Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Frar 2011 - Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-484/10 R)

"Proċeduri għal miżuri proviżżorji - Għajnuna mill-Istat - Kumpens tal-ispejjeż addizzjonali ta' produzzjoni ta' ċerti ċentrali tal-elettriku li jirriżultaw mill-obbligu ta' servizz pubbliku ta' produzzjoni ta' ċerti volumi ta' elettriku minn faħam ta' oriġni nazzjonali u l-implementazzjoni ta' 'mekkaniżmu ta' dispaċċ preferenzjali' favurihom - Deċiżjoni li jitqajmux oġġezzjonijiet - Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni - Fumus boni juris - Nuqqas ta' urġenza - Ibbilanċjar tal-interessi"

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Gas Natural Fenosa SDG, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz u F. Salerno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: É. Gippini Fournier u C. Urraca Caviedes, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-konvenuta: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. M. Rodríguez Cárcamo, aġent)

Suġġett

Talba għal miżuri provviżorji intiża, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4499, tad-29 ta' Settembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat N 178/2010 innotifikata mir-Renju ta' Spanja taħt forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku assoċjat ma' mekkaniżmu ta' dispaċċ preferenzjali favur ċentrali ta' produzzjoni tal-enerġija elettrika li jużaw faħam ta' oriġni nazzjonali.

Dispożittiv

It-talba għal intervent tal-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de A Coruña hija miċħuda.

E.ON Generación, S.L., Hidroeléctrica del Cantábrico, SA, u l-Federación Nacional de Empresarios de Minas de Carbón jistgħu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Novembru 2010, Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni (T-490/10 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), huwa revokat.

Għandu jiġi stabbilit terminu għal Gas Natural Fenosa SDG, għall-Kummissjoni u għar-Renju ta' Spanja sabiex jitolbu li ċerti elementi kunfidenzjali tal-proċess kif ukoll ta' dan id-digriet jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-partijiet imsemmija fil-punt 2 ta' dan id-dispożittiv u sabiex tiġi prodotta, għall-finijiet ta' din il-komunikazzjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali ta' partijiet tal-proċess u ta' dan id-digriet.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________