Language of document : ECLI:EU:T:2011:124

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Rikors għal annullament – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 – Risposta għal applikazzjoni inizjali – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Inammissibbiltà manifesta – Rifjut impliċitu ta’ aċċess – Interess ġuridiku – Deċiżjoni espliċita adottata wara l‑preżentata tar-rikors – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑36/10,

Internationaler Hilfsfonds eV, stabbilita f’Rosbach (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn H. Kaltenecker, sussegwentement minn R. Böhm, u fl-aħħar nett minn H. Kaltenecker, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn B. Weis Fogh u V. Pasternak Jørgensen, sussegwentement minn V. Pasternak Jørgensen, C. Vang u S. Juul Jørgensen, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 u tal-1 ta’ Diċembru 2009 li jirrifjutaw l-aċċess komplet lil Internationaler Hilfsfonds tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddisponi:

      “1.      Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill‑ewwel […]

      2.      Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.”

2        Skont l-Artikolu 8 tar-regolament, intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji”:

      “1.      Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il‑perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l‑applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l‑istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikoli [263 TFUE] u [228 TFUE], rispettivament.

      2.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il-jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

      3.      Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id‑dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat [FUE].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Ir-rikorrenti, Internationaler Hilfsfonds eV, hija organizzazzjoni mhux governattiva stabbilita skont id-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. Fit-28 ta’ April 1998, hija ffirmat mal‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-kuntratt LIEN 97‑2011 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) għal kofinanzjament ta’ programm ta’ għajnuna medika li hija organizzat fil-Każakistan.

4        Fl-1 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni xoljiet unilateralment il-kuntratt u, insegwitu għal dan ix-xoljiment, fis-6 ta’ Awwissu 2001, hija informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tirkupra somma lilha mħallsa fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni tal-kuntratt.

5        Fid-9 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni applikazzjoni sabiex tingħata aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt. B’din l-applikazzjoni parzjalment sodisfatta, b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2002, indirizzata lill-President tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet li tingħata aċċess komplet għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt. Billi din l-applikazzjoni tar-rikorrenti baqgħat ma ġietx għal kollox sodisfatta, din tal-aħħar ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, li ġie rreġistrat bir-referenza 1874/2003/GG, fejn hija indikat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt.

6        Wara abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2004 indirizzat mill-Ombudsman lill-Kummissjoni u opinjoni mmotivata indirizzata fit-12 u fil-21 ta’ Ottubru 2004 mill-Kummissjoni lill-Ombudsman, dan tal-aħħar, fl-14 ta’ Diċembru 2004, adotta deċiżjoni finali li fiha kkonstata, permezz ta’ kritika, li l-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal diversi dokumenti dwar il-kuntratt jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina.

7        Fit-22 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni finali tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti bagħtet mill-ġdid lill-President tal-Kummissjoni, applikazzjoni ta’ aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt. Permezz ta’ ittra tal-14 Frar 2005, il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-applikazzjoni u, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li ma tqiegħedx dokumenti oħra għad-dispożizzjoni tagħha ħlief dawk id-dokumenti li għalihom hija diġà kellha aċċess.

8        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2005, rikors li ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑141/05. Wara eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar, permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (T‑141/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra), ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli.

9        Wara appell tar-rikorrenti skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra), annullat is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża quddiem din għal deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2005, li tiċħdilha l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Il-kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali, li bħalissa għandha n-numru ta’ referenza T‑141/05 RENV, hija pendenti.

10      Permezz ta’ ittri tat-28 u tal-31 ta’ Awissu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni ġdida ta’ aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt.

11      B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-applikazzjoni l-ġdida għal aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt, billi ppreċiżat li fir-rigward taż-żmien li għadda mid-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl tar-rikorrenti, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li huwa s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑141/05, hija kienet għamlet eżami ġdid ta’ kull dokument fil-fajl ikkonċernat, li hija ma kinitx ġiet ipprovduta, u li insegwitu għal dan l-eżami, hija kienet iddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti aċċess iktar estensiv, iżda mhux komplet, għal dawn id-dokumenti.

12      B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2009, irreġistrata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra r-risposta tad-9 ta’ Ottubru 2009 fid-dawl tal-applikazzjoni l-ġdida tagħha għal aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt li tinsab fl-ittri tat-28 u tal-31 ta’ Awwissu 2009.

13      Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni estendiet it-terminu previst sabiex tirrispondi għall-applikazzjoni tar-rikorrenti tal-15 ta’ Ottubru 2009, b’mod li t-terminu sabiex tagħti risposta jiskadi fl-1 ta’ Diċembru 2009.

14      B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, li waslet għand ir-rikorrenti fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni inizjalment indikat li, billi t-talba tar-rikorrenti tal-15 ta’ Ottubru 2009 teħtieġ eżami dettaljat ta’ ħafna dokumenti rilevanti u li d-diskussjonijiet dwar dan mad-dipartimenti l-oħra kienu għadhom ma ntemmux, hija sfortunatament ma kinitx tista’ tagħti risposta finali. Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet dan li ġej:

      “Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament […] Nru 1049/2001, inti intitolata li tibda proċeduri quddiem il-[Qorti Ġenerali] jew l-Ombudsman. Madankollu, l-ittra ta’ risposta hija kważi lesta, u għalhekk inti dalwaqt tista’ tistenna risposta ddettaljata tal-Kummissjoni […]. Id-deċiżjoni ser tkunlek ikkomunikata malajr kemm jista’ jkun. […]”

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jinvolvu, minn naħa, l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 u, min-naħa loħra, l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009.

16      Fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali risposta li fiha talbet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u li tiġi

17      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ approvata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.Lulju 2010, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura, ressqet motivi ġodda, li jidhru li huma intiżi li jinkludu fl-argumenti tagħha f’dan ir-rikors, argumenti li huma allegatament simili għal dawk milqugħa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2010, Agrofert Holding vs Il‑Kummissjoni (T‑111/07, Ġabra p. II‑0128).

18      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Awwissu 2010, ir-Renju tad-Danimarka ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

19      Wara talba mill-Qorti Ġenerali għal iktar informazzjoni, fejn stiednet lill-partijiet fil-kawża sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom u l-konsegwenzi possibbli li jistgħu jiġbdu mill-motivi u mid-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kumissjoni (T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1), fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010 u l-introduzzjoni tar-rikors fil-Kawża T‑300/10, l-imsemmija partijiet ippreżentaw ir-risposti rispettivi tagħhom fit-terminu previst.

20      Fl-ittra ta’ risposta tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess ġuridiku f’dan il-każ u li, jekk wieħed jassumi li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi mod ieħor, din għandha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

21      Fl-ittra ta’ risposta tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, meta r-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, hija tilfet l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża.

22      Fl-ittra ta’ risposta tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2010, ir-Renju tad-Danimarka ma xtaqx jagħmel osservazzjonijiet dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

23      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannnulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 u tal-1 ta’ Diċembru 2009, “billi dawn jirrifjutawlha l-aċċess għad-dokumenti mhux żvelati” li jirrigwardaw il-kuntratt;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors huwa intiż kontra deċiżjoni negattiva impliċita, tiċħad ir-rikors billi ma għandux skop;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kuntest purament fattwali li fih kull deċiżjoni kkontestata mir-rikorrenti f’din il-kawża ġiet adottata, huwa paċifiku fost il-partijiet li l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 intbagħtet lir-rikorrenti bħala risposta għall-applikazzjoni l-ġdida tagħha ta’ aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt li tinsab fl-ittri tat-28 u tal-31 ta’ Awwissu 2009. Huwa wkoll paċifiku li l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009 ġiet indirizzata lir-rikorrenti wara li din tal-aħħar bagħtet l-applikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2009.

26      Barra minn dan, hekk kif l-istess rikorrenti sostniet fir-rikors u mingħajr dan ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, minn naħa, l-ittri tar-rikorrenti tat-28 u tal-31 ta’ Awwissu 2009 ġew indirizzati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001 u għalhekk għandhom jiġu kklassifikati flimkien bħala “l-applikazzjoni inizjali” skont it-tifsira ta’ dan l-artikolu (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni inizjali”) u, min-naħa l-oħra, l-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Ottubru 2009 ġiet indirizzata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament u għalhekk għandha tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni konfermatorja” fis-sens ta’ dan l-artikolu (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

27      Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, għandha, minn naħa, tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament tar-rikorrenti intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 u, min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku, fir-rigward tat-talbiet tagħha għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009.

 F’dak illi jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009

28      Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

29      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni permezz tad-dokumenti tal-fajl u tiddeċiedi, bl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, li tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibilità tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 mingħajr ma tkompli l-proċedura.

30      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa terminu ta’ ordni pubbliku li ġie stabbilit bil-għan li tkun żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u bil-għan li jkunu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punti 38 u 39).

32      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra r-risposta għall-applikazzjoni l-ġdida tagħha, li tinsab fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009. Għalhekk, mingħajr ma kien hemm il-bżonn li tiġi ddeterminata d-data preċiża li fiha din l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 ġiet innotifikata lir-rikorrenti jew meta saret taf biha, għandu jiġi kkunsidrat li tali notifika jew għarfien seħħ l-iktar tard fil-15 ta’ Ottubru 2010, data li fiha r-rikorrenti ppreżentat l-applikazzjoni konfermatorja tagħha.

33      Barra minn dan, ir-rikorrenti la stabiliet u lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li jippermetti deroga mit-terminu inkwistjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut.

34      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi preċedenti kollha, it-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri l-iktar tard, skont l-Artikolu 101(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-16 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri l-jum wara dak li fih ir-rikorrenti jkun, l-iktar, ġie nnotifikat jew sar jaf bl-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009. Dan it-terminu għalhekk kien skada, l-iktar tard, fid-29 ta’ Diċembru 2009, fid-dawl tat-terminu ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza u, skont l-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-posponiment tal-iskadenza ta’ terminu billi jintemm nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd jew f’jum ta’ vaganza stabbilit skont il-liġi, jew għall-inqas xahar u tliet ijiem qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, billi huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, fl-1 ta’ Frar 2010.

35      Jirriżulta li dan ir-rikors, sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni implikata fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, għandu jkun ikkwalifikat bħala tardiv u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 F’dak illi jirrigwarda l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009

 Fuq is-suġġett tat-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009

36      Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk it-talbiet intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru humiex, essenzjalment, deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda”).

37      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi, fit-terminu previst, għall-applikazzjoni konfermatorja. Barra minn dan, f’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija kienet intitolata tibda proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali jew l-Ombudsman. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem tal-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni mhux biss hija stess ikkonstatat li ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni fit-terminu previst, wara estensjoni ta’ dan, għall-applikazzjoni konfermatorja, iżda barra minn dan, hija fakkritha bir-rimedji disponibbli għaliha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ nuqqas ta’ risposta tal-istituzzjoni għal applikazzjoni konfermatorja. Konsegwentament, għandu jiġi kkonstatat, kif stqarret ir-rikorrenti fir-replika, li fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kienet prinċipalment illimitat ruħha, filwaqt li informat b’mod sussidjarju lir-rikorrenti li setgħet “dalwaqt […] tistenna risposta ddettaljata tal-Kummissjoni”, li tirrikonoxxi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta risposta għall-applikazzjoni konfermatorja u li dan in-nuqqas ta’ risposta seta’ jkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.

38      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-prinċipju, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali jirrifjutaw li jirrikonoxxu, sakemm ma tiġix ikkontestata s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat FUE, li s-sempliċi silenzju ta’ istituzzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħal deċiżjoni impliċita, ħlief fl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi tali deċiżjoni tkun meqjusa li saret minn dik l-istituzzjoni li kienet ġiet mitluba tieħu pożizzjoni u li tiddefinixxi l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, Ġabra p. I‑11647, punt 45; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il‑Kummissjoni, T‑189/95, T‑39/96 u T‑123/96, Ġabra p. II‑3587, punt 27; Sodima vs Il‑Kummissjoni, T‑190/95 u T‑45/96, Ġabra p. II‑3617, punt 32, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il‑Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punt 55).

39      Issa, fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 8(3) jirriżulta li l-leġiżlatur ried li n-nuqqas ta’ tweġiba mill-istituzzjoni fit-terminu previst, għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji skont l-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi risposta negattiva.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, minn naħa, jistabbilixxu b’mod espliċitu terminu li meta jiskadi, fl-assenza ta’ deċiżjoni li twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja, l-istituzzjoni inkwistjoni titqies bħallikieku adottat deċiżjoni impliċita u, min-naħa l-oħra, tiddefinixxi l-kontenut ta’ din tal-aħħar, jiġifieri li din hija deċiżjoni negattiva.

41      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-leġiżlatur, dejjem fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, espressament ippreveda li din id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett, minn naħa tar-rikorrenti, ta’ rikors ġudizzjarju skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

42      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li s-silenzju ta’ istituzzjoni insegwitu għal applikazzjoni konfermatorja għandu jiġi ttrattat bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li t-talbiet għal annullament intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009 għandhom jiġu interpretati bħala li huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tirriżulta min-nuqqas ta’ risposta mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni konfermatorja, nuqqas li ġie kkonstatat mill-istess Kummissjoni f’dik l-ittra.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tat-talbiet għal annullament intiżi kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

44      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull waqt, ex officio, u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni permezz tad-dokumenti prodotti u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet matul il-proċedura bil-miktub, b’mod li ma hemmx lok li jingħata bidu għall-proċedura orali.

45      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibilità tar-rikors jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’riżerva għall-kwistjoni differenti tat-telf tal-interss ġuridiku, fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il‑Kummisjoni, T‑131/99, Ġabra. p. II‑2023, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din il-kunsiderazzjoni għall-mument tal-evalwazzjoni tal-ammissibbilità tar-rikors ma tistax twaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, fil-każ fejn rikorrent li fil-bidu kellu interess ġuridiku, iżda tilef kull interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba avveniment li seħħ wara li ġie ppreżentat l-imsemmi rikors. Fil-fatt, sabiex rikorrent ikun jista’ jippreżenta rikors għal annullament ta’ deċiżjoni, huwa għandu jibqa’ jkollu interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il‑Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punti 36 u 37, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punt 37), għaliex, inkella, jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent jintilef matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-mertu ma tkunx tista tipprovdilu ebda benefiċċju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 43, u s-sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

47      F’dan il-każ, huwa paċifiku fost il-partijiet, li fid-data tal-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet biss irċeviet bħala risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009 li fiha l-Kummissjoni essenzjalment informatha bl-eżistenza ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. Għalhekk, f’dik id-data, ir-rikorrenti kellha interess ġuridiku u r-rikors kien ammissibbli.

48      Madankollu, huwa stabbilit ukoll li, wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009 (punt 14 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2010, irrispondiet b’mod espliċitu u finali għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti u, tagħtha aċċess għal dokumenti ġodda fil-fajl dwar il-kuntratt, mingħajr ma madankollu tagħtha aċċess komplet. Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2010.

49      Barra minn dan, jirriżulta mill-motivi esposti mir-rikorrenti fir-replika tal-5 ta’ Lulju 2010, li din ma xtaqietx, wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, li tadatta t-talbiet tagħha għall-annullament esposti f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, dejjem fir-replika, hija informat espressament lill-Qorti Ġenerali li kienet iddeċidiet li tippreżenta rikors ġdid kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2010, li hekk kif indikat fil-punt 48 iktar ’il fuq, hija fil-fatt għamlet fid-9 ta’ Lulju 2010, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

50      Konsegwentement, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors billi dan huwa intiż kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, sa fejn ir-rikorrenti ma għandhiex iktar interess personali għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba fl-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, b’risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, fejn hija barra minn dan talbet l-annullament tal-Kawża T‑300/10, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni, fil-fatt, irrispondiet b’mod espliċitu għall-applikazzjoni konfermatorja, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax, u b’hekk, impliċitament irtirat id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

51      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rikors, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ammissibbiltà tal-motiv il-ġdid imressaq mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Lulju 2010 (punt 17 iktar ’il fuq), għandu jiġi ddikjarat bħala manifestament inammissibbli billi huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 u li tilef l-iskop tiegħu billi huwa intiż kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

 Fuq l-ispejjeż

52      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-rikorrenti tilfet, minħabba li r-rikors għal annullament tagħha, sa fejn dan jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, huwa manifestament inammissibbli, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet għal annullament intiżi kontra din id-deċiżjoni.

53      Barra minn dan, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

54      F’dan il-każ, li jirrigwarda t-telf tal-iskop tar-rikors billi dan huwa intiż kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, hekk kif il-Kummissjoni espressament ammettiet fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, hija ma setatx, fl-iskadenza tat-terminu previst skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri, f’dan il-każ, wara estensjoni, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tadotta risposta għall-applikazzjoni konfermatorja. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li kienet indikat il-Kummissjoni f’din l-istess ittra, jiġifieri li r-rikorrenti setgħet tistenna fi “żmien qasir” risposta ddettaljata, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni konfermatorja ġiet adottata biss fid-29 ta’ April 2010, jiġifieri kważi ħames xhur wara li bagħtet l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, li r-rikorrenti rċeviet fit-2 ta’ Diċembru 2009, u għaldaqstant iktar minn xahrejn u nofs wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament li għandu r-rikorrenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jikkontesta, hekk kif awtorizzat mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-legalità tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni konfermatorja. Fl-aħħar nett, sa fejn ma huwiex għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-għażla tar-rikorrenti li tippreżenta rikors ġdid kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2010, minflok taġġorna l-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża sabiex jirriflettu din id-deċiżjoni, dan il-fatt ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-istadju tal-ħlas tal-ispejjeż, fuq il-bażi tal-Artikolu 87(6) tar-Regoli ta’ Proċedura.

55      Għaldaqstant, fir-rigward tal-fatti li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni u b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni manifestament eċċediet it-terminu stabbilit li kienet tiddisponi minnu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tagħti risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, billi r-rikorrenti ma kellha l-ebda għażla oħra sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħha, ħlief li tippreżenta dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrenti fir-rigward tat-talbiet għal annullament intiżi kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

56      Fl-aħħar nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors għal annullament, sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ Internationaler Hilfsfonds eV għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal‑Kummissjoni Ewropea li tiċħad l-applikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2009 ta’ aċċess għad-dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

3)      Internationaler Hilfsfonds hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni f’dak illi jirrigwarda t-talbiet għal annullament, sa fejn dawn huma intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi minn Internationaler Hilfsfonds f’dak illi jirrigwarda t-talbiet għal annullament, sa fejn dawn huma intiżi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009.

5)      Ir-Renju tad-Danimarka huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu.

Il-Lussemburgu, l-24 ta’ Marzu 2011.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      I. Pelikánová


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.