Language of document : ECLI:EU:T:2011:49

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ANN TAYLOR LOFT – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LOFT – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑385/09,

Annco, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Triet, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Freche et fils associés, stabbilita f’Pariġi (Franza),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal‑1 ta’ Lulju 2009 (Każ R 1485/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Freche et fils associés u Annco, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, matul id-deliberazzjoni, minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Jannar 2010,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑16 ta’ Marzu 2004, Annco, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ANN TAYLOR LOFT.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda u prodotti ta’ dan il-materjal; ġlud tal-annimali; bagolli, valiġetti u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; basktijiet tan-nisa, portmonijiet, basktijiet tal-ivvjaġġar”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel, ilbiesi tan-nisa, dbielet, ilbiesi, jeans, flokkijiet, qomos, t-shirts, flokkijiet biċ-ċingi, ħwejjeġ kompluti għall-atletika, ġersijiet, sdieri, ingwanti, ilbies għall-irqad, ilbies għall-kamra tal-banju, malji tal-għawm, blużi, żraben, qliezet, shorts, ġkieket, kowtijiet, kalzetti, oġġetti nnittjati, kpiepel u brieret, ċintorini, xalel u ħwejjeġ ta’ taħt”;

–        klassi 35: “Bejgħ bl-imnut; bejgħ bl-imnut ta’ prodotti permezz ta’ netwerks tal-kompjuter dinjiji; bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ, żraben, basktijiet tan-nisa, aċċessorji żgħar tal-ġilda u tal-imitazzjoni tal-ġilda, ġojjelli, prodotti ta’ fwieħa, fwejjaħ u kosmetiċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 51/2004, tal‑20 ta’ Diċembru 2004

5        Fit‑18 ta’ Marzu 2005, Freche et fils associés ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, filwaqt li invokat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq uħud mill-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark verbali LOFT, irreġistrata fi Franza fit‑22 ta’ Awwissu 2003 taħt in-numru 13089435, b’effett mis‑16 ta’ Marzu 2001, b’mod partikolari għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; oġġetti tal-ġilda jew ta’ imitazzjoni tal-ġilda (barra minn kaxex adattati għall-oġġetti li huma intiżi li jġorru, ingwanti u ċinturini); basktijiet mhux ta’ metall prezzjuż; basktijiet tan-nisa; basktijiet għall-ivvjaġġar; bagolli magħmula mill-ġilda jew minn imitazzjoni tal-ġilda; bagoll għall-ivvjaġġar, gvieret tal-ġilda (ferijiet); kamoxxa minbarra dik użata għat-tindif; ġilda tal-annimali; bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ u ħwejjeġ ta’ taħt, ħwejjeġ għall-isports minbarra dawk għal taħt l-ilma, ċintorini, ingwanti, żraben, kpiepel”.

7        L-oppożizzjoni saret fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’Awwissu 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25, minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, u ċaħdet l-oppożizzjoni fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni u rrilevat li, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, is-sinjali LOFT u ANN TAYLOR LOFT kellhom livell medju ta’ xebh minħabba l-fatt li l-kunċett li jirrigwarda loft kien preżenti fiż-żewġ sinjali. Fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti u tal-fatt li l-kelma “loft” kellha pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-konsumaturi jistgħu jiġu mġiegħla jaħsbu li l-prodotti inkwistjoni joriġinaw minn impriżi affiljati.

9        Fl‑10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra, minn naħa, li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk koperti mit-trade mark preċedenti kienu identiċi u, min-naħa l-oħra, li, minkejja l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali qawwi, is-sinjali kunfliġġenti kienu, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, simili b’mod dgħajjef. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba li l-kelma komuni “loft” kienet l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-uniku element tat-trade mark preċedenti. Il-pubbliku inkwistjoni, ikkostitwit minn xerrejja medji Franċiżi ta’ oġġetti tal-ġilda u ta’ ħwejjeġ jista’ jaħseb li l-oriġini tal-prodotti huwa identiku jew li ANN TAYLOR LOFT huwa l-isem tal-gamma l-ġdida ta’ prodotti ta’ Freche et fils associés.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li r-rikors huwa fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        temenda d-deċiżjoni kkontestata favur ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ANN TAYLOR LOFT għall-klassijiet 18 u 25, flimkien mal-klassi 35, li fir-rigward tagħha r-reġistrazzjoni ġiet ġustament aċċettata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ma ġietx ikkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

13      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati fuq ksur, minn naħa, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament 207/2009 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

14      Jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

15      Skont it-termini tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jagħmel oppożizzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, “minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

16      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks preċedenti” tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p. II‑174, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29, u tat‑22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17].

18      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami (ara s-sentenza CAPIO, punt 17 iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22; Canon, punt 17 iktar ’il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 17 iktar ’il fuq, punt 18).

19      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u vice versa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 17 iktar ’il fuq, punt 17]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009, li tgħid li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi fuq bosta fatturi, b’mod partikolari, fuq kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, fuq l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, fuq il-livell tax-xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza CAPIO, punt 17 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi li “teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku”, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza CAPIO, punt 17 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 23).

21      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju rari jkollu l-possibbiltà jipparaguna direttament diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 28, u tat‑30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 17 iktar ’il fuq, punt 26).

22      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija trade mark nazzjonali rreġistrata fi Franza. Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami għandu jkun limitat għat-territorju Franċiż. Huwa wkoll paċifiku li l-pubbliku rilevanti huwa, kif ġie ġustament irrilevat mill-Bord tal-Appell fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkostitwit mill-konsumatur medju Franċiż ta’ oġġetti tal-ġilda u ta’ ħwejjeġ, li jikkorrispondi għal kampjun wiesa’ ħafna mill-popolazzjoni. Dawn il-konstatazzjonijiet, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, għandhom jiġu kkonfermati.

23      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq ix-xebh tal-prodotti

24      F’dan ir-rigward ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appelli fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi, pożizzjoni li fuq kollox ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, għandha tiġi kkonfermata.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

25      Kif diġà ġie indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Settembru 2010, Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, Ġabra p. I-0000, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali għal dak li jirrigwarda aspett jew diversi aspetti rilevanti, jiġifieri l-aspetti viżivi, fonetiċi u kunċettwali (sentenzi MATRATZEN, punt 19 iktar ’il fuq, punt 30, u CAPIO, punt 17 iktar ’il fuq, punt 89; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 23).

27      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija kkostitwita esklużivament mill-kelma “loft”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-element verbali “ann taylor loft”.

28      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata li kien jeżisti xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni, iżda li dak ix-xebh ma kienx qawwi peress li l-kelma “loft” kienet ippreċeduta minn elementi oħra fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, għalkemm ir-rikorrenti tippretendi li l-impressjonijiet viżivi u fonetiċi tas-sinjali inkwistjoni huwa differenti ħafna minħabba l-preżenza tal-element dominanti “ann taylor” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija tammetti “livell ta’ xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni”. Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fuq dan il-punt għandha għalhekk tiġi kkonfermata.

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tax-xebh kunċettwali, il-Bord tal-Appell, filwaqt li kkonferma r-riżultat li waslet għalih id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ikkunsidra, fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal verbali ANN TAYLOR LOFT kien jixbah l-isem sħiħ ta’ persuna anglosassona fejn il-kelma “ann” tista’ faċilment tiġi identifikata bħala l-isem, il-kelma “taylor” bħala t-tieni isem jew parti mill-isem u l-kelma “loft” bħala l-kunjom. Il-Bord tal-Appell żied, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Diċembru 2008, Harman International Industries vs UASI – Becker (Barbara Becker) (T‑212/07, Ġabra p. II‑3431), li l-element “loft”, bħala isem, huwa l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn dan, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “loft” kienet distintiva, peress li din kienet kelma barranija fi Franza, li ma tiġix neċessarjament ipperċepita bħala l-isem ġeneriku ta’ post għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Il-kelma “loft” hija pjuttost ipperċepita bħala nom Ingliż nieqes minn kull sinjifikat jew bħala kunjom.

30      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, il-pubbliku Franċiż ma jipperċepix il-kelma “loft” komuni għaż-żewġ sinjali inkwistjoni bħala kunjom anglosassonu, peress li dik il-kelma tintuża fil-Franċiż sabiex tiġi indikata żona ta’ ħażna kkonvertita f’żona għall-għajxien għal skopijiet privati jew kummerċjali. Għaldaqstant, minkejja l-preżenza fiż-żewġ sinjali tal-kelma “loft”, l-element “ann taylor”, minħabba l-fatt dan huwa l-element distintiv u dominanti tat-trade marks ANN TAYLOR u ANN TAYLOR LOFT, jiddomina t-totalità sal-punt li l-komponenti l-oħra kollha huma negliġibbli. Għaldaqstant ma jeżisti ebda xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni.

31      Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Bord tal-Appell, sa fejn dan ibbaża ruħu fuq premessa żbaljata, ma tistax tiġi kkonfermata.

32      Fil-fatt, kif diġà kienet ikkonstatat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha, il-kelma “loft” mhux talli ma hijiex kelma barranija iżda hija kelma li tiddeskrivi, fil-lingwa Franċiża, ċertu tip ta’ akkomodazzjoni. Minkejja li toriġina mill-kelma ekwivalenti Ingliża, il-kelma “loft”, minħabba l-introduzzjoni tagħha fil-lingwa Franċiża, saret kelma Franċiża kompluta. Minn dan isegwi li, peress li għandha tifsira preċiża fil-Franċiż, il-pubbliku medju Franċiż, meta jiġi affaċċjat b’din il-kelma, jassoċjaha ma’ ċertu tip ta’ akkomodazzjoni, sa fejn huwa jaf dik it-tifsira, u mhux ma’ kunjom barrani, kunjom li l-UASI jirrikonoxxi, barra minn dan, bħala kunjom li ma huwiex mill-iktar komuni fil-pajjiżi anglosassoni. Barra minn dan, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-kelma “loft” hija użata b’mod rari fil-lingwa Franċiża.

33      L-argument tar-rikorrenti li l-element “ann taylor” huwa dominanti fl-impressjoni ġenerali, minħabba li s-sinjali ANN TAYLOR u ANN TAYLOR LOFT igawdu minn reputazzjoni fost il-pubbliku, ma jistax, għaldaqstant jintlaqa’.

34      F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tistabbilixxi li s-sinjali ANN TAYLOR LOFT jew ANN TAYLOR kienu jgwadu minn tali reputazzjoni fost il-pubbliku rilevanti, peress li l-provi huma relatati mal-Istati Uniti. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ sit internet ma hijiex suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ reputazzjoni. Ir-rikorrenti stess tippreċiża, barra minn dan, li hija “ħadet ċerti azzjonijiet sabiex tkun f’pożizzjoni li testendi l-attività tagħha f’pajjiżi oħra, fosthom dawk tal-Unjoni Ewropea”, u dan juri n-nuqqas ta’ reputazzjoni attwali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew tas-sinjal ANN TAYLOR fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari fi Franza.

35      Barra minn dan, anki jekk jitqies li l-element “ann taylor” jista’ jiġi kkunsidrat bħal dominanti fis-sinjal ANN TAYLOR LOFT, l-eżami tax-xebh kunċettwali ma jistax isir billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-element dominanti, peress li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur‑Coosur vs Koipe u UASI, C‑498/07 P, Ġabra p. I‑7371, punt 62).

36      Issa, il-kelma “loft” inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala negliġibbli fl-impressjoni ġenerali, peress li hija tikkompleta l-element “ann taylor” billi żżidlu karatteristika li tista’ tkun relattiva, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, għal-linja ta’ ħwejjeġ li jikkorrispondu għal ċertu stil ta’ ħajja marbut ma’ dak l-istil il-ġdid ta’ akkomodazzjoni jew billi tislet uħud mill-karatteristiċi ta’ dan l-istil il-ġdid.

37      Barra minn dan, ma jistax jiġi kkontestat li, fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element “ann taylor” huwa manifestament, fir-rigward tal-pubbliku Franċiż, ħafna iktar distintiv mill-kelma “loft”, anki minħabba l-fatt li din tal-aħħar għandha tifsira ċara u preċiża fil-Franċiż. L-element “ann taylor” jagħmel referenza għal ismijiet jew għal isem u kunjom Ingliż, b’tali mod li dawn jattiraw iktar l-attenzjoni tal-pubbliku Franċiż.

38      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, globalment, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ xebh viżiv u fonetiku li ma huwiex qawwi kif ukoll ta’ ċertu xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, hemm lok li jiġi konkluż, fid-dawl tal-fatt li l-element “ann taylor” huwa l-element l-iktar distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jattira l-iktar attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, li x-xebh globali bejn is-sinjali inkwistjoni huwa dgħajjef.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

39      Hemm lok li jitfakkar li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta, b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks ikunu għolja biżżejjed (sentenza MATRATZEN, punt 19 iktar ’il fuq, punt 45).

40      Ir-rikorrenti tippretendi, essenzjalment, li minħabba l-preżenza tal-element distintiv u dominanti “ann taylor” fil-bidu tas-sinjal ANN TAYLOR LOFT, ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti inkwantu dan jista’ jaħseb li s-sinjali inkwistjoni huma żewġ linji differenti ta’ prodotti offruti taħt il-kontroll tal-istess kumpannija jew ta’ kumpanniji ekonomikament marbuta flimkien.

41      B’mod kuntrarju, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “loft” kienet l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, sa fejn il-prodotti kienu identiċi.

42      Din l-analiżi tal-aħħar ma tistax tiġi kkonfermata.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-analiżi tax-xebh kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, il-kelma “loft” ma hijiex l-element dominanti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn dan, minn dawk l-istess konstatazzjonijiet jirriżulta wkoll li huwa l-element “ann taylor”, minħabba n-nuqqas ta’ sinjifikat tiegħu fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar distintiv mill-kelma “loft” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, sa fejn din tal-aħħar għandha tifsira preċiża fir-rigward tal-imsemmi pubbliku.

44      Barra minn dan, jeżisti xebh viziv u fonetiku dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni u ċertu xebh kunċettwali.

45      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, fis-settur tal-ħwejjeġ, jiġri spiss li l-istess trade mark tippreżenta konfigurazzjonijiet differenti skont it-tip ta’ prodotti li hija tidentifika. F’dan is-settur, huwa fil-fatt komuni li l-istess impriża ta’ ħwejjeġ tuża trade marks sekondarji, jiġifieri sinjali li jidderivaw minn trade mark prinċipali u li jikkondividu magħha element dominanti komuni, sabiex tiddistingwi l-linji differenti ta’ produzzjoni tagħha fil-qasam tal-ħwejjeġ [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra p. II‑3471, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata].

46      Fid-dawl, fl-ewwel lok, tan-natura tal-prodotti u tal-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom u, fit-tieni lok, tal-użanzi fil-qasam tat-trade marks tal-prodotti tal-ħwejjeġ u, fl-aħħar lok, tal-aspettattivi u tal-abitudnijiet tal-pubbliku rilevanti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar, meta jiġi affaċċjat biż-żewġ sinjali inkwistjoni, ma jistabbilixxix rabta bejniethom, sa fejn l-element l-iktar distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jikkoinċidix mal-element uniku tat-trade mark preċedenti u li huwa normali li “house brand” tbiddel it-trade mark tagħha billi żżidilha element li jikkaratterizza linja sekondarja.

47      Fil-fatt, kif ġustament tindika r-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti huwa abitwat għall-fatt li l-istess produttur jikkummerċjalizza diversi linji ta’ prodotti li jinkludu l-isem tal-oriġinatur u/jew tal-produttur tal-ħwejjeġ kkonċernat segwit mill-isem tal-linja abbażi tal-karatteristiċi tagħhom (sportivi, formali, informali, eċċ.).

48      F’dan il-każ, fir-rigward tal-impressjoni globali prodotta mis-sinjali inkwistjoni, ix-xebh tagħhom ġie kkunsidrat bħala wieħed dgħajjef. Minkejja l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti, li huwa abitwat għall-fatt li l-istess impriża tal-ħwejjeġ tuża trade mark sekondarji dderivati mit-trade mark prinċipali, mhux ser ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali ANN TAYLOR LOFT u LOFT, sa fejn it-trade mark preċedenti ma tinkludix l-element “ann taylor”, li huwa, kif ġie kkonstatat fil-punt 37 iktar ’il fuq (ara wkoll il-punt 43 iktar ’il fuq), l-element l-iktar distintiv fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

49      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-element “loft” għadu pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn dik il-pożizzjoni distintiba awtomatika xorta waħda ma tistax tiġi awtomatikament dedotta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.

50      Fil-fatt, il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tiġi ddeterminata in abstracto, iżda għanda tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ analiżi globali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami (sentenza SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 22; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I‑8551, punt 37), b’mod partikolari n-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-metodi tal-kummerċjalizzazzjoni, l-attenzjoni ftit jew wisq għolja tal-pubbliku kif ukoll l-abitudnijiet tal-imsemmi pubbliku fis-settur ikkonċernat. Issa, l-eżami tal-fatturi rilevanti speċifiċi għal din il-kawża, imwettaq fil-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq, ma jurix, prima facie, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li jeħtieġ li jintlaqa’ l-ewwel motiv u, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata

52      Fir-rigward tat-tielet talba li permezz tagħha r-rikorrenti qiegħda essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali tibdel id-deċizjoni kkontestata fis-sens li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rreġistrata, jeħtieġ li jitfakkar li, peress li l-Bord tal-Appell huwa mogħti s-setgħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata quddiemu, il-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ tibdil ta’ deċiżjoni, teżerċita l-kompetenzi tal-istanzi inferjuri tal-UASI, li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’, f’dan il-kuntest, tieħu deċiżjoni li setgħet tittieħed mill-eżaminatur, mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod kuntrarju, hija ma tistax tieħu deċiżjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ dawn l-istanzi. Huwa minħabba din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tirreġistra trade mark, peress li dik ir-reġistrazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza la tal-eżaminatur u lanqas tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Ġunju 2009, Securvita vs UASI (Natur-Aktien-Index), T‑285/08, Ġabra p. II‑2171, punti 16 sa 23].

53      Għaldaqstant it-tielet talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal‑1 ta’ Lulju 2009 (Każ R 1485/2008‑1), hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Frar 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.