Language of document : ECLI:EU:F:2007:129

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Lulju 2007

Kawża F-7/06

B

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ April 2005, li rrifjutat li tagħtiha l-allowance ta’ espatrijazzjoni, flimkien mad-deċiżjoni ta’ l-istess awtorità, ta’ l-10 ta’ Ottubru 2005, li tiċħad l-ilment tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni tas-26 ta’ April 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti

[Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b)]

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jagħtu d-dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jissuġġetta lill-uffiċjali b’ċittadinanza doppja għar-regoli komuni – anki jekk dawn il-persuni mhumiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuni li għandhom biss ċittadinanza waħda – bil-għan li jiġi limitat in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw mill-allowance ta’ espatrijazzjoni dovuta taħt l-Artikolu 4(1)(b) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, kundizzjonijiet stretti, bħan-nuqqas ta’ residenza abitwali fl-Istat ta’ l-impjieg għal perijodu ta’ għaxar snin qabel id-dħul fis-servizz, huma intiżi sabiex jiġi assigurat li l-għoti ta’ din l-allowance lill-uffiċjali li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ l-Istat ta’ l-impjieg tagħhom iseħħ biss fil-każijiet fejn tingħeleb il-preżunzjoni li ċ-ċittadinanza ta’ persuna hija indikazzjoni serja ta’ l-eżistenza ta’ rabtiet multipli bejn din il-persuna u l-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha u tal-konstatazzjoni tal-ksur ta’ kull rabta fit-tul bejn l-uffiċjal u dan il-pajjiż.

Limitazzjoni bħal din tan-numru ta’ persuni li jibbenefikaw mill-allowance ta’ espatrijazzjoni mhijiex diskriminazzjoni arbitrarja jew inadegwata meta mqabbla ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li l-applikazzjoni tal-kategoriji stabbiliti mill-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ twassal għal sitwazzjonijiet marġinali fejn l-uffiċjali jiġu rrifjutati l-allowance ta’ espatrijazzjoni meta jkunu f’sitwazzjonijiet viċini għal dawk li huma msemmija fl-imsemmi artikolu, ma jippermettix li f’dawn id-dispożizzjonijiet tiġi identifikata distinzjoni arbitrarja meta, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, dawn japplikaw bl-istess mod għall-uffiċjali kollha li jinsabu fis-sitwazzjoni prevista fir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 39 sa 41, 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, Ġabra p. 3005, punt 12; 15 ta’ Jannar 1981, Vutera vs Il-Kummissjoni, 1322/79, Ġabra p. 127, punt 9; 2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punti 31 sa 37

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ April 1992, Costacurta Gelabert vs Il-Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra p. II‑1655, punt 42; 13 ta’ April 2000, Reichert vs Il-Parlament, T‑18/98, ĠabraSP p. I‑A‑73 u II‑309, punt 25; 27 ta’ Settembru 2000, Lemaître vs Il-Kummissjoni, T‑317/99, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑867, punt 50; 13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il-Kummissjoni, T‑251/02, ĠabraSP p. I‑A‑359 u II‑1643, punti 124 u 126