Language of document : ECLI:EU:T:2007:269

Kawża T-60/05

Union française de l’express (UFEX) et      

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tal-posta espressa internazzjonali — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment — Annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment mill-qorti Komunitajra — Eżami u ċaħda mill-ġdid ta’ l-ilment — Impriża pubblika”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku

(ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami ta’ l-ilmenti — Iffissar ta’ prijoritajiet mill-Kummissjoni

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami ta’ l-ilmenti — Ilment li jallega għajnuna mill-Istat u abbuż minn pożizzjoni dominanti

(Artikoli 82 KE, 87 KE u 88 KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ tmiem tal-ksur

5.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Għoti ta’ sussidji trażversali minn impriża f’sitwazzjoni ta’ monopolju legali favur is-sussidjarja tagħha attiva f’settur miftuħ għall-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami ta’ l-ilmenti — Ilment li jaqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-awtoritajiet nazzjonali — Obbligu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ ksur — Nuqqas

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/04)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami ta’ l-ilmenti — Teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interess Komunitarju fl-investigazzjoni ta’ każ

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

8.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Rifjut tal-Kummissjoni li tkompli teżamina lment li jistedinha taġixxi taħt l-Arikolu 86(3) KE — Esklużjoni

(Artikoli 3(g) KE, 10 KE u 86 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2842/98 u Nru 773/2004)

1.      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent li jkun ippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment li jkun ressaq kontra aġir li jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti jista’ jiġi nnegat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari jekk jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza li l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur imputabbli lill-impriża f’pożizzjoni dominanti in kwistjoni. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-possibbiltajiet ta’ difiża li minnhom tiddisponi l-impriża in kwistjoni huma effettivament limitati minħabba d-dewmin eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kollha.

(ara l-punti 54-58)

2.      Fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-ilmenti li jallegaw ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’, meta tiddeċiedi li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha, mhux biss tiddeċiedi dwar l-ordni li fih l-ilmenti se jiġu eżaminati, iżda wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex isir eżami tal-każ. Għalkemm il-każ dwar ilment li jirrapporta prattiċi allegatament kuntrarji għat-Trattat jista’ jingħalaq, mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, mill-Kummissjoni billi teżerċita s-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha f’dan ir-rigward, dan ma jistax madankollu jsir fuq l-unika bażi li dawn il-prattiċi ntemmu, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun ivverifikat jekk għadhomx jeżistu xi effetti antikompetittivi, u jekk ikun il-każ, is-serjetà tad-dannu allegat għall-kompetizzjoni jew jekk il-persistenza ta’ l-effett tiegħu jikonferixxix interess Komunitarju fuq l-ilment. B’hekk, jekk xi effetti antikompetittivi jippersistu, il-Kummissjoni hija marbuta tivverifika jekk jew is-serjetà tal-ksur allegat, jew il-persistenza ta’ l-effetti tiegħu jikkonferixxux interess Komunitarju fuq l-ilment, li jimplika, b’mod partikolari, li hija għandha tikkunsidra, f’kull każ partikolari, id-dewmin u l-importanza tal-ksur allegat kif ukoll l-impatt fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Jekk l-effetti antikompetittivi ma jibqgħux jippersistu, il-Kummissjoni tibqa’ obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat.

Fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha ta’ l-interess Komunitarju li jiġi investigat l-ilment, il-Kummissjoni m’hijiex marbuta tevalwa s-serjetà, id-dewmien u l-persistenza ta’ l-effetti tal-ksur allegat f’ordni partikolari.

Żball tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-fatt li jiġi kkunsidrat li mhijiex obbligata tikkunsidra s-serjetà u d-dewmien tal-ksur allegat fl-evalwazzjoni tagħha ta’ l-interess Komunitarju, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment jekk dan l-iżball ma setax kellu influwenza determinanti fuq il-parti operattiva tagħha. Dan ikun il-każ meta l-Kummissjoni ssostni li m’hemmx interess Komunitarju suffiċjenti sabiex l-ilment jiġi eżaminat, wara li, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba, tkun eżaminat effettivament is-serjetà u d-dewmien tal-ksur.

(ara l-punti 65, 69, 70, 73,74, 78)

3.      Fir-rigward ta’ lment dwar għajnuna mill-Istat u aġir li jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni tista’ tinvestiga ż-żewġ aspetti ta’ l-ilment seperatament. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni fetħet proċedura fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li hija għamlet stħarriġ iktar fil-fond f’dan ir-rigward ma jeskludix il-possibbiltà li hija għandha biex tiċħad il-parti ta’ l-ilment relativa għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, skond il-kriterji applikabbli għal din il-parti ta’ l-ilment. Fil-fatt, għalkemm, fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ l-eżami, jew li tiddeċiedi li l-miżura ta’ l-Istat ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, jew li tiddeċiedi li l-miżura, għalkemm tikkostitwixxi għajnuna, hija kompatibbli mas-suq komuni, jew li tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tiddisponi min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kompetenza mhux esklużiva tagħhha fir-rigward ta’ ilment dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet u mhijiex obbligata tiddeċiedi dwar l-eżistenza eventwali ta’ ksur.

(ara l-punti 106, 107)

4.      Jekk tistabbilixxi li ma jkunx għad hemm ġustifikazzjoni ekonomika sabiex aġir partikolari, li jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, ikompli jiġi adottat, il-Kummissjoni tista’, bħala regola, tqis li l-ksur allegat intemm, jekk m’hemmx indikazzjonijiet suffiċjenti li juru l-kontra. Dan ikun il-każ meta l-ebda raġuni ekonomika ma tiġġustifika li impriża f’pożizzjoni dominanti żżomm inqas flus għall-aċċess għan-netwerk tagħha lis-sussidjarja tagħha attiva f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni inkwantu din l-impriża hi obbligata tagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess lill-kompetituri.

(ara l-punt 109)

5.      Is-sempiċi fatt li d-dritt esklużiv ikun ingħata lil impriża sabiex jiggarantixxi l-għoti minnha ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jipprekludix lil din l-impriża milli tagħmel xi dħul mill-attivitajiet li ġew irriżervati għalija u lanqas ma joħloq ostakoli sabiex din testendi l-attivitajiet tagħha għal setturi mhux riżervati. L-akkwist ta’ parteċipazzjoni f’impriża u, b’analoġija, l-għoti ta’ sussidji trażversali, jista’ joħloq xi problemi fir-rigward tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-każ fejn il-flus użati mill-impriża li għandha monopolju jirriżultaw minn prezzijiet eċċessivi jew diskriminatorji, jew prattiċi oħra abbużivi fis-suq irriżervat.

Madankollu, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li l-għoti ta’ sussidji trażversali jikkostitwixxi, bħala tali, abbuż minn pożizzjoni dominanti, indipendentement mill-politika segwita fis-settur riżervat u fis-settur miftuħ għall-kompetizzjoni. Meta impriża li għandha monopolju legali żżomm inqas flus għall-għoti tas-servizzi tagħha lill-kumpannija sussidjarja tagħha attiva f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni, dan ma jikkostitwixxix neċessarjament ostakolu għall-kompetituri, b’mod partikolari jekk is-sussidji jintużaw mis-sussidjarja biex tikseb profitti għoljin ħafna jew biex tħallas dividendi għoljin. Fil-fatt, il-fatt li impriża tikseb profitti għoljin ħafna ma jinfluwenzax l-għażla tal-fornitur mill-klijent.

(ara l-punti 113-116)

6.      Fir-rigward ta’ l-eżami ta’ lment li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Kummissjoni u ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni mhijiex obbligata twettaq investigazzjoni jew tieħu deċiżjoni definittiva fir-rigward ta’ l-eżistenza jew le tal-ksur allegat. Minn dan jirriżulta li attitudni suġġettiva ta’ l-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali li biha l-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex titratta lment mhijiex ta’ tali natura li tobbligaha tkompli bl-eżami ta’ l-ilment bħallikieku kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha. Jekk rikorrent ma jkunx sodisfatt bil-mod li d-drittijiet tiegħu ġew ikkunsidrati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew il-qrati nazzjonali, huwa hu li għandu jieħu l-passi neċessarji quddiemhom jew li jeżamina r-rimedji li għandu.

Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u awtorità nazzjonali mhijiex ta’ natura li toħloq kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni u lanqas li tantiċipa d-deċiżjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ l-interess Komunitarju ta’ kawża. F’dan is-sens ukoll, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tagħti prijorità lil kawża meta l-qorti nazzjonali tkun issospendiet il-proċedimenti tagħha sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fil-każ fejn teżisti kompetenza f’daqqa tal-Kummissjoni u ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, id-dimensjoni Komunitarja ta’ suq mhijiex ta’ tali natura li tobbliga lill-Kummissjoni tikkonkludi li hemm ċertu grad ta’ serjetà tal-ksur jew li jeżisti interess Komunitarju f’kawża partikolari.

(ara l-punti 152, 153, 155, 156, 158)

7.      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-interess Komunitarju biex tkompli teżamina lment, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u, b’mod partikolari l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. Hija għandha, b’mod partikolari, issib bilanċ bejn l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi neċessarji, sabiex teżegwixxi, taħt l-aħjar kundizzjonijiet, il-missjoni tagħha ta’ sorveljanza ta’ l-osservanza ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

Għaldaqstant, id-diffikultà li jiġi stabbilit kif trid il-liġi l-eżistenza ta’ ksur, sabiex tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur, hija element li jista’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-interess Komunitarju.

(ara l-punti 178, 179)

8.      Jirriżulta mill-kliem tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 86 KE u mis-sens tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-Artikolu li l-Kummissjoni mhijiex marbuta tibda azzjoni skond dawn id-dispożizzjonijiet, peress li individwi ma jistgħux jeżiġu mingħand din l-istituzzjoni li tieħu pożizzjoni f’sens partikolari. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tieħu azzjoni abbażi ta’ lment li jitlobha taġixxi skond l-Artikolu 86(3) KE, għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament.

Għaldaqstant, la l-fatt li lment bħal dan jitressaq fuq bażi legali li mhijiex rilevanti, la żball eventwali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, bħat-trattament ta’ l-ilment fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, meta dan ta’ l-aħħar u r-Regolamenti Nru 1/2003, Nru 2842/98 u Nru 773/2004 mhumiex applikabbli għall-Artikolu 86 KE anke jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tapplikalhom, u lanqas l-invokazzjoni, fl-ilment u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta’ dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 3(g) KE u l-Artikolu 10 KE, ma huma ta’ tali natura li jikkonferixxu fuq lanjant dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE.

Bl-istess mod, il-fatt li lanjant jgħaqqad ilment dirett kontra Stat Membru ma’ lment dirett kontra impriża ma jistax jikkonferixxi fuqu d-dritt li jikkontesta l-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-ilment kontra l-Istat Membru. F’dan is-sens, in-natura ġuridika ta’ tali deċiżjoni ma tinbidilx minħabba r-raġunijiet li l-Kummissjoni ssemmi sabiex ma tkomplix tinvestiga lment fir-rigward ta’ l- Artikolu 86 KE kif ukoll minħabba l-fatt li hija ma tagħmilx distinzjoni bejn l-aspetti differenti tad-deċiżjoni tagħha billi tindika lil-lanjanti l-eżistenza tad-dritt tiegħu ta’ appell.

(ara l-punti 189, 191-194)