Language of document : ECLI:EU:T:2011:508

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

tal-21 ta’ Settembru 2011 (*)

“Rikors għal annullament – REACH – Identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑268/10,

Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

SNF SAS, stabbilita fi Andrézieux-Bouthéon (Franza),

inizjalment irrappreżentati minn K. Van Maldegem, R. Cana avukati, u P. Sellar, sollicitor, sussegwentement minn Van Maldegem u Cana,

rikorrenti,

vs

Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkila u W. Broere, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Noort u J. Langer, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu (KE Nru 201-173-7) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), u li tinkludi l-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi identifikati bil-ħsieb ta’ inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrent, Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG), huwa grupp Ewropew b’interess ekonomiku li huwa stabbilit fil-Belġju. Huwa jirrappreżenta l-interessi ta’ kumpanniji produtturi u/jew importaturi ta’ polielettroliti, ta’ poliakrilamidu u/jew ta’ polimeri oħra li fihom l-akrilamidu. Il-kumpanniji li huma membri tal-ewwel rikorrent huma wkoll utenti tal-akrilamidu u produtturi u/jew importaturi tal-akrilamidu jew tal-poliakrilamidu. Il-produtturi kollha tal-akrilamidu tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-ewwel rikorrent.

2        It-tieni rikorrenti, SNF SAS, hija kumpannija membru tal-ewwel rikorrent. L-attività tagħha tikkonsisti prinċiparjament fil-produzzjoni tal-akrilamidu u tal-poliakrilamidu li hija tbigħ direttament lill-klijenti tagħha. Hija għandha siti ta’ produzzjoni fi Franza, fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel.

3        Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttrażmetta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li huwa kien ipproduċa li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir‑reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat sussegwentement b’mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE (ĠU L 353, p. 1), billi jagħmel riferiment għall-klassifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza karċinoġena tal-kategorija 2 u mutaġenika tal-kategorija 2 fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Fil-31 ta’ Awwissu 2009, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fajl stabbilit għall-akrilamidu. Fl-istess ġurnata, l-ECHA stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett.

4        Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet fuq il-fajl inkwistjoni, b’mod partikolari mill-ewwel rikorrent, u r-risposti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn l-osservazzjonijiet, l-ECHA bagħtet il-fajl lill-kumitat tagħha tal-Istati Membri, li fis-27 ta’ Novembru 2009 wasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, minħabba li l-akrilamidu jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006.

5        Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li tiddikjara, minn naħa, li l-kumitat tal-Istati Membri wasal għal ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-akrilamidu u ta’ erbatax-il sustanza oħra bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa fejn dawn is-sustanzi jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ sustanzi identifikati, in vista tal-inklużjoni eventwali tagħha fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”), ser tiġi formalment aġġornata f’Jannar tal-2010. Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA ħa d-deċiżjoni ED/68/2009, li kellha tidħol fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2010, li dawk il-ħmistax-il sustanza għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati fit-13 ta’ Jannar 2010.

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament (Kawża T‑1/10).

7        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Jannar 2010, it-tieni rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet essenzjalment lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament (Kawża T‑1/10 R).

8        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2010, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji. Wara dan id-digriet, l-ECHA ssospendiet l-inklużjoni tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

9        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2010, PPG u SNF vs ECHA (T‑1/10 R, Ġabra p. I‑0000), it-talba għal miżuri provviżorji tat-tieni rikorrenti ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

10      Wara dak id-digriet, l-ECHA ppubblikat, fit-30 ta’ Marzu 2010, il-lista ta’ sustanzi kandidati li tinkludi l-akrilamidu.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors maħsub għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010, li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li tinkludi l-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Ir-rikorrenti rrispondew għal din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Lulju 2010.

13      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat is-Seba’ Awla, li ġiet adita b’din il-kawża.

14      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-21 ta’ Diċembru 2010.

15      Permezz ta’ ittri rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u fil-25 ta’ Novembru 2010 rispettivament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea talbu li jiġu ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Dawn it-talbiet intlaqgħu, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Jannar 2011.

16      Fit-18 ta’ Jannar 2011, l-ECHA ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali sottomissjoni addizzjonali għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din is-sottomissjoni fil-15 ta’ Frar 2011.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2011, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrinunzja għall-preżentata ta’ nota ta’ intervent limitata għall-ammissibbiltà. Il-Kummissjoni ppreżentat tali nota fl-24 ta’ Frar 2011.

18      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali rrinvijat din il-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u l-21 ta’ April 2011, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent limitata għall-ammissibbiltà tal-Kummissjoni.

20      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż;

–        tordna kull miżura oħra li tqis li hija neċessarja.

21      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

 Id-dritt

24      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tħoss li hija adottat biżżejjed mill-atti tal-proċess u li għalhekk ma hemmx lok li jinfetħu l-proċeduri orali.

25      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-ECHA tinvoka tliet eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, ibbażati prinċiparjament fuq nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kif ukoll, sussidjarjament fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti.

26      Il-Kummissjoni ssostni l-argument tal-ECHA fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Hija ssostni wkoll li r-rikors huwa inammissibbli minħabba lis alibi pendens.

27      Qabelxejn jeħtieġ li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokata prinċiparjament u bbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

28      F’dan ir-rigward, l-ECHA u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li r-rikors ġie ppreżentat intempestivament. Skont dawn tal-aħħar, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010 u t-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-ECHA kien għaldaqstant bejn il-31 ta’ Marzu 2010 u t-30 ta’ Mejju 2010. Ma’ din id-data tal-aħħar, hemm lok li jiżdied it-terminu addizzjonali għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst mill-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li t-terminu totali għall-preżentata tar-rikors skada fid-9 ta’ Ġunju 2010. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010, ġie ppreżentat b’mod tardiv.

29      Ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dik id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda għal kull mezz ta’ pubblikazzjoni, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni fuq l-internet bħal dik prevista fl-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006. Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura twassal għal diskriminazzjoni u għal trattament arbitrarju tar-rikorrenti. Fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ġie osservat.

30      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi previsti f’dak l-artikolu għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih.

31      F’dan il-każ, l-ECHA ppubblikat id-deċiżjoni kkontestata fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fit-30 ta’ Marzu 2010. Fil-fatt, b’mod konformi mal-obbligu impost fuqha skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha l-lista ta’ sustanzi kandidati li tinkludi l-akrilamidu fit-30 ta’ Marzu 2010.

32      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-mod ta’ pubblikazzjoni prevista minn dik id-dispożizzjoni u ma jillimitax il-pubblikazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għal ċerti mezzi ta’ pubblikazzjoni. Għaldaqstant il-pubblikazzjoni fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma tistax tirreferi biss għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

33      B’mod kuntrarju għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma għandux jibda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi tali regola, japplika biss, skont il-kliem tiegħu, għal atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1907/2006 b’mod ġenerali jipprevedi biss pubblikazzjoni fuq l-internet għall-atti tal-ECHA. Dan jistabbilixxi wkoll regola partikolari għall-pubblikazzjoni tal-atti ta’ dik l-aġenzija. B’mod iktar preċiż, skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati ssir fuq is-sit tal-internet tal-ECHA u ma hija prevista l-ebda forma oħra ta’ pubblikazzjoni minn ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament.

34      L-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistax jiġi applikat, lil hinn mill-kliem tiegħu, għal atti ppubblikati b’mod ieħor, bħal f’dan il-każ esklużivament fuq l-internet.

35      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxi biss regola speċifika prevista għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-pubblikazzjoni li ssir esklużivament fuq l-internet tiddifferenzja ruħha minn dik fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li din issir elettronikament, b’tali mod li l-atti hekk ippubblikati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku fl-Unjoni kollha fl-istess ħin. Fir-rigward tal-fatt li hija disponibbli wkoll verżjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fuq l-internet, jeħtieġ li jiġi rrilevat li hija biss il-verżjoni stampata tal-imsemmi ġurnal li hija awtentika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, Ġabra p. I‑10841, punt 50).

36      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna t-termini proċedurali tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2009, Ċipru vs Il-Kummissjoni, T‑300/05 u T‑316/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 235, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fit-tielet lok, b’mod kuntrarju għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ għajnuna mill-istat ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ. Huwa veru li, fil-kawżi marbuta ma’ għajnuna mill-istat il-fatt li terzi jingħataw aċċess għat-test sħiħ ta’ deċiżjoni mqiegħda fuq is-sit internet tagħha, flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ sommarju fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jippermetti lill-persuni interessati jidentifikaw id-deċiżjoni inkwistjoni u jiġu informati b’din il-possibbiltà ta’ aċċess permezz tal-internet, jirrendi applikabbli l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura (Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2005, Air Bourbon vs Il-Kummissjoni, T‑321/04, Ġabra p. II‑3469, punt 34 u 42, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II‑471, punti 35 u 48). Madankollu, għal dan it-tip ta’ kawżi l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi espressament għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, l-ebda dispożizzjoni ma teżiġi pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea la fil-forma ta’ sommarju u lanqas fil-forma sħiħa. Għall-kuntrarju, mir-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-lista ta’ sustanzi kandidati aġġornata għandha tiġi ppubblikata esklużivament fuq l-internet.

38      Fir-raba’ lok, b’mod kuntrarju għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma japplikax għall-pubblikazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni li jsiru esklużivament fuq l-internet ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fir-rigward tagħhom. Fil-fatt, is-sitwazzjoni fattwali u ġuridika li tinsab fiha persuna wara l-pubblikazzjoni ta’ att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma hijex paragunabbli ma dik li tinsab fiha persuna wara l-pubblikazzjoni ta’ att esklużivament fuq l-internet (ara l-punt 35 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA bħala data tal-pubblikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiggarantixxi t-trattament ugwali tal-persuni interessati kollha billi jiżgura li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dik id-deċiżjoni jiġi kkalkulat bl-istess mod għal kulħadd (ara, f’dan is-sens, id-digriet Air Bourbon vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 44). Id-differenzi li jikkonċernaw il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors bejn il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u dik fuq l-internet huma, fi kwalunkwe każ, bl-istess mod iġġustifikati minħabba l-karatteristiċi tal-pubblikazzjoni fuq l-internet (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

39      Isegwi li peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010, it-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri mill-31 ta’ Marzu 2010, b’mod konformi mal-Artikolu 101(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura. It-terminu ta’ xahrejn skada fit-30 ta’ Mejju 2010 peress li, skont l-Artikolu 101(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, terminu espress f’xhur għandu jispiċċa mal-iskadenza ta’ dak il-jum li fl-aħħar xahar iġib l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑406/01, Ġabra p. I‑4561, punt 17). B’kont meħud tat-terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem li għandu jiżdied mat-termini proċedurali skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata tar-rikors skada fid-9 ta’ Ġunju 2010.

40      Isegwi li dan ir-rikors li ġie ppreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010, ġie ppreżentat b’mod tardiv.

41      Jekk ir-rikorrenti, billi jinvokaw in-novità tal-kawżi kontra d-deċiżjonijiet tal-ECHA u n-nuqqas ta’ ġurisprudenza eżistenti relatata mal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ippubblikati fuq l-internet, ir-rikorrenti riedu jipprevalixxu ruħhom mill-fatt li l-iżball ta’ interpretazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli f’dan il-każ jikkostitwixxi żball skużabbli, hemm lok li jiġi indikat li jirriżulta mill-fajl li, skont ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA tikkostitwixxi pubblikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant l-iżball tar-rikorrenti kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata kemm tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll tal-Artikolu 101(1) tal-imsemmi regolament relatat mal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Dawk id-dispożizzjonijiet ma jippreżentaw l-ebda diffikultà partikolari ta’ interpretazzjoni, b’tali mod li ma jistax jiġi rikonoxxut żball skużabbli min-naħa tar-rikorrenti li jiġġustifika deroga għall-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, punt 21).

42      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx u lanqas ma invokaw l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li jippermettu lill-qorti tal-Unjoni li tidderoga mit-terminu inkwistjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

43      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA u mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenjew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

45      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk tal-ECHA, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) u SNF SAS huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Settembru 2011.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       A. Dittrich


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.