Language of document : ECLI:EU:T:2007:269

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-posta espressa internazzjonali – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment – Annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment mill-qorti Komunitajra – Eżami u ċaħda mill-ġdid ta’ l-ilment – Impriża pubblika”

Fil-kawża T‑60/05,

Union française de l’express (UFEX), stabbilita f’Roissy-en-France (Franza),

DHL Express (Franza) SAS, li qabel kienet DHL International SA, stabbilita f’Roissy-en-France,

Federal express international (Franza) SNC, stabbilita f’Gennevilliers (Franza),

CRIE SA, stabbilita f’Asnières (Franza),

irrappreżentati minn É. Morgan de Rivery u J. Derenne, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet u O. Beynet, wara minn Bouquet u V. Di Bucci, bħala aġenti

Konvenuta,

sostnuta minn

Chronopost SA, stabbilita f‘Issy-les-Moulineaux (Franza), irrappreżentata minn D. Berlin, avocat,

u minn

La Poste, stabbilita f‘Pariġi (Franza), irrappreżentata minn H. Lehman, avocat,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe (2004) D/205294 tad-19 ta’ Novembru 2004, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra l-posta Franċiża u l-Gvern Franċiż, dwar is-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-partijiet fil-kawża

1        Ir-rikorrenti huma d-destinatarji ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-tad-19 ta’ Novembru 2004, li tiċħad l-ilment tagħhom dwar is-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali.

2        L-Union française de l’express (iktar ’il quddiem l-“UFEX”), li kienet imsejħa, sa l-1997, Syndicat français de l’express international (iktar ’il quddiem is-“SFEI”), hija sindakat professjonali rregolata mil-liġi Franċiża li jgħaqqad fi ħdanu kważi l-kumpanniji kollha li joffru servizzi ta’ posta bil-courier rapida, fosthom, it-tliet rikorrenti l-oħra.

3        La Poste Franċiża, (iktar ’il quddiem “La Poste”) fdat, mill-aħħar tas-sena 1985 u l-bidu tas-sena 1986, il-ġestjoni tas-servizz tagħha ta’ posta bil-courier rapida, li hija kienet topera sa dak iż-żmien taħt l-isem Postadex, lis-Société française de messagerie internationale (iktar ’il quddiem “SFMI”). Il-kapital ta’ din il-kumpannija kien maqsum bejn Sofipost (66 %), kumpannija finanzjarja li l-uniku proprjetarju tagħha hija La Poste, u TAT Express (34 %), sussidjarja tal-kumpannija ta’ l-ajru Transport aérien transrégional.

4        Fl-1992, l-istrusttura ta’ l-attività ta’ posta bil-courier rapida mwettqa minn SFMI ġiet modifikata. Sofipost u Transport aérien transrégional ħolqu kumpannija ġdida, Chronopost SA, li fiha huma baqgħu jżommu rispettivament 66 % u 34 % ta’ l-ishma. Chronopost ħadet f‘idejha l-attività nazzjonali ta’ SFMI, li żammet il-parti internazzjonali. Chronopost kellha l-ġestjoni, permezz ta’ mandat, ta’ l-attività tal-posta bil-courier rapida internazzjonali, f’isem il-mandant tagħha. Mill-1997, Sofipost (li fl-2001 saret Geopost) tikkontrolla 100 % ta’ Chronopost.

5        SFMI pprovdiet is-servizzi tagħha tal-posta bil-courier rapida internazzjonali lil Global Delivery Express Worldwide France, is-sussidjarja Franċiża ta’ l-operatur Global Delivery Express Worldwide (iktar ’il quddiem “GDEW”). GDEW hija impriża li tgħaqqad fiha l-kumpannija Awstraljana TNT, La Poste, u l-posta Ġermaniża, Kanadiża, Olandiża u Żvediża. Din il-konċentrazzjoni kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 1991 li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni (IV/M.102 – TNT/Canada Post, DBP Postdienst, La Poste, PTT Post u Sweden Post) (ĠU C 322, p. 19, iktar ’il quddiem id-Deċiżjoni “GD NET”) fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 257, 1990, p. 13). GDEW akkwistat l-SFMI permezz tal-fużjoni tat-28 ta’ Lulju 1994 u din b’hekk spiċċat ġuridikament f’dan iż-żmien. Fl-1996, La Poste ħarġet mill-GDEW.

6        F’din is-sentenza, minn issa ‘l quddiem, l-isem SFMI-Chronopost qiegħed jintuża biex jindika l-kumpannija s-sussidjarja ta’ La Poste, attiva fis-settur tal-posta espressa internazzjonali.

2.     L-ilment tal-21 ta’ Diċembru 1990

7        Fl-ilment tagħha tal-21 ta’ Diċembru 1990, is-SFEI sostniet li l-Istat Franċiż kien jissussidja b’mod illegali lil SFMI-Chronopost fis-settur tas-servizz tal-posta bil-courier rapida internazzjonali. Waqt laqgħa informali li nżammet bejn ir-rappreżentanti tas-SFEI u l-Kummissjoni fit-18 ta’ Marzu 1991, tqajmet il-kwistjoni ta’ ksur eventwali ta’ l-Artikolu 82 KE minn La Poste, bħala impriża, ta’ l-Artikolu 86 KE mill-Istat Franċiż u ta’ l-Artikolu 3(g) KE kif ukoll ta’ l-Artikoli 10 KE u 82 KE, mill-Istat Franċiż.

8        Fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE, is-SFEI lmentat dwar il-modalitajiet ta’ assistenza loġistika u kummerċjali li La Poste kienet tipprovdi lis-sussidjarja tagħha. Minn naħa ta’ La Poste, l-abbuż kien jikkonsisti fil-fatt li s-sussidjarja tagħha bbenifikat mill-infrastruttura tagħha, f’kundizzjonijiet li kienu vantaġġjużi iktar min-normal, sabiex testendi l-pożizzjoni dominanti li hija kienet iżomm fis-suq tas-servizz postali bażiku għas-suq tas-servizz tal-posta espressa internazzjonali. Din il-prattika abużiva kienet tinvolvi sussidji trażversali favur SFMI-Chronopost.

9        Fir-rigward ta’ l-Artikolu 86 KE, minn naħa, u ta’ l-Artikolu 3(g) KE, kif ukoll ta’ l-Artikoli 10 KE u 82 KE min-naħa l-oħra, is-SFEI qieset li l-aġir illeċitu ta’ La Poste fir-rigward ta’ l-assistenza lejn is-sussidjarja tagħha, kien joriġina minn sensiela ta’ istruzzjonijiet u direttivi mill-Istat Franċiż.

3.     L-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1992

10      B’ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni għarrfet lis-SFEI li ma kellhiex l-intenzjoni tkompli l-investigazzjoni tagħha skond l-Artikolu 82 KE. Is-SFEI, kif ukoll tliet membri tagħha, jiġifieri DHL International [li saret DHL Express (France) SAS, iktar ’il quddiem “DHL”], Service Crie (iktar ’il quddiem “CRIE”) u May Courier, ippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f’din l-ittra. Permezz ta’ Digriet tat-30 ta’ Novembru 1992, SFEI et vs Il-Kummissjoni (T‑36/92, Ġabra p. II‑2479), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

11      B’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il-Kummissjoni (C‑39/93 P, Ġabra p. I‑2681), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dan id-Digriet u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’ittra ta’ l-4 ta’ Awwissu 1994, il-Kummissjoni rtirat id-deċiżjoni kkontestata u infurmat lil-lanjanti li l-eżami ta’ l-ilment tagħhom kien għadu għaddej.

4.     id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tat-30 ta’ Diċembru 1994

12      B’Deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment dwar l-aspetti fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE minħabba nuqqas ta’ interess Komunitajru, peress li ma kienx hemm biżżejjed elementi ta’ prova li juru li l-allegat ksur kien għadu għaddej. Is-SFEI, DHL, CRIE u May Courier ippreżentaw rikors għal annullament, li kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1997, SFEI et vs Il-Kummissjoni (T‑77/95, Ġabra p. II‑1).

13      Fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra p. I‑1341).

14      Wara r-rinviju tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, T‑77/95, Ġabra p. II‑2167). Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni reġgħet fetħet l-eżami ta’ l-ilment.

5.     Il-proċeduri nazzjonali

15      Fl-istess ħin ta’ l-azzjoni tagħhom quddiem il-Kummissjoni, ir-rikorrenti, fl-1990 u fl-1996, ressqu quddiem il-conseil de la concurrence français xi lmenti kontra La Poste, Sofipost, SFMI-Chronopost u Transport aérien transrégional li fihom huma semmew abbuż minn pożizzjoni dominanti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż dwar il-kompetizzjoni bejn l-1986 u l-1996. Il-conseil de la concurrence français issospenda s-smigħ tal-kawżi sabiex jistenna l-eżitu ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment mill-Kummissjoni. Fl-2005, ir-rikorrenti rtiraw l-ilmenti tagħhom.

16      Fl-1993, is-SFEI u wħud mill-membri tagħha ppreżentaw quddiem it-Tribunal de commerce de Paris kawża għal danni b’mod partikolari kontra La Posta, Sofipost, SFMI-Chronopost u GDEW France, fuq il-bażi tar-responsabbiltà delittwali (kompetizzjoni żleali) minħabba ksur ta’ l-Artikolu 82 KE u l-aċċettazzjoni tal-benefiċċju ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE. Fl-1999, it-Tribunal de commerce ċaħad ir-rikors safejn kien jirrigwarda l-elementi tal-kawża dwar għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-rigward ta’ l-elementi marbuta ma’ l-abbuż minn pożizzjoni dominanti, huwa ssospenda l-proċedimenti, fis-sena 2000, sabiex jistenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

6.     Id-deċiżjoni kkontestata

17      Permezz tad-Deċiżjoni SG-Greffe (2004) D/205294, tad-19 ta’ Novembru 2004, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra La Poste u l-Gvern Franċiż, fir-rigward tas-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju. Din id-Deċiżjoni kienet tirrigwarda biss l-elementi tal-fajl li jirrigwardaw l-Artikoli 82 KE, 86 KE, 3 KE u 10 KE.

18      F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet, l-ewwel nett, li l-aġir ikkontestat kien intemm, (punti 48 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tieni nett, li l-allegat aġir antikompetittiv ta’ La Poste fil-passat ma kellux effetti li baqgħu jeżistu (punti 64 sa 121 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Kummissjoni vverifikat jekk kienx jeżisti interess Komunitarju suffiċjenti sabiex l-ilment jiġi investigat. Il-Kummissjoni tesponi li, f’sitwazzjoni li fiha l-aġir in kwistjoni kien intemm fl-1991 u ma kellux effetti persistenti fuq is-suq, hija ma hija marbuta tevalwa la l-gravita tal-ksur allegat, u lanqas kemm dam jeżisti, fil-kuntest ta’ l-analiżi tagħha ta’ l-interess Komunitarju. Hija madankollu tispjega li hija tanalizza xorta waħda, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba, l-argumenti tal-lanjant f’dan ir-rigward.

19      Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm interess Komunitarju, u ċaħdet l-ilment għal din ir-raġuni.

7.     Id-deċiżjoni dwar il-parti fl-ilment relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat

20      Fir-rigward tal-parti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 98/365/KE, ta’ l-1 ta’ Ottubru 1997, dwar l-għajnuna li Franza allegatament tat lil SFMI-Chronopost (ĠU L 164, 1998, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ l-1997”), ikkonstatat li l-miżuri koperti mill-ilment ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat favur SFMI-Chronopost.

21      Wara rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni (T‑613/97, Ġabra p. II‑4055), annullat parzjalment din id-deċiżjoni.

22      Chronopost, La Poste u r-Repubblika Franċiża ressqu diversi appelli kontra din is-sentenza. Permezz tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs UFEX et (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      B’sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni (T‑613/97, Ġabra p. II‑1531), mogħtija wara r-rinviju tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni ta’ l-1997 safejn il-Kummissjoni kkonstatat fiha li la l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma kienu jikkostitwixxu għajnuna moogħtija mill-Istat favur SFMI-Chronopost. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li t-trasferiment tas-servizz Postadex lil SFMI-Chronopost kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat peress li s-SFMI-Chronopost ma ħallset l-ebda korrispettiv lil La Poste (punt 167 tas-sentenza). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-1997, li kienet limitata għal spjegazzjoni ġenerali ħafna tal-metodu ta’ evalwazzjoni ta’ l-ispejjeż użat mill-Kummissjoni u tar-riżultat eventwalment miksub ma kinitx tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 253 KE fil-parti li kienet tirrigwarda l-għoti ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali (punti 98 u 101 tas-sentenza).

24      Chronopost u La Poste appellaw minn din is-sentenza (kawżi magħquda C‑341/06 P u C‑342/06 P, li għadhom pendenti).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

26      B’noti ppreżentati fir-Reġistru tat-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Ġunju 2005, Chronopost u La Poste talbu sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn it-talbiet ġew aċċettati permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-21 ta’ Lulju 2005.

27      B’digriet tal-21 ta’ Marzu 2006, il-President tat-Tieni Awla ta deċiżjoni fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-partijiet intervenjenti, fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti u l-annessi tal-partijiet.

28      Chronopost u La Poste ippreżentaw noti ta’ intervent. Ir-rikorrenti ppreżentaw xi osservazzjonijiet fuq dawn in-noti fit-terminu mogtħi.

29      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-mikutb għal xi domandi. Bl-eċċezzjoni ta’ La Posta, dawn ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu mogħti lilhom.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ April 2007. Wara s-seduta, b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2007, CRIE, li tinsab fi proċess ta’ stralċ, irtirat ir-rikors tagħha. Għaldaqstant hemm lok li CRIE titħassar mil-lista tal-partijiet rikorrenti, u fil-bqija ta’ din is-sentenza, it-terminu “rikorrenti” ikun jfisser biss l-UFEX, DHL u Federal express international (France) SNC (iktar ’il quddiem “FedEx”). Min-naħa l-oħra, it-terminu “lanjanti” ifisser l-UFEX, DHL, FedEx u CRIE.

31      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tornda li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

33      Chronopost titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tilqa’ l-atti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari:

–        tiddikjara bħala inammissibbli l-parti tar-rikors li tirrigwarda l-Artikolu 3(g) KE, u l-Artikoli 10 KE, 82 KE u 86 KE meħuda flimkien u/jew

–        tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti kollu bħala mhux fondat;

–        tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

34      La Poste titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ lment formali quddiem il-Kummissjoni u min-naħa l-oħra, il-preġudizzju kkawżat lid-drittijiet fundamentali ta’ La Poste ggarantiti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”);

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        f’kull każ, tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż sostnuti minnha.

 Fuq l-ammissibbiltà

1.     L-argumenti tal-partijiet

35      La Poste tinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ lment ippreżentat mill-UFEX u t-tieni waħda fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha.

36      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, La Poste ssostni li jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ l-ilment tal-21 ta’ Diċembru 1990 li dan huwa lment fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u mhux wieħed li jirrigwarda abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, mhuwiex ammissibbli li r-rikorrenti jikkontestaw iċ-ċaħda ta’ lment li ma jeżistix. Skond La Poste, ma jistax jiġi aċċettat li laqgħa informali, peress li tat lok għal skambju ta’ perspettivi, tista’ tikkostitwixxi lment fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204).

37      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, La Poste tfakkar li, skond l-Artikolu 6 tal-KEDB, kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ fi żmien raġonevoli u kull akkużat għandu d-dritt li jkun infurmat, fl-iqsar żmien possibbli, bin-natura u l-kawża ta’ l-akkuża mressqa kontrih.

38      La Poste ssib ruħha taħt akkuża fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tal-KEDB peress li l-Kummissjoni kienet investigat abbuż minn pożizzjoni dominanti li hija ġiet akkużata bih. Hija tikkunsidra li sentenza li tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinvolvi ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha. La Poste mhijiex f’pożizzjoni li tfittex l-elementi ta’ prova neċessarji għad-difiża tagħha li jirrigwardaw is-snin 80 u 90.

39      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors ħlief f’dak li jirrigwarda t-tielet motiv (ara punti 188 et seq. iktar ’il quddiem).

40      B’mod ġenerali, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati minn La Poste huma inammissibbli, peress li parti intervenjenti m’għandhiex id-dritt tqajjem motivi jew eċċezzjonijiet li ma jkunux tqajmu mill-parti prinċipali.

41      F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jqisu li l-eżistenza ta’ lment dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi kkontestata serjament.

42      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jqisu li, fir-realtà, La Poste mhijiex qed tinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iżda motiv sostantiv li hija mhijiex intitolata tinvokah.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

43      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat, jekk l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn La Poste humiex ammissibbli.

44      Skond l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 53 tiegħu, it-talbiet tar-rikors għal intervent ma jistgħux ikollhom għan ieħor ħlief li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Minbarra dan, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-intervenjenti jidħol fil-kawża in statu et terminis. Skond ġurisprudenza kostanti, il-parti intervenjenti mhijiex, għalhekk intitolata tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ma tqajjmitx mill-parti li fir-rigward tagħha hija ġiet ammessa tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta teżamina motivi invokati f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 22, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 36).

45      Issa, fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni ma qajjmitx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Għaldaqstant, La Poste ma tistax tqajjem din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

46      Madankollu, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull mument, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, inklużi dawk imqajma mill-partijiet intervenjenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1997, EISA vs Il-Kummissjoni, T‑239/94, Ġabra p. II‑1839, punt 26, u Piau vs Il-Kummissjoni, punt 44 aktar ’il fuq, punt 37).

47      F’dan il-każ, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati minn La Poste iqajmu kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku, safejn jikkonċernaw l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 35). F’din il-kawża, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu eżaminati ex officio.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ lment ta’ l-UFEX

48      Fir-rigward ta’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hemm il-lok li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tqis li rċeviet ilment fir-rigward ta’ ksur allegat, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 82 KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni jekk l-ilment imressaq fil-21 ta’ Diċembru 1990 kienx jirrigwarda mill-bidu l-ksur allegat ta’ l-Artikolu 82 KE hija irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il-Kummissjoni, punt 11 aktar ’il fuq, punt 23).

49      L-argument ta’ La Poste li SFEI u UFEX kellhom jibagħtu lment formali lill-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’. Il-lanjanti wrew b’mod ċar ix-xewqa tagħhom li l-ilment jiġi eżaminat fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE. Per eżempju, wara li l-Kummissjoni bagħtet lil SFEI, fit-28 ta’ Ottubru 1994, ittra li informathom bl-intenzjoni tagħha li ma tilqax l-ilment li jirrigwarda l-aspetti relattivi għall-Artikolu 82 KE, SFEI għarrfet lill-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet tagħha, b’ittra tat-28 ta’ Novembru 1994, li fiha hija żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti (punti 2 u 3 tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-30 ta’ Diċembru 1994, iċċitata fil-punt 8 tas-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 82 KE tressaq quddiem il-Kummissjoni b’mod validu.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ La Poste.

50      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, kif ippreżentat minn La Poste, ma jikkostitwixxix, fir-realta, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti. Fil-fatt, l-interess ta’ terzi li ma jiġix annullat att, peress li dan jirriżulta għalihom f’inkonvenjenza jew fit-telf ta’ vantaġġ, jew fi ħsara għad-drittijiet tagħhom, ma jaqax taħt il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, kif stipulati fl-Artikolu 230 KE kif ukoll fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u interpretati mill-ġurisprudenza. Għalkemm tali interess jista’, fejn ikun il-każ, jiġi kkunsidrat waqt l-eżami tal-mertu tal-kawża, per eżempju skond il-prinċipju taċ-ċertezza legali, ma jistax, bħala tali, jiġi invokat in sostenn ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

51      F’kull każ, l-argument ta’ La Poste, li sentenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi fiha nfisha ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha ma jistax jiġi akkolt. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 57 hawn isfel, il-ksur allegat ma jirriżultax mis-sentenza ta’ annullament fiha nfisha, iżda mill-aġir futur u ipotetiku tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami ta’ l-ilment. Tali kunsiderazzjoni, li fuq kollox hija purament spekulattiva, ma tistax tostakola lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli teżerċita l-funzjoni tagħha skond l-Artikolu 220 KE, jiġifieri li tassigura l-osservanza tal-liġi u, b’mod iktar partikolari f’din il-kawża, li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 230 KE.

52      Madankollu, hemm lok li jiġi rilevat li La Poste ppreċiżat waqt is-seduta, f’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tirreferi, parzjalment, għan-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Taħt dan l-aspett, il-kwistjoni tad-dewmien tal-proċedura tikkostitwixxi effettivament kwistjoni ta’ ammissibbiltà. Jekk dan id-dewmien seta’ jostakola lill-Kummissjoni milli tadotta fil-futur deċiżjoni li tikkonstata ksur, għandu jiġi investigat l-interess tar-rikorrenti fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Skond ġurisprudenza kostanti, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jissoponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ta’ l-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni, T‑188/99, Ġabra p. II‑1757, punt 26), jew fi kliem ieħor, li r-rikors jista’, bir-riżultat tiegħu, jipprovdi benifiċċju lill-parti li ressqitu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44).

54      Peress li r-rikorrenti huma d-destinatarji ta’ deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħhom, l-interess ġuridiku tagħhom jista’ jiġi nnegat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Huwa biss fil-każ fejn jista’ jiġi eskluż b’ċertezza li l-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur imputabbli lill-partijiet intervenjenti, li jkun possibbli li jiġi nnegat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

55      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li jiġi eskluż, f’dan l-istadju, li l-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni li tadotta tali deċiżjoni. Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja tassigura l-osservanza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 35). F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmin eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kollha, inkluża l-fażi preċedenti għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, tistax taffettwa l-possibbiltajiet futuri ta’ difiża ta’ l-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

56      Sabiex jintwera ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi istruttorja, il-parti għandha turi li l-possibbilitajiet tagħha li tikkonfuta l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kienu limitatati minħabba raġunijiet li jirriżultaw mill-fatt li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet żmien twil li ma kienx raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 55 aktar ’il fuq, punt 56).

57      F’din il-kawża, La Poste ma stabbilixxietx li deċiżjoni eventwali li tikkonstata ksur neċessarjament tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha, jekk hija tixtieq tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur, tagħti prova tal-fatti li jikkaratterizzaw dan il-ksur. S’issa huwa impossibbli li jkun magħruf eżattament liema huma l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tippreżenta f’dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet eventwali, u liema huma l-elementi ta’ prova li fuqhom tista’ tibbaża ruħha. Issa, mhuwiex possibbli li jkun stabbilit b’mod ipotetiku li La Poste ma tkunx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha kontra akkużi eventwali. Jekk il-proċedura kellha titkompla, mhuwiex eskluż li La Poste tkun tista’ ssostni, fi stadju ulterjuri, l-inkapaċità tagħha li tiddefendi ruħha b’mod effettiv kontra oġġezzjoni preċiża tal-Kummissjoni jew kontra prova preċiża, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-allegazzjonijiet astratti u mhux preċiżi, bħall-affermazzjoni ta’ La Poste li hija kjarament ma setgħetx “tfittex l-elementi ta’ prova neċessarji għad-difiża tagħha li jirrigwardaw is-snin 80 u 90”, mhumiex ta’ tali natura li jistabbilixxu r-realtà ta’ ksur tad-drittijiet ta’ difiża, li għandu jiġi eżaminat skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 55 aktar ’il fuq, punti 56 sa 59).

58      F’dak li jirrigwarda l-argument ta’ La Poste bbażat fuq il-fatt li jekk persuna tkun qed tiġi eżaminata b’mod permanenti dan jista’ jikkawżalha danni kbar, jiġifieri l-mobilizzazzjoni tas-servizzi tagħha għal xogħol mhux produttiv, spejjeż inutli u l-aċċess tal-kompetituri tagħha għal ħafna informazzjoni kummerċjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi ksur tad-drittijiet ta’ difiża. Għaldaqstant, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jostakolaw lill-Kummissjoni milli tadotta, fil-futur, deċiżjoni li tikkonstata ksur.

59      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt dwar l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju sabiex jitkompla l-eżami ta’ l-ilment

60      Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq qari żbaljat tas-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq, fuq evalwazzjoni żbaljata ta’ ċerti elementi li neċessarjament jagħmlu parti mid-definizzjoni ta’ l-interess Komunitarju, fuq evalwazzjoni żbaljata tar-rwol tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ dak tal-qrati nazzjonali fl-eżami ta’ l-eżistenza ta’ interess Komunitarju u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ bona fide u kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji.

 Fuq l-ewwel parti, ibbazata fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2000 li tiġbed konklużjonijiet mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 1999 mogħtija fuq appell

 Argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrenti jqisu li s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq, timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tanalizza tliet kundizzjonijiet kumulattivi fl-ordni indikat – jiġifieri s-serjetà tal-ksur allegat, it-tul taż-żmien tal-ksur u l-eventwali persistenza ta’ l-effetti tiegħu – sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ interess Komunitajru biex titkompla l-proċedura f’każ partikolari.

62      Skond ir-rikorrenti, ir-raġunament kollu tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni indikat li “[is]-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi ċar li fejn jippersistu effetti antikompetittivi – iżda biss fejn dan ikun il-każ (għalhekk it-terminu ‛jekk ikun il-każ’) – il-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-serjetà tal-ksur allegat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni fehmet ħażin l-obbligi tagħha fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ ilment.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tqis li fid-deċiżjoni kkontestata, hija me kellhiex l-intenzjoni tafferma li ma kinitx obbligata tikkunsidra s-serjeta u d-dewmien tal-ksur, kif kienu ġew allegati mil-lanjanti, iżda li ma kinitx obbligata tmexxi investigazzjoni sħiħa biex tistabbilixxihom u tiddeterminhom bi preċiżjoni. F’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat sew is-serjeta u d-dewmien tal-ksur allegat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

64      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu mfakkra b’mod ġenerali l-obbligi tal-Kummissjoni meta jiġi ppreżentat ilment quddiemha.

65      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑115/99, Ġabra p. II‑691, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-Kummissjoni, meta tiddeċiedi li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha, tista’ mhux biss tiddeċiedi dwar l-ordni li fih l-ilmenti se jiġu eżaminati, iżda wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex isir eżami tal-kawża. Madankollu, is-setgħa ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward mhijiex bla limiti. Minn naħa hija marbuta b’obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli teżamina lment. Min-naħa l-oħra hija ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt biss li l-prattiċi allegatament kuntrarji għat-Trattat waqfu sabiex tiddeċiedi li tagħlaq, mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, il-każ dwar ilment dwar dawn il-prattiċi mingħajr ma tivverifika li xi effetti antikompetittivi għadhom jeżistu u li, jekk ikun il-każ, is-serjetà tad-dannu allegat għall-kompetizzjoni jew il-persistenza ta’ l-effett tiegħu ma kienx ta’ natura li jikkonferixxi interess Komunitarju fuq dan l-ilment.

66      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li, jekk ksur ilu li ntemm u jekk m’hemmx effetti persistenti hija hi awtorizzata tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju mingħajr ma tikkunsidra d-dewmien u s-serjetà tal-ksur. Dan jirriżulta mill-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 62 aktar ’il fuq), kif ukoll mill-punt 123 ta’ din l-istess deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni esponiet kif ġej :

“[I]l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġir in kwistjoni waqaf fl-1991 u m’għandux effetti persistenti fuq is-suq. F’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma hija [...] marbuta tevalwa la s-serjetà tal-ksur allegat u lanqas it-tul ta’ żmien li matulu seħħ, fl-analiżi tagħha ta’ interess Komunitajru. Madankollu, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba, l-argumenti tal-lanjanti f’dan ir-rigward huma analizzati kif ġej” [traduzzjoni mhux ufficiali].

67      Fid-dawl tat-termini espliċiti tad-dikjarazzjonijiet tagħha, l-argument tal-Kummissjoni li hija ma kellhiex l-intenzjoni tafferma li ma kinitx obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur, kif kienu ġew allegati mil-lanjanti, iżda biss li hija ma kinitx obbligata tmexxi investigazzjoni sħiħa biex tistabbilixxihom u tiddeterminhom bi preċiżjoni għandu jiġi miċħud. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet b’mod ċar li mhijiex obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur, fejn hija tikkonstata li l-ksur intemm u ma kellux effetti persistenti. Huwa biss “għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba” li hija analizzat l-argumenti tal-lanjanti dwar is-serjetà u d-dewmien tal-ksur.

68      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni tikkorrispondix għall-obbligi tal-Kummissjoni ddefiniti b’mod partikolari fis-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 13 aktar ’il fuq.

69      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ir-raġunament li ġej. Il-Kummissjoni hija marbuta tevalwa f’kull każ is-serjetà ta’ l-ostakoli allegati għall-kompetizzjoni u l-persistenza ta’ l-effetti tagħhom. B’mod partikolari, dan l-obbligu jimplika li hija għandha tikkunsidra d-dewmien u l-importanza tal-ksur allegat kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità (punt 93 ta’ din is-sentenza). Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt biss li l-prattiċi allegatament kuntrarji għat-Trattat waqfu sabiex tiddeċiedi li tagħlaq, mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, il-każ dwar ilment dwar dawn il-prattiċi mingħajr ma tivverifika jekk xi effetti antikompetittivi għadhomx jeżistu u li, “jekk ikun il-każ”, is-serjetà tad-dannu allegat għall-kompetizzjoni jew il-persistenza ta’ l-effett tiegħu ma kinux ta’ natura li jikkonferixxu interess Komunitarju fuq dan l-ilment. (punt 95 ta’ l-istess sentenza). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ddeċidiet, mingħajr ma eżaminat jekk kienx ġie vverifikat li l-effetti antikompetittivi ma kinux għadhom jeżistu u, jekk ikun il-każ, ma kinux ta’ natura li jikkonferixxu interess Komunitarju fuq l-ilment, li l-investigazzjoni ta’ lment dwar ksur li sar fil-passat ma jikkorrispondix għall-funzjoni attribwita lill-Kummissjoni mit-Trattat, iżda essenzjalment isservi biss sabiex tiffaċilita għal-lanjanti d-dimostrazzjoni ta’ tort sabiex jinkiseb kumpens quddiem il-qrati nazzjonali, kienet fehmet ħażin il-missjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (punt 96 ta’ l-istess sentenza).

70      L-argument tal-Kummissjoni magħmul fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq l-użu tat-terminu “jekk ikun il-każ” fil-punt 95 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, dan il-punt għandu jinqara fi-dawl tal-punt 93 li jimplika li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra f’daqqa d-dewmien, is-serjetà u l-effetti persistenti tal-ksur allegat. Il-punt 95 ta’ din is-sentenza għandu jinqara kif ġej: jekk xi effetti antikompetittivi jippersistu (“jekk ikun il-każ”), il-Kummissjoni hija marbuta tivverifika jekk jew is-serjetà tal-ksur allegat, jew il-persistenza ta’ l-effetti tiegħu jikkonferixxux interess Komunitarju fuq l-ilment. Jirriżulta mill-punt 96 tas-sentenza li l-persistenza ta’ l-effetti antikompetittivi tista’ tkun biżżejjed sabiex tikkonferixxi interess Komunitarju fuq l-ilment. Jekk, min-naħa l-oħra, l-effetti antikompetittivi m’għadhomx jeżistu, evidentement il-Kummissjoni mhijiex marbuta tevalwa jekk il-persistenza tagħhom tikonferixxix interess Komunitarju fuq l-ilment. Madankollu, dan ma jippermettix li ssir konklużjoni a contrario sensu li l-Kummissjoni mhijiex marbuta tivverifika jekk is-serjetà tal-ksur allegat jikkonferixxix fuq l-ilment interess Komunitarju. F’tali każ, il-Kummissjoni tibqa’ obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat (sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 13 aktar ’il fuq, punt 93).

71      Fis-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li l-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha għal verifika dwar jekk jeżistux effetti persistenti, iżda li hija għandha wkoll tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat. B’hekk, skond il-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni “[hija] marbuta tevalwa, fuq il-bażi ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat kif ukoll il-persistenza eventwali ta’ l-effetti tagħhom”.

72      L-argument tal-Kummissjoni espost fil-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata jkollha bħala konsegwenza li teħtieġ mill-Kummissjoni analiżi dwar il-mertu ta’ kull ilment, peress li evalwazzjoni tad-dewmien u s-serjetà ta’ abbuż jeħtieġ a fortiori investigazzjoni u d-determinazzjoni ta’ l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur ma jistax jiġi akkolt. Fil-fatt, huwa possibbli li l-Kummissjoni tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat, kif allegat fl-ilment, fl-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju li jiġi investigat l-ilment, mingħajr ma tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-karatteristiċi preċiżi (dwar is-serjetà u d-dewmien) tal-ksur.

73      Madankollu, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni hija marbuta tevalwa s-serjetà, id-dewmien u l-persistenza ta’ l-effetti tal-ksur allegat f’ordni partikolari.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfassizzat li, skond il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju f’ilment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, u m’għandu la jiġi limitat in-numru tal-kriterji ta’ evalwazzjoni li għalih tista’ tirreferi l-Kummissjoni u lanqas, għall-kuntrarju, jiġi impost fuqha li tuża esklużivament ċerti kriterji (sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 13 aktar ’il fuq, punt 79). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina ċerti kriterji speċifiċi f’ordni partikolari. Il-motivi adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza UFEX et vs Il-Kummissjoni jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha biss fuq il-fatt li l-prattiċi allegati kienu waqfu, sabiex tasal għad-deċiżjoni li tagħlaq, mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri, il-każ fir-rigward ta’ lment dwar dawn il-prattiċi, minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju. Skond din il-ġurisprudenza, jekk il-Kummissjoni tixtieq tibbaża ruħha fuq il-fatt li dan l-aġir kien waqaf, hija marbuta li tivverifika jekk jippersistux effetti antikompetittivi u tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur fl-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju biex l-ilment jiġi investigat. Madankollu, dan ma jaqlibx il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħlaq bla ma tagħmel azzjoni ulterjuri lment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju fuq bażi differenti minn dik tal-waqfien ta’ l-aġir illegali. Jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni (C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punt 64), li l-ġurisprudenza ddefinita fis-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 13 aktar ’il fuq, tapplika biss fil-każ fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-waqfien tal-prattiċi li huma allegatament kuntrarji għat-Trattat.

75      Huwa possibbli għall-Kummissjoni li teżamina, fl-ewwel lok, jekk l-aġir in kwistjoni tkompliex, fit-tieni lok, jekk xi effetti antikompetittivi baqgħux jippersistu u fit-tielet lok, jekk jeżistix interess Komunitarju li tipproċedi għal eżami ta’ l-ilment. Madankollu, il-Kummissjoni hija marbuta fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-interess Komunitarju, li tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat. B’mod kuntrarju għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, dan l-approċċ ma jistax jiġi kkwalifikat bħala mhux loġiku. Xejn ma jostakola lill-Kummissjoni milli ssegwi l-fażijiet ta’ raġunament indikati fid-deċiżjoni, jekk hija tikkunsidra, fil-kuntest ta’ l-aħħar fażi, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat.

76      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni interpretat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-obbligi tagħha b’mod żbaljat, billi affermat li ma kinitx marbuta tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat.

77      Dan ma jfissirx neċessarjament li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Skond il-ġurisprudenza, żball f’deċiżjoni tal-Kummissjoni mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ in kwistjoni, dan ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni tagħha li mhijiex obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat, huwa irrilevanti jekk dan l-iżball ma setax kellu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tal-lanjanti marbuta mas-serjetà u mad-dewmien tal-ksur “għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba”. Jekk jirriżulta li hija kkunsidrat li, anke jekk jitqiesu l-karatteristiċi tal-ksur, ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti sabiex l-ilment jiġi eżaminat, u jekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball fil-kuntest ta’ dan l-argument, l-iżball tal-Kummissjoni ma setax ikollu influwenza fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni.

79      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat, fil-kuntest tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq is-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat hijiex ivvizzjata bi żball.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata ta’ ċerti elementi li neċessarjament jagħmlu parti mid-definizzjoni ta’ l-interess Komunitarju

80      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett is-serjetà tal-ksur allegat, id-dewmien tiegħu u l-persistenza ta’ l-effetti antikompetittivi tiegħu.

 Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

81      Fil-parti li hi rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata fiha l-osservazzjonijiet li ġejjin. Il-Kummissjoni tqis li l-ksur allegat intemm fl-1991, billi rreferiet, f’dan ir-rigward, għad-deċiżjoni GD NET (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni tesponi li, wara l-1991, ma kinux jeżistu iktar inċentivi għall-għoti ta’ sussidji trażversali. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, skond il-kuntratti GDEW, meta SFMI-Chronopost ingħaqdet ma’ l-attivitajiet ta’ posta bil-courier rapida ta’ TNT u ta’ l-operaturi postali Ġermaniżi, Olandiżi, Żvediżi u Kanadiżi, La Poste kellha sehem ta’ biss 12,5 % fi GDEW, ikkostitwita, fi Franza, minn SFMI-Chronopost. Il-Kummissjoni tqis li, minħabba li l-profitti ta’ GDEW jitgawdew mill-membri tal-konċentrazzjoni kollha u li jitqassmu bejn l-azzjonisti kollha tagħha, l-ebda wieħed mill-operaturi postali ma kellu inċentiv biex jagħti lil GDEW, unilateralment, sussidji trażversali (punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Hija tenfasizza wkoll li, minn Marzu ta’ l-1995, La Poste kienet marbuta tirrispetta l-impenn, anness mad-Deċiżjoni GD NET, li tipprovdi servizzi ta’ infrastruttura b’subappalt lil terzi taħt kundizzjonijiet analogi għal dawk li taħthom kienet tipprovdi servizzi ekwivalenti lil SFMI-Chronopost (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Il-Kummissjoni tirrileva li hija vverifikat fl-2002 mal-lanjanti jekk kinux talbu lil La Poste biex tipprovdihom b’servizzi b’sub-appart tat-tip li din kienet tipprovdi lil SFMI-Chronopost, u li jirriżulta mir-risposti li l-ebda operatur ma wera x-xewqa li jagħmel dan (punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza li FedEx għamlet xi kuntratti li daħlu fis-seħħ fl-2002 mal-kumpannija holding ta’ Chronopost fir-rigward ta’ ċerti servizzi ta’ infrastruttura (punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      Għalhekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-allegat aġir antikompetittiv fil-passat m’għandux effetti persistenti.

85      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet it-tabella t’hawn taħt li tirrigwarda l-evoluzzjoni tal-valur tas-sehem mis-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali :

    

F’ %

 

1986

1990

1996

2001

SFMI/Chronopost

4

24 sa 32

22

25

DHL

42

22 sa 28

28

35

FedEx

7 sa 16

10 sa 17

11

10

UPS

2

3 sa 6

9

7

TNT/GDEW

4 sa 7

4 sa 13

10

11

Jet Services

6

4 sa 5

 

11


86      Il-Kummissjoni tenfasizza li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost kien ta’ 25 % fl-2001, jiġifieri tliet punti perċentwali inqas mill-1990, meta mqabbel mal-medja għas-sehem bejn 24 sa 32 %. Il-fatt li din id-differenza hija żgħira juri kemm is-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost jiddependi ftit mill-abbuż allegat. Isegwi, skond il-Kummissjoni, li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost jiddependi minn fatturi determinanti oħra (punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Il-Kummissjoni żżid li kien hemm ftit ħruġ mis-suq mill-1991 u li biss żewġ fornituri tas-servizz żgħar ħafna ħarġu mis-suq Franċiż tal-courier internazzjonali : CRIE u Extracom (punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-kumpannija CRIE, il-Kummissjoni tirrileva li r-raġunijiet li hija tat biex tispjega l-ħruġ tagħha bħala risposta għal talba għal informazzjoni minn naħa tagħha ma kienu marbuta la man-nuqqas ta’ aċċess għan-netwerk ta’ La Poste, u lanqas ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti tagħha (punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza li m’għandhiex elementi ta’ prova li juru rabta kawżali bejn l-aġir in kwistjoni u l-ħruġ ta’ kwalunkwe operatur tas-suq ikkonċernat (punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-klijenti Franċiżi huma sensittivi ħafna għall-prezz meta jagħżlu l-fornitur tagħhom tas-servizz ta’ posta bil-courier rapida, li l-klijenti li jixtiequ jbiddlu l-fornitur tagħhom ma jsibu ebda ostakoli u li, barra minn hekk jagħmlu dan ta’ spiss (punti 86 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Fir-rigward ta’ l-argument tal-lanjanti li d-disponibbiltà ta’ netwerk nazzjonali hija essenzjali biex wieħed jaġixxi fil-parti ad hoc tas-settur (dak tal-klijent okkażjonali), il-Kummissjoni tirrispondi li, li kieku d-disponibbiltà tan-netwerk ta’ La Poste kienet essenzjali, il-kompetizzjoni kien ikollha bil-fors tiżviluppa fuq il-bażi ta’ ftehim kummerċjali wara x-xhar ta’ Marzu 1995 (punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Is-sehem mis-suq kbir u li qed jikber ta’ DHL fil-parti ad hoc tas-settur huwa l-prova li l-aċċess esklużiv ta’ SFMI-Chronopost għan-netwerk postali lokali omnipreżenti ta’ La Poste sal-1995 ma fixkilx il-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv u durabbli f’din il-parti tas-settur (punt 105 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssemmi wkoll l-importanza li qed tikber tal-bejgħ fuq it-televixin u l-bejgħ fuq l-internet (punti 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Il-Kummissjoni tesponi wkoll li ma jeżistux effetti persistenti fir-rigward tal-prezz. Hija tenfasizza li l-lanjanti affermaw li SFMI-Chronopost kienet ibbażat il-prezzijiet tagħha fuq dawk tal-kompetituri tagħha lejn l-1991 u li dawn il-prezzijiet kienu saru abużivi sussegwentement , f’kull każ fl-2000 u fl-2002 (punt 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ l-argument tal-lanjanti li l-prezzijiet jikkostitwixxu effetti persistenti tas-sussidji trażversali, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex stabbilit li l-prezzijiet applikati minn SFMI-Chronopost mis-sena 2000 kellhom xi rabta mas-sussidji trażversali li minnhom SFMI-Chronopost kienet allegatament ibbenifikat (punt 118 tad-deċiżjoni kkontestata). F’kull każ, mhuwiex kredibbli li impriża timplementa, għal iktar minn għaxar snin, politika ta’ prezzijiet abużivament baxxi (punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn ġiet eżaminata l-kwistjoni jekk l-interess Komunitarju huwiex biżżejjed sabiex l-ilment jitkompla jiġi eżaminat, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li l-abbuż allegat dam ħames snin ma jikkonferix interess Komunitarju fuq il-kwistjoni peress li dan l-abbuż kien intemm tlettax-il sena qabel u m’għandux effetti persistenti (punt 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Fir-rigward tas-serjetà ta’ l-abbuż allegat, il-Kummissjoni tikkontesta, fil-punti 125 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tal-lanjanti li jgħid li jirriżulta mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) li l-abbuż allegat huwa “serju ħafna”, minħabba l-fatt li La Poste qiegħda f’sitwazzjoni ta’ monopolju. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-linji gwida ġew imfassla bl-għan li jipprovdu iktar trasparenza f’dak li jirrigwarda l-politika tal-Kummissjoni fl-iffissar tal-multi, iżda li ma jikkonċernawx il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju.

93      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li s-suq in kwistjoni ma sarx sostanzjalment iktar ikkonċentrat milli kien fl-1986, jekk jiġi pparagunat il-grad ta’ konċentrazzjoni, ikkalkolat skond l-indiċi Herfindahl-Hirschmann, tas-sena 1986 ma’ dak tas-snin 2000 u 2001 (punti 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Argumenti tal-partijiet

–       Serjetà tal-ksur allegat

94      Ir-rikorrenti jqisu li s-suq ikkonċernat mill-ksur allegat għandu dimensjoni Komunitarja evidenti u jenfasizzaw li l-ilment sar minn kważi l-operaturi kollha kkonċernati. Il-ksur allegat, jiġifieri s-sussidji trażversali ffinanzjati mir-riżorsi tal-monopolju postali, ġie rikonoxxut ripetutament mill-Kummissjoni bħala serju. Konsegwentement, il-Kummissjoni imissha kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur allegat hu partikolarment serju.

95      Il-Kummissjoni tindika li hija rrispondiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-punt. Hija tqis li, anke jekk jitqies li l-ksur allegat huwa partikolarment serju, din il-konstatazzjoni ma tbiddilx l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarji biex l-eżami tal-ksur allegat jitkompla minħabba, b’mod partikolari, it-tmiem tiegħu u n-nuqqas ta’ effetti persistenti ta’ dan il-ksur.

–       Dewmien tal-ksur allegat

96      Ir-rikorrenti jqisu li mill-elementi ta’ prova fil-fajl il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi mod ieħor milli li tikkwalifika l-ksur allegat bħala ksur għal żmien twil.

97      Huma jqisu li l-ksur ma ntemmx u li SFMI-Chronopost baqgħat tibbenifika minn prezzijiet min-naħa ta’ La Poste li ma kinux jirriflettu l-ispejjeż kollha. Dan ippermettilha li tagħżel, skond iċ-ċirkustanzi, l-arma l-iktar effikaċi kontra l-kompetituri tagħha, li tikkonsisti jew fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, jew fil-prattika li tallinja l-prezzijiet tagħha ma’ dawk tal-kompetituri tagħha u b’hekk tagħmel profitti kbar. L-għoti minn La Poste ta’ sussidji illeċiti minn monopolju legali għall-attività li qiegħda f’kompetizzjoni jikkostitwixxi, fih innifsu, abbuż minn pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kienet iddeduċiet ebda konklużjoni minn ċerti elementi preċiżi ħafna pprovduti mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-eżempji ta’ prezzijiet predatorji jew baxxi b’mod mhux normali applikati minn SFMI-Chronopost fl-1994 u fl-1999.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tqis li mhuwiex stabbilit li l-fatt li jintalab prezz iktar baxx mis-soltu għal servizzi min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti lill-kumpannija sussidjarja tagħha attiva f’suq ieħor fejn mhijiex f’pożizzjoni dominanti jikkostitwixxi, bħala tali, abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. L-effetti ta’ aġir abużiv għandhom, bħala regola, jinħassu fis-suq, li mhuwiex il-każ fir-rigward tal-kisba ta’ marġni ta’ l-operat għoljin u tat-tqassim frekwenti ta’ dividendi għoljin.

–       Persistenza ta’ l-effetti antikompetittivi tal-ksur allegat

99      Ir-rikorrenti jqisu li huwa minħabba l-ksur allegat li SFMI-Chronopost irnexxielha tikseb pożizzjoni ta’ leader fis-suq ikkonċernat f’inqas minn erbgħa snin. Huma jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball billi limitat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata, għal verfika tal-persistenza ta’ effetti aċċessorji għall-ksur allegat (l-evoluzzjoni ta’ l-ishma mis-suq, il-ħruġ mis-suq, is-sensibbiltà tat-talba għall-prezz, in-nuqqas ta’ ostakoli għall-bidla ta’ fornitur, il-bżonn li jkun hemm netwerk lokali kkonċentrat u n-nuqqas ta’ effetti persistenti fir-rigward tal-prezz) mingħajr ma kkunsidrat l-effett prinċipali, ta’ natura strutturali, tal-ksur, li jikkonsisti fil-fatt li SFMI-Chronopost kisbet u żammet pożizzjoni ta’ leader fis-suq.

100    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għar-rapport magħmul f’Awwissu ta’ l-2003 mill-professur Encaoua (iktar ’il quddiem ir-“rapport Encaoua”), li juri, b’mod partikolari, li l-istruttura tas-suq kienet saret iktar konċentrata, li kien hemm ħruġ sinjifikattiv mis-suq u li kienu jeżistu spejjeż marbuta mal-bidla ta’ l-operatur.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

102    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta evalwat id-dewmien tal-ksur allegat u meta kkonkludiet li ma kinux jeżistu effetti persistenti.

–       Dewmien tal-ksur allegat

103    Ir-raġunament tal-Kummissjoni li s-sussidji trażversali allegati kienu waqfu fl-1991 huwa bbażat b’mod partikolari fuq in-nuqqas ta’ inċentiv għall-għoti ta’ sussidji trażversali minn din id-data. Din l-analiżi hija bbażata fuq il-fatt li La Poste kellha biss sehem ta’ 12,5 % f’GDEW (ikkostitwita fi Franza, minn SFMI-Chronopost), u li, minħabba li l-profitti ta’ GDEW jitgawdew mill-membri tal-konċentrazzjoni kollha u li jitqassmu bejn l-azzjonisti kollha tagħha, l-ebda wieħed mill-operaturi postali ma kellu inċentiv biex jagħti lil GDEW, unilateralment, sussidji trażversali. Għandu jiġi kkonstat li r-rikorrenti ma jikkontestaw la l-perċentwali tal-parteċipazzjoni ta’ La Poste, la t-tqassim tal-profitti, u li dawn għaldaqstant ma jqisux li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fatti li materjalment mhux eżatti fil-kuntest ta’ din l-analiżi.

104    Fil-fatt, ma kienet għadha teżisti ebda ġustifikazzjoni ekonomika biex La Poste tagħti lil GDEW sussidji trażversali, peress li l-azzjonisti l-oħra ta’ GDEW kienu jipprofittaw mill-benefiċċji li jirriżultaw sa 87,5 %. Fil-kuntest ta’ eżami ta’ interess Komnitarji sabiex l-eżami ta’ lment jitkompla, il-Kummissjoni setgħet ikkonkludiet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-sussidji trażversali allegati waqfu fl-1991 (jew, iktar preċiżament, ftit aktar tard meta l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni awtorizzata mid-deċiżjoni GD NET twettqet). F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni qatt ma vverfikat jekk l-impenji meħuda fl-okkażjoni tad-deċiżjoni GD NET kinux ġew rispettati għandu jiġi miċħud. In-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ekonomika jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk La Poste irrispettatx l-obbligi li hija kienet daħlet għalihom minħabba d-deċiżjoni GD NET. F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li La Poste ma kinitx tiddisponi minn kontabbiltà azjendali għall-inqas sa l-2001 ukoll għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ inċentiv għall-għoti ta’ sussidji trażversali jeżisti indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ kontabbiltà azjendali.

105    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 23 aktar ’il fuq, annullat parzjalment id-deċiżjoni ta’ l-1997 dwar il-parti ta’ l-ilment relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq raġunament ieħor, b’mod partikolari fuq kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ l-assistenza loġistika u fuq paragun mal-ħlas magħmul minn SFMI-Chronopost għas-snin 1986 sa 1995. Il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħmel tali kalkolu fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-interess Komunitarju biex l-ilment dwar abbuż allegat ta’ pożizzjoni dominanti jkompli jiġi eżaminat.

106    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni. Fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Kummissjoni hija obbligata, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ l-eżami, jew li tiddeċiedi li l-miżura ta’ l-Istat ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, jew li tiddeċiedi li l-miżura, għalkemm tikkostitwixxi għajnuna, hija kompatibbli mas-suq komuni, jew li tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punti 54 u 55).

107    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ lment dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti li ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, din għandha setgħa diskrezzjonali biex tiddetermina l-prioritajiet u mhijiex obbligata tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew le ta’ ksur. Jekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, minn mument partikolari, ma kienx għad hemm ġustifikazzjoni ekonomika sabiex aġir partikolari jkompli jiġi adottat, hija tista’, bħala regola, tqis li l-ksur allegat intemm, jekk m’hemmx indikazzjonijiet suffiċjenti li juru l-kontra. Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ interess Komunitarju, li huwa intiż sabiex jippermettilha tistabbilixxi l-prijoritajiet, mhijiex obbligata tuża riżorsi sabiex twettaq kalkolu analogu għal dak li wettqet fir-rigward tal-parti relativa għall-għajnuna mogħtija mill-Istat. Il-fatt li l-ilment in kwistjoni jirrigwarda kemm l-għajnuna mogħtija mill-Istat kif ukoll abbuż minn pożizzjoni dominanti ma jfixkilx lill-Kummissjoni milli tinvestiga ż-żewġ aspetti ta’ l-ilment seperatament. Il-fatt li l-Kummissjoni fetħet proċedura fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li hija għamlet stħarriġ iktar fil-fond f’dan ir-rigward ma jeskludix il-possibbiltà li hija għandha biex tiċħad il-parti ta’ l-ilment relativa għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, skond il-kriterji applikabbli għal din il-parti ta’ l-ilment.

108    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal rata ta’ dħul intern ta’ SFMI-Chronopost għolja ħafna u għal tqassim ta’ dividendi għoljin b’ mod anormali billi għamlu riferenza għar-rapport imħejji minn kumpannija ta’ konsulenza f’Mejju 1996, li huma inkludew ma’ l-atti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-tabelli li jirrigwardaw ir-rata ta’ dħul intern u d-dividendi mħallsa lill-azzjonisti jirrigwardaw il-perijodi minn, rispettivament l-1986 sa l-1992 u l-1986 sa l-1991. Iċ-ċifri li jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni GD NET ma jistgħux iqajmu dubji dwar il-konstatazzjoni li La Poste ma kellhiex iktar inċentivi biex tagħti sussidji trażversali wara li seħħet il-konċentrazzjoni awtorizzata minn din id-deċiżjoni.

109    F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni bbażat ruħha ġustament fuq il-fatt li La Poste kienet marbuta, wara x-xahar ta’ Marzu 1995, tirrispetta l-impenn tagħha li tipprovdi lil terzi xi servizzi ta’ infrastruttura b’subappalt taħt kundizzjonijiet analogi għal dawk li taħthom kienet tipprovdi servizzi ekwivalenti lil SFMI-Chronopost. Hija setgħet tikkonkludi minn dan li s-sussidji trażversali kienu waqfu l-iktar tard f’din id-data. Fil-fatt, l-ebda raġuni ekonomika ma tiġġustifika li impriża f’pożizzjoni dominanti żżomm inqas flus għall-aċċess għan-netwerk tagħha lis-sussidjarja tagħha attiva f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni jekk hija jkollha tagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess lill-kompetituri.

110    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma vverifikatx jekk La Poste rrispettatx l-obbligi tagħha. Issa jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni vverifikat mal-lanjanti jekk kinux talbu lil La Poste biex tipprovdilhom servizzi bi prezz inqas bħal dawk li hija pprovdiet lil SFMI-Chronopost, u li rriżulta mir-risposti mogħtija li l-ebda operatur ma kien wera x-xewqa li jagħmel dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti. Jekk La Poste daħlet għall-impenn li tipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk tagħha u jekk l-ebda impriża ma talbitha tagħmel dan, il-kwistjoni jekk La Poste rrispettatx dan l-obbligu ma tqumx, peress li hija ma kellhiex il-possibbiltà li ma tirrispettax dan l-impenn.

111    Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, FedEx ikkonkludiet diversi kuntratti li daħlu fis-seħħ fl- 2002 mal-kumpannija holding ta’ Chronopost. Ir-rikorrenti ma jsostnux li l-kundizzjonijiet mogħtija lil FedEx huma diskriminatorji meta mqabbla ma’ dawk mogħtija lil SFMI-Chronopost.

112    F’dak li jirrigwarda l-politika ta’ prezzijiet imħaddna minn SFMI-Chronopost, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma ġibdet ebda konklużjoni mill-eżempji ta’ prezzijiet predatorji jew baxxi b’mod anormali applikati minn SFMI-Chronopost għas-snin 1994 u 1999. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma sostnewx fil-kuntest ta’ din il-kawża li SFMI-Chronopost kellha pożizzjoni dominanti fis-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali. Il-prezzijiet applikati minn SFMI-Chronopost f’dan is-suq għaldaqstant ma jistgħux jikkostitwixxu pożizzjoni dominanti peress li ma hemm ebda rabta mas-sussidji trażversali ġejjin mis-settur fejn La Poste għandha monopolju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx fid-deċiżjoni kkontestata, verifika ta’ jekk il-prezzijiet applikati minn SFMI-Chronopost kinux jikkostitwixxu ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, indipendentement mill-kwistjoni jekk kinux jeżistu sussidji trażversali. Barra minn hekk, l-eżempju li jiċċitaw ir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża għas-sena 1994 jirrigwarda l-prezz ta’ pakkett mibgħut mill-Belġju lejn id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, l-Irlanda, il-Portugall jew l-Iżvizzera u konsegwentement ma jirrigwardax is-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali .

113    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tirrileva, fil-punt 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li skond l-affermazzjoni tal-lanjanti, SFMI-Chronopost allinjat il-prezzijiet tagħha ma’ dawn tal-kompetituri tagħha lejn is-sena 1991. F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-għoti minn La Poste ta’ sussidji trażversali illeċiti minn monopolju legali għall-attività li qiegħda f’kompetizzjoni jikkostitwixxi, fih innifsu, abbuż minn pożizzjoni dominanti.

114    Għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li dritt esklużiv ikun ingħata lil impriża sabiex jiggarantixxi l-għoti minnha ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jipprekludix lil din l-impriża milli tagħmel xi dħul mill-attivitajiet li ġew irriżervati għalija u lanqas ma joħloq ostakoli sabiex din testendi l-attivitajiet tagħha għal setturi mhux riżervati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, UPS Europe vs Il-Kummissjoni, T‑175/99, Ġabra p. II‑1915, punt 51).

115    L-akkwist ta’ parteċipazzjoni f’impriża (u, b’analoġija, l-għoti ta’ sussidji trażversali) jista’ joħloq xi problemi fir-rigward tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-każ fejn il-flus użati mill-impriża li għandha monopolju jirriżultaw minn prezzijiet eċċessivi jew diskriminatorji, jew prattiċi oħra abużivi fis-suq irriżervat (sentenza UPS Europe vs Il-Kummissjoni, punt 114 aktar ’il fuq, punt 55). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jsostnux li tali prattiċi eżistew fis-settur riżervat.

116    Ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li l-għoti ta’ sussidji trażversali jikkostitwixxi, bħala tali, abbuż minn pożizzjoni dominanti, indipendentement mill-politika segwita fis-settur riżervat u fis-settur miftuħ għall-kompetizzjoni. Jekk La Poste żammet inqas flus għall-għoti tas-servizzi tagħha lil SFMI-Chronopost, dan l-aġir ma jikkostitwixxix neċessarjament ostakolu għall-kompetituri, b’mod partikolari jekk, kif isostnu r-rikorrenti, SFMI-Chronopost użat is-sussidji tagħha biex tikseb profitti għoljin ħafna jew biex tħallas dividendi għoljin. B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-prezzijiet jiġu allinjati ma’ dawk tal-kompetituri u l-kisba ta’ profitti għoljin ħafna ma jikkostitwixxix “arma” li tista’ tintuża kontra l-kompetituri, peress li l-fatt li impriża tikseb tali profitti ma jinfluwenzax l-għażla tal-fornitur mill-klijent. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-ksur allegat kien intemm meta SFMI-Chronopost allinjat, fil-kliem tal-lanjanti stess, il-prezzijiet tagħha ma’ dawk applikati mill-kompetituri tagħha. Ir-rikorrenti ma jaffermawx li l-prezzijiet tal-kompetituri kienu ħafna iktar baxxi min-normal.

117    F’dak li jirrigwarda l-eżempju tal-prezzijiet ipprovdut għas-sena 1994, għandu jiġi mfakkar li dan ma jirrigwardax is-suq in kwistjoni. Fir-rigward ta’ l-eżempji tal-prezzijiet ipprovduti għas-sena 1999, għandu jiġi enfasizzat li dawn jirrigwardaw żmien ħafna snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni GD NET u d-dħul fis-seħħ ta’ l-obbligu ta’ La Poste li tagħti aċċess għan-netwerk tagħha taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji. Mhuwiex stabbilit li hemm rabta bejn l-eżempji ta’ prezzijiet u s-sussidji trażversali eventwalment miksuba fis-snin ta’ qabel. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li jidher improbabbli li impriża tadotta, matul iktar minn għaxar snin, politika ta’ prezzijiet abużivament baxxi. Fil-fatt, tali prattika għandha tiġi segwita b’mod konsegwenzjali sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ eliminazzjoni tal-kompetituri. Ir-rikorrenti ma sostnewx li SFMI-Chronopost reġgħet bdiet, wara li allinjat il-prezzijiet tagħha ma’ dawk tal-kompetituri tagħha, toffri sistematikament prezzijiet abużivament baxxi.

118    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tqis li l-ksur allegat intemm madwar is-sena 1991.

119    Il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-abbuż allegat kien dam ħames snin ma jikkonferixxi l-ebda interess Komunitarju peress li kien intemm tlettax-il sena qabel u li ma kellux effetti persistenti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq fatti materjalment ineżatti u lanqas li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

120    Anke jekk ksur ta’ ħames snin kellu jiġi kkwalifikat bħala ksur għal żmien twil, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ma tistax tinnega l-interess Komunitarju biex l-ilment ikompli jiġi eżaminat. Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur allegat fl-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju. Il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni, f’kawża oħra, eżaminat fajl li kien jirrigwarda ksur li dam għaddej għal ftit iktar minn sentejn ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina, fil-każijiet l-oħra kollha, ksur li jdum iżjed, peress li kull każ għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

121    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, anke jekk il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet it-tmiem tal-ksur biss mix-xhar ta’ Marzu 1995, dan ma jfissirx li kienet wettqet żball fl-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju, li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li abbuż allegat kien dam ħames snin ma jikkonferixxix interess Komunitarju lill-kawża meta l-abbuż intemm tlettax-il sena qabel u meta ma kellux effetti persistenti. Dan l-argument huwa bbażat essenzjalment fuq il-fatt li l-ksur allegat, anke jekk kien ksur għal żmien twil, intemm diversi snin ilu u ma kellux effetti persistenti, argument li huwa validu wkoll jekk il-ksur intemm biss f’Marzu ta’ l-1995.

122    Il-fatt biss li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata diversi snin wara li ġie ppreżentat l-ilment ma ostakolahiex milli tevalwa l-eżistenza ta’ l-interess Komunitarju skond is-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kien possibbli għall-Kummissjoni tiddefendi d-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha tat-30 ta’ Diċembru 1994 quddiem il-qrati Komunitarji, u li din id-deċiżjoni ġiet annullata biss fil-25 ta’ Mejju 2000, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tat is-sentenza tagħha fil-kawża T-77/95 wara r-rinviju tal-kawża quddiemha. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ssostni ġustament fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur intemm madwar is-sena 1991, ħafna żmien qabel l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha ta’ l-1994. Il-parametri ta’ l-analiżi ta’ l-interess Komunitarju għaldaqstant ma ġewx modifikati b’mod sinjifikattiv bejn il-25 ta’ Mejju 2000 (data ta’ l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-30 ta’ Diċembru 1994) u d-19 ta’ Novembru 2004 (data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Persistenza ta’ l-effetti tal-ksur allegat

123    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti invokaw argumenti ġodda fl-istadju tar-replika bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni evalwat ħażin ċerti elementi fil-kuntest ta’ l-eżami tal-persistenza ta’ l-effetti tal-ksur allegat u li pproduċew ir-rapport Encaoua biss f’dan l-istadju. Dawn l-argumenti ġodda jidħlu fit-tieni parti ta’ l-ewwel motiv li fiha r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qieset inġustament li l-ksur allegat ma kellux effetti persistenti. Għaldaqstant, ma jikkostitwixxux motiv ġdid fis-sens ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, iżda l-iżviluppar ta’ motiv li għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 40). Minħabba li l-preżentazzjoni ta’ dawn l-argumenti l-ġodda hija ammissibbli, ir-rapport Encaoua, safejn tressaq in sostenn ta’ l-argumenti ġodda, għandu jiġi kkunsidrat, anke jekk ir-rikorrenti, kif previst mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, ma tawx ir-raġunijiet għalfejn din il-prova ġdida ġiet ippreżentata tard. Fil-fatt, jekk, argument ġdid huwa ammissibbli, il-parti ma tistax tiġi ostakolata milli tipproduċi provi in sostenn ta’ dan l-argument.

124    Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ effetti persistenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet li biss żewġ operaturi żgħar ħafna ħarġu mis-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti isostnu, billu jirriferu għar-rapport Encaoua, li kien hemm ħruġ sinjifikattiv mis-suq. Għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rapport jittratta fid-dettall biss il-każijiet ta’ FedEx u ta’ CRIE. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni annalizzat il-ħruġ ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-każ ta’ FedEx, hija rrilevat li din il-kumpannija, għalkemm irtirat mis-suq tal-posta bil-courier rapida transewropew, setgħet terġa’ tidħol fis-suq malajr fl-1996. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-ħruġ temporanju u parzjali ta’ FedEx ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi effett persistenti tal-ksur allegat.

125    Fir-rigward ta’ CRIE, ir-rapport Encaoua jafferma li l-ħruġ ta’ din l-impriża hu marbut mal-prezzijiet predatorji applikati minn SFMI-Chronopost. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrispondiet għal dan l-argument fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, billi għamlet riferenza espressa għar-rapport Encaoua, u billi rrilevat li CRIE, bħala risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni kienet semmiet raġunijiet oħra biex tispjega l-ħruġ tagħha mis-suq. Il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li hija kienet irċeviet bħala risposta għat-talba tagħha għal informazzjoni, peress li informazzjoni mhux eżatta hija punibbli b’multa u barra minn hekk, ma kienx jidher li CRIE kellha xi interess tipprovdi f’dan ir-rigward informazzjoni mhux eżatta lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhijiex kompetenti biex terġa’ teżamina l-ilment. Jekk ir-rikorrenti jqisu li l-iżviluppi stabbiliti mill-Kummissjoni fl-eżami tal-ħruġ mis-suq kienu żbaljati, għandhom jidentifikaw l-iżball ta’ dritt jew ta’ fatt li l-Kummissjoni wettqet. F’dan il-kuntest mhuwiex biżżejjed li ssir riferenza għall-iżviluppi li jidhru fir-rapport Encaoua, li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata, bla ma jiġi spjegat b’liema mod l-argumentazzjoni tagħha kien ivvizzjat bi żball.

126    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti d-diffikultajiet kbar għall-impriżi b’saħħithom daqs UPS li jidħlu u jmantnu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-posta espressa internazzjonali fi Franza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat fil-punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li UPS kienet organizzat l-attivitajiet Franċiżi tagħha fl-1996 biex tistabbilixxi ruħha aħjar fis-suq internazzjonali, iżda ma kinitx ħarġet mis-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali. Fil-fatt, it-tabella ta’ l-ishma mis-suq (ara l-punt 85 aktar ’il fuq) imħejjija mill-informazzjoni pprovduta mingħand il-lanjanti turi li s-sehem mis-suq ta’ UPS fuq dan is-suq saħansitra żdied bejn l-1986 u l-1996. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni mhux sostnuta tar-rikorrenti, dwar id-diffikultajiet allegati għal UPS li tibqa’ attiva f’dan is-suq, għandha tiġi respinta.

127    F’dak li jirrigwarda s-sensittività tat-talba għall-prezzijiet, il-Kummissjoni ċċitatat, fil-punti 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata, xi studji pprovduti minn FedEx u minn DHL li jgħidu li l-prezz jikkostitwixxi l-fattur l-iktar importanti fl-għażla ta’ fornitur. Hija setgħet tiddeduċi minn dan li l-klijenti Franċiżi huma sensittivi ħafna għall-prezz meta jagħżlu l-fornitur tagħhom ta’ posta bil-courier rapida. Fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-elastiċità tal-prezz tat-talba u l-intensità tal-kompetizzjoni minħabba l-prezz, magħmula fir-rapport Encaoua, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrispondiet għal dan l-argument, fil-punt 90 tad-deċiżjoni kkontestata, u li r-rikorrenti ma ressqux argumenti li jistabbilixxu li sar żball ta’ dritt jew ta’ fatt f’din l-argumentazzjoni. Fir-rigward tas-sistema ta’ tnaqqis fil-prezz mhux trasparenti fi ħdan SFMI-Chronopost, imsemmija fir-rapport Encaoua, ma jidhirx b’mod ċar x’effett dan in-nuqqas ta’ trasparenza seta’ kellu fuq is-sensibbiltà tat-talba għal prezz. F’kull każ, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament, fil-punt 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’suq relattivament ikkonċentrat, il-fatt li l-fornituri ma jkunux jafu t-tariffi tal-kompetituri tagħhom hija garanzija li t-tariffi ma jiġux stabbiliti fuq livell suprakompettitiv.

128    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li jeżistu spejjeż marbuta mal-bidla ta’ operatur u li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat l-impatt tas-sistema ta’ tnaqqis fil-prezz ta’ SFMI-Chronopost, l-eżistenza ta’ kuntratti kummerċjali mal-klijenti regolari u n-nuqqas ta’ trasferimenti notevoli ta’ klijenti, kif jingħad fir-rapport Encaoua. Fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ trasferimenti notevoli ta’ klijenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-punt 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fit-tliet snin bejn l-1999 u l-2001, il-klijenti li żdiedu u li ntilfu minn FedEx kienu jirrappreżentaw medja ta’ 22 % tal-fatturat annwali tagħha. Il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan li kien hemm bidliet kbar fil-klijenti u li r-rikorrenti ma pprovdewx eżempji li juru l-kontra.

129    F’dak li jirrigwarda l-isforzi li jinkoraġġixxu l-lealtà tal-klijenti, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti tal-lanjanti fil-punti 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata, u li b’mod partikolari kkonstatat li l-lanjanti ma ressqux elementi ta’ prova dwar l-allegati spejjeż marbuta mal-bidlla fl-operatur u li lanqas ipprovdew dettalji dwar l-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu l-lealtà. Fil-fatt, anke jekk ir-rapport Encaoua jsostni li, barra l-parti mis-settur ad hoc, jeżistu kuntratti ta’ terminu “ftit jew wisq twil” li jistgħu jinkludu klawżoli li jipprevedu l-ħlas mill-klijent ta’ penali fil-każ ta’ bidla fl-operatur, din l-affermazzjoni tibqa’ teoretika inkwantu r-rapport jevoka biss possibbiltà, bla ma jafferma li SFMI-Chronopost ikkonkludiet effettivament xi kuntratti għal terminu twil jew ipprovdiet għall-ħlas ta’ penali sabiex tiskoraġixxi lill-klijenti tagħha milli jbiddlu l-fornitur. Il-fatt li fornitur jagħti xi tnaqqis fil-prezz lill-klijenti importanti ma jfissirx li hemm ostakolu għall-bidla ta’ fornitur jekk fornitur ieħor joffri prezz aħjar , billi eventwalment jagħti hu wkoll tnaqqis fil-prezz. Ir-rikorrenti ma wrewx li l-għoti ta’ tnaqqis fil-prezz kien marbut mal-konklużjoni ta’ kuntratt għal terminu twil.

130    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-vantaġġ li SFMI-Chronopost ħadet mill-fatt li approfittat mill-aċċess esklużiv għan-netwerk ta’ La Poste sax-xhar ta’ Marzu 1995, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ddedikat il-punti 101 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-bżonn li jkun hemm netwerk lokali kkonċentrat u li hija rrispondiet għall-argument tal-lanjanti li l-aċċess esklużiv kien ħoloq xi ostakoli għad-dħul fil-parti tas-settur ad hoc. Ir-rikorrenti ma jidentifikawx żball li l-Kummissjoni wettqet f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, fil-punt 102 ta’ din ta’ l-aħħar, li l-lanjanti ma qajmux kwistjoni dwar l-aċċess ta’ SFMI-Chronopost għan-netwerk ta’ La Poste, iżda dwar l-allegat tnaqqis fil-prezz għal dan l-aċċess. Safejn ma tqajmitx kwistjoni dwar l-aċċess esklużiv sax-xhar ta’ Marzu 1995 bħala tali, konsegwenza eventwali ta’ dan l-aċċess ma tistax tikkostitwixxi effett persistenti tal-ksur allegat. F’dak li jirrigwarda l-allegat prezz iktar baxx mis-soltu ta’ dan l-aċċess, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni setgħet tqis leġittimament, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li s-sussidji trażversali kienu waqfu madwar l-1991.

131    F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li tiġi miċħuda l-affermazzjoni ġenerali tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt kollha li ġiet mgħarrfa bihom. Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni wettqet, fid-deċiżjoni kkontestata, xi żviluppi għall-eżami ta’ l-argumenti tal-lanjanti u tad-dokumenti pprovditi minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom jindikaw b’mod preċiż l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li juru li l-Kummissjoni kienet naqset milli tikkunsidra, b’mod kuntrarju għall-obbligi tagħha.

132    Safejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx l-effett prinċipali ta’ l-abbuż minn pożizzjoni dominanti – jiġifieri dak li SFMI-Chronopost tqiegħdet f’pożizzjoni ta’ leader fis-suq u żammitha – il-Kummissjoni rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-differenza fl-ishma tas-suq ta’ SFMI-Chronopost bejn dak ta’ l-1990 u dak ta’ l-2001 kienet biss ta’ madwar tliet punti perċentwali u li dan juri li dan is-sehem mis-suq ma tantx seta’ jiddependi mill-abbuż allegat. Barra minn hekk, hija qieset, fil-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li jekk it-talba għal servizzi ta’ impriżi individwali kienet sensittiva ħafna għall-prezz u l-klijenti setgħu faċilment ibiddlu fornitur, ħaġa li kienu jagħmlu b’mod regolarli, ma jistax jiġi konkluż li l-allegat aġir antikompetittiv, li spiċċa żmien ilu, seta’ jkompli jkollu xi effetti fuq is-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, anke jekk jitqies li l-iżvilupp mgħaġġel ta’ SFMI-Chronopost matul il-perijodi bejn l-1986 u 1990 kien marbut mal-ksur allegat, dan ma jfissirx neċessarjament li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa marbut ma’ dan l-iżvilupp li seħħ matul il-perijodu inizjali.

133    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-klijenti kienu sensittivi ħafna għall-prezz, li ma kienx hemm ostakoli għall-bidla ta’ fornitur, u li biss żewġ operaturi żgħar kienu ħarġu mis-suq u li ma ntweriet ebda rabta kawżali bejn dan il-ħruġ u l-allegat abbuż, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost li kien jeżisti fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx jikkostitwixxi effett persistenti tal-ksur allegat. Peress li stabbilixxiet il-karatteristiċi tas-suq, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-istruttura tas-suq li kienet teżisti fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tirriżulta mill-kundizzjonijiet kompettitvi eżistenti f’dan iż-żmien u mhux mill-eventwali sussidji trażversali mogħtija diversi snin qabel. Ir-rikorrenti ma sostnewx li, wara l-1991, SFMI-Chronopost kienet ikkanċellat kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet billi allinjat ruħha sistematikament mal-prezzijiet l-iktar baxxi applikati mill-kompetituri tagħha.

134    Il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha wkoll fuq il-fatt li d-differenza fl-ishma mis-suq ta’ SFMI-Chronopost bejn dak ta’ l-1990 u dak ta’ l-2001 kienet żgħira, sabiex issostni li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien jiddependi minn fatturi determinanti oħra u mhux dak tas-sussidji trażversali allegatament mogħtija fil-passat. Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni injorat il-fatt li s-suq tal-posta bil-courier rapida kien suq li kien qiegħed jikber fis-snin 90, dawn ma jippreċiżawx b’mod ċar il-konklużjoni li l-Kummissjoni kellha tasal għaliha minn dan. Jekk is-suq kien qiegħed jikber u għaldaqstant inbidel, jidher inqas probabbli li l-istruttura tas-suq fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet marbuta mal-ksur allegat imwettaq fil-passat.

135    Għandu jiġi enfasizzat li, anke jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet biss it-tmiem tas-sussidji trażversali mill-1995, dan ma jqajjimx dubji dwar l-argumentazzjoni tagħha fuq dan il-punt. It-tabella li turi l-ishma mis-suq turi li dak ta’ SFMI-Chronopost kien naqas bejn l-1990 u l-1996 u li kienet reġgħet kisbet tliet punti perċentwali bejn l-1996 u l-2001. Anke jekk jitqies li l-ksur intemm fl-1995, SFMI-Chronopost kienet tilfet xi ishma mis-suq matul perijodu li kien jikkoinċidi ma’ l-abbuż allegat (l-1990 sa l-1996) u kienet kisbet lura xi ishma mis-suq wara dan il-perijodu (bejn l-1996 u l-2001). F’tali ċirkustanzi, u fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq, il-Kummissjoni setgħet tqis li s-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi spjegat permezz tal-ksur allegat imwettaq fil-passat, u li għaldaqstant ma jeżistux effetti persistenti.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-effetti persistenti ta’ ksur allegat mhumiex dejjem ta’ natura li jikkonferixxu interess Komunitarju lill-eżami ta’ ilment. Fil-fatt, fil-punt 96 tas-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 13 aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma assiguratx ruħha li kien ġie vverifikat li l-effetti antikompetittivi ma kinux għadhom jippersistu u li, jekk dan kien il-każ, ma kinux ta’ natura li jikkonferixxu interess Komunitarju lill-ilment. Fil-punti 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti ddedikata għall-eżami ta’ l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biex l-eżami ta’ l-ilment jitkompla, il-Kummissjoni rrilevat li s-suq ma kienx sar sustanzjalment iktar konċentrat fl-2001 milli kien fl-1986 u li l-indiċi Herfindahl-Hirschmann kien baqa’ kważi l-istess.

137    Din il-konstatazzjoni mhijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kien imissha immaġinat li kien se jkun hemm tnaqqis sostanzjali tal-konċentrazzjoni wara d-dħul fis-suq ta’ SFMI-Chronopost b’sehem kbir ħafna mis-suq. Ir-rikorrenti jsostnu li, jekk il-konċentrazzjoni tas-suq ma tnaqqsitx wara d-dħul ta’ SFMI-Chronopost, dan huwa għaliex din ta’ l-aħħar ġiet ferm ikkumpensata permezz tal-ħruġ ta’ diversi operaturi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-indiċi Herfindahl-Hirschmann baqa’ stabbli juri li s-sitwazzjoni ġenerali tas-suq ma kinitx saret inqas kompetittiv, u dan minkejja l-ħruġ mis-suq taż-żewġ operaturi żgħar. Dan jippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni li d-dħul ta’ SFMI-Chronopost fis-suq ma kellux effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ġenerali tiegħu, barra l-fatt li l-ebda rabta kawżali bejn il-ħruġ ta’ dawn l-operaturi u l-aġir ta’ SFMI-Chronopost ma ġie stabbilit. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, fil-punt 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-lanjanti ma wrewx kif is-suq b’żewġ operaturi kbar kien inqas kompetittiv minn suq b’operatur predominanti wieħed, kif kien il-każ fi Franza qabel id-dħul ta’ SFMI-Chronopost fis-suq.

138    B’hekk anke jekk jitqies li rabta bejn is-sehem mis-suq ta’ SFMI-Chronopost fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-ksur allegat ġiet stabbilita, il-Kummissjoni setgħet tqis li dan l-effett persistenti ma kienx ta’ natura li jikkonferixxi interess Komunitarju lill-eżami ta’ l-ilment, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq li ma saritx inqas kompetittiva.

–       Serjetà tal-ksur allegat

139    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma kkwalifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, is-serjetà tal-ksur allegat skond il-kriterji ddefiniti fil-linji gwida.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fil-mod kif tistabbilixxi l-prijoritajiet fir-rigward ta’ l-ilmenti li jitressqu quddiemha. Peress li, f’deċiżjoni li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ksur ikun intemm, li ma jeżistux effetti persistenti u turi li kienet ikkunsidrat id-dewmien u s-serjetà tal-ksur, kif esposti fl-ilment, hija tista’ tiċħad l-ilment anke jekk il-ksur huwa ta’ dewmien twil u ta’ serjetà kbira, bil-kundizzjoni li hija ma tibbażax ruħha fuq fatti materjalment ineżatti u ma twettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

141    L-obbligu li tikkunsidra s-serjetà tal-ksur sabiex tevalwa l-interess Komunitarju ma jorbotx lill-Kummissjoni li tikkwalifika s-serjetà skond il-kriterji “astratti” fil-linji gwida.

142    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat suffiċjentement is-serjetà tal-ksur allegat. Fil-fatt, hija kkunsidrat, fil-punt 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[b]illi ma [kienx] hemm provi li l-ksur [kien] effettivament wassal għat-tkeċċija ta’ kompetituri attwali jew potenzjali [kien] diffiċli li jingħad li [kien] ta’ serjetà eċċezzjonali li tiġġustifika l-eżami iktar fil-fond ta’ ksur potenzjali li [kien] intemm żmien ilu u li ma [kellux] effetti persistenti fuq is-suq”. Isegwi li l-Kummissjoni kkunsidrat is-serjetà “konkreta” ta’ l-abbuż allegat fis-sens ta’ l-impatt tiegħu fuq is-suq. Il-konstatazzjoni li ma kienx hemm provi li l-ksur kien wassal għat-tkeċċija tal-kompetituri, ma tirrigwardax biss l-effetti persisteni, iżda wkoll l-effetti f’dak iż-żmien ta’ l-abbuż allegat. Anke jekk il-Kummissjoni indikat biss fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ftit ħruġ mis-suq “mill-1991”, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma sostnewx li l-Kummissjoni kienet naqset milli tikkunsidra l-ħruġ mis-suq li kien seħħ bejn l-1986 u l-1991. Barra minn hekk, bħala risposta għal domanda li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet waqt is-seduta, dwar il-ħruġ eventwali bejn l-1986 u l-1991, il-partijiet ma indikawx li kumpanniji oħra barra dawk eżaminati mill-Kummissjoni fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tal-ħruġ mis-suq kienu ħarġu minnu.

143    Il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-argument tagħha li jwassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm effetti persistenti u nuqqas ta’ interess Komunitarju biex l-eżami ta’ l-ilment jitkompla, ikkunsidrat il-karatteristiċi tal-ksur allegat. Ir-rikorrenti la wrew li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq fatti li ma kinux materjalment eżatti u lanqas li kienet interpretat ħażin is-serjetà ta’ l-abbuż allegat.

144    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni injorat kompletament li l-ilment kien ġej mingħand kważi l-operaturi kollha kkonċernati, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 128 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-numru ta’ lmenti qatt ma kien kriterju għall-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju u li sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni kienet diġà ġiet assigurata. Ir-riferenza magħmula mir-rikorrenti għas-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq, mhijiex pertinenti. Fil-fatt, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-missjoni tal-Kummissjoni hija li tassigura, wara li lment jiġi ppreżentat minn korp li jirrapreżenta kważi l-operaturi privati Franċiżi kollha attivi fis-suq in kwistjoni, sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni. Dan ma jippermettix li jiġi konkluż li n-numru ta’ lanjanti huwa element li jista’ jikkonferixxi interess Komunitarju sabiex jitkompla l-eżami ta’ l-ilment. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkontestat dan l-argument fid-deċiżjoni kkontestata.

145    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dimensjoni Komunitarja tas-suq ikkonċernat (ara l-punt 94 iktar ’il fuq) se jiġi eżaminat u respint fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tielet parti tat-tieni motiv (ara l-punt 158 hawn taħt).

146    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

147    Peress li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dewmien u s-serjetà tal-ksur allegat mhijiex ivvizzjata bi żball hemm lok li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv tiġi miċħuda wkoll. L-iżball tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-fatt li kkunsidrat li mhijiex obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat ma setax ikollu influwenza fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni u għaldaqstant ma jistax iwassal biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament u deliberatament żbaljata tar-rwol tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dak tal-qrati nazzjonali fl-eżami ta’ l-eżistenza ta’ interess Komunitarju

 Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

148    Il-Kummissjoni tfakkar, fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-fatt li qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija diġà kkonfrontata bil-kwistjoni tal-konformità ta’ ftehim jew prattika ma’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE huwa element li jista’ jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-interess Komunitarju tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punt 62).

149    Il-Kummissjoni tikkunsidra li ċ-ċentru ta’ gravità tal-ksur allegat kien qiegħed fi Franza, peress li l-effetti tiegħu kienu effettivament limitati għal dan it-territorju (punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza li l-lanjanti kellhom il-possibbiltà li jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem it-Tribunali u l-Awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni. Hija tqis li huwa iktar xieraq li l-kawża tiġi ttrattata fuq livell nazzjonali (punt 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Argumenti tal-partijiet

150    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kkunsidrat bi żball li ċ-ċentru ta’ gravità tal-ksur allegat kien jinsab fi Franza u li l-effetti tiegħu kienu limitati għal dan it-territorju. Huma jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-pożizzjoni ċara ħafna tal-kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż li qies lilu nnifsu bħala inadegwat biex jieħu konjizzjoni tal-kawża u ddeduċa li l-Kummissjoni, meta dan il-każ jitressaq quddiemha, kellha tkompli l-investigazzjoni. Il-kunsill tal-kompetizzjoni kien dejjem wera, billi ssoprasjeda repetutament mill-1990, li jqis li din il-kwistjoni kienet essenzjalment ta’ interess Komunitarju. Barra minn hekk, it-Tribunal de commerce ta’ Paris kien indika, billi ssoprasjeda u ma ddeċidiex dwar l-aspett ta’ l-ilment relattiv għall-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, li kien iqis ukoll li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni aħjar biex tittratta dan is-suġġett.

151    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-ilment jirrigwarda s-suq Franċiż tal-posta espressa internazzjonali u li s-suq ġeografiku ta’ tali prodott għandu jkun ikkunsidrat bħala nazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

152    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ilment ma jaqax taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni. Meta din u l-awtoritajiet nazzjonali t-tnejn ikunu kompetenti, hija mhijiex obbligata twettaq investigazzjoni jew tieħu deċiżjoni definittiva fir-rigward ta’ l-eżistenza jew le tal-ksur allegat (ara s-sentenza tal-25 ta’; Mejju 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 14 aktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    F’dan il-kuntest, il-kwistjoni jekk il-kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż ma kienx f’pożizzjoni li jeżamina l-ilment dwar il-ksur allegat mhijiex rilevanti. Huwa għandu, bħall-Kummissjoni, il-kompetenza biex jitratta l-ilmenti dwar il-ksur allegat, u t-tribunali Franċiżi huma kompetenti biex jakkordaw id-danni f’każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Hemm il-lok li l-argument tar-rikorrenti li jinsabu f’sitwazzjoni li hija simili għal dik fejn il-Kummissjoni jkollha kompetenza esklużiva jiġi miċħud. Huwa f’idejn ir-rikorrenti, jekk m’humiex sodisfatti bil-mod li d-drittijiet tagħhom ġew ikkunsidrati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew il-qrati nazzjonali li jieħdu l-passi neċessarji quddiemhom jew li jeżaminaw ir-rimedji li għandhom. Attitudni suġġettiva ta’ l-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali limali biha l-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex titratta s-suġġett, anke jekk titqies bħala stabbilit, mhijiex ta’ tali natura li tobbliga lill-Kummissjoni tkompli bl-eżami ta’ l-ilment bħallikieku kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha.

154    Fir-rigward tar-riferenza magħmula mir-rikorrenti għall-punti 12 u 13 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU C 101, 2004, p. 54), għandu jiġi enfasizzat li dawn il-punti huma intiżi biex jevitaw li qorti nazzjonali tadotta deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jekk qorti nazzjonali tissospendi l-proċedura tagħha sabiex tevita kontradizzjoni eventwali bejn id-deċiżjoni tagħha u dik li tittieħed mill-Kummissjoni u, imbagħad, din tiddeċiedi li tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarji, il-proċedura nazzjonali terġa’ tinfetaħ, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fil-punt 160 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-ftuħ mill-ġdid iseħħ l-iktar tard fid-data meta ċ-ċaħda tkun saret definittiva.

155    F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni mogħtija mir-rikorrenti li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti prijorità lil kawża meta l-qorti nazzjonali tkun issospendiet il-proċedimenti għandha tiġi respinta. Il-frażi rilevanti fil-punt 12 ta’ din il-komunikazzjoni tgħid kif ġej: “Il-Kummissjoni tagħmel sforzi min-naħa tagħha biex tagħti prijorità lil kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom hija ddeċidiet li tiftaħ proċedura skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tal-Kummissjoni u li huma s-suġġett ta’ proċedura nazzjonali sospiża minħabba dan, b’mod partikolari fejn l-eżitu tal-kawża ċivili jiddependi minn dan” [traduzzjoni mhux uffiċċjal]. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma sostnewx li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ proċedura skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, p. 18). Jirriżulta mill-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu li la l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ u lanqas iċ-ċaħda ta’ lment ma jinneċessitaw il-ftuħ ta’ proċedura

156    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jippruvaw jiddeduċu argument mill-fatt li l-Kummissjoni kkollaborat mal-kunsill tal-kompetizzjoni Franċiż u li kkonsultat il-fajls tiegħu. Tali kollaborazzjoni mhijiex madankollu ta’ natura li toħloq kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni u lanqas li tantiċipa d-deċiżjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ l-interess Komunitarju tal-kawża.

157    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni qieset żbaljatament li ċ-ċentru tal-gravità tal-ksur allegat kien jinsab fi Franza u li l-effetti tiegħu kienu effettivament limitati għal dan it-territorju, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx ir-raġunament tagħha fir-rigward ta’ l-interess Komunitarju esklużivament fuq il-kriterju taċ-ċentru ta’ gravità jew fuq il-fatt li l-qrati Franċiżi ġew aditi bil-kawża. Il-Kummissjoni qabel kollox stabbilixxiet li l-ksur allegat kien intemm u li ma kinux jeżistu effetti persistenti u, imbagħad, eżaminat diversi elementi fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju li l-eżami ta’ l-ilment jitkompla. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-effetti tal-ksur allegat kienu effettivament ġew limitati għat-territorju Franċiż mhijiex essenzjali għar-raġunament tagħha. Il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarji, il-fatt li l-ksur allegat inħass fuq kollox fi Franza u li l-lanjanti kellhom il-possibbiltà li jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati Franċiżi. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, l-effetti kinux verament “limitati” għat-territorju Franċiż.

158    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dimensjoni Komunitarja tas-suq ikkonċernat (ara l-punt 94 aktar ’il fuq). Fil-każ fejn teżisti kompetenza f’daqqa tal-Kummissjoni u ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, id-dimensjoni Komunitarja ta’ suq mhijiex ta’ tali natura li tobbliga lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li hemm ċertu grad ta’ serjetà tal-ksur jew li jeżisti interess Komunitarju f’kawża partikolari.

159    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi rreferiet, fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-parti tal-kawża relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ interess Komunitarju, qed tikser il-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji (Artikolu 10 KE)

 Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

160    Fil-parti rilevanti għar-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv u għat-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata fiha l-osservazzjonijiet li ġejjin.

161    Il-Kummissjoni trattat, fil-punti 162 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tal-portata ta’ l-investigazzjoni meħtieġa u l-probabbiltà ta’ konstatazzjoni ta’ l-eżistenza tal-ksur. F’dan il-kuntest, hija ssostni li, sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti f’dan il-każ, hija tkun marbuta tivverifika jekk it-tariffi fatturati minn La Poste għas-servizzi ta’ infrastruttura pprovduti b’subappalt lil SFMI-Chronopost kinux għall-inqas ugwali għall-ispejjeż inkrementali tal-provvista ta’ dawn is-servizzi (jiġifieri l-ispejjeż li huma marbuta esklużivament mal-provvista ta’ servizz speċifiku u li ma jibqgħux jeżistu ladarba l-imsemmi servizz jieqaf jiġi pprovdut) u li din il-verifika timponi l-evalwazzjoni ta’ l-ispejjeż inkrementali għal La Poste għal kull element tas-servizz ta’ infrastruttura li hija pprovdiet lil SFMI-Chronopost matul l-eżistenza tal-ksur allegat. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ l-kontabbiltà azjendali dettaljata ta’ La Poste li tkopri l-attivitajiet tagħha fil-perijodu bejn l-1986 u l-1991, ikun, skond il-Kummissjoni “estremament diffiċi biex [dan] isir bi grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti skond il-liġi” (punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    Bħala risposta għall-argument tal-lanjanti, li l-Cour des comptes [il-Qorti ta’ l-Awdituri] Franċiża analizzat u rrevediet il-kontijiet ta’ La Poste bejn l-1991 u l-2002, il-Kummissjoni tqis li “[h]uwa madankollu eskluż li reviżjoni simili, bla dubju rilevanti u suffiċjenti biex tiġi eżerċitata l-missjoni ta’ sorveljanza tal-fondi pubbliċi li għandha l-imsemmija [Q]orti, tista’ tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor il-provi ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 b’mod suffiċjenti skond il-liġi” (punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi kif ġej :

“[I]l-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tanalizza l-eżistenza jew le ta’ sussidji trażversali min-naħa ta’ La Poste lis-sussidjarja tagħha Chronopost, fil-każ [relattiv għall-]għajnuna mogħtija mill-Istat (attwalment irrinvijata quddiem il-[Qorti tal-Prim’Istanza]). F’dawn iċ-ċirkustanzi, analiżi fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 tinvolvi repetizzjoni tax-xogħol min-naħa tal-Kummissjoni.” Hija tqis li evalwazzjoni tas-sussidji trażversali fil-kuntest tar-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat tkun iktar adattata peress li tkun tista’ tkopri kull prattika msemmija, inklużi l-vantaġġi fiskali u doganali li setgħet ibbenifikat minnhom SFMI-Chronopost.

 Argumenti tal-partijiet

164    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tibbaża ċ-ċaħda tagħha ta’ l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju fuq il-fatt li hija jkollha teżamina, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ l-eżistenza jew la ta’ sussidji trażversali fil-kuntest ta’ l-aspett ta’ l-ilment relattiv għall-għajnuna mogħtija mill-Istat. Din hija l-unika interpretazzjoni possibbli tal-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni riedet tallega li hija kellha teżamina din il-kwistjoni biss li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tannulla d-deċiżjoni ta’ l-1997 skond l-Artikoli 87 KE u 88 KE, l-argument kien ikun nieqes minn kull rilevanza biex jiġġustifika ċaħda ta’ lment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, b’dan l-argument, il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni li hija ddefendiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 21 aktar ’il fuq, u tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 23 aktar ’il fuq.

165    L-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi għaldaqstant, ksur manifest tal-prinċipji ta’ bona fide u l-manifestazzjoni ta’ kooperazzjoni żleali mal-Qorti tal-Prim’Istanza u b’hekk ksur ta’ l-Artikolu 10 KE, interpretat mill-ġurisprudenza bħala li japplika wkoll għar-relazzjonijiet interistituzzjonali.

166    Ir-raġunament tal-Kummissjoni, li jwassal għall-ibbażar ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda fuq avveniment futur u ipotetiku (l-annullament mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-deċiżjoni dwar il-parti relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat ikkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 23 aktar ’il fuq), ma jistax jiġi vvalidat ġuridikament.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

168    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti fih kontradizzjoni. Minn naħa huma jaffermaw li l-Kummissjoni kkunsidrat fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha teżamina fi kwalunkwe każ il-kwistjoni tas-sussidji trażversali fil-kuntest tal-parti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, u mhux biss li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ l-1997 dwar din il-parti. Min-naħa l-oħra, huma jaffermaw li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq avveniment futur u ipotetiku, jiġifieri l-annullament mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-deċiżjoni ta’ l-1997.

169    F’kull każ, l-argument tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija “[kellha] fi kwalunkwe każ tanalizza l-eżistenza jew le ta’ sussidji trażversali min-naħa ta’ La Poste lis-sussidjarja tagħha Chronopost, fil-każ [relattiv għall-]għajnuna mogħtija mill-Istat (attwalment irrinvijata quddiem il-[Qorti tal-Prim’Istanza])”, ma jistax ifisser li l-Kummissjoni kienet se tkompli l-investigazzjoni tagħha fil-parti tal-każ relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, u dan anke kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat id-deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. Din il-frażi tfisser biss, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, li l-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ sussidji trażversali taqa’ taħt il-parti ta’ l-ilment relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat u għandha għaldaqstant tiġi ttrattata f’dan il-kuntest.

170    Il-Kummissjoni setgħet tagħżel li tittratta l-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ sussidji trażversali biss fil-parti ta’ l-ilment relattiva għall-għajnuna mill-Istat. Hija stabbilixxiet, fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien intemm u li ma kienx hemm effetti persistenti, sabiex konsegwentement tanalizza diversi elementi fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-interess Komunitarju. Hija kkonkludiet li ma kienx hemm interess Komunitarju sabiex l-eżami ta’ l-ilment jitkompla u dan anke jekk il-ksur allegat kien twettaq realment.

171    Il-Kummissjoni, li ma kinitx obbligata tistabbilixxi jekk il-ksur kienx seħħ jew le, setgħet tirreferi għall-fatt li l-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ sussidji trażversali kienet se tiġi trattata fil-kuntest tal-parti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Hija ma kienet marbuta la li tissospendi l-eżami tal-parti relattiva għall-abbuż tal-pożizzjoni dominanti sakemm tingħata sentenza definittiva dwar il-parti relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, u lanqas li tirrepeti l-argumentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-1997 dwar din il-parti msemmija l-aħħar li tirrigwarda l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Tali ripetizzjoni fil-fatt kienet tfisser xogħol doppju, peress li l-istess domandi kienu jiġu trattati f’żewġ kawżi simili, kieku d-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta’ l-ilment fir-rigward ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kienet kellha tiġi kkontestata.

172    Fl-aħħar, il-kwistjoni jekk kinux jeżistu sussidji trażversali mhijiex determinanti fir-raġunament li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li hija nnegat l-interess Komunitarju fuq il-bażi ta’ raġunijiet oħra. Ir-riferenza għall-fatt li l-eżistenza jew le ta’ sussidji trażversali tkun analizzata fil-kuntest tal-parti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ksur tal-prinċipji ta’ bona fide jew ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, dan lanqas ma hu argument li fuqu hija bbażat ir-raġunament taghha.

173    Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ l-ewwel motiv u l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kontradizzjoni fil-motivi dwar żewġ elementi essenzjali tad- deċiżjoni kkontestata

 Argumenti tal-partijiet

174    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni fil-motivi li jaffettwaw element essenzjali tar-raġunament tagħha.

175    Huma jsostnu li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa eskluż li reviżjoni tal-kontijiet bħal dik imwettqa mill-Cour des comptes Franċiża tista’ tippermetti lill-Kummissjoni li tressaq b’mod suffiċjenti skond il-liġi l-provi ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni fir-rigward tad-differenza allegata bejn il-kalkoli li hija kellha tagħmel u dawk effettivament imwettqa mill-Cour des comptes Franċiża.

176    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li hemm kontradizzjoni doppja fid- deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 163 aktar ’il fuq), b’mod kuntrarju għal dak li hija tgħid fil-punt 164 ta’ din l-istess deċiżjoni (punt 161 iktar ’il fuq), li hija f’pożizzjoni tivverifika l-livell ta’ kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni affermat, fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod kuntrarju għal dak li hija qalet fil-punt 164 ta’ din l-istess deċiżjoni, li r-raġuni għalfejn hija ma vverifikatx il-livell ta’ kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE ma kienx għaliex ma setgħetx tagħmel dan, iżda minħabba li dan kien jammonta għal ripetizzjoni tax-xogħol tal-Kummissjoni, peress li hija affermat li kellha tagħmel dan għall-parti ta’ l-ilment dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Ir-rikorrenti jqisu li hawn kontradizzjoni ekwivalenti għal nuqqas ta’ motivazzjoni.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

178    Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex tevalwa l-interess Komunitarju biex tkompli teżamina lment, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u, b’mod partikolari l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. Hija għandha b’mod partikolari, issib bilanċ bejn l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi neċessarji, sabiex teżegwixxi, taħt l-aħjar kundizzjonijiet, il-missjoni tagħha ta’ sorveljanza ta’ l-osservanza ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punt 86 ; Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 148 aktar ’il fuq, punt 62, u tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra p. II‑93, punt 46).

179    Għaldaqstant, id-diffikultà li jiġi stabbilit kif trid il-liġi l-eżistenza ta’ ksur, sabiex tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur, hija element li jista’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju.

180    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet, mgħmula fil-punti 164 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontijiet ta’ SFMI-Chronopost kien imisshom ġew riveduti kollha mis-sena 1986 sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ kopertura ta’ l-ispejjeż, u li La Poste ma kellhiex kontabbiltà azjendali dettaljata li tkopri l-attivitajiet tagħha matul il-perijodu bejn l-1986 u l-1991 (anke jekk ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ kontabbiltà azjendali kopmla mill-inqas sa l-2001).

181    L-argument tal-Kummissjoni li reviżjoni bħal dik li wettqet il-Cour des comptes Franċiża ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tressaq b’mod suffiċjenti skond il-liġi l-provi ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE huwa suffiċjentement motivat, inkwantu l-Kummissjoni tirriferi għad-differenza bejn il-missjoni fdata lill-Cour des comptes Franċiża, li tikkonsisti fis-sorveljanza ta’ l-użu ta’ fondi pubbliċi, u dik fdata lill-Kummissjoni meta teżamina l-eżistenza ta’ tali ksur. Fil-fatt, ir-raġuni għalfejn il-Cour des comptes kien imissha eżaminat l-ispejjeż inkrementali ta’ kull servizz ta’ infrastruttura li La Poste kienet ipprovdiet lil SFMI-Chronopost sabiex teżerċita l-missjoni ta’ sorveljanza tagħha ta’ l-użu ta’ fondi pubbliċi mhijiex ċara.

182    Ir-rikorrenti pproduċew biss is-sunt u paġna tar-rapport tal-Cour des comptes Franċiża. Il-fatt li huma jindikaw l-indirizz ta’ sit ta’ l-internet li fuqu r-rapport huwa ppubblikat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ rapport komplet. F’kull każ, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx minn liema partijiet oħra tar-rapport seta’ jirriżulta li reviżjoni tal-kontijiet bħal dak effettwat mill-Cour des comptes kienet tkun biżżejjed biex jintwera ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Jirriżulta mill-paġna li ġiet inkluża fil-proċess li l-Cour des comptes ikkalkolat, permezz ta’ mezzi ta’ kontabbiltà azjendali, li r-riżultati ta’ l-attività fir-rigward tal-pakketti mmaniġjata mill-operatur intern kienu negattivi għall-perijodu bejn l-1998 u l-2002. Madankollu, hija ma ppreżentatx id-dettalji tal-kalkolu mwettaq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tippresumi kalkoli simili ma kinux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, il-Cour des comptes ippreċiżat li r-riżultati ta’ l-attività fir-rigward tal-pakketti kienu saru magħrufa biss reċentement, peress li din l-attività ġiet distinta minn dik tal-posta bil-courier fil-kontijiet biss mill-1998. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tirrevedi l-kontijiet għall-perijodu bejn l-1986 u l-1991, jiġifieri għal perijodu li matulu La Poste ma kinitx tiddisponi minn kontabbiltà azjendali dettaljata. Anke jekk, kif isostnu r-rikorrenti, reviżjoni simili għal dik imwettqa mill-Cour des comptes kienet biżżejjed biex jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, mhuwiex eżaġerat li jingħad li kienet tkun biċċa xogħol “estremament diffiċli” biex titwettaq għall-perijodu bejn l-1986 u l-1991 (punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    Il-Kummissjoni setgħet tagħżel, minflok ma tissospendi l-każ sakemm il-qrati Komunitarju jkunu taw is-sentenza definittiva dwar il-parti relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat, li tiċħad l-ilment dwar il-parti relattiva għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, billi tinvoka d-diffikultà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidji trażversali bħala element fost oħrajn. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, dan mhuwiex element essenzjali ta’ l-argumentazzjoni tagħha.

184    F’dak li jirrigwarda l-kontradizzjoni allegata mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-termini “estremament diffiċli” ma jfissrux “impossibbli”, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni. Għaldaqstant, m’hemmx kontradizzjoni bejn il-punti 164 u 167 tad-deċiżjoni kkontestata.

185    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ dritt fir-rigward taċ-ċaħda tal-parti ta’ l-ilment ibbażata fuq l-Artikoli 86 KE, 82 KE, 3(g) KE u 10 KE

 Argumenti tal-partijiet

186    Ir-rikorrenti jsostnu li, fl-ilment, huma semmew barra l-aġir imputabbli lil La Poste skond l-Artikolu 82 KE, il-miżuri Statali meħuda mill-Istat Franċiż, intiżi sabiex jiffavorixxu l-aġir illeċitu. Miżuri Statali bħal proċeduri doganali pprivileġġjati kif ukoll vantaġġi fiskali jikkostitwixxu miżuri intiżi biex jiffavorixxu l-estenzjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ La Poste mis-suq tas-servizz postali bażiku lejn is-suq tal-posta bil-courier rapida permezz ta’ vantaġġi mogħtija lil SFMI-Chronopost.

187    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (ĠU L 354, p. 18), billi bbażat ruħha, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq motivi li fuqhom il-lanjanti ma nstemgħux. Barra minn hekk, hija kisret ir-regoli relattivi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 86 KE, 3(g) KE 10 KE u 82 KE, meħuda flimkien, billi sostniet, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kkonċernati ma jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 86 KE u 82 KE meħuda flimkien, peress li, skond il-Kummissjoni, jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-“setgħa pubblika” ta’ l-Istat Membru in kwistjoni. Fl-aħħar, id-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regoli tad-dritt relattivi għall-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju fir-rigward taċ-ċaħda ta’ lment ibbażat fuq l-Artikoli 86 KE, 82 KE, 3(g), KE u 10 KE, u sussidjarjament, mhijiex immotivata fuq dan il-punt.

188    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, Ġabra p. I‑1283, iktar ’il quddiem is-“sentenza max.mobil”).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

189    Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-kliem tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 86 KE u mis-sens tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-Artikolu li l-Kummissjoni mhijiex marbuta tibda azzjoni skond dawn id-dispożizzjonijiet, peress li individwi ma jistgħux jeżiġu mingħand din l-istituzzjoni li tieħu pożizzjoni f’sens partikolari. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tieħu azzjoni abbażi ta’ lment li jitlobha taġixxi skond l-Artikolu 86(3) KE, għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament (sentenza max.mobil, punt 188 aktar ’il fuq, punti 69 u 70, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il-Kummissjoni, C‑171/05 P, Ġabra p. I-37, punt 53).

190    L-argumenti tar-rikorrenti marbuta ma’ l-allegati differenzi proċedurali bejn dan il-każ u l-kawża li tat lok għas-sentenza max.mobil mhumiex rilevanti.

191    F’dak li jirrigwarda l-argument li r-rikorrenti ppreżentaw l-ilment kollu tagħhom skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, u li l-Kummissjoni ttrattatu bħala tali, għandu jiġi enfasizzat, li lanjant li jressaq ilment fuq bażi legali li mhijiex rilevanti, ma jistax jibbenifika, b’daqshekk, mill-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tkompli teżamina lment dirett kontra Stat. Ir-Regolament Nru 17 mhuwiex applikabbli għall-Artikolu 86 KE (sentenza max.mobil, punt 188 aktar ’il fuq, punt 71). Dan jgħodd ukoll għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU L 1, 2003, p. 1) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Anke kieku l-Kummissjoni ttrattat l-ilment sħiħ, bħala lment li jaqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, dan ma kienx ikun jista’ jbiddel il-kuntest ġuridiku. F’kull każ, żball eventwali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bażi legali applikabbli ma jistax ikun ta’ tali natura li jagħti lil lanjant id-dritt li jressaq quddiem il-qorti Komunitarja rikors kontra ċ-ċaħda ta’ lment li jitlob lill-Kummissjoni taġixxi skond l-Artikolu 86(3) KE.

192    Ir-rikorrenti jqisu wkoll li huma ma ressqux quddiem il-Kummissjoni ilment ibbażat biss fuq ksur ta’ l-Artikolu 86 KE mir-Reppublika Franċiża, iżda li l-ilment kien dirett kontra La Poste għal ksur awtonomu ta’ l-Artikolu 82 KE, u kontra r-Repubblika Franċiża għall-ksur tar-regoli dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 86 KE, 82 KE, 3(g), KE u 10 KE meħuda flimkien. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ilment li ta lok għall-kawża max.mobil ma kienx ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 86 KE biss, iżda fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 82 KE u ta’ l-Artikolu 86(1) KE meħuda flimkien (sentenza max.mobil, punt 188 aktar ’il fuq, punt 4). Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 86(2) KE li din id-dispożizzjoni għandha dejjem tinqara flimkien ma’ dispożizzjoni oħra tat-Trattat. F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni ta’ l-Artikolu 10 KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(g) KE, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament fil-punt 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 86 KE jikkostitwixxi lex specialis. Is-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddefinixxu l-obbligi ta’ l-Istati Membri b’mod ġenerali mhijiex ta’ tali natura li tikkonferixxi fuq lanjant dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE.

193    Fl-aħħar, il-fatt li l-lanjanti għaqqdu lment dirett kontra Stat Membru ma’ lment dirett kontra impriża ma jistax jikkonferixxi fuqhom id-dritt li jikkontestaw il-parti tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-ilment kontra l-Istat Membru. Peress li l-Kummissjoni mhijiex marbuta tibda azzjoni skond l-Artikolu 86 KE huwa evidenti li l-individwi ma jistgħux jobbligawha taġixxi b’dan il-mod billi jgħaqqdu lment dirett kontra Stat Membru ma’ lment dirett kontra impriża.

194    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2842/98 u imbagħad tar-Regolament Nru 773/2004. Hija tenfasizza li l-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellhiex l-intenzjoni tinvestiga l-ilment iktar fil-fond fir-rigward ta’ l-Artikolu 86 KE, ta’ l-Artikolu 3(g) KE u ta’ l-Artikolu 10 KE għall-istess raġunijiet li ma kienx hemm interess Komunitarju biex tkompli b’investigazzjoni iktar fil-fond skond l-Artikolu 82 KE. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ir-Regolamenti, bħar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, mhumiex applikabbli għall-Artikolu 86 KE u ma jsirux applikabbli minħabba l-fatt li l-Kummissjoni eventwalment ikkunsidrat li kellha tapplikahom (qabel ma ngħatat is-sentenza max.mobil, punt 188 aktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni semmiet ir-raġunijiet għalfejn ma kellhiex l-intenzjoni tkompli tinvestiga l-ilment mhuwiex ta’ tali natura li jbiddel in-natura ġuridika ta’ din il-parti tad-deċiżjoni, li tikkostitwixxi att li ma jistax jiġi kkontestat. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-aspetti differenti tad-deċiżjoni kkontestata billi tindika lil-lanjanti l-eżistenza tad-dritt ta’ rikors tagħhom ma jbiddilx in-natura ġuridika ta’ l-att.

195    L-argument tar-rikorrenti li s-sitwazzjoni proċedurali f’dan il-każ tista’ titqabbel ma’ dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319), għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-ilment kien dirett biss kontra l-impriżi u mhux kontra Stat Membru, u li l-Artikolu 86 KE ma kienx jikkostitwixxi l-bażi ta’ l-ilment. Huwa biss fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ dan l-ilment li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni jekk l-Artikolu 86(2) KE jipprekludix l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni proċedurali kienet differenti minn dik ta’ din il-kawża.

196    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

197    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

198    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha għal raġunijiet eċċezzjonali

199    Fil-kawża preżenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud u l-Kummissjoni kif ukoll il-partijiet intervenjenti talbu li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Kummissjoni interpretat l-obbligi tagħha b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata billi sostniet li mhijiex marbuta tevalwa s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat (ara l-punt 76 iktar ’il fuq). Anke jekk dan l-iżball ma setax ikollu influwenza fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni u għaldaqstant ma jistax iwassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 147 iktar ’il fuq), huwa madankollu ta’ natura li jinkoraġġixxi lir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija tkun wettqet evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jekk tiddeċiedi li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

200    Madankollu, skond l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(5) tar-Regoli ta’ Proċedura, parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. F’dan il-każ, meta CRIE irrinunzjat għall-atti, il-Kummissjoni talbet li l-ispejjeż tagħha jiġu sostnuti minn CRIE. Skond it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir ta’ l-istess kontroparti. Iżda, f’dan il-każ, din it-tieni sentenza mhijiex applikabbli, peress li CRIE m’għamlitx talbiet dwar l-ispejjeż fl-ittra li fiha rrinunzjat għall-atti. Għaldaqstant, CRIE għandha tiġi ordnata tbati kwart ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

201    F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-partijiet intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għamlux talbiet dwar l-ispejjeż wara li CRIE rrinunzjat għall-atti. Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 87(5), tar-Regoli ta’ Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fin-nuqqas ta’ talba għall-ispejjeż. Għaldaqstant hemm il-lok li jiġi deċiż li Chronopost u La Poste għandhom ibatu kwart ta’ l-ispejjeż tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok li tordna li r-rikorrenti għandhom ibatu tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tal-partijiet intervenjenti, skond it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      CRIE SA hija mħassra mil-lista tar-rikorrenti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      L’Union française de l’express (UFEX), DHL Express (France) SAS u Federal express international (France) SNC għandhom ibatu, barra l-ispejjeż tagħhom, tliet kwarti ta’ l-ispejjeż ta’ Chronopost SA u ta’ La Poste. Chronopost u La Poste għandhom ibatu kwart ta’ l-ispejjeż tagħhom. CRIE għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, kwart ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Forwood

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

       President

Werrej


Fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-partijiet fil-kawża

2.  L-ilment tal-21 ta’ Diċembru 1990

3.  L-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1992

4.  id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tat-30 ta’ Diċembru 1994

5.  Il-proċeduri nazzjonali

6.  Id-deċiżjoni kkontestata

7.  Id-deċiżjoni dwar il-parti fl-ilment relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ lment ta’ l-UFEX

Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ La Poste.

Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt dwar l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju sabiex jitkompla l-eżami ta’ l-ilment

Fuq l-ewwel parti, ibbazata fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2000 li tiġbed konklużjonijiet mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 1999 mogħtija fuq appell

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata ta’ ċerti elementi li neċessarjament jagħmlu parti mid-definizzjoni ta’ l-interess Komunitarju

Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

Argumenti tal-partijiet

–  Serjetà tal-ksur allegat

–  Dewmien tal-ksur allegat

–  Persistenza ta’ l-effetti antikompetittivi tal-ksur allegat

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

–  Dewmien tal-ksur allegat

–  Persistenza ta’ l-effetti tal-ksur allegat

–  Serjetà tal-ksur allegat

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament u deliberatament żbaljata tar-rwol tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dak tal-qrati nazzjonali fl-eżami ta’ l-eżistenza ta’ interess Komunitarju

Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi rreferiet, fil-punt 167 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-parti tal-kawża relattiva għall-għajnuna mogħtija mill-Istat sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ interess Komunitarju, qed tikser il-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji (Artikolu 10 KE)

Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kontradizzjoni fil-motivi dwar żewġ elementi essenzjali tad- deċiżjoni kkontestata

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ dritt fir-rigward taċ-ċaħda tal-parti ta’ l-ilment ibbażata fuq l-Artikoli 86 KE, 82 KE, 3(g) KE u 10 KE

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.