Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2013 mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) mis-sentenza mogħtija fis-26 ta’ Ġunju 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi magħquda F-135/11, F-51/12 u F-110/12, BU vs EMA

(Kawża T-444/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (rappreżentanti: T. Jabłoński u N. Rampal Olmedo, aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati)

Appellat: BU (Londra, ir-Renju Unit)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi F-135/11, F-51/12 u F-110/12 sa fejn din tannulla d-deċiżjoni tal-EMA li l-kuntratt tal-appellat ma jiġġeddidx, u tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż ta’ BU fil-Kawżi F-135/11 u F-51/12;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mill-appellanti, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat kollu kemm hu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-istanza preżenti u ta’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-projbizzjoni li jiddeċiedi ultra vires sa fejn huwa ddeċieda li huwa għandu ġurisdizzjoni li jivverifika jekk ir-raġunijiet tal-amministrazzjoni sabiex tirrifjuta t-tiġdid ta’ kuntratt humiex ta’ natura li jmorru kontra l-kriterji u l-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u intiżi li jiggarantixxu lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li eventwalment jibbenefika minn ċertu kontinwità tal-impjieg (fir-rigward tal-punti 57 sa 62 tas-sentenza appellata). L-EMA ssostni li l-ġurisdizzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qiegħed jibbaża ruħu fuqha hija nieqsa minn kull bażi legali.It-tieni aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra (RAA), billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li hija l-awtorità kompetenti li debitament għandha tfittex jekk teżistix pożizzjoni li fiha, il-membru tal-persunal temporanju li l-kuntratt tiegħu wasal fi tmiemu, jista’ jiġi rreklutat jew irrilokat b’mod effettiv.It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-kunċett ta’ interess tas-servizz, sa fejn l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku toħloq preżunzjoni li tgħid li l-impjieg tal-persuna kkonċernata għandu jinżamm sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tistabbilixxi li ma

teżisti ebda pożizzjoni li fiha, il-membru tal-persunal temporanju li l-kuntratt tiegħu wasal fi tmiemu, jista’ jiġi rreklutat jew irrilokat b’mod effettiv.Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kundanna tal-EMA għall-ispejjeż fil-Kawża F-51/12, miċħuda bħala inammissibbli.