Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Ottubru 2009 - SKW Stahl-Metallurgie Holding u SKW Stahl-Metallurgie vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-384/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: SKW Stahl-Metallurgie Holding AG (Unterneukirchen, il-Ġermanja) u SKW Stahl-Metallurgie GmbH (Unterneukirchen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Birnstiel, S. Janka u S. Dierckens, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

b'mod sussidjarju, temenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li biha ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti, billi tħassar jew mill-inqas tnaqqas b'mod sostanzjali din il-multa;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorenti jikkontestaw d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, fil-Każ COMP/39.396 - reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u tal-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta fuq ir-rikorrenti u kumpanniji oħra, multa għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju fiż-ŻEE, ħlief fi Spanja, fil-Portugall, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, fejn kienu involuti fi ftehim dwar tqassim tas-suq, iffissar tal-kwoti u tqassim tal-klijenti, iffissar ta' prezzijiet u skambju ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar prezzijiet, klijenti u volum ta' bejgħ.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel nett huwa allegat li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ, billi ma ppermettietx lir-rikorrenti jippreżentaw l-argumenti orali tagħhom fis-seduta.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta applikat l-Artikolu 81(1) KE. F'dan ir-rigward, huma jallegaw li l-konvenuta attribwiet l-imġieba ta' SKW Stahl-Metallurgie GmbH lil SKW Stahl-Metallurgie Holding AG. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li ma kienx possibbli li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti sabiex tiġi ribattuta l-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha. Fl-istess ħin, il-konvenuta kisret, permezz tal-approċċ tagħha, il-prinċipju ta' eżami ex officio.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE, peress li ma spjegatx għaliex l-espożizzjoni tar-rikorrenti mhijiex biżżejjed sabiex tirribatti l-allegata influwenza determinanti ta' SKW Stahl-Metallurgie Holding AG fuq SKW Stahl-Metallurgie GmbH.

Barra minn hekk, huwa allegat li l-konvenuta kisret diversi drabi l-prinċipju ta' trattament ugwali fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 u l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' nulla poena sine lege fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi.

Fl-aħħar nett ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Kummissjoni imponiet multa fuq SKW Stahl-Metallurgie GmbH, li taqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta' din il-kumpanija.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08, Volum 02, p. 205).