Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2008 - SOZA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-413/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Slovenský ochranný Zväz Autorský pre práva k hudobným dielam (SOZA) (Bratislava, Ir-Repubblika tas-Slovakkja) (rappreżentant : M. Favart, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC) u b'mod partikolari, tal-Artikolu 3 tiegħu, li jikkonstata li l-membri tas-CISAC miż-ŻEE ħadu sehem fi prattiċi miftiehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkoordinaw id-definizzjonijiet territorjali tal-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka mogħtija lil xulxin b'mod li liċenzja tkun limitata għat-territorju domestiku ta' kull collecting society.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

(i) l-inklużjoni ta' definizzjonijiet territorjali fil-ftehim tagħhom ta' rappreżentanza reċiproka mhijiex ir-riżultat ta' prattika miftiehma, u

(ii) sussidjarjament, li kieku effettivament teżisti prattika miftiehma fuq id-definizzjonijiet territorjali, ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 81 KE.

Fuq il-bażi tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 81 KE kif ukoll l-Artikolu 253 KE billi stabbiliet li d-definizzjoni territorjali parallela inkluża fil-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka konklużi mir-rikorrenti u l-membri l-oħra tas-CISAC miż-ŻEE huwa r-riżultat ta' prattika miftiehma, filwaqt li d-deċiżjoni naqset milli tipprovdi kwalunkwe evidenza ta' prattika miftiehma bħal din.

Fuq il-bażi tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-allegata prattika miftiehma fuq definizzjonijiet territorjali mhijiex illegali għaliex tikkonċerna forma ta' kompetizzjoni li ma jisħoqqilhiex protezzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-allegata prattika tkun ikkunsidrata li tillimita l-kompetizzjoni, ma tmurx kontra l-Artikolu 81(1) KE għaliex hija neċessarja u proporzjonata għal għan leġittimu.

____________

1 - Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta' Awturi u Kompożituri