Language of document : ECLI:EU:T:2008:55

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Frar 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta werqa ta’ l-aġġru – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark għal servizzi – Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi – Punti ta’ liġi mressqa quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza”

Fil-kawża T‑215/06,

American Clothing Associates SA, stabbilita f’Evergem (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Maeyaert u N. Clarembeaux, avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-4 ta’ Mejju 2006 (Każ R 1463/2005-1), li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirrappreżenta werqa ta’ l-aġġru bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Awwissu 2006,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Ottubru 2006

wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jipprovdi:

“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

h)      trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi;

[…]”

2        L-Artikoli 1, 6, 6 ter, 6 sexies u 7 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali ta’ l-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), jipprovdu:

L-Ewwel Artikolu

[…]

“2)      Il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali għandha bħala suġġett il-privattivi għall-invenzjonijiet, il-mudelli utilitarji, id-disinni jew il-mudelli industrijali, it-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, it-trade marks għal servizzi, l-isem kummerċjali u l-indikazzjonijiet tal-provenjenza jew denominazzjonjiet ta’ oriġini, kif ukoll is-soppressjoni tal-konkorrenza mhux leċita.

[…]

Artikolu 6

1)      Il-kundizzjonijiet għall-preżentata u r-reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju għandhom ikunu stabbiliti f’kull pajjiż ta’ l-Unjoni [magħmula mill-pajjiżi li għalihom tapplika l-Konvenzjoni ta’ Pariġi] mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

[…]

Artikolu 6 ter

1)      a) Il-pajjiżi ta’ l-Unjoni jaqblu li jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni u li jipprojbixxu, permezz ta’ miżuri xierqa, l-użu, fin-nuqqas ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, jew bħala trade mark ta’ ditta jew ta’ negozju, jew bħala element ta’ dawn it-trade marks, ta’ armi, bnadar u emblemi oħra ta’ l-Istat tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, sinjali u bolli uffiċjali ta’ kontroll u ta’ garanzija adottati minnhom, kif ukoll kull imitazzjoni minn perspettiva araldika.

b)       Id-dispożizzjonijiet ta’ […] a) iktar’il fuq japplikaw ukoll għall-armi, bnadar u emblemi oħra, akronimi jew ismijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi li tagħhom ikunu membri pajjiż jew numru ta’ pajjiżi ta’ l-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ armi, bnadar u emblemi oħra, akronimi jew ismijiet li diġà kienu s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali fis-seħħ intiż li jiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom.

c)       Ebda pajjiż ta’ l-Unjoni ma jista’ jiġi obbligat japplika d-dispożizzjonijiet ta’ […] b) iktar’il fuq bi preġudizzju għall-proprjetarji ta’ drittijiet akkwistati bona fide qabel id-dħul fis-seħħ, f’dan il-pajjiż, ta’ din il-konvenzjoni. Il-pajjiżi ta’ l-Unjoni mhumiex obbligati japplikaw l-imsemmija dispożizzjonijiet meta l-użu jew ir-reġistrazzjoni previsti f’[…] a) iktar’il fuq ma jkunux ta’ tali natura li jissuġerixxu lill-pubbliku li teżisti rabta bejn l-organizzazzjoni in kwistjoni u l-armi, bnadar, emblemi, akronimi jew ismijiet, jew jekk dan l-użu jew reġistrazzjoni mhuwiex verament ta’ tali natura li jħawwad lill-pubbliku fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rabta bejn l-utent u l-organizzazzjoni. […]

3)      a) Għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-pajjiżi ta’ l-Unjoni jaqblu li jikkomunikaw lil xulxin, permezz tal-Bureau Internazzjonali, il-lista ta’ l-emblemi ta’ l-Istat, sinjali u bolli uffiċjali ta’ kontroll u ta’ garanzija, li huma jixtiequ jpoġġu jew ikunu jixtiequ jpoġġu fil-futur, b’mod assolut jew f’ċerti limiti, taħt il-protezzjoni ta’ dan l-artikolu, kif ukoll kull modifika ulterjuri magħmula għal din il-lista. Kull pajjiż ta’ l-Unjoni għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fi żmien raġonevoli, il-listi notifikati.

Madankollu, din in-notifika mhijiex obbligatorja għal dak li jirrigwarda l-bnadar ta’ l-Istati. [...]

Artikolu 6 sexies

Il-pajjiżi ta’ l-Unjoni jimpenjaw ruħhom sabiex jipproteġu t-trade marks għal servizzi. Huma mhumiex marbuta jipprovdu għar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks.

Artikolu 7

It-tip ta’ prodott li fuqu għandha tidher it-trade mark ta’ ditta jew ta’ negozju, fl-ebda każ, ma tista’ tostakola r-reġistrazzjoni tat-trade mark. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fit-23 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament Nru 40/94.

4        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, komposta minn xbiha ta’ werqa ta’ l-aġġru u l-grupp ta’ ittri “rw”, f’ittri kbar, taħt din l-ixbiha, hija rriprodotta hawnhekk:

Image not found

5        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 40, skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaggar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ” (klassi 18);

–        “Ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras” (klassi 25);

–        “Servizzi ta’ ħjata, tassidermija; legaturi; xogħol, ipproċessar u rfinar ta’ ġlud, ġilda, ferijiet u tessuti; żvilupp ta’ films fotografiċi u stampar ta’ ritratti; xogħol fuq l-injam; tgħasir tal-frott; tħin ta’ qamħ; ipproċessar, temprar u rfinar ta’ superfiċi tal-metall” (klassi 40).

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2005, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li l-imsemmija trade mark kienet tista’ tqajjem f’moħħ il-pubbliku l-impressjoni li kienet teżisti rabta bejnha u l-Kanada, peress li l-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija imitazzjoni ta’ l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż.

7        Din l-emblema, hekk kif tirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Bureau Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) lill-Istati li huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, ta’ l-1 ta’ Frar 1967, kif ukoll mill-bażi tad-data tal-WIPO, hija riprodotta hawnhekk:

Image not found

8        Fis-6 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat appell, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur.

9        Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Mejju 2006 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), notifikata lir-rikorrenti fid-29 ta’ Mejju 2006, l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti u kkonferma d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur.

10      Fuq il-bażi ta’ l-elementi msemmija fil-punt 7 iktar’il fuq, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata li l-werqa ta’ l-aġġru bil-kulur aħmar kienet l-emblema tal-Kanada (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA), T‑127/02, Ġabra p. II‑1113, punt 40], il-Bord ta’ l-Appell qies li f’dan il-każ kellu jiġi eżaminat jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kienx fiha element li jista’ jkun ikkunsidrat bħala l-emblema Kanadiża jew imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”. Il-preżenza, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, ta’ l-element verbali “rw” ma tistax timpedixxi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (punti 12 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq id-differenza fil-kulur bejn il-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-emblema Kanadiża. Peress li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti ma kienet tispeċifika ebda kulur partikolari, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tista’ tiġi rrappreżentata bi kwalunkwe taħlita ta’ kuluri, inkluż l-aħmar ta’ l-emblema Kanadiża (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li ma kienet teżisti ebda differenza sinjifikanti fid-disinn bejn iż-żewġ weraq ta’ l-aġġru. Fiż-żewġ każijiet hemm xbiha ta’ l-istess werqa bi ħdax-il punt, f’forma ta’ stilla b’ħames fergħat fuq zokk, bi spazju bejn il-punti jew il-fergħat viżibilment identiku. Konsegwentement, il-pubbliku kkonċernat ser jipperċepixxi l-werqa ta’ l-aġġru tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha bħala imitazzjoni araldika ta’ l-emblema Kanadiża (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jiżbalja dwar l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark, meta titqies ukoll il-varjetà kbira ta’ prodotti u ta’ servizzi li l-Kanada tista’ toffri u tippromwovi (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Skond il-Bord ta’ l-Appell, l-allegata reputazzjoni, fil-Belġju, tat-trade mark tar-rikorrenti RIVER WOODS ma tistax tintuża biex jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-kisba ta’ karattru distintiv ta’ trade mark permezz ta’ l-użu li jkun sar minnha ma japplikax għall-każ previst mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord ta’ l-Appell irrifjuta wkoll l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, li kienet qed issostni li kienet irreġistrat numru ta’ trade marks nazzjonali simili, inklużi trade marks Kanadiżi, u rreferiet għall-prassi deċiżjonali preċedenti ta’ l-UASI fil-qasam ta’ trade marks li jkun fihom bandiera jew emblema ta’ l-Istat (punti 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis neċessarju li dan il-motiv jiġi eżaminat, l-ewwel għal dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 40 koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25, koperti mill-istess applikazzjoni.

 Fuq is-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 40

 L-argumenti tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi tista’ tqajjem xi domandi, hija se tiżviluppa l-argumenti tagħha mingħajr ma tiddistingwi bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kontenzjuża.

18      L-UASI, minn naħa tiegħu, isostni li, ikkunsidrat b’mod litterali, l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi japplika biss għal trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, jiġifieri għal trade marks għal prodotti. Din id-dispożizzjoni b’hekk ma tobbligax lill-Istati li huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, kif ukoll l-Istati jew organizzazzjonijiet internazzjonali – inkluża l-Unjoni Ewropea − membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li huma marbuta josservaw l-Artikolu 6 ter, li jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni, bħala trade marks għal servizzi jew bħala elementi ta’ trade marks għal servizzi, ta’ sinjali li jinkludu jew jimitaw l-emblemi ta’ l-Istat jew sinjali uffiċjali oħra. Madankollu, skond l-UASI, l-Istati, u l-UASI stess, huma indubbjament ħielsa li jagħmlu dan.

19      L-ewwel nett, il-WIPO, li tamministra l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, tirrikonoxxi din il-possibbiltà espressament, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 7 ta’ l-“informazzjoni ġenerali fuq l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”, disponibbli fis-sit ta’ l-internet tal-WIPO. Imbagħad, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi espressamet għall-protezzjoni tat-“trade mark [fir-rigward] ta’ prodotti jew servizzi”, filwaqt li l-Artikolu 7 ta’ l-istess regolament, dwar ir- raġunijiet assoluti għal rifjut, ma jagħmilx distinzjoni bejn it-trade marks għal prodotti u t-trade marks għal servizzi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ikkonfermat, fis-sentenza ECA, punt 10 supra, li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa applikabbli wkoll għat-trade marks għal servizzi, peress li t-trade mark in kwistjoni f’din il-kawża kienet tkopri kemm prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9, kif ukoll servizzi, li jaqgħu taħt il-klassi 41, u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kenitx għamlet distinzjoni bejn prodotti u servizzi meta hija kkonkludiet li kien ġustifikat li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark kienet ġiet rifjutata skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

20      Fis-seduta, l-UASI talab li tingħata interpretazzjoni wiesa’ ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu wkoll it-trade marks għal servizzi, u dan peress li, wara l-adozzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, din il-kategorija ta’ trade marks imsemmija l-aħħar kisbet importanza ikbar, paragunabbli ma’ dik tat-trade marks għal prodotti. Barra minn hekk, skond l-UASI, il-WIPO tirrakkomanda interpretazzjoni bħal din tad-dispożizzjoni in kwistjoni.

21      Fir-risposta tiegħu, l-UASI sostna wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi ma kenitx diskussa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li, minn naħa, din il-kwistjoni qatt ma ġiet ittrattata fil-proċeduri quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI u, min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma spjegatx b’mod suffiċjenti l-argument li l-imsemmija dispożizzjoni mhijiex applikabbli għat-trade marks għal servizzi. Madankollu, fis-seduta, l-UASI aċċetta li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet teżamina din il-kwistjoni, minkejja n-nuqqas ta’ argumentazzjoni speċifika tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22      Preliminarjament, għandu jingħad li, kemm quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti essenzjalment ressqet motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, peress li din ma hi la l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż u lanqas imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”, ma tistax tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

23      Issa, il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi hija waħda preliminari, li għandha tiġi solvuta sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-motiv ippreżentat mir-rikorrenti. Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, safejn din tkopri servizzi, tikkostitwixxix trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha eventwalment tmur kontra l-Artikolu 6 ter(1)(a), jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għat-trade marks għal servizzi. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-rifjut ta’ l-UASI li jirreġistra din it-trade mark għal servizzi effettivament jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, hekk kif issostni r-rikorrenti, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludix l-emblema ta’ l-Istat tal-Kanada jew imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”.

24      Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi tifforma parti mill-punti ta’ liġi tal-kawża mressqa quddiem il-Bord ta’ l-Appell, anki jekk ir-rikorrenti ma esprimietx ruħha fuq din il-kwistjoni u anki jekk il-Bord ta’ l-Appell ma tax deċiżjoni fuq dan l-aspett [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 21]. Din il-kwistjoni b’hekk tista’ titqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza HOOLIGAN, iċċitata iktar’il fuq, punt 22).

25      Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 23 iktar’il fuq, din il-kwistjoni tifforma wkoll parti mill-punti ta’ liġi tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, għandu jingħad li, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom in sostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (Digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 69, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, Ġabra 2006, p. I-77, punt 41). Dan huwa saħansitra iktar applikabbli f’dan il-każ partikolari, peress li r-rikorrenti wriet dubji fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi. B’hekk, hekk kif l-UASI stess ametta fis-seduta, din il-kwistjoni mhijiex barra mill-portata tad-diskussjoni u għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li dan l-eżami hu neċessarju sabiex tingħata risposta għall-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti.

26      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi japplikax ukoll għat-trade marks għal servizzi. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jkopri biss it-“trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju”. Mill-Artikoli 1(2), 6(1) u, fl-aħħar nett, 6 sexies tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jirriżulta b’mod ċar li din tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, it-“trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju” li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tagħha, huma rreġistrati għal prodotti u, min-naħa l-oħra, it-“trade marks għal servizzi”. Peress li l-Artikolu 6 ter ikopri biss trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, jiġifieri t-trade marks għal prodotti, għandu jiġi konkluż li l-projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni u l-użu imposta minn din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax it-trade marks għal servizzi.

27      Madankollu, l-UASI jsostni li l-leġiżlatur Komunitarju jista’ jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, ukoll fir-rigward ta’ servizzi, ta’ trade marks li jinkludu bħala element emblema ta’ l-Istat, galkemm mhuwiex obbligat jagħmel dan skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

28      Issa, għandu jingħad li l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 jillimita ruħu għal sempliċi riferiment għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, billi jippreċiża li “ma jistgħux jiġu rreġistrati: [...] trade marks [...] li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”. Peress li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jikkonċernax it-trade marks għal servizzi, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jammontaw għal trade marks li “għandhom jiġu miċħuda” skond din id-dispożizzjoni u, b’hekk, ma jistgħux jaqgħu taħt ir-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94. Il-fatt waħdu, imqajjem mill-UASI, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmilx distinzjoni bejn it-trade marks għal prodotti u dawk għal servizzi mhuwiex suffiċjenti sabiex iwassal għall-konklużjoni kuntrarja, peress li din id-distinzjoni ssir mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li għalih jirreferi l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94.

29      Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jipprojbixxi, ukoll fir-rigward tas-servizzi, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li jinkludu “armi, bnadar u emblemi oħra ta’ l-Istat”, ma kienx jillimita ruħu sempliċement għal referenza għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda kien idaħħal fit-test stess ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni, jew bħala trade mark Komunitarja jew bħala element ta’ tali trade mark, ta’ “armi, bnadar u emblemi oħra ta’ l-Istat […] kif ukoll kull imitazzjoni minn perspettiva araldika”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni b’dan il-mod, impliċitament iżda neċessarjament, minħabba li ssir referenza biss għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, bejn trade marks għal prodotti u trade marks għal servizzi.

30      Is-sentenza ECA, punt 10 supra, imsemmija mill-UASI, ma tistax tinvalida l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma eżaminat il-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għat-trade marks għal servizzi, kwistjoni li, wara kollox, ma kinitx tqajmet mill-partijiet f’din il-kawża.

31      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument ta’ l-UASI li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, dan għandu jiġi miċħud. Minn naħa, l-uniku dokument rilevanti tal-WIPO imsemmi mill-UASI (ara l-punt 19 iktar’il fuq) jillimita ruhu għal dikjarazzjoni li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi “ma jobbligax lill-Istati li huma l-firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li jirrifjutaw jew li jinvalidaw ir-reġistrazzjoni u li jipprojbixxu l-użu ta’ l-emblemi ta’ Stat jew ta’ sinjali oħra uffiċjali bħala trade marks għal servizzi jew bħala elementi ta’ trade marks għal servizzi. L-Istati huma madankollu ħielsa li jagħmlu dan […]”. B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, dan id-dokument bl-ebda mod ma jeżiġi interpretazzjoni wiesa’ ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk għandu jingħad li huwa preċiżament bil-għan li l-protezzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi lit-trade marks għal prodotti tiġi estiża għat-trade marks għal servizzi li ddaħħlet dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 16 tat-Trattat fuq il-liġi tat-trade marks, adottat f’Ġinevra fis-27 ta’ Ottubru 1994. Madankollu, l-imsemmi trattat, iffirmat mill-Komunità Ewropea fit-30 ta’ Ġunju 1995, ma ġiex ratifikat minnha.

32      Min-naħa l-oħra u fuq kollox, jista’ jiġi preżunt li, meta adotta, relattivament reċentement, ir-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur Komunitarju kien konxju ta’ l-importanza, fil-kummerċ modern, tat-trade marks għal servizzi u seta’ b’hekk, jestendi wkoll għal din il-kategorija ta’ trade marks il-protezzjoni mogħtija lill-emblemi ta’ l-Istat mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Issa, peress li l-leġiżlatur ma kkunsidrax neċessarju li jestendi b’dan il-mod il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, il-qorti Komunitarja m’għandhiex tissostitwixxi ruħha għalih u tagħti interpretazzjoni contra legem ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet, li s-sinjifikat tagħhom bl-ebda mod ma hu ambigwu.

33      Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li billi rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 40, id-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 u għandha tiġi annullata.

 Fuq il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti tfakkar, preliminarjament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (sentenza ECA, punt 10 supra, punt 39) u tikkonkludi minnha li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li, bħat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, ma tikkompromettix id-dritt ta’ l-Istat li jikkontrolla l-użu ta’ simboli tas-sovranità tiegħu u ma twassalx lill-pubbliku biex jiżbalja fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija tkun se tiġi applikata, ma tistax tiġi rifjutata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

35      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell, b’mod żbaljat, eskluda bħala irrilevanti l-preżenza, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, ta’ l-element verbali “rw”. Skond ir-rikorrenti, għandha dejjem tingħata attenzjoni lill-perċezzjoni tal-konsumatur medju u, b’mod iktar partikolari, lill-impressjoni ġenerali li t-trade mark tħalli fuqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, Nichols, C‑404/02, Ġabra p. I‑8499 punt 35; ara wkoll, is-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 64). Minbarra dan, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23).

36      F’dan il-każ partikolari, l-element verbali “rw”, taqsira tat-trade mark prinċipali tar-rikorrenti RIVER WOODS, tifforma ħaġa waħda ma’ l-element figurattiv tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Minbarra dan, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-mod li bih din it-trade mark tiġi pperċepita mill-konsumatur medju, fiċ-ċirkustanzi normali ta’ l-użu tagħha. Ir-rikorrenti rriproduċiet, fir-rikors tagħha, xbihat li, skond din, jagħtu idea ta’ perċezzjoni bħal din. Jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, kif perċepita fiċ-ċirkustanzi normali ta’ l-użu tagħha, dan jeskludi kull possibbiltà li l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 ikun applikabbli għal dan il-każ.

37      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell żbalja wkoll meta qies, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward tal-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, “il-pubbliku kkonċernat jista’ jkollu l-impressjoni li din hija imitazzjoni araldika ta’ l-emblema Kanadiża”.

38      Ir-rikorrenti tfakkar li l-protezzjoni ta’ l-emblemi ta’ l-Istat, mogħtija mill-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, tkopri s-similaritajiet f’qasam speċifiku ħafna, jiġifieri l-imitazzjonijiet “minn perspettiva araldika”. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li “[d]in l-ispeċifiċità effettivament tnaqqas il-portata ta’ l-imitazzjoni pprojbita meta mqabbla ma’ dak li hu normalment ikkunsidrat bħala inaċċettabbli fil-liġi tat-trade marks. Peress li l-emblemi ta’ l-Istat sikwit jinkludu simboli komuni, bħal iljun, ajkla jew ix-xemx, l-imitazzjonijiet huma pprojbiti biss jekk jirrigwardaw karatteristiċi araldiċi tas-sinjal ta’ l-Istat ikkonċernat. Konsegwentement, il-libertà li s-simbolu fih innifsu jintuża tibqa’ teżisti u s-simbolu jista’ jintuża fil-kompożizzjoni tat-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju” (atti tal-konferenza għar-reviżjoni ta’ L-Aja ta’ l-1925, p. 245). Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-diskussjonijiet tal-Konferenza ta’ Lisbona, li seħħet fl-1958 bil-għan li tiġi riveduta l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, dwar il-kwistjoni jekk il-limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6 ter(1)(a) għall-imitazzjonijiet “minn perspettiva araldika” kellhiex tibqa’ teżisti (atti tal-Konferenza ta’ Lisbona, p. 129, 131, 139 u 140).

39      Minbarra dan, ir-rikorrenti tgħid ukoll li bl-eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi m’għandux l-għan li jipproteġi emblema barra mill-funzjoni tagħha ta’ emblema. Issa, bħal fil-każ ta’ trade marks jew ta’ kull sinjal ieħor distintiv, emblema jista’ jkollha karattru ftit jew wisq normali. Skond ir-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza għandha effett fuq il-protezzjoni mogħtija lill-emblema in kwistjoni mill-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Emblema li għandha karattru pjuttost normali u li jkollha biss ftit karatteristiċi araldiċi evidenti tibbenefika b’hekk minn protezzjoni limitata ħafna.

40      F’dan il-każ partikolari, il-gvern Kanadiż kien innotifika lill-WIPO, bħala emblema ta’ l-Istat, l-istess werqa ta’ l-aġġru ħamra, li tagħmel parti mill-bandiera nazzjonali Kanadiża. Skond ir-rikorrenti, il-kulur aħmar ta’ din il-werqa huwa element ta’ importanza ċentrali, hekk kif juru, fl-ewwel lok, ir-referenza, fit-taqsima “tip” tar-reġistrazzjoni ta’ din l-emblema fil-bażi tad-data tal-WIPO, għall-fatt li l-emblema in kwistjoni hija ta’ “kulur”, fit-tieni lok, ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ l-istess emblema li tidher f’din il-bażi tad-data u, fit-tielet lok, il-fatt li l-isfumatura ta’ l-aħmar użata hi speċifika u ma tikkorrispondix għal kulur użat ħafna għal werqa ta’ l-aġġru. Dan l-aħħar imsemmi element jiddistingwi lill-emblema Kanadiża mill-ixbiha li tiġi naturalment f’moħħ dak li jkun meta jaħseb f’werqa ta’ l-aġġru.

41      Skond ir-rikorrenti, huwa naturali li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi m’għandux l-għan li jippermetti l-monopolizzazzjoni, mill-Kanada, tar-rappreżentazzjoni naturali ta’ werqa ta’ l-aġġru, iktar u iktar ġaladarba din is-siġra ma tikbirx biss fil-Kanada. Issa, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fiha biss rappreżentazzjoni naturali ta’ werqa ta’ l-aġġru sewda. Barra minn hekk, meta tiġi mqabbla ma’ l-emblema Kanadiża mill-perspettiva grafika, il-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha differenza f’dak li jirrigwarda l-wisa’ taz-zokk. Fl-aħħar nett, fil-perċezzjoni tal-konsumatur medju li jkun ikkonfrontat bit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fiċ-ċirkustanzi normali ta’ l-użu tagħha, il-werqa ta’ l-aġġru li tidher f’din it-trade mark tifforma ħaġa waħda ma’ l-element verbali distintiv u dominanti “rw” u m’għandhiex karatteristiċi araldiċi.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun impossibbli li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tiġi kkunsidrata bħala imitazzjoni ta’ l-emblema Kanadiża “minn perspettiva araldika”. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark ma tippreġudika la l-emblema Kanadiża stess u lanqas il-kontroll ta’ l-użu ta’ l-imsemmija emblema mill-Istat Kanadiż.

43      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata (punt 17), li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tista’ twassal lill-pubbliku biex jiżbalja fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li din it-trade mark tindika.

44      Ir-rikorrenti ssosti li, sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jsir żball fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, jeħtieġ li ssir referenza, minn naħa, għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju u, min-naħa l-oħra, għall-prodotti jew servizzi in kwistjoni. Barra minn hekk, hu neċessarju li r-rabta, possibbilment suġġerita mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha bejn il-prodotti jew servizzi koperti minnha u pajjiż, tkun tant diretta u konkreta li tqarraq bil-konsumatur medju [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T‑334/03, Ġabra p. II‑65, punti 24, 25 u 41].

45      Issa, f’dan il-każ, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, ikkunsidrata bħala ħaġa sħiħa, ma tistax tqarraq bil-konsumatur medju. Ir-referenza magħmula mid-deċiżjoni kkontestata għall-varjetà kbira ta’ prodotti u ta’ servizzi li tista’ toffri u tippromwovi l-Kanada, waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja, mhijiex konvinċenti, peress li kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma applikabbli wkoll għal ħafna pajjiżi oħra. L-eżistenza ta’ rabta konkreta u diretta biżżejjed bejn il-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-pajjiż in kwistjoni, jiġifieri l-Kanada, ma ġiet ippruvata f’dan il-każ.

46      Għall-kuntrarju, ikkonfrontat bit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi koperti minnha, il-konsumatur jipperċepixxi minnha element verbali li jifforma ħaġa sħiħa ma’ element dekorattiv ta’ fantażija, li l-iktar l-iktar jagħti konnotazzjoni ġeografika żgħira ħafna. Din il-konnotazzjoni hi ħafna inqas apparenti milli fil-każ ta’ trade marks oħra, bħal per eżempju t-trade mark Mont Blanc, irreġistrata għal pinen jew għall-krema. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar imsemmija każijiet, il-konsumatur ma jipperċepixxi ebda rabta bejn l-oriġini tal-pinna jew tal-krema kkonċernata u r-reġjun tal-Mont Blanc. Barra minn hekk, fis-settur tal-ħwejjeġ, sikwit jintużaw sinjali ta’ l-istess tip bħal dak tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

47      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta eskluda, bħala irrilevanti għal dan il-każ, l-eżami tar-reputazzjoni tat-trade mark tar-rikorrenti RIVER WOODS u ta’ l-użu, minn din ta’ l-aħħar, tat-trade marks derivati, bħat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

48      Fuq il-livell fattwali, ir-rikorrenti tirreferi għal numru ta’ dokumenti, annessi mar-rikors, li juru, fil-fehma tagħha, li hija diġà użat ħafna dawn it-trade marks derivati, b’mod partikolari t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, u li, minbarra dan, it-trade mark tagħha RIVER WOODS hija waħda mit-trade marks l-iktar rinomati fil-Belġju.

49      Fuq livell ġuridiku, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tagħha, imressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ma kienx jittratta l-kisba ta’ karattru distintiv bl-użu. Ir-rikorrenti tammetti li kunsiderazzjoni bħal din ma tkunx f’lokha, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-kontenut ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

50      Madankollu, ir-rikorrenti tqis li, minħabba l-użu intensiv ta’ dawn it-trade marks derivati u r-reputazzjoni tat-trade mark tagħha RIVER WOODS, il-konsumatur li jkun kkonfrontat bit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fl-ebda każ ma jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti minn din it-trade mark joriġinaw mill-Kanada jew jibbenefikaw minn xi rikonoxximent uffiċjali min-naħa ta’ dan l-Istat. Konsegwentement, l-użu u r-reputazzjoni, imsemmija iktar’il fuq, jammontaw għal ċirkustanza rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 u ta’ l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u dan iktar u iktar ġaladarba ebda Stat u ebda organizzazzjoni internazzjonali ma kienet oġġezzjonat għall-użu tat-trade mark RIVER WOODS jew trade marks oħra derivati tar-rikorrenti.

51      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax b’mod suffiċjenti l-varji t-trade marks oħra nazzjonali u Komunitarji preċedenti, li jinkludu bandiera jew emblema ta’ Stat u invokati mir-rikorrenti quddiem l-UASI. Ċertament, kull trade mark għandha tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi tagħha stess u mhux fuq il-bażi ta’ prassi preċedenti ta’ l-UASI jew fuq il-bażi ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti f’pajjiżi oħra Ewropej jew le. Madankollu, elementi bħal dawn jistgħu jammontaw għal indikazzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja.

52      Dan ikun iktar u iktar il-każ meta r-reġistrazzjonijiet l-oħra msemmija juru l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ Trattati Internazzjonali, bħal dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jew il-prassi fil-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ l-emblema kkonċernata. Dan il-pajjiż ikun fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddefinixxi l-portata ta’ protezzjoni ta’ l-emblema tiegħu u, minbarra dan, ikun hu li jkun innotifikaha, bħala emblema koperta mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Konsegwentement, interpretazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-emblema nazzjonali li tkun iktar eżiġenti barra mill-imsemmi pajjiż milli ġo fih diffiċilment tista’ tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, peress li, f’dan il-każ, l-UASI jirrappreżenta, b’xi mod, lill-Kanada, huwa jkun obbligat li jieħu in kunsiderazzjoni l-prassi Kanadiża fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-emblema kkonċernata.

53      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija applikat għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Kanadiża, ta’ trade mark identika għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Din it-trade mark ma ġietx ikkonfrontata b’raġuni assoluta għal rifjut, iżda mbagħad ġiet irtirata għal raġunijiet oħra. Sabiex jaċċettat r-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni, l-Uffiċċju Kanadiż tat-trade marks kien talab biss lir-rikorrenti sabiex taċċetta r-rinunzja (disclaimer text) segwenti: “[q]ed jiġi rrinunzjat id-dritt għall-użu esklużiv tar-rappreżentazzjoni tal-werqa ta’ l-aġġru bi ħdax-il punt barra mit-trade mark”. Din il-pożizzjoni ta’ l-uffiċċju Kanadiż tat-trade marks tirrefletti sempliċement il-prinċipju li hija l-“impressjoni ġenerali” tat-trade mark u l-“perċezzjoni tagħha bħala ħaġa sħiħa” li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet irreġistrat, fl-uffiċċju Kanadiż tat-trade marks, żewġ trade marks oħra li jinkludu, it-tnejn li huma, werqa ta’ l-aġġru, li, fl-ewwel każ, kienet koperta b’disinn ispirat mill-bandiera ta’ l-Istati Uniti u, fit-tieni każ, kienet tinkludi, ġewwa fiha, il-grupp ta’ ittri “rw”. Dawn ir-reġistrazzjonijiet kienu ġew ippreċeduti minn rinunzja magħmula fl-istess kliem bħal dak imsemmija fil-punt preċedenti. Kemm dawn l-aħħar imsemmija trade marks kif ukoll trade mark identika għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kienu ġew irreġistrati wkoll fl-Istati Uniti.

55      Madankollu, l-UASI ma ssuġġettax ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-kundizzjoni ta’ l-aċċettazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ rinunzja simili, filwaqt li kien imissu ppreveda possibbiltà bħal din, fir-rigward tat-trade marks li jinkludu elementi meħuda mill-emblemi u mis-simboli ta’ Stat, li jistgħu joħolqu dubji fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tagħhom.

56      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI stess irreġistra trade marks oħra tar-rikorrenti, li, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, setgħu ġew rifjutati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rriproduċiet fir-rikors tagħha tliet trade marks Komunitarji li hi prorjetarja tagħhom. L-ewwel waħda, irreġistrata bin-numru 2793479, tinkludi werqa ta’ l-aġġru b’grupp ta’ ittri “rw” f’nofsha. It-tieni waħda, irreġistrata bin-numru 2788115, tinkludi, b’mod partikolari, werqa ta’ l-aġġru koperta b’disinn li jirriproduċi d-disinn tal-bandiera ta’ l-Istati Uniti. It-tielet waħda tinkludi, fost elementi oħra, bandiera li tixbah dik ta’ l-Istati Uniti. Ir-rikorrenti barra minn hekk issostni li kemm it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kif ukoll it-tliet trade marks imsemmija iktar’il fuq diġà ġew aċċettati mill-Uffiċċju tal-Benelux tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll minn uffiċċji nazzjonali oħra tat-trade marks.

57      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni mill-UASI, tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mhuwiex koerenti mal-prassi tiegħu fil-qasam tat-trade marks li jinkludu r-rappreżentazzjoni ta’ werqa ta’ l-aġġru jew ta’ emblema oħra ta’ Stat. Ir-rikorrenti rriproduċiet, fir-rikors tagħha, 29 sinjal li jinkludu werqa ta’ l-aġġru jew bnadar u emblemi oħra ta’ Stat u pproduċiet il-prova li dawn is-sinjali kollha ġew irreġistrati bħala trade marks Komunitarji.

58      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

59      L-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandu bħala għan li jeskludi r-reġistrazzjoni u l-użu ta’ trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju li jkunu identiċi għall-emblemi ta’ l-Istat jew li jkollhom ċerti similaritajiet magħhom (sentenza ECA, punt 10 supra, punt 39). L-emblemi ta’ l-Istat huma protetti mhux biss mir-reġistrazzjoni u l-użu tat-trade marks li huma identiċi għalihom jew li jinkorporawhom, iżda wkoll kontra l-inklużjoni f’dawn it-trade marks ta’ kull imitazzjoni ta’ l-emblemi “minn perspettiva araldika” (sentenza ECA, punt 10 supra, punt 40).

60      Konsegwentement, f’dan il-każ, il-fatt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludi wkoll l-element verbali “rw”, fih innifsu, ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 41).

61      Ir-rikorrenti għandha żball meta tirreferi, f’dan il-kuntest, għas-sentenza Nichols, punt 35 supra (punt 35). L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 35 ta’ din is-sentenza, invokat mir-rikorrenti, huwa irrilevanti għal kollox. Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad li din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1). Din hija dispożizzjoni li l-kliem tagħha huwa analogu għal dak ta’ l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li ma jistgħux jiġu rreġistrati bħala trade marks Komunitarji, minn naħa, is-sinjali li mhumiex konformi ma’ l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk li ma jistgħux jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, u, min-naħa l-oħra, it-trade marks li huma nieqsa minn karattru distintiv.

62      Issa, indipendentement mir-referenza żbaljata magħmula mir-rikorrenti, huwa ċert li skond ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ trade mark kumplessa, karattru distintiv eventwali jista’ jiġi eżaminat, in parti, għal kull wieħed mit-termini jew l-elementi tiegħu, meħuda separatament, iżda għandu, fi kwalunkwe każ ikun ibbażat fuq il-perċezzjoni ġenerali ta’ dan it-trade mark mill-pubbliku rilevanti u mhux fuq il-preżunzjoni li xi elementi li, waħedhom, huma nieqsa minn karattru distintiv ma jistgħux, meta jinġabru flimkien, jkollhom karattru distintiv. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħud separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li l-abbinament li huma jiffurmaw fimkien jista’ jkollu karattru distintiv (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għalhekk, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-fatt biss li element ta’ trade mark kumplessa huwa nieqes minn karattru distintiv ma jostakolax ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni bħala trade mark Komunitarja, jekk din, fil-perċezzjoni ġenerali tagħha, ikollha karattru bħal dan.

64      Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax fir-rigward tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, li jirreferi għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Fil-fatt, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tipprojbixxi mhux biss ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu biss f’emblema ta’ l-Istat jew f’imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ emblema ta’ l-Istat jew ta’ imitazzjoni “minn perspettiva araldika” ta’ emblema bħal din bħala element ta’ trade mark kumplessa.

65      B’hekk, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ trade mark kumplessa mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi analizzat kull wieħed mill-elementi ta’ l-imsemmija trade mark u huwa suffiċjenti li wieħed minnhom jikkostitwixxi emblema ta’ l-Istat jew imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”, sabiex tiġi ostakolata r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, indipendentement mill-perċezzjoni ġenerali tagħha.

66      Hija wkoll żbaljata r-referenza tar-rikorrenti għas-sentenza ECA, punt 10 supra (punt 64). Minn naħa waħda, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha għal referenza għat-termini tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell, li ġew ikkontestati f’din il-kawża. Min-naħa l-oħra, dan l-istess punt jinsab fil-parti tas-sentenza li tittratta l-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 6 ter(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rabta bejn il-proprjetarju tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-organizzazzjoni internazzjonali li l-emblema tagħha tidher f’din it-trade mark. Dan il-punt tas-sentenza ECA, punt 10 supra, b’hekk ma jistax jiġi interpretat favur ir-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, ta’ trade mark li tinkludi, minbarra l-emblema ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, elementi oħra wkoll. Dan l-argument, fil-fatt, ġie espressament miċħud fis-sentenza ECA, punt 10 supra (ara l-punt 59 iktar’il fuq).

67      Konsegwentement, f’dan il-każ huwa importanti li jiġi eżaminat jekk il-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tkunx ipperċepita bħala li hija l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż jew bħala imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”. Ir-rikorrenti ssostni li dan mhuwiex il-każ, u minn naħa tenfasizza d-differenza fil-kulur bejn il-werqa ta’ l-aġġru tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u dik li tikkostitwixxi l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż u, min-naħa l-oħra, id-differenzi grafiċi bejn dawn iż-żewġ weraq fir-rigward taz-zokk.

68      Issa, fir-rigward tad-differenza fil-kulur, peress li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma ssemmix il-kuluri tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, din tista’ tiġi rrapreżentata bi kwalunkwe abbinament ta’ kuluri u b’hekk ukoll b’werqa ta’ l-aġġru ħamra. Konsegwentement, il-fatt li l-werqa ta’ l-aġġru ta’ l-emblema Kanadiża hi ħamra mhuwiex importanti f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 45). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-emblema Kanadiża, bħall-werqa ta’ l-aġġru li tidher fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, tista’ tiġi riprodotta bl-iswed u abjad (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 46).

69      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ġustament ċaħdet, fil-punt 15, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-differenza fil-kulur bejn iż-żewġ weraq ta’ l-aġġru.

70      Fir-rigward tad-differenzi grafiċi bejn iż-żewġ weraq fir-rigward taz-zokk, sabiex jiġi stabbilit jekk trade mark tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jew le, għandu jsir paragun “minn perspettiva araldika” bejn din it-trade mark u l-emblema ta’ l-Istat ikkonċernat.

71      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-armi u l-emblemi araldiċi l-oħra huma ddisinjati permezz ta’ deskrizzjoni relattivament sempliċi, li tinkludi indikazzjonijiet fir-rigward ta’ l-arranġament u l-kulur ta’ l-isfond, kif ukoll l-enumerazzjoni ta’ l-elementi differenti (bħal iljun, ajkla, fjura, eċċ.) li jikkostitwixxu l-emblema, bir-referenza għall-kuluri tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fl-emblema. Din id-deskrizzjoni araldika min-naħa l-oħra ma tinkludix indikazzjonijiet dettaljati fir-rigward tad-disinn ta’ l-emblema u ta’ l-elementi partikolari li jikkostitwuha, b’mod li diversi interpretazzjonijiet artistiċi ta’ l-istess emblema huma possibbli abbażi ta’ l-istess deskrizzjoni araldika. Għalkemm kull waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet jista’ jkun fiha differenzi żgħar meta tiġi mqabbla ma’ l-oħrajn, huma xorta jibqgħu kollha imitazzjonijiet “minn perspettiva araldika” ta’ l-emblema kkonċernata.

72      Konsegwentement, meta jsir il-paragun “minn perspettiva araldika” skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, għandha ssir referenza għad-deskrizzjoni araldika ta’ l-emblema kkonċernata u mhux għal deskrizzjoni ġeometrika eventwali ta’ l-istess emblema, li minnha nfisha, tkun ħafna iktar dettaljata (sentenza ECA, punt 10 supra, punt 44).

73      F’dan il-każ, il-Kanada nnotifikat lill-Bureau Internazzjonali tal-WIPO rappreżentazzjoni tal-werqa ta’ l-aġġru li tikkostitwixxi l-emblema tagħha ta’ l-Istat (ara l-punt 7 iktar’il fuq), mingħajr ma hemżet magħha xi deskrizzjoni kwalunkwe. Issa, huwa evidenti li deskrizzjoni araldika ta’ din l-emblema tinkludi biss l-indikazzjoni li din hija werqa ta’ l-aġġru ħamra, mingħajr ma tagħti iktar dettalji dwar id-disinn partikolari tagħha, peress li dettalji bħal dawn mhumiex neċessarji jew normali għal deskrizzjoni araldika.

74      Paragun tal-werqa ta’ l-aġġru nnotifikata bħala emblema ta’ l-Istat tal-Kanada mat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ċertament jiżvela xi differenzi fid-disinn fir-rigward taz-zokk taż-żewġ weraq, iż-żewġ qatgħat ta’ naħa u ta’ l-oħra tat-terz ċentrali tal-werqa huma iktar fondi fil-każ tal-werqa ta’ l-aġġru ta’ l-emblema Kanadiża. Madankollu, detall bħall-fond eżatt ta’ dawn il-qatgħat qatt ma jkun inkluż fid-deskrizzjoni araldika ta’ l-emblema in kwistjoni iżda, jekk ikun il-każ, f’deskrizzjoni ġeometrika ħafna iktar dettaljata, li, madankollu, hija irrilevanti għall-paragun “minn perspettiva araldika”.

75      Il-Bord ta’ l-Appell kien għalhekk iġġustifikat meta kkonkluda, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja “d-differenza żgħira bejn il-wisa’ taz-zkuk” taż-żewġ weraq, “il-pubbliku kkonċernat fil-Komunità jipperċepixxi t-[trade mark li saret applikazzjoni għaliha] essenzjalment bħala imitazzjoni ta’ l-emblema Kanadiża”. Fil-fatt, għalkemm dan il-pubbliku mhuwiex definit fid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkun biss il-pubbliku ġenerali, li lejh huma diretti l-artikoli ta’ konsum ta’ kuljum previsti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Issa, dan il-pubbliku, magħmul minn konsumaturi medji, li, skond il-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 69], huma preżunti li jkunu ordinarjament informati u raġonevolment attenti u avżati, ma jagħtix attenzjoni partikolari għad-dettalji ta’ l-emblemi u tat-trade marks, bħal f’dan il-każ, id-differenza fil-wisa’ taz-zokk taż-żewġ weraq ta’ l-aġġru in kwistjoni.

76      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punt 17, li “ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tista’ twassal lill-pubbliku biex jiżbalja fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi li għalihom se tiġi applikata din it-trade mark”.

77      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ żball tal-pubbliku kkonċernat, fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha jew fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rabta bejn il-proprjetarju ta’ din it-trade mark u l-Istat li l-emblema tiegħu tidher fit-trade mark imsemmija.

78      Fil-fatt, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(c), li tirreferi għal rabta bħal din, tikkonċerna biss l-emblemi u sinjali oħra ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi msemmija fl-istess paragrafu fis-subparagrafu (b), u mhux l-emblemi u sinjali oħra ta’ l-Istat, imsemmija fis-subparagrafu (a) ta’ l-istess paragrafu. “[L]-imsemmija dispożizzjonijiet”, imsemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(c) huma, ovvjament, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ l-istess paragrafu 1(c), jiġifieri d-“dispożizzjonijiet ta’ [...] (b)”, dwar l-emblemi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-referenza, f’żewġ okkażjonijiet, għall-“organizzazzjoni” in kwistjoni, fit-test tat-tieni sentenza tal-paragrafu 1(c).

79      Fir-rigward tar-referenza li saret fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(c) għar-“reġistrazzjoni prevista f’[…] (a) iktar’il fuq”, hija għandha l-għan biss li tippreċiża li l-paragrafu 1(c) jirrigwarda biss ir-reġistrazzjoni jew l-użu, “jew bħala trade mark ta’ ditta jew ta’ negozju, jew bħala element ta’ dawn it-trade marks”, ta’ l-emblemi ta’ l-organizzazzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu (b) “kif ukoll kull imitazzjoni minn perspettiva araldika”. Min-naħa l-oħra, din l-unika referenza ma tistax tiġi interpretata b’mod li testendi, ukoll għall-emblemi ta’ l-Istat, il-portata ta’ l-eċċezzjoni prevista fis-subparagrafu (c), peress li estensjoni bħal din tkun kuntrarja għall-kumplament tal-kliem ċar ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni.

80      Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-possibbiltà għall-pubbliku kkonċernat li jidentifika rabta bejn ir-rikorrenti u l-Kanada, huma mingħajr effett fuq id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan id-dispożittiv, kif trid il-liġi, hu bbażat fuq kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 14 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistipulaw li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludi imitazzjoni “minn perspettiva araldika” ta’ l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż. Għalhekk, għandu jiġi respint bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tidher fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

81      L-istess japplika għall-argument dwar in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-allegata reputazzjoni tat-trade mark tar-rikorrenti RIVER WOODS. Fil-fatt, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 50 iktar’il fuq) li hija invokat din l-allegata reputazzjoni biex tirribatti l-argument li l-pubbliku rilevanti, meta jkun ikkonfrontat bit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, jidentifika rabta bejn ir-rikorrenti u l-Kanada. Issa, hekk kif għadi kif ġie rrilevat, l-eżistenza ta’ rabta bħal din, jekk jitqies li hi stabbilita, hija irrilevanti għal din il-kawża.

82      Fl-aħħar nett, huma wkoll irrilevanti l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegati reġistrazzjonijiet ta’ trade marks oħra nazzjonali jew Komunitarji, identiċi jew paragunabbli għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha jew, b’mod iktar ġenerali, li jinkludu rappreżentazzjonijiet ta’ bnadar jew ta’ emblemi oħra ta’ l-Istat.

83      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-prassi ta’ l-UASI stess, għandu jingħad li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jieħdu, skond r-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Konsegwentement, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell (ara s-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għal dak li jirrigwarda r-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema indipendenti, komposta minn ġabra sħiħa ta’ regoli u li tħaddan għanijiet li huma speċifiċi għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hi indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. B’hekk, l-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti Komunitarja mhumiex marbuta minn deċiżjoni li tkun ittieħdet fil-livell ta’ Stat Membru, jew ta’ pajjiż terz, li taċċetta n-natura reġistrabbli ta’ dan l-istess sinjal bħala trade mark nazzjonali. Ir-reġistrazzjonijiet diġà magħmula f’xi Stati Membri jikkostitwixxu biss elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni biss għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, a fortiori, għar-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks differenti minn dik li saret applikazzjoni għaliha f’dan il-każ (ara s-sentenza ECA, punt 10 supra, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      B’mod partikolari fir-rigward ta’ l-allegata prassi inqas restrittiva ta’ l-uffiċċju Kanadiż tat-trade marks, għandu jingħad li r-rikorrenti la m’għandha l-prova, u lanqas ma affermat b’mod ċar, li hija kienet ibbenefikat minn awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti Kanadiżi, li kienet tippermettilha tirreġistra t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Iċ-ċirkustanza allegata li r-rikorrenti kienet ippreżentat fil-Kanada applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark identika għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, li mbagħad kienet ġiet irtirata għal raġunijiet indipendenti mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, bl-ebda mod ma turi l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni bħal din. Fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni definittiva tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fil-Kanada, b’ebda mod ma jista’ jkun hemm iċ-ċertezza li l-awtoritajiet Kanadiżi ma kinux iqajmu, fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, oġġezzjoni minħabba l-preżenza, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, ta’ l-istess werqa ta’ l-aġġru bħal dik li tikkostitwixxi l-emblema ta’ l-Istat Kanadiż.

86      Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ma kisirx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 u ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, meta rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25. Konsegwentement, il-parti tar-rikors li tikkontesta r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti ta’ dawn iż-żewġ klassijiet għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 87(3) jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

88      F’dan il-każ, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-UASI kienu parzjalment telliefa. F’dawn iċ-ċikustanzi, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), ta’ l-4 ta’ Mejju 2006 (Każ R 1463/2005-1) hija annullata, fil-parti li tirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 40 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Servizzi ta’ ħjata, tassidermija; legaturi; xogħol, ipproċessar u rfinar ta’ ġlud, ġilda, ferijiet u tessuti; żvilupp ta’ films fotografiċi u stampar ta’ ritratti; xogħol fuq l-injam; tgħasir tal-frott; tħin ta’ qamħ; ipproċessar, temprar u rfinar ta’ superfiċi tal-metall”.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Frar 2008.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.