Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2014 – Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-40/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Electrabel (Brussell, il-Belġju) u Dunamenti Erőmű Zrt. (Százhalombatta, l-Ungerija) (rappreżentant: J. Philippe, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea minħabba l-adozzjoni illegali tad-Deċiżjoni 2009/609/KE, tal-4 ta’ Ġunju 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 41/2005 (ĠU 2009 L 225, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni FXE”);

tordna lill-Kummissjoni tikkumpensa totalment u konġuntament lir-rikorrenti għad-danni subiti minnhom li jirriżultaw mit-terminazzjoni antiċipata żbaljata tal-Ftehim għax-xiri ta’ elettriku (iktar ’il quddiem “FXE”) tal-10 ta’ Ottubru 1995 bejn Magyar Villamos Művek (iktar ’il quddiem “MVM”), il-kumpannija grossista tal-elettriku miżmuma mill-istat, u Dunamenti, produttur tal-elettriku, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2009/609/KE, tal-4 ta’ Ġunju 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 41/05, u li jammontaw għal minimu ta’ EUR 250 miljun, liema ammont għandu jiġi aġġornat u mmodifikat fid-dawl ta’ tagħrif li għandu jinkiseb iktar ’il quddiem;

tordna l-ħlas tal-interessi fuq il-kumpens imsemmi iktar ’il fuq mid-data tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-obbligu ta’ ħlas tad-danni f’dan il-każ b’rata ta’ 8 % fis-sena, jew b’dik ir-rata li l-Qorti Ġenerali tista’ tistabbilixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha; u

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura manifestament illegali tad-deċiżjoni FXE. Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni FXE (attwalment suġġetta għal proċeduri ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali – Kawża T-179/09) hija vvizzjata minn numru ta’ żbalji serji li huma inkompatibbli mal-imġieba normali ta’ istituzzjoni inkarigata milli tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u li għaldaqstant għandha tagħti lok għal responsabbiltà min-naħa tal-Unjoni Ewropea, inkwantu:

it-tagħrif inkluż fid-deċiżjoni FXE juri b’mod ċar li l-FXE ma kien jagħti ebda vantaġġ ekonomiku;

il-FXE kien jifforma parti mill-pakkett ta’ privatizzazzjoni ta’ Dunamenti u kien jippreċedih, u għaldaqstant ġie vvalutat fil-prezz imħallas minn Electrabel, iżda l-Kummissjoni rrifjutat milli tieħdu inkunsiderazzjoni, fejn b’hekk kisret il-liġi tal-Unjoni Ewropea b’mod manifest;

l-ordni ta’ rkupru tad-deċiżjoni FXE huwa tant ivvizzjat li l-kalkolu magħmul minn ekonomisti magħrufa kkonstata, bħala riżultat, għajnuna negattiva, li jfisser nuqqas ta’ għajnuna.

Ir-rikorrenti jsostnu li tali żbalji evidenti ma jistgħux jiġu spjegati bil-kumplessità prima facie tal-każ jew bir-restrizzjonijiet oġġettivi li għalihom hija suġġetta l-Kummissjoni meta twettaq stħarriġ fuq l-għajnuna mill-istat. Dawn l-iżbalji huma pjuttost dovuti, fil-biċċa l-kbira, għar-rifjut tal-Kummissjoni li tevalwa l-FXE b’mod individwali u jikkostitwixxu prova ċara ta’ nuqqas serju ta’ osservazzjoni tal-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti sofrew dannu attwali b’riżultat tat-terminazzjoni antiċipata tal-FXE. Minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni, il-FXE ġie tterminat qabel ma ntemm it-terminu kuntrattwali tiegħu. Ir-rikorrenti jsostnu li, b’riżultat ta’ din it-terminazzjoni antiċipata, huma sofrew telf sinjifikanti u li tali danni, li f’dan l-istadju ma jistgħux jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, jeċċedi l-EUR 250 miljun.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-dannu subit mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti jsostnu li kieku l-aġir tal-Kummissjoni kien skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, ma kienx ikun hemm terminazzjoni antiċipata tal-FXE, u b’hekk id-dannu li rriżulta għar-rikorrenti mid-deċiżjoni FXE żbaljata kien jiġi evitat.