Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2024 – Lattanzio KIBS et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-113/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Lattanzio KIBS SpA (Milan, l-Italja) CY, CV u CW (rappreżentanti: B. O’Connor u M. Hommé, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar il-proċedimenti għall-esklużjoni tal-ewwel rikorrenti milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti għal kuntratti pubbliċi u allowances irregolati mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) 1 u mir-Regolament (UE) 2018/1877 2 jew milli tintagħżel għall-implimentazzjoni ta’ fondi rregolati minnhom (Ref. Ares (2023)8545235);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea (u lil kwalunkwe parti intervenjenti potenzjali) għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-liġi meta kklassifikat is-sentenza tal-Qorti Kriminali ta’ Milan tat-13 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem is-“Sentenza ta’ Milan”) bħala sentenza finali ta’ ħtija li sabet lit-tieni u lit-tielet rikorrent ħatja ta’ korruzzjoni.

Huwa argumentat li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li kienu l-bażi tal-konstatazzjoni żbaljata li s-Sentenza ta’ Milan kienet tikkostitwixxi sentenza finali ta’ ħtija.

Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni importanti fir-rigward tad-dritt Taljan.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 136(1)(d)(ii) tar-Regolament Finanzjarju meta kkonstatat, abbażi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li s-Sentenza ta’ Milan kienet tikkostitwixxi bażi valida li fuqha tista’ tiġi eskluża l-ewwel rikorrenti milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti rregolati mir-Regolament 2018/1046 u mir-Regolament 218/1877.

L-imsemmi Artikolu 136(1)(d)(ii) jipprovdi li l-esklużjoni teżiġi li jkun hemm sentenza finali ta’ ħtija li tistabbilixxi li l-entità jew il-persuna hija ħatja ta’ korruzzjoni.

Huwa argumentat li s-Sentenza ta’ Milan ma tistax titqies bħala sentenza finali ta’ ħtija u ma sabitx lit-tieni u lit-tielet rikorrent ħatja ta’ korruzzjoni; konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment teskludi lill-ewwel rikorrenti taħt l-Artikolu 136(1)(d)(ii) tar-Regolament Finanzjarju.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha li tqis il-kontenut u n-natura tad-dritt nazzjonali.

Il-Kummissjoni qalet fid-deċiżjoni kkontestata li l-frażi “sentenza finali ta’ ħtija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandha tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni Ewropea iżda, ir-rikorrenti jargumentaw, hija naqset milli tipprovdi definizzjoni jew tindika bażi legali għal din l-evalwazzjoni.

Barra minn hekk, huwa allegat li l-Kummissjoni naqset milli tqis il-klassifikazzjoni tas-Sentenza ta’ Milan fid-dritt Taljan.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 136(4) tar-Regolament Finanzjarju billi eskludiet lill-ewwel rikorrenti abbażi ta’ konstatazzjoni, ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, li t-tieni u t-tielet rikorrent kellhom setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew ta’ kontroll fuqha.

L-elementi evalwati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 136(4) tar-Regolament Finanzjarju kienu, fil-fehma tar-rikorrenti, insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti u kienu vvizzjati bl-interpretazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni tas-Sentenza ta’ Milan.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni sabiex tissostanzja l-konklużjonijiet misluta mid-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa argumentat ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni fir-rigward taż-żewġ konklużjonijiet li kellhom influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni finali.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut mill-Artikolu 136(3) tar-Regolament Finanzjarju, u bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 5(4) TUE, billi adottat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

Id-deċiżjoni li tiġi ppubblikata d-deċiżjoni ta’ esklużjoni fuq il-websajt ta’ DG NEAR u li jiġu rreġistrati l-ismijiet u l-informazzjoni personali tat-tieni u tat-tielet rikorrent fid-database tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni kienet, skont ir-rikorrenti, manifestament sproporzjonata.

Huwa argumentat ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tqis il-fatturi fl-Artikolu 136(3) tar-Regolament Finanzjarju.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 136(6) tar-Regolament Finanzjarju billi naqset milli tqis miżuri ta’ rimedju sottomessi mill-ewwel rikorrenti.

Huwa affermat li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra talbiet mir-rikorrenti matul il-proċeduri avversarji sabiex tfittex kjarifika dwar il-miżuri ta’ rimedju potenzjali disponibbli għalihom.

Il-Kummissjoni naqset mili tqis evidenza wiesgħa pprovduta lilha mir-rikorrenti li setgħet titqies bħala miżuri ta’ rimedju.

It-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-raba’ rikorrent, iggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Huwa għalhekk argumentat finalment li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi ma informatx lir-raba’ rikorrent li kienet qiegħda twettaq evalwazzjoni fuqu u billi ma pprovditlux id-drittijiet għal difiża.

____________

1     Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU 2018, L 307, p. 1).