuna illegali għandha bħala effett li jiġu pprovduti fondi lil benefiċjarju bl-istess kundizzjonijiet bħal self għal żmien medju mingħajr interessi. Għaldaqstant, l-użu ta’ imgħax kompost jidher li hu meħtieġ biex il-vantaġġi finanzjarji li joħorġu minn din is-sitwazzjoni jkunu mneħħija għalkollox.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tixtieq tinforma lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li, fid-deċiżjonijiet kollha li se tadotta fil-ġejjieni biex tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali se tiġi applikata r-rata ta’ riferiment li tintuża biex jiġi kkalkulat is-sussidju nett ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali fuq bażi komposta. Skont il-prattika normali tas-suq, din il-komputazzjoni tal-imgħaxijiet komposti għandha ssir fuq bażi annwali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tistenna mill-Istati Membri li japplikaw imgħaxijiet komposti fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kollha ta’ rkupru inkwistjoni, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–       Ir-Regolament Nru 794/2004

38      L-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, li jinsabu fil-Kapitolu V tiegħu, jirrigwardaw ir-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali.

39      Taħt it-titolu “Metodu għall-iffissar tar-rata ta’ l-imgħax”, l-Artikolu 9 jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“1. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’deċiżjoni speċifika, ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat għandha tkun rata perċentwali annwali li tiġi stabbilita minn qabel mill-Kummissjoni f’kull sena kalendarja. ”

40      Taħt it-titolu “Metodu għall-applikazzjoni tal-imgħax”, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara. ”

41      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004 li jinsab fil-Kapitolu VI, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet Finali”, jipprovdi li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li dan ir-regolament ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ April 2004, huwa daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 11 tiegħu huwa applikabbli għal kull deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament.

–       Id-deċiżjoni ta’ rkupru

42      Fil-11 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru, li ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fl-4 ta’ Ġunju 1999 (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Fl-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti miżuri għall-impjieg implementati mir-Repubblika Taljana, li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli, kienu inkompatibbli mas-suq intern. Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta’ rkupru:

“L-Italja għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 1 u 2 mogħtija diġà b’mod illegali.

L-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru effettiv tagħhom. L-imgħax għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali. ”

–       Id-dritt Taljan

43      L-Artikolu 1283 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi li:

“Fl-assenza ta’ prassi kuntrarja, l-interessi li jkunu għalqu ma jistgħux jipproduċu interessi, ħlief mill-jum li fih issir it-talba ġudizzjarja jew abbażi ta’ ftehim sussegwenti għall-għeluq tagħhom, u kemm-il darba l-interessi jkunu ilhom dovuti għall-inqas għal sitt xhur. ”

44      Diversament mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537, punti 13 u 14), ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt Taljan ma ġiet invokata minn waħda jew l-oħra mill-partijiet bħala dispożizzjoni applikabbli għal din il-kawża.

 Elementi relattivi għad-definizzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità

45      Fis-17 ta’ Novembru 2011, fis-sentenza eżegwibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lir-Repubblika Taljana tħallas “pagament ta’ penalità […] għal kull semestru ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza [għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (EU:C:2004:207)]”.

46      Fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza eżegwibbli, l-elementi relattivi għad-definizzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità huma s-segwenti:

–        għal kull semestru ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

–        il-pagament ta’ penalità jikkorrispondi għall-moltiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun;

–        bil-perċentwali tal-ammont tal-għajnuna li għadu ma ġiex irkuprat;

–        ikkalkolat skont l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011.

47      Fis-7 ta’ Marzu 2013, fl-ewwel deċiżjoni fuq l-ammont tal-pagament ta’ penalità (ara l-punt 17 iktar ’il fuq u l-punti 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għall-perijodu mis-17 ta’ Novembru 2011 sas-17 ta’ Mejju 2012 għal EUR 16 533 000 b’kunsiderazzjoni tal-elementi segwenti:

–        l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011 ġie ffissat għal EUR 118 175 296;

–        l-ammont tal-għajnuna li kienet għadha ma ġietx irkuprata sas-17 ta’ Mejju 2012 ġie ffissat għal madwar EUR 65 130 279, jiġifieri 55.11 % tas-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011;

–        il-multiplikazzjoni tal-perċentwali tal-għajnuna li kienet għadha ma ġietx irkuprata sas-17 ta’ Mejju 2012 (55.11 %) bi EUR 30 miljun ippermettiet li jiġi stabbilit l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għall-perijodu mis-17 ta’ Novembru 2011 sas-17 ta’ Mejju 2012, jiġifieri EUR 16 533 000.

48      Fis-6 ta’ Diċembru 2013, fil-punti 77 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għall-perijodu mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012 għal EUR 6 252 000 b’kunsiderazzjoni tal-elementi segwenti:

–        l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011 ġie ffissat għal EUR 118 175 296;

–        l-ammont tal-għajnuna li kienet għadha ma ġietx irkuprata sas-17 ta’ Novembru 2012 ġie ffissat għal madwar EUR 24 627 937.21, jiġifieri 20.84 % tas-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011;

–        il-multiplikazzjoni tal-perċentwali tal-għajnuna li kienet għadha ma ġietx irkuprata sas-17 ta’ Novembru 2012 (20.84 %) bi EUR 30 miljun ippermettiet li jiġi stabbilit l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għall-perijodu mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012, jiġifieri EUR 6 252 000.

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari fuq il-kuntest ġuridiku u l-elementi relattivi għad-definizzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tal-partijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

50      Essenzjalment, abbażi ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana tosserva li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, biex tiddefinixxi l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni illegalment somom li kienu jintegraw interessi komposti.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jirriżulta li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011, id-data tal-adozzjoni tas-sentenza eżegwibbli, id-data kkunsidrata mill-Kummissjoni kienet effettivament tintegra interessi komposti.

52      B’hekk, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li “ċ-ċifri kollha indikati mill-awtoritajiet Taljani [kienu] jikkorrispondu mal-ammonti tal-miżuri ta’ għajnuna eżistenti fl-2007, fid-data li fiha [kienu] nħarġu l-ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali”. F’dan ir-rigward, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata ġie ppreċiżat li, “sal-2007 l-awtoritajiet Taljani applikaw għall-ammonti tal-għajnuna eżistenti interessi komposti, kif miftiehem mad-dipartimenti tal-Kummissjoni”.

53      Bl-istess mod, b’risposta għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni indikat li “ċ-ċifri li [kienu] jikkorrispondu għall-ammonti tal-għajnuna fis-seħħ fl-2007 kienu ġew ikkalkolati mill-awtoritajiet Taljani billi applikaw interessi komposti għall-għajnuna illegali”. (risposta tal-Kummissjoni għall-MOP, punt 7)

54      F’din ir-risposta, il-Kummissjoni fakkret dak li jirriżulta mill-punti 29 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li, fil-21 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Taljani kienu informawha li, kuntrarjament għal dak li kien ġie miftiehem qabel, huma kienu waqfu, mill-2007, milli jikkalkolaw interessi, sempliċi jew komposti, u milli japplikaw l-interessi msemmija fuq l-għajnuna illegali li kellha tiġi rkuprata. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li “l-ammonti dovuti fl-2007 qatt ma ġew aġġornati biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi applikabbli” u li, għal din ir-raġuni, hija stiednet lill-awtoritajiet Taljani, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, biex jikkalkolaw l-interessi komposti fuq l-għajnuna illegali mill-2007. (risposta tal-Kummissjoni għall-MOP, punti 8 u 14)

55      Waqt is-seduta, il-partijiet ftehmu wkoll biex jiġi rrikonoxxut li l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011 li ttieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirrappreżenta s-sitwazzjoni espressa fil-valur tal-2007 fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja adottat is-sentenza tagħha. B’hekk, id-data kkunsidrata f’dak il-mument kienet ġiet iddefinita fis-17 ta’ Novembru 2011 abbażi tad-data pprovduta mir-Repubblika Taljana meta din bagħtet ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali fl-2007. Ma huwiex ikkontestat li din id-data kienet tintegra, għall-inqas sal-2007, interessi komposti.

56      Fid-dawl tal-fatt li l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata sas-17 ta’ Novembru 2011 kienet tintegra interessi komposti, għandu jitqies li l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012, ikkalkolat b’applikazzjoni tal-formola esposta fil-punti 46 u 48 iktar ’il fuq, ukoll ħa inkunsiderazzjoni data li kienet tintegra interessi komposti. Id-deċiżjoni kkontestata għalqet, bħala tali, il-proċedura ta’ likwidazzjoni tal-pagament ta’ penalità dovut għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012 u tikkritika lir-Repubblika Taljana, li hija b’hekk ammissibbli li tikkontesta l-legalità tagħha u li tinvoka għal dan il-għan il-motivi kollha ta’ fatt u ta’ liġi fil-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

57      It-tieni nett, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk teżistix bażi legali li tippermetti l-applikazzjoni ta’ interessi komposti f’dan il-każ, liema ħaġa r-Repubblika Taljana tikkontesta fir-rikors.

58      Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi, konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, l-interessi. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tippreċiżax jekk dawn l-interessi għandhomx jiġu applikati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 26).

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li r-rata tal-interessi hija applikata fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna u li l-interessi akkumulati għal sena jipproduċu interessi f’kull sena sussegwenti, hemm madankollu lok li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, applikabbli biss għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru nnotifikati wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jiġifieri wara l-20 ta’ Mejju 2004 (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 27).

60      Għalhekk, ladarba d-deċiżjoni ta’ rkupru, li ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna suġġetta għal irkupru f’din il-kawża, ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fl-4 ta’ Ġunju 1999, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ma huwiex, bħala tali, applikabbli ratione temporis għal din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 28).

61      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni ta’ liema leġiżlazzjoni kienet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004 sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi kellhomx ikunu sempliċi jew komposti, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri fit-12 ta’ Lulju 2000, la d-dritt tal-Unjoni u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali ma kienu jispeċifikaw jekk l-interessi li għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi kellhomx ikunu kkalkolati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prassi tal-Kummissjoni, deskritta fid-dettall b’mod partikolari fl-ittra tagħha SG (91) D/4577 lill-Istati Membri, tal-4 ta’ Marzu 1991, torbot il-kwistjoni tal-impożizzjoni tal-interessi mar-regoli proċedurali tal-irkupru u tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-dritt nazzjonali (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 82 sa 84, u tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 29).

62      Huwa biss fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rati tal-interessi applikabbli fil-każ tal-irkupru ta’ għajnuna illegali ppubblikata fit-8 ta’ Mejju 2003 li l-Kummissjoni stipulat espressament li hija kienet ser tapplika rata tal-interessi komposta f’kull deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali li hija setgħet tadotta fil-futur u li hija kienet tistenna li l-Istati Membri japplikaw interessi komposti fl-eżekuzzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ rkupru (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 46, u tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 30).

63      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rkupru, din teżiġi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha, li l-irkupru tal-għajnuna jsir konformement mal-proċeduri nazzjonali, li s-somom li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu interessi mid-data li fiha dawn tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sal-irkupru effettiv tagħhom, u li l-interessi jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali, mingħajr madankollu ma tagħti indikazzjoni supplimentari fir-rigward tal-kwistjoni jekk dawn l-interessi għandhomx jiġu applikati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 31).

64      Peress li din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fl‑4 ta’ Ġunju 1999, jiġifieri qabel il-bdil tal-prassi tal-Kummissjoni indikata fil-komunikazzjoni tagħha dwar ir-rati tal-interessi applikabbli fil-każ tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, għandu jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707), li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk, fil-każ partikolari, ir-rata tal-interessi kellhiex tiġi applikata fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C-89/14, EU:C:2015:537, punt 32).

65      Fuq dan il-punt, kif tosserva r-Repubblika Taljana, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza mibdija mis-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707), u tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537), li, għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004, interessi komposti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk dan jikkorrispondi mas-sistema normalment applikata fil-liġi nazzjonali.

66      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni oħra tal-liġi nazzjonali invokata f’din il-kawża, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni applikabbli f’din il-kawża hija dik prevista mill-Artikolu 1283 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jgħid li, skont dak li ġie espost mir-Repubblika Taljana mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni, l-interessi akkumulati ma joħolqux interessi awtomatikament.

67      B’hekk, minn dak li ntqal jirriżulta li, meta ħadet inkunsiderazzjoni, biex tiddetermina l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012, somom relattivi għal ammonti ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata li kienu jintegraw interessi komposti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

68      L-ebda argument imressaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

69      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinvoka l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi komposti. Fil-fatt, il-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi ftehim fuq dan il-punt billi josserva li kien ġie konkluż “fl-2003 u […] fl-2004, abbażi tar-Regolament Nru 794/2004 (ara l-ittri tad-dipartimenti tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Ottubru 2003 u tad-29 ta’ Jannar 2004, segwiti bl-ittra tal-awtoritajiet Taljani tas-17 ta’ Jannar 2005 […])”.

70      Madankollu, mal-qari tad-dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata li ġew ippreżentati b’risposta għar-raba’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li, jekk ir-Repubblika Taljana ħadet inkunsiderazzjoni interessi komposti, dan kien fuq talba espressa tal-Kummissjoni, ifformulata fl-ittra bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2003 li kienet tinvoka lil dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni bħala bażi legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dak li huwa ppreżentat bħala ftehim li seħħ bejn il-partijiet mill-Kummissjoni jidher pjuttost li huwa sempliċi att ta’ adeżjoni min-naħa tad-destinatarju tal-ittra tal-Kummissjoni inkunsiderazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jidher li ma kinux applikabbli. Fil-fatt, it-talba fformulata mill-Kummissjoni tippreċedi l-adozzjoni tas-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707), u tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537), li minnhom jirriżulta li l-liġi applikabbli għad-deċiżjoni ta’ rkupru inkwistjoni f’dan il-każ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-metodu ta’ applikazzjoni tal-interessi hija l-liġi nazzjonali u mhux id-dritt tal-Unjoni.

71      F’tali ċirkustanzi, peress li d-deċiżjoni ta’ rkupru ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fl-4 ta’ Ġunju 1999, it-talba fformulata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni ma setax ikollha l-effett li tpoġġi indiskussjoni l-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Jekk dan jiġi ammess jinkiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jmur kontra s-soluzzjonijiet użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707), u tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537).

72      It-tieni nett, fl-osservazzjonijiet tagħha u fir-risposti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 64 tas-sentenza eżegwibbli, biex tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ibbażat ruħha b’mod espliċitu fuq data li tintegra interessi komposti pprovduta mill-awtoritajiet Taljani u elaborata flimkien mal-Kummissjoni. (risposta tal-Kummissjoni għall-MOP, punt 6)

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt imsemmi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, minn naħa, li “ [hekk kif] [kien] jirriżulta mid-diskussjonijiet waqt is-seduta [tat-12 ta’ Mejju 2011], [kellu] jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni [kienu] ftehmu fuq l-ammont totali tal-għajnuna mqassma, li [kien jammonta] għal EUR 251 271 032.37” u, min-naħa l-oħra, li “[il-Kummissjoni kienet] tammetti li għajnuna ta’ ammont kumulat ta’ EUR 63 062 555 [kellha] titqies li ġiet irkuprata” (sentenza eżegwibbli, punt 64).

74      Dawn l-osservazzjonijiet ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinnota l-evoluzzjoni li seħħet waqt is-seduta fl-argumentazzjoni tal-partijiet. Inizjalment, fil-fatt, “il-Kummissjoni [kienet] tqis li mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana ma kinitx irkuprat l-ammont sħiħ ta’ għajnuna mogħtija illegalment, jiġifieri EUR 519 958 761.97 […]”, filwaqt li “ [i]r-Repubblika Taljana [kienet] tikkontesta l-ammont totali tas-somom li għandhom jiġu rkuprati, billi tistabbilixxih għal EUR 251 271 032.37, filwaqt li tammetti li, f’Lulju 2010, hija kisbet rimbors ta’ EUR 63 062 555.46 biss, li magħhom [kellhom] madankollu, jiżdiedu EUR 73 353 387.28 b’modi varji […]” (sentenza eżegwibbli, punti 21, 23 u 24).

75      Il-punt 64 tas-sentenza eżegwibbli jifforma parti wkoll mill-estensjoni tal-punt 63 fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “[kien] stabbilit li parti sostanzjali tas-somom inkwistjoni ma [kinitx] għadha ġiet issuġġettata għall-irkupru jew li l-prova ta’ dan ma [kinitx] ingħatat lill-Kummissjoni”. Id-data biċ-ċifri li hija esposta fil-punt 64 f’dak li jikkonċerna l-ammont totali tal-għajnuna distribwita u l-ammont tal-għajnuna li tista’ titqies li ġiet irkuprata sa Lulju 2010 b’hekk tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinkwadra d-diskussjoni fuq l-ammont tas-somom li għandhom jiġu rkuprati. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni, imkien fis-sentenza eżegwibbli ma jirriżulta li din tittratta l-kwistjoni tal-interessi komposti. Ma ssir ebda referenza għall-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tas-somom li għandhom jiġu rkuprati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mis-sentenza eżegwibbli ma jistax jiġi dedott li din riedet tidderoga f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-metodu ta’ applikazzjoni tal-interessi għall-prinċipji ċċitati iktar ’il fuq fis-sentenza preċedenti tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707), li ġiet ikkonfermata bis-sentenza adottata wara tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A (C-89/14, EU:C:2015:537). B’hekk, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fis-sentenza eżegwibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx deċiżjoni, fid-dispożittiv kif ukoll fil-motivi tagħha, dwar il-kwistjoni tal-interessi komposti.

76      It-tielet nett, il-Kummissjoni ma tistax tirnexxi meta tikkunsidra preliminarjament li, fil-motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana fir-realtà tikkontesta biss obiter dictum, jiġifieri l-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn ir-Repubblika Taljana hija mitluba “tikkalkola u tapplika l-interessi fuq l-irkupru għall-perijodu inkwistjoni (jew mill-2007) għall-ammonti kollha tal-għajnuna eżistenti, jiġifieri l-ammonti li jikkorrispondu għall-benefiċjarji kollha, inklużi dawk li rrimborsaw l-għajnuna parzjalment jew kompletament, biex josservaw l-obbligi tagħhom”. Fil-fatt, minn dak li ntqal jirriżulta li, fuq talba tal-Kummissjoni, ir-rata ta’ interessi ġiet applikata fuq bażi komposta għall-ammonti kollha tal-għajnuna li kienu s-suġġett tad-data li ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-elementi relattivi għad-definizzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità, mill-inqas sal-2007, u li l-pagament ta’ penalità ffissat fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkalkolat b’kunsiderazzjoni ta’ data li kienet tintegra interessi komposti. Barra minn hekk, mir-rikors jirriżulta li r-Repubblika Taljana tikkontesta kemm dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi komposti kif ukoll l-impatt li dan seta’ kellu fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità. Huwa b’hekk b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tosserva li l-motiv preżenti huwa ineffettiv.

77      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, biex tiddetermina l-ammont tal-pagament ta’ penalità dovut mir-Repubblika Taljana, għas-semestru mis-17 ta’ Mejju sas-17 ta’ Novembru 2012, somom relattivi għal ammonti ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata li kienu jintegraw interessi komposti, kuntrarjament għal dak li kien stabbilit mil-liġi nazzjonali applikabbli.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-Repubblika Taljana, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8681 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2013, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.