Language of document : ECLI:EU:C:2019:580

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ standstill – Riunifikazzjoni tal-familja bejn il-konjuġi – Restrizzjoni ġdida – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Integrazzjoni b’suċċess – Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑89/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

A

vs

Udlændinge- og Integrationsministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn T. Ryhl u C. Friis Bach Ryhl, advokater,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u D. Martin kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2        Din il-kawża tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A u l-Udlændinge- og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni), li kien il-Ministeriet for Flygtninge, Indvandrere og Integration (il-Ministeru għar-Refuġjati, l-Immigranti u l-Integrazzjoni), dwar iċ-ċaħda minn dan il-ministeru tat-talba tagħha sabiex tikseb permess ta’ residenza fid-Danimarka abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4        Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex iwettqu b’mod gradwali l-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-Deċiżjoni Nru 1/80

5        L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom jiġu applikati bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

2.      Huma ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew minn ftehimiet bilaterali eżistenti bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprevedu, favur iċ-ċittadini tagħhom, sistema iktar favorevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Daniż

7        Skont l-Artikolu 9 tal-Udlændingeloven (il-Liġi dwar il-Barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“1.      Fuq talba, permess ta’ residenza jista’ jinħareġ:

1)      lil kull barrani li għandu iktar minn 24 sena, li huwa miżżewweġ jew jinsab f’koabitazzjoni fit-tul ma’ persuna residenti fid-Danimarka, li wkoll għandha iktar minn 24 sena:

[...]

d)      li ilu detentur ta’ permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka għal iktar minn tliet snin,

[...]

7.      Ħlief għal motivi speċjali, relatati b’mod partikolari mal-unità tal-familja, permess ta’ residenza […], b’applikazzjoni tal-ittri b) sa d) tal-ewwel punt tal-paragrafu 1, jista’ jinħareġ biss jekk ir-rabtiet tal-konjuġi jew tal-konkubini mad-Danimarka jkunu iktar qawwija minn dawk ma’ pajjiż ieħor. [...]”.

8        Skont il-qorti tar-rinviju, mix-xogħol preparatorju relattiv għall-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin jirriżulta li, meta jevalwaw il-kwistjoni dwar jekk ir-rabtiet tal-konjuġi jew tal-konkubini mad-Danimarka humiex iqtar qawwija minn dawk li għandhom ma’ pajjiż ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom.

9        L-imsemmija awtoritajiet għandhom joħolqu bilanċ bejn, minn naħa, ir-rabtiet tal-persuna ta’ referenza mad-Danimarka u, min-naħa l-oħra, dawk tal-konjuġi tagħha jew tal-konkubin tagħha mal-pajjiż tal-oriġini tagħha. Huma għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet tal-persuna ta’ referenza mal-pajjiż tal-oriġini tal-konjiġi tagħha.

10      B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, it-tul u n-natura tas-soġġorn tal-konjuġi fil-pajjiżi tal-oriġini rispettivi tagħhom, ir-rabtiet familjari tal-konjuġi mad-Danimarka meta mqabbla ma’ dawk tal-istess natura mal-pajjiż tal-oriġini tal-konjuġi tal-persuna ta’ referenza, il-konoxxenzi lingwistiċi tal-konjuġi u r-rabtiet edukattivi jew professjonali ta’ dawn tal-aħħar mad-Danimarka jew ma’ pajjiż ieħor.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, A, hija ċittadini Torka, imwielda t-Turkija, li żżewġet fl-24 ta’ Mejju 1983 ma’ B, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Torka. Il-koppja kellha erbat itfal imwielda t-Turkija qabel ma ddivorzjat fl-24 ta’ Ġunju 1998.

12      Fis-7 ta’ Jannar 1999, B iżżeweġ ċittadina Ġermaniża residenti fid-Danimarka. Bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni B ibbenefika minn permess ta’ residenza fid-Danimarka sa mis-6 ta’ Lulju 1999. Fis-27 ta’ April 2006, inħariġlu permess ta’ residenza permanenti skont id-dispożizzjonijiet Daniżi li jittrasponu d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

13      L-erbat itfal mill-unjoni ta’ bejn A u B bbenefikaw ukoll minn permess ta’ residenza fid-Danimarka abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ B.

14      Id-divorzju bejn B u l-konjuġi tiegħu ta’ nazzjonalità Ġermaniża ġie ddikjarat fil-25 ta’ Ġunju 2009. Sussegwentement, B reġà żżewweġ lil A fid-Danimarka fit-28 ta’ Awwissu 2009. Fit-3 ta’ Settembru 2009, filwaqt li invokat iż-żwieġ tagħha ma’ B, ħaddiem impjegat f’dan l-Istat Membru, A ressqet quddiem l-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju Daniż tal-Immigrazzjoni, id-Danimarka), li kien l-Udlændingeservice (id-Dipartiment tal-Barranin, id-Danimarka), talba għal permess ta’ residenza fid-Danimarka.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2010, l-Uffiċċju Daniż tal-Immigrazzjoni ċaħad din it-talba konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 Liġi dwar il-Barranin.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2010, il-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni ċaħad ir-rikors ippreżentat minn A kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2010, minħabba li A u B ma jissodisfawx il-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin. Fil-fatt, skont dan il-ministeru, ir-rabtiet li A u B kienu żammew mat-Turkija kienu iktar qawwija minn dawk li kellhom mad-Danimarka.

17      B’mod iktar patikolari, il-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni rrileva, fost oħrajn, li A u B twieldu t-Turkija, trabbew u marru l-iskola hemmhekk. Huma għixu wkoll ħajja tal-familja twila f’dan l-Istat terz u matul dan il-perijodu kellhom erbat itfal.

18      Fl-10 ta’ Marzu 2014, A ressqet quddiem ir-Retten i Aalborg (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Aalborg, id-Danimarka) rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010, filwaqt li talbet li t-talba tagħha għal riunifikazzjoni tal-familja tiġi eżaminata mill-ġdid. Il-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Københavns Byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) fis-26 ta’ Mejju 2014. Fl-14 ta’ Diċembru 2016, din il-qorti tal-aħħar irrinvijat il-kawża quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), peress li d-dritt nazzjonali jawtorizza lill-qrati tal-ewwel istanza sabiex jirrinvijaw, quddiem il-qrati tal-appell, il-kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni fl-ewwel istanza.

19      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tqis li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Madankollu, hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247), li “restrizzjonijiet ġodda” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ Stat terz fl-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li huma jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

20      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-miżura nazzjonali fil-kawża prinċipali, kif implimentata mill-awtoritajiet kompetenti, hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ fejn ‘restrizzjonijiet ġodda’ jkunu ġew introdotti għar-riunifikazzjoni tal-familja bejn il-konjuġi li prima facie jiksru [l‑]Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 [...] u meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ‘integrazzjoni b’suċċess’ irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ April 2016 fil-Kawża C‑561/14 Genc [EU:C:2016:247], ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża C‑138/13, Dogan, EU:C:2014:2066, regola bħal dik inkluża fil-paragrafu 9(7) tal-[Liġi dwar il-barranin] — li jistabbilixxi inter alia li hija kundizzjoni ġenerali għar-riunifikazzjoni tal-familja bejn persuna li hija ċittadina ta’ pajjiż terz u li għandha permess ta’ residenza fid-Danimarka u l-konjuġi ta’ din il-persuna, li r-rabta tal-koppja mad-Danimarka tkun ikbar minn dik mat-Turkija — tista’ tiġi kkunsidrata li hija “ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali xierqa sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħqu?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u għalhekk ir-rekwiżit ta’ rabta għandu jitqies ġeneralment xieraq sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-integrazzjoni, huwa għalhekk possibbli, mingħajr ksur tat-test tar-restrizzjoni u r-rekwiżit ta’ proporzjonalità:

[a)]      li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha, meta l-konjuġi li jkollu permess ta’ residenza fl-Istat Membru (il-persuna ta’ referenza) ikun wasal fid-Danimarka fl-età ta’ 12‑13 jew wara, fl-evalwazzjoni tar-rabta tal-persuna ta’ referenza mal-Istat Membru tingħata importanza sinjifikattiva lill-elementi segwenti:

‐      jekk il-persuna kellhiex jew perijodu fit-tul ta’ residenza legali ta’ madwar 12‑il sena fl-Istat Membru;

‐      jew kellhiex perijodu ta’ residenza u impjieg stabbli fl-Istat Membru kkaratterizzat minn kuntatt u komunikazzjoni ta’ livell sinjifikattiv mal-kollegi u klijenti fil-lingwa tal-Istat Membru, tul perijodu ta’ mill-inqas erba’ sa’ ħames snin mingħajr interruzzjonijiet sinjifikattivi;

‐      jew li kellha perijodu ta’ residenza u impjieg stabbli fl-Istat Membru li ma kienx ikkaratterizzat minn kuntatt u komunikazzjoni ta’ livell sinjifikattiv mal-kollegi u klijenti fil-lingwa tal-Istat Membru, tul perijodu ta’ mill-inqas seba’ sa’ tmien snin mingħajr interruzzjonijiet sinjifikattivi;

[b)]      li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha l-fatt li l-persuna ta’ referenza tkun żammet rabtiet qawwija mal-pajjiż tagħha permezz ta’ żjarat ta’ spiss jew fit-tul jiġi kkunsidrat li ma jippermettix li l-kundizzjoni tar-rabtiet tiġi ssodisfatta filwaqt li żjarat fil-qosor għall-vaganzi jew għall-istudju ma jikkostitwixxux fatturi li jipprekludu l-għoti ta’ permess;

[ċ)]      li tiġi applikata prassi li abbażi tagħha l-hekk imsejħa sitwazzjoni ta’ ‘miżżewweġ, iddivorzjat u miżżewweġ mill-ġdid’ tikkostitwixxi element li jipprekludi bi kbir li r-rekwiżit ta’ rabta jkun issodisfatt?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li r-rabtiet tagħhom ma’ dan l-Istat Membru jkunu iktar qawwija minn dawk li għandhom ma’ Stat terz, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, jekk dan huwa l-każ, jekk tali miżura tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ Stat terz fl-Istat Membru kkonċernat.

23      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klawżola ta’ standstill imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin, ġiet introdotta wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fid-Danimarka, u li hija twebbes, fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul fit-territorju Daniż fil-konfront tal-konjuġi ta’ ċittadini Torok li jirrisjedu legalment f’dan l-Istat Membru, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli matul id-dħul fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

25      Barra minn hekk, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li B huwa ħaddiem Tork li jeżerċita attività bħala impjegat fid-Danimarka u li l-konjuġi tiegħu, A, tixtieq tingħaqad miegħu f’dan l-Istat Membru. Hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-punti 15 ut 16 tas-sentenza preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ċaħdu t-talba għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn A abbażi tal-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin.

26      Peress li s-sitwazzjoni ta’ B, ħaddiem Tork, integrat regolarment fis-suq tax-xogħol tad-Danimarka, hija relatata ma’ libertà ekonomika, fil-każ ineżami l-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitqies li tali sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 36).

27      Konsegwentement, għandu jsir riferiment għas-sitwazzjoni tal-ħaddiem Tork residenti fl-Istat Membru kkonċernat biss, f’dan il-każ B, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx lok, skont il-klawżola ta’ standstill imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jirriżulta li din hija ta’ natura li taffettwa l-libertà tiegħu li jeżerċita attività bħala impjegat f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 37).

28      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li twebbes il-kundizzjonijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli waqt id-dħul fis-seħħ f’dan l-Istat Membru tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema min-naħa ta’ dawn il-ħaddiema Torok fl-imsemmi Stat Membru (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Dan huwa l-każ peress li d-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jmur fi Stat Membru sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala impjegat tista’ tiġi influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tirrendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’tali mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat jagħżel bejn l-attività tiegħu f’dan l-Istat Membru kkonċernat u l-ħajja ta’ familja tiegħu fit-Turkija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punti 61 u 62).

30      Fil-każ ineżami, billi twebbes il-kundizzjonijiet għad-dħul tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork, ħaddiem regolari fis-suq tax-xogħol Daniż, għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 15 tal-konklużjonijiet tiegħu, “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għall-eżerċizzju min-naħa ta’ B tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat.

31      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni li għandha bħala għan jew bħala effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita ħlief jekk taqa’ taħt il-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

33      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan imfittex fl-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin, jikkonsisti f’li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ Stati terzi fid-Danimarka. Skont il-Gvern Daniż, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex ukoll li tilħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji.

34      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali għan jista’, fid-dawl tal-importanza mogħtija, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, għall-miżuri ta’ integrazzjoni, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 55 u 56).

35      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 9(7) tal- Liġi dwar il-Barranin, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li r-rabtiet tagħhom ma’ dan l-Istat Membru jkunu iktar qawwija minn dawk li għandhom ma’ Stat terz, hijiex xierqa biex tiggarantixxi li l-għan imfittex jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

36      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna n-natura xierqa tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan imfittex, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-imsemmija miżura, l-integrazzjoni b’suċċess fid-Danimarka tal-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru ma tistax tiġi ggarantita, ladarba r-rabtiet tagħhom huma iktar qawwija ma’ Stat terz milli mad-Danimarka.

37      Issa, peress li r-rabtiet li għandhom kemm il-konjuġi diġà preżenti fit-territoju Daniż kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ Stat terz ma għandhomx wisq effett fuq il-possibbiltà li din tal-aħħar ikollha integrazzjoni b’suċċess f’dan l-Istat Membru, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li jiġi stabbilit, fl-istadju tal-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-integrazzjoni b’suċċess tal-applikant fid-Danimarka ma tistax tiġi ggarantita.

38      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva, fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija miżura ma tippermettix li jiġu evalwati l-prospetti ta’ integrazzjoni tal-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka jew tal-koppja komposta mill-konjuġi u mill-imsemmi ħaddiem f’dan l-Istat Membru.

39      Fil-każ ineżami, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizja jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qiesu li B kien għad kellu rabtiet iktar qawwija mat-Turkija milli mad-Danimarka. Issa, għandu jiġi kkonstatat li B huwa ħaddiem Tork integrat b’mod regolari fis-suq tax-xogħol Daniż, li ilu jirrisjedi legalment ma’ wliedu f’dan l-Istat Membru għal diversi snin. Minn dan jirriżulta li r-rabtiet ta’ ċittadin Tork mal-Istat ta’ oriġini tiegħu ma jistgħux jillimitaw il-prospetti ta’ integrazzjoni tiegħu, peress li r-relazzjoni ma’ dan l-Istat u r-relazzjoni mal-Istat Membru ospitanti ma jeskludux lil xulxin.

40      Barra minn hekk, minn naħa, l-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin ma jipprevedi ebda miżura ta’ integrazzjoni li tista’ ttejjeb il-prospetti ta’ integrazzjoni tal-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka, li tixtieq tingħaqad miegħu f’dan l-Istat Membru.

41      Min-naħa l-oħra, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 9(7) tal-Liġi dwar il-Barranin tibbaża ruħha fuq kriterji vagi u impreċiżi, li twassal għal prattiki diversi u imprevedibbli, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

42      Minn dan isegwi li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li tiġi ggarantita l-integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ Stati terzi fid-Danimarka.

43      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, invokat mill-Gvern Daniż, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali għan jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali tali li tiġġustifika restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 39).

44      Madankollu, l-imsemmi Gvern ippreċiża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, peress li hija tippermetti li r-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi tiġi llimitata biss għall-każijiet fejn il-probabbiltà ta’ integrazzjoni fid-Danimarka tal-applikant għal permess ta’ residenza hija ikbar.

45      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 37 u 38 tas-sentenza preżenti, l-imsemmija miżura ma tippermettix li jiġu evalwati l-prospetti ta’ integrazzjoni tal-applikant għal permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja fid-Danimarka.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji.

47      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li r-rabtiet tagħhom ma’ dan l-Istat Membru jkunu iktar qawwija minn dawk li għandhom ma’ Stat terz tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata.

 Fuq it-tieni domanda

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta’ Settembru 1980dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru kkonċernat u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li r-rabtiet tagħhom ma’ dan l-Istat Membru jkunu iktar qawwija minn dawk li għandhom ma’ Stat terz tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.