Language of document : ECLI:EU:C:2019:917

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-31 ta’ Ottubru 2019(1)

Kawża C-715/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

Kawża C-718/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Ungerija

Kawża C-719/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ċeka

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligi — Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 — Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana — Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri — Rilokazzjoni ta’ tali ċittadini għat-territorju ta’ Stati Membri oħra — Proċedura ta’ rilokazzjoni — Obbligu tal-Istati Membri li jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull 3 xhur, l-għadd ta’ applikanti li jkunu jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħhom — Obbligi sussegwenti li ssir rilokazzjoni effettiva — Artikolu 72 TFUE u s-sigurtà interna”






1.        F’ċirkustanzi normali r-Regolament Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”(2) jirregola l-allokazzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali ġewwa l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-konflitt kontinwu fis-Sirja wassal għal żieda drammatika fl-għadd totali ta’ persuni jitolbu din il-protezzjoni (3). Il-vjaġġ perikoluż bil-baħar minn naħa għal oħra tal-Mediterran kien, u, tabilħaqq, jibqa’ rotta ewlenija għal dawk il-persuni (u għal refuġjati potenzjali oħra) biex jidħlu fit-territorju tal-Unjoni (4). Din ir-rotta tqiegħed pressjoni enormi fuq żewġ Stati Membri tal-Unjoni, l-Italja u l-Greċja (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri tal-ewwel art), li t-tnejn li huma għandhom kosta Mediterranja twila li prattikament huwa impossibbli tkun mgħassa. F’ċirkustanzi normali dawn l-Isati Membri huma, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III (5), responsabbli biex jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn persuni li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni mit-territorju tagħhom (6). It-tnejn mtlew bl-għadd biss ta’ applikanti potenzjali (7).

2.        Fl-14 u fit-22 ta’ Settembru 2015 rispettivament, il-Kunsill ħa żewġ deċiżjonijiet li bihom introduċa miżuri provviżorji favur l-Istati Membri tal-ewwel art: id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (8) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (9). Iż-żewġ deċiżjonijiet ħadu l-Artikolu 78(3) TFUE bħala l-bażi legali. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għamlu arranġamenti dettaljati għar-rilokazzjoni ta’ 40 000 u 120 000 applikant, rispettivament, għal protezzjoni internazzjonali. F’dan li ġej nirreferi għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien bħala “id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni” u nirreferi għal kull waħda minnhom separatament biss jekk ikun meħtieġ.

3.        Kontestazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni 2015/1601 ma kinitx irnexxiet (10).

4.        Il-Kummissjoni issa bdiet proċeduri ta’ ksur kontra tliet Stati Membri: il-Polonja (Kawża C-715/17), l-Ungerija (Kawża C-718/17) u r-Repubblika Ċeka (Kawża C-719/17). Nirreferi għal dawn l-Istati Membri kollettivament, fejn ikun il-każ, bħala “it-tliet Stati Membri konvenuti”.

5.        F’dawn il-proċeduri paralleli l-Kummissjoni ssostni li t-tliet Stati Membri konvenuti naqsu jkunu konformi fil-każ tal-Polonja u tar-Repubblika Ċeka mal-Artikolu 5(2) (“ir-rekwiżit ta’ informazzjoni”) kemm tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-Deċiżjoni 2015/1601, u fil-każ tal-Ungerija sussidjarjament mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 biss, u mal-obbligi tagħhom konsegwenzjali skont l-Artikoli 5(4) sa (11) ta’ dawk id-deċiżjonijiet rispettivi, biex b’hekk naqsu jassistu lill-Italja u lill-Greċja biex jirrelokaw applikanti għal protezzjoni internazzjonali fit-territorji rispettivi tagħhom biex hemmhekk jibdew iqisu fil-mertu applikazzjonijiet individwali (11).

6.        Il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi. Sussidjarjament, huma jsostnu li huma jistgħu jinvokaw l-Artikolu 72 TFUE biex jiġġustifikaw għaliex huma ma japplikawx dawk id-deċiżjonijiet (li l-validità tagħhom huma ma għadhomx jikkontestaw) minħabba li miżuri tal-Unjoni meħuda skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE (li l-Artikolu 78 TFUE, il-bażi tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, jagħmel parti minnu) “[ma għandhomx jolqtu] l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”.

7.        It-tliet kawżi nstemgħu flimkien u jiena qiegħed nippreżenta konklużjonijiet konġunti li jkopru t-tliet kapi ta’ proċeduri ta’ ksur.

 Il-kuntest ġuridiku

8.        Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat. Huma ttieħdu fil-kuntest ta’ assjem (kumpless ħafna) ta’ obbligi u arranġamenti riżultanti fid-dritt internazzjonali u fid-dritt tal-Unjoni, flimkien mad-deċiżjoni meqjusa u ddettaljata tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill. Nagħmel li nista’ biex niddeskrivi dak il-kuntest b’mod fil-qosor kemm jista’ jkun.

 Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem

9.        L-Artikolu 14(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (12) jipprovdi f’termini wiesgħa li “kull persuna għandha d-dritt titlob u jkollha f’pajjiżi oħra kenn minn persekuzzjoni”. Madankollu, l-Artikolu 14(2) tagħha jipprovdi li “dan id-d-dritt ma jistax jiġi invokat fil-każ ta’ prosekuzzjonijiet li ġenwinament isiru għal reati mhux politiċi jew għal atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” (13).

 Il-Konvenzjoni ta Ġinevra

10.      L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni b’rabta mal-Istatus ta’ Refuġjati (14) jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li l-kelma “refuġjat” għandha tapplika għal kull persuna li, “minħabba biża’ b’bażi soda ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, ċittadinanza, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba dik il-biża’, ma tkunx trid tikseb għaliha nnifisha l-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” It-tieni paragrafu tiegħu jżid jikkjarifika li, għall-persuni mingħajr Stat, il-kliem “dak il-pajjiż” jirreferi għall-pajjiż ta’ residenza abitwali.

11.      Madankollu, l-Artikolu 1(F) jipprovdi li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra “ma għandhiex tapplika għal kull persuna li dwarha jkun hemm raġunijiet serji biex titqies li: (a) tkun wettqet reat kontra l-paċi, reat ta’ gwerra jew reat kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali magħmula biex ikun hemm dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ reati bħal dawn (b) tkun wettqet reat gravi mhux politiku barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma tkun iddaħħlet f’dak il-pajjiż bħala refuġjata; (c) tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

 It-Trattat tal-Unjoni Ewropea

12.      L-Artikolu 4(2) TUE jipprovdi li “L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.”

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

13.      L-Artikolu 72 TFUE jagħmel parti mill-Kapitolu 1: (Dispożizzjonijiet Ġenerali) tat-Titolu V tat-TFUE (“L-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja”: iktar ’il quddiem “SLSĠ”).Fil-qosor jipprovdi li “Dan it-titolu m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.”

14.      L-Artikolu 78(1) TFUE, parti mill-Kapitolu 2 (“Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”), jitlob li l-Unjoni “tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi [mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra] u ma’ trattati oħra rilevanti.” L-Artikolu 78(2) TFUE jipprovdi l-bażi leġi\lattiva biex tkun stabbilita s-sistema Ewropea komuni tal-asil (iktar ’il quddiem is-“SEKA”) (15).

15.      L-Artikolu 78(3) TFUE jipprevedi li “F’każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.”

16.      L-Artikolu 80 TFUE jipprovdi li “[…]l-politika ta’ l-Unjoni prevista f’dan il-Kapitolu u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta’ l-Unjoni adottati skond dan il-Kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju”.

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

17.      L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (16) jipprovdi li “[…]d-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli [tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra] u skontd [it-TUE] u [t-TFUE]”.

 Elementi rilevanti tal-“acquis” dwar l-asil

18.      Leġiżlazzjoni sekondarja estensiva tal-Unjoni tistabbilixxi s-SEKA u regoli uniformi ta’ proċedura u mertu li l-Istati Membri għandhom japplikaw meta jipproċessaw u jiddeterminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

 Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki

19.      Id-Direttiva 2011/95 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifiki”) (17) għandha standards uniformi li għandhom jiġu applikati biex jiġi ddeterminat jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat ikunux eliġibbli għal status ta’ refuġjati jew għal protezzjoni sussidjarja. Għandha wkoll dispożizzjonijiet li jirregolaw l-esklużjoni minn tali status u li jippermettu lil Stat Membru jirrevoka, itemm jew jirrifjuta jġedded tali status f’ċerti ċirkustanzi.

20.      L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi “protezzjoni internazzjonali” bħala “l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g)”; l-Artikolu 2(d) jiddefinixxi “refuġjat” f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; l-Artikolu 2(e) jispjega li d-definizzjoni ta’ “status ta’ refuġjat”tfisser “ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat”, u l-Artikolu 2(f) jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”.

21.      L-Artikoli 2(h) u 2(i) rispettivament jiddefinixxu “applikazzjoni għal, protezzjoni internazzjonali” bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat […] li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja […], u “applikant” bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali”.

22.      Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki mbagħad tittratta dwar l-eżami ta; applikazzjonijiet, waħda waħda, għal protezzjoni internazzjonali (Artikoli 4 sa 8 tal-Kapitolu II) u l-kwalifika biex persuna tkun refuġjata (Artikoli 9 sa 12 tal-Kapitolu III). L-Artikolu 12 intitolat “Esklużjoni” jagħti lista dettaljata ta’ raġunijiet obbligatorji li jeskludu ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat milli jkunu eliġibbli għal status ta’ refuġjat. Għal dawn il-finijiet, ikun rilevanti jiġi nnotat il-kliem tal-Artikolu 12(2), li jelenka raġunijiet li ġeneralment jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (18).

23.      Il-Kapitolu IV, intitolat “Status ta’ refuġjat”, għandu dispożizzjoni twila (Artikolu 14) li telenka ċ-ċirkustanzi li fihom l-istatus ta’ refuġjat, ladarba jingħata, ikun jista’, madankollu, jintemm jew ma jiġġeddidx. Dawn jinkludu meta persuna kellha tkun eskluża minn tali status skont l-Artikolu 12 (Artikolu 14(3)(a)), meta rappreżentazzjoni ħażina preċedenti kienet deċiżiva għall-għoti tal-istatus (Artikolu 14(3)(b)), meta jkun hemm bażi raġonevoli biex il-persuna konċernata titqies “bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti” (Artikolu 14(4)(a)) u meta “hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru” (Artikolu 14(4)(b)) (19).

24.      Fil-Kapitolu V intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, l-Artikolu 17 għandu b’mod ġenerali dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 12 fir-rigward ta’ status ta’ refuġjat biex ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jiġu esklużi milli jkunu eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Ir-raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni elenkati, minbarra dawk tal-Artikolu 12 tad-direttiva li ttenni l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jinkludu wkoll meta “[applikant] [j]ikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih [huwa jkun] preżenti” (Artikolu 17(1)(d)). L-Artikolu 17(2) jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni obbligatorja ta’ esklużjoni għal “persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija [fl-Artikolu 17(1)]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(3) jagħti lill-Istati Membri l-fakultà jeskludu ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat milli jkunu eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja “jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop [tal-Artikolu 17(1)] li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti”.

25.      Il-Kapitolu VI (“Status ta’ protezzjoni sussidjarja”), għandu fl-Artikolu 19 tiegħu dispożizzjoni parallela għall-Artikolu 14 dwar status ta’ refuġjat li telenka ċ-ċirkustanzi li fihom l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, ladarba jingħata, jista’, madankollu, jintemm jew ma jiġġeddidx. Tali azzjoni hija permessa, inter alia, jekk il-persuna kkonċernata setgħet tkun ġiet eskluża minn din il-protezzjoni skont l-Artikolu 17(3) (Artikolu 19(2)), jew tkun eskluża (20) minn tali protezzjoni skont l-Artikolu 17(3) (Artikolu 19(2)) jew kellha tkun jew hija eskluża skont l-Artikolu 17(1) jew (2) (Artikolu 19(3)(a)) u meta rappreżentazzjoni ħażina preċedenti kienet deċiżiva għall-għoti tal-istatus (Artikolu 19(3)(b)).

26.      Fl-aħħar nett, fil-Kapitolu VII (“Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”) l-Artikolu 21 huwa dwar protezzjoni minn refoulement. Filwaqt li jitlob li l-Istati Membri “jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom” (Artikolu 21(1)), l-Artikolu 21(2) jipprevedi espressament li, “[f]ejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija [fl-Artikolu 21(1)] l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta (a) ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew (b) il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru”.

 Id-Direttiva dwar Proċeduri

27.      Id-Direttiva 2013/32 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Proċeduri”) (21) tistabbilixxi proċeduri uniformi għall-ipproċessar ta’ talbiet għal protezzjoni internazzjonali. Il-premessa 51 ta’ din id-direttiva tgħid espressament “F’konformità mal-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din id-Direttiva ma tolqotx l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna”.

28.      Id-definizzjoni ta’ “applikant” tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva tirrifletti l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki.

29.      Minħabba li fost il-ħafna applikanti kien hemm persuni taħt l-età mhux akkumpanjati biex jiġu rrilokati skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, għandu jingħad li l-Artikoli 25(6)(a)(iii) u 25(6)(b)(iii) tad-Direttiva dwar Proċeduri, li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mir-regoli proċedurali li mod ieħor kienu jkunu applikabbli jekk il-persuna taħt l-età inkwistjoni mhux akkumpanjata “ikun jista’ għal raġunijiet serji jitqies ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew ikun tkeċċa bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali” (22).

30.      B’mod iktar ġenerali l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar Proċeduri (“Proċedura ta’ eżami”) jawtorizza espressament lil Stat Membru jħaffef proċedura ta’ eżami u/jew imexxi dik il-proċedura fil-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu jekk, inter alia, “l-applikant jista’, għal raġunijiet serji, jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jew […] ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali” (Artikolu 31(8)(j)) (23).

 Id-Direttiva dwar Akkoljenza

31.      Id-Direttiva 2013/33 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Akkoljenza”) (24) tikkumplementa d-Direttiva dwar Proċeduri billi tagħmel arranġamenti dettaljati għat-trattament (iktar ‘il quddiem l-“akkoljenza”) ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali waqt li t-talbiet tagħhom ikunu qiegħdin jiġu pproċessati. Id-definizzjoni ta’ “applikant” tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva tirrifletti l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki.

32.      Fil-Kapitolu II (“Dispożizzjonijiet ġenerali dwar kondizzjonijiet ta’ akkoljenza”), l-Artikolu 7(1) jistabbilixxi l-prinċipju tal-moviment liberu għal applikanti fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Madankollu, b’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 7(2) jippermetti espressament lill-Istati Membri “jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikant minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali”.

33.      L-Artikolu 8 jirregola d-detenzjoni ta’ applikanti. L-Artikolu 8(2) jipprevedi li “Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv”. Il-lista eżawrjenti ta’ motivi permissibbli għal detenzjoni tinkludi, fl-Artikolu 8(3)(e), “meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk”.

 Id-Direttiva dwar ir-“ritorn”

34.      Fl-aħħar nett, jekk applikant li ma jkunx ingħata protezzjoni internazzjonali jibqa’ illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, id-Direttiva 2008/115 (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar Ritorn”) (25) tipprovdi regoli uniformi għat-tneħħija u għar-ripatrijazzjoni.

35.      L-Artikolu 1 jispjega li d-direttiva “tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.

36.      L-Artikolu 2 jipprevedi li d-direttiva tapplika, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet (26), għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

37.      L-Artikolu 6(1) jitlob li l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn (27) għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom. Meta t-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, tali deċiżjoni tista’ tittieħed anki jekk dik il-persuna jkollha permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġ minn Stat Membru ieħor (Artikolu 6(2)). Normalment huwa previst perijodu bejn sebat ijiem u tletin jum għal tluq volontarju (Artikolu 7(1)), iżda, “[j]ekk ikun hemm riskju ta’ ħarba […] jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem” (Artikolu 7(4)). Bħala l-aħħar possibbiltà, jistgħu jintużaw miżuri koerċittivi għal tneħħija (Artikolu 8(4)).

38.      L-Artikolu 11 jittratta l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq dħul li għandha takkumpanja tneħħija. Tali projbizzjoni hija obbligatorja jekk ma jkun ingħata ebda perjodu għal tluq volontarju (Artikolu 11(1)(a)). It-tul tal-projbizzjoni fuq dħul “għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali” (Artikolu 11(2)). F’ċirkustanzi speċifiċi, meta tali trattament koerżiv ikun proporzjonat u debitament iġġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jżommu ċittadin ta’ pajjiż f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija (ara d-dispożizzjonijiet dettaljati tal-Artikolu 15).

 Id-Deċiżjonijiet ta Rilokazzjoni

39.      Qabel ma ttieħdu d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni l-Unjoni Ewropea kienet ħadet azzjoni biex tindirizza dak li kien ġie rrikonoxxut bħala kriżi migratorja dinjija. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2015 (28), 27 Stat Membru (bl-esklużjoni tal-Ungerija), flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera (“l-Istati ta’ Dublin”), ftiehmu, fl-20 ta’ Lulju 2015, li jirriinsedwaw permezz ta’ sistemi multilaterali u nazzjonali, 22 504, persuna maħruba li kienu daħlu fl-Unjoni u li b’mod ċar kienu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali (29). Il-postijiet fejn kellhom jiġu riinsedjati kienu tqassmu bejn l-Istati Membri u l-Istati msieħba fis-sistema Dublin konformement ma’ l-obbligi stabbiliti fl-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2015 (30).

40.      Fl-14 u fit-22 ta’ Settembru 2015 rispettivament il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2015/1523 u d-Deċiżjoni 2015/1601, billi uża l-Artikolu 78(3) TFUE bħala l-bażi legali biex jintroduċi miżuri provviżorji biex jittratta s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li kellhom quddiemhom l-Istati Membri fl-ewwel art. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu adottati wara proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Id-Deċiżjoni 2015/1523 kienet adottata b’kunsens (31), filwaqt li d-Deċiżjoni 2015/1601 kienet adottata b’maġġoranza kwalifikata (32). Il-formulazzjoni taż-żewġ Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma hijiex identika għalkollox. Skont id-Deċiżjoni 2015/1523, kellhom jiġu rrilokati 40 000 applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja skont il-ftehim milħuq bejn l-Istati Membri permezz tar-Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2015. Skont id-Deċiżjoni 2015/1601, kellhom jiġu rrilokati 120 000 applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja. L-Annessi ta’ din id-deċiżjoni ffissaw l-għadd speċifiku tan-nies li kellhom jiġu rrilokati lil kull Stat Membru.

41.      Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni mat-Turkija għal Skema Volontarja ta’ Dħul ta’ Persuni, li kienet tipproponi li Stati parteċipanti jdaħħlu persuni maqlugħa minn posthom minħabba l-konflitt fis-Sirja li kienu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u kienu rreġistrati mill-awtoritajiet Torok qabel id-29 ta’ Novembru 2015. Tali skema kienet tkun miżura anċillari għall-obbligi reċiproċi tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni u t-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 (33).

 Id-Deċiżjoni 2015/1523

42.      Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin jinsabu fil-premessi tad-Deċiżjoni Nru 2015/1523 (34):

“(1)      Skont l-Artikolu 78(3) [TFUE], f’każ li Stat Membru wieħed jew aktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

(2)      Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq il-fruntiera, tal-asil u l-immigrazzjoni u tal-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f’dan il-qasam għandhom jinkludu miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

(3)      Is-sitwazzjoni ta’ kriżi reċenti fil-Mediterran wasslet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jirrikonoxxu minnufih il-flussi migratorji eċċezzjonali f’dan ir-reġjun, u biex isejħu għal miżuri konkreti ta’ solidarjetà mal-Istati Membri tal-ewwel art. B’mod partikolari, f’laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern fl-20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ għaxar punti ta’ azzjoni immedjata b’rispons għal din il-kriżi, inkluż l-impenn li jiġu kkunsidrati opzjonijiet għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza.

(4)      il-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ April 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, fost l-oħrajn, li jsaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà interni, u impenja ruħu b’mod partikolari li jżid l-għajnuna ta’ emerġenza lill-Istati Membri tal-ewwel art, u li jikkunsidra opzjonijiet sabiex tiġi organizzata r-rilokazzjoni ta’ emerġenza bejn l-Istati Membri fuq bażi volontarja, kif ukoll li jintbagħtu timijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fl-Istati Membri tal-ewwel art għall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba.

(5)      Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew tenna l-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-rispons tagħha għat-traġedji l-aktar reċenti fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, u li tintensifika l-isforzi tagħha f’dan il-qasam lejn dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar għadd ta’ refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew f’termini relattivi.

[…]

(9)      Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ pressjoni konsiderevoli u fid-dawl tal-ġrajjiet reċenti traġiċi fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b’mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta’ migranti, inklużi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jeħtieġu b’mod ċar protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni u ta’ asil tagħhom.

(10)      Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri ġewwa l-Unjoni fl-2014. Fl-2014, biss fl-Italja waslu aktar minn 170 000 migrant b’mod irregolari, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 277 % meta mqabbel mal-2013. Kien hemm żieda kostanti wkoll fil-Greċja b’aktar minn 50 000 migrant irregolari li waslu fil-pajjiż, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 153 % meta mqabbel mal-2013. In-numri globali komplew jiżdiedu matul l-2015. Fl-ewwel sitt xhur tal-2015, l-Italja kellha żieda ta’ 5 % ta’ qsim irregolari tal-fruntieri meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena l-oħra. Il-Greċja ffaċċjat żieda qawwija fin-numru ta’ qsim irregolari tal-fruntieri matul l-istess perijodu, li jikkorrispondi għal żieda ta’ sitt darbiet matul l-ewwel sitt xhur tal-2014 (aktar minn 76 000 fil-perijodu Jannar–Ġunju 2015 meta mqabbel ma’ 11 336 fil-perijodu Jannar–Ġunju 2014). Proporzjon sinifikanti tal-għadd totali ta’ migranti irregolari maqbuda f’dawn iż-żewġ reġjuni kien jinkludi migranti ta’ nazzjonalitajiet li, abbażi tad-data tal-Eurostat, igawdu minn livell għoli ta’ rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni.

[…]

(13)      Minħabba l-instabbiltà u l-konflitti li għadhom għaddejjin fil-viċinat immedjat tal-Italja u tal-Greċja, huwa probabbli ħafna li jibqa’ jkun hemm pressjoni sinifikanti u akbar fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni u ta’ asil tagħhom, b’porzjoni sinifikanti tal-migranti li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Dan juri l-ħtieġa kritika li tintwera solidarjetà mal-Italja u l-Greċja u li l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa jiġu kkomplementati sabiex jingħataw appoġġ b’miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u l-migrazzjinħabba l-instabbiltà u l-konflitti li għadhom għaddejjin fil-viċinat immedjat tal-Italja u tal-Greċja, huwa probabbli ħafna li jibqa’ jkun hemm pressjoni sinifikanti u akbar fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni u ta’ asil tagħhom, b’porzjoni sinifikanti tal-migranti li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Dan juri l-ħtieġa kritika li tintwera solidarjetà mal-Italja u l-Greċja u li l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa jiġu kkomplementati sabiex jingħataw appoġġ b’miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.

[…]

(16)      Jekk xi Stat Membru jiffaċċja sitwazzjoni ta’ emerġenza simili kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn adatt, is-sospensjoni tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru previsti f’din id-Deċiżjoni.

(17)      F’konformità mal-Artikolu 78(3) TFUE, il-miżuri previsti għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja għandhom ikunu ta’ natura proviżorja. Huwa raġonevoli perijodu ta’ 24 xahar sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkollhom impatt reali bħala appoġġ għall-Italja u għall-Greċja sabiex jiġġestixxu l-flussi migratorji sinifikanti fit-territorji tagħhom.

(18)      Il-miżuri ta’ rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja, kif stipulat f’din id-Deċiżjoni, jinvolvu deroga temporanja mir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(1) [tar-Regolament Dublin III] li skontu l-Italja u l-Greċja kienu altrimenti jkunu responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll deroga temporanja mill-passi proċedurali, inklużi l-termini, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 [tar-Regolament Dublin III]. Id-dispożizzjonijiet l-oħra [tar-Regolament Dublin III], inklużi r-regoli ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 (35) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 (36), jibqgħu applikabbli, inklużi r-regoli li jinsabu fihom dwar l-obbligu li l-Istati Membri li jittrasferixxu jħallsu l-ispejjeż meħtieġa għat-trasferiment tal-applikant lejn l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni u dwar il-kooperazzjoni dwar it-trasferimenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll dwar it-trasmissjoni ta’ informazzjoni permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika DubliNet.

Din id-Deċiżjoni tinvolvi wkoll deroga mill-kunsens tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37).

(19)      Miżuri ta’ rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw b’mod sħiħ [ir-Regolament Dublin III], inkluż id-dispożizzjonijiet relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawżola diskrezzjonarja għal raġunijiet umanitarji

[…]

(21)      Il-miuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq l-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati għadd sinifikanti ta’ applikanti li jeħtieġu b’mod ċar il-protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu irregolarment fl-Italja jew fil-Greċja fl-2014, u l-għadd ta’ dawk li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 40 000 applikant li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja. Dan l-għadd jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 40 % tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali li daħlu irregolarment fl-Italja jew fil-Greċja fl-2014. Għaldaqstant, il-miżura ta’ rilokazzjoni proposta f’din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja min-naħa l-waħda, u l-Istati Membri min-naħa l-oħra. Abbażi tal-istess ċifri globali disponibbli fl-2014 u fl-ewwel erba’ xhur tal-2015, fl-Italja meta mqabbla mal-Greċja, 60 % ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 40 % mill-Greċja.

[…]

(24)      Bil-ħsieb li jiġi implimentat il-prinċipju ta’ solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, u waqt li jittieħed kont li din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ politika f’dan il-qasam, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Istati Membri li jirrilokaw l-applikanti li jidher b’mod ċar li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali mill-Italja jew mill-Greċja skont din id-Deċiżjoni, jirċievu somma f’daqqa għal kull persuna rilokata li hija identika għas-somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, jiġifieri EUR 6 000, u implimentata billi jiġu applikati l-istess proċeduri. Dan jinvolvi deroga temporanja u limitata mill-Artikolu 18 tar-Regolament 516/2014 peress li s-somma f’daqqa għandha titħallas fir-rigward tal-applikanti rilokati aktar milli fir-rigward ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Tali estensjoni temporanja tal-ambitu tal-benefiċjarji potenzjali tas-somma f’daqqa tidher tabilħaqq li hija parti integrali mill-iskema ta’ emerġenza stabbilita b’din id-Deċiżjoni.

(25)      Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tiġi stabbilita proċedura ta’ rilokazzjoni rapida u li l-implimentazzjoni tal-miżuri proviżorji tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib bejn l-Istati Membri u minn appoġġ operazzjonali li jingħata mill-EASO.

(26)      Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

[…]

(32)      Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji ta’ persuni rilokati mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra li jistgħu jxekklu l-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi ta’ moviment irregolari ulterjuri fi ħdan l-Istati Membri u tal-fatt li, jekk l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jagħtihom protezzjoni internazzjonali, fil-prinċipju, huma biss intitolati għad-drittijiet marbutin mal-protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru.

[…]

(41)      Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

43.      L-Artikolu 1 jipprevedi li d-Deċiżjoni 2015/1523 “tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-Istati Membri”.

44.      Id-definizzjonijiet li ġejjin kienu stabbiliti fl-Artikolu 2:

“(a)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva dwar Kwalifiki];

(b)      ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali;

(c)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser status ta’ refuġjat u status ta’ protezzjoni sussidjarja kif definiti fil-punti (e) u (g), rispettivament, tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva dwar Kwalifiki];

(d)      ‘membri tal-familja’ tfisser membri tal-familja kif definit f’punt (g) tal-Artikolu 2 [tar-Regolament Dublin III];

(e)      ‘rilokazzjoni’ tfisser it-trasferiment ta’ applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III [tar-Regolament Dublin III] jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni;

(f)      ‘Stat Membru ta’ rilokazzjoni’ tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont [ir-Regolament Dublin III] ta’ applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.”

45.      F’konformità mal-Artikolu 3(1)rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni 2015/1523 isseħħ biss fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu jkunu xort’oħra responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti fil-Kapitolu III [tar-Regolament Dublin III].

46.      L-Artikolu 4 jipprevedi:

“Wara li ntlaħaq qbil bejn l-Istati Membri permezz tar-Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2015 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali:

(a)      24 000 applikant għandu jiġi rilokat mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra;

(b)      16 000 applikant għandu jiġi rilokat mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra.”

47.      Il-proċedura ta’ rilokazzjoni kienet stabbilita fl-Artikolu 5. Din id-dispożizzjoni kienet abbozzata f’termini simili ħafna għal dawk tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601 li jiena niċċitah kollu iktar ’il quddiem. Għalhekk, m’iniex ser intenni l-kliem hawnhekk.

48.      L-Artikolu 10 jipprovdi li “L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jirċievi somma kollha f’daqqa ta’ EUR 6 000 għal kull persuna rilokata skont din id-Deċiżjoni. Dan l-appoġġ finanzjarju jiġi implimentat billi jiġu applikati l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014.

49.      Skont l-Artikolu 12, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u mill-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni kellha tippreżenta rapport kull sitt xhur lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1523. Il-Kummissjoni kellha wkoll tippreżenta rapport kull sitt xhur lill-Kunsill, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Italja u mill-Greċja,dwar l-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali msemmija fl-Artikolu 8 (38).

50.      L-Artikolu 13jipprevedi li d-Deċiżjoni 2015/1523 kienet daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Settembru 2015 u kellha tapplika sas-17 ta’ Settembru 2017.

 Id-Deċiżjoni 2015/1601

51.      Id-dikjarazzjonijiet addizzjonali li ġejjin jinsabu fil-premessi tad-Deċiżjoni 2015/1601 (39):

“(11)      Fl-20 ta’ Lulju 2015, fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istat Membri, ġiet adottata b’kunsens Riżoluzzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Matul perijodu ta’ sentejn, 24 000 persuna ser jiġu rilokati mill-Italja u 16 000 persuna ser jiġu rilokati mill-Greċja. Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, li stipulat mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanju u eċċezzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra ta’ persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

(12)      Matul ix-xhur reċenti, il-pressjoni migratorja fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar fuq l-art u fil-baħar reġgħet żdiedet bil-qawwa, u tkompla l-moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bħala riżultat tan-numru dejjem jikber ta’ migranti li qed jaslu fil-Greċja u mill-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, għandhom ikunu ġġustifikati miżuri proviżorji ulterjuri biex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja.

[…]

(18)      Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 tistabbilixxi obbligu għall-Italja u għall-Greċja li jipprovdu soluzzjonijiet strutturali biex jindirizzaw pressjonijiet eċċezzjonali fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u tal-migrazzjoni, billi jistabbilixxu qafas strateġiku u solidu b’rispons għas-sitwazzjoni ta’ kriżi u jintensifikaw il-proċess ta’ riforma li jinsab għaddej f’dawn l-oqsma. Il-pjanijiet direzzjonali li l-Italja u l-Greċja ppreżentaw għal dan il-fini għandhom jiġu aġġornati biex jittieħed kont ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]

(20)      Mis-26 ta’ Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati b’mod proporzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iżommu taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni tad-dħul massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex tindirizza l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u l-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u l-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-ewwel art. Filwaqt li tagħmel dan, hija għadha tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju.

[…]

(26)      Il-miżuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq il-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati numru sinifikanti ta’ applikanti fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li jkunu waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u fil-Greċja b’mod irregolari fl-2015, u n-numru ta’ dawk fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 120 000 applikant fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Dan in-numru jikkorrispondi għal madwar 43 % tan-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li daħlu fl-Italja u l-Greċja b’mod irregolari f’Lulju u Awwissu tal-2015. Il-miżura ta’ rilokazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi tqassim ġust tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja minn naħa waħda u l-Istati Membri l-oħra min-naħa l-oħra, meta jitqiesu ċ-ċifri globali disponibbli dwar il-qsim irregolari tal-fruntieri fl-2015. B’kont meħud taċ-ċifri inkwistjoni, 13 % ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja, 42 % mill-Greċja u 45 % għandhom jiġu rilokati kif previst f’din id-Deċiżjoni.

[…]

(44)      Peress li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

[…]

(50)      Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ” (40).

52.      L-Artikolu 1(1) kien f’termini identiċi għal dawk tal-unika sentenza tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/1523 (li tistabbilixxi miżuri provviżorji). L-Artikolu 1(2) jitlob li l-Kummissjoni żżomm taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni rigward id-dħul massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li tippreżenta proposti biex tiġi emendata dik id-Deċiżjoni biex titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjonifil-post u l-impatttagħha fuq il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni (41).

53.      Id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 jirriflettu dawk tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2015/1523. M’iniex ser intennihom hawnhekk.

54.      L-Artikolu 3 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) huwa wkoll abbozzat f’termimi simili għal dawk tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1523.

55.      L-Artikolu 4 għandu bħala titolu “Rilokazzjoni ta’ 120 000 applikant lejn l-Istati Membri” jipprevedi li:

“(1)      120 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:

(a)      15 600 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness I;

(b)      50 400 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness II;

(c)      54 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn it-territorju tal-Istati Membri [l-oħra] proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew permezz ta’ emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

(2)      Mis-26 ta’ Settembru 2016, 54 000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru.

(3)      Jekk sas-26 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni tikkunsidra li adattament tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jkun iġġustifikat minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post jew li Stat Membru qed jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba moviment qawwi fil-flussi migratorji u filwaqt li tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju, hija tista’ tippreżenta, kif adatt, proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

(3a)      Fir-rigward tar-rilokazzjoni ta’ applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta’ ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta’ risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015. In-numru ta’ persuni ammessi b’dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

L-Artikolu 10 għandu japplika mutatis mutandis għal kull ammissjoni legali bħal din li twassal għal tnaqqis tal-obbligu ta’ rilokazzjoni.

L-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-għażla prevista f’dan il-paragrafu, għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-numru ta’ persuni legalment ammessi għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, fejn jiġi indikat it-tip ta’ skema li taħtha saret l-ammissjoni u l-forma ta’ ammissjoni legali użata” (42).

56.      L-Anness I jelenka l-allokazzjoni għal kull Stat Membru mill-Italja ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali.L-Anness II jelenka l-allokazzjoni għal kull Stat Membru mill-Greċja ta’ tali applikanti.

57.      L-Artikolu 5 jipprevedi dan li ġej:

“(1)      Minħabba l-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali, u jikkomunika l-indirizz tiegħu lill-Istati Membri l-oħra u lill-EASO. L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-EASO u aġenziji rilevanti oħrajn, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u tinqasam l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, fost l-oħrajn dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 7.

(2)      L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

(3)      Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-għajnuna tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u jagħtu, kemm jista’ jkun malajr, l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawk l-Istati Membri. Għal dan il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE.

(4)      Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista’ jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni speċifiku, f’konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

(5)      L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba’ skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 (43) jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba’ jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament.

(6)      It-trasferiment tal-applikant għat-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jsir kemm jista’ jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4). L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

(7)      L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex iqisuh jew iqisuha bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku tagħhom jew fejn ikun hemm raġunijiet serji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE.

(8)      Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta’ rilokazzjoni deskritta f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta’ kuntatt għall-Italja u għall-Greċja.

(9)      F’konformità mal-acquis tal-UE, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ għall-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu ggarantiti mill-Italja u mill-Greċja u għandhom jiġu stabbiliti l-faċilitajiet meħtieġa. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni (44).

(10)      Il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista f’dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ma ssirx inqas ġimagħtejn qabel ma jiskadi dan il-perijodu ta’ xahrejn. F’tali każ, il-limitu ta’ żmien biex titlesta l-proċedura ta’ rilokazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta’ żmien jista’ wkoll jiġi estiż, b’perijodu ulterjuri ta’ erba’ ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

Fejn il-proċedura ta’ rilokazzjoni ma titlestiex f’dawn il-termini u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont [ir-Regolament Dublin III].

(11)      Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jieħu, u jibgħat lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, il-marki tas-swaba’ tal-applikant skont l-Artikolu 9 [tar-Regolament Dublin III] u jaġġorna l-ġabriet ta’ data skont l-Artikolu 10, u fejn applikabbli, l-Artikolu 18, ta’ dak ir-Regolament.”

58.      Skont l-Artikolu 10, għal kull persuna rilokata l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jirċievi somma f’daqqa ta’ EUR 6 000, filwaqt li l-Italja u l-Greċja (skont il-każ) jirċievu somma f’daqqa ta’ mill-inqas EUR 500.

59.      Skont l-Artikolu 12, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, il-Kummissjoni kellha tagħmel rapport lill-Kunsill kull sitt xhur dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1601.

60.      Skont l-Artikolu 13 id-Deċiżjoni 2015/1601 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2015 u kienet tapplika sas-26 ta’ Settembru 2017.

61.      Il-Kummissjoni s’issa ħarġet ħmistax-il rapport dwar risistemazzjoni u rilokazzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni u l-punt 6 tal-Komunimazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2016 (“Lura lejn Schengen Pjan ta’ Direzzjoni”, COM(2016) 120 finali) (45).

 Is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill

62.      Fit-2 u fit-3 ta’ Diċembru 2015, rispettivament, is-Slovakkja u l-Ungerija fetħu kawżi kontra l-Kunsill għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/1601 (46). Is-Slovakkja ressqet sitt kawżali, filwaqt li l-Ungerija ressqet għaxar tali kawżali.

63.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kawżali mressqa billi qassmithom fi gruppi flimkien b’sottotitoli. Bdiet billi eżaminat l-allegazzjoni li l-Artikolu 78(3) TFUE ma kienx jipprovdi bażi legali xierqa għad-Deċiżjoni 2015/1601. Dak l-eżami nqasam fl-elementi li ġejjin: (ii) in-natura leġiżlattiva ta’ dik id-deċiżjoni; (ii) jekk id-deċiżjoni kinitx provviżorja u jekk il-perijodu ta’ applikazzjoni kienx eċċessiv; u (iii) jekk dik id-deċiżjoni kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE.

64.      Wara, il-Qorti Ġenerali qieset il-legalità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1601. Meta għamlet hekk hija eżaminat: (i) jekk il-leġiżlatur kienx kiser l-Artikolu 68 TFUE; (ii) jekk kienx hemm ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, bħal jekk kienx tħares l-obbligu li jkun ikkonsultat il-Parlament; (iii) jekk il-Kunsill setax ma jaġixxix b’mod unanimu skont l-Artikolu 293(1) TFUE; (iv) jekk kienx hemm nuqqas ta’ tħaris tad-drittijiet ta’ parlamenti nazzjonali li jesprimu opinjoni; u (v) jekk il-Kunsill kienx ħares ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-użu ta’ lingwi meta adotta d-Deċiżjoni 2015/1601.

65.      L-aħħar grupp ta’ kawżali eżaminat mill-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda kawżali fil-mertu mressqa mis-Slovakkja u mill-Ungerija. Dawn kienu jinkludu (i) allegat ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità; (ii) allegat nuqqas li jitqiesu l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni fl-Ungerija; u (iii) allegat ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

66.      F’konklużjonijiet meqjusa u twal, ta’ 344 punti, ir-rispettat u b’dispjaċir kbir il-mibki kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Bot kien irrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad dawk il-kawżali (47).

67.      Fis-6 ta’ Settembru 2017, b’sentenza daqstant meqjusa u twila ta’ 347 punti, l-Awla Manja ċaħdet il-kawżali kollha u ċaħdet il-kawżi.

68.      Il-proċedura prekontenzjuża f’dawn it-tliet kawżi kollha ta’ ksur inbdiet fis-sajf tal-2017, jiġifieri qabel ma ngħatat is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill (48). Madankollu, ir-rikorsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu ppreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2017 (Il-Kummissjoni vs Il-Polonja) u fit-22 ta’ Diċembru 2017, (Il-Kummissjoni vs L-Ungerija u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka) rispettivament, jiġifieri, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601. F’dak iż-żmien li fih kienu nbdew il-proċeduri bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx hemm dubju, għalhekk, dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni.

69.      Il-qofol tal-kwistjoni ta’ dawn it-tliet settijiet ta’ proċeduri ta’ ksur tista’, għalhekk, tiġi fformulata kif ġej: minħabba li d-Deċiżjoni 2015/1601 hija valida u, għalhekk, kienet dejjem torbot lill-Istati Membri kollha li lilhom kienet indirizzata, jistgħu t-tliet Stati Membri konvenuti jressqu argumenti validi li jeħilsuhom mill-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni? (49)

 Il-kuntest fattwali

70.      Fis-16 ta’ Diċembru 2015 il-Polonja indikat lill-Kummissjoni li hija kienet ser taċċetta r-rilokazzjoni ta’ 100 applikant (65 applikant mill-Greċja u 35 applikanti mill-Italja). Abbażi ta’ dan il-Greċja u l-Italja identifikaw, rispettivament, 73 u 36 applikanti għal rilokazzjoni fil-Polonja. Madankollu, il-Kummissjoni tgħid (mingħajr ma kienet kontradetta mill-Polonja) li ebda wieħed minn dawk l-applikanti ma kien ġie rrilokat fil-Polonja u li l-Polonja ma tatx iktar indikazzjonijiet lill-Kummissjoni li taċċetta applikanti.

71.      Il-Kummissjoni tgħid (“mingħajr ma kienet kontradetta mill-Ungerija”) li l-Ungerija ma indikatx lill-Kummissjoni li taċċetta applikanti skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

72.      Fit-8 ta’ Lulju 2015 – jiġifieri qabel il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI), li ltaqa’ fl-20 ta’ Lulju 2015 (50) – ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 556 dwar rilokazzjoni mill-Greċja u l-Italja (51). Fil-5 ta’ Frar 2016 ir-Repubblika Ċeka indikat lill-Kummissjoni li hija kienet ser taċċetta r-rilokazzjoni ta’ 30 applikant skont id-Deċiżjoni 2015/1523. Fit-13 ta’ Mejju 2016 hija ssupplementat dik l-indikazzjoni billi qalet li kienet ser taċċetta 20 applikant ieħor skont id-Deċiżjoni 2015/1601. Abbażi ta’ dan, il-Greċja u l-Italja identifikaw, rispettivament, 30 u 10 applikanti għal rilokazzjoni fir-Repubblika Ċeka. Il-Kummissjoni tgħid (mill-ġdid, mingħajr ma kienet kontradetta mill-Istat Membru) li mill-applikanti li kienu hekk proposti għal rilokazzjoni, ir-Repubblika Ċeka qablet li taċċetta 15-il applikant mill-Greċja, li minnhom 12 kienu attwalment irrilokati, u li ebda applikant mill-Italja ma kien aċċettat jew rilokat.

73.      Bi tliet ittri tal-10 ta’ Frar 2016 lill-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka l-Kummissjoni stiednet lil dawn it-tliet Stati Membri jibdew jirrilokaw migranti malajr kemm seta’ jkun u jiżguraw li l-proċess ta’ rilokazzjoni jitwettaq malajr.

74.      Fl-4 ta’ Marzu 2016 il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni (ibbażata fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni), intitolata “Lura lejn Schengen – Pjan ta’ Direzzjoni” (52). Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin mid-diversi rapporti tal-Kummissjoni dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni, flimkien ma’ dikjarazzjonijiet magħmula f’korrispondenza ma’ Stati Membri, jispjegaw il-mod kif żvolġew il-ġrajjiet.

75.      Fl-Ewwel Rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016 il-Kummissjoni nnotat li “937 persuna biss kienu ġew irrilokati mill-Italja u mill-Greċja” u li “il-livell insodisfaċenti ta’ implementazzjoni taż-żewġ skemi huwa dovut għal varjetà ta’ fatturi, inkluż in-nuqqas ta’ rieda politika ta’ Stati Membri li jwettqu b’mod sħiħ u f’waqtu l-obbligi legali tagħhom li jirrilokaw (53).

76.      Fir-Raba’ Rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2016 il-Kummissjoni nnotat li “ħames Stati Membri (l-Awstrija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja) ma kinux irrilokaw applikant wieħed” u li “seba’ (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Litwanja, ir-Rumanija u Spanja) kienu rrilokaw biss 1 % tal-allokazzjoni tagħhom” (54).

77.      B’żewġ ittri tal-5 ta’ Awwissu 2016 lill-Polonja u lir-Repubblika Ċeka l-Kummissjoni talbet lil dawn l-Istati Membri biex “iħarsu l-impenji tagħhom meħuda [minnhom] skont [id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni] u li jwieġbu b’mod adegwat billi jaħdmu b’mod iktar attiv u regolari għal rilokazzjoni kemm mill-Italja kif ukoll mill-Greċja”. B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2016 il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-Ungerija, fi kliem simili dwar l-obbligi tagħha.

78.      Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill (Jannar-Ġunju 2017), il-Ministru Malti għall-Affarijiet Intern u l-Kummissjoni kitbu flimkien, fit-28 ta’ Frar 2017, lill-Ministri għall-Affarijiet Interni tal-Istati Membri l-oħra kollha (55). Dik l-ittra kienet tgħid li, “mod partikolari, aħna nħeġġu lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rrilokaw lil ħadd jew ma rrilokawx proporzjonatament mal-allokazzjoni tagħhom biex minnufih iżidu fl-isforzi tagħhom, filwaqt li ninkuraġġixxu lil dawk l-Istati Membri li qiegħdin iħarsu l-obbligi tagħhom biex jissoktaw fl-isforzi tagħhom”.

79.      Fl-1 ta’ Marzu 2017 ir-Repubblika Ċeka wieġbet lill-Kummissjoni li hija qieset li l-offerta inizjali tagħha għal rilokazzjoni kienet suffiċjenti. Fil-5 ta’ Ġunju 2017 ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 439 dwar “id-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni dwar is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea u dwar id-disfunzjoni tas-sistema ta’ rilokazzjoni”, li ssospendiet ir-Riżoluzzjoni preċedenti tagħha Nru 556 dwar rilokazzjoni mill-Greċja u mill-Italja skont id-Deċiżjoni 2015/1523. Ir-Riżoluzzjoni Nru 439 ukoll b’hekk issospendiet rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni 2015/1601 u tat struzzjonijiet lill-Ministru għall-Affarijiet Interni biex iwaqqaf attivitajiet fl-oqsma konċernati. Ir-riżoluzzjoni Nru 439 irreferiet, bħala ġustifikazzjoni għall-miżuri li kienu qegħdin jittieħdu, għal “disfunzjoni tas-sistema [ta’ rilokazzjoni]”.

80.      Fl-Għaxar Rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2017 il-Kummissjoni nnotat li “l-Ungerija, l-Awstrija u l-Polonja kienu għadhom jirrifjutaw jieħdu sehem fl-iskema ta’ rilokazzjoni. Ir-Repubblika Ċeka ma indikatx dan sa minn Mejju 2016 u ma rrilokat lil ħadd sa minn Awwissu 2016” (56).

81.      Fil-Ħmistax-il Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, tas-6 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni nnotat li “l l-Ungerija u l-Polonja għadhom l-uniċi Stati Membri li ma rrilokaw l-ebda persuna, u l-Polonja ma wiegħdet l-ebda post mis-16 ta’ Diċembru 2015 ’l hawn.. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ma wiegħdet l-ebda post minn Mejju 2016 ’l hawn, u minn Awwissu 2016 ’l hawn ma rrilokat lil ħadd. Jinħtieġ li dawn il-pajjiżi jibdew iwiegħdu postijiet u jirrilokaw immedjatament” (57).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

82.      Skont il-proċedura stabbilita tal-Artikolu 258 TFUE il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ intimazzjoni lit-tliet Stati Membri konvenuti kollha (58). Fid-dawl tar-risposti tagħhom hija, imbagħad, ħarġet opinjonijiet motivati lit-tlieta kollha fis-26 ta’ Lulju 2017, u ffissat il-perjodu sat-23 ta’ Awwissu 2017 li matulu dawk l-Istati Membri kellhom jikkonformaw mal-opinjonijiet motivati. Huma ma għamlux hekk.

83.      B’ittri tad-19 ta’ Settembru 2017 il-Kummissjoni fakkret lill-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka li “l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet reċentement ikkonfermat il-legalità tal-miżuri ta’ rilokazzjoni” fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill. Il-Kummissjoni stiednet lit-tliet Stati Membri konvenuti “tibdew malajr tieħdu l-miżuri meħtieġa biex tikkontribwixxu għar-rilokazzjoni tal-applikanti eliġibbli li kien għad baqa’ b’mod f’waqtu, u tibdew billi tindikaw persuni li biħsiebkom tirrilokaw fit-territorju tagħkom”.

84.      Ebda wieħed mit-tliet Stati Membri konvenuti ma wieġeb lill-Kummissjoni.

85.      Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet dawn il-proċeduri fil-21 ta’ Diċembru 2017 (Kawża C-715/17, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja) u fit-22 ta’ Diċembru 2017 (kemm il-Kawża C-718/17 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, kif ukoll il-Kawża C-719/17 Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka).

86.      Fil-Kawża C-715/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja  l-Kummissjoni titlob għal dikjarazzjoni li l-Polonja naqset tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni u tindika f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tliet xhur, l-għadd ta’ applikanti li jistgħu jiġu rrilokati fit-territorju tagħha, u kull informazzjoni rilevanti oħra; u li, għalhekk, hija kisret l-obbligi l-oħra tagħha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

87.      Fil-kawża C-718/17 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija l-Kummissjoni titlob għal dikjarazzjoni, jiġifieri li l-Ungerija naqset tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u li konsegwentement hemm ksur tal-obbligi l-oħra tagħha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dik id-deċiżjoni.

88.      Fil-Kawża C-719/17, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka d-dikjarazzjoni mitluba mill-Kummissjoni hija fformulata fl-istess termini bħad-dikjarazzjoni mitluba fil-Kawża C-715/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja.

89.      Kien hemm proċedura sħiħa bil-miktub fit-tliet kawżi kollha.

90.      Inżammet seduta konġunta fil-15 ta’ Mejju 2019. Il-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni attendew għal dik is-seduta u ppreżentaw argumenti orali.

 Ammissibbiltà

91.      It-tliet Stati Membri konvenuti jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-proċeduri ta’ ksur miġjuba kontrihom. Essenzjalment, huma jressqu erba’ kategoriji ta’ argumenti: (i) nuqqas ta’ skop ta’ dawn il-proċeduri; nuqqas ta’ interess ġuridiku biex jinġiebu dawn il-proċeduri u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; (ii) ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali; (iii) ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li huma ma kinux ingħataw żmien biżżejjed biex jippreżentaw risposta matul il-proċedura prekontenzjuża u l-ilment tal-Kummissjoni huwa fformulat mingħajr preċiżjoni biżżejjed; u (iv) (fil-Kawża C-719/17 Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka) ma hemmx preċiżjoni biżżejjed fit-talbiet (il-petitum) tar-rikors tal-Kummissjoni.

92.      Ser nindirizza dawn l-erba’ kategoriji tal-argumenti sabiex nevalwa jekk l-azzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex ammissibbli.

 Nuqqas ta skop, nuqqas ta interess ġuridiku biex jinġiebu l-proċeduri u ksur tal-prinċipju ta amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja

93.      It-tliet Stati Membri konvenuti jissottomettu li l-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni kontrihom huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ skop, minħabba li l-obbligi stabbiliti bl-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu skadew fis-17 u fis-26 ta’ Settembru 2016, rispettivament.

94.      Il-Polonja (Kawża C-715/17) tinnota li l-allegat ksur ma kienx għadu hemm sa mit-18 u s-27 ta’ Settembru 2017 fir-rigward ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni rispettivament. Filwaqt li tirrikonoxxi li, fil-kuntest ta’ proċeduri abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, jekk ikunx hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ meta jkun għalaq il-perjodu preskritt mill-Kummissjoni għall-Istat Membru konċernat biex ikun konformi mal-opinjoni motivata tagħha (59) (f’dan il-każ fit-23 ta’ Awwissu 2017), il-Polonja tqis li l-iskop ta’ tali proċeduri għandu jkun li l-ksur jinġieb fi tmiemu. Il-Polonja ssostni li minħabba li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu skadew u l-Istati Membri kkonċernati ma għadhomx jistgħu jsibu rimedju għan-nuqqas ta’ konformità tagħhom, dawn il-proċeduri huma nieqsa minn skop. Il-Polonja tissottometti wkoll li minħabba li ma jistax ikun hemm possibbiltà ta’ rimedju għall-allegat ksur, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha biss effett dikjaratorju.

95.      L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka adottaw pożizzjoni simili fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u fis-seduta.

96.      Skont l-Ungerija (Kawża C-718/17), tali użu ta’ proċeduri ta’ ksur ma huwiex xieraq, huwa abbużiv u kuntrarju għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, minħabba li jista’ jwassal biss għal konstatazzjoni ta’ prinċipju mingħajr ebda effett ġuridiku attwali. Ir-Repubblika Ċeka (Kawża C-719/17) iżżid li l-iskop ta’ proċeduri ta’ ksur ma huwiex li jkun hemm-“diskussjoni akkademika” dwar jekk fl-imgħoddi Stat Membru kisirx jew le d-dritt tal-Unjoni.

97.      Bl-istess mod it-tliet Stati Membri konvenuti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx interess ġuridiku suffiċjenti meta ressqet dawn il-proċeduri u li l-kawża tagħha ssegwi biss għan politiku, jiġifieri “tistigmatizza” lill-Istati Membri li kkontestaw b’mod miftuħ il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni stabbilit bid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni (60). Huma jsostnu li meta għamlet hekk il-Kummissjoni ma tatx kas l-ispirtu tal-Artikolu 258 TFUE.

98.      Dawn is-sottomissjonijiet jiena ma naċċettahomx.

99.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq konstatazzjoni oġġettiva li Stat Membru jkun naqas iwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni (61).

100. Sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont dik id-dispożizzjoni huma, essenzjalment, ta’ natura dikjaratorja (62). Bħala tali, l-iskop tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex li jitneħħa l-allegat ksur. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara biss li l-Istat Membru jkun naqas iwettaq l-obbligi tiegħu jew tiċħad it-talba. Ladarba jkun ġie stabbilit il-ksur il-Qorti tal-Ġustizzja ma toħroġx inġunzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Tkun ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar, skont il-każ, li jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

101. Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx naqas iwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’referenza għas-sitwazzjoni li jkun hemm fl-Istat Membru fi tmiem il-perjodu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma tkunx tista’ tqis bidliet li jkunu seħħew wara (63). Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll jekk l-allegat ksur li jitwettqu obbligi jkun prattikament twaqqaf (64).

102. Il-ġurisprudenza li l-Polonja straħet fuqha hawnhekk fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma hijiex rilevanti. Il-Kawża C‑365/97 Il-Kummissjoni vs L-Italja (65), kienet dwar sitwazzjoni fejn il-liġi applikabbli tal-Unjoni kienet ġiet emendata matul il-proċedura prekontenzjuża. F’dan il-każ id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni baqgħu ma nbidlux sa tmiem il-perjodu stabbilit fl-opinjoni motivata. Il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu wara skadew ma għandux rilevanza fuq il-fatt li t-tliet Stati Membri konvenuti ma kinux (kif tabilħaqq huma jaċċettaw) konformi mar-rekwiżiti ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Fil-Kawża C-177/03 Il-Kummissjoni vs Franza (66) il-leġiżazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet ġiet emendata bejn l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit għall-konformità mal-opinjoni motivata u l-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur, u b’hekk is-sentenza li kellha tingħata aktarx li ma kienet tkun tiswa xejn. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li f’tali ċirkustanzi, seta’ jkun preferibbli għall-Kummissjoni li ma tibdiex proċeduri iżda li toħroġ “opinjoni motivata ġdida li b’mod preċiż tidentifika l-ilmenti li hija tkun biħsiebha ssegwi, filwaqt li tqis iċ-ċirkustanzi li jkunu nbidlu” (67). Evidentement minnha nnifisha dik id-deċiżjoni ma hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

103. Peress li ma huwiex ikkontestat li kien hemm il-ksur skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni meta l-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata kien skada fit-23 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni għandha d-dritt tibda proċeduri ta’ ksur skont dawk id-deċiżjonijiet u li titlob biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk kienx hemm tali ksur. Peress li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu minn dak iż-żmien ’il hawn skadew, ma jkunx meħtieġ li l-Istati Membri konvenuti jadottaw miżuri speċifiċi biex ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dan ma jfissirx li l-proċeduri jkun jonqsilhom skop.

104. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Kummissjoni ma jkollhiex għaliex turi interess ġuridiku biex tippreżenta rikors jew tindika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi (68). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-każ ta’ ksur li jkun seħħ fl-imgħoddi, hija għandha teżamina “jekk il-Kummissjoni jkun għadx għandha interess ġuridiku suffiċjenti” (69). Hawnhekk – kif il-Kummissjoni sewwa enfasizzat – it-tilwima bejn il-Kummissjoni u t-tliet Stati Membri konvenuti tqanqal kwistjonijiet fundamentali, partikolarment jekk l-Istati Membri jistgħux jistrieħu fuq l-Artikolu 72 TFUE biex jinħelsu mill-obbligi tagħhom li xort’oħra jkunu obbligatorji skont id-dritt sekondarju tal-Unjoni.

105. B’mod ġenerali, dawn il-proċeduri jqanqlu kwistjonijiet leġittimi u importanti dwar ir-rispett għall-istat tad-dritt, il-prinċipju tas-solidarjetà, il-politika komuni tal-asil u l-funzjoni tal-Kummissjoni bħala l-għassiesa tat-Trattati. Jekk il-ksur “ikunx seħħ fl-imgħoddi” jew le, dawk il-kwistjonijiet jibqgħu rilevanti għalkollox. Dan bl-ebda mod ma jfisser – kif ir-Repubblika Ċeka ppruvat tissuġġerixxi – “diskussjoni akkademika”. Sfortunatament, it-tmexxija għall-ġejjieni tal-migrazzjoni tal-massa tista’ tassew tagħti lok għal problemi simili għal dawk li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Fil-fehma tiegħi ma għandux, għalhekk, ikun hemm dubju dwar l-interess tal-Kummissjoni li jkun stabbilit ksur u li jkunu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri (70).

106. Għaldaqstant inqis li l-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi ma humiex mingħajr skop. Il-Kummissjoni għandha interess ġuridiku suffiċjenti biex tibda proċeduri, u l-pożizzjoni tagħha ma tistax titqies kuntrarja għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

 Ksur tal-prinċipju ta trattament ugwali

107. L-Ungerija (Kawża C-718/17) issostni li, meta bdiet proċeduri ta’ ksur biss kontra t-tliet Stati Membri konvenuti, minkejja li l-parti l-iktar kbira tal-Istati Membri ma humiex konformi kompletament mal-obbligi ddefiniti mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, il-Kummissjoni kissret il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit bl-Artikolu 4(2) TUE u abbużat mid-diskrezzjoni li għandha skont l-Artikolu 258 TFUE.

108. L-Ungerija tallega b’mod partikolari li l-Kummissjoni għażlet b’mod arbitrarju u diskriminatorju l-grupp ta’ Stati Membri suġġetti għal proċeduri ta’ ksur. Kieku l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni oġġettiva, hija kienet iġġib tali proċeduri kontra l-Istati Membri kollha li ma kinux konformi għalkollox mal-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, minħabba li dawk l-Istati Membri kollha kienu f’sitwazzjoni komparabbli. (Meta tressaq dan l-argument l-Ungerija, għalhekk, qiegħda tieħu pożizzjoni binarja. Żewġ gruppi biss għandhom jitqiesu: dawk l-Istati li kienu konformi għalkollox mal-obbligi tagħhomi u dawk li kienu naqsu jkunu konformi, irrispettivament minn kemm ikun gravi jew żgħir in-nuqqas ta’ konformità) (71). Billi qiegħda tolqot lill-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni qiegħda tipprova tagħmel lil dawn l-Istati Membri (nikkwota) “ħrief tas-sagrifiċċju”, iddestinati jpattu għall-“fjask” tas-sistema ta’ rilokazzjoni mdaħħla mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

109. Il-Polonja (Kawża C-715/17) tieħu pożizzjoni simili għal dik tal-Ungerija dwar dawn il-kwistjonijiet.

110. Ma naċċettax din il-linja ta’ raġunament.

111. Skont ġurisprudenza stabbilita l-Kummissjoni għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni biex iġġib proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE: “hija l-Kummissjoni li hija responsabbli li tevalwa jekk huwiex opportun jew le li tittieħed azzjoni kontra Stat Membru, li tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kiser u li tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni” (72).

112. Għalhekk, in-nuqqas ta’ proċeduri ta’ ksur kontra Stat Membru wieħed ma huwiex riilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ proċeduri ta’ ksur ippreżentati kontra Stat Membru ieħor (73).

113. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll b’mod ċar li “Stat Membru ma jistax jiġġustifika l-ineżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont it-Trattat biċ-ċirkustanza li l-Istati Membri l-oħra ukoll jonqsu mill-obbligi tagħhom. Fil-fatt, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni stabbilit mit-Trattat FUE, l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri ma tistax tiġi suġġetta għal kundizzjoni ta’ reċiproċità. L-Artikoli 258 u 259 TFUE jipprovdu r-rimedji adegwati sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet tal-Istati Membri li jwettqu l-obbligi tagħhom naxxenti mit-Trattat FUE” (74).

114. Kemm l-Ungerija kif ukoll il-Polonja filwaqt li qajmu dawn l-argumenti, iddikjaraw li huma ma kinux qegħdin ifittxu jistrieħu fuq in-nuqqas ta’ konformità ta’ Stati Membri oħra mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni biex jiġġustifikaw il-ksur tagħhom stess ta’ dawn l-istess obbligi. Jiena inqas milli konvinta b’dawn id-dikjarazzjonijiet fiergħa. Is-sottomissjonijiet bil-miktub taż-żewġ Stati Membri juru li huma jfittxu speċifikament li jsemmu nuqqasijiet ġeneralizzati fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ rilokazzjoni, kemm biex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-proċeduri miġjuba kontrihom, kif ukoll biex jiġġustifikaw għaliex huma rrifjutaw jimplementaw id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Tali nuqqasijiet ġeneralizzati, kieku kellhom jiġu stabbiliti, ikunu jolqtu (ipotetikament) il-ħila tal-Istati Membri li jkunu konformi mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Barra minn hekk kemm l-Ungerija, kif ukoll il-Polonja jsemmu (permezz tal-argument tad-diskriminazzjoni) il-fatt li ħafna Stati Membri oħra ma kinux konformi kompletament mal-obbligi tagħhom skont dawk id-deċiżjonijiet.

115. Kienet il-Kummissjoni li abbużat mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha? Biex inpoġġiha b’mod iktar preċiż, jista’ raġonevolment jingħad li t-tliet Stati Membri konvenuti kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ Stati Membri oħra u li l-Kummissjoni manifestament abbużat mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u, għalhekk, wettqet trattament different mhux ġustifikat bi ħsara għat-tliet Stati Membri inkwistjoni?

116. Fil-fehma tiegħi t-tweġiba għal dik il-mistoqsija hija “Le”.

117. Kif il-Kummissjoni nnotat fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħha, it-tliet Stati Membri konvenuti kienu l-uniċi li ma wettqu ebda impenn ta’ rilokazzjoni formali (l-Ungerija), jew li ma kienu wettqu ebda impenn ta’ rilokazzjoni għal mill-inqas sena (il-Polonja u r-Repubblika Ċeka) skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, minkejja talbiet repetuti tal-Kummissjoni. It-tnax u t-tlettax-il rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni jagħtu provi biżżejjed ta’ dawn il-fatti.

118. Isegwi li t-tliet Stati Membri konvenuti jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tingħażel, minħabba l-gravità u l-persistenza tan-nuqqas ta’ konformità, mis-sitwazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, li għall-inqas kienu indikaw li jirrelokaw għadd speċifiku ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk (b’dispjaċir), dawk l-indikazzjonijiet sistematikament ma twettqux fil-prattika bħala rilokazzjonijiet effettivi (75)

119. Għalhekk inqis li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mill-Artikolu 258 TFUE billi fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka u ma fetħitx ukoll tali proċeduri kontra Stati Membri oħra li ma wettqux għalkollox l-obbligi stabbiliti mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

120. Fl-aħħar nett, għandi hawnhekk insemmi argument addizzjonali magħmul mill-Ungerija fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Dan l-Istat Membru għandu dubju jekk huwiex realment possibbli li tintalab konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601 fin-nuqqas ta’ konformità sħiħa mal-obbligi mid-Deċiżjoni 2015/1523. Ġej mill-Ungerija, dan l-argument jidhirli li huwa manifestament irrilevanti. L-Ungerija ntlaqtet biss mid-Deċiżjoni 2015/1601; u l-proċeduri ta’ ksur miġjuba kontriha jikkonċernaw biss nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħha skont dik id-deċiżjoni.

121. Għalhekk nikkonkludi li l-argumenti dwar ammissibbiltà bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandhom jiġu miċħuda..

 Ksur tad-drittijiet tad-difiża

122. L-Ungerija (Kawża C-718/17) issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħha ta’ difiża fil-fażi prekontenzjuża billi (i) tatha biss erba’ ġimgħat biex tirrispondi, kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll għall-opinjoni motivata; u (ii) b’mod ċar naqset tiddefinixxi b’mod adegwat ir-rabta bejn l-allegat ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u l-allegat ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) tagħha.

 Skadenzi għal risposta għall-korrispondenza prekontenzjuża tal-Kummissjoni

123. L-Ungerija tirrikonoxxi li fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur il-Kummissjoni bla dubju għandha diskrezzjoni wiesgħa biex tistabbilixxi limiti ta żmien għad-diversi stadji proċedurali. Madankollu hija tqis li l-Kummissjoni kienet abbużat mid-diskrezzjoni tagħha hawnhekk. L-Ungerija ssostni li l-Kummissjoni imponiet skadenzi “estremament qosra” f’nofs is-sajf, mingħajr ma qieset il-fatt li l-Ungerija kellha quddiemha proċeduri oħra ta’ ksur matul l-istess perjodu. L-Ungerija tissuġġerixxi li tali modus operandi kien maħsub biex “jagħmilha impossibbli” għall-Ungerija teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża.

124. L-Ungerija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tistrieħ fuq sitwazzjoni ta’ urġenza li hija stess kienet ħolqot billi naqset taġixxi qabel; u li l-Kummissjoni kienet qassret l-iskadenzi biss biex tiżgura li l-proċedura ta’ ksur li l-Kummissjoni kienet determinata hekk jew hekk iġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel tmiem is-sena tkun ammissibbli (76).

125. Fl-aħħar nett l-Ungerija tiddikjara li ma jistax ikun hemm skuża għall-iskadenzi qosra minħabba l-fatt li hija kienet taf sewwa dwar l-allegat ksur.

126. Naqbel mal-Kummissjoni li d-drittijiet ta’ difiża tal-Ungerija ma nkisrux bit-termini qosra stabbiliti matul il-proċedura prekontenzjuża.

127. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-proċedura prekontenzjuża skont l-Artikolu 258 TFUE għandha għan doppju. L-għan tagħha huwa li l-Istat Membru kkonċernat jingħata opportunità, minn naħa, ikun konformi mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, juża d-dritt tiegħu li jiddefendi lilu n-nifsu kontra l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni (77). It-tmexxija sewwa ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat FUE, mhux biss biex ikunu protetti d-drittijiet tal-Istat Membru konċernat, iżda wkoll biex ikun żgurat li kull proċedura kontenzjuża jkollha lment iddefinit b’mod ċar bħala s-suġġett tagħha (78). Il-proċedura prekontenzjuża (ittra ta’ intimazzjoni, segwita b’opinjoni motivata) b’hekk isservi biex ikun iddefinit is-suġġett tat-tilwima u l-Istat Membru jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u wkoll (dan huwa importanti) biex l-Istat Membru jikkonforma mal-obbligi tiegħu qabel ma jinġiebu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

128. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istati Membri perjodu raġonevoli biex jirrispondu ittri ta’ intimazzjoni u biex jikkonformaw ma’ opinjonijiet motivati jew, skont il-każ, biex iħejju d-difiża tagħhom. Biex jiġi ddeterminat jekk il-perjodu mogħti jkunx raġonevoli għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għalhekk, jistgħu jkunu ġġustifikati perjodi qosra ħafna f’ċirkustanzi partikolari, l-iktar meta jkun hemm ħtieġa urġenti ta’ rimedju għal ksur jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jaf sewwa kif tifhimha l-Kummissjoni ħafna qabel ma tinbeda l-proċedura (79)

129. Infakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa għall-Kummissjoni li għandha “tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu [kontra Stat Membru] u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni” (80).

130. F’dak li jirrigwarda l-urġenza, ninnota li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu adottati bi tweġiba għal sitwazzjoni partikolarment kritika u urġenti ta’ migrazzjoni tal-massa, li ġġustifikat l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji stabbiliti f’dawk id-deċiżjonijiet.

131. Il-Kummissjoni spjegat li hija adottat pożizzjoni ta’ kooperazzjoni bil-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplementaw volontarjament il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Il-Kummissjoni xtaqet ukoll tqis iż-żmien li kull Stat Membru jkun jeħtieġlu biex iħejji għall-proċess ta’ rilokazzjoni, li jinvolvi, kif hija sewwa nnotat, proċeduri amministrattivi kumplessi li jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri.

132. Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni ġibdu l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-obbligi tagħhom f’intervalli regolari.

133. Għaldaqstant, loġikament, huwa preċiżament minħabba li l-Kummissjoni għażlet li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu konformi volontarjament mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni li hija ma bdietx proċedura ta’ ksur iktar kmieni matul il-perijodu ta’ 24 xahar previst għall-implementazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. F’Mejju 2017, kien sar urġenti jitqies jinbdewx proċeduri ta’ ksur. Dan il-fatt kien attribwibbli mhux lill-Kummissjoni iżda lit-tliet Stati Membri konvenuti li b’mod persistenti rrifjutaw ikunu konformi mal-obbligi tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tkun akkużata li “straħet fuq urġenza li kienet ħolqot hija nnifisha” billi naqset tibda l-proċedura prekontenzjuża iktar kmieni. Għal din ir-raġuni r-referenza tal-Ungerija għall-Kawża 293/85 Il-Kummissjoni vs Il-Belġju(81) mhijiex rilevanti.

134. Infakkar ukoll li fil-Kawża C-20/09 Il-Kummissjoni vs il-Portugall il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-funzjoni tal-Kummissjoni hija li tiżgura, ex officio u fl-interess ġenerali, li l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u tikseb dikjarazzjoni dwar kull nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li joriġinaw minnu biex iwaqqfuh (82). Isegwi li kien leġittimu għall-Kummissjoni tiżgura – hawnhekk, billi tiffissa termini (qosra) xierqa għall-proċedura prekontenzjuża – li t-tliet Stati Membri konvenuti konċernati jinżammu responsabbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li bil-ħsieb għażlu li ma jwettqux id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni (83).

135. Il-termini qosra stabbiliti mill-Kummissjoni jidhru wkoll ġustifikati minħabba li t-tliet Stati Membri konvenuti konċernati kienu jafu sewwa kif kienet taħsibha l-Kummissjoni ħafna qabel ma nbdiet formalment il-proċedura ta’ ksur (84). Il-Kummissjoni kienet talbet lill-Ungerija tkun konformi mal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni 2015/1601 b’diversi ittri separati u bis-sensiela tagħha ta’ rapporti kull xahar, qabel ma bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni. It-tnax-il rapport dwar rilokazzjoni u risistemazzjoni (maħruġ fis-16 ta’ Mejju 2017) għamilha ċara daqs il-kristall lill-Istati Membri kollha li l-Kummissjoni kienet biħsiebha tibda proċeduri ta’ ksur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità persistenti (85).

136. Fl-aħħar nett, l-argument li għandu jitqies il-fatt li l-proċedura prekontenzjuża seħħet matul il-perijodu tas-sajf, meta l-Ungerija kienet ukoll qiegħda tiddefendi lilha nnifisha fi proċeduri oħra ta’ ksur, jidhirli li huwa bla mertu. Stat Membru għandu jkun għamel l-arranġamenti amministrattivi neċessarji biex jiddefendi lilu nnifsu fi proċeduri prekontenzjużi f’kull żmien tas-sena, jekk dan ikun meħtieġ. Dan huwa iktar u iktar minnu, meta l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċeduri ta’ ksur kienet magħrufa għal ġimgħat sħaħ.

137. Nikkonkludi li l-termini stabbiliti mill-Kummissjoni fl-istadju prekontenzjuż ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur ma humiex eċċessivament qosra u ma kinux tali li jdgħajfu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tal-Ungerija.

 Id-definizzjoni tal-allegat ksur

138. L-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni naqset tiddefinixxi f’waqtu l-allegat ksur u, b’mod partikolari, naqset tispjega għaliex, minbarra li allegat li kien hemm ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, il-Kummissjoni qiegħda tallega wkoll ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) tagħha.

139. B’mod speċifiku l-Ungerija ssostni hawnhekk li hija ma kinitx f’qagħda li tifhem ir-rabta bejn in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 (indikazzjonijiet dwar l-għadd ta’ applikanti li setgħu jiġu rrilokati) u n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 5(4) sa (11) tagħha (l-implementazzjoni sussegwenti tar-rilokazzjoni). L-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni naqset tagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif it-tnejn kienu relatati mal-opinjoni motivata tagħha; u, għalhekk, naqset tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur li hija kienet qiegħda tallega kontra l-Ungerija. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza kien allegatament aggravat mill-fatt li l-opinjoni motivata mibgħuta lill-Ungerija kellha referenzi żbaljati għad-Deċiżjoni 2015/1523 (li l-Ungerija tqis irrilevanti), (presumibbilment ġraw minħabba li l-opinjonijiet motivati b’rabta mal-Polonja u r-Repubblika Ċeka kienu qegħdin jiġu abbozzati fl-istess żmien u kien qiegħed jiġi allegat ksur kemm tad-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2015/1601, kontra dawk iż-żewġ Stati Membri).

140. Ninnota li l-aħħar parti kemm tal-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll tal-opinjoni motivata, indirizzati lill-Ungerija kienu jirreferu għall-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, kif ukoll għall-Artikolu 5(2) tagħha. B’riskju li ngħid l-ovvju, l-għan tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kien li jgħinu tkun tista’ ssir ir-rilokazzjoni ta’ applikanti li jaslu fit-territorju Taljan u tal-Greċja. L-indikazzjoni li jkun aċċettat ċertu għadd ta’ applikanti ċertament kienet obbligatorja; iżda kienet biss stadju inizjali fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Fiha nnifisha ma kinitx biżżejjed. Dan jidher ukoll b’mod ċar ħafna mis-sensiela ta’ rapporti ta’ rilokazzjoni u risistemazzjoni. Għalhekk, l-argument li l-ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 de facto kien jimplika wkoll il-ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) tagħha kellu jkun evidenti minnu nnfisu lil kull min jaqra in bona fide (86)

141. It-tliet Stati Membri konvenuti sostnew espliċitament - b’mod partikolari fis-seduta – li l-istatus tagħhom kien dak ta’ “ribelli” li riedu jirreżistu u jopponu l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dik il-preżentazzjoni tal-ġrajjiet li wasslu għal dawn il-proċeduri. Madankollu, isegwi wkoll mill-pożizzjoni li dawk l-Istati Membri għażlu li jieħdu li hija ħaġa bi tqila li l-pretensjoni tal-Ungerija titwemmen, jiġifieri li b’xi mod hija ma kinitx taf kemm kien kbir il-ksur tad-Deċiżjoni 2015/1601 li seta’ jkun allegat kontriha.

142. Fl-aħħar nett, ċertament huwa ta’ dispjaċir li referenzi żbaljati għad-Deċiżjoni 2015/1523 daħlu baxx baxx fl-opinjoni motivata indirizzata lill-Ungerija. Aktarx jidher li l-iżbalji oriġinaw mill-użu ta’ copy-paste waqt it-tħejjija fl-istess waqt tat-tliet opinjonijiet motivati li kellhom jintbagħtu lill-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka. Ma nqisx li dawn l-iżbalji huma ta’ natura tali li jirrendu inkomprensibbli l-allegazzjonijiet magħmula kontra l-Ungerija fl-opinjoni motivata. Għalhekk, ma nqisx li ntlaqat ħażin l-eżerċizzju tal-Ungerija tad-drittijiet tagħha ta’ difiża.

143. Għalhekk nikkonkludi li l-argument tal-Ungerija għandu jiġi miċħud kollu kemm hu sa fejn huwa relatat mal-ksur tad-drittijiet għal difiża.

 Fil-Kawża C-719/17, preċiżjoni insuffiċjenti fit-talba (il-“petitum”)

144. Kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll fl-opinjoni motivata mibgħuta lir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni identifikat id-data meta nbeda l-ksur bħala t-13 ta’ Awwissu 2016. Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni rrilevat li, mill-avviż tagħha tat-13 ta’ Mejju 2016 ’l hawn, ir-Repubblika Ċeka ma kienet tat ebda indikazzjoni oħra dwar l-għadd ta’ applikanti li setgħu jiġu rrilokati, minkejja li kienet mitluba tagħmel dan mill-inqas darba kull tliet xhur. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, għalhekk, ir-Repubblika Ċeka kienet naqset twettaq l-obbligi tagħha sa mit-13 ta’ Awwissu 2016 (87). Madankollu, il-petitum fir-rikors ma jurix id-data meta nbeda l-ksur (88). F’dokument proċedurali sussegwenti l-Kummissjoni semmiet ukoll it-13 ta’ Awwissu 2016 bħala d-data li fiha nbeda l-ksur.

145. Ir-Repubblika Ċeka tissottometti li l-kliem tal-petitum jagħmilha impossibbli jkun iddeterminat l-iskop tal-ksur allegat kontriha (89). Hija ssostni wkoll li l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni huma ambigwi dwar jekk il-ksur inbediex fit-13 ta’ Mejju 2016 jew fit-13 ta’ Awwissu 2016.

146. Fl-opinjoni tiegħi l-oġġezzjonijiet magħmula mir-Repubblika Ċeka huma infondati.

147. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja “kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jiftiehmu mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu redatti b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq motiv” (90).

148. Fil-fehma tiegħi huwa ċar mit-test tar-rikors li l-aħħar indikazzjoni mir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienet ingħata fit-13 ta’ Mejju 2016. Peress li dik id-dispożizzjoni kienet titlob li l-Istati Membri joħorġu dawk l-indikazzjonijiet mill-inqas kull tliet xhur, wieħed seta’ loġikament jikkonkludi li l-ksur kien beda tliet xhur wara dik id-data, jiġifieri fit-13 ta’ Awwissu 2016. Tabilħaqq il-Kummissjoni kienet identifikat dik id-data eżatta kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll fl-opinjoni motivata; u sussegwentement ikkonfermat dik id-data fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rabta loġika bejn it-13 ta’ Mejju 2016 u t-13 ta’ Awwissu 2016 tirriżulta espressament mir-rikors tal-Kummissjoni (91)

149. Ovvjament huwa sfortuna li l-petitum stess ma jirreferix espliċitament għat-13 ta’ Awwissu 2016. Madankollu, fit-test tar-rikors hemm il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li jsostnu l-azzjoni. Dawn il-punti jissemmew b’mod koerenti u li jinftiehem; u ma humiex kontradetti mill-korrispondenza mibdula matul il-proċedura prekontenzjuża (92). F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li dawn il-punti tħallew barra mill-petitum, ma nara ebda riskju reali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi ultra petita jew tonqos tiddeċiedi dwar ilment.

150. Lanqas ma naqbel mal-opinjoni tar-Repubblika Ċeka, li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-data li fiha nbeda l-ksur huma fformulati b’mod ambigwu jew kontradittorju. Id-dati mogħtija mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha huma konsistenti u ma jistgħux joħolqu konfużjoni f’moħħ min jaqra b’attenzjoni u in bona fide

151. Nikkonkludi li l-argument tar-Repubblika Ċeka (Kawża C-719/17) ibbażat fuq preċiżjoni insuffiċjenti fil-petitum għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà

152. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li l-proċeduri ta’ ksur miġjuba kontra t-tliet Stati Membri konvenuti huma ammissibbli.

 Fil-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

153. L-analiżi eżawrjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Deċiżjoni 2015/1601 fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, ingħalqet billi ġiet miċħuda l-azzjoni ta’ annullament ta’ dik il-miżura. Ma tressqet ebda kontestazzjoni f’waqtha kontra d-Deċiżjoni 2015/1523 preċedenti. B’implikazzjoni neċessarja mill-eżami tal-Awla Manja tad-Deċiżjoni 2015/1601, kieku kien hemm kontestazzjoni li qajmet argumenti analogi għad-Deċiżjoni 2015/1523, din kien ikollha l-istess riżultat.

154. Għalhekk id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni għandhom jitqiesu bħala intra-vires mingħajr ebda kontestazzjoni u validi. It-tliet Stati Membri konvenuti jaċċettaw tant f’dawn il-proċeduri (93).

155. Iż-żewġ Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, kienu miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, “[…] [i]l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE għandhom jiġu kklassifikati bħala ‘atti mhux leġiżlattivi’ għaliex ma jiġux adottati wara t-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva” (94).

156. L-Artikolu 288 TFUE jipprevedi li “[d]eċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss”. Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma jispeċifikawx lil min ikunu indirizzati. Huma kienu jorbtu fl-intier tagħhom u ħolqu b’mod ċar obbligi legali għat-tliet Stati Membri konvenuti.

157. Nuqqas (jew, a fortiori rifjut) minn kull Stat Membru li jkun konformi mal-obbligi legali tiegħu skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni neċessarjament ikollu effett ħażin fuq l-effikaċja sħiħa tal-operazzjoni ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza li tkun tlestiet permezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet biex tindirizza d-dħul f’daqqa ta’ migranti. Dan iħalli lill-Istati Membri benefiċjarji (l-Italja u l-Greċja) jissieltu biex jieħdu ħsieb l-għadd kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaslu lejl u nhar fit-territorju tagħhom. Dan ifixkel u/jew ma jħallix lil dawk l-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jwettqu l-obbligi tagħhom stess skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

 Fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

158. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, fi proċeduri ta’ ksur ippreżentati kontra Stat Membru skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha “[t]ippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat” (95).

159. Il-Kummissjoni identifikat l-allegat ksur bħala li, essenzjalment, kien in-nuqqas li jingħataw indikazzjonijiet ta’ impenji skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni u, konsegwentement, nuqqas li jsiru rilokazzjonijiet skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tagħhom (96)

160. Mit-tliet Stati Membri konvenuti l-Polonja u r-Repubblika Ċeka għamlu xi sforz limitat sabiex jikkontestaw (jew b’mod iktar preċiż sabiex jisfumaw) l-allegazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni. L-Ungerija essenzjalment ma tikkontestax dak li qalet il-Kummissjoni dwar il-fatti.

161. Għalhekk, il-Polonja tissottometti li ma kienx possibbli, skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, li jkun ivverifikat jekk persuni potenzjalment trasferibbli kellhomx rabtiet ma’ organizzazzjonijiet estremisti jew kriminali hekk li setgħu joħolqu riskju ta’ sigurtà. Il-Polonja tirreferi b’mod ġenerali għal inċidenti fi Stati Membri oħra fejn xi applikanti li kienu ngħataw status ta’ refuġjati kellhom x’jaqsmu wara fi vjolenza u reati. Il-Polonja ssostni li n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni affidabbli, il-fatt li l-persuni trasferiti kienu barra l-pajjiż milli fil-Polonja, iż-żmien qasir għad-dispożizzjoni tal-uffiċjal ta’ kuntatt u (għal xi persuni potenzjalment trasferibbli) li jsiru intervisti dwar sigurtà qabel it-trasferiment kienu għamluha prattikament impossibbli għall-Polonja li tkun konformi mal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 72 TFUE u minkejja dan tapplika d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

162. Ir-Repubblika Ċeka tilmenta li ħafna mill-persuni potenzjalment trasferibbli, magħżula mill-Greċja u mill-Italja, ma kellhomx dokumenti ta’ identità tajbin u li l-kooperazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati Membri skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma kinitx tajba biżżejjed. Għaldaqstant, hija titfa’ l-ħtija f’ħoġor l-Italja u l-Greċja għall-fatt li kien ittrasferit għadd żgħir biss ta’ applikanti.

163. Ebda wieħed mill-elementi fattwali mressqa mill-Polonja u mir-Repubblika Ċeka, anki jekk kellha tinġieb prova tiegħu, ma jkun jissodisfa l-każ tal-Kummissjoni li t-tliet Stati Membri konvenuti kollha kienu naqsu josservaw l-obbligu tagħhom li jibagħtu l-informazzjoni lill-Kummissjoni kull tliet xhur skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. L-indikazzjoni ta’ kemm wieħed seta’ jaċċetta applikanti tul perijodu partikolari hija kunċettwalment kompletament differenti mill-kwistjoni jekk ikunx hemm raġuni tajba li ma tkunx aċċettata persuna partikolari potenzjalment trasferibbli proposta mill-Italja jew mill-Greċja.

164. Bl-istess mod, il-problemi speċifiċi enfasizzati mill-Polonja u mir-Repubblika Ċeka jistgħu jispjegaw, f’każ individwali, għaliex applikant partikolari ma setax ikun aċċettat għal trasferiment minkejja l-arranġamenti dettaljati għal kuntatt u kooperazzjoni li hemm fid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. Dawn huma, madankollu għalkollox inadegwati bħala bażi biex ikun iġġustifikat il-falliment kważi totali (mit-tliet Stati Membri konvenuti kollha) li jkunu segwiti f’kollox l-obbligi tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

165. Għaldaqstant inqis li l-Kummissjoni kkonfermat il-bażi fattwali tal-allegazzjonijiet tagħha kontra t-tliet Stati Membri konvenuti.

166. Iż-żewġ Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni huma differenti fil-mod kif jittrattaw kif l-Istati Membri kellhom jieħdu sehem fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Hekk li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1523 jispeċifika biss l-għadd globali ta’ rilokazzjonijiet li kellu jintlaħaq (24 000 mill-Italja, 16 000 mill-Greċja), u ma jipprevedix kemm kellu jaċċetta kull Stat Membru. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601, moqri flimkien mal-Annessi I u II tagħha, għandu mekkaniżmu iktar preċiż u ddettaljat. L-Artikolu 4(1) jispeċifika kif, mill-120 000 applikant li kellhom jiġu rrilokati, l-ewwel 66 000 kellhom jerġgħu jitqassmu fost Stati Membri oħra (l-Anness I ikopri l-15 600 rilokazzjoni mill-Italja; l-Anness II l-ekwivalenti ta’ 50 400 rilokazzjoni mill-Greċja). L-Artikolu 4(2), imbagħad, jispjega li l-54 000 applikant li jkun fadal kellhom jiġu rrilokati “proporzjonalment skont il-figuri stabbiliti fl-Annessi I u II” (97).

167. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni b’mod ċar jitlob li jingħataw indikazzjonijiet mill-inqas kull tliet xhur, filwaqt li l-Artikolu 5(4) sa (11) jimponi obbligu (li jsegwi mill-proċeduri stabbiliti hemmhekk) li jkunu aċċettati rilokazzjonijiet, ħlief fejn japplikaw eżenzjonijiet speċifiċi, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5(7) fir-rigward ta’ individwi li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà interna.

168. Minkejja l-marġni (differenti) ta’ diskrezzjoni hekk mogħtija lill-Istati Membri fiż-żewġ Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni li jiena identifikajt, m’iniex ser noqgħod lura nikkonkludi li indikazzjoni li tirċievi mitt applikant (il-Polonja) (98), ħamsin applikant (ir-Repubblika Ċeka) (99), jew, tabilħaqq, ma tindika xejn (l-Ungerija) (100), ma jistgħux jitqiesu konformi la mal-ittra u lanqas mal-ispirtu tal-obbligi imposti mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

169. U xi ngħid għal dak li żżid tgħid il-Kummissjoni li t-tliet Stati Membri konvenuti kisru wkoll l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni?

170. Jidhirli li l-Kummissjoni hija korretta mill-aspett loġiku meta tgħid li jekk Stat Membru jonqos jindika l-għadd ta’ applikanti li huwa jkun imħejji jaċċetta, huwa mbagħad bilfors jonqos ukoll, abbażi ta’ tali indikazzjonijiet, meta ma jaċċetta rilokazzjonijiet u, għalhekk, ikun ukoll qiegħed jikser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. It-tliet Stati Membri konvenuti l-anqas, tabilħaqq, ma jissottomettu serjament il-kuntrarju u dan jixhdu l-fatt li t-tlieta kollha li huma ma ħadu kważi ebda trasferiment ta’ persuni (il-Polonja u r-Repubblika Ċeka) u ebda trasferiment ta’ persuni (l-Ungerija).

171. Nikkonkludi li l-Kummissjoni esponiet il-każ tagħha bil-mod mitlub mill-Artikolu 258 TFUE. Il-kwistjoni, għalhekk, hija jekk l-elementi li fuqhom jistrieħu t-tliet Stati Membri konvenuti jikkostitwixxux difiża skont il-liġi għall-proċeduri ta’ ksur. F’dan l-istadju, il-piż li ssir dik id-difiża neċessarjament idur għal fuq l-Istati Membri msemmija.

 L-argumenti tal-partijiet

172. Il-Polonja targumenta li l-konformità mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma kinitx tħallieha taqdi r-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri mal-Artikolu 4(2) TUE, dwar iż-żamma tad-dritt u l-ordni u l-ħarsien tas-sigurtà interna, materji li fuqhom hija għandha kompetenza esklużiva (101). Bħala dispożizzjoni tad-dritt primarju l-Artikolu 72 TFUE jiġi qabel id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni u jiggarantixxi lill-Istati Membri kontroll totali fuq is-sigurtà interna u l-ordni pubbliku tagħhom. Dan mhuwiex sempliċi stħarriġ tal-legalità matul il-proċess leġislattiv, iżda aktarx regola tal-konflitt tal-liġijiet, li tagħti prijorità lill-kompetenza ta’ Stat Membru. Huwa għall-Istat Membru li jevalwa jekk, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, ikunx hemm tali kunflitt. Stat Membru jista’, għalhekk, jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE biex jopponi argumenti li jċaħħdu d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni minn “effet utile” jew appelli għas-solidarjetà – ma hemmx obbligu li jqiegħed f’periklu s-sigurtà interna billi tintwera s-solidarjetà ma’ Stati Membri oħra. Is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill ma tneħħix (u ma setgħetx tneħħi) id-dritt inaljenabbali ta’ Stat Membru li jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE biex iħassar kull obbligu ieħor preżunt li jirriżulta minn miżuri tad-dritt sekondarju tal-Unjoni adottati skont it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-TFUE. Għal din ir-raġuni l-Polonja ma tipprovax espressament tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE.

173. L-Ungerija tistrieħ ukoll fuq l-Artikolu 72 TFUE fis-sens li dan jagħtiha d-dritt li ma tapplikax deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 78(3) TFUE jekk hija tqis li dik id-deċiżjoni tippreżenta garanziji insuffiċjenti għas-sigurtà interna tagħha. L-Ungerija targumenta li l-fatt li persuni potenzjalment trasferibbli skont id-Deċiżjoni 2015/1601 għandhom ikunu persuni li jkollhom nazzjonalitajiet li għalihom jingħataw 75 % jew iktar ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/1601), jirrestrinġi l-kapaċità tagħha li tistrieħ fuq raġunijiet ta’ esklużjoni minn status protett (bħala refuġjat jew persuna li tgawdi minn protezzjoni sussidjarja) relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku. Il-fatt li s-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601 huwa irrilevanti. Il-kwistjoni hawnhekk hija separata u distinta: jista’ Stat Membru jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE biex jeskludi jew jillimita rilokazzjonijiet skont id-Deċiżjoni 2015/1601 meta huwa jkollu riżervi dwar l-impatt ta’ tali rilokazzjonijiet fuq is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fit-territorju tiegħu?

174. Ir-Repubblika Ċeka essenzjalment targumenta li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li lestew id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni huwa disfunzjonali u li hija kienet ħadet miżuri oħra, iktar effikaċi, biex tgħin fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-migrazzjoni. B’mod speċifiku, hija kienet għenet sewwa lill-pajjiżi terzi li minnhom kien hemm l-ikbar esodu u kienet issekondat għadd sostanzjali ta’ pulizija biex jaħdmu biex iħarsu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.

175. Il-Kummissjoni toqgħod essenzjalment fuq is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, fuq il-bżonn li jingħata “effet utile” lid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni u fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Hija tinsisti li kien hemm mekkaniżmi adegwati fid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni biex ikunu ta’ għajnuna lil Stati Membri ta’ rilokazzjoni (102), fir-rigward ta’ kull applikant individwali, biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom.

176. Għall-finijiet tal-analiżi li ġejja, ser niġbor fi gruppi l-argumenti miġjuba mit-tliet Stati Membri konvenuti kif ġej: (i) il-fatt li s-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601 huwa irrilevanti (il-Polonja u l-Ungerija); (ii) l-Istati Membri kellhom id-dritt li ma japplikawx id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni (anki jekk validi) abbażi tas-setgħat inerenti tagħhom skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri mal-Artikolu 4(2) TUE (Il-Polonja u l-Ungerija) u(iii) id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ħolqu sistema disfunzjonali (ir-Repubblika Ċeka);]

 (i)il-fatt li s-sentenza fil-kawża “Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill”ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601 huwa irrelevanti

177. B’risposta għall-ittri ta’ intimazzjoni u għall-opinjonijiet motivati l-Polonja u l-Ungerija argumentaw li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu invalidi. Dawn l-argumenti nġiebu qabel is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601. Kull kontestazzjoni ulterjuri tal-validità tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE llum ma tkunx f’waqtha.

178. Abbażi tal-osservazzjonijiet bil-miktub il-Qorti tal-Ġustizzja kienet talbet lill-partijiet biex fid-seduta jindirizzaw il-kwistjoni jekk Stat Membru, fi proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE, setax jiġġustifika li jkun naqas japplika att tal-Unjoni, meta azzjoni li tkun tikkontesta l-validità ta’ dak l-att (hawnhekk l-azzjonijiet imressqa mis-Slovakkja u mill-Ungerija li wasslu għas-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill) ma tkunx ġabet is-sospensjoni awtomatika ta’ dak l-att skont l-Artikolu 278 TFUE, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkun ordnat ebda tali sospensjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja saqsiet ukoll jekk Stat Membru, fi proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE, setax jiġġustifika li jkun naqas japplika att tal-Unjoni mingħajr ma jkun straħ fuq eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE u jekk id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni setgħux jitqiesu li huma atti ta’ applikazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 277 TFUE.

179. Fis-seduta t-tliet Stati Membri konvenuti indikaw espressament li huma ma kinux qegħdin jikkontestaw il-validità tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni jew kienu qegħdin ifittxu jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE. (l-Ungerija ħalliet għall-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni tad-difiża tagħha abbażi ta’ dak l-artikolu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tixtieq tagħmel dan).

180. Jidhirli, fir-rigward tas-seduta, li l-punti li tqajmu b’rabta mal-Artikolu 277 TFUE ma għadhomx fil-fatt “attivi”. Għalkemm kien ikun intellettwalment interessanti wieħed isir jaf kemm kien mifrux dan l-artikolu, noqgħod lura milli nagħmel dan. Is-suġġett ikollu jistenna kawża u okkażjoni oħra.

181. L-argument miġjub mill-Polonja u mill-Ungerija f’dawn il-proċeduri huwa li s-sentenza fil-kawża “Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill” ma hijiex rilevanti għad-difiża li huma jagħmlu hawnhekk.

182. Biex tkun evalwata dik it-talba jeħtieġ ikun eżaminat x’qalet dik is-sentenza dwar l-Artikolu 72 TFUE u dwar kif id-Deċiżjoni 2015/1601 qdiet il-kompetenza tal-Istati Membri biex iħarsu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom. Dan isir bil-mod l-iktar konvenjenti fil-kuntest tad-diskussjoni tad-difiża li l-Polonja u l-Ungerija jipproponu abbażi tal-Artikolu 72 TFUE, moqri mal-Artikolu 4(2) TUE. Ngħaddi issa għal dan.

 (ii)L-Istati Membri huma intitolati ma japplikawx id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni (ukoll jekk validi)abbażi tas-setgħat li għandhom skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri mal-Artikolu 4(2) TUE

183. Fid-domandi bil-miktub tagħha mibgħuta lill-partijiet qabel is-seduta l-Qorti tal-Ġustizzja ħejjiet il-kuntest għal diskussjoni dwar dan l-argument billi saqsiet lill-Kummissjoni jekk il-kunċetti ta’ “dritt u ordni” u “sigurtà interna” kellhomx jiġu interpretati bl-istess mod bħal kunċetti simili applikati b’rabta ma’ libertajiet fundamentali u użati f’dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 346 TFUE.

184. Il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 346 TFUE jikkonċerna l-kwistjonijiet speċifiċi ta’ għoti ta’ informazzjoni u kummerċ fl-armi, u li l-kunċett ta’ sigurtà użat hemmhekk huwa irrilevanti għal dawn il-proċeduri.

185. Il-Qorti tal-Ġustizzja saqsiet ukoll lill-Kummissjoni jekk Stat Membru setax jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE biex jiġġustifika għaliex ma japplikax att tal-Unjoni adottat skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, meta l-att ikkonċernat ma jkunx jipprovdi miżuri suffiċjenti għall-ħarsien “tad-dritt u l-ordni” u “is-sigurta interna”, u wkoll jekk ikunx possibbli li Stat Membru jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE f’kuntest usa’.

186. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 72 TFUE jesprimi prinċipju tad-dritt li għandu jitqies kull meta l-leġislatur tal-Unjoni Ewropea jaġixxi. Jekk il-leġiżlatur jonqos jagħmel dan imbagħad Stat Membru jkun jista’ jieħu azzjoni legali kontra l-att legali tal-Unjoni li jirriżulta skont id-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

187. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 72 TFUE huwa limitat b’mod simili mir-restrizzjonijiet li japplikaw għall-Artikoli 36, 45(3) u 52(1) TFUE dwar il-moviment liberu fis-suq intern. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu limitazzjonijiet għall-moviment liberu, kull restrizzjoni imposta tibqa’ suġġetta għal kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-iktar mill-Qorti tal-Ġustizzja.

188. F’dan il-kuntest ngħaddi biex nindirizza l-kwistjonijiet imqajma.

–       Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 72 TFUE

189. Sa fejn naf jiena l-Qorti tal-Ġustizzja s’issa qieset l-Artikolu 72 TFUE fi tliet okkażjonijiet.

190. L-ewwel nett, fil-kawża Atiqullah Adil (103), il-Qorti tal-Ġustizzja ddiskutiet l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (104) fil-kuntest tal-Artikolu 72 TFUE. Fakkret li l-Artikolu 21(a) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] jipprevedi li t-tneħħija ta’ kontroll fil-fruntieri interni ma għandhiex tolqot l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont id-dritt nazzjonali, sa kemm l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal kontrolli fil-fruntieri, li għandu japplika wkoll f’żoni tal-fruntieri. Dik id-dispożizzjoni [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] tagħmilha ċara li l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija ma għandux, b’mod partikolari, jitqies ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fil-fruntieri meta l-miżuri tal-pulizija ma jkollhomx bħala għan kontrolli fil-fruntieri, ikun ibbażat fuq informazzjoni tal-pulizija u fuq esperjenza ġenarali dwar theddid li jista’ jkun hemm għas-sigurtà pubblika u jkollu l-għan, b’mod partikolari, li jiġġieled il-kriminalità bejn il-fruntieri, jitfassal u jkun eżegwiti b’mod ċar distint minn verifiki sistematiċi li jsiru fil-fruntieri esterni u jitwettqu abbażi ta’ verifiki li jsiru improvviżament (105).

191. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kontrolli mobbli ta’ monitoraġġ tas-sigurtà inkwistjoni f’dak il-każ ma kinux “kontrolli tal-fruntieri” ipprojbiti mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iżda kontrolli fit-territorju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 21 tiegħu (106). Iktar ’il quddiem fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li “id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(a) sa (d) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 72 TFUE jikkonfermaw li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri ma ppreġudikawx ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna” (107).

192. Wara, fil-kawża A (108), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha fis-sentenza fil-kawża Adil  (din id-darba  dwar sistema simili ta’ kontrolli mobbli ta’ sigurtà mħaddma fil-Ġermanja).

193. Fl-aħħar nett, fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-argument tal-Polonja f’din il-kawża li jipprevedi li “d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li hija ma tippermettix lill-Istati Membri jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tar-responsabbiltajiet tagħhom li jżommu l-ordni pubbliku u l-ħarsien tas-sigurtà interna skont l-Artikolu 72 TFUE” (109).

194. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601 tgħid espressament li “[I]s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat” u li l-Artikolu 5(7) jippreżerva espressament id-dritt tal-Istati Membri li jirrifjutaw jirrilokaw applikanti, għalkemm biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex applikanti jitqies li jkunu ta’ perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tagħhom. Jekk dak il-mekkaniżmu “li jipprevedi l-Artikolu 5(7) tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx effikaċi peress li jobbliga lill-Istati Membri jikkontrollaw numru kbir ta’ persuni fi żmien qasir, tali diffikultajiet prattiċi ma jidhrux li huma inerenti għall-imsemmi mekkaniżmu u għandhom, skont il-każ, jiġu solvuti fl-ispritu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji mir-rilokazzjoni u dawk tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, li għandu jipprevali fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 [tad-Deċiżjoni 2015/1601]”(110).

195. Sa ċertu punt, għalhekk, is-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill tantiċipa l-argumenti li t-tliet Stati Membri konvenuti qegħdin jagħmlu fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Madankollu, peress li d-dipendenza fuq il-kompetenza li ghandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE hija l-qofol tad-difiża tagħhom, jeħtieġli issa nesplora dan l-argument f’iktar dettall.

–       Il-kunċetti ta’ ordni u siġurtà pubbliċi

196. Il-kunċett ta’ ordni pubbliku kien indirizzat fil-kawża N (111) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’ jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-taqlib għall-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà”.

197. Iktar qabel, fil-kawża Z. Zh. I.O. (C-554/13) (112), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li b’rabta mad-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-portata ta’ kunċetti bħal “sigurtà”, “ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni”.

198. Qiegħed nieħu dawk iż-żewġ kwotazzjonijiet bħala l-punt tat-tluq tiegħi għall-analiżi li ġejja.

199. B’mod ġenerali, jidhirli li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-moviment liberu tal-persuni – tabilħaqq tipprovdi pedament sigur biex wieħed jersaq lejn il-kunċetti ta’ ordni pubbliku u sigurtà f’dan is-sett ta’ kawżi. Infakkar li l-acquis dwar l-asil – l-iktar ir-Regolament Dubli III (113) u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki (114) – jindirizzaw materji mill-perspettiva tal-applikant individwali. Bħalma diġà spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja ilu ħafna fil-kawża Bouchereau, hija l-kondotta personali tal-persuna konċernata li għandha tkun evalwata biex jiġi ddeterminat jekk tkunx teżisti theddida għall-komunità tal-Istat Membru inkwistjoni (115).

200. Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 346 TFUE huwa dispożizzjoni speċifika tat-Trattat li tirregola sitwazzjoni speċifika. Għal din ir-raġuni ma naħsibx li dan l-Artikolu jista’ jiġi estiż b’mod utli biex ikun ta’ għajnuna f’dawn il-proċeduri.

201. Madankollu, infakkar ukoll li l-Artikolu 78(3) TFUE jeżisti speċifikament biex il-Kunsill jadotta miżuri provviżorji biex jgħin lil Stati Membri li “isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”. Jekk għadd kbir ta’ persuni li jidħlu fi Stat Membru jkun jista’ joħloq sitwazzjoni ta’ emerġenza (u nifhem li dan il-kliem ikopri wkoll sitwazzjoni li tippreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali), l-Artikolu 78(3) TFUE joffri l-bażi legali neċessarja biex jittieħdu miżuri xierqa li jħarsu kemm l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, kif ukoll il-prinċipji fundamentali applikabbli kollha tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji tal-aħħar jinkludu kemm is-solidarjetà kif ukoll ir-rispett għall-istat tad-dritt, li għalih nerġa’ nirreferi lejn tmiem dawn il-konklużjonijiet.

–       Il-funzjoni tal-Artikolu 72 TFUE

202. L-Artikolu 72 TFUE jagħmel parti mill-Kapitolu 1 (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) tat-Titolu V tat-TFUE (“L-Ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”). Bir-rikonoxximent ċar tiegħu tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri b’rabta maż-żamma tal-ordni pubbliku u l-ħarsien tas-sigurtà interna, l-Artikolu 72, b’mod l-ikar ovvju, iservi biex ifakkar lil-leġislatur tal-Unjoni fil-ħtieġa li jipprovdi b’mod xieraq, f’kull leġiżlazzjoni sekondarja magħmula skont it-Titolu V, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqdu dawk ir-responsabbiltajiet. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu ma jagħtix kas dan l-obbligu meta jkun qiegħed jabbozza, l-Artikolu 72 TFUE jkun qiegħed jipprovdi bażi ċara għal Stat Membru biex jibda proċeduri ta’ annullament (f’dan is-sens, naqbel mas-sottomissjoni tal-Kummissjoni). Iżda ma kienx hemm tali ommissjoni hawnhekk.

203. Risposta immedjata għall-argument ċentrali magħmul mill-Polonja u mill-Ungerija tinsab f’żewġ dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni stess. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(4) tagħhom tgħid li “L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu”. L-Artikolu 5(7) tagħhom imbagħad jipprevedi li “L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 [tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki]”.

204. Inżid ngħid tra parenteżi li l-premessa 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523 u l-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601, it-tnejn jipprevedu: “Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat” u jindikaw li “[…] meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan”. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru ospitanti potenzjali jkun qiegħed juri s-solidarjetà tiegħu mal-Istati Membri sħabu, li – bħalu – għandhom responsabbiltà jħarsu s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fit-territorji rispettivi tagħhom.

205. Moqrija flimkien dawn iż-żewġ paragrafi sostantivi tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni jirrikonoxxu espressament li l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jżomm id-dritt jirrifjuta jirriloka applikant partikolari meta (i) ikun hemm bażi raġonevoli biex iqis lil dik il-persuna tkun ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tiegħu; jew (ii) ikun hemm raġunijiet gravi biex jaħseb li dik il-persuna tista’ legalment tkun eskluża mill-protezzjoni internazzjonali mitluba.

206. Sa fejn dak l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jibqa’ jkollu dubji raġonevoli dwar jekk ikollux jaċċetta r-rilokazzjoni ta’ applikant X, id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, għalhekk, jagħtu lil dak l-Istat Membru bażi ċara, ovvja u legali biex jirrifjuta jaċċetta r-rilokazzjoni ta’ dak l-applikant partikolari.

207. Skont verżjoni restritiva dwar il-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-proċeduri ta’ ksur, dawn jistgħu jitqiesu suffiċjenti biex jitwaqqgħu t-tliet argumenti prinċipali tal-Istati Membri konvenuti fid-difiża tal-aġir tagħhom. Kien perfettament possibbli għalihom jippreżervaw is-sigurtà taċ-ċittadini u għall-ġid tagħhom billi jirrifjutaw (skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni stess) jieħdu l-applikant X, u b’hekk jeżerċitaw “[i]r-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna” (Artikolu 72 TFUE).

208. Madankollu, biex inkun ġusta mat-tliet Stati Membri konċernati, ma għandix inħalli l-affarijiet hemmhekk. Ir-riferiment tal-Artikolu 5(7) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki jgħaqqad b’mod konvenjenti l-materja iktar fundamentali inkwistjoni. Is-setgħat li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE jeħtiġilhom jitqiesu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni sekondarja estensiva u uniformi tal-Unjoni li tirregola l-proċess għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, u l-kriterji sostantivi biex ikunu ddeterminati applikazzjonijiet għal asil (l-acquis dwar l-asil). F’dan il-kuntest, jista’ Stat Membru jistrieħ fuq l-Artikolu 72 TFUE (moqri flimkien, l-Ungerija tissottometti, mal-Artikolu 4(2) TUE), biex sempliċement ma japplikax miżura valida tal-Unjoni li tkun ittieħdet (116) skont l-Artikolu 78(3) TFUE li huwa ma jkunx jaqbel magħha?

209. Biex nindirizza din il-mistoqsija nħalli apposta fil-ġenb kull kwistjoni proċedurali (pereżempju, dwar il-termini għal kontestazzjonijiet diretti jew il-parametri ta’ eċċezzjonijiet inċidentali ta’ illegalità), biex nikkonċentra fuq il-kwistjoni fundamentali inkwistjoni.

210. L-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri individwali skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jingħataw interpretazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni, bix-xibka kumplikata ta’ direttivi li jkopru l-ipproċessar u l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali: speċifikament id-Direttiva dwar il-Kwalifiki, id-Direttiva dwar il-Proċeduri u d-Direttiva dwar l-Akkoljenza. Il-bażi legali ta’ dawk il-miżuri huwa l-Artikolu 78(2) TFUE, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V (“Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”). Għalhekk hawnhekk ninsabu direttament f’materja li hija rregolata fid-dettall kemm mit-TFUE stess, kif ukoll mid-dritt sekondarju tal-Unjoni, abbażi tad-dritt primarju tal-Unjoni.

211. F’tali ċirkustanzi fejn it-trattati jirrikonoxxu kompetenza, dmir jew obbligu li huma tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod li ma jkunux kuntrarji għall-prinċipji rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

212. L-Artikolu 72 TFUE, għalhekk ma huwiex – kif isostnu l-Polonja u l-Ungerija – regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet li tagħti prijorità lill-kompetenza ta’ Stat Membru fuq miżuri meħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew minn min jieħu deċiżjonijiet fl-Unjoni. Hija regola ta’ koeżistenza. Il-kompetenza li tittieħed azzjoni fil-qasam speċifiku tibqa’ tal-Istat Membru (ma kinitx ittrasferita lill-Unjoni). Madankollu, l-azzjonijiet meħuda għandhom iħarsu l-prinċipji ġenerali li l-Istat Membru jkun ffirma għalihom meta sar Stat Membru u kwalunkwe regola rilevanti li tinsab fit-trattati jew fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea.

213. Żewġ eżempji huma biżżejjed biex nikkonferma dan l-argument.

214. Fil-ġrajjiet li wasslu għal-“Litigazzjoni Factortame” (117), ir-Renju Unit ippromulga l-Merchant Shipping Act tal-1988. Dak l-att tal-Parlament għamel bidliet radikali fir-reġistru marittimu Brittaniku, biex b’hekk neżżgħu bastimenti tas-sajd ta’ sidien Spanjoli mid-dritt tagħhom li jkunu elenkati f’dak ir-reġistru, li jilbsu (118) l-insinja marittima Brittanika u, għalhekk, li jistadu skont il-kwoti tas-sajd tar-Renju Unit (119). Meta għamel dan ir-Renju Unit (sussegwentement bl-appoġġ quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Belġju u tal-Greċja) straħ fuq il-kompetenza ta’ kull Stat skont id-dritt internazzjonali pubbliku li jiddefinixxi kif jidhirlu huwa l-kundizzjonijiet li bihom huwa jagħti lil bastiment id-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu (120).

215. L-ewwel domanda magħmula mill-High Court sempliċement saqsiet “Id-dritt [tal-Unjoni] jaffettwa l-kundizzjonijiet li bihom Stat Membru jistabbilixxi regoli biex jiddetermina liema bastimenti jkunu intitolati jirreġistraw f’dak l-Istat, biex itajru l-bandiera tiegħu u jġibu n-nazzjonalità tiegħu?”

216. Biex tagħti risposta għal dik id-domanda l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li, “fl-istat attwali tad-dritt [tal-Unjoni], il-kompetenza biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti hija vestita fl-Istati Membri” (121), iżda li “madankollu, setgħat li jinżammu mill-Istati Membri għandhom jiġu eżerċitati b’mod konsistenti mad-dritt [tal-Unjoni]” (122). L-argument tar-Renju Unit skont id-dritt internazzjonali “jista’ jkollu xi mertu biss jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi [tal-Unjoni] dwar l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħat li huma jżommu dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti jkunu f’konflitt mar-regoli tad-dritt internazzjonali” (123). Huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li hemmhekk kien hemm tali konflitt, minħabba li l-punt eżatt li kien imiss tas-sentenza jgħaddi biex jipprevedi li “Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, fl-istat attwali tad-dritt [tal-Unjoni], huwa għall-Istati Membri li jistabbilixxu, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, il-kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu biex bastimenti jitniżżlu fir-reġistri tagħhom u jingħataw d-dritt itajru l-bandiera tagħhom, iżda li, fl-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa l-Istati Membri għandhom josservaw ir-regoli tad-dritt [tal-Unjoni] (124).

217. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiddeċiedi li r-rekwiżiti ta’ nazzjonalità tal-Merchant Shipping Act 1988 kienu esklużi bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, u bil-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità.

218. Dan l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat għadd ta’ kawżi dwar l-eżerċizzju tas-setgħat (bla dubju) tal-Istati Membri li jilleġiżlaw b’rabta ma’ tassazzjoni diretta – materja li mhijiex armonizzata fil-livell tal-Unjoni. Xi drabi, madankollu, ir-regoli nazzjonali stabbiliti għandhom l-effett li jkunu ta’ żvantaġġ lill-persuni taxxabbli li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor. Ma huwiex meħtieġ li jkunu eżaminati fid-dettall b’mod tekniku dawk il-kawżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li, filwaqt li l-Istati Membri għandhom is-setgħa jistabbilixxu taxxi diretti, din is-setgħa għandha tkun eżerċitata fil-parametri stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (125).

219. Fil-fehma tiegħi, fis-sitwazzjoni li dwarha jikkonċerna dan is-sett ta’ proċeduri ta’ ksur, l-Istati Membri huma bl-istess mod mitluba jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom skont l-Artikolu 72 TFUE biex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom “għaż-żamma tal-liġi u l-ordni u l-ħarsien tas-sigurtà interna”, b’mod li jkunu osservati dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet huma, minn naħa, id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni stess (li, kif diġà rajna, joffru bażi legali adegwata għal kull azzjoni bħal din li jkun jeħtiġilha tittieħed minn Stat Membru f’każ individwali) u, min-naħa l-oħra, il-qafas kollu li diġà jeżisti fid-dritt tal-Unjoni li jirregola l-ipproċessar ta’ applikazzjoni individwali għal protezzjoni internazzjonali u d-deċiżjoni fil-mertu li jkollha tittieħed mill-Istat Membru meta jiddetermina dik l-applikazzjoni.

220. Għalhekk, l-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki jirriflettu l-Konvenzjoni ta’ Genève u jistabbilixxu raġunijiet dettaljati li għalihom applikant jista’ jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat jew minn protezzjoni sussidjarja. Dawk id-dispożizzjonijiet huma msaħħa bl-Artikoli 14 u 19 (126) li bihom Stat Membru jkun jista’ jtemm status protett jekk il-persuna inkwistjoni tkun tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun tinsab. Skont id-Direttiva dwar Proċeduri applikanti jistgħu jiġu eżaminati fil-fruntiera jew f’żoni ta’ transitu jekk, għal raġunijiet serji, huma jkunu jistgħu jitqiesu ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru (Artikolu 31(8)(j)) (127); u anki persuna taħt l-età mhux akkumpanjata jista’, għall-istess raġuni, tkun suġġetta għal arranġamenti iktar stretti ta’ proċessar (Artikoli 25(6)(a)(iii) u 25(6)(b)(iii)) (128). Id-Direttiva dwar Akkoljenza tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar ir-residenza ta’ applikant (billi jidderogaw mil-libertà normali tiegħu ta’ moviment liberu) għal raġunijiet inter alia ta’ interess pubbliku u ta’ ordni pubbliku (Artikolu 7(2)) (129). Applikant jista’ jinżamm meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jkunu jitolbu hekk (Artikolu 8(3)(e)) (130). U d-Direttiva dwar Ritorn tawtorizza lil Stat Membru ma jagħtix perjodu għal tluq volontarju, iżomm f’detenzjoni applikant li jkun falla għal protezzjoni internazzjonali u jimponi projbizzjoni fuq dħul estiż meta dawn il-miżuri (iktar koerċittivi) ikunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku (ara l-Artikoli 7(4), 8(4), 11(2) u 15).

221. Fil-qosor, għalhekk, id-dritt sekondarja tal-Unjoni fl-acquis dwar l-asil tikkostitwixxi qafas leġiżlattiv adegwat li fih it-tħassib leġittimu ta’ Stat Membru dwar is-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tal-komunità jkunu jistgħu jiġu ssodisfatti b’rabta ma’ applikant individwali għal protezzjoni internazzjonali. F’dan il-kuntest, ma nsibx skop biex ikun aċċettat l-argument li l-Artikolu 72 TFUE jagħti lill-Istati Membri carte blanche biex ma japplikawx miżura valida tad-dritt sekondarju li jinzertaw ma jkunux jaqblu perfettament magħha.

222. B’rabta ma’ dan, għalkemm il-Polonja straħet fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti ta’ Strasbourg”) fil-kawża N vs Il-Finlandja (38885/02) (131), dan ma jagħtix iktar saħħa lill-argument tagħha. Il-Qorti ta’ Strasbourg kienet iddeċidiet hemmhekk li “Stati kontraenti għandhom id-dritt, fil-fatt skont id-dritt internazzjonali stabbilit sewwa u, bla ħsara għall-obbligi tagħhom skont trattati, inklużi l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni, jikkontrollaw id-dħul, ir-residenza u t-tneħħija ta’ barranin”. Dan mhuwiex ikkontestat. Iżda l-mod li bih Stat Membru jeżerċita dan id-dritt huwa limitat mill-obbligi li huwa liberament ikun daħal għalihom skont id-dritt internazzjonali meta huwa jkun ingħaqad mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jkun konformi mal-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni.

223. Kif urejt, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi bosta mezzi lill-Istat Membru biex huwa jipproteġi t-tħassib leġittimu tiegħu dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku tiegħu b’rabta ma’ applikant individwali fil-kuntest tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li Stat Membru jinjora mill-ewwel dawk l-obbligi u, bħallikieku jwaħħal sinjal bil-kliem “Chasse gardée” (li tradotta ħafif tfisser “Kaċċa privata – tidħolx”).

–       Fuq l-Artikolu 4(2) TUE

224. Il-Polonja u l-Ungerija t-tnejn fakkru li l-Artikolu 4(2) TUE jirreferi għal “identitajiet nazzjonali” u jipprevedi li “L-Unjoni għandha tirrispetta […] l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri] inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”. Bi gradi li jvarjaw huma jaraw kif jistrieħu fuq din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 72 TFUE, bħala li ttihom il-jedd li ma japplikawx id-Deċiżjonijiet ta’ Riżoluzzjoni biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali u kulturali, kif ukoll biex jevitaw konflitti etniċi potenzjali u konflitti reliġjużi.

225. Nista’ nitratta dik il-propożizzjoni fil-qosor.

226. Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (132), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreżentata b’argument simili b’rabta mal-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ nazzjonalità għal nutara tad-dritt ċivili. Il-Lussemburgu argumenta, inter alia, li din il-kundizzjoni kienet ġustifikata mill-ħtieġa li jkun żgurat l-użu tal-lingwa Lussemburgiża meta n-nutara jeżerċitaw dmirijiethom. Meta ma laqgħetx din il-propożizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[g]ħalkemm is-salvagwardja tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu rrispettat mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif fil-fatt jirrikonoxxi l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-interess invokat mill-Gran Dukat jista’ madankollu jiġi utilment ippreżervat b’mezzi oħra differenti mill-esklużjoni ġenerali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra”.

227. Għall-istess raġuni l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jipprovdi raġunijiet biex sempliċement applikanti jiġu rrifjutati rilokazzjoni skont id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni. L-interess leġittimu tal-Istati Membri li jippreżervaw il-koeżjoni soċjali u kulturali jista’ jitħares b’mod effettiv b’mezzi oħra u inqas restrittivi milli minn rifjut unilaterali u sħiħ biex iħarsu l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

 (III) Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ħolqu sistema disfunzjonali

228. Il-Polonja u l-Ungerija għamlu enfasi fuq ir-riskji għas-sigurtà inerenti fl-ipproċessar ta’ għadd kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li xi wħud minnhom jistgħu fil-fatt ikollhom rabtiet mat-terroriżmu internazzjonali. F’dak il-kuntest il-Polonja tirreferi għall-Analiżi Annwali tar-Riskju għall-2016 prodotta mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (“Frontex”), li nnotat li “l-assigurazzjoni ta’ salvataġġ, sikurezza, reġistrazzjoni u identifikazzjoni ta’ eluf ta’ individwi vulnerabbli huwa xogħol ta’ responsabbiltà tassew kbira u li, minnu nnifsu, ifisser ċertu livell ta’ riskju u vulnerabbiltà fil-fruntieri esterni” (133).

229. Ir-Repubblika Ċeka tagħmel l-istess argument. Hija ssostni li l-Greċja u l-Italja kienu qegħdin jindikaw applikanti għal rilokazzjoni li ma kellhomx dokumenti personali. Ir-Repubblika Ċeka ma kinitx tkun tista’ tevalwa r-riskju li tali persuni mingħajr dokumenti setgħu jippreżentaw għas-sigurtà nazzjonali. Ma kienx, għalhekk, jagħmel sens għar-Repubblika Ċeka li tindika lill-Kummissjoni għadd kbir ta’ applikanti li hija kienet lesta tilqa’. Is-sistema li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu lestew kienet, hija ssostni, “disfunzjonali”.

230. Ma naċċettax l-argument li r-riskji inerenti fl-ipproċessar ta’ għadd kbir ta’ applikanti ħelsu lit-tliet Stati Membri konvenuti mill-obbligu legali tagħhom li jipparteċipaw fl-arranġamenti li d-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni kienu lestew.

231. Il-premessi ta’ dawk id-deċiżjonijiet jindikaw espressament li, “meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan” (134). L-artikoli sostantivi mbagħad imponew obbligi speċifiċi fuq l-awtoritajiet Griegi u Taljani b’rabta mal-identifikazzjoni u l-ipproċessar ta’ applikanti għal rilokazzjoni (135).

232. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(7) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni jippreserva espressament id-dritt tal-Istati Membri li jirrifjutaw jirrilokaw applikant individwali “[…] fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex iqisuh jew iqisuha bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku tagħhom jew fejn ikun hemm raġunijiet serji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 [tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki]”.

233. Fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill  il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li diffikultajiet prattiċi għandhom “jiġu solvuti fl-ispritu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji mir-rilokazzjoni u dawk tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, li għandu jipprevali fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad- [Deċiżioni 2015/1601]” (136).

234. Dan jidhirli jipprovdi risposta kompleta għall-argument li qiegħed isir hawnhekk. Il-liġi applikabbli (id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni) fil-fatt tipprovdi mekkaniżmu xieraq biex ikunu indirizzati kwistjonijiet kumplessi u l-loġistika ta’ rilokazzjoni ta’ għadd kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali mill-Istati Membri tal-ewwel art lil Stati Membri oħra. Id-deċiżjonijiet stess ma jistgħux, għalhekk, ikunu deskritti b’mod li jagħmel sens bħala “disfunzjonali”. F’dik li b’mod ċar kienet sitwazzjoni ta’ emerġenza, kienet ir-responsabbiltà kemm tal-Istati Membri tal-ewwel art, kif ukoll tal-Istati Membri potenzjali ta’ rilokazzjoni, li jaraw li dak il-mekkaniżmu jitħaddem b’mod adegwat, biex issir rilokazzjoni f’għadd suffiċjenti biex tittaffa l-pressjoni intollerabbli fuq l-Istati Membri tal-ewwel art. Dan hu dak kollu li hi s-solidarjetà.

235. Inżid ngħid. biex kollox ikun bl-ordni, li huwa wkoll ċar minn ċerti rapporti dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni li Stati Membri oħra li għandhom quddiemhom problemi mal-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni, bħall-Awstrija u l-Isvezja, talbu u kisbu sospensjonijiet temporanji tal-obbligi tagħhom skont dawk id-deċiżjonijiet, skont l-Artikolu 4(5) u (6) tagħhom (137). Jekk it-tliet Stati Membri konvenuti kienu tassew qegħdin jaffrontaw diffikultajiet sinjifikattivi, dak – iktar milli jiddeċiedu unilateralment li ma jottemperawx irwieħhom mad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni – kien li misshom segwew jagħmlu biex iħarsu l-prinċipju tas-solidarjetà. Nerġa’ ngħaddi għal din il-kwistjoni lejn tmiem il-konklużjonijiet tiegħi.

236. Ninnota wkoll il-ħafna dikjarazzjonijiet li t-tliet Stati Membri konvenuti li ppruvaw jassistu lill-Greċja u lill-Italja b’mezzi minbarra rilokazzjoni. Dan l-argument huwa manifestament irrilevanti. Id-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni ma joffrux bażi legali biex ikunu ssostitwiti miżuri oħra eżistenti minflok ir-rekwiżit ta’ impenn u l-obbligi ta’ rilokazzjoni li jirriżultaw.

237. Għalhekk ma naċċettax dak li ntqal li minħabba li s-sistema ta’ rilokazzjoni (allegatament) kienet disfunzjonali, dan kien jagħti jedd lil Stat Membru jissospendi unilateralment l-osservanza mal-obbligi tar-rekwiżit ta’ impenn u jirriloka kif imposti mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.

 Osservazzjonijiet konklużivi

238. Lil hinn mill-kwistjonijiet speċifiċi li ttrattajt s’issa (l-iktar l-iskop u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72 TFUE), dawn il-proċeduri ta’ ksur jagħtu lok għal kwistjonijiet fundamentali dwar il-parametri tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u dwar l-obbligi li għandhom l-Istati Membri. F’dawn l-osservazzjonijiet konklużivi, ser nindirizza, għalhekk, tliet aspetti importanti ta’ dak l-ordinament ġuridiku: “l-istat tad-dritt”, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju tas-solidarjetà.

 L-istat tad-dritt

239. Il-preambolu tat-TUE jisħaq li l-istat tad-dritt huwa “valur universali” li jagħmel parti “mill-wirt kulturali, religjuż u umanista ta’ l-Ewropa” (138); valur li l-Istati Membri jikkonfermaw ir-rabta tagħhom miegħu (139). L-Artikolu 2 TUE jagħti effett fil-mertu ta’ dawk il-premessi billi jispjega li “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett […] għall-istat tad-dritt […]. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri […]”.

240. Fil-kawża fundamentali tagħha Les Verts vs Il-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel affermat li l-KEE (kif kienet dak iż-żmien) “hija Komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt, minħabba li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ tal-kwistjoni jekk il-miżuri adottati minnhom ikunux konformi mal-karta kostituzzjonali bażika, it-Trattat.” (140).

241. L-istat tad-dritt għandu ħafna komponenti sekondarji importanti, bħalma huma l-osservanza ta’ bilanċ tajjeb ta’ poter bejn il-fergħat differenti tal-gvern (141) u li tkun żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura billi tkun protetta l-pożizzjoni tal-membri tagħha (142). Fuq livell iktar fond, l-osservanza tal-istat tad-dritt timplika konformità mal-obbligi legali ta’ dak li jkun. Li wieħed ma jagħtix kas dawk l-obbligi, minħabba li, f’ċirkustanza partikolari, dawn ma jkunux milqugħa jew popolari jkun l-ewwel pass perikoluż għall-kollass tas-soċjetà ordinata u strutturata rregolata mill-istat tad-dritt li, bħala ċittadini, aħna ngawdu kemm għall-wens u s-sigurezza tagħha. L-eżempju ħażin huwa partikolarment ta’ ħsara jekk isir minn Stat Membru.

 L-obbligu ta kooperazzjoni leali

242. L-Artikolu 4(3) TUE jipprevedi:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”.

243. L-Awla Manja stabbiliet b’mod ċar ħafna fil-kawża Achmea dan x’kien jimplikata: “Id-dritt tal-Unjoni huwa għaldaqstant ibbażat fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom. Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jieħdu, għal dan l-għan, kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni” (143).

244. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll b’mod ċar li l-fatt li Stat Membru jkollu dubji dwar il-validità ta’ miżura tal-Unjoni jew jaħseb li huwa jkun jista’ jkollu raġunijiet prattiċi biex jagħmel xi ħaġa kuntrarja għal dik il-miżura ma jeħlisx lil dak l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jħares il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (144).

245. Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, kull Stat Membru jkun intitolat jistenna li l-Istati Membri l-oħra jkunu konformi mal-obbligi tagħhom b’diliġenza kif imiss (145). Dan, b’mod ċar, mhux dak li seħħ hawnhekk.

 Solidarjetà

246. Il-missirijiet fundaturi tal-“Proġett Ewropew” - Robert Schuman, Jean Monnet, Konrad Adenauer – kienu statisti minn pajjiżi li reċentement kienu involuti fi twegħir (aggressuri u vittmi, rebbieħa u telliefa l-istess) f’sitt snin ta’ konflitt devastanti u distruttiv. Kieku ma kienx għall-viżjoni inizjali u t-trasparenza ta’ spirtu tagħhom, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) u (sitt snin wara) il-Komunità Ekonomika Ewropea u Euratom ma kinux jinħolqu.

247. Id-dikjarazzjoni Schuman tad-9 ta’ Mejju 1950 tibqa’ famuża għax irrikonoxxiet li “l-Ewropa ma kinitx ser issir f’daqqa jew skont pjan wieħed. Għandha tinbena b’kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà de facto” (146). Dik id-dikjarazzjoni kienet riflessa fit-tielet premessa tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (li ġie qabel it-Trattat KEE, li tiegħu t-TUE u t-TFUE huma d-dixxendenti diretti), li tkellmet espressament dwar “ir-rikonoxximent li l-Ewropa tista’ tinbena biss b’kisbiet prattiċi li qabel xejn joħolqu solidarjetà vera, u billi jiġu stabbiliti bażijiet komuni għal żvilupp ekonomiku” (147).

248. L-Artikolu 2 TUE ikompli jfakkarna li l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq valuri komuni u li “Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” (enfasi miżjuda).

249. Il-Qorti tal-Ġustizzja, tul is-snin, irriflettiet is-sejħa għas-solidarjetà. Hekk li sa mill-1983, fil-kuntest ta’ kwoti tal-azzar, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “[…] huwa fil-fatt impossibbli jkun aċċettat il-kunċett ta’ neċessità b’rabta mas-sistema ta’ kwoti tal-Artikolu 58 tat-Trattat KEFA, li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-impriżi kollha tal-azzar tal-Komunità quddiem il-kriżi u li titlob tqassim ekwu tas-sagrifiċċji li jirriżultaw minn ċirkustanzi ekonomiċi inevitabbli” (148). Mutatis mutandis, dan il-kliem jista’ faċilment jinqaleb għal dan il-kuntest.

250. Ftit wara, fil-kuntest tal-arranġamenti elaborati għar-rimi ta’ zokkor żejjed (149), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet fil-kawża Eridania zuccherifici nazionali et (150), tiddeċiedi jekk kinitx illegali sistema ta’ kwoti li allegatament kienet ta’ piż ikbar, f’termini finanzjarji, fuq produtturi Taljani milli fuq produtturi minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni, filwaqt li ddefendiet is-sistema sostniet li l-iffissar ta’ kwoti abbażi tal-produzzjoni attwali ta’ impriżi kien konsistenti mal-prinċipju tas-solidarjetà bejn produtturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “Il-Kunsill kien ġustifikat meta qasam il-kwoti bejn kull waħda mill-impriżi abbażi tal-produzzjoni attwali tagħhom […] tali tqassim tal-piż huwa […] konsistenti mal-prinċipju tas-solidarjetà bejn produtturi, peress li l-produzzjoni hija kriterju leġittimu biex tkun evalwata s-saħħa ekonomika tal-produtturi u l-benefiċċji li huma jieħdu mis-sistema” (151).

251. Meta ddeċidiet hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-prinċipju tas-solidarjetà bilfors kultant jimplika l-aċċettazzjoni tal-qsim tal-piż.

252. Iktar reċenti, fis-sentenza Grzelczyk (152), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni b’rabta mas-solidarjetà bħala bażi tal-obbligu tal-Belġju li Grzelczyk jingħata aċċess għall-istess benefiċċju (minimex) bħal sħabu studenti Belġjani għall-aħħar sena tal-istudji tiegħu. Fil-kawża Bidar (153), il-Qorti tal-Ġustizzja bniet fuq dik id-deċiżjoni biex tgħid li, filwaqt li Stat Membru jista’ leġittimament jitlob “ċertu livell ta’ integrazzjoni” mal-Istat Membru ospitanti qabel ma juri solidarjetà finanzjarja, huwa ma setax jimponi kundizzjonijiet addizzjonali li jkunu jagħmluha impossibbli għal ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħra li kienu fil-fatt jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti ta’ residenza biex jiksbu self għal studenti.

253. Is-solidarjetà hija r-ruħ tal-proġett Ewropew. Bil-parteċipazzjoni tagħhom f’dak il-proġett u biċ-ċittadinanza tagħhom tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom għandhom obbligi kif ukoll benefiċċji, dmirijiet kif ukoll drittijiet. Il-qsim fid-“demos” Ewropew mhux kwistjoni li wieħed jgħarbel it-trattati u l-leġiżlazzjoni sekondarja biex jara x’jista’ jitlob. Jeħtieġ ukoll li wieħed jerfa’ responsabbiltajiet u (iva) piżijiet kollettivi biex jinġieb ’il quddiem il-ġid komuni.

254. L-osservanza “tar-regoli tal-klabb” u li wieħed jagħmel il-parti tiegħu f’solidarjetà ma’ sħabu l-Ewropej ma jistgħux ikunu bbażati fuq analiżi ta’ xeħħa u spejjeż mill-inqas bħal (familjari, sfortunatament, mir-rettorika ta’ dawk li jridu l-Brexit), ta’ “X’tiswili preċiżament l-Unjoni fil-ġimgħa u personalment x’nieħu eżattament minnha”. Egoiżmu bħal dan huwa tradiment tal-missirijiet fundaturi għal kontinent fil-paċi u l-prosperità. Huwa l-antiteżi li tkun Stat Membru leali u tkun denju, bħala individwu ta’ ċittadinanza Ewropea komuni. Jekk il-proġett Ewropew huwa wieħed ta’ prosperita’ u avanz, ilkoll għandha nagħmlu aħjar minn hekk.

255. Ippermettuli nikkonkludi billi nfakkar fi storja antika mit-tradizzjoni Lhudija li jixirqilha tkun magħrufa iktar. Grupp ta’ rġiel kienu qegħdin ibaħħru flimkien f’dgħajsa. F’daqqa waħda wieħed minnhom jaqbad trapan u jibda jtaqqab il-buq taħtu, Sħabu jirrabjaw miegħu. “Għaliex qed tagħmel dan?” jibdew jgħajjtu. “Dwar xiex qed tgergru?” jipprevedilhom” “Mhux fejn qed bilqiegħda jien qed intaqqab?” “Iva” iweġbuh ilkoll, “iżda l-ilma jidħol u jgħarraq id-dgħajsa bina b’kollox” (154).

 Spejjeż

256. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna għall-ispejjeż, b’rabta mal-azzjonijiet ta’ ksur, ta’ kull wieħed mit-tliet Stati Membri konvenuti u kull wieħed mill-Istati Membri ma rnexxiex fl-azzjoni tiegħu, il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u jħallsu dawk magħmula mill-Kummissjoni.

257. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 Konklużjoni

258. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

 Kawża C-715/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja.

1)      Tiddikjara li billi naqset tindika f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, l-għadd ta’ applikanti li setgħu jiġu rrilokati malajr f’territorju Pollakk, u kull informazzjoni oħra rilevanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, u tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja, ir-Repubblika tal-Polonja naqset twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5 ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Għalhekk, ir-rilokazzjoni ta’ applikanti, kif stipulat kemm fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601, ma seħħitx skont il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 5 żamm lill-Italja u lill-Greċja milli jidentifikaw l-applikanti individwali li setgħu jiġu rrilokati fil-Polonja skont l-Artikolu 5(3), u milli jieħdu deċiżjonijiet biex jirrilokaw tali applikanti skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat, u b’hekk inkiser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) TUE.

Konsegwentement, il-Polonja kisret ukoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(5) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-Deċiżjoni 2015/1601, l-iktar biex tlesti l-proċedura ta’ rilokazzjoni malajr kemm jista; jkun kif stabbilit fl-Artikolu 5(10) tagħhom.

(2)      Tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

(3)      Tiddikjara li r-Repubblika Ċeka u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 Kawża C-718/17 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija

(1)      Tiddikjara li billi naqset tindika f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, l-għadd ta’ applikanti li setgħu jiġu rrilokati malajr f’territorju Ungeriż, u kull informazzjoni oħra rilevanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, l-Ungerija naqset twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni.

Għalhekk, ir-rilokazzjoni ta’ applikanti kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601, ma seħħitx skont il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 5 żamm lill-Italja u lill-Greċja milli jidentifikaw l-applikanti individwali li setgħu jiġu rrilokati fl-Ungerija skont l-Artikolu 5(3), u milli jieħdu deċiżjonijiet biex jirrilokaw tali applikanti skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat, u b’hekk inkiser l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) TUE.

Konsegwentement, l-Ungerija kisret ukoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(5) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, l-iktar li tlesti l-proċedura ta’ rilokazzjoni malajr kemm jista’ kif stabbilit fl-Artikolu 5(10) tagħha.

2)      Tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

3)      Tiddikjara li r-Repubblika Ċeka u l-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 Kawża C-719/17Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka

1)      Tiddikjara li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, l-għadd ta’ applikanti li setgħu jiġu rrilokati malajr fir-Repubblika Ċeka u kull informazzjoni rilevanti oħra skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, ir-Repubblika Ċeka naqset twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5 ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Għalhekk, ir-rilokazzjoni ta’ applikanti, kif stabbilit kemm mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1523 kif ukoll mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601, ma tlestitx skont il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’mod partikolari l-ksur tal-Artikolu 5 żamm lill-Italja u lill-Greċja milli jidentifikaw l-applikanti individwali li setgħu jiġu rrilokati fir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 5(3) u milli jieħdu deċiżjonijiet biex jirrilokaw tali applikanti skont l-Artikolu 5(4), u b’hekk inkiser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) TUE.

Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka kisret ukoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(5) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-Deċiżjoni 2015/1601, l-iktar biex tlesti l-proċedura ta’ rilokazzjoni malajr kemm jista’ jkun kif stabbilit fl-Artikolu 5(10) tagħhom.

2)      Tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

3)      Tiddikjara li l-Ungerija u l-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31) Ir-Regolament Dublin III huwa t-tielet miżura bħal din, maħsub biex jirregola liema Stat Membru għandu jieħu r-responsabbiltà jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jsegwi l-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għal asil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej (Il-Konvenzjoni Dublin ĠU 1997 C 254, p. 1) (il-Konvenzjoni ta’ Dublin). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) li kienet issostitwita mir-Regolament tal-Kunsill Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 (ĠU 2003 L 50, p. 1) (iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Dublin II”).


3      Għal deskrizzjoni iktar dettaljata ta’ dawn il-ġrajjiet, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AS u Jafari (C-490/16 u C-646/16, EU:C:2017:443, punti 1 sa 18).


4      Dħul sostanzjali seħħ ukoll permezz tar-rotta tal-“Balkani tal-Punent”, kif iddeskrivejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AS u Jafari (C-490/16 u C-646/16, EU:C:2017:443, punti 7 sa 18).


5      L-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III jipprevedi li “Fejn ikun stabbilit […] li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”. B’mod ġenerali, il-parti l-kbira tal-persuni li talbu protezzjoni internazzjonali li kienu daħlu l-Italja u l-Greċja kienu koperti minn din id-dispożizzjoni.


6      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C-670/16, EU:C:2017:480, punti 69 sa 73) jiena ġbidt l-attenzjoni għal xi wħud mill-problemi bażiċi b’rabta ma’ meta tiġi attribwita responsabbiltà b’mod awtomatiku skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III għal Stat Membru “kostali” li jirċievi persuni li jiżbarkaw wara operazzjoni marittima ta’ tiftix u salvataġġ (“OTS”). Dawn il-kwistjonijiet diffiċli għadhom ma ġewx solvuti.


7      Diġà fl-2011, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, NS et (C 411/10 u C 493/10, EU:C:2011:865, punti 81 sa 94), li ċ-ċirkustanzi jistgħu jwasslu Stat Membru (f’dan il-każ, ir-Renju Unit) ma setax jirritorna applikant għall-ażil lill-Greċja, billi s-sistema ta’ dan l-Istat Membru għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kienet qrib is-saturazzjoni.


8      Deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146).


9      Deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).


10      Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631 iktar ’il quddiem “is-sentenza Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill”). Ara, wkoll, punti 62 sa 69 iktar ’l isfel.


11      Ara l-punti 86 sa 88 iktar ’l isfel għad-dikjarazzjoni mfittxi minn kull rikors.


12      Ipproklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Pariġi fl-10 ta’ Diċembru 1948, Riżoluzzjoni 217 A tal-Assemblea Ġenerali.


13      Għalkemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ma torbotx legalment, hija tagħmel punt ta’ referenza kemm għad-dritt internazzjonali kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni. Ara “Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u rilevanza tagħha għall-Unjoni Ewropea”, Il-Parlament Ewropew 2018, EPRS ATA (2018) 628295 EN.


14      Iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137,], kif b’suppliment tal-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 606, p. 267), li daħal fis-seħħ fit-4 ta’ Ottubru 1967 (flimkien, “il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”).


15      Il-premessa 2 tar-Regolament Dublin III tiddeskrivi Politika komuni dwar l-asil, inkluża s-SEKA, bħala “parti kostitwenti tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkostanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fl-Unjoni”.


16      ĠU 2012, C 326, p. 391


17      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9). Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 preċedenti dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Bl-istess mod id-Direttiva 2004/83/KE kellha dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw esklużjoni minn status ta’ refuġjat (Artikolu 12) jew minn protezzjoni sussidjarja (Artikolu 17) u dispożizzjonijiet li bihom tali status, jekk kien ingħata, seta’ jintemm jew jiġi rrevokat (Artikolu 14 (refuġjati)) u l-Artikolu 19 (persuni mogħtija protezzjoni sussidjarja) fejn kien ikun hemm motivi raġonevoli biex dik il-persuna tkun tqieset li kienet f’periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija kienet tinsab.


18      Id-differenzi prinċipali huma li l-Artikolu 12(2)(b) jirreferi għal “delitt serju mhux politiku” u jgħid li “partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi”; u dan l-Artikolu 12(2)(c) jirreferi espliċitament għal atti mwettqa “kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” bħala raġuni għal esklużjoni.


19      Ara, ukoll il-premessa 37, li tispjega li “L-idea ta’ sigurta nazzjonali u ordni pubblika tkopri wkoll każijiet li fihom ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jappartjeni għal assoċjazzjoni li tappoġġja terroriżmu internazzjonali jew tappoġġja din l-assoċjazzjoni”..


20      It-test tal-Artikolu 19(2) jgħid fil-fatt “messha kienet eskluża […] bi qbil mal-Artikolu 17(3)” (enfasi miżjuda). Madankollu, minħabba li din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-fakultà jeskludu applikant, pjuttost milli tobbligahom jagħmlu hekk, użajt il-kelma “jistgħu” – li tidher li hija iktar loġika – fit-test tal-konklużjonijiet tiegħi.


21      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60).


22      L-abbozzar tal-Artikolu 25 huwa, biex inkun ħanin, imħawwad; u nirreferi lil qarrejja interessati li jixtiequ jsegwu iktar dan il-punt għat-test sħiħ tad-Direttiva dwar Proċeduri.


23      Ara wkoll f;dan il-kuntest il-premessa 20: “F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar […] fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva”.


24      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


25      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98).


26      L-Istati Membri għandhom id-dritt li ma japplikawx id-direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinqabdu f’waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) (jiġifieri persuni li “(a) huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru” jew “(b) huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni”. Barra minn hekk id-direttiva ma tapplikax għal “persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta’ moviment liberu kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” (eċċezzjoni li x’aktarx ma hijiex rilevanti għal dawn il-finijiet).


27      Iddefinita fl-Artikolu 3(4) bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn” (dan tal-aħħar huwa terminu ddefinit dettaljatament fl-Artikolu 3(3)).


28      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2015 dwar l-iskema ta’ risistemazzjoni Ewropea, C(2015) 3560 final.


29      Ara l-Memorandum ta’ Spegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja, [COM (2016) 171 finali] p. 2. Ċerti Stati oħra pparteċipaw mal-Istati Membri tal-Unjoni fl-inizjattiva sussegwenti.


30      Dokument 11130/15; “Konklużjonijiet tar-Rappreżentatnti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f’laqgħa tal-Kunsill biex jintbagħtu lura, permezz ta’ skemi multilaterali u nazzjonali, 20 000 persuna li b’mod ċar kienu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”: ir-Riżoluzzjoni tal-20 ta’ Lulju 2015”.


31      Ara d-dokument tal-Kunsill 11969/15 Presse 53 PR CO 45 dwar is-sessjoni 3498 tal-Kunsill. Skont il-Protokolli Nri 21 u 22 tat-Trattati tal-Unjoni, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma pparteċipawx fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1523.


32      Ara s-sentenza fil-kawża Is-Slovakkja u l-Ungerija vs Il-Kunsill, punt 11. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal dik id-deċiżjoni kienet emendata mill-Kunsill, fuq talba tal-Ungerija, biex titneħħa kull referenza għall-Ungerija bħala Stat Membru benefiċjarju. Fil-votazzjoni sussegwenti r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja vvotaw kontra l-adozzjoni tal-proposta emendata. Il-Finlandja astjeniet. Bħal fil-każ tad-Deċiżjoni 2015/1523, skont il-Protokolli Nru 21 u 22 tat-trattati tal-Unjoni, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma ħadux sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1601.


33      COM(2016) 171 finali, punt 1.2, p. 2


34      Il-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601 jirriflettu l-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1523. Għalhekk m’iniex ser intennihom iktar tard fil-punt 51 iktar ’il quddiem. Wara d-dikjarazzjonijiet magħmula fl-ewwel ħames premessi, in-numerazzjoni tvarja iżda l-kontenut jibqa’ sostanzjalment l-istess.


35      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200).


36      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.


37      Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li [j]emenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li [j]ħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU 2014 L 150, , p. 168).


38      L-Artikolu 8 jiddeskrivi l-miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Italja u mill-Greċja, li kellhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni minn kull Stat Membru sas-16 ta’ Settembru 2015 fi “pjan direzzjonali”.


39      Il-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601 tennew il-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1523, imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq.


40      Il-premessi korrispondenti tad-Deċiżjoni 2015/1601 għal dawk diġà msemmija fil-punt 42 b’rabta mad-Deċiżjoni 2015/1523 huma l-premessi 10, 16, 21, 22, 23, 24, 30, 31, 32 u 38. Biex tkun evitata repitizzjoni ta’ materjal ma erġajtx tennejthom.


41      Id-Deċiżjoni 2015/1601 kienet emendata kollha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754: ara l-punt 55 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


42      L-Artikolu 4(3)(a) iddaħħal permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta’ Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2015/1601(ĠU 2016 L 268, p. 82). L-għan ta’ dik l-emenda jikkonsisti fl-għadd ta’ sforzi magħmula mill-Istati Membri meta daħħlu Sirjani li kienu fit-Turkija, permezz ta’ riinsedjament, dħul għal għanijiet umanitarji jew forom oħra ta’ dħul legali biex l-għadd totali ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkun irrilokat fit-territorju tagħhom skont id-Deċiżjoni 2015/1601. Dwar il-54 000 applikant imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni 2015/1601, b’din l-emenda l-Istati Membri setgħu jnaqqsu l-għadd allokat lilhom ta’ applikanti rilokati l-għadd ta’ Sirjani li kienu fit-Turkija li kienu ddaħħlu fit-territorju tagħhom permezz ta’ riinsedjament, dħul għal għanijiet umanitarji jew forom oħra ta’ dħul legali skont skemi nazzjonali jew multilaterali oħra minbarra l-iskema ta’ riinsedjament stabbilita skont il-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Kunsill tat-20 ta’ Lulju 2015. Kien japplika l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, li kien ifisser li l-Istati Membri li kienu użaw din il-faċilità kienu ngħataw is-somma ta’ EUR 6 500 għal kull applikant rilokat. Ara COM(2016) 171 finali, punt 2.1.


43      Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 604/2013 u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1 (“ir-Regolament Eurodac”). L-Artikolu 9(1) tiegħu jgħid li “Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena”.


44      L-Artikolu 5(9) tad-Deċiżjoni 2015/1601 essenzjalment huwa verżjoni iktar elaborata tal-Artikolu 5(9) tad-Deċiżjoni 2015/1523.


45      Ara wkoll il-punt 74 iktar ’il quddiem. Nelenka dawk ir-rapporti hawnhekk bħala referenza: L-Ewwel Rapport tas-16 ta’ Marzu 2016 COM(2016) 165 final, it-Tieni Rapport tat-12 ta’ April 2016 COM(2016) 222 final, it-Tielet Rapport tat-18 ta’ Mejju 2016 COM(2016) 360 final, ir-Raba’ Rapport tal-15 ta’ Ġunju 2016, COM(2016) 416 final, il-Ħames Rapport tat-13 ta’ Lulju 2016, COM(2016) 480 final, is-Sitt Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016, COM(2016) 636 final, is-Seba’ Rapport tad-9 ta’ Novembru 2016, COM(2016) 720 final, it-Tmien Rapport tat-8 ta’ Diċembru 2016, COM(2016) 791 final, id-Disa’ Rapport tat-8 ta’ Frar 2017, COM(2017) 74 final, l-Għaxar Rapport tat-2 ta’ Marzu 2017, COM(2017) 202 final, il-Ħdax-il Rapport tat-12 ta’ April 2017, COM(2017) 212 final, it-Tnax-il Rapport tas-16 ta’ Mejju 2017, COM(2017) 260 final, it-Tlettax-il Rapport tat-13 ta’ Ġunju 2017, COM(2017) 330 final, l-Erbatax-il Rapport tas-26 ta’ Lulju 2017, COM(2017) 405 final u l-Ħmistax-il Rapport tas-6 ta’ Settembru 2017 COM(2017) 465 final. Sussegwentement, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2015) 240 final, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel Rapport dwar Progress, tal-15 ta’ Novembru 2017, COM(2017) 669 final, it-Tieni Rapport dwar Progress tal-14 ta’ Marzu 2018, COM(2018) 250 final, it-Tielet Rapport dwar Progress tas-16 ta’ Mejju 2018, COM(2018) 301 final u r-raba’ Rapport dwar Progress tas-6 ta’ Marzu 2019, COM(2019) 126 final.


46      Il-Polonja intervjenew mar-Repubblika Slovakka u mal-Ungerija. Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Isvezja u l-Kummissjoni intervjenew mal-Kunsill biex jiddefendu d-Deċiżjoni 2015/1601.


47      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi Is-Slovakkja vs Il-Kunsill u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C 643/15 u C 647/15, EU:C:2017:618.


48      Ara l-punti 82 sa 90 iktar ’il quddiem dwar il-proċedura prekontenzjuża.


49      Għas-saħħa tal-kkorrettezza, infakkar li s-sentenza fil-Kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill, kienet biss dwar id-Deċiżjoni 2015/1601. Il-limiti ta’ żmien għall-kontestazzjoni ta’ dik ta’ qabilha, id-Deċiżjoni 2015/1523, kien ilu li skada minn dak iż-żmien ’l hawn; u fil-mekkaniżmu essenzjali tagħhom iż-żewġ deċiżjonijiet huma simili. Il-Polonja u r-Repubblika Ċeka huma l-uniċi Stati Membri li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tagħhom tad-Deċiżjoni 2015/1523 attwalment hija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’riskju li nkun prammatiku milli purista, ma narax kif tista’ tkun realista taħseb – fil-kuntest tas-sentenza meqjusa u twila fil-Kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill – li l-waħda jew l-oħra tista’ ġġib xi argument ġdid li jirnexxilu jgħdajjef il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1523 (u, tabilħaqq, ebda wieħed miż-żewġ Stati ma pprova jagħmel dan).


50      Ara l-punt 39 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq.


51      Ma kinux ippreżentati dokumenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kontenut ta’ dik ir-riżoluzzjoni. Ara wkoll il-punt 79 iktar ’il quddiem.


52      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, Il-Kunsill Ewropew u L-Kunsill COM(2016) 120 finali. Dik il-Komunikazzjoni fformat il-bażi tar-rapporti msemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 u ċċitati fil-punti 75, 76, 80 u 81 tat-test prinċipali.


53      Ara fil-paragrafu 1 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 45,p. 2ta’ dak ir-rapport.


54      Ara fil-paragrafu 2 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 45,p. 3 ta’ dak ir-rapport.


55      Ref. Ares(2017)2738421-31/05/2017.


56      Ara l-paragrafu 2 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 45,p. 4 ta’ dak ir-rapport.


57      Ara l-paragrafu 2 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 45,p. 3 ta’ dak ir-rapport.


58      Id-dati tal-ittri rispettivi kienu l-15 ta’ Ġunju 2017 (kemm tal-Kawża C‑718/17 Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, kif ukoll tal-Kawża C‑719/17 Il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Ċeka) u s-16 ta’ Ġunju 2017 (Kawża C-715/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja).


59      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑61/08, EU:C:2011:340, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara wkoll il-punti 107 sa 110 iktar ’il quddiem, dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.


61      Sentenza tal-24 ta’ April 2007,Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi,C-523/04, EU:C:2007:244, punt 28.


62      Ara E. von Bardeleben, F. Donnat u D. Siritzky, La Cour de justice de l’Union européenne et le droit du contentieux européen, Paris, La Documentation française, 2012, p. 196.


63      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64      Sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza (26/69, EU:C:1970:67, punti 9 u 10).


65      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs l-Italja (C-365/97, EU:C:1999:544).


66      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/03, EU:C:2004:784).


67      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/03, EU:C:2004:784, punt 21).


68      Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta (C-12/14, EU:C:2016:135, punt 26) u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-562/07, EU:C:2009:614, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69      Sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza (26/69, EU:C:1970:67, punt 10) (enfasi miżjuda).


70      Kif poġġietha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs il-Portugall (C‑34/11, EU:C:2012:712, punt 36), iċċitata mill-Polonja fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha vantaġġ x’tikseb minn kjarifika bħal din, ukoll jekk tirrigwarda sitwazzjoni fil-passat..


71      L-Ungerija tqajjem argument tekniku ieħor, partikolari għall-każ tagħha, li niddiskuti fil-qosor fil-punt 120 iktar ’il quddiem.


72      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


73      Sentenzatat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C-12/14, EU:C:2016:135, punt 25.


74      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-356/15, EU:C:2018:555, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata.


75      Hekk, pereżempju, it-tlettax-il rapport dwar rilokazzjoni u riinsedjament juri li l-Awstrija wettqet l-ewwel u l-aħħar impenn tagħha li tirriloka f’Mejju 2017. Dak l-impenn mid-dehra kien jinvolvi ħamsin persuna mill-Italja, li ħmistax minnhom kienu fil-fatt irrilokati f’territorju Awstrijak (ara l-Anness 2 tat-tlettax-il rapport).


76      Fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub il-Polonja wkoll ilmentat dwar il-perjodi qosra li ngħatawlha biex tirrispondi għall-korrispondenza prekontenzjuża, iżda mingħajr ma sostniet li kienu nkisru d-drittijiet tagħha ta’ difiża. Nifhem dik il-parti tas-sottomissjonijiet tal-Polonja bħala li għandha l-għan turi li l-Kummissjoni fittxet li tistabbilixxi ksur mit-tliet Stati Membri konvenuti biex tistigmatizzahom ninħabba li rreżistew il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni impost mid-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni.


77      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C-552/15, EU:C:2017:698, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Taxxa tal-Immatrikulazzjoni) (C-552/15, EU:C:2017:698, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


79      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, EU:C:2001:687, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata. Enfasi miżjuda.


80      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Taxxa tal-Immatrikulazzjoni) (C-552/15, EU:C:2017:698, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata


81      Sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 293/85, EU:C:1988:40.


82      Sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-20/09, EU:C:2011:214, punt 41).


83      Infakkar li fil-każ tal-Ungerija għandha x’taqsam biss id-Deċiżjoni 2015/1601..


84      Ara wkoll il-punti 138 sa 143 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-definizzjoni tal-allegat ksur.


85      Għall-finijiet ta’ kompletezza ninnota li l-argumenti miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mit-tliet Stati Membri konvenuti (fid-difiża tagħhom, repliki u dikjarazzjonijiet f’interventi) jixbhu lil dawk magħmula fir-risposti tagħhom għall-ittri ta’ intimazzjoni u għall-opinjonijiet motivati. Dan jikkonferma l-konklużjoni tiegħi li, minkejja l-perjodi relattivament qosra stabbiliti għal risposta għall-korrispondenza tal-Kummissjoni matul il-perjodu prekontenzjuż, ma kinux iddgħajfu d-drittijiet ta’ difiża tal-Istati Membri.


86      Ara wkoll il-punti 169 sa 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet..


87      Punt 21 tar-rikors tal-Kummissjoni jispjega r-rabta bejn iż-żewġ dati inkwistjoni (it-13 ta’ Mejju u t-13 ta’ Awwissu 2016).


88      Avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 112, p. 19).


89      Ir-Repubblika Ċeka nnotat li l-petitum fir-rikors kontra l-Ungerija (Kawża C-718/17) bl-istess mod jonqos isemmi d-data li fiha beda l-ksur. L-Ungerija ma qajmitx dan il-punt fid-difiża tagħha. Ninnota li, filwaqt li l-Polonja u r-Repubblika Ċeka t-tnejn taw indikazzjonijiet limitati skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjonijiet ta’ Rilokazzjoni, l-Ungerija qatt ma ssodisfat, anki parzjalment, l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni 2015/1601. Għalhekk ma kienx meħtieġ (ħlief sempliċement pro forma) li tkun speċifikata data tal-ksur fir-ragward tal-Ungerija.


90      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C-552/15, EU:C:2017:698, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91      Fil-punti 21 u 33 tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni..


92      Intenni li “is-suġġett ta’ rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu […] [huwa ddefinit] mill-proċedura prekontenzjuża […] b’mod li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi ta’ l-opinjoni motivata” (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-33/04, EU:C:2005:750, punt 36).


93      Ara l-punti 172 sa 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


94      Fil-punt 66. Wara, fil-punti 70-74 il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat iktar fid-dettall in-natura ta’ “miżuri provviżorji” adottati skont l-Artikolu 78(3) TFEU u spjegat li s-subinċiżi (2) u (3) tal-Artikolu 78 huma żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, li jsegwu għanijiet differenti. Miżuri adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE huma “provviżorji ta’ natura mhux leġiżlattiva intiżi li jilqgħu fi żmien qasir għal sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari li jkunu qed jaffaċċjaw l-Istati Membri” (punt [73]). Ara wkoll il-punti 64 sa 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’dawk il-kawżi (EU:C:2017:618)..


95      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs il-Pajjiżi l-Baxxi (C-252/13 EU:C:2014:2312 punt 34), tas-16 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-67/12 EU:C:2014:5 punt 42) u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs il-Polonja (C-165/08 EU:C:2009:473 punt 43).


96      F’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni eżatta u l-petitum f’kull waħda mit-tliet proċeduri ta’ ksur,ara l-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq.


97      Dwar l-impatt tal-Artikolu 4(3a) tad-Deċiżjoni 2015/1601, imdaħħal mid-Deċiżjoni 2015/1754, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.


98      Ara l-punt 70 iktar ’il fuq.


99      Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.


100      Ara l-punt 71 iktar ’il fuq.


101      Il-Polonja hawnhekk tiċċita s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-265/95, EU:C:1997:595, punt 33).


102      “Stati Membri ta’ rilokazzjoni” huwa l-kliem użat fis-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill biex jiddeskrivi l-Istat Membru li fih seta’ jkun hemm rilokazzjoni minn Stat Membru tal-ewwel art. Ara, pereżempju, il-punt 290.


103      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, (C-278/12 PPU, EU:C:2012:508).


104      Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ĠU 2006 L 105, p. 1.


105      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil (C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punti 53 u 54).


106      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil  (C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 56).


107      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil  (C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 66).


108      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, (C-9/16, EU:C:2017:483).


109      Argument tal-Polonja, hekk kif jidher f’punt 306 tas-sentenza


110      Punt 309 tas-sentenza fil-kawża Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija vs Il-Kunsill.


111      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, (C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 65).


112      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, (C-554/13, EU:C:2015:377, punt 48).


113      Ara l-punt 4 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi AS u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443).


114      Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.


115      Ara (passim) is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, 30/77, R vs Bouchereau, EU:C:1977:172 (kawża dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 64/221/KEE). Ara llum, f’dak l-istess kuntest tal-moviment liberu tal-persuni, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE ĦU L 158/77 (id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini).


116      Il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601 kienet dażgur ikkonfermata mill-Awla Manja bis-sentenza Ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija vs Il-Kunsill.


117      Ir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li dik il-litigazzjoni pproduċiet bil-bosta kienu s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et C-213/89,, EU:C:1990:257 (il-kwistjoni ta’ miżuri provviżorji); sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, C-221/89, Factortame et EU:C:1991:320 (il-kawża fil-mertu) u s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, C-46/93 u C-48/93, Brasserie du Pêcheur uFactortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79 (it-talba għad-danni). Il-konklużjonijiet b’attenzjoni tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Factortame et (C-221/89, mhux ippubblikata EU:C:1991:113) b’mod partikulari tpatti tkun studjata. Il-Kummissjoni ppreżentat proċeduri ta’ ksur kontra r-Renju Unit (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, C-246/89, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, EU:C:1991:375) u, flimkien magħha, applikazzjoni (li rnexxiet) għal miżuri provviżorji (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑246/89 R EU:C:1989:368).


118      Biex nitkellem bħal baħħar (antikwat): teknikament bastiment “jilbes” bandiera, milli jtajjarha. Madankollu, it-traduzzjoni uffiċjali Ingliża tar-rapporti tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonsagrat “tajjar” bħala l-verb li għandu jintuża, għalhekk ser inżomm din il-kelma f’kull kwotazzjoni diretta.


119      Il-proċeduri kienu jikkonċernaw 95 bastimenti li sa dak iż-żmien kienu mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti Brittaniċi skont il-Merchant Shipping Act 1894. Minn dawk il-bastimenti 53 kienu inizjalment irreġistrati fi Spanja u kienu jtajru l-bandiera Spanjola, iżda f’diversi dati mill-1980 ’l hawn huma kienu mniżżla fir-reġistru Brittaniku. It-42 bastimenti li kien fadal kienu dejjem imniżżla fir-reġistru Brittaniku, iżda kienu nxtraw f’diversi dati minn kumpanniji Spanjoli. Kumpannija minnhom, Rawlings Trawling — deskritta b’mod famuż minn Nicholas Forwood, QC (kif kien dak iż-żmien) fis-seduta fil-kawża dwar miżuri provviżorji (Kawża C-213/89) bħala “the by-catch” – ma kinitx Spanjola iżda b’xi mod inqabdet fit-taħwida legali li nqalgħet. Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 3 sa 10.


120      L-Istati Membri għamlu riferiment għall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-29 ta’ April 1958 dwar l-Ibħra Miftuħa (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti vol. 450, p. 11): “Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ nazzjonalità lil bastimenti, għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti fit-territorju tiegħu, u tad-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu. Bastimenti jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li l-bandiera tiegħu huma jkunu intitolati jtajru. Għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn l-Istat u l-bastiment; b’mod partikolari, l-Istat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu f’materji amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.”


121      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 13. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1988, Pesca Valentia vs Il-Ministru għas-Sajd u l-Foresti (C‑223/86, EU:C:1988:14), punt 13, li r-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi politika komuni strutturali għall-industrija tas-sajd ħalla l-kliem “[i]tajjar il-bandiera ta’ Stat Membru” jew “irreġistrat” f’dak ir-regolament biex ikunu ddefiniti fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru.


122      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


123      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 16).


124      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C 221/89, EU:C:1991:320, punt 17 u l-ewwel paragrafu tad-dispożittiv, (enfażi miżjuda).


125      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 43), u tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).


126      Ninnota b’mod partikolari l-Artikolu 14(4)(a) u (b) (ara l-punt [23] iktar ’il fuq) u l-Artikolu 19(3)(a) (ara l-punt [25] iktar ’il fuq).


127      Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.


128      Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.


129      Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.


130      Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.


131      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2005, CE:ECHR:2005:0726JUD003888502, punt 158.


132      Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, (C-51/08, EU:C:2011:336, punt 124).


133      Analiżi tar-Riskju għall-2016,Frontex 2016, ISBN 978-92-95205-47-5, p. 5.


134      Ara l-premessa 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523 u l-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601.


135      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 5(4), (5) u (9) tagħhom. Ukoll, l-Artikolu 5(8) jippermetti l-ħatra ta’ uffiċjali ta’ kuntatt biex iħaffu l-proċess ta’ rilokazzjoni.


136      Fil-punt 309. il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka sar issa parti mis-sisien tad-dritt tal-Unjoni u huwa l-bażi ta’ ħafna kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam ta’ libertà, sigurta u ġustizzja (SLSĠ). Ara l-konklużjonijiet 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja, EU:C:2014:2454 18.12.2014, punt 191. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li l-fiduċja reċiproka mhijiex fiduċja għamja: ara Pál Aranyosi u Robert Căldăraru vs Generalstaatsanwaltschaft Bremen, C‑404/15 u C‑659/15 PPU EU:C:2016:198, punt 78 sa 82.


137      Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/408 tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar is-sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija skont id-Deċiżjoni 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2016 L 74, p. 36) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/946 tad-9 ta’ Ġunju 2016 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2016 L 157, p. 23).


138      It-tieni premessa.


139      Ir-raba’ premessa.


140      Sentenza tat-23 ta’ April 1986, (294/83, EU:C:1986:166, punt 23).


141      Eżempju li jolqtok dan l-aħħar mill-Istat Membru li ġej minnu jinsab fis-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit fil-kawża R (Miller) vs Il-Prim Ministru u Cherry vs L-Avukat Ġenerali tal-Iskozja [2019] UKSC 41.


142      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indépendance de la Cour suprême) (C-619/18, EU:C:2019:531.)


143      Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34, enfasi miżjuda). Ara, f’termini simili, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, (C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 47).


144      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-620/16, EU:C:2019:256), twila u ddettaljata, speċjalment il-punti 98 sa 100 tal-konklużjonijiet


145      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, (C-359/16, EU:C:2018:63, punt 42) u s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, (C-12/14, EU:C:2016:135, punt 37).


146      It-test sħiħ tad-“Dikajarzzjoni jinsab fil-websajt li ġejja: https://europa.eu/european-union/about-eu/symbols/europe-day/schuman-declaration_en


147      CELEX nru.:11951K.


148      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1983, Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni, (263/82, EU:C:1983:373, punt 17, enfasi miżjuda). Il-punti 18 sa 20 ukoll ta’ min jistudjahom.


149      Kien il-privileġġ dubjuż tiegħi sa minn meta ngħaqadt mal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2006 li neżamina ftit aspetti ta’ dawk l-arranġamenti f’sensiela ta’ konklużjonijiet; u l-qarrej, kurjuż biex isir jaf iktar dwar kif jaħdem is-suq, nirreferih għal dawk it-testi. Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Zuckerfabrik Jülich et (C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:1007:346), u f’Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2011:701).


150      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1986, (250/84,  EU:C:1986:22).


151      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 1986, Eridania zuccherifici nazionali et, (250/84, EU:C:1986:22, punt 20).


152      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, (C-184/99, EU:C:2001:458). Ara l-analiżi estensiva u b’attenzjoni fil-punti 31-46 u r-referenza speċifika għal “ċerta solidarjetà finanzjarja taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra” fil-punt 44.


153      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, (C-209/03, EU:C:2005:169). Ara, b’mod partikolari, il-punti 56 sa 63.


154      Mit-tagħlim tar-Rabbi Shimon bar Yochai (‘Rashbi’: it-tieni seklu A.D.), ikkwotat f’Midrash, Vayikra Rabbah 4:6. Ara https://www.sefaria.org/Vayikra_Rabbah.1.1?lang=bi&with=all&lang2=en. Ħadt ħsieb li t-traduzzjoni tkun iktar mexxejja.