Language of document : ECLI:EU:C:2019:181

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis-7 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C-22/18

TopFit e.V.

Daniele Biffi

vs

Deutscher Leichtathletikverband e.V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Darmstadt (il-Qorti Lokali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja))

“Libertà ta’ stabbiliment — Ċittadinanza — Artikoli 18, 21, 49 u 165 TFUE — Diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità — Regola li tirtira mingħand ċittadin tal-Unjoni stabbilit fi Stat Membru ospitanti d-dritt li jikkompeti f’kampjonat tal-atletika nazzjonali tad-dilettanti fil-grupp ta’ età ’l fuq minn 35 sena fuq l-istess livell ma’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru — Faċilità għal parteċipazzjoni ‘mingħajr klassifikazzjoni’ li tipprekludi klassifikazzjoni ta’ pożizzjoni ta’ persuni li ma jkunux ċittadini u għal kull kategorija ta’ età — Nuqqas ta’ perijodu tranżizzjonali għal ċittadini tal-Unjoni stabbiliti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien tal-bidla fir-regola — Effett orizzontali tal-libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”






1.        Daniele Biffi, ċittadin Taljan u t-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali, ilu residenti fil-Ġermanja sa mill-2003. Hemmhekk ix-xogħol tiegħu huwa li jagħti servizzi bħala kowċ fl-atletika u bħala personal trainer, u ssemma fis-seduta li huwa għandu s-sit internet tiegħu li jirreklama dawn is-servizzi (2). D. Biffi huwa involut bis-sħiħ fl-atletika kompetittiva bħala dilettant fil-grupp ta’ età ta’ ’l fuq minn 35 sena. Huwa jgħix fil-Ġermanja mal-familja tiegħu.

2.        Fl-2012 D. Biffi rrinunzja għad-dritt tiegħu li jikkompeti taħt l-awspiċji tal-federazzjoni Taljana ta’ atletika tad-dilettanti. Minn dak iż-żmien sal-2016, bħala ċittadin Taljan residenti fil-Ġermanja u msieħeb għal iktar minn sena ma’ klabb tal-atletika f’Berlin, jiġifieri TopFit e.V. (l-ewwel rikorrent fil-kawża prinċipali, iktar ’il quddiem “TopFit”) Biffi seta’ jikkompeti għat-titolu ta’ “rebbieħ nazzjonali” fil-kategorija tal-età tiegħu, u l-pożizzjonijiet tiegħu kienu, minbarra dan, irreġistrati. Id-diversi suċċessi tiegħu, dwar kisba ta’ titoli u klassifika, jidhru fis-sit internet tiegħu (3).

3.        Madankollu, fl-2016, id-Deutscher Leichtathletikverband e.V. (l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Atletika, iktar ’il quddiem id-“DLV”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali u assoċjazzjoni stabbilita skont id-dritt privat, biddlet ir-regoli tagħha. B’hekk hija llimitat id-dritt ta’ kompetizzjoni għat-titolu ta’ “rebbieħ nazzjonali” għall-kategoriji kollha ta’ età għal ċittadini Ġermaniżi. Skont ir-regola l-ġdida atleti fil-kategorija ta’ D. Biffi setgħu jipparteċipaw fil-kampjonati nazzjonali, iżda biss “mingħajr klassifikazzjoni”. Din ir-regola tipprekludi l-għoti ta’ pożizzjoni fi tlielaq individwali lil tali parteċipanti (pereżempju fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet post) jew tat-titolu ta’ “rebbieħ nazzjonali”. Ma tipprekludix, madankollu, il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet oħra organizzati mid-DLV, bħal dawk organizzati f’livell reġjonali.

4.        TopFit u D. Biffi kkontestaw din ir-regola l-ġdida quddiem l-Amtsgericht Darmstadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Darmstadt, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), li għamlet tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dawn jirrigwardaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (Artikolu 18 TFUE), id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li “jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri” (Artikolu 21(1) TFUE), u l-obbligu tal-Unjoni li “tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta’ l-Isports” (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE), u li tieħu azzjoni intiża għall-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport (Artikolu 165(2) TFUE).

5.        Wasalt għall-konklużjoni li, essenzjalment minħabba n-nuqqas ta’ regola tranżizzjonali li tispjega d-drittijiet stabbiliti ta’ ċittadini tal-Unjoni, bħal D. Biffi, li jkunu diġà kisbu d-dritt li jikkompetu fuq l-istess livell ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tagħhom, wara li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom li “jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament” (4) hemmhekk, id-DLV aġixxiet b’mod inkonsistenti fir-rigward tad-drittijiet ta’ D. Biffi għal-libertà tal-moviment skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku għal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Ir-restrizzjoni imposta mid-DLV kienet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, sproporzjonata.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jgħid.

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

7.        L-Artikolu 21(1) TFUE jgħid:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. […]”

9.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta’ l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.”

10.      L-Artikolu 165(2) TFUE jipprovdi:

“L-azzjoni ta’ l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:

[…]

–        l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta’ l-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom.”

11.      L-Artikolu 165(3) TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill ta’ l-Ewropa.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

12.      Il-paragrafu 5.2.1 tad-Deutsche Leichtathletikordnung (ir-Regoli tal-Atletika Ġermaniżi) jipprovdi:

“Bħala regola ġenerali l-kampjonati kollha għandhom ikunu miftuħa għall-atleti kollha li għandhom nazzjonalità Ġermaniża u dritt inizjali validu minn assoċjazzjoni jew komunità tal-atletika Ġermaniża”.

13.      Il-paragrafu 5.2.2 tal-istess regola tħassar mill-konvenuta fis-17 ta’ Ġunju 2016. Dan kien jipprovdi li:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jipparteċipaw f’kampjonati Ġermaniżi jekk ikollhom dritt inizjali minn assoċjazzjoni jew komunità tal-atletika Ġermaniża u li dak id-dritt ikun ilu jeżisti sena.”

14.      Wara s-17 ta’ Ġunju 2016, kienet tapplika din ir-regola (iktar ’il quddiem ir-“regola ikkontestata” (5):

“F’konformità mal-paragrafu 5.2.4 tar-Regoli tal-Atletika Ġermaniżi, il-barranin li għandhom dritt ta’ tluq ma’ federazzjoni nazzjonali jistgħu jingħataw dritt li jipparteċipaw mingħajr klassifikazzjoni meta jkunu hekk awtorizzati mill-president tal-kumitat federali jew mill-organizzatur qabel il-kompetizzjoni. Id-dettalji ta’ parteċipazzjoni mingħajr klassifikazzjoni huma stabbiliti fid-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti għar-regola 142.1 tar-Regoli dwar Kompetizzjoni Internazzjonali.” (6)

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      D. Biffi twieled fl-1972. Kif imsemmi iktar ’il fuq, għandu nazzjonalità Taljana, ilu jgħix fil-Ġermanja mill-2003, u ilu jipparteċipa f’kampjonati Ġermaniżi mill-inqas mill-2012, wara li ċeda d-dritt inizjali tiegħu fir-rigward tal-assoċjazzjoni tal-atletika Taljana fl-2012. Ix-xogħol tiegħu huwa ta’ kowċ sportiv u huwa personal trainer. Huwa jispeċjalizza prinċipalment fi tlielaq li jkopru distanza ta’ 60, 100, 200 u 400 metru, u bejn l-2012 u l-2016 ikkompeta b’suċċess u regolarment fuq l-istess livell ma’ ċittadini Ġermaniżi.

16.      D. Biffi għandu dritt inizjali ma’ TopFit skont ir-Regoli tal-Atletika Ġermaniżi. Din imbagħad hija membru ta’ Berliner Leichtathletik-Verband (l-Assoċjazzjoni tal-Atletika ta’ Berlin), li hija assoċjazzjoni tal-atletika reġjonali u hija stess hija membru tad-DLV. Id-DLV hija assoċjazzjoni federali li tħaddan fiha l-assoċjazzjonijiet tal-atletika Ġermaniżi u torganizza kampjonati nazzjonali tal-atletika kemm għal atleti żgħażagħ attivi fi sport tal-ogħla livell u għal “seniors”, jiġifieri għal dawk fi gruppi ta’ età “’l fuq minn 35 sena” fi sport popolari.

17.      L-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tar-Regoli tal-Atletika Ġermaniżi tipprovdi li l-membri tal-assoċjazzjonijiet kollha tal-federazzjonijiet tal-Länder jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-atletika skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

18.      Fis-17 ta’ Ġunju 2016 il-kunsill tad-DLV emenda r-Regoli tal-Atletika Ġermaniżi b’mod li ċittadini tal-Unjoni li kellhom dritt inizjali ma’ assoċjazzjoni jew komunità tal-atletika Ġermaniża li kienet ilha teżisti għal sena, ma setgħux iktar jipparteċipaw fil-kampjonati nazzjonali fuq l-istess bażi bħalma kien isir fil-passat (ara l-punti 3 u 14 iktar ’il fuq). Id-digriet tar-rinviju jgħid ukoll li r-raġuni li l-konvenuta tat għad-deċiżjoni tagħha kienet li r-rebbieħ ta’ kampjonat Ġermaniż kellu jkun persuna li kienet ukoll intitolata tidher għal “GER” (il-Ġermanja). Għalhekk, skont il-linji gwida tal-2017 tal-konvenuta għal nomini, ingħataw prijorità r-rebbieħa Ġermaniżi fin-nomini. Id-DLV iddikjarat li wkoll ma kienx possibbli jsiru regoli għal sport għas-seniors li kienu differenti minn dawk għaż-żgħażagħ jew għal sport kompetittiv.

19.      Għall-Kampjonati Ġermaniżi ta’ Ġewwa Senior fl-4 u l-5 ta’ Marzu 2017 f’Erfurt, TopFit ressaq lil D. Biffi għat-tlielaq ta’ 60 m, 200 m u 400 m. Din in-nomina ġiet irrifjutata mid-DLV. TopFit u D. Biffi bdew proċeduri kontra dan ir-rifjut quddiem il-Verbandsrechtsausschuss (il-Kumitat Legali tal-Assoċjazzjoni), li huwa l-kummissjoni legali tal-federazzjoni. Il-Kumitat ddikjara li ma kellux ġurisdizzjoni ratione materiae u ta l-kunsens tiegħu biex il-każ jinġieb quddiem qorti ordinarja. TopFit u D. Biffi ma kkontestawx l-esklużjoni mill-Kampjonati Ġermaniżi ta’ Ġewwa Senior.

20.      Mit-30 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju 2017 id-DLV organizza l-Kampjonati Ġermaniżi Senior f’Zittau. D. Biffi għal darb’oħra ssodisfa, fiż-żmien preskritt, ir-rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni għat-tlielaq tal-100 m, 200 m u 400 m. TopFit u D. Biffi bdew proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju biex ikollhom garanzija ta’ parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni. Ir-rikors ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni għal digriet provviżorju.

21.      D. Biffi pparteċipa “barra minn klassifikazzjoni” fil-kompetizzjoni ta’ Zittau. Fil-provi tal-100 m huwa daħal it-tielet l-iqsar ħin, iżda ma tħalliex itellaq fil-finali. Fit-tellieqa tal-200 m, kienu saru biss provi tal-ħin. Ma kienx hemm sessjonijiet ta’ kwalifika, u minflok kienu tqiesu l-ħinijiet taż-żewġ tlielaq li kienu saru bħala l-ħinijiet finali ta’ tellieqa. D. Biffi kiseb it-tielet l-iktar ħin veloċi. Huwa ma setax jikkompeti fl-400 m minħabba korriment.

22.      Wara li D. Biffi ma tħalliex jipparteċipa f’ħafna kampjonati nazzjonali fil-“kategoriji senior”, TopFit u D. Biffi bdew proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju biex jitħallew jipparteċipaw u jiġu kklassifikati f’kampjonati nazzjonali fil-ġejjieni. Huma jqisu li meta ngħata d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-kampjonati nazzjonali fi sport senior abbażi ta’ ċittadinanza dan kien inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni u jsostnu li D. Biffi għandu drittijiet miksuba. Id-DLV tieħu l-pożizzjoni opposta. Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddeċiedi wkoll jekk il-prestazzjoni ta’ D. Biffi fil-kampjonat nazzjonali li kien sar f’Zittau kellhiex tkun irreġistrata għal raġunijiet ta’ klassifikazzjoni.

23.      Il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1.)      L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni tar-regolament ta’ atletika ta’ federazzjoni ta’ Stat Membru, li tagħmel il-parteċipazzjoni fil-kampjonati nazzjonali suġġetta għall-kundizzjoni ta’ nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali?

2.)      L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, meta tippermettilhom ċertament li jipparteċipaw fi kampjonati nazzjonali, iżda huwa unikament ‘barra minn klassifikazzjoni’ jew ‘mingħajr klassifikazzjoni’ li tippermettilhom jipparteċipaw fi tlielaq jew provi finali?

3.)      L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, billi teskludihom mill-għoti ta’ titoli nazzjonali jew ta’ pożizzjoni?”

24.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn TopFit, id-DLV, mill-Gvern ta’ Spanja u mill-Gvern tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kienu preżenti għas-seduta li nżammet fit-13 ta’ Diċembru 2018, minbarra l-Polonja.

III. Sunt tal-osservazzjonijiet bil-miktub

25.      TopFit isostni li skont is-sentenza Bosman (7) l-Artikolu 21(1) TFUE japplika għal regoli tad-dritt privat adottati skont ir-regoli ta’ assoċjazzjoni privata bħad-DLV. Il-prinċipji stabbiliti f’Bosman, ma humiex limitati għall-moviment liberu tal-ħaddiema biss, u japplikaw ukoll għall-Artikolu 21(1) TFUE.

26.      Il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TFUE, l-istess bħall-isport tad-dilettanti, b’mod li l-Artikolu 18 TFUE japplika għall-kawża prinċipali, minħabba li ma hemm xejn li huwa sport purament tad-dilettanti.

27.      Restrizzjoni għal parteċipazzjoni fi sport tad-dilettanti tagħmel it-tranżizzjoni ulterjuri għall-isport professjonali iktar diffiċli, u b’hekk toħloq effett indirett fuq il-ħajja ekonomika. Ċittadin tal-Unjoni li jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn wieħed nazzjonali fil-kuntest tal-ħajja privata tiegħu, jew għal aċċess għal vantaġġi soċjali u kulturali jkun ittrattat bi ksur tal-Artikolu 45 TFUE. L-aċċess għal attivitajiet sportivi huwa vantaġġ soċjali li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, u l-esklużjoni ta’ atleti bħal D. Biffi minn kampjonati hija kuntrarja għall-proġett Ewropew, u hija inkonsistenti mal-għanijiet tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 165(2) TFUE. Il-klabbs aktarx ma jkunux lesti jinvestu f’ċittadini ta’ Stat Membri oħra.

28.      Ir-regola inkwistjoni tista’ tkun oġġettivament iġġustifika biss jekk għandha għan leġittimu, jekk hija ta’ natura li jintlaħaq dan il-għan, u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq għan leġittimu. Restrizzjoni proporzjonata hija waħda li fiha atleti jkun jeħtiġilhom ikunu membri ta’ klabb għal perjodu minimu speċifikat. Għalhekk, filwaqt li ma huwiex possibbli li jiġi impost li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw għal kampjonati nazzjonali, madankollu jista’ jiġi impost li l-parteċipazzjoni tkun miftuħa għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jkollha rabta mal-eżerċizzju ta’ ċerti libertajiet fundamentali, bħal-libertà ta’ moviment. TopFit jibbaża ruħu wkoll fuq l-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

29.      Id-DLV targumenta li TopFit ma għandux il-kapaċità li jħarrek, minħabba li hekk kienet iddeċidiet il-qorti tar-rinviju f’sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, għalkemm id-DLV tirrikonoxxi li f’dan il-każ, dawn l-argumenti huma nieqsa fid-digriet tar-rinviju. L-Artikoli 18 u 21 TFUE jipproteġu biss lil ċittadini tal-Unjoni u mhux lil persuni ġuridiċi bħal TopFit. L-Artikolu 165 TFUE ma jagħtix drittijiet lil klabbs bħal TopFit (8).

30.      Id-DLV targumenta li l-ewwel domanda hija teoretika minħabba li TopFit ma ġiex irrifjutat id-dritt li jipparteċipa fil-kampjonat Ġermaniż għas-seniors. Minflok, it-tilwima hija dwar jekk D. Biffi għandux jitħalla jipparteċipa u tiġi rreġistrata l-klassifikazzjoni tiegħu, b’mod li jkun jista’ jsir rebbieħ tal-Ġermanja (9).

31.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda wkoll sitwazzjoni purament interna għall-Ġermanja (10) minħabba li t-tilwima ma tmurx lil hinn mill-fruntieri tal-Ġermanja.

32.      Id-DLV tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma taffettwax il-kompożizzjoni ta’ timijiet tal-isport, b’mod partikolari timijiet nazzjonali, li l-formazzjoni tagħhom hija kwistjoni ta’ interess purament sportiv (11). Id-DLV tqis li r-restrizzjoni tal-għoti ta’ medalji u tar-rikonoxximent ta’ rekords nazzjonali lil atleti nazzjonali huma kwistjonijiet ta’ interess purament sportiv (12).

33.      Spanja targumenta li l-għażla ta’ tim nazzjonali għal dixxiplina sportiva hija għan leġittimu u li r-restrizzjonijiet introdotti għall-kampjonati nazzjonali tal-atletika huma proporzjonati (13) u ma jagħmlux ħsara għall-iżvilupp professjonali ta’ nies sportivi barranin residenti f’pajjiż ospitanti. Il-kampjonati nazzjonali għal individwi tradizzjonalment jintużaw biex jintgħażlu timijiet nazzjonali għal kompetizzjonijiet internazzjonali importanti. Il-parteċipazzjoni ta’ barranin tista’ tfixkel proċess bħal dan.

34.      Il-Polonja tinnota li l-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 165 TFUE f’materji ta’ sport hija limitata ħafna. Skont l-Artikolu 6(e) TFUE, is-setgħat tal-Unjoni huma limitati għal azzjonijiet li jsostnu, jikkoordinaw jew jissupplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-isport. Barra minn hekk, il-logħob bejn timijiet nazzjonali minn pajjiżi differenti huwa eżempju ta’ kwistjonijiet ta’ interess purament sportiv, iżda l-Polonja tirrikonoxxi li l-portata tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandha tibqa’ limitata għall-għanijiet tagħhom (14).

35.      Minkejja dan, il-Polonja hija tal-fehma li l-kawża prinċipali hija dwar jekk sport tad-dilettanti jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, u din hija attività li ma tistax titqies bħala waħda ekonomika. Madankollu, bħall-Kummissjoni, il-Polonja tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aċċess għal attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien disponibbli fi Stat Membru li ċittadin tal-Unjoni jkun mar fih huwa korollarju għal dik il-libertà ta’ moviment (15).

36.      Il-Polonja taqbel mal-Kummissjoni li l-organizzazzjoni tal-isport u ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali hija mnaqqxa f’kuntest storiku u kulturali tal-isport Ewropew (16). Jekk din tinbidel l-isport tista’ titnaqqaslu l-attrattività tiegħu għall-ispettaturi. Il-Polonja hija wkoll imħassba mir-rwol tal-isport fl-għażla tat-timijiet sportivi nazzjonali.

37.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li sport tad-dilettanti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni għal erba’ raġunijiet.

38.      L-ewwel nett, id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema jinkludi vantaġġi soċjali, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (17). It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita d-dritt għall-moviment liberu jinkludi aċċess għal attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien fl-Istat Membru ospitanti (18) u li dan l-aċċess jaqa’ taħt l-ugwaljanza fit-trattament msemmi fl-Artikolu 18 TFUE It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza dwar l-importanza tal-isport għall-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali u d-dħul f’impjieg (19), u għalhekk dawn għandhom jitqiesu fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Ir-raba’ nett, it-Trattat ta’ Lisbona estenda b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-isport [ara l-Artikolu 6(e) TFUE u l-Artikolu 165 TFUE] li jagħtu setgħat lill-Unjoni f’dan il-qasam.

39.      L-Artikoli 18 u 21 TFUE japplikaw għal federazzjoni nazzjonali bħad-DLV irregolata mid-dritt privat, biex b’hekk l-azzjonijiet ta’ entità privata, u f’dan il-każ monopolistika, ma jdgħajfux it-tneħħija mill-Istat ta’ ostakoli għall-moviment liberu (20).

40.      Madankollu, ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ D. Biffi għall-moviment liberu hija proporzjonata (21). Il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet reġjonali u lokali tibqa’ miftuħa għal dawk li ma jkunux ċittadini. Ir-rebbieħ ta’ kampjonat għandu jkollu rabta mal-Istat Membru li jorganizza l-kampjonat. Jekk le, jinqalgħu problemi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ identifikazzjoni pubblika.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Oġġezzjonijiet preliminari

41.      L-argument tad-DLV fis-sens li ma hemmx element transkonfinali suffiċjenti fit-tilwima biex din taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud. Ladarba ċittadin tal-Unjoni jkun “għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu” is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE (22). Barra minn hekk, D. Biffi jsostni li l-impriża tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri fil-Ġermanja, hija affettwata b’mod ħażin minn diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità (23). Is-sitwazzjoni għandha rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (24). Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bosman, li l-fatt li jiġu aċċettati offerti ta’ impjieg minn fruntiera għal oħra ta’ Stati Membri biex jintlagħab futbol professjonali ma jimplikax sitwazzjoni purament interna (25), ma jistax jiġi kkunsidrat li l-fatt li jsir moviment minn fruntiera għal oħra bil-konsegwenza li ssir kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi marbuta mal-atletika u li wieħed jistabbilixxi negozju hemmhekk hija sitwazzjoni purament interna.

42.      Fir-rigward tal-locus standi ta’ TopFit li tikkontesta l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-relazzjonijiet tad-DLV ma’ D. Biffi, ir-regoli ta’ locus standi jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għal limitazzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali (26).

43.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet magħmula mid-DLV, l-ewwel domanda hija ammissibbli. L-għan tal-kawża prinċipali huwa li tiġi ddeterminata l-bażi li fuqha D. Biffi jkun jista’ jipparteċipa fil-ġejjieni f’kampjonati tal-atletika. Skont id-DLV, parteċipazzjoni mingħajr klassifikazzjoni hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-president tal-kumitat federali jew tal-organizzatur tal-kompetizzjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Minħabba li l-esklużjoni kompleta ta’ parteċipazzjoni minn atleti bħal D. Biffi hija prevista skont ir-regoli, l-ewwel domanda ma hijiex ipotetika (27).

2.      Il-prattika ta’ Stati Membri dwar il-parteċipazzjoni ta’ persuni mhux ċittadini f’kampjonati nazzjonali tal-atletika

44.      Ma hemmx regola jew prattika uniformi fl-Istati Membri dwar dan is-suġġett, u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Federazzjonijiet tal-Atletika (IAAF) (28) lanqas ma tiddetta waħda (29). Tabilħaqq id-dritt u l-prattika mal-Istati Membri kollha ivarjaw ħafna (30).

45.      Pereżempju, fi Spanja fil-preżent jidher li hemm politika relattivament miftuħa f’dak li jikkonċerna l-aċċess, bla ħsara għal obbligu ta’ sħubija ma’ klabb (iżda b’faċilità li tipprovdi għal awtorizzazzjoni speċjali), kwota u residenza fi Spanja (31); filwaqt li dan ir-rekwiżit tal-aħħar ma japplikax, pereżempju, fil-Belġju (32). Madankollu, huma ċ-ċittadini Spanjoli biss li jistgħu jsiru rebbieħa nazzjonali.

46.      Fl-estrem l-ieħor id-Danimarka tippermetti aċċess lill-barranin biss permezz ta’ deċiżjoni tal-federazzjoni organizzattiva speċjali, minħabba li huwa kkunsidrat li Daniż biss jista’ jkun rebbieħ ta’ kampjonat tad-Danimarka, u lanqas ma tista’ tiġi offruta lilhom il-medalja tal-Unjoni tal-Isport Daniża. Aċċess għal kull kompetizzjoni huwa miftuħ biss għal barranin li jkunu ilhom residenti fid-Danimarka tal-inqas għal sitt xhur (33). Kemm fi Franza (34) kif ukoll fil-Belġju (35) iċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri biss jistgħu jiġu ddikjarati rebbieħa nazzjonali rispettivi tagħhom, filwaqt li ma hemm ebda regola miktuba li tostakola barrani milli jsir rebbieħ nazzjonali fl-Isvezja (36) u huwa attivament possibbli f’Ċipru (37).

47.      Dwar l-għoti ta’ rekord nazzjonali lil barranin, dan huwa prekluż, pereżempju, fl-Awstrija (38), fil-Belġju (39), f’Ċipru (40), fid-Danimarka (minbarra għas-seniors) (41), fi Franza (42), fis-Slovenja (43) u fl-Isvezja (44). Ir-regoli tad-Danimarka (45), ta’ Spanja (46), ta’ Franza (47) u tas-Slovenja (48) jgħidu espliċitament li huwa impossibbli li atleti barranin jingħataw medalji. Ir-regoli Belġjani jgħidu dawn ma jistgħux jitilgħu fuq il-podju (49).

3.      Għaliex il-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

48.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju fehmet it-tilwima inkwistjoni hawnhekk bħala waħda li primarjament tirrigwarda ċ-ċittadinanza tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE, u r-relazzjoni tagħha kemm mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll mal-promozzjoni ta’ attivitajiet sportivi Ewropej skont l-Artikolu 165 TFUE, il-kwistjoni prinċipali li tqum f’din il-kawża hija r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ D. Biffi skont l-Artikolu 49 TFUE, li għandha l-għeruq tagħha fid-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

49.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonċentraw essenzjalment fuq l-argument dwar jekk regoli dwar il-libertà ta’ ċirkolazzjoni tal-persuni żviluppati fir-regoli primarji tat-Trattat li jmorru lura għat-Trattat ta’ Ruma, kif kienu applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet sportivi, humiex trasponibbli għall-Artikolu 21 TFUE, li hija miżura introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, fid-dawl tal-fatti li jirriżultaw fil-kawża prinċipali, dan l-approċċ ma kienx iġġustifikat.

50.      Matul is-seduta rriżulta li D. Biffi huwa kowċ psikologu u personal trainer u, għalhekk, jaqla’ l-għixien tiegħu billi jipprovdi taħriġ fl-isport. Huwa jaħdem ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi iżda jagħti wkoll taħriġ personali lil atleti individwali. Huwa jeżerċita attività organizzata u indipendenti. Ma huwiex impjegat u, għalhekk, l-istatus ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE huwa eskluż. Ir-rappreżentant ta’ TopFit u ta’ D. Biffi sostna fis-seduta li l-istatus bħala r-rebbieħ nazzjonali għall-Ġermanja jirrappreżenta vantaġġ siewi u importanti għall-business card tiegħu. Dan ma kienx ikkontestat mid-DLV. Kif kien innotat iktar ’il fuq, il-prestazzjoni ta’ D. Biffi f’kampjonati nazzjonali Ġermaniżi fl-imgħoddi diġà tidher fis-sit internet tiegħu.

51.      Fid-dawl ta’ dan, D. Biffi ma jistax jitqies bħala bniedem “dilettant” tal-isport. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża Deliège (50) li “il-fatt waħdu li assoċjazzjoni jew federazzjoni sportiva tikklassifika unilateralment lill-membri tagħha bħala atleti dilettanti, fih innifsu ma jfissirx li dawk il-membri ma jagħmlux attivitajiet ekonomiċi” (51), li meta tali attivitajiet ekonomiċi jitwettqu jibda jkun hemm lok kif meħtieġ kemm għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà tal-moviment (52), kif ukoll biex jiġu inklużi attivitajiet sportivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (53).

52.      Għalhekk, filwaqt li nirrikonoxxi l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, l-isport huwa suġġett għad-dritt tal-Unjoni Ewropea sa kemm dan ikun jikkostitwixxi attività ekonomika (54), inqis li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li x-xogħol li jagħmel D. Biffi huwa ġenwin u effettiv u mhux tali li jitqies bħala li huwa purament marġinali jew anċillari (55). Peress li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali tat-Trattat, huwa ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (56).

53.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fis-sentenza Deliège (57), li kienet kawża dwar parteċipazzjoni fi sport individwali, u dwar allegata restrizzjoni fuq il-moviment liberu, li għoti ta’ premji (finanzjarji) abbażi ta’ riżultati sportivi, u minn gvern, flimkien ma’ patroċinju privat, kienu kollha rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk atleta dilettant kienx jagħmel attivitajiet ekonomiċi (58). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid fis-sentenza Meca-Medina, li “meta attività sportiva għandha n-natura ta’ attività bi ħlas jew ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, li huwa l-każ ta’ l-isportivi semi professjonali jew professjonali […] hija taqa’, aktar partikolarment, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE et seq. jew ta’ l-Artikoli 49 KE et seq.” (59)

54.      Il-kunċett ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE jimplika “it-twettiq attwali ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ żmien indefinit” (60), fejn ir-riferiment temporali jipprovdi l-linja li tiddividi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE mil-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE (61).

55.      D. Biffi huwa residenti fil-Ġermanja għal dawn l-aħħar 15-il sena, u ma hemm xejn fil-proċess tal-kawża li jissuġġerixxi li huwa jagħti servizzi fil-Ġermanja bħala kowċ tal-atletika fuq bażi temporanja biss, jew li hemm element transkonfinali billi, pereżempju, huwa joffri s-servizzi tiegħu mill-Italja. Huwa involut “fuq bażi stabbli u kontinwa”, fil-ħajja ekonomika fil-Ġermanja (62).

56.      Għalhekk, kull diskriminazzjoni li D. Biffi seta’ ġarrab bi ksur tal-Artikolu 18 TFUE taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati abbażi tal-Artikolu 49 TFUE. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE huwa espress b’mod speċifiku fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment bl-Artikolu 49 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss, għalhekk, tiddeċiedi fir-rigward tal-Artikolu 49 (63), moqri flimkien mal-Artikolu 165 TFUE, minħabba li l-Artikolu 18 TFUE japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li dwarhom it-TFUE ma jistabbilixxix projbizzjonijiet dwar id-diskriminazzjoni (64). Għal raġunijiet li ser nispjega iktar fil-punti 97 sa 110 iktar ’il quddiem, il-kawża prinċipali ma toffrix okkażjoni li abbażi tagħha jitqies li jittieħed il-pass kostituzzjonali sinjifikattiv li wieħed jespandi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 21 TFUE u l-elementi komponenti taċ-ċittadinanza Ewropea għall-kuntest orizzontali fil-kuntest ta’ tilwima bejn partijiet privati (65), u b’hekk partijiet mhux Statali jkunu obbligati jkunu konformi magħhom.

57.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, anki jekk din ma tkunx irreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima” (66).

58.      B’konsegwenza ta’ dan, it-tliet domandi preliminari għandhom jiġu rriformulati f’waħda li taqra kif ġej:

“Għandhom l-Artikoli 18, 21, 49 u 165 TFUE jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru tiddiskrimina b’mod illeċitu kontra atleti dilettanti li ma jkollhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru li fih huma jkunu residenti, billi ma tħallihomx jieħdu sehem f’kampjonati nazzjonali, jew billi tħallihom jieħdu sehem f’kampjonati nazzjonali iżda tħallihom biss jibdew ‘barra minn klassifikazzjoni’ jew ‘mingħajr klassifikazzjoni’ u ma tħallihomx jieħdu sehem fi tlielaq jew fil-finali ta’ tlielaq, billi teskludihom mill-għoti ta’ titoli nazzjonali jew minn klassifikazzjoni?”

IV.    Risposta għad-domanda

A.      Id-DLV hija marbuta bl-Artikolu 49 TFUE?

59.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Artikoli 45, 49 u 56 ma japplikawx biss għal azzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi, iżda jestendu wkoll għal regoli ta’ kull natura oħra li jkollhom l-għan li jirregolaw, b’mod kollettiv, lill-impjegati bi qliegħ, lil dawk li jaħdmu għal rashom u lil dawk li jipprovdu servizzi (67). Il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tevita l-inugwaljanza fl-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet li hemm f’dawn l-artikoli, minħabba li kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Istati Membri differenti xi drabi jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi jew minn regolamenti u xi drabi bi ftehimiet kollettivi u b’atti oħra konklużi jew adottati minn persuni privati (68). It-tneħħija mill-Istati Membri bejniethom ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun kompromessa jekk it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet mill-Istat tkun tista’ tiġi nnewtralizzata minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-awtonomija legali tagħhom minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li ma jkunux irregolati mid-dritt pubbliku (69).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu japplikaw għal regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi (70), filwaqt li Avukat Ġenerali qies li “ir-regoli ta’ federazzjonijiet sportivi bħala prinċipju jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju meta huma jkunu jikkonċernaw relazzjonijiet ekonomiċi” (71).

61.      Nirrikonoxxi li fil-każijiet kollha li ġew qabel il-kawża prinċipali kien ġie deċiż li r-regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest li fih ir-regoli inkwistjoni kienu jillimitaw l-attivitajiet ta’ nies sportivi li kienu professjonali, jiġifieri li kienu jitħallsu direttament b’kuntratt ta’ impjieg meta kienu jagħmlu l-isport rilevanti, u li dak il-ħlas kien direttament mhedded mir-regoli tal-assoċjazzjoni sportiva li kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni (72).

62.      Madankollu, il-fatt li r-regoli li l-ġodda li għandha d-DLV għandhom dak li jista’ jiġi deskritt bħala impatt indirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi ta’ D. Biffi, billi jagħmel inqas attraenti l-għoti tas-servizzi tiegħu, meta mqabbla ma’ dawk ta’ atleta Ġermaniż li jeżerċita attività simili, iżda li jkun kompletament eliġibbli jikkompeti fil-kampjonati nazzjonali, il-ksib ta’ dak it-titolu u l-inklużjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit internet bil-klassifikazzjoni tagħhom ma tistax tagħmel differenza (ara iktar ’il quddiem fil-punt 70). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża Deliège li servizzi jibqgħu servizzi anki meta dawk li jwettquhom ma jitħallsux (73). Dan jimplika ambitu għal impatt indirett fuq attivitajiet ekonomiċi.

63.      Ir-regola ikkontestata, għalhekk, hija dwar “relazzjonijiet ekonomiċi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union li l-Artikolu 49 japplika għal azzjoni kollettiva ta’ trade unions biex impriża jkun jeħtiġilha tidħol fi ftehim ta’ ftehim kollettiv (74) ma’ trade union minħabba li l-azzjonijiet kollettivi għandhom “jiġu kkunsidrati bħala indissolubilment marbuta” mal-ftehim kollettiv mitlub, b’tali mod li l-azzjonijiet ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE (75).

64.      Ir-rabta bejn ir-regola l-ġdida tad-DLV li ma tħallix lil D. Biffi jieħu sehem fil-kampjonati nazzjonali fuq l-istess livell ma’ ċittadini Ġermaniżi hija relatata biżżejjed mill-qrib mal-ħsara lin-negozju ta’ D. Biffi sabiex ir-regola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità għandha tiġi infurzata kontra min iħaddem fis-settur privat fir-rigward kemm ta’ ħaddiema b’salarju kif ukoll ta’ dawk bi status li jaħdmu għal rashom skont l-Artikolu 49 TFUE (76), hekk ukoll organizzazzjonijiet bħad-DLV għandhom ikunu responsabbli skont l-Artikolu 49 TFUE għal azzjonijiet li jistgħu jolqtu ħażin il-libertà ta’ stabbiliment u għal azzjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità li l-artikolu jipprekludi (77). Jekk le, issir ħsara lis-suq intern.

65.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement fis-sentenza Egenberger (78) li l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, hija obbligatorja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa biżżejjed fih innifsu biex individwi jingħataw dritt li fuqu jkunu jistgħu jistrieħu bħala tali f’tilwim bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni, inkluż meta d-diskriminazzjoni tkun ġejja minn kuntratti bejn individwi (79).

66.      L-Artikolu 21(2) tal-Karta jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità “[f]il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati”, jiġifieri l-qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tas-sentenza Egenberger, u tal-opinjoni tiegħi li diġà esprimejt fil-punt 56 iktar ’il fuq, jiġifieri li t-tilwima inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikoli 18 u 49 TFUE, TopFit u D. Biffi huma kompletament intitolati skont id-dritt tal-Unjoni jinfurzaw il-projbizzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Karta kontra entità bħad-DLV, peress li “id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni” (80).

B.      Kien hemm restrizzjoni?

67.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ġeneralment stretta fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni li tissuġġetta awtorizzazzjoni għal negozji f’kummerċ ta’ armi u munizzjoni militari, jew intermedjazzjoni fil-bejgħ u x-xiri ta’ oġġetti bħal dawn, għall-kundizzjoni li l-membri ta’ rappreżentanza statutorja ta’ tali negozji jew li s-soċju maniġerjali tagħhom ikollhom nazzjonalità a Awstrijaka, kienet tammonta għal differenza ta’ trattament ipprojbita (81). Rekwiżit ta’ nazzjonalità Taljana biex wieħed jikseb akkomodazzjoni soċjali u rata mnaqqsa ta’ self ipotekat, anki fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni residenti fl-Italja, kien ifisser li Stat Membru kien naqas iħares l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 56 TFUE (82), peress li d-dritt ta’ stabbiliment u d-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jirrigwardaw “mhux biss ir-regoli speċifiċi fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet okkupazzjonali iżda wkoll ir-regoli relatati mad-diversi faċilitajiet ġenerali li jkunu ta’ għajnuna fl-eżerċizzju ta’ dawk l-attivitajiet” (83). Bl-istess mod, ġie deċiż reċentement li rekwiżiti ta’ nazzjonalità skont id-dritt Latvjan u dak Ungeriż biex wieħed jeżerċita l-professjoni ta’ nutar huma inkompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE (84).

68.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk” (85).

69.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tal-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan l-artikolu (86).

70.      D. Biffi jinsab fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ ċittadini mill-Ġermanja li jaħdmu billi jipprovdu servizzi ta’ taħriġ ta’ atleti f’dak l-Istat Membru, minħabba li huwa ma għadux jista’ jagħmel riferiment għar-rendiment tiegħu f’kampjonati sportivi nazzjonali biex jattira l-klijenti. Huwa probabbli li konsumatur jinġibed lejn kowċ fl-atletika li jirreklama dwar eċċellenza kontinwa permezz tal-prestazzjoni tiegħu jew tagħha fil-kampjonati nazzjonali tal-atletika.

71.      Barra minn hekk, jekk d-dritt tal-Unjoni jippermetti lil federazzjonijiet sportivi tal-Istati Membri jibdlu r-regoli jawtorizzaw il-parteċipazzjoni ta’ residenti mhux ċittadini f’kampjonati nazzjonali wara li persuna fin-negozju bħal D. Biffi tkun stabbilixxiet lilha nnifisha hemmhekk, dan iżomm lil ċittadini tal-Unjoni milli jitilqu l-Istat Membru ta’ oriġni (li jista’ jfisser, kif seħħ fil-każ ta’ D. Biffi, it-telf tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kampjonat nazzjonali f’dak l-Istat) milli jistabbilixxu negozju li jkun jinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ parteċipazzjoni fl-isport relevanti. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom (87).

72.      Nammetti li ċittadini tal-Unjoni li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġni tagħhom sabiex jaslu fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, sabiex jeżerċitaw impriża kummerċjali ma jistgħux, bħall-ħaddiema, jinvokaw id-dritt tal-Unjoni biex jiksbu l-kundizzjonijiet li bihom kien jitmexxa negozju tagħhom fl-Istat Membru twelidhom fi Stat Membru li jilqagħhom (88). Madankollu, dan qatt ma jista’ jiġġustifika miżura direttament diskriminatorja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-impatt tagħha fuq l-attività ekonomika, partikolarment meta jirriżulta żvantaġġ b’paragun ma’ ċittadin tal-Istat Membru ospitanti (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

73.      Għalhekk jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni ta’ D. Biffi tixbah lil dik tar-rikorrent fid-deċiżjoni fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Konstantinidis (89). D. Biffi huwa ttrattat b’mod inqas favorevoli meta mqabbel mal-mod li bih jiġi ttrattat ċittadin Ġermaniż fl-istess ċirkustanzi għaliex, kif kien il-każ fir-rigward tal-ortografija (obbligatorja) tajba jew ħażina ta’ isem Konstantinidis skont il-liġi Ġermaniża, it-telf tad-dritt li jkun hemm riferiment għar-rendiment tiegħu f’kampjonati nazzjonali fil-ġejjieni jikkostitwixxi ta’ grad ta’ inkonvenjenza li jinterferixxi mal-libertà ta’ stabbiliment tiegħu skont l-Artikolu 49 TFUE (90). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Konstantinidis li l-impatt tal-miżura kkontestata fuq il-possibbiltà li jiġu attratti l-klijenti kien rilevanti għal din l-evalwazzjoni (91).

C.      Tista’ r-restrizzjoni tkun iġġustifikata?

1.      Prinċipji ġenerali

74.      Il-punt komuni bejn il-każijiet li jinvolvu diskriminazzjoni diretta minħabba n- nazzjonalità jinsab fil-fatt li dawn ġeneralment ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati biss b’riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, pereżempju, li leġiżlazzjoni li tawtorizza negozji jikkummerċjaw f’armi u munizzjoni militari, jew jintermedjaw fil-bejgħ u x-xiri ta’ oġġetti bħal dawn, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-membri tal-korpi ta’ rappreżentanza statutorja tagħhom, jew li s-soċju maniġerjali tagħhom, ikun jeħtiġilhom ikollhom nazzjonalità Awstrijaka, ma tistax tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 346(1)(b) TFUE dwar il-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew mal-kummerċ tal-armi, munizzjoni u materjal tal-gwerra (92). Ir-rekwiżiti ta’ nazzjonalità marbuta mal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi li huma konnessi mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (93).

75.      Madankollu, id-diffikultà ewlenija f’din il-kawża tinsab fil-fatt li dan ma japplikax bilfors għas-settur sportiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, kemm qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll wara (ara wkoll iktar ’il quddiem il-punt 102), li hija tirrikonoxxi li “id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jipprekludux regoli jew prattiki li jeskludu plejers barranin minn ċertu logħob għal raġunijiet li ma jkunux ta’ natura ekonomika, li jkunu jirrigwardaw in-natura u l-kuntest partikolari ta’ tali logħob u li, għalhekk, ikunu ta’ interess sportiv biss, bħal logħob bejn timijiet nazzjonali minn pajjiżi differenti.” (94) Dawn jinkludu regoli li jirrigwardaw “il-funzjonament sewwa” ta’ kampjonat kollu kemm hu (95).

76.      Fil-kuntest ta’ sport li jinvolvi kompetizzjoni individwali pjuttost milli ta’ tim, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi ċirkustanza, fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, ta’ regoli ta’ għażla li għandhom l-effett li jillimitaw l-għadd ta’ parteċipanti f’tournaments hija inerenti fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ sport ta’ livell għoli, u fiha nnifisha ma tistax titqies bħala restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (96). Madankollu, ma hemmx gwida diretta fil-ġurisprudenza sal-lum dwar iċ-ċirkustanzi li fihom regoli tal-Istati Membri li jillimitaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni mhux ċittadini f’kompetizzjonijiet ta’ sport individwali bħall-atletika minħabba n-nazzjonalità, għal raġunijiet li ma jkunux ta’ natura ekonomika, u li jkunu relatati man-natura u l-kuntest partikolari ta’ kampjonati bħal dawn u li, għalhekk, ikunu ta’ interess sportiv biss.

2.      Applikazzjoni għar-regoli inkwistjoni: żamma tal-istatus quo

77.      Fid-dawl tal-iskala ta’ disparità fil-liġi u fil-prattika ta’ Stati Membri dwar il-parteċipazzjoni ta’ persuni li ma humiex ċittadini f’kampjonati nazzjonali tal-atletika (ara l-punti 44 sa 47 iktar ’il fuq), naċċetta li, bħala prinċipju, regola ta’ Stat Membru li tillimita l-għoti ta’ titolu lil rebbieħ ta’ kampjonat nazzjonali, u l-għoti ta’ medalji għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post, tkun ikkwalifikata l-aħjar skont id-dritt tal-Unjoni bħala regola ta’ interess purament sportiv, li ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-Unjoni u, għalhekk, tista’ tinżamm mill-Istati Membri li jkollhom sistema bħal din f’postha (97). Il-parametri dejqa ta’ kompetenza tal-Unjoni fuq l-isport (ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja, punt 34 iktar ’il fuq) stabbiliti mill-Artikolu 6(e) TUE u mill-Artikolu 165 TFUE, bl-istess mod jindikaw iż-żamma tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru (98).

78.      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li filwaqt li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ma tapplikax għall-kompożizzjoni ta’ timijiet tal-isport, u b’mod partikolari għal timijiet nazzjonali tal-isport, dan jibqa’ suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. “Ir-restrizzjoni fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha” (99).

79.      L-għanijiet li d-DLV issegwi bil-bidla proposta għar-regoli tagħha dwar aċċess għal u parteċipazzjoni fil-kampjonati nazzjonali huma ż-żamma tal-fiduċja pubblika fil-kampjonati, billi tiżgura li r-rebbieħ nazzjonali jkollu rabta qawwija biżżejjed mal-Ġermanja, u l-ħtieġa li l-proċess ta’ għażla ta’ atleti biex jirrappreżentaw lill-Ġermanja fil-livell internazzjonali ma jitħarbatx jew jitgħawwiġx. Dawn huma għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika.

80.      Madankollu, li D. Biffi jkun prekluż mit-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali, u jiġi rrelegat għal parteċipazzjoni mingħajr klassifikazzjoni bil-konsegwenzi li jirriżultaw għar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu fil-kompetizzjonijiet, huwa sproporzjonat mal-għan ta’ dawn l-oġġettivi, minħabba li qabel huwa kellu dritt li jipparteċipa f’kampjonati nazzjonali fuq l-istess livell ma’ ċittadini Ġermaniżi, li tteħidlu bil-bidla fir-regola kkontestata fil-kawża prinċipali.

81.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun interpretata f’konformità mal-prinċipju ġenerali ta’ rispett għal drittijiet miksuba (100), u ma’ “[i]ċ-ċertezza legali korrispondenti li tifforma parti essenzjali tar-regola ġenerali” (101).Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fid-deċiżjoni fis-sentenza Bozkurt (102) li l-prinċipju ġenerali ta’ rispett għal drittijiet miksuba huwa prinċipju li skontu ċittadin Tork ikun jista’ leġittimament jibbenefika minn drittijiet skont dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980, minħabba li dawn id-drittijiet ma kinux għadhom jiddependu mill-eżistenza kontinwa taċ-ċirkustanzi li kienu taw lok għalihom, peress li ma hemm l-ebda kundizzjoni ta’ dik ix-xorta. Drittijiet miksuba kienu u għadhom rilevanti fil-kuntest ta’ interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni mfassla biex jitħaffef il-moviment liberu ta’ ċittadini mal-Unjoni kollha, u biex ikun hemm limitazzjonijiet għas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri (103).

82.      Filwaqt li ma hemmx kwistjoni dwar ċirkustanzi fattwali li tneħħew li ċaħħdu lil D. Biffi mid-dritt tiegħu li jikkompeti fil-kampjonati nazzjonali Ġermaniżi fuq livell ugwali ma’ ċittadini Ġermaniżi, il-ġurisprudenza dwar drittijiet miksuba kienet żviluppata, fil-kuntest ta’ drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza, parzjalment minħabba l-importanza ta’ konsolidazzjoni gradwali ta’ pożizzjoni u integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (104). Barra minn hekk, D. Biffi huwa residenti permanenti fil-Ġermanja skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (105); miżura li hija element prinċipali għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u li tinsab fid-Direttiva 2004/38 biex jissaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (106)

83.      Barra minn hekk, id-dmir li jittieħdu miżuri tranżizzjonali biex jitħarsu l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk li jkunu aġixxew billi straħu fuq sistema legali stabbilita li tkun inbidlet mingħajr avviż ma huwiex ħaġa mhux magħrufa fid-dritt tal-Unjoni (107). Fil-kuntest ta’ obbligi imposti fuq il-Kummissjoni minn sett partikolari ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “minħabba l-ħtieġa ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni hija fid-dmir f’tali sitwazzjoni li tavża lil kummerċjanti b’mod ċar u preċiż bl-intenzjoni tagħha li ma ssegwix il-prattika preċedenti tagħha f’dak ir-rigward jekk ikun meħtieġ; biex ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattiva leġittima” (108).

84.      Madankollu d-DLV ma ppromulgat ebda dispożizzjoni tranżitorja sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċittadini tal-Unjoni, bħal D. Biffi, li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u stabbilixxew lilhom innifishom fi Stat Membru differenti minn tagħhom, skont l-Artikolu 49 TFUE u, bħal fil-każ ta’ D. Biffi, ikunu tilfu d-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-kampjonati nazzjonali fl-Istat Membru ta’ oriġni.

85.      Dan huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċittadinanza fejn “l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, liema status jippermetti lil dawk minn fost dawn iċ-ċittadini li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku” (109). Ir-regoli tad-DLV, li huma diskriminatorji b’mod dirett minħabba n-nazzjonalità, ma kienx hemm “provvediment espress” għalihom fiż-żmien meta D. Biffi eżerċita d-dritt tiegħu ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza fil-Ġermanja skont l-Artikolu 21 TFUE, l-Artikolu 45 tal-Karta u, kif indikat iktar ’il fuq, tal-Artikolu 49 TFUE.

86.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement, ikun kuntrarju għal-loġika li hija l-bażi ta’ integrazzjoni gradwali li tagħti “kwalità” lill-Artikolu 21(1) TFUE, li ċittadin tal-Unjoni jitlef id-drittijiet li huwa jkun kiseb bħala riżultat tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu “għaliex ikun ipprova […] jintegra ruħu iktar fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru” (110). L-istess loġika tapplika neċessarjament għall-kawżi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 49 TFUE (111).

87.      Minħabba li D. Biffi għandu rabta stabbilita mal-Ġermanja, u jidher, mill-proċess tal-kawża, li din hija stabbilita fil-komunità tal-atletika hemmhekk, ma jidhirx li l-fatt li atleta bħalu jingħata t-titolu ta’ “rebbieħ nazzjonali” jippreżenta theddida immedjata għal-leġittimità ta’ dan it-titolu. L-istess japplika għall-għoti ta’ medalji, ir-reġistrazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tiegħu f’kompetizzjonijiet u parteċipazzjoni fi tlielaq ta’ kwalifikazzjoni.

88.      Bl-istess mod, l-obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni li atleti mhux ċittadini jitħallew ikomplu jipparteċipaw bl-istess mod bħal ma diġà kienu jagħmlu qabel l-introduzzjoni ta’ regola bl-għan li tillimita l-parteċipazzjoni, ma jimpedixxix, f’livell li ma jkunx jista’ jiġi kkontrollat, l-għażla ta’ ċittadini Ġermaniżi biex jikkompetu f’livell internazzjonali fil-kategorija ta’ dawk ’il fuq minn 35 sena. Dan għaliex fis-seduta ġie ddikjarat li parteċipazzjoni, fuq livell ugwali, bejn ċittadini Ġermaniżi u mhux ċittadini msieħba ma’ klabb, kienet il-prattika fil-Ġermanja għal madwar tletin sena.

89.      Barra minn hekk, ir-regola kkontestata jidher li għandha effetti partikolarment iebsa fuq klabbs multikulturali u fuq is-sentiment ta’ appartenenza għal komunità tal-klabbs kollha, minħabba li toħloq żewġ livelli ta’ sħubija. TopFit u D. Biffi argumentaw fis-seduta li r-regola li hija kienet qegħda tikkontesta tagħmel lill-klabbs inqas lesti li jinvestu f’atleti ċittadini tal-Unjoni li diġà jinsabu mseħbin magħhom.

90.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li jiena wasalt għall-konklużjoni li fl-assenza ta’ dispożizzjoni adottata mid-DLV għat-titjib tal-impatt tar-regola kkontestata, u għaż-żamma ta’ status quo għaċ-ċittadini tal-Unjoni bħal D. Biffi li huma stabbiliti fil-Ġermanja u li kisbu dritt li jikkompetu fil-kampjonati nazzjonali tal-atletika fuq livell ugwali persuni b’nazzjonalità Ġermaniża, jagħmel dawn ir-regola kkontestata sproporzjonata mal-għanijiet leġittimi li huma jsegwu.

3.      Applikazzjoni iktar ġenerali għar-regola inkwistjoni

91.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ma taqbilx ma’ din l-analiżi, kif indikat iktar ’il fuq (fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet), id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ titolu ta’ rebbieħ nazzjonali, u l-għoti ta’ medalji għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post, tkun, fil-prinċipju, l-aħjar ikkwalifikata skont id-dritt tal-Unjoni bħala regola ta’ interess purament sportiv, li tkun taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-Unjoni u, għalhekk, tkun tista’ ġeneralment tinżamm mill-Istati Membri li jkollhom tali sistema f’postha. Jista’ jidher għall-ewwel li ċ-ċaħda tal-analiżi dwar iż-żamma tal-istatus quo għall-atleti stabbiliti bħal D. Biffi timplika li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda kif ġiet ifformulata mill-ġdid fil-punt 58 iktar ’il fuq).

92.      Madankollu, id-domandi preliminari jirrigwardaw ukoll l-esklużjoni totali ta’ atleti mhux ċittadini mill-kampjonat nazzjonali; din tkun is-sitwazzjoni ta’ D. Biffi jekk l-organizzaturi tal-kompetizzjoni jew il-President tal-federazzjoni ma jawtorizzawhx jipparteċipa “barra minn klassifikazzjoni”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk din il-miżura hijiex proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, inkluża l-importanza tar-rwol tal-isport biex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni soċjali, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 165 TFUE.

93.      Minkejja dan, l-esklużjoni totali tkun tidher prima facie bħala ġustifikabbli biss f’ċirkustanzi mhux tas-soltu. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, jista’ jkun biżżejjed li jiġi llimitat, pereżempju, in-numru ta’ persuni li jitħallew jipparteċipaw mingħajr klassifikazzjoni biex jiġi evitat tfixkil fil-proċess ta’ għażla ta’ ċittadini Ġermaniżi li jistgħu jirrappreżentaw lil dan l-Istat Membru fil-kampjonati internazzjonali tal-atletika (112). Huwa wkoll importanti li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi li teżisti effettivament rabta bejn l-għażla tar-rebbieħa nazzjonali u dik tat-timijiet li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali. Bl-istess mod, jiena ma nara ebda raġuni għalfejn ma għandhiex titħalla r-reġistrazzjoni tal-prestazzjonijiet mwettqa minn atleta mhux ċittadin matul it-tlielaq ta’ kwalifika li huma essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan tad-DLV.

94.      Fl-aħħar nett, is-sottomissjonijiet tad-DLV sabiex tiġġustifika l-impossibbiltà li tfassal regoli differenti għad-diversi kategoriji ta’ età ma humiex konvinċenti. Dawn ma jindirizzawx il-fatt li l-pressjoni u l-aspettattivi soċjali b’rabta ma’ kampjonati nazzjonali li jiġu qabel il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali ewlenin bħalma huwa l-Olimpjadi huma differenti ħafna għall-kategoriji ta’ età li ma humiex direttament marbuta ma’ tali parteċipazzjoni.

95.      Hawnhekk għandi f’moħħi kemm atleti ta’ età żgħira ħafna kif ukoll atleti ta’ età kbira ħafna. Il-fatt importanti li tifel jew tifla f’familja li reċentement tkun marret toqgħod il-Ġermanja minn Stat Membru ieħor jiksbu l-integrazzjoni soċjali ma jegħlibx il-prospett remot li dak it-tifel jew dik it-tifla jieħdu, f’kampjonat nazzjonali, post tifel jew tifla Ġermaniżi li xi darba jistgħu jtellqu għall-Ġermanja f’kompetizzjoni bħall-Olimpjadi jew kampjonati Ewropej, b’mod partikolari meqjus it-terminu ta’ żmien ikbar li għandhom iż-żgħażagħ meta jiġu biex jiddeċiedu jieħdux it-tieni nazzjonalità? Għalhekk huwa importanti għall-qorti tar-rinviju li tevalwa bir-reqqa jekk in-natura ġenerali tar-regola kkontestata, li tkopri l-kategoriji kollha ta’ età, hijiex adatta fid-dawl tal-għanijiet leġittimi intiżi mid-DLV u li din ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dawn l-għanijiet jinkisbu.

96.      Għalhekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni primarja tiegħi dwar iż-żamma tal-istatus quo għall-atleti stabbiliti bħal D. Biffi, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa mill-qorti tar-rinviju.

V.      Ċittadinanza, l-Artikolu 21 TFUE u attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien

97.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-analiżi hawn iktar ’il fuq dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE fil-kawża prinċipali u ssib li t-tilwima għandha tiġi solvuta permezz ta’ riferiment għad-dritt ta’ D. Biffi għal attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien skont l-Artikolu 21 TFUE, jiena tal-parir li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess riżultat hawnhekk issuġġerit. Ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment li jaqgħu taħt il-portata tal-Artikolu 21 TFUE huma suġġetti għal ġustifikazzjoni abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku (113), u ta’ konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (114).

98.      Filwaqt li naqbel li l-għanijiet segwiti mid-DLV jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku (ara l-punt 79 iktar ’il fuq) li jista’ jipprevali fuq kull dritt għal aċċess u parteċipazzjoni ugwali f’attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien skont l-Artikolu 21 TFUE, ma naqbilx li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwa inevitabbli li r-regola kkontestata hija jew neċessarjament adatta biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jew tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawn l-għanijiet jintlaħqu (punti 77 sa 96 iktar’ il fuq).

99.      Madankollu, ma nistax nirrakkomanda, kif ġie argumentat b’mod l-iktar qawwi mill-Kummissjoni (ara, iktar ’il fuq, punti 38 u 39), li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 21 TFUE jestendi għall-aċċess u għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien, tal-inqas meta din id-dispożizzjoni hija invokata kontra operatur fis-settur privat bħad-DLV. Ma nistax nirrakkomanda dan għar-raġunijiet li ġejjin.

100. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu dan il-pass, ikun l-ewwel darba dan is-seklu li dispożizzjoni tat-Trattat tkun intgħażlet biex tingħaqad mal-għadd żgħir ta’ dispożizzjonijiet li għandhom il-kwalità ta’ effett dirett orizzontali f’tilwim bejn operaturi fis-settur privat (115). Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Egenberger, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-effett orizzontali tal-Karta f’ċirkustanzi li kienu diġà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba r-rilevanza ta’ direttiva għar-riżoluzzjoni tat-tilwima (116).

101. Li jitkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni billi dispożizzjoni tat-Trattat ikollha effett orizzontali dirett hija kwistjoni differenti. Il-kawżi dwar l-Artikolu 21 TFUE fundamentalment jirrigwardaw relazzjonijiet bejn iċ-ċittadin u l-Istat (117), u, sa fejn naf jien, il-kawża prinċipali tirrappreżenta l-ewwel okkażjoni li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet timponi l-obbligi inerenti tal-Artikolu 21 TFUE fuq operatur fis-settur privat.

102. Barra minn hekk, f’ħafna kawżi li ġew deċiżi primarjament abbażi –al--Artikolu 21 TFUE il-partijiet kienu f’nuqqas ta’ qbil intens dwar ir-rispett ta’ drittijiet fundamentali differenti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 45 tal-Karta, u l-analiżi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (118). Dan jiġri minħabba l-obbligu tal-Artikolu 52(3) tal-Karta li drittijiet tal-Karta li “jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali” ikollhom “l-istess” tifsira. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja (119) qatt ma saritilha referenza għal ebda ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li fiha l-kwistjoni kienet restrizzjoni għal parteċipazzjoni minn persuni mhux ċittadini f’kampjonati sportivi nazzjonali.

103. Minbarra dan, l-Artikolu 21 TFUE ma jipprestax ruħu biex ikun applikabbli orizzontalment għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. L-Artikolu 21 japplika normalment f’firxa wiesgħa u imprevedibbli ta’ ċirkustanzi fejn tintalab il-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn rikorrenti li ma jkunux jistgħu juru rabta ma’ dak li jkun inkwistjoni ma’ attivitajiet ekonomiċi (120), jew li xort’oħra ma tkunx tapplika għalihom leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-moviment liberu (121).

104. Għalhekk, kif Avukat Ġenerali osserva dan l-aħħar, l-Artikolu 21 TFUE kien “[interpretat] b’mod estremament dinamiku mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet fejn, minħabba r-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, id-Direttiva 2004/38 ma tibqax tapplika fir-rigward [tiegħu]” (122). Ma’ dan għandha tiżdied għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni (123).

105. Għalhekk, in-natura indeterminata tad-drittijiet protetti skont it-termini tal-Artikolu 21 TFUE ma tagħmilhomx adatti biex ikun hemm applikazzjoni orizzontali għal tilwim bejn partijiet privati (124). Madankollu, dan ma jeskludix li wieħed jirrikorri għal prinċipji ġenerali ta’ liġi dwar ċittadinanza fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għal tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tqum l-okkażjoni, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali (125).

106. Barra minn hekk, jekk jinstab li sport purament tad-dilettanti jkun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE dan ikun f’kunflitt dirett mir-regola kardinali li sport jaqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sakemm ikun jikkostitwixxi “attività ekonomika”; regola ewlenija li fuqha operaturi fis-settur privat fil-qasam sportiv fl-Ewropa kollha jkunu organizzaw l-affarijiet tagħhom, u li kienet ġiet irreplikata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-kisba mill-Unjoni ta’ kompetenza limitata fir-rigward tal-isport bħala attività ta’ mogħdija taż-żmien skont l-Artikolu 165 TFUE (126).

107. Madankollu, huwa biss meta l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni primarju jew sekondarju ma tkun tista’ tiġi invokata sabiex tiġi deċiża kawża partikolari li l-isport għandu jikkostitwixxi “attività ekonomika” sabiex jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni. Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Egenberger, għandi xi riżervi dwar il-kwistjoni jekk l-assenza ta’ “attività ekonomika” tistax tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni temporali, personali jew materjali ta’ miżuri tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni skont it-trattati (127).

108. Tabilħaqq, xejn minn dak li kien ġie qabel l-elaborazzjoni tal-Artikolu 165 TFUE ma kien jindika l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni sal-punt li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont l-Artikoli 18 u 21 TFUE setgħet tkun estiża għal sport ta’ mogħdija taż-żmien. Id-dikjarazzjoni dwar l-Isport li kienet annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, li mbagħad kien daħal fis-seħħ fl-1999, sempliċiment irrikonoxxiet l-importanza soċjali tal-isport, u għamlet sejħa lill-Unjoni biex tisma’ lil assoċjazzjonijiet sportivi, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar tal-karatteristiċi partikolari ta’ sport tad-dilettanti. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2000, li tlaqqa’ f’Nizza, intitolati “Sport tad-Dilettanti u Sport għal Kulħadd” (128), bħad-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam, ma kellhomx saħħa legali vinkolanti (129). Il-White Paper tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 165 (130) TFUE fiha ftit dettalji u toqgħod b’deferenza għall-funzjoni ta’ korpi governattivi fl-isport u ssostni li l-Unjoni għandha biss funzjoni sussidjarja (131). Fil-punt 39 tal-White Paper il-Kummissjoni sempliċement “tistieden lill-Istati Membri u lil assoċjazzjonijiet sportivi jindirizzaw id-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fl-isport kollu. Hija għandha l-intenzjoni li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fl-isport permezz ta’ djalogu politiku mal-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet, djalogu strutturat ma’ partijiet interessati fl-isport u proċeduri ta’ ksur meta jkun xieraq.” (132)

109. Il-Kummissjoni saħqet b’mod partikolari dwar il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li aċċess “għal attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien disponibbli f’dak l-Istat Membru huwa “korollarju għall-libertà ta’ moviment” (133). Huwa biżżejjed jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet f’dan is-sens biss fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (134). Din il-ġurisprudenza, għalhekk, issostni l-pożizzjoni primarja li jiena elaborajt iktar ’il fuq dwar l-Artikolu 49 TFUE, pjuttost milli tipprovdi bażi għat-trasferiment tiegħu għall-Artikolu 21 TFUE.

110. Kif kummentatur osserva, hija “il-firxa wiesgħa tas-suq intern li tipprovdi l-bażi kostituzzjonali li fuqha l-Unjoni tgħid li għandha kompetenza f’affarijiet tal-isport.” (135) Sports purament għal mogħdija taż-żmien, jista’ jintlaqat biss mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 165(4) TFUE jew permezz tat-trawwim ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 165(3) TFUE, jew inkella meta l-attivitajiet sportivi kkonċernati jkunu affettwati minn miżura oħra tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, bħall-Artikolu 49 TFUE.

VI.    Risposta għad-domandi preliminari

111. Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju:

“Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali l-Artikoli 18, 21, 49 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illeċita kontra sportivi dilettanti residenti f’dan l-Istat Membru iżda li ma għandhomx in-nazzjonalità tiegħu, meta ma tħallihomx jipparteċipaw f’kampjonati nazzjonali, iżda tħallihom biss jibdew ‘barra minn klassifikazzjoni’ jew ‘mingħajr klassifikazzjoni’ u ma tħallihomx jipparteċipaw fi tlielaq u tlielaq finali, u teskludihom mill-għoti ta’ titoli nazzjonali jew mill-klassifikazzjoni”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      http://www.corso-mental-coaching.it/team_item/daniele-biffi/


3      Ibid.


4      Artikolu 21 TFUE.


5      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenuta, din ir-regola kienet konformi mal-ewwel klawżola addizzjonali tal-punt 3, tal-Kundizzjonijiet Ġenerali ta’ Parteċipazzjoni għall-Kampjonati Ġermaniżi.


6      Dawn l-osservazzjonijiet jindikaw ukoll li l-paragrafu 5.2.3 tar-Regoli tal-Atletika Ġermaniża ġie emendat kif ġej mill-2018: “Il-barranin li għandhom dritt ta’ parteċipazzjoni ma’ assoċjazzjoni jew komunità ta’ atleti fuq it-territorju tad-DLV jew ma’ federazzjoni nazzjonali oħra jistgħu, f’każijiet motivati, jingħataw dritt ta’ parteċipazzjoni mingħajr klassifikazzjoni, meta l-president fil-kariga tal-Bundesausschuss Wettkampforganisation (il-Kumitat Federali tal-Organizzazzjoni tal-Kompetizzjonijiet) jawtorizza l-imsemmija parteċipazzjoni qabel id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjonijiet għall-manifestazzjoni sportiva inkwistjoni. Id-dettalji tal-parteċipazzjoni barra mill-klassifikazzjoni huma previsti mid-dispożizzjoni nazzjonali relatata mar-regola 142.1 tar-Regoli tal-Kompetizzjonijiet Internazzjonali (Internationalen Wettkampfregeln, IWR).”


7      TopFit jagħmel riferiment għas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 8 sa 12).


8      F’dan il-kuntest, id-DLV tirreferi għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40).


9      F’dan ir-rigward, id-DLV tirreferi għall-Artikolu 94(c), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għas-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et Gouvernement wallon (C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 28 u 29); tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 43), u tat-8 ta’ Marzu 2018, Saey Home & Garden (C‑64/17, EU:C:2018:173, punti 18 u 19).


10      Id-DLV tirreferi għas-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona (C‑139/12, EU:C:2014:174, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment (C-464/15, EU:C:2016:500, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47), u tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et (C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 57).


11      Id-DLV tirreferi għas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punt 8) u tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 15).


12      Rapport tal-Asser Instituut tal-20 ta’ Diċembru 2010, “Study on the equal treatment of non-nationals in individual sports competitions” (http://ec.europa.eu/assets/eac/sport/library/studies/study_equal_treatment_non_nattionals_final_rpt_dec_2010_en.pdf; iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Asser Instituut”), Kapitolu VI, punti 3.2.1 u 3.4.1.


13      Spanja tirreferi għal “L-Isport u l-Moviment Liberu” SEC(2011) 66 finali, u għas-sentenzi tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181), u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675).


14      Il-Polonja tirreferi għas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punti 8 u 9); tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, EU:C:1976:115, punti 13 sa 15); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 73); tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C 191/97, EU:C:2000:199, punt 43), u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 26).


15      Il-Polonja tirreferi għas-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/94, EU:C:1996:90, punt 21); tat-12 ta’ Ġunju 1997, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑151/96, EU:C:1997:294, punt 13), u tas-27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑62/96, EU:C:1997:565, punt 19).


16      Il-Polonja tirreferi għall-White Paper dwar I-Isport, COM(2007) 391 finali, p. 15.


17      Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1). Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martinez Sala (C‑85/96 EU:C:1998:217, punti 55 sa 64).


18      Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996 Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑334/94, EU:C:1996:90, punti 21 u 23).


19      Il-Kummissjoni tirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar l-isport 2010/C 326/05, punt 4.


20      Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140); tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 50).


21      Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 127), u tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 61 sa 64).


22      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugrvicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Dan kien jagħmel parti mill-argumenti magħmula fis-seduta.


24      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos and Entertainment (C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 22).


25      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 90 u 91).


26      B’mod partikolari l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u fl-Artikolu 19(1) tat-TUE li jimponi fost l-oħra li l-Istati Membri jistabbilixxu l-mezzi ta’ rikors neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Ara, reċentement, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Nature-, Arten- und Landschaftstz UmweltOrganization (C‑664/15, EU:C:2017:987). Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u l-Artikolu 47 tal-Karta, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 49 sa 51).


27      Fil-fatt, skont id-digriet tar-rinviju, D. Biffi diġà ġie kompletament eskluż minn ċerti kompetizzjonijiet. Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      https://www.iaaf.org/.


29      Ir-Regola 4(3), madankollu, tal-Regoli tal-Kompetizzjoni tal-IAAF 2018-2019 timponi limiti fuq is-sħubija ta’ atleta ’l fuq minn 18-il sena ma’ iktar minn federazzjoni nazzjonali waħda.


30      Ara r-Rapport tal-Asser Instituut, nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara Real Federación Española de Atletismo, http://www.rfea.es/u Reglamentos, u http://www.rfea.es/datosrfea/reglamentos.htm. Ara wkoll Reglamento JuridicoDisciplinario http://www.rfea.es/normas/pdf/Reglamento_Juridico_Disciplinario.pdf.


32      Ligue Belge francophone d’athlétisme (LBFA) (FR), https://www.lbfa.be/web/l-asbl, Vlaamse Atletiekliga (NL), https://www.atletiek.be/. Ara wkoll https://www.lbfa.be/web/regles-et-directives.


33      Federazzjoni Daniża tal-Atletika, http://dansk-atletik.dk. Ara wkoll http://dansk-atletik.dk/media/2139299/2018-2019-daf-reglement-1-.pdf u http://dansk-atletik.dk/regler-og-love/dafs-love.aspx.


34      Ara Fédération française d’athlétisme, http://www.athle.fr/u Code du sport, https://www.legifrance.gouv.fr/affichCode.do?cidTexte=LEGITEXT000006071318, u http://www.athle.fr/Reglement/Reglements_Generaux_%282009-07-25%29.pdf.


35      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


36      Federazzjoni Svediża tal-Atletika (Friidrott.se) http://www.friidrott.se/Regler/index.aspx. Ara wkoll http://www.friidrott.se/docs/regelboken2018.pdf. Dwar kategoriji ta’ età senior ara http://www.friidrott.se/Veteran/Regler/Intro.aspx


37      Ara l-Istatut tal-Federation of Non-professional Athletics http://www.koeas.org.cy/wpcontent/uploads/2018/10/%CE%9A%CE%91%CE%A4%CE%91%CE%A3%CE%A4%CE%91%CE%A4%CE%99%CE%9A%CE%9F-%CE%9A%CE%9F%CE%95%CE%91%CE%A3-18.11.2017-.pdf, u l-Code of Good Governance of Cypriot Sporting Federations (2018) https://cyprussports.org/phocadownload/kodikaschristisdiakivernisis/KodikasChristisDiakivernisis.pdf.


38      Österreichischer Leichtathletik-Verband ÖLV https://www.oelv.at/de, u www.oelv.at/de/service/downloads#satzungen-und-ordnungen.


39      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


40      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 37.


41      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


42      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 34.


43      Dwar il-liġi dwar l-isport fis-Slovenja ara Zakon o športu (ZŠpo-1), http://www.pisrs.si/Pis.web/pregledPredpisa?id=ZAKO6853; Pogoji, pravila in kriteriji za registriranj, http://www.olympic.si/datoteke/Pogoji%2C%20pravila%20in%20kriteriji%20za%20registriranje%20in%20kategoriziranje%20%C5%A1portnikov_potrjeno_SSRS%C5%A0_2018%282%29.pdf. Dwar regoli dwar kompetizzjonijiet tal-atletika ara Pravila-za-atletska-tekmovanja_2018_2019_web.pdf, u http://slovenska-atletika.si/wp-content/uploads/2018/03/IAAF-Competition-Rules-2018-2019.pdf; dwar regoli dwar assoċjazzjonijiet tal-atletika u reġistrazzjoni ta’ atleti ara http://slovenskaatletika.si/wpcontent/uploads/2015/12/akt_8_pravilnik_o_registraciji_atletov.pdf.


44      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 36.


45      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


46      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


47      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 34.


48      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 43.


49      Iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


50      Sentenza tal-11 ta’ April 2000 (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199).


51      Ibid, punt 46.


52      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 20).


53      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen  (C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ibid.


55      Sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C-191/97, EU:C:2000:199, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen and Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 51).


58      Ibid.


59      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie propost li hija biss għażla limitata ta’ attivitajiet sportivi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-assenza ta’ rabta ekonomika, bħar-regoli tal-logħob, peress li l-korpi sportivi u l-federazzjonijiet tagħhom huma l-iktar kompetenti sabiex jistabbilixxu r-regoli tekniċi. Ara Exner, J., “European Union Law and Sporting Nationality: Promising Alliance or Dangerous Liaison?)”, https://www.olympic.cz/upload/files/European-Union-Law-and-Sporting-Nationality-Promising-Alliance-or-Dangerous-Liaison.pdf, p. 13 u 14.


60      Ara l-każ klassiku tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 20).


61      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 26).


62      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C‑70/95, EU:C:1997:301, punt 24).


63      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft GmBH (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punti 19 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, I (C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Kif osservat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:536, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tikkunsidra li ma jkollhiex għalfejn tiddeċiedi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE meta l-kwistjoni tkun dwar libertajiet fundamentali. L-Avukat Ġenerali tirreferi għas-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003 Stylianakis, (C‑92/01 EU:C:2003:72, punt 18 et seq.); tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punti 35 et seq.); tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C‑56/09, EU:C:2010:288, punti 24 et seq.), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 53). Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 65), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C‑287/05, EU:C:2007:494).


66      Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás (C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


67      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809).


68      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 34).


69      Sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 35).


70      Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140); tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, EU:C:1995:463); tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 36), u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143).


71      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:1999:321, punt 33).


72      Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463), tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143), u tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C‑265/03, EU:C:2005:213), kif ukoll id-digriet tal-25 ta’ Lulju 2008, Real Sociedad de Fútbol u Kahveci (C‑152/08, EU:C:2008:450), fir-rigward ta’ plejers tal-football impjegati; is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201), dwar plejers tal-basketball impjegati; is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140), dwar kowċ impjegat u s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, EU:C:2003:255), dwar plejers tal-handball impjegati.


73      Sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 56).


74      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C-438/05, EU:C:2007:772), punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata


75      Ibid, punti 36 u 37. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809).


76      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft (C‑474/12, EU:C:2014:2139 punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ibid, punt 23.


78      Sentenza tas-17 ta’ April 2018 (C‑414/16, EU:C:2018:257).


79      Ibid, punti 76 u 77.


80      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 52).


81      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft, (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 29).


82      Sentenza tal-14 ta’ Jannar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (63/86, EU:C:1988:9).


83      Ibid,, punt 14.


84      Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C‑151/14, EU:C:2015:577), u tal-1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73).


85      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


86      Ibid..


87      Ibid.


88      Ibid.


89      Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Konstantinidis (C‑168/91, EU:C:1993:115).


90      Ibid, punti 13 u 15.


91      Ibid, punt 16.


92      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft, (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punti 34 sa 38).


93      Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C‑151/14, EU:C:2015:577), u tal-1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73).


94      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, EU:C:2003:255, punt 53). Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96, EU:C:2000:199, punt 43), u tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 34).


95      Sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 54).


96      Sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96, EU:C:2000:119, punt 64).


97      Ara r-Rapport tal-Asser Instituut, iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Kapitolu VI, punt 3.4.1.


98      Għal diskussjoni tal-proċess li wassal għall-inklużjoni tal-Artikolu 165 fit-TFUE fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ Lisbona, ara Weatherill, S., Principles and Practice in EU Sports Law, Oxford University Press, 2017, Kapitolu 6, p. 125 sa 156. Fil-paġna 158 tal-istess xogħol, l-awtur jikkonstata l-assenza ta’ rabta organika speċifika bejn l-Artikolu 165 TFUE u s-suq intern.


99      Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).


100      Sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Unal (C‑187/10, EU:C:2011:623, punt 50).


101      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Unal (C‑187/10, EU:C:2011:510, punt 52).


102      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bokzurt, (C‑303/08, EU:C:2010:800, punt 41).


103      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997, Garofalo et (C‑69/96 sa C‑79/96, EU:C:1997:492, punt 17), dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 86/457/KEE tal-15 ta’ Settembru 1986 dwar taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali (ĠU 1986, L 267, p. 26).


104      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bokzurt, (C‑303/08, EU:C:2010:800, punt 40).


105      Li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki ĠU 2004 L 229, p. 35, ĠU 2005 L 197, p. 34 u ĠU 2007 L 204, p. 28).


106      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 32, li tirreferi għall-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38).


107      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1988, Sofrimport vs Il-Kummissjoni (C‑152/88 R: EU:C:1988:296).


108      Ibid, punt 22. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni (C‑152/88, EU:C:1990:259).


109      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


110      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 58).


111      Ara l-analiżi tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (63/86, EU:C:1988:9), fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sentenza fejn integrazzjoni ikbar kienet protetta mill-Artikolu 49 TFUE (u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi) billi jiġi ggarantit l-ugwaljanza fit-trattament fl-aċċess għas-self bankarju u għall-housing pubbliku.


112      Siekemann, R. “The Specificity of Sport: Sorting Exceptions in EU Law”, https://www.pravst.unist.hr/dokumenti/zbornik/2012106/zb201204_697.pdf p. 721.


113      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 68).


114      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


115      Il-Kummissjoni bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2010, Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530). Madankollu, din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ Regolament tal-Unjoni f’konformità mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, pjuttost milli l-Artikolu 21 TFUE.


116      Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257).


117      Ninnota li l-Artikolu 45 tal-Karta, dwar id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, jidher fit-Titolu V bit-titolu “Ċittadinanza”. Madankollu, l-artikoli l-oħra kollha f’dan it-titolu jikkonċernaw ukoll ir-relazzjoni taċ-ċittadin mal-Istat. Ara l-Artikolu 39 (id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew); l-Artikolu 40 (id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali); l-Artikolu 41 (id-dritt għal amministrazzjoni tajba); l-Artikolu 42 (id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti); l-Artikolu 43 (dwar l-Ombudsman Ewropew) u l-Artikolu 44 (dwar id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew).


118      Ara, reċentement, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385).


119      Dwar il-kompatibbiltà tar-regoli anti-doping mal-Artikolu 8 tal-KEDB u mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 4, ara l-kawża Fédération nationale des associations et syndicats de sportifs (FNASS) et vs Franza, CE:ECHR:2018:0118JUD004815111. F’dak li jikkonċerna l-isport u l-Konvenzjoni, ara, b’mod ġenerali, Miège, C., Sport et droit européen, L’Harmattan, 2017, p. 279.


120      Dashwood, A. (et.al.) Wyatt and Dashwood’s European Union Law (2011, Sweet and Maxwell, p. 461 sa 462. F’paġna 462 l-awturi jgħidu ġustament li “migranti ekonomikament attivi […] dejjem kellhom it-dritt għal ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-benefiċċji kważi kollha”.


121      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I (C‑195/16, EU:C:2017:815).


122      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza Lounes (C‑175/16, EU:C:2017:407, punt 69); sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385).


123      Għal eżempju reċenti tal-importanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-istudenti u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601).


124      Fir-rigward ta’ opinjonijiet riżervati dwar l-applikazzjoni orizzontali tal-Karta ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Cresco Investigations (C‑193/17, EU:C:2018:614) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337).


125      Ara, pereżempju, l-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


126      Sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143), u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina (C‑519/04 P, EU:C:2006:492).


127      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punti 46 sa 51). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-fatt waħdieni li regola tkun ta’ natura purament sportiva ma jeskludix madankollu lil persuna li teżerċita l-attività rregolata minn din ir-regola jew il-korp li stabbiliha mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat”. Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


128      http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=URISERV:l35007.


129      Weatherill, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 98, p. 129.


130      White Paper dwar L-Isport, COM (2007) 391, 11 ta’ Lulju 2007.


131      Għal analiżi dettaljata ara Weatherill op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet p. 135 sa 141. Il-White Paper hija inqas ambizzjuża mir-Rapport ta’ qabel mingħand il-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bil-għan li jkunu protetti strutturi attwali fl-isport u tinżamm il-funzjoni soċjali tal-isport fil-kuntest Komunitarju (ir-Rapport ta’ Helsinki) Brussell 10.12.1999 COM (1999) 644 finali. Ara wkoll “Sport and Free Movement” SEC(2011) 66 final u “Developing the European Dimension of Sport”, Brussels, 18.1.201 COM (2011) 12 finali.


132      White Paper dwar L-Isport, COM (2007) 391, 11 ta’ Lulju 2007, punt 39.


133      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/94, EU:C:1996:90, punt 21).


134      Ibid). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1997, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑151/96, EU:C:1997:294, punt 13); tas-27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑62/96, EU:C:1997:565, punt 19) u tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212).


135      Weatherill, op.cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 112.