Language of document : ECLI:EU:C:2019:809

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jkun axxendent dirett ta’ ċittadini tal-Unjoni minuri – Artikolu 7(1)(b) – Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti – Riżorsi kkostitwiti minn dħul li joriġina minn impjieg eżerċitat mingħajr titolu ta’ residenza u ta’ permess ta’ xogħol”

Fil-Kawża C‑93/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Ermira Bajratari

vs

Secretary of State for the Home Department,

fil-preżenza ta’:

Aire Centre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ermira Bajratari, minn R. Gillen, solicitor H. Wilson, BL, u R. Lavery, QC,

–        għal Aire Centre, minn C. Moynagh, solicitor, R. Toal, BL, G. Mellon, BL, A. Danes, QC, u A. O’Neill, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Brabcová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren kif ukoll minn M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C.S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima Ermira Bajratari u s-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit) dwar id-dritt ta’ residenza tagħha fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38:

“Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.”

4        Taħt l-intestatura “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      “Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa redatt kif ġej:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–      assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).”

7        L-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]”

8        Fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27(1) u (2) ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ermira Bajratari, ċittadina Albaniża, ilha tirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq sa mis-sena 2012.

10      Il-konjuġi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Sur Bajratari, ukoll ċittadin Albaniż li jirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq, kellu karta ta’ residenza li tawtorizzah jirrisjedi fir-Renju Unit għall-perijodu ta’ bejn it-13 ta’ Mejju 2009 u t-13 ta’ Mejju 2014. Din il-karta ta’ residenza nħarġitlu abbażi tar-relazzjoni preċedenti tiegħu mas-Sinjura Toal, ċittadina tar-Renju Unit, liema relazzjoni ntemmet fil-bidu tas-sena 2011. Minkejja li telaq mir-Renju Unit matul is-sena 2011 sabiex jiżżewweġ lil E. Bajratari fl-Albanija, huwa rritorna fl-Irlanda ta’ Fuq matul is-sena 2012. Fl-ebda mument ma kienet ġiet irtirata l-karta ta’ residenza tiegħu.

11      Il-koppja għandhom tlett itfal, kollha mweldin fl-Irlanda ta’ Fuq. L-ewwel żewġt itfal tagħhom kisbu ċertifikat ta’ ċittadinanza Irlandiża.

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Sur Bajratari eżerċita attivitajiet professjonali differenti sa mis-sena 2009 u li tal-inqas sa mit-12 ta’ Mejju 2014, id-data tal-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu, huwa jaħdem illegalment billi ma għandux titolu ta’ residenza u permess ta’ xogħol. Barra minn hekk, huwa nnotat li l-ebda membru tal-familja ma qatt iċċaqlaq jew irrisjeda f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, u li l-uniċi riżorsi li għandha l-familja huma kkostitwiti mid-dħul tas-Sur Bajratari.

13      Wara t-twelid tal-ewwel wild, E. Bajratari, fid-9 ta’ Settembru 2013, ressqet talba quddiem il-Home Office (il-Ministeru tal-Intern, ir-Renju Unit) bil-għan li jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza derivat abbażi tad-Direttiva 2004/38, billi invokat l-istatus tagħha ta’ persuna li effettivament tiżgura l-kura u l-kustodja tal-minuri, ċittadin tal-Unjoni, u billi sostniet li r-rifjut tal-karta ta’ residenza kien iċaħħad lill-wild tagħha mill-benefiċċju tad-drittijiet tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

14      Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2014 tas-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Intern) għal żewġ raġunijiet, senjatament, fl-ewwel lok, li E. Bajratari ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, u, fit-tieni lok, li l-wild tagħha ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tal-awtonomija finanzjarja prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva. Madankollu l-kundizzjoni mal-“assigurazzjoni ta’ mard komprensiva” ma ġietx ikkontestata.

15      Fit-8 ta’ Ġunju 2015, il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn E. Bajratari kontra d-deċiżjoni tal-Home Office (il-Ministeru tal-Intern). Fis-6 ta’ Ottubru 2016, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) ċaħdet it-tieni rikors ta’ E. Bajratari. Għaldaqstant, din tal-aħħar ressqet quddiem il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) talba għal awtorizzazzjoni għal appell mis-sentenza tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)).

16      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li r-rekwiżit impost fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li skontu ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, ikun issodisfatt ladarba dawn ir-riżorsi jkunu għad-dispożizzjoni tal-imsemmi ċittadin, u li ma jeżisti l-ebda rekwiżit inkonnessjoni mal-provenjenza ta’ dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu et Chen, C-200/02, EU:C:2004:639, punt 30, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C-86/12, EU:C:2013:645, punt 27). Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni speċifikament fuq il-kwistjoni dwar jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg illegali mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dħul minn impjieg li huwa illegali taħt id-dritt nazzjonali jista’ jistabbilixxi, totalment jew parzjalment, id-disponibbiltà ta’ biżżejjed riżorsi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva [2004/38]?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) [tal-imsemmija direttiva] jistgħu jiġu sodisfatti, jekk l-impjieg jitqies li huwa prekarju sempliċement minħabba n-natura illegali tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li, wara l-preżentata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ġiet irtirata ċ-ċittadinanza Irlandiża tal-ewwel żewġt itfal ta’ E. Bajratari, b’tali mod li dawn ma għadhomx igawdu iktar miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u mid-drittijiet naxxenti minnha. B’hekk, dan il-gvern isostni li l-problemi mqajma fid-domandi preliminari saru ta’ natura ipotetika u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tagħti risposta għal dawn id-domandi.

19      E. Bajratari u l-Aire Centre jispeċifikaw li ġie ppreżentat rikors bil-għan li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Irlandiżi li jannullaw iċ-ċittadinanza tal-ewwel żewġt itfal ta’ E. Bajratari u li l-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tinsab attwalment adita bihom.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019, Azienda Agricola Barausse Antonio e Gabriele, C‑348/18, EU:C:2019:545, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fil-kawża odjerna, mill-atti tal-proċess ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li E. Bajratari ġiet awtorizzata tikkontesta, b’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, id-deċiżjonijiet li jinvalidaw iċ-ċertifikati ta’ ċittadinanza Irlandiża tal-ewwel żewġt itfal tagħha.

22      Barra minn hekk, l-ebda mill-atti tal-proċess ma jippermetti li jiġi kkonstatat li tali deċiżjonijiet saru definittivi.

23      Barra minn hekk, wara talba għal kjarifika mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, indirizzata lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar speċifikat li, għalkemm kien possibbli li t-tilwima fil-kawża prinċipali titlef l-iskop tagħha, minħabba t-telfien taċ-ċittadinanza Irlandiża taż-żewġt itfal ikkonċernati, dan sal-lum għadu madankollu jippersisti kif ukoll validu.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddikjarat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni minuri jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż mhux raġonevoli għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu, anki meta dawn ir-riżorsi joriġinaw minn dħul minn impjieg eżerċitat b’mod illegali minn missieru, ċittadin ta’ Stat terz li ma għandux titolu ta’ residenza u permess tax-xogħol f’dan l-Istat Membru.

26      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li twieldu fl-Istat Membru ospitanti u li qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, bħall-ewwel żewġt itfal ta’ Ermira Bajratari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom dritt jipprevalixxu ruħhom mill-Artikolu 21(1) TFUE u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn dan isegwi li l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38 bħala priniċipju jikkonferixxu dritt ta’ residenza fir-Renju Unit lill-ewwel żewġt itfal ta’ Ermira Bajratari.

28      Għaldaqstant, hemm ukoll lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 TFUE, id-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri huwa rrikonoxxut favur kull ċittadin tal-Unjoni “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 75).

29      B’mod partikolari, tali limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet huma dawk previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, dik li jkollhom biżżejjed riżorsi biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, u assigurazzjoni tal-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 76).

30      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni marbuta man-natura suffiċjenti tar-riżorsi stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, madankollu d-dritt tal-Unjoni ma fih l-ebda rekwiżit dwar l-oriġini tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, minn ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur taċ-ċittadini tal-Unjoni minuri kkonċernati (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      B’hekk, il-fatt li r-riżorsi li minnhom ċittadin tal-Unjoni minuri jkollu fi ħsiebu li jipprevalixxi ruħu, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ikunu joriġinaw minn dħul miksub, mill-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, mill-impjieg li huwa jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti ma jostakolax milli tkun tista’ titqies bħala ssodisfatta il-kundizzjoni marbuta man-natura suffiċjenti tar-riżorsi, stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 76).

32      Jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din il-konklużjoni hijiex imposta wkoll meta l-ġenitur taċ-ċittadin tal-Unjoni minuri ma jkollux titolu ta’ residenza u permess tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti.

33      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 li jippermetti li jitqies li huma biss dawk ir-riżorsi miksuba minn impjieg eżerċitat minn ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri, li jkun kopert minn titolu ta’ residenza u permess tax-xogħol, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tirrikjedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom riżorsi suffiċjenti sabiex jiġi evitat li dawn, matul ir-residenza tagħhom, isiru ta’ piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti, mingħajr ma tistabbilixxi l-ebda kundizzjoni oħra, b’mod partikolari, inkonnessjoni mal-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi.

35      Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal moviment liberu billi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, huwa r-regola ġenerali, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati b’osservanza tal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-osservanza ta’ dan il-prinċipju timplika li l-miżuri nazzjonali adottati sabiex jiġu applikati l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet imposti f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu adatti u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni ta’ qabel id-Direttiva 2004/38, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑408/03, EU:C:2006:192, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, meta r-riżorsi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu ċittadin tal-Unjoni minuri sabiex iħallas għall-bżonnijiet tiegħu u għal dawk tal-membri tal-familja tiegħu matul ir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti joriġinaw minn dħul miksub minn xogħol eżerċitat, f’dan l-Istat Membru, mill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol, fid-dawl tas-sitwazzjoni prekarja ta’ dan tal-aħħar, minħabba n-natura illegali tar-residenza tiegħu, ir-riskju li jiġi okkażjonat telf ta’ riżorsi suffiċjenti u li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minuri jsir ta’ piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali huwa ikbar.

38      F’din il-perspettiva, miżura nazzjonali li tikkonsisti fl-esklużjoni ta’ tali dħul mill-kunċett ta’ “biżżejjed riżorsi”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ċertament tippermetti t-twettiq tal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni.

39      Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-Istat Membru ospitanti, id-Direttiva 2004/38 tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lil dan tal-aħħar jieħu passi fil-każ li effettivament ikun hemm telf tar-riżorsi finanzjarji, sabiex jiġi evitat li l-persuna intitolata għad-dritt ta’ residenza ma ssirx ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat.

40      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, jinżamm biss dment li dawn iċ-ċittadini u l-membri tal-familji tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 57).

41      B’hekk, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jistħarreġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 2004/38 matul ir-residenza kollha tagħhom.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-kundizzjoni marbuta man-natura suffiċjenti tar-riżorsi, stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, fis-sens li ċittadin tal-Unjoni minuri ma jistax jipprevalixxi ruħu, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, minn dħul miksub minn impjieg eżerċitat, fl-Istat Membru ospitanti, mill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru ospitanti, iżżid ma’ din il-kundizzjoni rekwiżit marbut mal-oriġini tar-riżorsi pprovduti minn dan il-ġenitur li jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni minuri kkonċernat iggarantit mill-Artikolu 21 TFUE, sa fejn dan ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan segwit.

43      Fil-kawża odjerna, mill-osservazzjonijiet ta’ E. Bajratari jirriżulta li, sa mis-sena 2009, is-Sur Bajratari dejjem kien impjegat fir-Renju Unit, l-ewwel, bħala kok f’ristorant, u sussegwentement, sa mix-xahar ta’ Frar 2018, bħala ħaddiem fi stazzjoni tal-ħasil tal-karozzi.

44      Barra minn dan, waqt is-seduta ġie kkonfermat minn E. Bajratari mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern tar-Renju Unit, li d-dħul miksub mill-impjieg li s-Sur Bajratari kompla jeżerċita, minkejja l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu, ġie ssuġġettat għal kontribuzzjonijiet fiskali u għas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

45      Fl-aħħar, ma hemm xejn fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li, matul dawn l-aħħar għaxar snin, it-tfal ta’ E. Bajratari rrikorrew għall-assistenza soċjali fir-Renju Unit. Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punt 14 tas-sentenza odjerna, il-kundizzjoni marbuta mal-assigurazzjoni ta’ mard komprensiva, stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex ikkontestata fil-kawża odjerna.

46      Issa, miżura nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jirrifjutaw dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni minuri peress li r-riżorsi li huwa jkollu ħsieb li jipprevalixxi minnhom, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, joriġinaw minn impjieg eżerċitat mill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol, minkejja li dawn ir-riżorsi jippermettu lill-imsemmi ċittadin tal-Unjoni li jħallas, matul dawn l-aħħar għaxar snin, għall-bżonnijiet tiegħu u għal dawk tal-membri tal-familja tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru, tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru.

47      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-kundizzjoni marbuta man-natura suffiċjenti ta’ riżorsi bħal dik espressa fil-punt 42 tas-sentenza odjerna tmur kontra l-għan segwit mid-Direttiva 2004/38, jiġifieri, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-fatt li r-riżorsi li minnhom ċittadin tal-Unjoni minuri jkollu ħsieb li jipprevalixxi, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, joriġinaw minn dħul miksub, mill-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, mill-impjieg li huwa jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti ma jostakolax li l-kundizzjoni marbuta man-natura suffiċjenti tar-riżorsi, stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni, tkun tista’ titqies bħala ssodisfatta, anki meta dan il-ġenitur la jkollu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru.

49      Fl-aħħar, il-Gvern tar-Renju Unit jinvoka raġunijiet marbuta maż-żamma tal-ordni pubbliku biex jiġġustifika r-restrizzjoni għad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li tirriżulta mill-esklużjoni tad-dħul miksub mill-impjieg eżerċitat, f’dan l-Istat Membru, mill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol fir-Renju Unit, mill-kunċett ta’ “biżżejjed riżorsi”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” għandu jinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tiegħu ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membru mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk speċifikat li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ periklu reali, attwali u suffiċjentement serju, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 38)

52      Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali, fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tiġi ġġustifikata, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza tal-ewwel żewġt itfal ta’ E. Bajratari li tirriżulta mill-esklużjoni mill-kunċett ta’ “riżorsi biżżejjed”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, tad-dħul miksub mix-xogħol eżerċitat b’mod illegali minn missierhom, ma humiex issodisfatti fil-kawża odjerna.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni minuri għandu għad-dispożizzjoni tiegħu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu, anki meta dawn ir-riżorsi joriġinaw minn dħul miksub mill-impjieg eżerċitat b’mod illegali minn missieru, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni minuri għandu għad-dispożizzjoni tiegħu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu, anki meta dawn ir-riżorsi joriġinaw minn dħul miksub mill-impjieg eżerċitat b’mod illegali minn missieru, ċittadin ta’ Stat terz li la għandu titolu ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.