Language of document : ECLI:EU:T:2008:40

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Frar 2008 (*)

“Fond Soċjali Ewropew – Konkors finanzjarju Komunitarju fil-qasam ta’ l-azzjonijiet innovattivi skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1784/1999 – Sejħa għall-proposti – Rifjut tal-proposta”

Fil-kawża T‑351/05,

Provincia di Imperia (l-Italja), irrappreżentata minn S. Rostagno u K. Platteau, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Martin u A. Weimar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005 li tiċħad iż-żamma tal-proposta 2005/VP021/20293 ppreżentata mill-Provincia di Imperia b’risposta għas-sejħa għall-proposti VP/2003/021, relattiva għall-“Azzjonijiet innovattivi skond l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew : ‘Strateġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-bidla’”, u kull att relatat ma’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

(Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1), jipprovdi dan li ġej:

“1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-kumitati msemmija f[l-]Artikoli 48 sa 51 dwar il-linji gwida għad-diversi tipi ta’ azzjonijiet innovattivi, soġġetti għal limitu ta’ mhux iktar minn 0.40 % tal-finanzjament annwali rispettiv tagħhom, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw azzjonijiet innovattivi fuq livell Komunitarju. Dawn għandhom jinkludu studji, proġetti pilota u tpartit ta’ esperjenza.

Azzjonijiet innovattivi bħal dawn għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ metodi u prassi innovattivi maħsuba biex itejbu l-kwalità ta’ l-għajnuna taħt Objettivi 1, 2 u 3. Huma għandhom jiġu implimentati b’mod sempliċi u trasparenti u skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja.

2. Kull qasam ta’ azzjoni għall-proġetti pilota għandu jkun iffinanzjat minn fond wieħed biss. Id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ fond tista’ tamplifika l-iskop ta’ kull fond kif definit fir-Regolamenti speċifiċi għal kull fond, iżda bla ma twessgħu wisq, biex tinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi implimentat il-proġett pilota kkonċernat.”

2        L-Artikolu 24 ta’ l-istess regolament jipprovdi:

“1. Filwaqt li tuża l-informazzjoni dwar azzjonijiet innovattivi mill-Istati Membri konċernati, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni mill-Fondi skond Artikoli 22 u 23 fuq il-bażi tad-dettalji li ġejjin:

a)      deskrizzjoni ta’ l-għajnuna proposta, l-iskop tagħha, inkluża l-estensjoni ġeografika u l-miri speċifiċi;

b)      il-korpi li għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna u l-benefiċjarji;

ċ)      l-iskeda u l-pjan ta’ finanzjament, inklużi l-kontribuzzjonijiet minn kull sors ieħor ta’ finanzi Komunitarji;

d)      dispożizzjonijiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti u korretta;

e)      kull informazzjoni oħra meħtieġa biex tivverifika l-kompatibilità mal-politika Komunitarja u mal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 10(3).

Il-Kummisssjoni għandha tapprova l-kontribuzzjoni tal-Fondi meta din l-informazzjoni tgħinha tevalwa l-applikazzjoni.

2. L-Istati Membri konċernati għandhom jiġu notifikati immedjatament mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

3. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ l-Istati Membri fis-sens ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tiġi invokata għall-azzjonijiet innovattivi msemmija fl-Artikolu 22 jew il-miżuri ta’ għajnuna teknika msemmija fl-Artikolu 23, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-arranġamenti istituzzjonali speċifiċi għal kull Stat Membru.”

3        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1784/1999 tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 213, p. 5), għandu l-iskop li jappoġġja l-miżuri intiżi sabiex jiġi evitat u miġġieled il-qagħad u sabiex jiġu żviluppati r-riżorsi umani u l-integrazzjoni soċjali fis-suq tax-xogħol favur il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ xogħol, ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, żvilupp sostenibbli, u għaqda ekonomika u soċjali.

4        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1784/1999 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiffinanzja ħidmiet ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa sabiex jiġu implementati l-ħidmiet imsemmija f’dan ir-regolament.

5        Fit-12 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni [COM (2000) 894 finali] fuq l-implementazzjoni ta’ l-azzjonijiet innovattivi skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1784/1999 għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2000-2006.

6        Fil-punt 6 ta’ din il-komunikazzjoni, jinsab stabbilit li fost l-azzjonijiet innovattivi hemm is-segwenti azzjonijiet:

–        l-innovazzjonijiet marbuta mal-proċeduri. Dawn jirrigwardaw l-iżvilupp ta’ metodi ġodda, ta’ għodda ġdida u ta’ approċċi ġodda kif ukoll it-titjib tal-metodi diġà eżistenti;

–        l-innovazzjonijiet marbuta ma’ l-għanijiet imfittxija. Dawn huma bbażati fuq il-formulazzjoni ta’ għanijiet ġodda inklużi approċċi intiżi għall-identifikazzjoni ta’ kwalifiki ġodda u promettenti kif ukoll ta’ sorsi ġodda ta’ impjieg;

–        l-innovazzjonijiet marbuta mal-kuntest. Dawn jirreferu għall-istrutturi politiċi u istituzzjonali u jirrigwardaw l-iżvilupp ta’ sistemi relatati mas-suq tax-xogħol.

7        Fil-punt 43 ta’ din il-komunikazzjoni, jinsab stabbilit ukoll is-segwenti: “Sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza ta’ l-għajnuna mogħtija permezz ta’ l-azzjonijiet innovattivi, il-Kummissjoni għandha tagħmel sejħiet pubbliċi għal proposti li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u fuq is-sit internet Europa. L-eliġibbiltà tal-proġetti eventwali tiġi ddeterminata skond il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tema tas-sejħa għall-proposti ppubblikata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Barra minn hekk, il-punt 44 ta’ l-istess komunikazzjoni jistabbilixxi li “il-gwida tal-promotur li tingħata ma’ kull sejħa għall-proposti tippermetti lill-promoturi tal-proġetti li japplikaw għal għotjiet b’mod konformi mal-kriterji u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament […] Nru 1784/1999”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fuq din il-bażi, sejħa għall-proposti bir-referenza VP/2003/021 u bit-titolu “Linja tal-baġit B2‑1630 – Azzjonijiet innovattivi skond l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew: ‘Strateġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-bidla’” ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 262, p. 22).

10      Taħt it-titolu “Suġġett”, f’din is-sejħa għall-proposti hemm indikat li, “għall-perijodu mill-2004 sa l-2006, l-Artikolu 6 [tar-Regolament Nru 1784/1999] ser jagħti għajnuna finanzjarja għall-elaborazzjoni u għall-implementazzjoni bi prova ta’ azzjonijiet innovattivi intiżi sabiex jantiċipaw u jamministraw il-bidliet li jiffurmaw parti mis-suġġett ġenerali ta’ l-‘Istrateġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-bidla’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Taħt l-istess titolu, jinsab stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan is-suġġett ġenerali, l-azzjonijiet innovattivi ser jirrigwardaw żewġ temi sekondarji speċifiċi, jiġifieri, minn naħa waħda, l-amministrazzjoni tat-tibdil demografiku u, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni tar-ristrutturazzjoni.

12      Taħt it-titolu “Perijodu ta’ żmien”, hemm indikat kif ġej:

“Fil-kuntest ta’ din is-sejħa għall-proposti, ġew stabbiliti tliet dati ta’ skadenza għall-introduzzjoni ta’ l-applikazzjonijiet:

–        […]

–        Id-data ta’ skadenza tat-tieni ċiklu ta’ applikazzjonijiet hija s-26 ta’ Jannar 2005. Bħala prinċipju, il-ftehimiet ta’ l-għotja ser jiġu ffirmati f’Settembru 2005. Il-proġetti jkunu jistgħu jinbdew bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Novembru 2005, iżda mhux qabel l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ l-għotja. It-tul ta’ żmien massimu tal-proġetti ser ikun ta’ 24 xahar u l-proġetti għandhom jintemmu bejn it-30 ta’ Settembru 2007 u d-29 ta’ Novembru 2007.

–        Id-data ta’ skadenza tat-tielet ċiklu ta’ applikazzjonijiet hija l-25 ta’ Jannar 2006. Bħala prinċipju, il-ftehim ta’ l-għotja ser jiġu ffirmati f’Settembru 2006. Il-proġetti jkunu jistgħu jinbdew bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Novembru 2006, iżda mhux qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ l-għotja. It-tul ta’ żmien massimu tal-proġetti ser ikun ta’ 24 xahar u l-proġetti għandhom jintemmu bejn it-30 ta’ Settembru 2008 u d-29 ta’ Novembru 2008.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fil-15 ta’ Ottubru 2004, fil-kuntest tat-tieni ċiklu ta’ applikazzjonijiet, ġiet ippubblikata s-sejħa għall-proposti VP/2003/021 bit-titolu “Linja tal-baġit 04.021000.00.11 – Azzjonijiet innovattivi skond l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew: ‘Strateġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-bidla’” fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU C 255, p. 11). B’mod partikolari, dan l-avviż ifakkar li d-data ta’ skadenza li jmiss għall-introduzzjoni ta’ applikazzjoni fil-kuntest ta’ din is-sejħa għall-proposti hija s-26 ta’ Jannar 2005 u li informazzjoni iktar dettaljata dwar il-proċedura sabiex jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet, dwar il-finanzjament disponibbli u dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà, kif ukoll dwar il-proċedura ta’ l-għażla u ta’ l-għoti, inkluża l-gwida għall-applikant, jistgħu jitniżżlu mis-sit internet indikat.

14      Il-gwida għall-applikant tikkonsisti minn diversi annessi, fosthom l-Anness 2 bit-titolu “Anness tekniku u finanzjarju”, l-Anness 6 bit-titolu “Applikazzjoni għal għotja – deskrizzjoni tal-proġett” u l-Anness 7 bit-titolu “Baġit provviżorju”.

15      Il-punt 34 ta’ l-Anness 2 jiddisponi:

“L-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kontrolli [stabbiliti fil-punti 27, 29 u 31] jiġu evalwati sabiex tiġi stabbilita l-kwalità u vijabbiltà ta’ l-azzjoniiet proposti fir-rigward tal-kriterji segwenti:

–        […]

–        aspetti innovattivi tal-proposta, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għanijiet u l-implementazzjoni tal-proġett u l-mod li bih il-proposta tvarja mill-attivitajiet ordinarji ta’ l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jew tibbaża ruħha fuqhom;

–        […]

–        il-korrispondenza bejn, minn naħa, kemm jiswew il-postijiet imsemmija fil-baġit provviżorju u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ippreżentati fid-deskrizzjoni tal-proġett u l-programm tax-xogħol li jingħata fit-talba għall-għotja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Fil-21 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti, il-Provincia di Imperia, bagħtet lill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tieni ċiklu ta’ applikazzjonijiet, talba għall-għotja abbażi tal-proposta tagħha 2005/VP021/20293, bit-titolu “Flores”, intiża sabiex tintervjeni fis-settur tal-florikultura fl-Italja, fi Franza u fi Spanja, sabiex jiġu miġġielda l-effetti negattivi tal-proċessi ta’ ristrutturazzjoni u għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp.

17      B’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għall-għotja.

18      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2005 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19      Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni indikat dan li ġej lir-rikorrenti:

“Għal dak li jirrigwarda l-proposta tiegħek, ġie deċiż li din ma tissodisfax il-kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sejħa għall-proposti. B’mod partikolari għas-segwenti raġunijiet: il-proposta ma tispjegax il-mod kif hija telabora u tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenzi miġbura preċedentement f’dan il-qasam fil-Ligurja. Hemm nuqqas ta’ konsistenza serja fl-informazzjoni dwar il-baġit pprovduti fl-Annessi 6 u 7.”

20      B’ittra ta’ l-1 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti kkontestat iż-żewġ motivi għaċ-ċaħda tat-talba tagħha mid-deċiżjoni kkontestata u talbet lill-Kummissjoni terġa` tevalwa l-proposta tagħha u teħodha in kunsiderazzjoni għall-finanzjament Komunitarju. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-proposta ma tiħux in kunsiderazzjoni l-esperjenzi miġbura preċedentement fil-Ligurja, ir-rikorrenti tenfasizza li, “fl-Anness 6, mill-paġna 57 sal-paġna 89, [hija] spjegat b’mod dettaljat is-sitwazzjoni, l-esperjenzi u l-politika tas-settur, mil-lat ekonomiku, soċjali u territorjali, fuq livell internazzjonali, reġjonali u provinċjali”.

21      B’ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ċċarat ir-risposta preċedenti tagħha billi żviluppat l-argumentazzjoni li mmotivat iċ-ċaħda tat-talba għall-għotja tar-rikorrenti. B’mod partikolari, hija tindika:

“1. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel punt, għalkemm huwa minnu li hemm 32 paġna li jiddeskrivu l-‘grupp’ tal-florikultura, madankollu din is-sempliċi deskrizzjoni ma twassalx sabiex tispjega kif inti ser tibni u tiżviluppa l-proġett il-ġdid tiegħek mill-esperjenzi preċedenti tiegħek, u fl-aħħar [sabiex] tipproponi l-innovazzjoni.

2. Id-dokumenti li bgħatt fit-terminu stabbilit (l-uniċi dokumenti li ttieħdu in kunsiderazzjoni għall-proċedura ta’ l-għażla) jippreżentaw differenzi fl-informazzjoni finanzjarja. Għalkemm l-Anness 6 jindika ammont totali ta’ EUR 2 029 599.19, l-Anness 7 jsemmi ammont totali ta’ EUR 2 109 599.99 (differenza kbira ta’ EUR 80 000).”

22      B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti kkontestat dawn il-kjarifiki ulterjuri.

23      B’ittra tal-15 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ħabbret li kienet qiegħda tikkonferma l-kontenut tal-komunikazzjonijiet preċedenti tagħha u li hija kienet tissuġġerixxi lir-rikorrenti sabiex tirrifletti dwar il-fatt li d-differenza kbira ta’ EUR 80 000 setgħet tiġi indikata fl-ispejjeż ta’ amministrazzjoni”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

25      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, ġie deċiż li tinfetaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti ntalbet tippreżenta ċerti dokumenti u twieġeb għal ċerti mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza bil-miktub. Ir-rikorrenti ssodisfat dawn it-talbiet.

26      Fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2007, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

27      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u kull att relatat magħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti ssostni li dan ir-rikors huwa ammissibbli, peress li tressaq fit-terminu legali ta’ żmien u huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ngħatat fil-konfront tagħha u li affettwatha mil-lat patrimonjali b’kunsiderazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji kbar li ġew investiti għall-preparazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha.

30      Qabel kollox, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tistax tippretendi interess patrimonjali li jikkonsisti fi “dritt għal għotja”, fid-dawl tal-fatt li hija m’għandha l-ebda obbligu tissussidja l-proposti u l-proġetti li jiġu ppreżentati lilha. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-preżentazzjoni ta’ proposta ssir fuq bażi volontarja, li l-applikanti kollha kellhom jagħmlu l-istess sforzi u li hija kienet iggarantiet trattament ekwu u trasparenti lil kull applikant.

31      Fil-kuntest tal-kontroreplika, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-interess tar-rikorrenti li taġixxi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li dan għandu jiġi evalwat fid-data meta tressaq ir-rikors, jiġifieri, f’dan il-każ, is-7 ta’ Settembru 2005. Skond il-Kummissjoni, f’dak il-mument, ir-rikorrenti kienet għadha tista’ tippreżenta inkartament ġdid korrett, u dan sal-25 ta’ Jannar 2006 fil-kuntest tat-tielet ċiklu ta’ applikazzjonijiet. Mingħajr ma tiġġustifika l-ebda interess għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma tistax tressaq rikors għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija. Il-Kummissjoni tikkontendi li l-inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti li taġixxi hija motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi evalwat ex officio mill-qorti Komunitarja u li tista’ tiġi invokata mill-konvenuta f’kull mument waqt il-proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

32      Fir-rigward ta’ l-interess tar-rikorrenti li taġixxi, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li jara l-att ikkontestat annullat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 59; tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 40, u tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra p. II‑347, punt 33). Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33), u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T‑159/98, Ġabra SP p. I‑A‑83 et II‑395, punt 28). Dan jeżisti biss jekk ir-rikors jista’, permezz ta’ l-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ressqitu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, għandu jitqies il-benefiċċju li hija tista’ tieħu mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għalkemm l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fl-ebda każ ma jista’ jwassal għas-sitwazzjoni li fiha r-rikorrenti jkollha d-dritt li l-Kummissjoni tagħtiha għotja abbażi ta’ l-applikazzjoni tagħha għal għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew fil-kuntest tat-tieni ċiklu ta’ applikazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li tali annullament jagħti lir-rikorrenti opportunità żejda sabiex tipprova tgawdi minn tali għotja. Fil-fatt, fil-każ ta’ annullament, il-Kummissjoni tkun marbuta li terġa` tieħu in kunsiderazzjoni l-proposta tar-rikorrenti, hekk kif ippreżentata fil-21 ta’ Jannar 2005, b’kunsiderazzjoni ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jkollha tagħmel l-ebda modifiki għall-proposta tagħha, u lanqas taġġornaha, u dan ma jkunx il-każ li kieku kellha tippreżenta l-applikazzjoni tagħha mill-ġdid fil-kuntest tat-tielet ċiklu ta’ applikazzjonijiet.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha interess li taġixxi b’tali mod li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

35      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv jirrigwarda l-kunsiderazzjoni, li tissemma fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li jeżisti “nuqqas ta’ konsistenza” fl-informazzjoni dwar il-baġit mogħtija mir-rikorrenti fl-Annessi 6 u 7 tal-proposta tagħha. It-tieni motiv jirrigwarda l-kunsiderazzjoni, li tissemma fid-deċiżjoni msemmija, li tgħid li l-proposta tar-rikorrenti ma tispjegax il-mod li bih hija telabora u tikkunsidra l-esperjenzi preċedenti tagħha fil-qasam tal-florikultura fil-Ligurja.

36      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka diversi lmenti, ibbażati rispettivament fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1784/1999, ta’ l-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament Nru 1260/1999, tar-regoli stabbiliti fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Jannar 2001, tar-regoli stabbiliti fis-sejħa għall-proposti VP/2003/021 u fil-gwida għall-applikant, inklużi l-Annessi 2, 6 u 7 tagħha, kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, ta’ abbuż ta’ poter u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-istess ilmenti, bl-unika eċċezzjoni ta’ dak ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Anness 7 tal-gwida għall-applikant.

37      Qabel ma tinbeda l-evalwazzjoni proprja taż-żewġ argumenti, għandu jiġi osservat li kull wieħed miż-żewġ motivi mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata huma minnhom infushom biżżejjed sabiex jiġi deċiż li l-proposta tar-rikorrenti ma tintgħażilx għal kofinanzjament Komunitarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li din id-deċiżjoni tiġi annullata, bħala prinċipju, ħlief jekk kull wieħed minn dawn il-motivi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li taffettwa biss wieħed mill-motivi ma tkunx biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kemm-il darba dan l-iżball jew din l-illegalità ma setax ikollha effett determinanti fir-rigward tar-rifjut ta’ kofinanzjament Komunitarju. F’din il-kawża, ir-rikorrenti kkontestat kull wieħed miż-żewġ motivi permezz ta’ żewġ argumenti differenti. Konsegwentement, sabiex tingħata deċiżjoni dwar l- annullament eventwali f’dan il-każ, kull wieħed minn dawn iż-żewġ motivi għandu jiġi evalwat.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

38      Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu t-talbiet u sunt tar-raġunijiet invokati, li għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu. Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għamlet xejn ħlief kitbet kummenti bit-titolu “Ilmenti”, mingħajr ma semmiet liema lment qed jiġi żviluppat u fir-rigward ta’ xiex. Ir-rikorrenti ma tiżviluppa l-ebda argument legali in sostenn tat-talbiet tagħha. B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ l-ilmenti li jirrigwardaw l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, l-abbuż ta’ poter kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-definizzjoni tagħhom tibqa’ totalment astratta u d-deskrizzjoni tagħhom bl-ebda mod ma hija ċara biżżejjed u li tista’ tinftiehem sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha b’mod tajjeb. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

39      Qabel kollox, b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tippreċiża li dan il-motiv jifforma argument sħiħ li ma jistax jiġi maqsum skond il-bażi legali invokata. Sussegwentement, hija tqis li spjegat sewwa f’hiex kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u abbuż ta’ poter l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, hija tinsisti fuq il-fatt li l-ksur tas-sejħa għall-proposti VP/2003/021 u tal-gwida għall-applikant mid-deċiżjoni msemmija twassal, bħala konsegwenza, għall-ksur tar-regoli superjuri b’applikazzjoni ta’ liema dawn ġew adottati.

–       Fuq il-mertu

40      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ “nuqqas ta’ konsistenza” fi ħdan l-Annessi 6 u 7 tal-proposta tagħha dwar l-informazzjoni dwar il-baġit. Għalkemm hija ma tiċħadx li teżisti differenza fl-informazzjoni pprovduta f’kull wieħed mill-annessi in kwistjoni, madankollu hija tippreċiża li dan jirriżulta mill-istruttura ta’ dawn l-annessi li hija kienet marbuta li ssegwi u mid-differenza fl-informazzjoni mitluba. Fil-fatt, l-Anness 6 (“Talba għall-għotja”) jinkludi biss l-ispejjeż eliġibbli diretti, kif jindika l-użu ta’ l-ittra kbira “D” (“Spejjeż ta’ persunal, ta’ trasport, ta’ attivitajiet/servizzi u ta’ amministrazzjoni”) filwaqt li l-Anness 7 (“Baġit provviżorju”) jinkludi fih minbarra l-ispejjeż eliġibbli diretti, kif imsemmija fl-Anness 6, l-ispejjeż eliġibbli indiretti kif jindika l-użu ta’ l-ittra kbira “I”. Din id-distinzjoni tippermetti li tingħata ġustifikazzjoni għad-differenza ta’ EUR 80 000 li teżisti bejn iż-żewġ annessi, kif imsemmi mill-Kummissjoni.

41      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tosserva li ma tistax teżisti inkoerenza bejn l-Annessi 6 u 7 tal-proposta tagħha, peress li din ikkonformat f’kull punt mal-mudell strett stabbilit mill-Kummissjoni fil-gwida għall-applikant. B’hekk, l-inklużjoni ta’ EUR 80 000 bħala spejjeż ġenerali fl-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni taħt is-sezzjoni “D4” ta’ l-Anness 6, kif kienet issuġġeriet il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Lulju 2005, kienet tkun assurda u kienet twassal għall-kitba b’mod inkorrett tat-talba għall-għotja u biex is-sezzjoni “I” fl-Anness 7(b) tal-gwida għall-applikant issir inutli. Din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni toriġina kemm minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, fejn il-Kummissjoni tħawwad it-total ta’ l-ispejjeż tal-proġett ma’ dak ta’ l-ispejjeż eliġibbli diretti waħedhom, kif ukoll minn abbuż ta’ poter, fejn il-Kummissjoni tbiddel kif jaqblilha l-mudelli tal-proposti li fasslet hija stess. B’hekk, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regoli prestabbiliti, bħall-gwida għall-applikant u l-Annessi 6 u 7 tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-deċiżjoni preċedenti li tirriżulta mill-komunikazzjoni tat-12 ta’ Jannar 2001, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1784/1999, l-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

42      Barra minn hekk, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija ma bagħtitilha ebda talba għal informazzjoni ulterjuri, ir-rikorrenti tgħid li tali talba kienet inutli peress li ma kien hemm l-ebda dubju fir-rigward tal-portata ta’ l-informazzjoni finanzjarja meħtieġa. Fir-rigward ta’ l-identiċità matematika bejn id-diversi partijiet tal-baġit, din hija evidenti, li kieku l-Anness 7(b) tal-gwida għall-applikant ma kienx jimponi li jissemmew l-ispejjeż indiretti, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Anness 6.

43      Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li ssemmi “nuqqas ta’ konsistenza” tippreżenta, skond ir-rikorrenti, nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li d-differenza ta’ EUR 80 000 ġiet imsemmija tard, fl-ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2005, li ma kinitx tippreċiża l-eżistenza eventwali ta’ inkoerenzi oħra li jippermettu lill-Kummissjoni li tirrifjuta l-proposta. Barrra minn hekk, il-ġurisprudenza relattiva għall-Artikolu 253 KE timponi li tingħata motivazzjoni ċara u inekwivoka fi ħdan id-deċiżjoni kkontestata.

44      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ġurisprudenza stabbilixxiet “li l-obbligu tal-motivazzjoni għandu l-għan li jinforma lid-destinatarju tad-deċiżjoni bir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt fuq liema din hija bbażata, sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tevalwa, b’mod partikolari, l-opportunità li tissuġġettaha għall-ġudizzju tal-qorti kompetenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li semmiet “nuqqas ta’ konsistenza serja fl-informazzjoni dwar il-baġit mogħtija fl-Annessi 6 u 7”, ma tippermettix li r-rikorrenti tifhem il-motivi għaċ-ċaħda tal-proposta tagħha. Barra minn hekk, l-informazzjoni ulterjuri pprovduta a posteriori mill-Kummissjoni mhijiex kapaċi li tibdel b’mod sostanzjali d-deċiżjoni kkontestata, peress li l-motivazzjoni meħtieġa kellha tidher fid-deċiżjoni stess jew tiġi kkomunikata fl-istess ħin.

45      Il-Kummissjoni, filwaqt li tosserva li r-rikorrenti ma tikkontestax id-differenza fl-informazzjoni pprovduta fl-Annessi 6 u 7 tal-proposta tagħha, tikkontesta l-evalwazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li din id-differenza tirriżulta mill-istruttura ta’ dawn l-annessi. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, għandha teżisti koerenza perfetta bejn, minn naħa, l-Anness 6, li jiddeskrivi l-“attivitajiet ippreżentati fid-deskrizzjoni tal-baġit”, u, min-naħa l-oħra, l-Anness 7, li jippreżenta l-“baġit provviżorju”. B’mod konformi mal-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant (Anness 2), din il-koerenza hija kundizzjoni neċessarja għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ talba għall-għotja. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, mill-punt C8 ta’ l-Anness 6 jirriżulta li dan għandu jinkludi l-ispejjeż kollha relattivi għall-parti dwar il-baġit. Il-Kummissjoni tippreċiża li, jekk l-Anness 6 jkun differenti mill-Anness 7, hija għandha tavża b’dan u għandha tieħu dan in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proġett. F’dak li jirrigwarda l-istruttura ta’ l-Anness 6, il-Kummissjoni tqis li kull applikant għandu juri l-kapaċità tiegħu li jorganizza b’mod koerenti u funzjonali r-riżorsi finanzjarji u umani billi jiċċara n-natura u l-valur ta’ l-attivitajiet ippjanifikati u ta’ l-inkarigi mogħtija lill-persuni kkonċernati.

46      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar l-użu ta’ l-ittra “D” fl-Anness 6, il-Kummissjoni tosserva li xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li dan ix-xogħol, intiż sabiex jiffaċilita l-ftehim tiegħu mill-applikanti, jeskludi l-ispejjeż ġenerali mill-ispejjeż ta’ l-Anness 6. Skond il-Kummissjoni, dawn jiġu normalment miktuba taħt il-parti “D4”, “Amministrazzjoni u koordinazzjoni”. Il-Kummissjoni tippreċiża li hija taċċetta wkoll it-tniżżil tagħhom taħt fażi oħra speċifika jew f’nota separata, iżda li hija fl-ebda każ ma tista’ taċċetta n-nuqqas tagħhom b’rigward għall-importanza tagħhom. Il-Kummissjoni tenfasizza li dan ir-rekwiżit ta’ kjarezza, indipendentement minn eżattezza matematika, kien b’hekk meħtieġ fit-taqsima 3.4 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li, f’każ ta’ dubju dwar l-inklużjoni ta’ l-ispejjeż ġenerali ta’ ammont ta’ EUR 80 000 fl-Anness 6, ir-rikorrenti kienet marbuta li tibgħat talba għal informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li hija kienet bassret l-eventwalità ta’ diverġenzi ta’ interpretazzjoni billi stabbilixxiet mezz ta’ komunikazzjoni faċli u li jgħaġġel sabiex tingħata risposta għad-domandi eventwali. B’hekk, il-possibbiltà li tintalab informazzjoni ulterjuri bl-użu ta’ sit internet, permezz ta’ ittra jew permezz tat-telefown kienet prevista kemm fil-gwida għall-applikant fl-Anness tekniku u finanzjarju tagħha kif ukoll fis-sejħa għall-proposti VP/2003/021 ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-31 ta’ Ottubru 2003.

48      Fir-rigward ta’ l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni tqis li rrispondiet b’ħeffa estrema għat-talbiet għall-informazzjoni tar-rikorrenti (tlett ijiem) u tenfasizza l-ġurisprudenza li tgħid li motivazzjoni fil-qosor hija biżżejjed u twieġeb għar-rekwiżit ta’ l-Artikolu 253 KE f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li n-natura sommarja tal-motivazzjoni hija l-konsegwenza inevitabbli tat-trattament ta’ numru għoli ta’ talbiet. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu fuq kollox l-iskop li jippermetti lill-persuna kkonċernata tevalwa l-opportunità li tibda proċeduri quddiem il-qorti kompetenti. Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ, tali motivazzjoni ġiet mogħtija.

49      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi sseparat mill-fondatezza tiegħu. Jekk jitqies li motivazzjoni sommarja tad-deċiżjoni kkontestata ma tkunx biżżejjed f’dan il-każ, ġurisprudenza stabbilita tawtorizza, f’kull każ, lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi motivazzjoni ulterjuri, bil-kundizzjoni li din l-informazzjoni ulterjuri tiġi pprovduta qabel il-preżentata tar-rikors. Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet preċiżazzjonijiet ulterjuri b’risposta għat-talbiet li saru mir-rikorrenti u ma tistax tiġi kkritikata talli pprovdiet tali preċiżazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

50      Dan il-motiv jirrigwarda l-argument, invokat mill-Kummissjoni in sostenn tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-proposta fiha “nuqqas ta’ konsistenza serja fl-informazzjoni dwar il-baġit mogħtija fl-Annessi 6 u 7”. Dan il-motiv ġie ppreċiżat mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 li tindika li “[i]d-dokumenti [ppreżentati mir-rikorrenti] fihom nuqqas ta’ koerenza fl-informazzjoni finanzjarja” u li tenfasizza li, “[j]ekk l-Anness 6 jikkontjeni ammont totali ta’ 2 029 599,[9]9 EUR, l-Anness 7 jikkontjeni ammont totali ta’ 2 109 599,99 EUR (differenza kbira ta’ 80 000 EUR)”.

51      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti invokat diversi lmenti msemmija fil-punt 36 iktar’il fuq. Anki jekk jitqies li xi wħud minn dawn l-ilmenti huma inammissibbli minħabba n-natura mhux preċiża tagħhom, hekk kif issostni l-Kummissjoni, dan mhuwiex neċessarjament il-każ ta’ l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ ksur tal-gwida għall-applikant, li ġew imfassla b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors.

52      Dwar il-mertu, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tal-ksur ta’ l-obbligu li tingħata motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 15; tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tad-29 ta’ April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 65).

53      Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza Delacre et vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li n-natura sommarja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tiċħad talba għall-għotja hija konsegwenza inevitabbli tat-trattament informatiku ta’ diversi mijiet ta’ talbiet għal għotja, li l-Kummissjoni hija marbuta li tiddeċiedi fuqhom fi żmien qasir. B’hekk, motivazzjoni iktar dettaljata in sostenn ta’ kull deċiżjoni individwali tkun tista’ tipperikola l-għoti raġjonevoli u effettiv ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Soċjali Ewropew (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1990, Gemeente Amsterdam u VIA vs Il-Kummissjoni, C‑213/87, Ġabra p. I‑221, punt 28).

55      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond l-informazzjoni ulterjuri li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 u li kienet għand ir-rikorrenti meta ressqet ir-rikors. Jekk, kif ġara f’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob lill-istituzzjoni in kwistjoni spjegazzjonijiet ulterjuri dwar deċiżjoni qabel il-preżentata ta’ rikors, u tirċievi dawn l-ispjegazzjonijiet, hija ma tistax titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma toħodhomx in kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, madankollu sakemm l-istituzzjoni mhijiex awtorizzata tissostitwixxi l-motivazzjoni inizjali b’motivazzjoni totalment ġdida, li mhuwiex il-każ f’din il-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punt 58).

56      Isegwi li l-argument ikkontestat fil-kuntest ta’ dan il-motiv, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-informazzjoni ulterjuri li tinsab fl-ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2005, jista’ jippermetti lir-rikorrenti li tifhem b’mod ċar li waħda miż-żewġ raġunijiet li ġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba tagħha għal għotja kienet ibbażata fuq il-fatt li, skond il-Kummissjoni, hija ma kinitx tissodisfa l-aħħar kriterju ta’ evalwazzjoni li jippermetti li tiġi ddeterminata l-kwalità u l-vijabbiltà ta’ l-azzjonijiet proposti fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni, kif iddefinit fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant.

57      B’hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mhuwiex stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata, safejn tirrigwarda l-argument ikkontestat fil-kuntest ta’ dan il-motiv, mhijiex immotivata biżżejjed.

58      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni lment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-gwida għall-applikant permezz ta’ l-argument ikkontestat fil-kuntest ta’ dan il-motiv li jgħid li “teżisti nuqqas ta’ konsistenza serja fl-informazzjoni dwar il-baġit mogħtija fl-Annessi 6 u 7” tal-proposta, għandu jiġi osservat, hekk kif juru ż-żewġ tabelli iktar’il quddiem, li jeżisti qbil perfett bejn is-sezzjonijiet D1 sa D4 ta’ kull wieħed minn dawn l-annessi, li juru rigorożament l-istess totali:

Tabella 1 (li telenka l-ispejjeż ta’ l-attivitajiet imsemmija fit-talba għall-għotja stabbilita skond il-mudell ta’ l-Anness 6 tal-gwida għall-applikant)

Fażi

D1

persunal

(EUR)

D2

trasport

(EUR)

D3

attivitajiet/ servizzi

(EUR)

D4

Amministrazzjoni

(EUR)

D1 + D2 + D3 + D4

Totali

(EUR)

1

395 012.46

22 160.00

34 200.00

 

451 372.46

2

185 856.75

12 540.00

51 840.00

 

250 236.75

3

161 292.86

1 5 820.00

73 840.00

 

250 952..86

4

255 457.85

12 560.00

116 000.00

 

384 017.85

5

226 150.62

25 600.00

 

50 356.00

302 106.62

6

67 474.05

15 420.00

32 000.00

 

114 894.05

7

64 574.40

19 950.00

191 495.00

 

276 019.40

Total

1 355 818.99

124 050.00

499 375.00

50 356.00

2 029 599.99


Tabella 2 (li telenka l-ispejjeż tal-partijiet imsemmija fil-baġit provviżorju stabbilit skond il-mudell ta’ l-Anness 7 tal-gwida għall-applikant)


D1

persunal (EUR)

1 355 818.99

D2

trasport (EUR)

124 050.00

D3

attivitajiet/servizzi (EUR)

499 375.00

D4

amministrazzjoni (EUR)

50 356.00

Total

spejjeż diretti (D1 sa D4)

2 029 599.99

Total

spejjeż indiretti (I.1)

80 000.00

Spejjeż totali

Total tal-proġett - (D+I)

2 109 599.99


59      Minn dawn iż-żewġ tabelli jirriżulta, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li r-rikorrenti wriet koerenza tajba meta mal-baġit provviżorju (Anness 7) żiedet ammont ta’ EUR 80 000 bħala spejjeż ġenerali taħt is-sezzjoni “Spejjeż eliġibbli indiretti”. Fil-fatt, iż-żieda tad-diversi ammonti li jikkorrispondu ma’ l-spejjeż eliġibbli diretti kollha msemmija fit-talba għall-għotja (Anness 6) is-sezzjoni “Spejjeż eliġibbli diretti D1 sa D4” tal-baġit provviżorju tassigura koerenza bejn dawn iż-żewġ annessi. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-koerenza tissodisfa perfettament ir-rekwiżit ta’ koerenza stabbilit fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant bħala l-aħħar kriterju ta’ evalwazzjoni li jippermetti li tiġi ddeterminata l-kwalità u l-vijabbiltà ta’ l-azzjonijiet proposti fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-allegazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li hemm “nuqqas ta’ konsistenza” fl-informazzjoni dwar il-baġit pprovduta fl-Annessi 6 u 7 tal-proposta tar-rikorrenti hija żbaljata.

60      Din il-konklużjoni mhijiex imqiegħda f’diskussjoni mis-suġġeriment tal-Kummissjoni li fis-sezzjoni D4 tat-talba għall-għotja jiġu inklużi l-ispejjeż ġenerali f’ammont ta’ EUR 80 000 msemmija fis-sezzjoni I tal-baġit provviżorju. Fil-fatt, tali inklużjoni tneħħi l-qbil li jeżisti bejn is-sezzjoni D4 tat-talba għall-għotja u s-sezzjoni D4 tal-baġit provviżorju.

61      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li s-suġġeriment tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli ma’ l-informazzjoni li tinsab fil-mudell stabbilit minn qabel tal-baġit provviżorju fl-Anness 7 tal-gwida għall-applikant. Fil-fatt, minn naħa, dan il-mudell juri li l-ispejjeż ġenerali jiffurmaw parti mill-“ispejjeż eliġibbli indiretti I”, kategorija ta’ spejjeż separata u distinta mill-kategorija “Spejjeż eliġibbli diretti D1 sa D4”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi mudell isemmi prinċipju li jgħid li l-ispejjeż ġenerali m’għandhomx jeċċedu 7 % ta’ l-ammont totali ta’ l-“ispejjeż eliġibbli diretti D1 sa D4”, liema ħaġa timplika neċessarjament li l-ispejjeż ġenerali ma jistgħux jiġu inklużi fis-sezzjoni D4 tal-baġit provviżorju.

62      F’dak li jirrigwarda l-obbligu stabbilit fil-punt C8 ta’ l-Anness 6 tal-gwida għall-applikant li tagħmel riferiment għalih il-Kummissjoni li jgħid li “l-ispejjeż u l-attivitajiet amministrattivi kollha, linja tal-baġit D4, għandhom […] jidhru” fit-talba għall-għotja minħabba l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proġett, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-obbligu jista’ biss jirrigwarda l-spejjeż eliġibbli diretti. Fil-fatt, l-isem “linja tal-baġit D4” jenfasizza li dawn huma spejjeż eliġibbli diretti li jirrigwardaw l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ispejjeż ġenerali ma jiffurmawx parti minnhom, peress li huwa espressament stabbilit fil-mudell tal-baġit provviżorju, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti, li dawn għandhom jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli indiretti.

63      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ppreparat it-talba għall-għotja u l-baġit provviżorju b’mod konformi mal-mudelli ta’ dawn id-dokumenti li jidhru fl-anness tal-gwida għall-applikant. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li għandu jeżisti qbil bejn dawn iż-żewġ annessi mhijiex kumpatibbli mal-mudelli msemmija.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni m’applikatx b’mod korrett la l-prinċipji stabbiliti fil-mudelli li jidhru fl-Annessi 6 u 7 tal-gwida għall-applikant, u lanqas l-aħħar kriterju li jidher fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant.

65      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi ddikjarat bħala fondat minħabba l-ksur ta’ l-Annessi 2, 6 u 7 tal-gwida għall-applikant, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu evalwati l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

66      Il-Kummissjoni tosserva li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, l-ilmenti bbażati fuq ksur tar-Regolamenti Nri 1784/1999 u 1260/1999 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ allegat abbuż ta’ poter li ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ dan il-motiv huma inammissibbli.

67      B’riferiment għall-iżviluppi dwar l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni hija żbaljata meta tinvoka l-inammissibbiltà ta’ l-ilmenti msemmija.

–       Fuq il-mertu

68      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti ma wrietx bizzejjed in-natura innovattiva tal-proġett tagħha, ir-rikorrenti tosserva li dan jirriżulta biss mill-ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2005. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li dan huwa element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni kkontestata, din l-allegazzjoni ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss b’mod sussidjarju li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni li turi n-natura innovattiva tal-proposta tagħha. Dan jirriżulta minn qari tal-punt C3 flimkien mal-punti C2, C4 u C8 tal-proposta tagħha. Sabiex turi l-koordinazzjoni bejn il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt C3 u l-għanijiet konkreti u innovattivi ppreżentati fil-punti C2 u C4, ir-rikorrenti ssemmi l-fażijiet differenti tal-proġett, deskritti fil-punt C8, jiġifieri l-“intervenzjonijiet fil-qasam tal-produzzjoni”, l-“intervenzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni u tad-djalogu fi ħdan it-territorju”, ir-“rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet bl-għan li jiġu ddedikati għall-ambjent u għat-turiżmu” u l-“intervenzjonijiet fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-marketing”. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti tqis li, meta fittxet il-preżentazzjoni ta’ l-innovazzjonijiet taħt il-punt C3 biss, il-Kummissjoni injorat intenzjonalment l-istruttura imposta fuq l-applikanti għall-introduzzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-kriterji tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-proposti li jissemmew fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant huma stabbiliti b’mod kemmxejn wiesa`, mingħajr riferiment għall-istruttura stabbilita minn qabel tal-proposta.

70      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-sempliċi deskrizzjoni tal-“grupp” tal-florikultura ma tippermettix li jiġi spjegat kif ir-rikorrenti ser tasal, permezz ta’ l-esperjenzi preċedenti tagħha, sabiex tibni u tiżviluppa l-proġett il-ġdid tagħha, ir-rikorrenti tammetti n-natura deskrittiva tal-preżentazzjoni tal-kuntest (punt C3) tat-talba tagħha għal għotja. Madankollu, hija ssostni li ma għamlet xejn ħlief li ssegwi l-mudell stabbilit mill-Kummissjoni fl-Anness 6 tal-gwida għall-applikant. F’kull każ, l-esperjenza tar-reġjun tal-Ligurja hija msemmija fil-parti C3, kemm b’mod pożittiv, b’enfażi fuq il-punti t-tajbin, kif ukoll b’mod negattiv, b’enfażi fuq in-nuqqasijiet li għandhom jiġu solvuti u l-iżbalji li għandhom jiġu rranġati.

71      Fit-tielet lok, l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant li jippreżenta s-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet f’erba` stadji, ma ġiex irrispettat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-applikazzjoni tagħha ġiet evalwata mill-Kummissjoni sa l-istadju finali, li jfisser li għaddiet b’suċċess it-tliet stadji preċedenti, jiġifieri dak tal-kontroll ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-applikant (l-ewwel stadju), dak tal-kontroll ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-applikazzjoni (it-tieni stadju) u dak ta’ l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ l-applikant li jwettaq l-azzjonijiet proposti, b’mod partikolari abbażi ta’ l-esperjenza u tal-kompetenza murija fil-qasam ta’ l-azzjonijiet proposti (it-tielet stadju). Billi mmotivat id-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-kontroll tal-kwalità ta’ l-applikazzjoni (ir-raba’ stadju), abbażi ta’ kriterju li jifforma parti mit-tielet stadju, il-Kummissjoni wettqet ksur ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssemmi l-ksur tal-kriterju alternattiv imsemmi fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant. Fil-fatt, skond hi, l-innovazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala r-“riżultat ta’ tluq mill-attivitajiet ordinarji jew ta’ kontinwazzjoni tagħhom”. Il-Kummissjoni evalwat in-natura innovattiva tal-proġett tar-rikorrenti biss mill-aspett tal-kontinwazzjoni ta’ l-attivitajiet ordinarji, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni n-natura innovattiva ta’ l-imsemmi proġett mill-aspett tad-diskrepanza li teżisti b’relazzjoni ma’ l-attivitajiet ordinarji. Għaldaqstant, hija kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

73      Fil-ħames lok, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li ssemmi n-nuqqas ta’ rabta ma’ l-esperjenzi preċedentement akkwistati fil-Ligurja fil-qasam in kwistjoni tikser l-Artikolu 253 KE. Ir-rikorrenti tqis li l-motivazzjoni ulterjuri mogħtija mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 ma tistax tiġi aċċettata fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li din ma tissemma mkien fid-deċiżjoni kkontestata. F’kull każ, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni manifestament ħażina tal-fatti u, billi ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata b’mod xieraq, kisret l-Artikolu 253 KE.

74      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tosserva li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-proġett tar-rikorrenti ma ġiex inkluż fil-kuntest ta’ evalwazzjoni komparattiva intiża sabiex jinżammu biss l-aħjar proġetti huwa element ġdid. Fil-fatt, il-Kummissjoni ċaħdet il-proposta tar-rikorrenti abbażi ta’ nuqqas ta’ ftehim li jirriżulta mill-istruttura tagħha u mhux mill-valur intrinsiku tagħha, u f’kull każ, hija ma tiċċarax l-iżbalji mwettqa mir-rikorrenti li jippermettu lir-rikorrenti tifhem din iċ-ċaħda. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam ma tostakolax lill-qorti Komunitarja milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

75      Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li kellha numru kbir ta’ applikazzjonijiet x’tevalwa, u b’kunsiderazzjoni tar-riżorsi finanzjarji limitati, kellha telimina ċerti proġetti li setgħu kienu tajbin, iżda li madankollu l-kwalità tagħhom kienet inferjuri għall-proġetti li ġew aċċettati. F’dan ir-rigward, għalkemm caħda ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tal-kwalità tax-xogħol ipprovdut, l-iżgħar żball, nuqqas ta’ koerenza jew impreċiżjoni tista’ taffettwa l-għażla finali fil-kuntest ta’ evalwazzjoni komparattiva. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li motivazzjoni fil-qosor hija bizzejjed f’dan il-każ u li huwa possibbli li tingħata kull informazzjoni ulterjuri sal-preżentata ta’ rikors. Il-Kummissjoni ma taqbilx li l-informazzjoni ulterjuri li tirrigwarda n-natura innovattiva tal-proġett titqies bħala element ġdid, peress li din tirriżulta mill-kliem ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant. Barra minn hekk, hija tosserva li ġurisprudenza kostanti dejjem tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet Komunitarji meta dawn ikollhom, fil-kuntest ta’ l-inkarigi tagħhom, jagħmlu evalwazzjonijiet kumplessi, bħal ma huwa l-każ fil-kuntest tal-Fondi strutturali. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja tillimita ruħha li teżamina l-eżattezza materjali u l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. B’mod partikolari, għandu jiġi evalwat jekk l-azzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet hijiex ivvizzjata minn żball manifest, minn abbuż ta’ poter jew jekk din l-awtorità qabżitx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

76      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti li jirrigwarda l-abbuż ta’ poter, il-Kummissjoni tosserva, kemm-il darba dan l-argument huwa ammissibbli, li r-rikorrenti ma tatx prova li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni kellha skop differenti minn dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni jew li, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, id-deċiżjoni msemmija ttieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati.

77      F’dak li jirrigwarda l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura deskrittiva tal-preżentazzjoni tal-proġett, liema fatt ir-rikorrenti stess tammetti. B’sempliċi deskrizzjoni, mingħajr elementi li juru l-innovazzjoni fil-konfront ta’ l-esperjenzi preċedenti, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkonvinċi lill-kumitat ta’ evalwazzjoni u lill-uffiċjal kompetenti li jagħti l-awtorizzazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ dan il-proġett fil-kuntest ta’ evalwazzjoni komparattiva fejn l-applikanti kollha kienu fuq livell ugwali.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti tagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Hija ssostni li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, hija wieġbet għall-ħtieġa ta’ motivazzjoni billi pprovdiet l-informazzjoni ulterjuri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      Dan il-motiv jirrigwarda l-argument, invokat mill-Kummissjoni in sostenn tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li “il-proposta ma tispjegax il-mod li bih hija telabora u tikkunsidra l-esperjenzi akkwistati preċedentement f’dan il-qasam fil-Ligurja”. Dan l-argument tqajjem mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 li tgħid li “[is-sempliċi deskrizzjoni fi 32 paġna tal-grupp tal-florikultura] ma twassalx sabiex […] tispjega kif [ir-rikorrenti ser tasal] biex tibni u tiżviluppa l-proġett il-ġdid [tagħha] mill-esperjenzi preċedenti [tagħha] u fl-aħħar [sabiex] tipproponi l-innovazzjoni”.

80      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti li jirrigwarda l-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jingħad, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 52 sa 55 iktar’il fuq, li d-deċiżjoni kkontestata, safejn tirrigwarda l-argument ikkontestat fil-kuntest ta’ dan il-motiv, hija mmotivata bizzejjed fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

81      Fil-fatt, l-informazzjoni imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, kif kompletata mill-informazzjoni li tinsab fl-ittra ta’ l-4 ta’ Lulju 2005, tagħti lir-rikorrenti l-opportunità li tifhem b’mod ċar li waħda miż-żewġ raġunijiet li ġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba għall-għotja kienet ibbażata fuq it-tielet kriterju tal-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant li jippermetti li tiġi ddeterminata l-kwalità u l-vijabbiltà ta’ l-azzjonijiet proposti fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni.

82      F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-preċiżazzjoni mogħtija mill-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Lulju 2005, li tgħid li l-proposta ma tispjegax kif ir-rikorrenti tasal sabiex tipproponi innovazzjoni, mhijiex motivazzjoni totalment ġdida, peress li din tispjega biss it-tielet kriterju tal-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant.

83      Fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni injorat l-istruttura imposta fuq l-applikanti billi kienet teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ l-innovazzjoni biss taħt il-punt C3 tat-talba għall-għotja mhijiex rilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni talli fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 ikkonċentrat fuq it-32 paġna tat-talba għall-għotja li tikkorrispondi għall-punt C3, peress li din l-ittra tirrispondi biss lill-ittra tagħha ta’ l-1 ta’ Lulju 2005, li fiha din invokat biss il-paġni msemmija. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jingħad li l-mudell ta’ l-Anness 6 tal-gwida għall-applikant bl-ebda mod ma jostakola lill-applikant għal għotja milli jiċċara l-mod li fih il-proposta tagħha hija bbażata fuq l-attivitajiet ordinarji tagħha u, b’mod partikolari, fuq l-esperjenzi preċedenti tagħha. Fi kliem ieħor, l-istruttura tat-talba għall-għotja, kif imposta mill-Anness 6 tal-gwida għall-applikant, ma tostakolax lill-applikant għal għotja milli jagħmel mod li l-applikazzjoni tiegħu tissodisfa lit-tielet kriterju msemmi fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

84      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata abbażi ta’ kriterju li jifforma parti minn stadju li kienet diġà għaddiet minnu b’suċċess, għandu jiġi osservat li l-esperjenzi akkwistati preċedentement, li ġew invokati in sostenn tad-deċiżjoni msemmija, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkorrispondu għall-attivitajiet ordinarji, kif stabbiliti mit-tielet kriterju msemmi fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant. Meta qieset li l-proposta ma tispjegax kif ir-rikorrenti ser tasal sabiex tibni u tiżviluppa l-proġett il-ġdid tagħha mill-esperjenzi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni evalwat biss jekk il-proposta tissodisfax it-tielet kriterju stabbilit fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant. B’hekk, il-Kummissjoni ma tqigħedx in diskussjoni d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest tat-tielet stadju ta’ l-evalwazzjoni tal-proposta, li jgħidu li r-rikorrenti tiddisponi mill-kapaċità finanzjarja u operazzjonali sabiex toħloq u tmexxi l-proposta tagħha abbażi, minn naħa, ta’ l-esperjenza tagħha u tal-kompetenza stabbilita tagħha fil-qasam ta’ l-azzjonijiet proposti u, min-naħa l-oħra, ta’ l-esperjenza u tal-kompetenzi professjonali stabbiliti tal-kap tal-proġett. Konsegwentement, meta fid-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għall-esperjenzi akkwistati preċedentement, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Minn dan jirriżulta li dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

85      Fir-raba’ lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-karattru alternattiv tal-kriterju msemmi fil-punt 34 ta’ l-Anness tekniku u finanzjarju tal-gwida għall-applikant, billi naqset milli tevalwa l-proposta mill-aspett tad-diskrepanza li teżisti b'relazzjoni ma’ l-attivitajiet ordinarji, għandu jiġi miċħud bħala mingħajr effett. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma wrietx u lanqas sostniet li l-proposta tagħha kienet differenti mill-attivitajiet ordinarji tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki kieku jitqies li l-Kummissjoni ma evalwatx il-proġett mill-aspett tad-diskrepanza li teżisti b'relazzjoni ma’ l-attivitajiet ordinarji, tali nuqqas ma jistax jolqot lid-deċiżjoni kkontestata.

86      Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti, għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam ta’ l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, Ġabra p. I‑2901, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Consorzio gruppo di azione locale “Murgia Messapica” vs Il-Kummissjoni, T‑465/93, Ġabra p. II‑361, punt 46). Ir-rikorrenti ma ppreżentatx elementi ta’ fatt li jistgħu jistabbilixxu li l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ rabta bejn il-proposta u l-esperjenzi li hija kienet akkwistat preċedentement kienet milquta minn żball manifest. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

87      Fis-sitt lok, fir-rigward ta’ l-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv li jirrigwardaw rispettivament abbuż ta’ poter u ksur ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1784/1999, ta’ l-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament Nru 1260/1999, tar-regoli stabbiliti fil-komunikazzjoni tat-12 ta’ Jannar 2001, tar-regoli stabbiliti fis-sejħa għall-proposti VP/2003/021 u fil-gwida għall-applikant, inklużi l-Annessi 2 u 6 tagħha, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li telenka l-ksur ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod astratt fit-titolu ta’ dan il-motiv. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, l-att għandu, b’mod partikolari, ikollu sunt tal-motivi invokati. Dan ifisser li hija għandha tispjega f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqhu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi riferiment astratt għal dan il-motiv ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68). Minn dan jirriżulta li dawn l-ilmenti għandhom jiġu mwarrba bħala inammissibbli.

88      Konsegwentement, peress li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv, parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli u għar-raġunijiet esposti fil-punt 37 iktar’il fuq, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Provincia di Imperia għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.