Language of document : ECLI:EU:T:2011:49

Kawża T-385/09

Annco, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ANN TAYLOR LOFT — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LOFT — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Tibdil ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju — Evalwazzjoni fid-dawl tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 64(1))

1.      Fir-rigward tal-konsumatur medju Franċiż, ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal vebali ANN TAYLOR LOFT, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja għal oġġetti tal-ġilda u ta’ ħwejjeġ fil-klassijiet 18 u 25 rispettivament fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali LOFT, irreġistrata preċedentement fi Franza għal oġġetti identiċi.

Minkejja l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, fid-dawl tal-eżistenza ta’ xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti, li huwa abitwat għall-fatt li l-istess impriża tal-ħwejjeġ tuża trade marks sekondarji dderivati mit-trade mark prinċipali, mhux ser ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali ANN TAYLOR LOFT u LOFT, sa fejn it-trade mark preċedenti ma tinkludix l-element “ann taylor”, li huwa l-element l-iktar distintiv fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

(ara l-punti 22, 48)

2.      Peress li l-Bord tal-Appell huwa mogħti s-setgħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata quddiemu, il-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ tibdil ta’ deċiżjoni, teżerċita l-kompetenzi tal-istanzi inferjuri tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’, f’dan il-kuntest, tieħu deċiżjoni li setgħet tittieħed mill-eżaminatur, mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod kuntrarju, hija ma tistax tieħu deċiżjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ dawn l-istanzi. Huwa minħabba din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tirreġistra trade mark, peress li dik ir-reġistrazzjoni la taqa’ taħt il-kompetenza tal-eżaminatur u lanqas tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

(ara l-punt 52)