Language of document : ECLI:EU:T:2007:380

Kawżi magħquda T-101/05 u T-111/05

BASF AG u UCB SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini — Kloru tal-kolin (vitamina B 4) — Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Multi — Effett dissważiv — Reċidiva — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Ksur uniku u kontinwat”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs ta’ l-impriża sanzjonata — Rilevanza — Obbligu li tittieħed in kunsiderazzjoni l-probabbiltà ta’ reċidiva ta’ l-impriża sanzjonata u l-multi li diġà ġew imposti għal attivitajiet antikompetittivi oħra jew f’pajjiż terz — Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15, u Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett — Nuqqas ta’ terminu ta’ preskrizzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-linji gwida tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003 Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi in kambju għall-kooperazzjoni ta’ l-impriżi inkriminati — Natura vinkolanti għall-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa in kambju għsll-kooperazzjoni ta’ l-impriża inkriminata – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 Artikoli 11 u 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Smiegħ — Nuqqas ta’ verbal u ta’ reġistrazzjoni awdjo ta’ laqgħa li nżammet ma’ impriża fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Formalitajiet mhux mitluba mill-impriża — Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 65(ċ); Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 11 u 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 11 u 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Akkordji u prattiki miftehma li jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett

(Artikolu 81(1), KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Obbligu li tiġi applikata l-“lex mitior” — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Il-Kummissjoni ma tiksirx ir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, meta, sabiex tapplika ż-żieda ta’ l-ammont inizjali tal-multa bil-għan li tassiguralha effett suffiċjentement dissważiv, hija ma tagħmilx evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa ta’ l-impriża sanzjonata, iżda sempliċement tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħha, element li jista’ jintuża bħala indikazzjoni ta’ l-impatt li l-impriża kkonċernata setgħet eżerċitat fuq is-suq.

Għaldaqstant, ir-realtà tal-ksur li seħħ ma tistax tiġi affetwata mill-miżuri adottati mill-impriża kkonċernata bil-għan li tiġi evitata r-reċidiva, peress li l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformità ma tobbligax lill-Kummissjoni li tagħti tnaqqis fil-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li tgħid li, wara l-multi imposti fuq l-impriża kkonċernata f’suq ieħor minn deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni, ma kienx hemm iktar bżonn li din l-impriża tiġi dissważa. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ multa għal diversi attivitajiet antikompetittivi lanqas ma taffettwa r-realtà tal-ksur li twettaq, u għalhekk, ma tobbligax lill-Kummissjoni li tagħti tnaqqis minħabba f’hekk.

L-istess għandu jingħad f’dak li jirrigwarda l-kundanni li ngħataw f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika meta tistabbilixxi l-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jassigura r-rispett, min-naħa ta’ l-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew iż-Żona Ekonomika Ewropea. Isegwi li n-natura disswżiva ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji la jista’ jiġi ddeterminat abbażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża kkundannata, biss, u lanqas abbażi tar-rispett, min-naħa tagħha, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fi Stati terzi mhux membri taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(ara l-punti 46-47, 50, 52-53)

2.      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jikkostitwixxu l-bażi legali rilevanti li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien u l-gravità tal-ksur. Il-gravità tal-ksur hija ddeterminata b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali. Il-fatt li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti, waqt li tiġi stabbilita l-multa, jimxi skond l-inkarigu li l-Kummissjoni għandha li tassigura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-analiżi tal-gravità tal-ksur imwettaq għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-eventwali reċidiva peress li din ir-reċidiva tista’ tiġġustifika żieda kunsiderevoli ta’ l-ammont bażi tal-multa.

Sabiex jiġi rrikonoxxut każ ta’ reċidiva huwa biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha quddiemha ksur li jaqa’ taħt l-istess dispożizzjoni tat-Trattat KE, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-ksur jirrigwarda l-istess suq ta’ prodotti.

In-nuqqas ta’ terminu massimu għall-konstatazzjoni ta’ reċidiva fir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003 jew fil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jiffurmaw parti mis-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’terminu eventwali ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni hija mistennija li tevalwa, peress li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex iħeġġeġ lill-impriżi, li jkunu wrew inklinazzjoni li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, ibiddlu l-aġir tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu in kunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw tali inklinazzjoni, inkluż, per eżempju, iż-żmien li għadda bejn il-ksur in kwistjoni.

Meta l-Qorti Komunitarja jkollha tiddeċiedi fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-reċidiva, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jista’ jiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni li r-riferiment għalihom fid-deċiżjoni mhuwiex bħal dak meħtieġ skond l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE. Għalhekk, din tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriża kkonċernata pparteċipat fi ksur anki jekk tali fatt ma ssemmiex fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 64-67, 70-71)

3.      Fil-kuntest tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-perċentwali li jikkorrispondu maż-żiediet jew mat-tnaqqis, adottati minħabba ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, għandhom jiġu applikati fuq l-ammont bażi tal-multa, li jiġi stabbilit skond il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

(ara l-punt 73)

4.      Fid-dawl ta’ l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni seta’ jkollhom abbażi tal-komunikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, il-Kummissjoni hija obbligata tikkonforma ruħha magħha meta twettaq l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ l-impriża in kwistjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha.

(ara l-punt 89)

5.      Sabiex impriża tkun tista’ tibbenifika minn tnaqqis fil-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, l-aġir tagħha għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fit-twaqqif tal-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li impriża tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju, informazzjoni li tirrigwarda proċedura għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li saret fi Stat terz li mhuwiex membru taż-Żona Ekonomika Ewropea u li ma ġietx użata la direttament u lanqas indirettament mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur f’din iż-Żona, ma tikkostitwixxix kooperazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu D tal-komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, li b’mod partikolari jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni, ta’ dokumenti jew ta’ provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ksur imwettaq.

Min-naħa l-oħra, tnaqqis ibbażat fuq il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jkunu jistgħu f’dan ir-rigward jitqiesu bħala prova ta’ kooperazzjoni vera min-naħa tagħha. Hekk kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif enfasizzat mill-kliem tal-komunikazzjoni, u b’mod partikolari d-daħla u t-Taqsima D(1) tagħha, effettivament huwa biss meta l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jkun xhieda ta’ tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis abbażi ta’ l-imsemmija komunikazzjoni. Għalhekk, ma jistax jitqies li jirrifletti tali spirtu ta’ kooperazzjoni la, minn naħa, l-aġir ta’ impriża li, għalkemm ma kinitx obbligata li twieġeb għal domanda magħmula mill-Kummissjoni, irrispondiet għaliha b’mod mhux komplet u qarrieqi, u lanqas, min-naħa l-oħra, l-aġir ta’ impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni b’dokumenti b’risposta għal talba għall-informazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fejn l-impriża kienet qed taġixxi, f’dan il-każ, minħabba obbligu legali, anki jekk din l-informazzjoni setgħet isservi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv kontra l-impriża li pprovdiethom jew kontra impriża oħra.

(ara l-punti 90-92, 108, 111)

6.      Ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala konsegwenza tan-nuqqas li tikteb verbal jew milli tirreġistra laqgħa li nżammet ma’ impriża bil-għan ta’ kooperazzjoni li tista’ tingħata kumpens abbażi tal-komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi fil-kawżi dwar akkordji, meta din l-impriża ma tkunx effettivament talbet lill-istituzzjoni sabiex tagħmel dawn il-formalitajiet.

Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ dikjarazzjoni bil-miktub minn persuna li ħadet sehem f’laqgħa, bħala mezz ta’ prova tal-kontenut tal-laqgħa, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprekludux li l-partijiet jippreżentaw tali dikjarazzjonijiet. Madankollu, l-evalwazzjoni tagħhom tibqa rriżervata għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’, jekk il-fatti deskritti fihom huma kruċjali għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni, tordna, fil-forma ta’ miżura istruttorja, is-smiegħ, bħala xhud, ta’ l-awtur ta’ tali dokument.

(ara l-punti 96-97)

7.      Il-waqfien tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, previst mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ma jistax loġikament ikun ċirkustanza attenwanti ħlief jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi in kwistjoni tħajru jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi in kwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data ta’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni mhuwiex kopert minn din id-dispożizzjoni. Dan l-aħħar każ jittieħed biżżejjed in kunsiderazzjoni permezz tal-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur ikkonstatat.

It-tkeċċija ta’ l-uffiċjali li kellhom rwol determinanti fil-ksur lanqas ma tikkostitwixxi azzjoni li tiġġustifika t-tnaqqis tal-multa imposta. Fil-fatt, din hija miżura intiża sabiex timponi r-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impjegati ta’ impriża, u dan, f’kull każ, huwa obbligu ta’ l-impriża u għalhekk ma jistax jitqies bħala ċirkustanza attenwanti.

(ara l-punti 128-129)

8.      Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew fi pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ tkun ta’ vantaġġ għal min jikkommettih meta xi wħud minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ ksur ikunu preskritti.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Dan jista’ wkoll ikun relatat man-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, impriża li tkun ħadet sehem fi ksur permezz ta’ aġir tagħha stess, li jifforma parti mill-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftehma li jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE u li kellhom l-għan li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur sħiħ, ukoll tista’ tinżamm responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi, ta’ l-aġir implementat minn impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-istess ksur. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra jew li hija setgħet tipprevedihom b’mod raġjonevoli u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju. Din il-konklużjoni għandha l-oriġini tagħha f’kunċett mifrux ħafna fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur magħmul permezz ta’ awturi diversi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur sħiħ. Għalhekk, din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għal tali ksur għandha natura personali, ma tħallix barra l-evalwazzjoni individwali tal-provi mressqa kontra u ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi involuti. Għalhekk, każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta minn numru ta’ atti jew minn aġir kontinwat li kien jifforma parti minn “pjan sħiħ” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. F’tali każ, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata li tpoġġi r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat b’mod sħiħ, anki jekk ikun ġie stabbilit li l-impriża in kwistjoni tkun ipparteċipat direttament biss f’wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax l-identità ta’ l-iskop antikompetittiv u, għaldaqstant, tal-ksur, sakemm kull impriża tkun ikkontribwiet, bil-mezzi proprji tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq.

Il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-fatt li l-kompetizzjoni ġiet affettwata jikkostitwixxi, bħala għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett tal-ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu safejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi konstituttiv ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġiri differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwat, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex iwieġeb għal konsegwenza jew konsegwenzi ta’ l-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq ta’ l-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku, u għalhekk id-diversi aġiri antikompetittivi jkunu “marbuta mill-qrib”. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri in kwistjoni.

Għaldaqstant, akkordju dinji li jirrigwarda t-tqassim tas-swieq permezz ta’ l-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq Ewropew, in kambju ta’ l-irtirar tal-produtturi Ewropej mis-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq, minn naħa, u akkordju implementat mill-produtturi Ewropej wara l-waqfien definittiv ta’ l-akkordju dinji, u li jirrigwara t-tqassim tas-suq u tal-klijenti u l-iffissar tal-prezzijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, min-naħa l-oħra, għandhom jitqiesu bħala żewġ ċirkustanzi ta’ ksur distinti ta’ l-Artikolu 81(1) KE u mhux bħala ksur uniku u kontinwat, fid-dawl ta’ nuqqas ta’ eżistenza parallela bejn l-implementazzjoni tagħhom, minħabba li dawn kienu qed isegwu għanijiet differenti u ġew implementati b’metodi differenti u fin-nuqqas ta’ provi li juru l-intenzjoni tal-produtturi Ewropej li jaderixxu ma’ l-arranġamenti dinjija sabiex iwettqu ulterjorment it-tqassim tas-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(ara l-punti 157-161, 179-181, 199-201, 209)

9.      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi imposti minħabba l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Komunitarja għandha skond l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, tawtorizzha li, minbarra s-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penali mogħtija meta l-kwistjoni ta’ l-ammont tagħhom tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, il-linji gwida tal-Kumissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-multa mill-Qorti Komunitarja meta din tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni msemmija.

(ara l-punt 213)

10.    Il-prinċipju ta’ non-retroattività ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-linji gwida li għandhom, b’mod ipotetiku, effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li l-politika li dawn jimplementaw tkun raġjonevolment prevedibbli fiż-żmien meta l-ksur in kwistjoni jkun twettaq. Konsegwentement, id-dritt, anki kundizzjonali, li l-Kummissjoni għandha li tapplika b’mod retroattiv, fil-konfront tal-persuni kkonċernati, regoli ta’ kondotta intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħal-linji gwida, jeskludi kull obbligu għal din l-istituzzjoni milli tapplika l-“lex mitior”.

(ara l-punti 233-234)