Language of document : ECLI:EU:C:2018:834

Kawża C-249/17

Ryanair Ltd

vs

The Revenue Commissioners

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Kunċett ta’ persuna taxxabbli – Kumpannija holding – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Spejjeż marbuta ma’ provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza sostnuti għall-finijiet tal-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija oħra – Intenzjoni tal-kumpannija xerrejja li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni lill-kumpannija fil-mira – Nuqqas ta’ provvista ta’ tali servizzi – Dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq il-prestazzjonijiet mitluba”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2018

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali  – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud –Persuna taxxabbli – Attivitajiet ekonomiċi – Kunċett – Attivitajiet ekonomiċi preparatorji – Intenżjoni ta’ kisba minn kumpannija tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija oħra bl-intenzjoni li teżerċita attività ekonomika – Inklużjoni – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Spejjeż relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza sostnuti fil-kuntest tal-akkwist ta’ azzjonijiet – Dritt għal tnaqqis – Nuqqas ta’ twettiq tal-attività ekonomika inkwistjoni – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 4 u 17)

L-Artikoli 4 u 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonferixxu lil kumpannija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-intenzjoni li takkwista l-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija oħra, sabiex teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista lil din tal-aħħar ta’ prestazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ġestjoni suġġetti għall-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input kollha relatata mal-ispejjeż magħmula għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza sostnuti fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ xiri, anki jekk jiġri li din l-attività ekonomika ma titwettaqx, sa fejn dawn l-ispejjeż ikollhom il-kawża esklużiva tagħhom fl-attività ekonomika inkwistjoni.

(ara l-punt 32 u d-dispożittiv)