Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2024 – Independent Farmers Organisation of Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-62/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Independent Farmers Organisation of Ireland Ltd (Drumdigus, l-Irlanda) (rappreżentant: B. Burns, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2666 tat-22 ta’ Novembru 2023 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (Irish Grass Fed Beef (IĠP)), ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 1  ;

tiddikjara n-nullità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 1 sa fejn dawn ma ppermettewx li r-rikorrenti jipparteċipa b’mod effettiv fir-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ.

Ir-rikorrenti tallega li d-dritt għal smigħ tagħha ma ġiex irrispettat, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bi ksur tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti tallega li hija ġiet imċaħħda mill-opportunità li tiġi mismugħa u li l-opinjonijiet tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni konġunta tal-Irlanda u tar-Renju Unit (Irlanda ta’ Fuq).

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 1 .

L-Artikolu 4 jipprevedi li “[f]il-każ ta’ applikazzjonijiet konġunti kif imsemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-proċeduri nazzjonali ta’ oppożizzjoni relatati għandhom jitwettqu fl-Istati Membri kollha kkonċernati”.

Ir-rikorrenti tallega li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati u li hija ġiet imċaħħda minn kull opportunità li tiġi mismugħa fil-kuntest tal-applikazzjoni konġunta tal-Irlanda u tar-Renju Unit (Irlanda ta’ Fuq).

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta ġie meqjus li l-applikazzjoni l-ġdida tikkostitwixxi emenda sostanzjali.

Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ fatt meta ffinalizzat ir-reġistrazzjoni ( mingħajr l-opportunità ta’ iktar oppożizzjoni fuq livell nazzjonali) f’ċirkustanzi fejn l-applikazzjoni kienet fir-realtà applikazzjoni ġdida u konġunta iżda fejn lil-proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali kienet twettqet biss fl-Istat Membru li minnu oriġinat l-applikazzjoni oriġinali u fejn l-imsemmija proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali twettqet biss fir-rigward tal-applikazzjoni oriġinali.

Minħabba dan il-ksur ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-proċedura u mill-opportunità li toġġezzjona għall-applikazzjoni konġunta minn/li tinkludi pajjiż terz.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huwa illegali.

Sa fejn ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jippermetti l-inklużjoni ta’ isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Irish Grass Fed Beef” (IĠP)) fiċ-ċirkostanzi inkwistjoni f’dan il-każ, l-imsemmi regolament huwa invalidu sa fejn dan jikser id-dritt għal smiegħ tar-rikorrenti u d-dritt tagħha li tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ denominazzjonijiet.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ effetti fuq ir-rikorrenti.

Ir-reġistrazzjoni tal-IĠP tikkonċerna direttament lill-organizzazzjoni rikorrenti u lill-membri tagħha, u hija ta’ preġudizzju għall-interessi tagħhom, sa fejn din ir-reġistrazzjoni ma tinvolvix miżura ta’ implimentazzjoni.

____________

1     ĠU L 2023/2666.

1     Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, fil-ĠU 2017, L 137, p. 40, fil-ĠU 2019, L 216, p. 40 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 50).

1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta' Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU 2014, L 179, p. 17).