Language of document : ECLI:EU:T:2011:493

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Settembru 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur l-industrija tal-lukandi fir-reġjun ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Għajnuna ġdida – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Effett ta’ inċentiv – Regola de minimis”

Fil-Kawżi T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08,

Regione autonoma della Sardegna (l-Italja), irrappreżentata minn A. Fantozzi, P. Carrozza u G. Mameli, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑394/08,

sostnuta minn

Selene di Alessandra Cannas Sas, stabbilita f’Cagliari (l-Italja),

HGA Srl, stabbilita f’Golfo Aranci (l-Italja),

Gimar Srl, stabbilita f’Sassari (l-Italja),

Coghene Costruzioni Srl, stabbilita f’Alghero (l-Italja),

Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, stabbilita fi Quartu Sant’Elena (l-Italja),

Immobiliare 92 Srl, stabbilita f’Arzachena (l-Italja),

Gardena Srl, stabbilita f’Santa Teresa di Gallura (l-Italja),

Hotel Stella 2000 Srl, stabbilita f’Olbia (l-Italja),

Vadis Srl, stabbilita f’Valledoria (l-Italja),

Macpep Srl, stabbilita f’Sorso (l-Italja),

San Marco Srl, stabbilita f’Alghero,

Due Lune SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Nicos Residence Srl, stabbilita f’Santa Teresa di Gallura,

Rosa Murgese, residenti f’Iglesias (l-Italja),

Mavi Srl, stabbilita f’Arzachena,

Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, stabbilita f’Alghero,

L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, stabbilita f’San Teodoro (l-Italja),

Le Buganville di Cogoni Giuseppe & C. Snc, stabbilita f’Villasimius (l-Italja),

Le Dune di Stefanelli Vincenzo & C. Snc, stabbilita f’Arbus (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Dore, F. Ciulli, A. Vinci, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑394/08,

S.F. Turistico Immobiliare Srl, stabbilita f’Orosei (l-Italja), irrappreżentata minn L. Marcialis, avukat,

rikorrenti fil-Kawża T‑408/08,

Timsas Srl, stabbilita f’Arezzo (l-Italja), irrappreżentata minn D. Dodaro, S. Pinna, u S. Cianciullo, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑453/08,

Grand Hotel Abi d’Oru SpA, stabbilita f’Olbia, irrappreżentata minn D. Dodaro, S. Cianciullo u R. F. Masuri, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑454/08,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawżi T‑394/08 u T‑454/08, minn E. Righini, D. Grespan u C. Urraca Caviedes, fil-Kawża T‑408/08, minn E. Righini u D. Grespan, fil-Kawża T‑453/08, minn D. Grespan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fil-Kawżi T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/854/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi reġjonali Nru 9 tal-1998 - applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna Nru 272/98” C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2997) (ĠU L 302, p. 9), li biha r-Regione autonoma della Sardegna tat sussidji favur investimenti inizjali fl-industrija tal-lukandi f’Sardegna,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-11 ta’ Marzu 1998, ir-Regione autonoma della Sardegna (iktar ’il quddiem ir-“reġjun ta’ Sardegna”) adottat il-legge regionale Nru 9, incentivi per la riqualificazione e l’adeguamento delle strutture alberghiere e norme modificative e integrative della legge regionale 14 settembre 1993, n. 40 (interventi creditizi a favore dell’industria alberghiera) (Liġi Reġjonali Nru 9 dwar miżuri ta’ inċentiv għar-rinnovazzjoni u għall-adattament tal-istrutturi tal-lukandi u dispożizzjonijiet li jemendaw u jikkompletaw il-Liġi Reġjonali Nru 40 tal-14 ta’ Settembru 1993, Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna Nru 9 tal-21 ta’ Marzu 1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/1998”), li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ April 1998.

2        L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-impriżi tas-settur tal-lukandi, għajnuna għall-investimenti inizjali fil-forma ta’ sussidji u ta’ self aġevolat kif ukoll ta’ għajnuna operattiva skont ir-regola de minimis (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inizjali” jew l-“iskema inizjali”).

3        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 1988, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/1998 lill-Kummissjoni filwaqt li obbligaw rwieħhom li ma japplikawx l-iskema ta’ għajnuna inizjali qabel ma jkollhom l-eventwali approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

4        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 1998, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni, b’risposta għal talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali, li d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inizjali kienu ser jiġu adottati biss wara l-eventwali approvazzjoni tagħha ta’ din l-iskema.

5        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Settembru 1998, l-awtoritajiet Taljani informaw ukoll lill-Kummissjoni li l-għoti tal-għajnuna prevista mil-Liġi Nru 9/1998 seta’ jikkonċerna biss proġetti li kellhom jitwettqu “ulterjorment” u li din il-kundizzjoni hija kkonfermata fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din il-liġi.

6        Permezz tad-Deċiżjoni SG(98) D/9547, tat-12 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ għajnuna “Nru 272/98 – l-Italja – għajnuna favur l-industrija tal-lukandi”, introdotta permezz tal-Liġi Nru 9/1998 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inizjali kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 92(3)(a) KE (li sar l-Artikolu 87(3)(a) KE).

7        Fid-29 ta’ April 1999, l-Assessore del Turismo, Artigianato e Commercio (Il-Kunsillier għat-Turiżmu, l-Artiġjant u l-Kummerċ) tar-reġjun ta’ Sardegna adotta d-Digriet Nru 282, esecutività della deliberazione della giunta regionale n. 58/60 del 22.12.1998 come modificata dalla deliberazione n.°16/20 del 16.03.1999 che approva la direttiva di attuazione prevista dall’art. 2 della L.R. 11 marzo 1998 n. 9 disciplinante: incentivi per la riqualificazione delle strutture alberghiere e norme modificativi della L.R. 14.9.1993 n. 40 (Digriet Nru 285 li jimplementa l-Liġi Nru 9/1998, Bollettino ufficiale della Regione Autonoma della Sardegna Nru 15 tat-18 ta’ Mejju 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 285/1999”).

8        Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 285/1999, l-iskema ta’ għajnuna inizjali kellha tiġi applikata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stedina sabiex jitressqu talbiet. L-Artikoli 4 u 5 tal-istess digriet kienu jipprovdu rispettivament li l-għajnuna mogħtija kellha tikkonċerna proġetti li kellhom jitwettqu wara li jitressqu talbiet għal għajnuna u li l-ispejjeż eliġibbli kellhom ikunu sussegwenti għall-imsemmija talbiet. Madankollu l-Artikolu 17 tad-Digriet Nru 285/1999, intitolat “Dispożizzjoni Tranżitorja”, kien jipprovdi li fl-istadju tal-ewwel applikazzjoni tad-digriet kienu eliġibbli l-ispejjeż u l-interventi mwettqa jew sostnuti wara l-5 ta’ April 1998, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998.

9        Fis-27 ta’ Lulju 2000, ir-reġjun ta’ Sardegna adotta d-deliberazione Nru°33/3 (Deliberazzjoni Nru 33/3) li abrogat id-Digriet Nru 285/1999 minħabba difetti proċedurali li kienu jaffettwaw lil dan tal-aħħar u d-deliberazione Nru 33/4 (Deliberazzjoni Nru 33/4) li stabbilixxiet dispożizzjonijiet ġodda ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inizjali.

10      Fl-istess jum, ir-reġjun ta’ Sardegna adotta wkoll id-deliberazione Nru°33/6 (Deliberazzjoni Nru 33/6) li kienet tipprovdi li, sa fejn il-pubblikazzjoni tad-Digriet Nru 285/1999, li kien jinkludi dispożizzjonijiet li ma kinux konformi mar-regoli Komunitarji, setgħet ħolqot, fir-rigward tal-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna, l-aspettattiva li x-xogħlijiet kollha mwettqa wara l-15 ta’ April 1998 kienu ser jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-ewwel applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998, ix-xogħlijiet imwettqa wara din id-data, sakemm huma kienu s-suġġett ta’ talba għal għajnuna fil-kuntest tal-ewwel stedina annwali biex jitressqu talbiet.

11      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni, b’risposta għal talba tagħha dwar il-miżuri utli previsti sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti mal-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali tal-10 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”), dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 u bagħtulha kopja tad-deliberazione Nru 33/4, mingħajr madankollu ma semmew id-deliberazione Nru 33/6.

12      Fid-29 ta’ Diċembru 2000, ir-reġjun ta’ Sardegna ppubblika l-ewwel stedina sabiex jitressqu talbiet u b’hekk implementa l-iskema ta’ għajnuna inizjali.

13      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani informazzjoni addizzjonali fuq l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 kif ukoll fuq il-mekkaniżmu tal-istedin u fuq il-mod li bih, fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu, id-dispożizzjoni li abbażi tagħha t-talba għal għajnuna kellha tiġi mressqa qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett kienet ġiet osservata.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2011, li magħha kien hemm mill-ġdid annessa d-deliberazione Nru 33/4, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-iskema ta’ għajnuna kif kienet ġiet applikata kienet konformi mal-linji gwida tal-1998.

15      Fil-21 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali. Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni talbet, fis-26 ta’ Frar 2003, informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Taljani.

16      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2003, l-awtoritajiet Taljani rrispondew għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni billi semmew għall-ewwel darba d-deliberazione Nru 33/6.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar l-użu ħażin [tal-iskema ta’ għajnuna inizjali] (ĠU C 79, p 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċarat li, billi awtorizzaw l-għoti tal-għajnuna għal proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, l-awtoritajiet Taljani ma kinux osservaw l-obbligu li jinsab fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, u lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida tal-1998. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li seta’ kien hemm użu ħażin tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU L 83, p. 1) u qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna.

18      Fid-19 ta’ April 2004, l-awtoritajiet Taljani bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Fit-30 ta’ April 2004, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑454/08, Grand Hotel Abi d’Oru SpA. Fil-25 ta’ Ġunju 2005, hija rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Taljani.

19      Fit-22 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni rigward ir-rettifika u l-estensjoni tal-proċedura pendenti C 1/2004 skont l-Artikolu 88(2) KE (ĠU 2007, C 32, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rettifika”). F’din id-deċiżjoni, taħt it-titolu “Raġunijiet għal rettifika u għal estensjoni tal-proċedura”, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat li d-deliberazione Nru 33/6 ma kinitx ssemmiet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li kien abbażi ta’ dan id-dokument li, fi 28 każ, kien ġie deċiż li tingħata għajnuna favur proġetti ta’ investiment mibdija qabel id-data tat-talba għal għajnuna, u mhux abbażi tad-deliberazione Nru 33/5, kif indikat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-kunċett ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, li għalih tagħmel riferiment id-deċiżjoni ta’ ftuħ, ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju ta’ għajnuna awtorizzata japplikaha b’mod kuntrarju għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għoti, u mhux sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru, billi jimmodifika skema ta’ għajnuna eżistenti, jistabbilixxi għajnuna ġdida illegali [Artikolu 1(ċ) u (f) tar-Regolament Nru 659/1999].

 Id-deċiżjoni kkontestata

20      Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/854/KE, dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi Reġjonali Nru 9 tal-1998 – applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98 C 1/04 (eks NN 158/03 u CP 15/2003) (ĠU L 302, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li d-deliberazione Nru 33/6 introduċiet emendi għall-miżura nnotifikata, li ma kinux kompatibbli mal-kliem tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Id-deliberazione Nru 33/6 ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li r-Repubblika Taljana għandha skont l-Artikolu 10 KE. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna kif effettivament applikata ma tosservax id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u għalhekk il-proġetti ta’ għajnuna li t-twettiq tagħhom inbeda qabel ma tressqet kull talba għal għajnuna għandhom jitqiesu bħala illegali.

22      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, il-Kummissjoni, wara li fakkret l-evalwazzjoni mwettqa minnha fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u ta’ rettifika, tikkunsidra bħala inkompatibbli l-għajnuna individwali mogħtija għal proġetti li l-ispejjeż eliġibbli tagħhom ġew sostnuti qabel ma tressqet talba għal għajnuna, abbażi tal-miżuri ta’ implementazzjoni rilevanti fis-seħħ fil-mument li fih tressqet it-talba, li jkunu ikbar mill-ammont de minimis li għalih il-benefiċjarju seta’ jkollu aċċess f’dan il-mument, ikkalkolat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim [l-applikazzjoni] tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar [għall-]għajnuna de minimis, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 8, Vol. 2, p. 138).

23       Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuniet mill-Istat mogħtija skont il-liġi reġjonali nru 9 tal-1998, imwettqa b’mod illegali mill-Italja bid-deliberazione nru 33/6 u l-ewwel offerta, huma inkompatibbli mas-suq komuni, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx ippreżenta talba għal-għajnuna abbażi ta’ din l-iskema qabel it-twettiq tax-xogħlijiet fuq proġett ta’ investiment inizjali.

Artikolu 2

1.      Ir-Repubblika Taljana għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuniet inkumpatibbli mogħtija skont l-iskema mfissra fl-Artikolu 1.

2.      Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha s-somom imsemmija kienu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data tal-irkupru tagħhom.

3.      […]

4.      Ir-Repubblika Taljana għandha tannulla l-ħlasijiet kollha relatati mal-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.      L-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      Ir-Repubblika Taljana għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

 Il-proċedura

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2008, ir-reġjun ta’ Sardegna ressaq il-Kawża T‑394/08.

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2008, S. F. Turistico Immobiliare Srl ressqet il-Kawża T‑408/08.

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2008, Timsas Srl ressqet il-Kawża T‑453/08.

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2008, Grand Hotel Abi d’Oru SpA ressqet il-Kawża T‑454/08.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2008, Selene di Alessandra Cannas Sas, HGA. Srl, Gimar Srl, Coghene Costruzioni Srl, Camping Pini e Mare di Cogoni Franco & C. Sas, Immobiliare 92 Srl, Gardena Srl, Hotel Stella 2000 Srl, Vadis Srl, Macpep Srl, San Marco Srl, Due Lune SpA, Nicos Residence Srl, Rosa Murgese, Mavi Srl, Hotel Mistral di Bruno Madeddu & C. Sas, L’Esagono di Mario Azara & C. Snc, Le Buganville di Cogoni Giuseppe & C. Snc u Le Dune di Stefanelli Vincenzo & C. Snc (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”) talbu li jintervjenu fil-proċeduri relatati mal-Kawża T‑394/08, insostenn tat-talbiet tar-reġjun ta’ Sardegna. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

29      Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Ġunju 2009, wara li sema’ lill-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-Kawżi T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08 għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

30      Fis-27 ta’ Lulju 2009, l-intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fil-Kawża T‑394/08. Fil-21 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din in-nota. Ir-reġjun ta’ Sardegna ma ppreżentax osservazzjonijiet fit-terminu mogħti mir-reġistu tal-Qorti Ġenerali.

31      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u konsegwentement, dawn il-kawżi ġew assenjati lil din l-awla.

32      Fis-7 ta’ Diċembru 2000, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet domandi bil-miktub lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Grand Hotel Abi d’Oru, rikorrenti fil-Kawża T‑454/08, u dawn irrispondew fit-terminu mogħti.

 It-talbiet tal-partijiet

33      Fil-Kawża T‑394/08, ir-reġjun ta’ Sardegna, sostnut mill-intervenjenti, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Fil-Kawża T‑408/08, S.F. Turistico Immobiliare titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċiparjament,

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema ta’ għajnuna kollha kemm hi u tordna l-irkupru tal-ammonti li jidħlu fil-limiti previsti mid-dispożizzjonijiet dwar għajnuna de minimis;

–        iktar sussidjarjament,

–        minn naħa, tannulla l-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 sa fejn dan jeskludi l-eliġibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hi mogħtija lill-benefiċjarji mingħajr ma jagħmel eċċezzjoni dwar il-parti tal-għajnuna dwar investimenti mwettqa wara li tressqet it-talba u li għandha awtonomija funzjonali u strutturali u,

–        min-naħa l-oħra, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru, mir-Repubblika Taljana, tal-ammonti mħallsa mingħajr ma tagħmel eċċezzjoni dwar l-għajnuna dwar l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju wara li tressqet it-talba għal għajnuna u li tirrigwarda partijiet funzjonalment u strutturalment awtonomi tal-proġett imwettaq.

35      Fil-Kawża T‑453/08, Timsas titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Fil-Kawża T‑454/08, Grand Hotel Abi d’Oru titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minnha minħabba l-intervent tagħhom.

 Id-dritt

38      Wara li l-partijiet nstemgħu fuq dan il-punt matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali qieset li hemm lok li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

1.     Fuq l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-motivi mressqa mill-intervenjenti fil-Kawża T‑394/08

39      Il-Kummissjoni tirrileva li l-intervenjenti ressqu ċerti motivi li ma kinux tressqu mir-reġjun ta’ Sardegna, rikorrent fil-Kawża T‑394/08, u li għalhekk jinsabu barra mill-kuntest tat-tilwima f’din il-kawża, iddefinit bil-motivi mressqa mir-reġjun ta’ Sardegna fir-rikors.

40      Skont il-Kummissjoni, dan jikkonċerna l-motivi li ġejjin:

–        il-motiv ibbażat fuq il-fatt li hija fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi bbażat ruħha fuq l-ipoteżi żbaljata ta’ ksur ta’ deċiżjoni kundizzjonali preċedenti;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn hija kien imissha rrevokat id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/199, li ma jipprovdix għar-rettifika u għall-estensjoni ta’ proċedura diġà mibdija;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE sa fejn hija eskludiet b’mod żbaljat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, minħabba kontradizzjoni fil-konfront ta’ deċiżjonijiet preċedenti;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 dwar it-termini tal-proċedura, kif ukoll tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni;

–        il-motiv ibbażat fuq ksur tar-regola de minimis għaliex naqset milli tnaqqas l-ammont ta’ EUR 100,000 jew ta’ EUR 200,000 mill-għajnuna li hija ordnat l-irkupru tagħha.

41      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. L-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li n-nota ta’ intervent għandha tinkludi, b’mod partikolari, it-talbiet tal-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ xi waħda mill-partijiet kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent.

42      Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-intervenjent id-dritt li jressaq b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux totalment mingħajr ebda rabta mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża hekk kif ġiet ikkostitwita bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn intervenjent, tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.

44      Madankollu, meta jidher li rikors li l-ammissibbiltà tiegħu hija kontenzjuża għandu f’kull każ jiġi miċħud fuq il-mertu, il-qorti għandha d-diskrezzjoni, fl-interess tal-ekonomija tal-proċeduri, tiddeċiedi mal-ewwel dwar il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26). Bl-istess mod, meta jkun jidher li motiv, li r-rabta tiegħu mas-suġġett tal-kawża hija dubjuża, għandu f'kull każ jiġi miċħud bħala inammissibbli għal raġuni oħra jew għaliex ma huwiex fondat, il-qorti tista’ tiċħad dan il-motiv mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-punt jekk l-intervenjent marx lil hinn mir-rwol tiegħu ta’ sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑118/99, Ġabra p. I‑747, punti 64 u 65; u s-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 42 supra, punt 155).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-biċċa l-kbira tal-motivi mressqa mill-intervenjenti u li ma tressqux ukoll mir-reġjun ta’ Sardegna kienu tressqu minn wieħed mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08. Min-naħa l-oħra, dawn il-motivi huma f’kull każ infondati, għar-raġunijiet li ser jiġu esposti hawn taħt.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi u għal skopijiet ta’ ekonomija tal-proċedura, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni.

2.     Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti lmenti mressqa fl-istadju tar-replika

47      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ressqu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika motivi ġodda, li għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Il-Kawża T‑394/08

48      Fil-Kawża T‑394/08, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala ġodda, l-ewwel nett, il-motiv ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, it-tieni nett, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u, it-tielet nett, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ksur tal-prinċipju ta’ neċessità tal-għajnuna mill-iskema inkwistjoni huwa biss apparenti.

49      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet motivi kkontestati mill-Kummissjoni, jidher li l-iżviluppi li l-Kummissjoni tikkwalifika bħala motivi ġodda huma fil-fatt intiżi biss biex jiżviluppaw motivi diġà introdotti bħala l-ewwel motiv fir-rikors.

50      Huwa veru li dan l-ewwel motiv imressaq mir-reġjun ta’ Sardegna huwa ntitolat “Ksur tal-forom sostanzjali minħabba kontradizzjoni tal-motivi: allegat nuqqas ta’ rilevanza tal-aspettattivi fl-evalwazzjoni tal-‘effett ta’ inċentiv’ fir-rigward tal-benefiċjarji u għalhekk fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tan-‘neċessità tal-għajnuna’”. Dan it-titolu jidher li jirrestrinġi l-portata tal-motiv għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Madankollu, it-test li jsegwi dan it-titolu jinkludi wkoll partijiet li b’mod ċar jirrigwardaw żball fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, pereżempju fir-raba’ inċiż tal-punt 17 u fil-punti 18, 20, u 23 tar-rikors. Madankollu, il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna huwa użat mir-reġjun ta’ Sardegna bħala sinonimu tal-kriterju ta’ neċessità, peress li l-għoti tal-għajnuna għandu jinċentiva lill-benefiċjarju jwettaq proġett partikolari, li altrimenti ma jitwettaqx. Għalhekk, l-ewwel motiv imressaq mir-reġjun ta’ Sardegna fil-fatt jinkludi żewġ motivi, wieħed ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, u l-ieħor ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt.

51      Fir-rigward tat-tieni motiv ikkontestat mill-Kummissjoni, din tallega li, fir-replika, bl-iskuża li jsaħħaħ l-argument tiegħu dwar l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv, ir-reġjun ta’ Sardegna kkritika l-fatt li hija ma kinitx immotivat id-deċiżjoni kkontestata adegwatament.

52      Madankollu, fir-rigward tal-partijiet tar-replika inkwistjoni, jidher li r-reġjun ta’ Sardegna, li qatt ma ried jintroduċi motiv ġdid, ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni, xtaq sempliċement isostni l-ewwel motiv tiegħu, li huwa bbażat, kif ġie rrilevat fil-punt 50 hawn fuq, kemm fuq żball fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt.

53      Għalhekk, ir-reġjun ta’ Sardegna ma ressaqx motivi ġodda fl-istadju tar-replika, b’mod li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 Il-Kawża T‑408/08

54      Fil-Kawża T‑408/08, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala motiv ġdid dak ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-effett tal-iskema inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

55      Madankollu, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-atti ta’ S.F. Turistico Immobiliare, li ċertament iwasslu għal konfużjoni. Fil-fatt, l-imsemmija rikorrenti diġà semmiet fir-rikors il-“bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ f’livell kuntrarju għall-interess komuni”, fil-kuntest tad-disa’ motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u tal-linji gwida tal-1998. Madankollu, meta għamlet dan, hija riedet biss issostni dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompatabbiltà tal-għajnuna, u mhux tressaq motiv separat, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat.

56      Għalhekk, ir-riferiment li sar minn S.F. Turistico Immobiliare, fir-replika, fis-sens li “hija ssostni barra minn hekk [fir-rikors] in-nuqqas sostanzjali ta’ motivazzjoni suffiċjenti dwar l-effett tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” għandu jinftiehem f’dan l-istess sens, jiġifieri li kien intiż sabiex isostni l-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

57      Minn dan jirriżulta li S.F. Turistico Immobiliare ma ressqitx motiv ġdid fl-istadju tar-replika, b’mod li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċeżżjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 Il-Kawża T‑453/08

58      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala motiv ġdid dak ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola de minimis.

59      Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-motiv imressaq fir-rikors huwa bbażat fuq l-applikazzjoni eżatta tal-livell de minimis u mhux fuq l-adegwatezza tal-motivazzjoni fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni.

60      Issa, din l-affermazzjoni ma hijiex eżatta fid-dawl tal-kliem tal-punti inkwistjoni tar-rikors, li jsemmu n-“nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-element ta’ inċentiv tal-għajnuna f’konnessjoni mal-fatt li l-parti mis-sussidju relatata mal-ispiża mwettqa qabel it-talba hija ta’ ammont inqas mil-livell de minimis” u “kontradizzjoni” bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-limitu de minimis fir-rigward ta’ kuntatti oħra mar-reġjun ta’ Sardegna.

61      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola de minimis kien diġà ġie mressaq minn Timsas fir-rikors, b’mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Il-Kawża T‑454/08

62      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkunsida bħala motiv ġdid dak ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, allegatament imressaq minn Grand Hotel Abi d’Oru fl-istadju tar-replika.

63      Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, fir-rikors, Grand Hotel Abi d’Oru invokat b’mod ċar biss, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma nnotifikathiex b’ċerti dokumenti, ksur tal-Artikolu 254 KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

64      Issa, b’risposta għal domanda bil-miktub li saritilha mill-Qorti Ġenerali, Grand Hotel Abi d’Oru sostniet li, bis-silta tar-replika msemmija mill-Kummissjoni, hija ma riditx tressaq motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li din is-silta hija intiża biss sabiex issostni il-motiv, imressaq fir-rikors, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 254 KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Għalhekk, ma hemmx lok li motiv imressaq minn Grand Hotel Abi d’Oru jiġi miċħud bħala inammissibbli.

3.     Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika

65      L-intervenjenti u S.F. Turistico Immobiliare invokaw l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika sabiex isostnu l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

66      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tinvoka formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, tqis li l-motivi inkwistjoni huma inammissibbli, għaliex id-deċiżjoni ta’ rettifika saret definittiva. Fil-fatt din ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Frar 2007 u ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

67      S.F. Turistico Immobiliare ssostni li d-deċiżjoni ta’ rettifika ma kinitx tippreġudikaha sa fejn l-uniku dannu konkret għall-interessi tagħha kien irriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Kien għalhekk biss fir-rigward ta’ din l-aħħar deċiżjoni li hija kellha interess ġuridiku.

68      F’dan ir-rigward, qabel xejn għandha tiġi ddeterminata n-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ rettifika, sabiex imbagħad jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti, minħabba li naqsu milli jikkontestawha skont il-liġi fit-terminu stabbilit mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, humiex preklużi milli jinvokaw l-illegalità tagħha fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq in-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ rettifika

69      It-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika u estensjoni ta’ proċedura pendenti.

70      F’dan ir-rigward, mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-Artikolu 6(1) tal-istess regolament jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, għandha tinkludi eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u għandha tindika r-raġunijiet li jwasslu sabiex tiġi ddubitata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, bil-għan li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu fi żmien utli l-kummenti tagħhom u, b’dan il-mod, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li hija għandha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti, min-naħa tagħha, li jiġu approfonditi u ċċarati l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, wara din il-proċedura, l-analiżi tal-Kummissjoni tista’ tkun evolviet, għaliex hija tista’ finalment tiddeċiedi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji fuq il-kompatibbiltà tagħha ġew eliminati. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni finali jista’ jkollha ċerti diverġenzi mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr ma dawn b’daqshekk jivvizzjaw id-deċiżjoni finali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 69). F’din il-perspettiva, għalhekk ma għandux ikun hemm lok sabiex il-Kummissjoni tipproċedi għal rettifika ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

71      Madankollu, huwa loġiku, u, iktar u iktar, fl-interess tal-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tbiddel il-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ rettifika, flimkien ma’ stedina ġdida lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom, tippermettilhom jirreaġixxu għall-bidla fl-evalwazzjoni provviżorja, mill-Kummissjoni, tal-miżura inkwistjoni u jsostnu l-punt tagħhom f’dan ir-rigward.

72      Għandu għalhekk jiġi rrilevat li l-Kummissjoni setgħet ukoll tagħżel li l-ewwel tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura mingħajr ebda eżitu, u mbagħad deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ibbażata fuq l-evalwazzjoni ġuridika emendata tagħha u li kien ikollha, fis-sustanza, l-istess kontenut tad-deċiżjoni ta’ rettifika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-proċedura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jindikaw li hija preferibbli l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rettifika meta pparagunata mal-għeluq tal-proċedura u l-ftuħ ta’ proċedura ġdida. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li r-rettifika tas-suġġett tal-proċedura ppermetta lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-kummenti sottomessi minn Grand Hotel Abi d’Oru wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, li ma kienx ikun il-każ li kieku hija għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tiftaħ waħda ġdida.

73      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali deċiżjoni ta’ rettifika, peress li hija tiżdied mad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tifforma flimkien magħha deċiżjoni ta’ ftuħ emendata, għandu jiġi kkunsidrat li din taqsam il-kwalità ġuridika tagħha. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li n-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija intiża biss sabiex tikseb, mingħand il-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fl-azzjoni futura tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra p. 813, punt 19; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 256).

74      Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni ta’ rettifika, ir-raġunijiet li wassluha tikkunsidra li l-evalwazzjoni ġuridika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, kellha tiġi rrettifikata. B’mod partikolari hija spjegat li, fl-opinjoni tagħha, dan kien każ ta’ skema illegali u mhux ta’ użu ħażin ta’ skema approvata minnha. Il-Kummissjoni żiedet ma’ dawn l-ispjegazzjonijiet stedina ġdida, lill-partijiet interessati, sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rettifika kellha l-istess suġġett u l-istess għan ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ, b’mod li hemm lok li din tiġi kklassifikata bħala tali.

 Fuq il-konsegwenzi, fil-każ inkwistjoni, għall-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika

75      Għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jiffurmaw atti jew deċiżjonijiet kapaċi li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II-2667, punt 28).

76      Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li jiġu kompletati f’diversi stadji, b’mod partikolari wara proċedura interna, jikkostitwixxu, bħala regola ġenerali, atti li jistgħu jiġu kkontestati, biss dawk il-miżuri li jiffissaw definittivament l-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, minbarra miżuri intermedjarji li għandhom l-iskop li jippreparaw għad-deċiżjoni finali (sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 75 supra, punt 10, u s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 75 supra, punt 28).

77      Skont din il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni sabiex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 230 KE. Deċiżjoni bħal din tipproduċi, fil-fatt, effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, peress li hija ttemm il-proċedura inkwistjoni u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-miżura investigata mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-partijiet interessati dejjem għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u f’dan il-kuntest għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-diversi elementi li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni definittivament adottata mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II‑5015, punt 45). Din il-possibbiltà hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tinvolvix jew le effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali aċċettat il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ meta din ikollha effetti legali definittivi li ma jistgħux jiġu rregolati a posteriori mid-deċiżjoni finali. Dan huwa l-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li hija tikklassifika b’mod provviżorju bħala għajnuna ġdida, peress li din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ikollha effetti ġuridiċi indipendenti mid-deċiżjoni finali. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura kkonċernata li tirriżulta, skont l-Artikolu 88(3) KE, mill-klassifikazzjoni provviżorja ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, hija ta’ natura indipendenti mid-deċiżjoni finali, limitata fiż-żmien sakemm tingħalaq il-proċedura formali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑312/90, Ġabra p. I‑4117, punti 12 sa 24; tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra p. I‑4635, punti 29 u 30, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I‑7303, punti 56 sa 62, u 69; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T-207/01, Ġabra p. II‑2309, punti 80 sa 86).

78      Madankollu, din il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax ikollha bħala konsegwenza li jitnaqqsu d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati billi tipprekludihom milli jikkontestaw id-deċiżjoni finali u milli jinvokaw insostenn tar-rikors tagħhom difetti li jikkonċernaw l-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni (sentenza Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, punt 77, punt 47).

79      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-fatt li r-rikorrenti u l-intervenjenti ma ppreżentawx, fit-terminu meħtieġ, rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rettifika ma jipprekludihomx milli jressqu motivi bbażati fuq l-illegalità ta’ din tal-aħħar fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq il-motivi bbażati fuq difetti proċedurali

80      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jressqu tliet motivi dwar difetti proċedurali u bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tar-Regolament Nru 659/1999, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 254(3) KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u t-tielet nett, fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tar-Regolament Nru 659/1999

81      Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet ilmenti, rispettivament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/199, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999

82      L-intervenjenti jsostnu li, peress li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mid-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet preċedentement approvata mill-Kummissjoni, din kien imissha rrevokat id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kif kien jimponilha l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999.

83      Il-Kummissjoni ma tatx espressament l-opinjoni tagħha fuq il-fondatezza ta’ dan l-ilment.

84      Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tirrevoka deċiżjoni li biha tkun awtorizzat għajnuna, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni ineżatta pprovvduta waqt il-proċedura u li kienet ta’ importanza determinanti għad-deċiżjoni.

85      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma hijiex ibbażata fuq informazzjoni ineżatta. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-premessi 51, 54, 59, 61 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma takkużax lill-awtoritajiet Taljani li pprovdewlha informazzjoni ineżatta jew inkompleta waqt il-proċedura li tippreċedi d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Fil-fatt, hija tattribwixxi l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża għall-fatt li d-deliberazione Nru 33/6 introduċiet modifiki għall-miżura inizjalment innotifikata, li ma humiex kompatibbli mat-termini tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, sa fejn, waqt l-ewwel stedina sabiex jitressqu talbiet fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni, setgħu jiġu magħżula proġetti li kienu bdew jitwettqu qabel ma tressqet it-talba għal għajnuna (iktar ’il quddiem, “l-iskema ta’ għajnuna kkontestata” jew “l-iskema kkontestata”). Issa, id-deliberazione Nru 33/6 hija ddatata s-27 ta’ Lulju 2000 u għalhekk hija sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-12 ta’ Novembru 1998.

86      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma japplikax għall-każ inkwistjoni.

87      Għandu jiżdied, f’dan ir-rigward, li ma kien hemm ebda raġuni sabiex il-Kummissjoni tirrevoka d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, għaliex l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna approvata b’dik id-deċiżjoni ma kinitx inbidlet. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-għajnuniet mill-Istat mogħtija skont il-liġi […] Nru 9/1998, imwettqa b’mod illegali mill-Italja bid-deliberazione nru 33/6 […], huma inkompatibbli mas-suq komuni, sakemm il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx ippreżenta talba għal-għajnuna abbażi ta’ din l-iskema qabel it-twettiq tax-xogħlijiet […]”. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma affettwatx il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt il-Liġi Nru 9/1998 sa fejn talba għal għajnuna kienet tressqet qabel it-twettiq tax-xogħlijiet. Issa, huwa preċiżament taħt din il-kundizzjoni li l-Kummissjoni kienet iddikjarat, fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, li ma kellhiex oġġezzjoni kontra l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Italja.

88      Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment imressaq mill-intervenjenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni

89      Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jikkritikaw lill-Kummissjoni dwar nuqqas ta’ investigazzjoni sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tagħhom. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet naqset milli teżamina s-sitwazzjoni tagħhom bħala partijiet privati fir-rigward tar-reġjun ta’ Sardegna u d-differenzi eżistenti bejn id-diversi impriżi kkonċernati bl-implementazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet naqset milli teżamina l-aspettattivi leġittimi li tnisslu fihom kemm mir-reġjun ta’ Sardegna kif ukoll mill-Kummissjoni.

90      Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ Timsas u tal-Grand Hotel Abi d’Oru.

91      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata twettaq evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali imma tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289; u tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra, p. I-3397, punt 24). Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ benefiċjarji individwali ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat [sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra, p. II-1475, punt 67]. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, il-piż tal-eżami impost fuq il-Kummissjoni kien ikun ikbar fil-każ ta’ skema implementata b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE milli fil-każ fejn l-Istat Membru inkwistjoni jkun irrispetta l-obbligu ta’ notifika impost b’dik id-dispożizzjoni, peress li f’dan l-aħħar każ, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-benefiċjarji potenzjali ma humiex neċessarjament magħrufa fl-istadju tal-eżami.

92      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li teżamina l-iskema ta’ għajnuna fiha nnifisha u ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni la r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u r-reġjun ta’ Sardegna, la d-differenzi li jeżistu bejn id-diversi impriżi kkonċernati, u lanqas l-eventwali aspettattivi leġittimi li setgħu jiġu invokati minn uħud minn dawn l-impriżi u li tnisslu fihom jew mill-Kummissjoni, jew mir-reġjun ta’ Sardegna. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna individwali.

93      Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999

94      L-intervenjenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma osservatx it-termini li ġejjin, stabbiliti fir-Regolament Nru 659/1999:

–        it-terminu ta’ xahrejn mill-jum wara li sseħħ in-notifika kompluta, li fih il-Kummissjoni għandha tasal għal deċiżjoni wara l-fażi ta’ eżami preliminari, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999;

–        it-terminu ta’ xahrejn li fih il-Kummissjoni għandha tasal għal deċiżjoni wara l-fażi ta’ eżami preliminari, meta titressaq quddiemha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, kif intepretat mill-ġurisprudenza;

–        it-terminu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li fih il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ għeluq ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999.

95      Il-Kummissjoni ma tatx espressament l-opinjoni tagħha fuq il-fondatezza ta’ dan l-ilment.

96      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li t-terminu ta’ xahrejn għall-għeluq tal-fażi ta’ eżami preliminari, stabbilit fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999, jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ wara dik tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. Issa, fil-każ inkwistjoni, l-eżami preliminari tal-iskema kkontestata ma nbdietx b’notifika ta’ din l-iskema mir-Repubblika Taljana imma b’ilment dwar l-użu ħażin tal-iskema inizjali, riċevut mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Frar 2003. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bit-terminu ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, anki qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punt 79, u tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II-2125, punt 103).

97      It-tieni nett, rigward it-terminu ta’ xahrejn allegatament impost mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu qabel xejn jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, irrispettivament mis-sors, hija għandha teżamina din l-informazzjoni mingħajr dewmien. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-għeluq tal-fażi ta’ eżami preliminari imma bħala li tirreferi għall-bidu tal-eżami preliminari, argument li huwa sostnut mill-fatt, enfasizzat fil-punt preċedenti, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu normali fil-każ ta’ eżami preliminari pprovokat minn ilment.

98      Il-ġurisprudenza invokata mill-intervenjenti ma tagħtix lil dawn id-dispożizzjonijiet interpretazzjoni differenti minn dik li tippreċedi. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li din il-ġurisprudenza tenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni għandha tagħlaq il-fażi ta’ eżami preliminari fi żmien xahrejn, huwa wkoll veru li dan it-terminu japplika esklużivament fil-każ ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istati Membri, kif jirriżulta b’mod ċar mill-kuntest tal-punti ċċitati mill-intervenjenti, u mhux fil-każ fejn, bħal fil-każ inkwistjoni, il-fażi ta’ eżami preliminari ġiet ipprovokata minn ilment.

99      Huwa veru li dan jista’ jwassal sabiex jippermetti lill-Kummissjoni ttawwal fid-diskrezzjoni tagħha l-fażi ta’ eżami preliminari. Għaldaqstant ġie deċiż li, sa fejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jindika l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 62, u s-sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 96 supra, punt 72) u li għalhekk hija ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri tal-Istat li kienu s-suġġett ta’ lment dwar għajnuna mill-Istat (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 96 supra, punt 74). Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tad-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni għandha ssegwi, kif ukoll tal-kumplessità tal-kawża u tal-importanza tagħha għad-diversi partijiet interessati (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 45; tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II-1739, punt 57, u Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 96 supra, punt 75).

100    F’dan il-każ, bejn meta l-Kummissjoni rċeviet l-ilment, fil-21 ta’ Frar 2003, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, fit-3 ta’ Frar 2004, għadda terminu ta’ ftit iktar minn ħdax-il xahar. B’kunsiderazzjoni għan-neċessità, għall-Kummissjoni, li titlob, permezz tar-Repubblika Taljana, informazzjoni addizzjonali mingħand ir-reġjun ta’ Sardegna, dan it-terminu ma jistax jiġi kklassifikat bħala eċċessiv.

101    It-tielet nett, skont l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ għajnuna allegatament illegali bħal fil-każ ta’ għajnuna li allegatament ġiet użata ħażin, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, b’mod partikolari, bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, fil-każ inkwistjoni, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa mill-Kummissjoni kienet inizjalment tikkonċerna għajnuna li allegatament kienet ġiet użata ħażin, imbagħad, wara d-deċiżjoni ta’ rettifika, għajnuna allegatament illegali.

102    Minn dan jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti fir-Regolament Nru 659/1999.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 254(3) KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

103    Grand Hotel Abi d’Oru ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artiklolu 254(3) KE u fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, billi ma nnotifikathiex la bit-talba għal informazzjoni addizzjonali, indirizzata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana fis-26 ta’ Frar 2003 (ara l-punt 15 hawn fuq), u lanqas bid-deċiżjoni ta’ rettifika filwaqt li hija kienet, wara l-istedina li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ippreżentat kummenti dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Grand Hotel Abi d’Oru.

105    Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 254(3) KE, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika.

106    L-ewwel nett, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rettifika, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandhom dejjem ikunu indirizzati lill-Istati Membri kkonċernati (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink’s France, punt 99 supra, punt 45; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1999, ARAP et vs Il-Kummissjoni, T‑82/96, Ġabra p. II‑1889, punt 28, u SIC vs Il-Kummissjoni, punt 96 supra, punt 45). Din il-ġurisprudenza, li hija preċedenti għar-Regolament Nru 659/1999, ġiet espressament ikkonfermata bl-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jiddisponi li d-deċiżjonijiet meħuda b’applikazzjoni tal-Kapitoli II, III, IV, V u VII ta’ dak ir-regolament huma indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat, li lilu l-Kummissjoni għandha tinnotifikahom mingħajr dewmien. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif ġie kkonstatat fil-punti 69 sa 74 hawn fuq, id-deċiżjoni ta’ rettifika għandha legalment tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

107    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata esklużivament lir-Repubblika Taljana u mhux lill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 254(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru.

108    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba għal informazzjoni addizzjonali, din ma kinitx deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, b’mod li l-Artikolu 254(3) ma japplikax fir-rigward tagħha.

109    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

110    Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, kull parti interessata li tkun issottomettiet kummenti wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha tirċievi kopja tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

111    Issa, la d-deċiżjoni ta’ rettifika u lanqas it-talba għal informazzjoni addizzjonali ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjoni meħuda [...] skond l-Artikolu 7” tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, dan l-artikolu japplika esklużivament, skont it-titolu tiegħu u skont il-kontenut tiegħu, għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħlqu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minn naħa, kif ġie spjegat fil-punti 73 u 74 hawn fuq, id-deċiżjoni ta’ rettifika għandha tiġi kklassifikata, mhux bħala deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, imma, għall-kuntrarju, bħala deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dik il-proċedura. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba għal informazzjoni addizzjonali, kif ġie indikat fil-punt 108 hawn fuq, din ma kinitx att li jista’ jiġi kklassifikat bħala deċiżjoni, b’mod li din ma kinitx lanqas taqa’ taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

112    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

113    Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 254(3) KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

114    Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jressqu sitt ilmenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ rettifika.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura

115    S.F. Turistico Immobiliare ssostni li kemm id-deċiżjoni ta’ rettifika kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata huma nieqsa minn motivazzjoni fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura.

116    Id-deċiżjoni ta’ rettifika ma tispjegax ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tistenna sentejn u nofs sabiex tikkoreġi u testendi d-deċiżjoni ta’ ftuħ, filwaqt li hija kienet taf bl-elementi utli kollha mix-xahar ta’ April 2003.

117    Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, S.F. Turistico Immobiliare tammetti li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, fil-każ ta’ għajnuna possibilment illegali, bit-termini stabbiliti fl-Artikolu 4(5), fl-Artikolu 7(6) u fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 659/1999. Dan madankollu ma jimplikax li l-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix ġustifikazzjoni għat-tul anormali ta’ iktar minn 4 snin u 5 xhur tal-proċedura ta’ investigazzjoni, hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

118    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti ta’ S.F. Turistico Immobiliare.

119    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment, ma huwiex il-każ li jiġi eżaminat jekk it-tul tal-proċedura kienx effettivament eċċessiv fil-każ inkwistjoni, imma biss li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni japplikax għat-tul tal-proċedura u, f’każ affermattiv, jekk hija ssodisfatx dak l-obbligu.

120    Issa, għandha tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel waħda minn dawn id-domandi – fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq il-Kummissjoni ma japplikax għat-tul tal-proċedura imma biss għall-kontenut proprju tad-deċiżjoni.

121    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu informazzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 99 supra, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Issa, it-tul ta’ proċedura ma jirriżultax minn raġunament tal-istituzzjoni inkwistjoni, li jista’ jiġġustifika dan it-tul, imma huwa fatt purament fattwali li jiddependi esklużivament miż-żmien neċessarju sabiex dik l-istituzzjoni tikkompleta dik il-proċedura. Għalhekk dan ma jifformax parti mill-kontenut tad-deċiżjoni, li jista’ jkun immotivat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. Dan jeħtieġ biss, kif korrettement issostni l-Kummissjoni, l-enumerazzjoni purament fattwali tad-diversi stadji tal-proċedura sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

123    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala għajnuna ġdida illegali

124    Ir-reġjun ta’ Sardegna jisħaq fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward il-klassifikazzjoni tal-għajnuna għall-proġetti, li kienu diġà bdew jitwettqu qabel ma saret it-talba, bħala illegali iktar milli użata ħażin.

125    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-reġjun ta’ Sardegna.

126    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 48 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li l-iskema ta’ għajnuna implementata bl-adozzjoni b’mod partikolari tad-deliberazione Nru°33/6 ma kinitx tosserva t-termini tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, sa fejn din ma kinitx tiżgura l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna inkwistjoni, u li, għalhekk, l-għajnuna mogħtija għal proġetti li kienu bdew jitwettqu qabel ma tressqet it-talba għal għajnuna kellha tiġi kkunsidrata bħala illegali.

127    Din il-motivazzjoni turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 121 hawn fuq.

128    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali

129    L-intervenjenti u S.F. Turistico Immobiliare jsostnu nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema kkontestata (iktar ’il quddiem, l-“għajnuna kkontestata”), b’mod partikolari mill-perspettiva tar-rabta tagħha mal-iżvilupp reġjonali, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Il-Kummissjoni ma kinitx b’mod partikolari spjegat il-motivi għaliex, kuntrarjament għal każijiet oħra b’ċirkustanzi analogi, hija ma kinitx ikkunsidrat bħala applikabbli d-derogi previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE.

130    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-intervenjenti u ta’ S.F. Turistico Immobiliare.

131    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà tal-ilment imressaq minn S.F. Turistico Immobiliare, peress li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa wieħed ta’ ordni pubbliku, dan ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli, għaliex dan għandu jiġi eżaminat ex officio mill-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II-2197, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li hija ma kinitx obbligata turi l-inkompatibbiltà tal-għajnuna sa fejn huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri l-kompatibbiltà. Huwa ċertament veru li, peress li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tinkludi analiżi preliminari suffiċjenti tal-Kummissjoni li tispjega r-raġunijiet li wassluha jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, huwa l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali li għandhom jipprovdu l-elementi li juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punti 93 u 94; ara wkoll, b’analoġija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2004, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 170). Madankollu, dan jikkostitwixxi biss regola relatata mal-oneru tal-prova u mhux mal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod li kienet il-Kummissjoni li eventwalment kellha tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-motivi li wassluha tikkunsidra li, minkejja l-elementi pprovduti lilha mill-Istat Membru jew mill-benefiċjarji, l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

133    Issa, fit-tielet lok, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

134    Fil-fatt, hija indikat, fil-premessi 56 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li r-raġuni għaliex l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni kienet in-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, minħabba l-fatt li hija kienet ingħatat għal proġetti li kienu nbdew qabel ma tressqet it-talba għal għajnuna. B’mod partikolari, hija fakkret, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ neċessità tal-għajnuna huwa prinċipju ġenerali, ikkonfermat mill-ġurisprudenza, li saħansitra ġie inkluż kemm fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kif ukoll fil-linji gwida tal-1998 (ara l-premessi 58 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konstatazzjoni kienet diġà suffiċjenti sabiex timmotiva l-inkompatibbiltà tal-għajnuna, għaliex kienet kapaċi li teskludi l-kompatibbiltà ta’ kull għajnuna għall-iżvilupp reġjonali. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, billi fakkret il-kriterji stabbiliti fil-linji gwidi u billi kkonstatat li dawn il-kriterji ma kinux ġew issodisfatti f’każ partikolari, il-Kummissjoni mmotivat hekk kif mitlub mil-liġi d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta li tagħti deroga taħt l-Artikolu 87(3) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 102). Għalkemm, fil-premessi 62 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet diversi argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani u għalkemm, fil-punt 71 ta’ din id-deċiżjoni, hija spjegat li l-għajnuna kkontestata lanqas ma setgħet tiġi approvata fuq bażijiet legali oħra, dawn l-ispjegazzjonijiet huma għaldaqstant biss ta’ natura supererogatorja

135    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna kkontestata

136    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-reġjun ta’ Sardegna, l-intervenjenti, S.F. Turistico Immobiliare, Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jippreżentaw tliet argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna kkontestata.

137    L-ewwel nett, l-intervenjenti jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tispjega r-raġunijiet li wasslu sabiex, f’dan il-każ, il-preżunzjoni li tissemma fil-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, fis-sens li l-effett ta’ inċentiv kien nieqes fil-każ li x-xogħlijiet inbdew qabel it-talba għal għajnuna, ma setgħetx tiġi kkonfutata bl-argumenti invokati mir-reġjun ta’ Sardegna. Il-Kummissjoni kellha tal-inqas tipproċedi għal paragun konkret tal-allegat skwilibriju li l-ħlas tal-għajnuna kkontestata kkawża lis-suq ta’ riferiment. Issa, ma hemm ebda traċċa ta’ din il-ġustifikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

138    It-tieni nett, ir-reġjun ta’ Sardegna jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni u hija kontradittorja fir-rigward tar-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-iskema tal-għajnuna kkontestata, il-fiduċja tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarja applikabbli fil-mument li huma ħadu d-deċiżjoni li jinvestu.

139    It-tielet nett, S.F. Turistico Immobiliare, Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jargumentaw li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni fir-rigward tar-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna inkwistjoni, is-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema.

140    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

141    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-reġjun ta’ Sardegna u mill-intervenjenti, għandu qabel kollox jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni kellha tipproċedi għal paragun konkret tal-allegat skwilibriju li l-ħlas tal-għajnuna kkawża lis-suq. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni kkawżatx skwilibriju fis-suq, li hija kwistjoni li taqa’, fil-prinċipju, taħt il-kunċett ta’ għajnuna, hija rrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tagħha, li taqa’ taħt l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

142    Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni kellha tispjega r-raġunijiet li għalihom il-preżunzjoni msemmija fil-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 ma setgħetx tiġi kkonfutata bl-argumenti invokati mir-reġjun ta’ Sardegna u, b’mod partikolari, b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-iskema kkontestata, u dan mingħajr neċessità li tiddeċiedi, f’dan l-istadju, fuq il-fatt allegat mill-intervenjenti li r-rekwiżit li talba għal għajnuna titressaq qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet tirriżulta minn preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 62 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel xejn fakkret fil-qosor l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li jinsabu spjegati f’iktar dettall fil-premessi 36 sa 43 ta’ din id-deċiżjoni. Hija mbagħad indikat, għal kull wieħed minnhom, ir-raġuni li għaliha hija ddeċidiet li għandha twarrabhom. F’kull każ, ma jistax għaldaqstant ikun hemm nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, b’mod li l-argumenti mressqa mir-reġjun ta’ Sardegna u mill-intervenjenti għandhom jiġu miċħuda.

143    Fit-tieni lok, għandu jitwarrab l-argument imressaq fil-punt 139 hawn fuq, mingħajr ma hemm bżonn, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 44 hawn fuq, li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu inkwantu dan huwa mressaq minn S.F. Turistico Immobiliare.

144    Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 91 u 92 hawn fuq, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha d-dritt tillimita l-eżami tagħha għall-karatteristiċi ġenerali u astratti ta’ din l-iskema, mingħajr ma hija obbligata teżamina s-sitwazzjoni speċifika tad-diversi benefiċjarji tagħha. Issa, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina s-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji, l-obbligu ta’ motivazzjoni lanqas ma kien japplika fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, b’mod li l-argument imressaq minn S.F. Turistico Immobiliare, Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru għandu jiġi miċħud.

145    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut li tiġi applikata r-regola de minimis

146    S.F. Turistico Immobiliare u Timsas jargumentaw li l-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni li għaliha hija eskludiet mill-benefiċċju tar-regola de minimis dik il-parti mill-għajnuna li tikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi qabel id-data li fiha saret it-talba għal għajnuna.

147    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

148    Huwa biżżejjed, f’dan r-rigward, li jiġi rrilevat li, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li r-regola de minimis ma setgħetx tiġi applikata, f’dan il-każ, sabiex jiġi evitat l-obbligu li t-talba għal għajnuna titressaq qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett. Hija għaldaqstant sostniet li l-ammont li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kellu jkopri l-proġett kollu kemm hu, b’mod li ma kienx possibbli li x-xogħlijiet inizjali jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli bis-saħħa tar-regola de minimis. Hija ppreċiżat, barra minn hekk, li milli jidher l-awtoritajiet Taljani ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li benefiċjarju seta’ rċieva għajnuna de minimis abbażi ta’ skemi oħrajn.

149    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut li tiġi applikata r-regola de minimis mingħajr ma hemm lok, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 hawn fuq, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ordni ta’ rkupru

150    Ir-reġjun ta’ Sardegna jsostni n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarji. Huwa jispjega, f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-fatt li, skont il-ġurisprudenza, il-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu legalment iservu ta’ bażi għall-konvinzjoni tiegħu dwar in-natura regolari ta’ din l-għajnuna.

151    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

152    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, meta, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna tkun diġà ngħatat, il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa tintima l-awtoritajiet nazzjonali jordnaw ir-rifużjoni tagħha, ma hijiex obbligata tagħti raġunijiet speċifiċi sabiex tiġġustifika l-eżerċizzju tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġu vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I-3671, punt 8; tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 91 supra, punt 106; u tal-15 ta’ Diċembru 2006, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 99). Din il-ġurisprudenza, preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, għadha applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tispeċifika li, “[f]ejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.” Id-deċiżjoni ta’ rkupru hija għalhekk il-konsegwenza kważi awtomatika f’każ ta’ konstatazzjoni tal-illegalità u tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna – bl-unika riżerva, li tirriżulta mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li ordni ta’ rkupru ma tmurx kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Issa, f’ċirkustanzi bħal dawn, ladarba hija tkun spjegat ir-raġunijiet għaliex tqis li l-għajnuna inkwistjoni hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, hija ma tistax tkun obbligata timmotiva d-deċiżjoni li tordna l-irkupru.

153    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi rkuprata l-għajnuna kkontestata u, għalhekk, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni inġenerali.

5.     Fuq il-motivi fuq il-mertu

154    Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jressqu għaxar motivi fuq il-mertu u bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika, it-tieni nett, fuq użu ħażin ta’ poter waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-tielet nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kinitx issemmi l-kundizzjoni tat-talba minn qabel, ir-raba’ nett, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna inkwistjoni bħala illegali, il-ħames nett, fuq l-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998, is-sitt nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv, is-seba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE, it-tmien nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, id-disa’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u l-għaxar nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika

155    S.F. Turistico Immobiliare u l-intervenjenti jsostnu li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE jew tar-Regolament Nru 659/1999 ma tipprovdi għall-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid, ta’ estensjoni jew ta’ rettifika ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, S.F. Turistico Immobiliare ssostni li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, din il-proċedura għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni espressa u mhux permezz tal-ftuħ ta’ eżami ġdid. Id-deċiżjoni ta’ rettifika hija għalhekk illegali, u tivvizzja wkoll il-miżuri adottati sussegwentement.

156    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

157    Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 69 sa 72 hawn fuq, għalkemm huwa veru li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament għal deċiżjoni ta’ rettifika ta’ proċedura pendenti, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija possibbli meta l-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni legali żbaljata ta’ dawn il-fatti. Kif ġie kkonstatat fil-punti 73 u 74 hawn fuq, peress li tali deċiżjoni tingħaqad mad-deċiżjoni ta’ ftuħ sabiex tifforma ma’ din tal-aħħar deċiżjoni ta’ ftuħ emendata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija tieħu l-kwalità ġuridika tagħha.

158    Għalhekk, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ rettifika setgħet tkun ibbażata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE u fuq l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, bħal kull deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li magħhom jingħaqdu wkoll il-prinċipji ta’ ekonomija tal-proċedura u ta’ amministrazzjoni tajba, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 72 hawn fuq.

159    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika

160    S.F. Turistico Immobiliare ssostni li, billi adottat id-deċiżjoni ta’ rettifika, il-Kummissjoni użat “strataġemma mhux prevista mil-leġiżlazzjoni” sabiex tipprolunga b’mod sproporzjonat il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl-2004, bl-għan li tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tagħha stess. Hija targumenta li huwa bil-għan li tippermetti l-irkupru tal-għajnuna mħallsa li l-Kummissjoni kklassifikat mill-ġdid bħala għajnuna illegali l-għajnuna li iktar qabel hija kienet ikklassifikat bħala għajnuna użata ħażin.

161    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

162    Fl-ewwel lok, sa fejn S.F. Turistico Immobiliare ssostni li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ġiet ipprolongata b’mod sproporzjonat, għandu jitfakkar li, għalkemm jista’ jidher li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet twila f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx, fi kwalunkew każ, marbuta, kif ġie rrilevat fil-punt 101 hawn fuq, bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999.

163    Fit-tieni lok, kif ġie kkonstatat fil-punti 157 sa 159 hawn fuq, id-deċiżjoni ta’ rettifika kienet ibbażata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE u fuq l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, b’mod li bl-ebda mod ma kien il-każ, kif madankollu ssostni S.F. Turistico Immobiliare, ta’ “strataġemma mhux prevista mil-leġiżlazzjoni”.

164    Fit-tielet lok, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika ma tistax tkun intiża sabiex tippermetti l-irkupru tal-għajnuna mħallsa, kif ssostni S.F. Turistico Immobiliare. Fil-fatt, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999 tirreferi, fost oħrajn għall-Artikolu 14 tal-istess regolament, l-għajnuna użata ħażin għandha tiġi rkuprata bl-istess mod bħal għajnuna illegali, fil-każ fejn il-Kummissjoni tikkonstata li din ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, il-modifika tal-evalwazzjoni legali li seħħet fid-deċiżjoni ta’ rettifika xejn ma kienet neċessarja sabiex tiġi permessa deċiżjoni ta’ rkupru.

165    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kinitx issemmi l-kundizzjoni ta’ talba minn qabel

166    L-intervenjenti jargumentaw li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma ssemmix il-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna kellha tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet. Il-Kummissjoni għaldaqstant approvat, b’din id-deċiżjoni, skema ta’ għajnuna li ma kinitx tipprojbixxi lill-operaturi ekonomiċi li jkunu bdew ix-xogħlijiet qabel ma ppreżentaw talba għal għajnuna milli jibbenefikaw mill-għajnuna prevista minn din l-iskema. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-effett ta’ inċentiv u n-neċessità ta’ din l-għajnuna. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata ta’ ksur ta’ kundizzjoni li, fir-realtà, ma kinitx teżisti.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

168    Dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-parti tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ddedikata għad-deskrizzjoni tal-iskema approvata, il-Kummissjoni indikat mingħajr ekwivoku li “l-impriżi għandhom ikunu ppreżentaw talba għal għajnuna qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġetti ta’ investiment”.

169    Huwa veru li l-kopja tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni li tinsab annessa bħala dokument A.2 tar-rikors fil-Kawża T‑394/08 hija riprodotta b’mod li ma turix l-indikazzjoni inkwistjoni, li tidher fil-bidu tat-tieni paġna ta’ dan id-dokument. Madankollu l-kopja prodotta mill-Kummissjoni fl-anness mar-risposta fil-Kawża T‑408/08 turi li l-indikazzjoni inkwistjoni kienet tidher tajjeb. Barra minn hekk, kemm mill-proċedura prekontenzjuża bejn il-Kummissjoni u r-reġjun ta’ Sardegna kif ukoll mill-komportament ta’ din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-persuna interessata kienet konxja mill-kundizzjoni dwar it-tressiq tat-talba għal għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, ir-reġjun ta’ Sardegna qatt ma ċaħad, la fil-korrispondenza tiegħu mal-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, li impenja ruħu li jagħti l-għajnuna biss lil proġetti mibdija wara t-tressiq ta’ talba għal għajnuna.

170    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata xejn ma hija bbażata, kif madankollu jsostnu l-intervenjenti, fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ kundizzjoni, li fil-verità, ma kinitx teżisti. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv imressaq mill-intervenjenti.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala illegali, minflok bħala użata ħażin

171    Ir-reġjun ta’ Sardegna, l-intervenjenti u S.F. Turistico Immobiliare jargumentaw li, fid-deċiżjoni ta’ rettifika u fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikklassifikat l-għajnuna inkwistjoni bħala illegali, minflok bħala użata ħażin, billi jibbażaw rwieħhom fuq l-argument li din l-għajnuna kienet tikkostitwixxi modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) u (f) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, fil-verità, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti li madankollu ġiet implementata bi ksur tal-modalitajiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li jawtorizzawha.

172    L-intervenjenti jżidu li, f’dan il-każ, l-għajnuna ma kinitx ġiet immodifikata, għaliex il-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna kellha titressaq qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet ma kinitx teżisti la fil-Liġi Nru 9/1998 u lanqas fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. F’kull każ, ikun hemm modifika ta’ għajnuna eżistenti biss fil-każ fejn il-modifika taffettwa l-iskema inizjali fis-sustanza proprja tagħha. Issa, f’dan il-każ, il-modifika tista’ tiġi deskritta biss bħala waħda marġinali.

173    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

174    Qabel xejn, sabiex tkun tista’ ssir klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, għandhom jitfakkru d-definizzjonijiet li ġejjin, li jinsabu fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999.

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(ċ)      ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]

(f) ‘għajnuna kontra l-liġi’ għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE;

(g) ‘użu ħażin ta’ għajnuna’ għandha tfisser għajnuna wżata mill-benefiċjarju f’kontravenzjoni ta’ deċiżjoni meħudha skond l-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 7(3) jew (4) ta’ dan ir-Regolament;

[…]”

175    L-ewwel nett, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema inizjali, kif approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, l-għajnuna mogħtija fuq bażi ġuridika sostanzjalment differenti mill-iskema approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tal-istess regolament.

176    Din id-delimitazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, li skontha l-miżuri intiżi sabiex jistitwixxu jew jimmodifikaw għajnuna jikkostitwixxu għajnuna ġdida (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punti 17 u 18; u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 13; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani vs Il-Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra p. II-3269, punt 358). B’mod partikolari, meta l-modifika taffettwa l-iskema inizjali fis-sustanza tagħha stess, din l-iskema tiġi ttrasformata fi skema ta’ għajnuna ġdida. Għall-kuntrarju, meta l-modifika ma hijiex sostanzjali, hija biss il-modifika fiha nnifisha li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida (sentenzi Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, punt 77 supra, punti 109 u 111, u Hôtel Cipriani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 358).

177    F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 168 hawn fuq, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ssemmi espressament il-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna kellha neċessarjament titressaq qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġetti ta’ investiment. Issa, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li, fil-kuntest tal-ewwel stedina sabiex jitressqu talbiet, taħt l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 9/1998, ir-reġjun ta’ Sardegna seta’ jagħti, abbażi tad-deliberazione Nru 33/6, għajnuna għal proġetti li jkunu bdew jitwettqu qabel it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna. F’dak li jirrigwarda l-għajnuna kkontestata, l-iskema kif applikata kienet għalhekk ġiet immodifikata meta mqabbla mal-iskema kif approvata fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

178    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li din il-modifika ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda minima jew ta’ importanza żgħira. Fil-fatt, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni regolarment tissuġġetta l-approvazzjoni tagħha ta’ skemi ta’ għajnuna reġjonali għall-kundizzjoni li t-talba għall-għajnuna għandha neċessarjament tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġetti, huwa ċar li t-tneħħija ta’ din il-kundizzjoni setgħet tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni.

179    Minn dan jirriżulta li l-għajnuna kkontestata kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, u mhux bħala għajnuna eżistenti.

180    It-tieni nett, din l-għajnuna ġdida kellha tiġi kklassifikata bħala illegali, skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex il-modifika tal-iskema approvata, li r-reġjun ta’ Sardegna kien ipproċeda għaliha meta adotta d-deliberazione Nru°33/6, ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-introduzzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

181    It-tielet nett, sabiex jingħad kollox, mill-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna użata ħażin tippresupponi li huwa l-benefiċjarju li juża l-għajnuna bi ksur tad-deċiżjoni li biha din tkun ġiet approvata. Issa, f’dan il-każ, il-ksur tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma huwiex attribwibbli lill-benefiċjarji imma lir-reġjun ta’ Sardegna. Għalhekk, l-għajnuna kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna użata ħażin.

182    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat l-għajnuna kkontestata bħala illegali minflok bħala użata ħażin.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998

183    Ir-reġjun ta’ Sardegna u S.F. Turistico Immobiliare jressqu diversi motivi bbażati, essenzjalment, fuq l-allegata inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998 jew, tal-inqas, tal-punt 4.2 tagħhom.

 Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-linji gwida tal-1998

184    Ir-reġjun ta’ Sardegna u S.F. Turistico Immobiliare jsostnu li l-Liġi Nru 9/1998 ma setgħetx fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-1998, għaliex din kienet ġiet adottata l-għada tal-pubblikazzjoni tagħhom, u li, f’kull każ, il-linji gwida nfushom kienu jipprovdu li kienu ser jidħlu fis-seħħ fl-intier tagħhom biss mill-1 ta’ Jannar 2000.

185    Il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha speċifikament fuq dawn l-argumenti.

186    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni li tirrendi illegali u mhux kompatibbli mas-suq komuni l-iskema kkontestata ma tinsabx fil-Liġi Nru 9/1998, li ma ssemmi xejn dwar iż-żmien li fih kellha titressaq it-talba għal għajnuna pparagunat maż-żmien li fih jinbdew ix-xogħlijiet, imma fid-deliberazione Nru° 33/6, li tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti proġetti li nbdew qabel ma tressqet it-talba għall-għajnuna (ara l-punt 10 hawn fuq). Issa, id-deliberazione Nru°33/6 hija ddatata s-27 ta’ Lulju 2000 u għalhekk b’mod ċar wara d-data tad-dħul fis-seħħ “fl-intier tagħhom” tal-linji gwida tal-1998, l-1ta’ Jannar 2000.

187    It-tieni nett, il-punt 6.1 tal-linji gwida tal-1998 jipprovdi kif ġej:

“[I]l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida hekk kif dawn ikunu applikabbli. Madankollu, proposti għall-għajnuna li huma notifikati qabel ma’ dawn il-Linji Gwida jiġu komunikati lill-Istati Membri u li fuqhom il-Kummissjoni ma tkunx għadha adottat deċiżjoni finali għandhom jkunu stmati fuq il-bażi ta’ kriterji li jkunu fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika.”

188    Issa kif ġie kkonstatat fil-punti 177 sa 180 hawn fuq, l-iskema kkontestata ma kinitx koperta bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u, għalhekk, ma ġietx speċifikament innotifikata imma ġiet implementata b’mod illegali mill-awtoritajiet Taljani. Għalhekk il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni kellha tiġi evalwata abbażi tal-linji gwida tal-1998, skont id-dispożizzjoni ċċitata fil-punt preċedenti.

 Fuq l-argument ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-iskema preċedenti

189    Ir-reġjun ta’ Sardegna u S.F. Turistico Immobiliare jsostnu li l-Liġi Nru 9/1998 hija kontinwazzjoni kunċettwali tal-iskema tal-għajnuna preċedenti u approvata mill-Kummissjoni, li fiha l-għoti tal-għajnuna ma kienx jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-investimenti kinux diġà nbdew jew le. Hu minħabba l-bidla mhux mistennija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, immanifestata bil-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-1998, li d-deliberazione Nru 33/6 kienet ipprevediet iż-żamma, fil-kuntest tal-ewwel stedina għat-tressiq ta’ talbiet, tal-possibbiltà li tgħin ukoll proġetti li jkunu nbdew fil-perijodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 u d-data tat-tressiq tat-talbiet.

190    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni għandha tiġi evalwata esklużivament abbażi tal-karatteristiċi partikolari tagħha, fid-dawl tal-politika li l-Kummissjoni tkun qed issegwi fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni ma tistax tkun influwenzata mill-fatt li hija setgħet kienet ippreċeduta minn skemi oħra li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni aċċettat ċerti modalitajiet. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, ikun impossibbli għall-Kummissjoni timmodifika l-kriterji li abbażi tagħhom hija tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, fakultà li hija għandu jkollha sabiex tkun tista’ tirreaġixxi kemm għall-iżvilupp tal-prattika tal-Istati Membri fil-qasam tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-iżvilupp tas-suq komuni.

191    Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali

192    Ir-reġjun ta’ Sardegna jsostni li l-Liġi Nru 9/1998 kienet oriġinarjament ġiet implementata bid-Digriet Nru 285/1999, li kien jipprevedi sistema msejħa “aċċess kontinwu”. Kien biss minħabba “diliġenza eċċessiva” li iktar tard huwa ddeċieda li jistabbilixxi proċedura ta’ sejħa għal talba, bid-deliberazione Nri 33/4 u 33/6, bl-iskop li jikkonforma ruħu mal-linji gwida tal-1998 li kienu ġew adottati fl-intervall. Skont ir-reġjun ta’ Sardegna, kien sabiex jintroduċi din il-modifika, ħaġa li ma kienx obbligat jagħmel, li huwa sab ruħu kostrett jipprovdi dispożizzjoni fis-sens li t-talbiet ippreżentati qabel il-pubblikazzjoni tal-ewwel stedina għal talbiet setgħu madankollu jiġu ammessi u dan sabiex jippreżerva l-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati li kienu ressqu t-talba tagħhom għal għajnuna skont il-proċedura prevista mid-Digriet Nru 285/1999. Ir-reġjun ta' Sardegna jikkunsidra, għalhekk, li dan kien sempliċement każ ta’ “irkupru” tat-talbiet qodma li kienu tressqu qabel l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal talbiet.

193    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

194    Għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-reġjun ta’ Sardegna huma ineżatti taħt diversi aspetti.

195    Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 285/1999, intitolat “Benefici della legge” (benefiċċji mogħtija mil-Liġi [Nru 9/1998]) jipprovdi, fil-ħames paragrafu tiegħu:

“L-għajnuna għall-finanzjament prevista f’dan l-Artikolu hija mogħtija skont il-metodu tal-istedina semestrali miftuħa għat-talbiet mressqa fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, u tal-klassifikazzjoni korrispondenti tal-inizjattivi eliġibbli, stabbilita skont l-Artikolu 9 hawn taħt.”

196    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li qed isostni r-reġjun ta’ Sardegna, id-Digriet Nru 285/1999 ma stabbilixxiex sistema ta’ aċċess kontinwu imma ippreveda għall-kuntrarju, li l-għajnuna kienet “mogħtija skont is-sistema tal-istedina semestrali”.

197    It-tieni nett, mill-punt 3.3 tal-ittra tar-reġjun ta’ Sardegna mibgħuta lill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2003 jirriżulta li għaxar impriżi kienu ressqu talbiet għal għajnuna skont il-proċedura prevista fid-Digriet Nru 285/1999. Għalkemm, wara l-abrogazzjoni ta’ dan id-digriet u s-sostituzzjoni tiegħu bid-deliberazione Nru 33/4, dawn l-impriżi kellhom iressqu mill-ġdid talba ġdida fil-forom preskritti mid-deliberazione Nru°33/4, ir-reġjun ta’ Sardegna kkunsidra, f’dik l-ittra, li l-għajnuna mogħtija lil dawn l-għaxar impriżi kienet tissodisfa l-kriterju tat-talba qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet.

198    Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qablet ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tagħha jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija taħt il-Liġi Nru 9/1998, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ressaq talba għal għajnuna, abbażi ta’ din l-iskema, qabel ma jitwettqu x-xogħlijiet dwar proġett ta’ investiment inizjali. Peress li dan l-artikolu ma jgħid xejn dwar il-formalitajiet li kellhom jissodisfaw it-talbiet għal għajnuna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-għajnuna mogħtija għall-proġetti ta’ investiment imwettqa mill-għaxar impriżi kkonċernati, imma biss dik mogħtija lill-proġetti li kienu bdew jitwettqu qabel kull tressiq ta’ talba għal għajnuna taħt l-iskema prevista mil-Liġi Nru 9/1998.

199    Kuntrarjament għal dak li jallega r-reġjun ta’ Sardegna, id-dispożizzjonijiet inklużi fid-deliberazione Nru 33/6 għaldaqstant xejn ma kienu neċessarji sabiex jiġu ppreżervati l-aspettattivi tal-impriżi li kienu ressqu talba skont il-proċedura prevista mid-Digriet Nru 285/1999.

200    It-tielet nett, filwaqt li l-Artikoli 4 u 5 tad-Digriet Nru 285/1999 kienu jipprovdu, rispettivament, li setgħu jkunu is-suġġett ta’ għajnuna għall-finanzjament, interventi u xogħlijiet “li jitwettqu wara t-tressiq tat-talba għal għoti” u li kienu “eliġibbli l-ispejjeż indikati iktar ’il fuq, sakemm dawn kienu twettqu wara t-talba”, l-Artikolu 17 tal-imsemmi digriet, intitolat “dispożizzjoni tranżitorja”, kien jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li “[w]aqt l-ewwel applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet [ta’ eżekuzzjoni tal-Liġi Nru 9/1998], [...] huma eliġibbli l-interventi u l-ispejjeż imwettqa jew inkorsi wara l-5 ta’ April 1998 (data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi [Nru 9/1998])”.

201    Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni li skontha l-għajnuna setgħet tingħata għal proġetti li jkunu bdew jitwettqu qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna ma ġietx introdotta, kif jallega r-reġjun ta’ Sardegna, bid-deliberazione Nri 33/4 u 33/6 fil-kuntest tas-sostituzzjoni tad-Digriet Nru 285/1999 iżda kienet diġà tifforma parti minn dan id-digriet, li jistabbilixxi għall-ewwel darba dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-Liġi Nru 9/1998. Kuntrarjament għal dak li jallega r-reġjun ta’ Sardegna, l-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinitx għalhekk immotivata bl-adattament tal-proċeduri wara s-sostituzzjoni tad-Digriet Nru 285/1999 bid-deliberazione Nru 33/4.

202    Għalhekk, hemm lok li l-argument imressaq mir-reġjun ta’ Sardegna jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998

203    S.F. Turistico Immobiliare tinvoka, abbażi tal-Artikolu 241 KE, l-illegalità tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, sa fejn dan ma jippermettix, jew huwa interpretat bħala li ma jippermettix, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna mogħtija għall-finanzjament ta’ proġetti li jkunu bdew jitwettqu qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-imsemmi punt 4.2 huwa kuntrarju għar-ratio legis speċifika għall-politika Komunitarja fil-qasam tal-għajnuna.

204    S.F. Turistico Immobiliaire tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-proġetti li jkunu s-suġġett ta’ għajnuna mill-Istat ta’ sikwit jipprevedu interventi strutturali u infrastrutturali inkoraġġiti mill-iskema ta’ għajnuna nnifisha u jikkostitwixxu kumpless ikkoordinat ta’ xogħlijiet li, filwaqt li huma relatati bejniethom, iżommu marġni ta’ funzjonalità awtonoma. Għaldaqstant, fil-każ tagħha stess, kienu s-suġġett ta’ talba konġunta, taħt l-iskema kkontestata, proġetti ta’ rfinar, ta’ espansjoni, modernizzazzjoni, jew ta’ kostruzzjoni ġdida relatati ma’ faċilitajiet u bini varji, li għalkemm imdaħħla fl-istess talba waħda għal finanzjament, setgħu jitwettqu separatament. Madankollu, l-applikazzjoni ristrettiva tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 twassal, minħabba t-twettiq ta’ parti żgħira mix-xogħlijiet ippjanati, li tikkorrispondi għal madwar 5 % mit-totalità ta’ dawn tal-aħħar, għall-inammissibbiltà totali tal-għajnuna, għalkemm il-partijiet l-oħra tax-xogħlijiet ippjanati kienu bdew jitwettqu regolarment wara t-talba għal għajnuna.

205    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

206    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 241 KE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li, anki jekk ma jkunux fil-forma ta’ regolament, jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma tiddisponix mid-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija b’hekk batiet il-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punti 39 u 40; u tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 272).

207    Peress li l-Artikolu 241 KE ma huwiex intiż sabiex jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ natura ġenerali permezz ta’ xi rikors, l-att ġenerali, li l-illegalità tiegħu hija invokata, għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors, u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1965, Macchiorlati Dalmas vs Haute Autorité, 21/64, Ġabra p. 227, 245; u tat-13 ta’ Lulju 1996, L-Italja vs Il‑Kunsill u l-Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, 594; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 57; LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 206 supra, punt 273; u tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 35).

208    Għal dak li jikkonċerna l-linji gwida tal-1998, għandu jiġi rrilevat li mill-parti introduttiva tagħhom jirriżulta li huma jiffissaw, b’mod ġenerali u astratt, il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tapplika għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna b’għan reġjonali, skont l-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri li jagħtu din l-għajnuna. B’mod partikolari, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 tapplika għall-għajnuna kollha koperta mill-imsemmija linji gwida, irrispettivament mill-għan tagħha, mill-forma tagħha u mill-ammont tagħha.

209    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat espressament ruħha fuq il-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 ma jikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din hija bbażata fuq l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 62(1)(a) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), din il-kundizzjoni ddeterminat b’mod ġenerali u astratt il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

210    Konsegwentement, teżisti, fil-każ inkwistjoni, rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-att ġenerali kkostitwit mil-linji gwida tal-1998. Peress li S.F. Turistico Immobiliare ma kinitx f’pożizzjoni li titlob l-annullament tal-linji gwida, inkwantu att ġenerali, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 206 supra, punti 272 sa 276).

211    Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-linji gwida tal-1998 hija ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

212    Il-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 jipprovdi li “skemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tingħata qabel ma jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġetti”. L-argumenti avvanzati mir-rikorrenti insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità jikkonsistu, essenzjalment, fl-argument li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni, fis-sens li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija nieqsa minn effett ta’ inċentiv sa fejn tippermetti l-għoti ta’ għajnuna għall-finanzjament ta’ xogħlijiet mibdija qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna, ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u hija kuntrarja għal-loġika li fuqha hija bbażata l-politika Komunitarja fil-qasam tal-għajnuna.

213    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 jirreferi għal ċirkustanza ta’ ordni kronoloġika u jirreferi għaldaqstant għal eżami ratione temporis, li huwa kompletament adegwat għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv. Din l-evalwazzjoni għandha fil-fatt issir fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ investiment tal-impriża kkonċernata, li timmarka l-bidu tal-proċess dinamiku li investiment għal finijiet ta’ ġestjoni neċessarjament jikkostitwixxi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, T‑162/06, Ġabra p. II-1, punt 80). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari tirriżulta mill-fatt li l-proġett issussidjat ikun diġà nbeda, jew twettaq, mill-impriża interessata qabel ma t-talba għall-għajnuna tkun tressqet lill-awtoritajiet kompetenti, fatt li jeskludi li l-għajnuna kkonċernata jista’ jkollha effett ta’ inċentiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 69).

214    Irrispettivament minn dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kriterju tat-talba qabel it-twettiq tal-proġett huwa wieħed rilevanti u adegwat.

215    Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk miżura ta’ għajnuna għandhiex effett ta’ inċentiv, f’sitwazzjoni fejn ma huwiex possibbli li jsir eżami komplet tal-aspetti ekonomiċi kollha tad-deċiżjoni ta’ investiment tal-benefiċjarji futuri tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, mit-tieni u mir-raba’ paragrafi tal-punt 2 tal-linji gwida tal-1998, jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tapprova għajnuna reġjonali biss fil-forma ta’ skemi ta’ għajnuna, peress li hija tikkunsidra li l-għajnuna individwali ad hoc ma tissodisfax il-kundizzjoni li għandu jiġi żgurat il-bilanċ bejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għajnuna u l-vantaġġi tal-għajnuna f’termini ta’ żvilupp ta’ reġjun żvantaġġjat. Issa, waqt l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata, iċ-ċirkustanzi partikolari speċifiċi għad-diversi benefiċjarji potenzjali tal-iskema u għall-proġetti konkreti li għalihom dawn jistgħu jitolbu sussidji, bħala regola ġenerali, ma jkunux magħrufa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, din tal-aħħar għandha tibbaża ruħha, sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna, fuq kriterji li huma jew indipendenti miċ-ċirkustanzi partikolari speċifiċi għall-benefiċjarji futuri, jew uniformi għall-benefiċjarji futuri kollha. Issa, il-fatt li huwa meħtieġ li t-talba għal għajnuna tippreċedi l-bidu tat-twettiq tal-proġett issussidjat jippermetti li jiġi żgurat li l-impriża kkonċernata tkun uriet b’mod ċar ir-rieda tagħha li tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel ma tibda twettaq l-imsemmi proġett. Dan jippermetti għalhekk li jiġi evitat li jiġu ppreżentati ex post talbiet għal proġetti li jkunu diġà bdew jitwettqu irrispettivament mill-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonjiet, il-konstatazzjoni waħedha tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment tikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv.

216    Barra minn hekk, sa fejn S.F. Turistico Immobiliare tinvoka ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-proġett ta’ investiment tagħha sabiex turi li l-applikazzjoni tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998 twassal għal riżultati inaċċettabli, għandhom jiġu mfakkra mill-ġdid il-kunsiderazzjonijiet u l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 91 u 92 hawn fuq, li skonthom, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha d-dritt tillimita l-eżami tagħha għall-karatteristiċi ġenerali u astratti tal-imsemmija skema, mingħajr ma tkun marbuta teżamina s-sitwazzjoni speċifika tad-diversi benefiċjarji tagħha.

217    Għalhekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-linji gwida tal-1998.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv

218    Ir-reġjun ta’ Sardegna, l-intervenjenti, S.F. Turistico Immobiliare, Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jsostnu li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettement l-effett ta’ inċentiv tal-iskema kkontestata, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq lokali u tal-perċezzjoni suġġettiva akkwistata mill-operaturi ekonomiċi rigward il-funzjonament tal-mekkaniżi ta’ sostenn.

219    F’dan ir-rigward, huma jressqu diversi argumenti bbażati fuq l-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ skema ta’ għajnuna preċedenti, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali, iċ-ċertezza li kellhom l-impriżi, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998, li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna li kienet hemm prevista, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni partikolari jew fuq il-komportament tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata.

 Fuq l-argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari jew fuq il-komportament tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata

220    Ir-reġjun ta’ Sardegna, sostnut mill-intervenjenti, isostni li miċ-ċirkustanzi li kien hemm madwar l-investimenti magħmula mill-benefiċjarji jirriżulta li l-Liġi Nru 9/1998, minkejja li l-iskema ta’ għajnuna maħluqa minnha ma kinitx għadha ħadet il-forma definittiva tagħha, kienet wettqet kompletament ir-rwol tagħha ta’ inċentiv. Il-ksur tal-kundizzjoni ta’ neċessità huwa għaldaqstant biss apparenti, peress li l-benefiċjarji kollha kienu ppreżentaw it-talbiet għal għajnuna wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998, innotifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha. Għalhekk, numru ta’ benefiċjarji kienu għażlu l-iskema ta’ għajnuna kkontestata billi rrinunzjaw għal miżuri alternattivi li minnhom huma setgħu ċertament jibbenefikaw u kważi kollha kellhom jieħdu self bankarju li l-kundizzjonijiet tiegħu, fin-nuqqas tal-għajnuna mistennija, kienu inkompatibbli ma’ ġestjoni prudenti ta’ impriża.

221    Ir-reġjun ta’ Sardegna jqis għalhekk li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi, min-nuqqas biss ta’ talba għal għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet, li l-benefiċjarji kienu jipproċedu għal dawn l-investimenti irrispettivament mill-għajnuna, lanqas setgħet telimina l-effett ta’ inċentiv b’evalwazzjoni a posteriori abbażi ta’ kuntest leġiżlattiv emendat.

222    L-intervenjenti jżidu li, f’kull każ, in-nuqqas ta’ neċessità ta’ effett ta’ inċentiv, fil-każ ta’ bidu tax-xogħlijiet qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, jikkostitwixxi biss preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata meta l-benefiċjarji jew l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu lill-Kummissjoni elementi li jindikaw li l-kriterji ta’ inċentiv u ta’ neċessità huma ssodisfatti. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha għalhekk tevalwa jekk dan kienx il-każ, minflok ma tinħeba wara l-kriterju formali ta’ talba preċedenti għall-bidu tax-xogħlijiet.

223    S.F. Turistico Immobiliare tikkritika lill-Kummissjoni li eskludiet il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv mhux biss fir-rigward tal-proġetti li fir-rigward tagħhom ix-xogħlijiet kienu nbdew qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, imma wkoll fir-rigward tal-proġetti, ħafna iktar importanti u funzjonalment indipendenti, li fir-rigward tagħhom it-talba għal għajnuna tressqet qabel il-bidu tax-xogħlijiet, filwaqt li d-dikjarazzjoni ta’ illegalità kellha tiġi limitata biss għal dawk ix-xogħlijiet li twettqu qabel it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni riedet tkun assolutament ċerta li l-effett ta’ inċentiv jiġi salvagwardjat, hija setgħet faċilment tillimita ruħha li tadotta deċiżjoni kundizzjonali, billi tippreċiża li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li l-ispejjeż inkorsi qabel it-tressiq tat-talba għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi. Dan kien jippermettilha “tippurifika” l-għajnuna mill-applikazzjoni, ikkwalifikata bħala indebita, tal-Liġi Nru 9/1998 li saret mir-reġjun ta’ Sardegna bid-deliberazione Nru°33/6.

224    Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jargumentaw li, mil-lat tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tafferma li ma kienx possibbli li l-effett ta’ inċentiv jiġi ttrasferit minn skema għal oħra. Issa huma jfakkru li kienu ressqu talbiet taħt l-iskema kkontestata biss minħabba li kienu spiċċaw il-mezzi finanzjarji disponibbli fil-kuntest tal-iskemi ta’ għajnuna preċedenti, simili għall-iskema kkontestata, li taħthom huma kienu ressqu talbiet għall-istess proġetti. Għalhekk, ma huwiex eżatt li jingħad li huma kienu bdew iwettqu xogħlijiet qabel ma ressqu t-talba għal għajnuna u, għalhekk, l-eżistenza u l-persistenza tal-effett ta’ inċentiv huma indiskutibbli.

225    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument tar-rikorrenti.

226    Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru l-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 213 sa 215 hawn fuq, li abbażi tagħhom il-kriterju dwar it-tressiq tat-talba għal għajnuna qabel ma jinbeda t-twettiq tal-proġetti huwa rilevanti u adegwat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv ta’ skema ta’ għajnuna. Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ma huwiex iktar il-każ li jitqiegħed inkwistjoni dan il-kriterju imma biss li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti wrewx l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiżguraw l-effett ta’ inċentiv tal-iskema kkontestata anki fin-nuqqas ta’ tressiq tat-talba preċedentement għall-bidu tat-twettiq tal-proġetti inkwistjoni.

227    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, għal darb’oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala suġġett l-iskema ta’ għajnuna stabbilita bid-deliberazione Nru 33/6 u mhux l-għajnuna individwali riċevuta mir-rikorrenti taħt dik l-iskema, u li l-Kummissjoni ma kinitx għalhekk obbligata tevalwa ċ-ċirkustanzi partikolari speċifiċi tal-benefiċjarji individwali, kompitu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet Taljani fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna mingħand kull wieħed mill-benefiċjarji (ara l-punti 91 u 92 hawn fuq). Għalhekk, hemm lok li jiġu miċħuda bħala irrilevanti, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-argumenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari jew mal-komportament tal-benefiċjarji.

228    Għalhekk, għandhom jiġu mwarrba l-argumenti riprodotti fil-punti 220 sa 224 hawn fuq u għandhom jiġu eżaminati biss l-argumenti relatati, b’mod ġenerali, mal-iskema kkontestata.

 Fuq l-argument li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 ta lill-kumpanniji ċ-ċertezza li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna

229    L-intervenjenti jasserixxu li, mad-dħul fis-seħħ tagħha, fil-5 ta’ April 199, il-Liġi Nru 9/1998 kienet diġà tipprovdi fid-dettal kemm il-kriterji oġġetivi li kellhom jissodisfaw il-benefiċjarji, il-proġetti li għalihom kienet ser tingħata l-għajnuna, kif ukoll l-ammonti allokati lill-iskema inkwistjoni. Fil-fatt, id-deliberazione Nri 33/4 u 33/6 illimitaw irwieħhom li jfakkru l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 9/1998, mingħajr ma emendaw jew iċċaraw il-kriterji li kellha tissodisfa għajnuna sabiex tkun eliġibbli. Huwa għalhekk evidenti li kumpannija li kienet tissodisfa dawn il-kriterji setgħet leġittimament tistenna li ser tibbenefika minn din l-għajnuna u, konsegwentement, tħossha inċentivata tibda t-twettiq tax-xogħlijiet.

230    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tal-intervenjenti.

231    Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat li l-portata ġuridika ta’ dan l-argument għandha tiġi distinta minn dik tal-argumenti bbażati fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, ittrattata fil-punti 268 et seq iktar ’il quddiem, anki jekk l-elementi fattwali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-argumenti kollha huma sostanzjalment identiċi. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna kkontestata taqa’ taħt l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq komuni, filwaqt li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi eventwali fir-rigward tal-benefiċjarji taqa’ taħt l-eżami tal-legalità tal-ordni ta’ rkupru inkluża fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, f’dawn iż-żewġ każijiet, għandu jiġi evalwat sa fejn l-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 kienet waħedha kapaċi tnissel fir-rigward tal-impriżi koperti mill-iskema inkwistjoni ċ-ċertezza li huma kienu ser jibbenefikaw mill-għajnuna prevista f’din il-liġi.

232    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna, jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 9; tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 14; u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I-6199, punt 52). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna nnotifikata, il-fatt waħdu li l-awtoritajiet nazzjonali adottaw dispożizzjonijiet legali li jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ma jistax jagħti lill-benefiċjarji possibbli ta’ din l-iskema ċertezza li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna li tkun hemm prevista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 14; u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I-135, punt 51).

233    Għalhekk, f’dan il-każ, l-adozzjoni, mir-reġjun ta’ Sardegna, tal-Liġi Nru 9/1998 ma setgħetx waħedha tnissel, fir-rigward ta’ impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’din il-liġi, iċ-ċertezza li ser jingħataw, fil-futur, għajnuna taħt din l-iskema li kienet prevista. B’mod partikolari, kien possibli li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni tikklassifika l-iskema inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni jew li titlob il-modifika ta’ ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà tal-impriżi jew tal-proġetti ssussidjati.

234    Barra minn hekk, l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Novembru 1998, tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet f’kull każ temmet kull tama possibbli li seta’ kellhom il-benefiċjarji potenzjali dwar l-ammissibbiltà tal-proġetti mibdija qabel it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna, peress li din id-deċiżjoni kienet teskludi espressament, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 168 hawn fuq, l-għoti ta’ għajnuna, taħt l-iskema introdotta mil-Liġi Nru 9/1998, għal tali proġetti.

235    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-allegazzjoni tal-intervenjenti li l-Liġi Nru 9/1998 kienet diġà tipprovdi fid-dettal, b’mod partikolari, il-kriterji oġġettivi li kellhom jiġu ssodisfatti mill-proġetti li għalihom l-għajnuna setgħet tingħata, ma tikkorrispondix mar-realtà. Fil-fatt, filwaqt li l-Liġi Nru 9/1998 ma kienx fiha dispożizzjonijiet dwar ir-rabta temporali bejn it-tressiq tat-talba għal għajnuna u l-bidu tax-xogħlijiet, id-Digriet Nru 285/1999 introduċa espressament u b’mod eċċezzjonali, kif diġà ntwera fil-punti 200 u 201 hawn fuq, il-klawżola li, fl-ewwel applikazzjoni tal-iskema, kienu ammissibbli l-proġetti mibdija wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 u għalhekk qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna. Minn dan jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ dawn il-proġetti bl-ebda mod ma kienet tirriżulta mill-iskema prevista minn dik il-liġi.

236    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-intervenjenti

237    Konsegwentement u fid-dawl, barra minn hekk, tal-elementi diġà msemmija fil-punti 184 sa 216 hawn fuq fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-inapplikabbiltà tal-linji gwida tal-1998, l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna preċedenti u l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-iskema kkontestata għandu jiġi totalment miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE

238    L-intervenjenti u S.F. Turistico Immobiliare jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(3) KE sa fejn l-iskema kkontestata hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

239    L-intervenjenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-Liġi Nru 9/1998 estendiet għas-settur turistiku u tal-lukandi l-vantaġġi previsti minn skema preċedenti li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni, l-istess bħar-regolament ta’ applikazzjoni tagħha, bis-saħħa tad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE. Għalhekk, billi ddikjarat din l-istess skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni f’dak li jirrigwarda s-settur turistiku u tal-lukandi, il-Kummissjoni kisret l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat.

240    S.F. Turistico Immobiliare ssostni li l-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova, billi affermat, fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Taljani ma invokaw ebda argument li abbażi tiegħu l-għajnuna inkwistjoni setgħet tkun kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet differenti mill-Artikolu 87(3)(a) KE, filwaqt li kienet obbligata tevalwa liema kien l-ammont kompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx ikkalkolat l-ammonti li effettivament jirreferu għall-perijodu preċedenti għat-talba sabiex tevalwa l-effett tagħhom sal-“estent” li dawn l-ispejjeż setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Issa, fi ħdan it-talba għal għajnuna tagħha stess, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, talba relatata ma’ xogħlijiet mibdija qabel it-tressiq tat-talba u, min-naħa l-oħra, talba totalment indipendenti, relatata ma’ xogħlijiet mibdija wara t-tressiq tal-imsemmija talba.

241    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

242    Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-intervenjenti li l-Liġi Nru 9/1998 kienet tikkostitwixxi biss l-estensjoni għas-settur turistiku u tal-lukandi ta’ skema preċedenti approvata mill-Kummissjoni, raġuni li minħabba fiha l-iskema prevista minn din il-liġi ma tistax tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

243    L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna stabbilita bil-Liġi Nru 9/1998, kif innotifikata mir-Repubblika Taljana u approvata bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 87 hawn fuq, il-Kummissjoni tibqa’ tqis li din l-iskema hija kompatibbli mas-suq komuni. Għall-kuntrarju, hija l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ din l-iskema għall-proġetti li kienu bdew jitwettqu qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, ibbażata fuq id-deliberazione Nru 33/6, li kienet ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

244    It-tieni nett, anki jekk l-iskema kkontestata tikkostitwixxi l-estensjoni jew il-proroga ta’ skema preċedenti approvata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar, kif diġà ġie muri fil-punt 190 hawn fuq, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna ma tistax tkun influwenzata mill-fatt li din setgħet tkun preċeduta minn skemi oħra li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni aċċettat ċerti modalitajiet.

245    Fit-tieni lok, għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment imqajjem minn S.F. Turistico Immobiliare, li, essenzjalment, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-għajnuna kkontestata kienet inkompatibbli mas-suq komuni u mhux l-awtoritajiet Taljani li għandhom juru l-kuntrarju.

246    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huma l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew li din hija kompatibbli mas-suq komuni, peress li l-għan tal-proċedura formali huwa proprju dak li jagħti kjarifika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni kollha tal-kawża. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tifformula b’mod ċar id-dubji tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna meta hija tiftaħ proċedura formali sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-persuni interessati jirrispondu bl-aħjar mod, xorta jibqa’ l-fatt li huma dawn tal-aħħar li għandhom ineħħu dawn id-dubji u li jistabbilixxu li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 132 supra, punti 93 u 94, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, bil-għan li jikseb l-approvazzjoni ta’ għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat, huwa l-Istat Membru kkonċernat, abbażi tal-obbligu tiegħu ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li għandu jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet għad-deroga mitluba huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punt 20; u s-sentenzi tat-Tribunal Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 42 supra, punt 129; u tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T‑17/03, Ġabra p. II‑1139, punt 48).

247    F’dan il-każ, għalhekk, kienet ir-Repubblika Taljana u, sussidjarjament, il-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata li kellhom jistabbilixxu li l-proġetti li bbenefikaw minnha kienu kompatibbli mas-suq komuni.

248    Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-punt 91 hawn fuq, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali, imma tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma hija obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari.

249    Konsegwentement, l-argument ta’ S.F. Turistico Immobiliare espost fil-punt 240 hawn fuq għandu jiġi miċħud.

250    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni

251    L-intervenjenti jargumentaw li l-għajnuna msemmija fil-Liġi Nru 9/1998 ngħatat ukoll lil għaxar impriżi turistiċi li kienu bdew xogħlijiet qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi u tad-deliberazione Nri 33/4 u 33/6 li jimplementawha iżda wara t-tressiq tat-talbiet għal għajnuna tagħhom. Fid-dawl tal-kriterji indikati mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-inċentiv, dawn l-impriżi kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-intervenjenti. Issa, il-Kummissjoni ma talbitx l-irkupru tal-għajnuna mħallsa lil dawn l-għaxar impriżi, li jimplika ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

252    Barra minn hekk, skont l-intervenjenti, l-għaxar impriżi inkwistjoni kisbu vantaġġ inġustifikat meta mqabbla magħhom, li huma obbligati jħallsu lura l-għajnuna li diġà rċevew. Minn dan jirriżulta ksur tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-settur turistiku u tal-lukandi.

253    Il-Kummissjoni ma tatx espressament l-opinjoni tagħha fuq il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

254    Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li l-intervenjenti jirreferu, fil-punt 54 tan-nota ta’ intervent tagħhom, għall-għaxar impriżi, imsemmija fil-punt 3.3 tal-ittra tar-reġjun ta’ Sardegna lill-Kummissjoni, tal-14 ta’ April 2003, li kienu ppreżentaw talba għal għajnuna fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Digriet Nru 285/1999, iktar tard abrogat. Kif diġà ġie espost fil-punt 198 hawn fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qablet mal-pożizzjoni tar-reġjun ta’ Sardegna, espressa f’din l-ittra, li skontha kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment ta’ dawn l-għaxar impriżi, id-data tal-ewwel talba. Konsegwentement, hija kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija lil dawn l-għaxar impriżi kienet tosserva l-kriterju tat-talba qabel il-bidu tax-xogħlijiet u li għalhekk din ma kinitx la illegali u lanqas inkompatibbli mas-suq komuni.

255    Minn dan jirriżulta li dawn l-għaxar impriżi ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti u tal-intervenjenti. Fil-fatt, filwaqt li dawn tal-aħħar ma kienu ressqu ebda talba għal għajnuna qabel ma bdew ix-xogħlijiet relatati mal-proġetti ta’ investiment tagħhom, l-għaxar impriżi inkwistjoni kienu effettivament ippreżentaw talbiet, abbażi ta’ digriet ta’ applikazzjoni li iktar tard ġie abrogat. Issa, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni dwar jekk talba għal għajnuna hijiex konformi mal-formalitajiet previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni nazzjonali hija sekondarja. Hekk kif ġie espost fil-punt 215 hawn fuq, il-fatt li jiġi meħtieġ li l-impriża kkonċernata tkun uriet b’mod ċar ir-rieda tagħha li tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel ma tibda t-twettiq tal-proġett issussidjat jippermetti li jiġi evitat li jiġu mressqa ex post talbiet għal proġetti li t-twettiq tagħhom ikun inbeda irrispettivament mill-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna.

256    Peress li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta mill-għaxar impriżi msemmija mill-intervenjenti imma mhux minn dawn tal-aħħar u mir-rikorrenti, ma kienx hemm, f’dan il-każ, trattament mhux ugwali f’sitwazzjonijiet paragunabbli, lanqas ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità. Minn dan jirriżulta wkoll li l-għaxar impriżi inkwistjoni ma bbenefikawx minn vantaġġ kompetittiv inġustifikat meta mqabbla mal-intervenjenti.

257    Għalhekk il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi


 Fuq l-aspettattivi leġittimi tar-reġjun ta’ Sardegna, dwar l-ineżistenza ta’ linji gwida, fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998

258    Ir-reġjun ta’ Sardegna jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tiegħu fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Issa l-eżistenza ta’ dawn l-aspettattivi kellha tiġi eżaminata ex officio mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprojbiha milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna jekk ikun jidher li dan imur kontra prinċipju tad-dritt Komunitarju.

259    Minn naħa, huwa jsostni f’dan ir-rigward li l-obbligu li jiġi stabbilit li talba għal għajnuna tkun imressqa qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġetti jirriżulta direttament mil-linji gwida tal-1998 u ma kienx previst fl-iskema preċedenti ta’ għajnuna reġjonali. Min-naħa l-oħra, dawn il-linji gwida kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ġurnata qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998. Għalhekk, huwa jqis li huwa ma kienx oġġettivament f’qagħda li jiżgura, mill-bidu, il-konformità tal-Liġi Nru 9/1998 mal-linji gwida tal-1998.

260    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-reġjun ta’ Sardegna.

261    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa disponibbli lil kull persuna li fiha istituzzjoni tnissel tamiet fondati. Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li tkun ħatja ta’ ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 30; u tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I-6773, punt 41; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II-1563, punt 76).

262    F’dan il-każ, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 177 sa 180 hawn fuq, sa fejn id-dispożizzjonijiet previsti fid-deliberazione Nru 33/6 ma kinux josservaw il-kundizzjoni li t-talba għal għajnuna kellha tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet, ir-reġjun ta’ Sardegna introduċa skema ta’ għajnuna illegali għaliex mhux innotifikata lill-Kummissjoni. Ir-reġjun ta’ Sardegna għalhekk kiser il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, sa fejn huwa ma osservax l-Artikolu 88(3) KE li jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jimplementaw għajnuna ġdida qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

263    Dan il-ksur kien wieħed ċar, peress li kemm il-linji gwida tal-1998 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienu espressament isemmu l-kundizzjoni tat-talba qabel il-bidu tax-xogħlijiet.

264    Barra minn hekk, f’ittra tat-28 ta’ Settembru 1998, ir-reġjun ta’ Sardegna żgura lill-Kummissjoni li “l-għoti tal-għajnuna prevista mil-Liġi [Nru 9/1998] jista’ jibbenefika biss lill-inizjativi ta’ impriżi li għandhom jitwettqu iktar tard”. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-test tal-Liġi Nru 9/1998 ma kienx jipprevedi huwa stess l-għoti ta’ għajnuna għal proġetti ta’ investiment mibdija qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna. Għalhekk ma huwiex determinanti li, matul il-proċedura leġiżlattiva li tikkonċerna din il-liġi, ir-reġjun ta’ Sardegna ma setax, fil-fatt, jieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tal-1998, ippubblikati lejlet l-adozzjoni tal-liġi. Għall-kuntrarju, it-testi li jintroduċu l-possibbiltà li jiġu mressqa talbiet għal għajnuna retroattivament għal proġetti diġà mibdija, jiġifieri, id-Digriet Nru 285/1999 u d-deliberazione Nru 33/6, kienu ġew adottati, rispettivament, fid-29 ta’ April 1999 u fis-27 ta’ Lulju 2000, u huma, għalhekk ħafna wara kemm tal-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-1998 kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

265    Fl-aħħar nett, mill-kliem stess tad-deliberazione Nru 33/6 jirriżulta li r-reġjun ta’ Sardegna kien jaf perfettament li l-ammissjoni ta’ talbiet għal għajnuna għall-proġetti diġà mibdija kienet tikser id-dritt Komunitarju, peress li d-deliberazione Nru 33/6 issemmi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni reġjonali “li tirriżulta mill-pubblikazzjoni uffiċjali tad-direttivi li jkun fihom indikazzjonijiet li, bħal f’dan il-każ, ma humiex konformi mar-regoli tal-UE”.

266    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 261 hawn fuq, ir-reġjun ta’ Sardegna ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

267    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ dan il-prinċipju, inkwantu dan huwa bbażat fuq l-allegata aspettattiva tar-reġjun ta’ Sardegna, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni preċedenti u fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ

268    Ir-reġjun ta’ Sardegna, l-intervenjenti, S.F. Turistico Immobiliare, Timsas u Grand Hotel Abi d’Oru jsostnu li l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni setgħu jkollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna li rċevew. Dawn l-aspettattivi kienu b’mod partikolari protetti bl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

269    Skont dawn il-partijiet, l-aspettattivi tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata kienu bbażati fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, fuq il-fatt li l-Liġi Nru 9/1998 kienet diġà tippreċiża hija stess il-kriterji kollha meħtieġa għall-għoti ta’ għajnuna individwali, fuq l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Taljani u fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2000, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna għall-investimenti fir-reġjuni żvantaġġjati tal-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2006 (għajnuna mill-Istat Nru 715/99 – l-Italja), li avviż fil-qosor tagħha kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU C 278, p. 26) u li kienet tirrigwarda l-iskema ta’ għajnuna msemmija fil-legge n. 488/92, conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 22 ottobre 1992, n. 415, concernente rifinanziamento della legge 1 marzo 1986, n. 64, recante disciplina organica dell’intervento straordinario nel Mezzogiorno (Liġi Nru 488/92 li tikkonverti f’liġi, b’emendi, id-Digriet-Liġi Nru 415, tat-22 ta’ Ottubru 1992, dwar ir-rifinanzjament tal-Liġi Nru 64 tal-1 ta’ Marzu 1986, li tirregola b’mod sostantiv l-intervent straordinajru fil-Mezzogiorno), tad-19 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 299 tal-21 ta’ Diċembru 1992, p. 3, u r-rettifika, GURI Nru 301, tat-23 ta’ Diċembru 1992, p. 40), li kienet tipprovdi li l-ispejjeż eliġibbli kienu dawk li kienu sostnuti wara d-data tal-għeluq tal-avviż preċedenti għal dak li taħtu t-talba għal għajnuna kienet tressqet.

270    L-aspettattvi tagħhom kienu ġew imsaħħa bid-Digriet Nru 285/1999 u bid-deliberazione Nru°33/6, bil-kjarifiki miksuba mingħand id-dipartimenti amministrattivi tar-reġjun ta’ Sardegna dwar il-konformità tal-għajnuna mas-suq komuni, bil-fatt li r-Reġjun kien regolarment jilqa’ t-talbiet għal rimbors u bid-dewmien tal-Kummissjoni biex twettaq ix-xogħol tagħha mingħajr ma adottat miżuri ta’ sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna.

271    S.F. Turistico Immobiliare ssostni li dawn l-aspettattvi ma jistgħux jiġu ddubitati mill-fatt li la d-Digriet Nru 285/1999 u lanqas id-deliberazione Nru 33/6 ma kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont S.F. Turistico Immobiliare, ikun eċċessiv li jiġi meħtieġ li l-benefiċjarji jitolbu lir-reġjun ta’ Sardegna l-prova formali tan-notifika lill-Kummissjoni ta’ kull miżura li għandha effett fuq il-proċedura, jew li jistaqsu lill-Kummissjoni, wara l-għoti tal-għajnuna, jekk kull att sussegwenti u potenzjalment sinjifikattiv ġiex tassew innotifikat lilha.

272    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.

273    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq l-aspettattivi leġittimi jippreżumi l-preżenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom ikunu ngħataw lill-persuna interessata mill-amministrazzjoni Komunitarja. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ dak li lilu jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77; u tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il-Kummissjoni, T‑444/07, Ġabra p. II‑2121, punt 126).

274    Madankollu, aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, bħala regola ġenerali, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu, normalment, ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 232 supra, punt 14; tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 232 supra, punt 51; u tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C‑24/95, Ġabra p. I‑1591, punt 25).

275    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 168 u 180 hawn fuq, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet b’mod ċar tindika li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss għajnuna għal proġetti mibdija wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna, u l-għajnuna inkwistjoni, li ma kinitx tosserva din il-kundizzjoni, ma kinitx għalhekk ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE. Minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, li l-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jitħallew jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ din l-għajnuna.

276    Ċertament, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà, għall-benefiċjarji ta’ għajnuna kontra l-liġi, li jinvokaw, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu skont il-liġi jservu ta’ bażi għall-aspettattivi leġittimi tagħhom fir-rigward tal-karattru regolari ta’ dik l-għajnuna, sabiex jopponu għall-irkupru tagħha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 232 supra, punt 16; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 69; u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punt 136).

277    Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta impliċitament (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 232 supra, punti 13 sa 16; u Alcan Deutschland, punt 274 supra, punti 24 u 25) u ġie espressament deċiż diversi drabi mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punti 104 u 104; tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 83; u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punt 137), li dawn il-benefiċjarji jistgħu jinvokaw tali ċirkustanzi eċċezzjonali, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru quddiem il-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw, jekk ikun il-każ wara li jkunu għamlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari għal interpretazzjoni, iċ-ċirkustanzi tal-każ.

278    Fi kwalunkwe każ, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati f’dan il-każ mir-rikorrenti u mill-intervenjenti ma tista’ titqies bħala li tista’ tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

279    L-ewwel nett, sa fejn ġie allegat li l-allegati aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji kienu bbażati fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u fuq il-fatt li l-Liġi Nru 9/1998 kienet diġà tippreċiża hija stess il-kriterji kollha meħtieġa għall-għoti ta’ għajnuna individwali, b’mod li l-benefiċjarji potenzjali li kienu jissodisfaw dawn il-kriterji setgħu jistennew li jiksbu l-benefiċċju, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 232 sa 234 kif ukoll fil-punt 168 hawn fuq li la l-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998 u lanqas id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma setgħu jservu ta’ bażi għaċ-ċertezza li huma jistgħu, skont il-liġi, jibbenefikaw mill-għajnuna kkontestata. Konsegwentement, lanqas dawn l-atti ma setgħu jservu ta’ bażi għal aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata.

280    Xejn ma jirriżulta iktar mill-punt 189 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni (T‑6/99, Ġabra p. II‑1523), invokata mir-reġjun ta’ Sardegna. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hija kienet espressament awtorizzat l-għajnuna inkwistjoni, b’deċiżjoni adottata wara n-notifika fil-forma tajba u korretta mill-Istat Membru kkonċernat. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kien jipprekludi l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet iktar tard, abbażi ta’ informazzjoni ġdida, ikkonstatat l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni (sentenza ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 188 u189).

281    It-tieni nett, fir-rigward tal-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, bid-Digriet Nru 285/1999, tad-deliberazione Nru°33/6, tal-kjarifiki miksuba mingħand id-dipartimenti amministrattivi tar-reġjun ta’ Sardegna fir-rigward tal-konformità tal-għajnuna mas-suq komuni u tal-fatt li r-reġjun ta’ Sardegna kien regolarment jilqa’ t-talbiet għal rimbors, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dawn l-elementi kollha jikkostitwixxu komportamenti tal-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant dawn ma jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 273 hawn fuq, li abbażi tagħha hija l-amministrazzjoni Komunitarja li għandha tkun ipprovdiet lill-interessati, assigurazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-aspettattvi tagħhom.

282    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat dewmien tal-proċedura tal-Kummissjoni, minbarra l-fatt, irrilevat fil-punt 100 hawn fuq, li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ma jistax jiġi kklassifikat bħala eċċessiv f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament issostni li kull nuqqas ta’ azzjoni apparenti min-naħa tagħha huwa irrilevanti meta skema ta’ għajnuna ma kinitx ġiet innotifikata lilha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punt 52).

283    Ir-raba’ nett, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar l-iskema ta’ għajnuna msemmija fil-legge Nru°488/92, li kienet tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż inkorsi qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, lanqas ma setgħet isservi ta’ bażi għal aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 87(1) KE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Skont il-ġurisprudenza, id-derogi għal dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati ristrettivament (sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punt 75). Minn dan jirriżulta li deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna tirrigwarda biss l-għoti effettiv tal-għajnuna li taqa’ taħt din l-iskema u ma tistax, għalhekk, isservi ta’ bażi għal aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji potenzjali ta’ proġetti futuri ta’ għajnuna simili dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2008, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, T‑362/05 u T‑363/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 80).

284    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattvi leġittimi għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis

285    L-intervenjenti u S.F. Turistico Immobiliare jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward ta’ għajnuna de minimis.

286    L-intervenjenti jqisu, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni jmissha limitat ruħha li tordna lir-reġjun ta’ Sardegna tirkupra l-parti tal-ammont tal-għajnuna mħallsa li taqbeż il-limitu ta’ EUR 200,000 stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar [għal]l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, p. 654) jew, f’kull każ, dik li taqbeż il-limitu ta’ EUR 100 000 stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 69/2001.

287    S.F. Turistico Immobiliare żżid li, billi eskludiet li l-ispejjeż inkorsi qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna jiġu kkunsidrati bħala mwettqa bis-saħħa ta’ għajnuna de minimis, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eċċezzjonali fit-territorju tar-reġjun ta’ Sardegna, li tirriżulta mis-sovrapożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntradittorji, ta’ sorsi differenti u kollha intiżi sabiex jirregolaw l-għajnuna fis-settur tat-turiżmu.

288    Skontha, l-għajnuna de minimis hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika, peress li din tkopri “kull għajnuna pubblika” u ma tippreġudikax il-possibbiltà li wieħed jirċievi għajnuna oħra għall-istess proġett. Il-kliem “proġett fl-intier tiegħu” huwa interpretat b’mod formalistiku żżejjed mill-Kummissjoni abbażi tal-ewwel spiża indikata fil-kalkolu mehmuż mat-talba.

289    Il-Kummissjoni tikkonfuta dawn l-argumenti.

290    Hemm lok, qabel xejn, li jiġu ddeterminati liema mid-diversi strumenti suċċessivi fil-qasam ta’ għajnuna de minimis huwa applikabbli ratione temporis għall-fatti ta’ din il-kawża. Fil-fatt, din il-materja kienet suċċessivament is-suġġett tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 1996 C 68, p. 9), tar-Regolament Nru 69/2001 u tar-Regolament Nru 1998/2006.

291    Skont it-tielet sentenza tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 69/2001 u l-premessa 10 tar-Regolament Nru 1998/2006, l-għajnuna de minimis għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fil-mument li fih id-dritt legali li wieħed jirċievi dik l-għajnuna huwa mogħti lill-benefiċjarju, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mid-diversi tabelli li jinsabu fl-ittra tar-reġjun ta’ Sardegna tal-14 ta’ April 2003 jirriżulta li t-talbiet għal għajnuna relatati mal-għajnuna kkontestata tressqu bejn l-20 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu 2001. Minn dan jirriżulta li d-data li fiha din l-għajnuna ngħatat ma setgħetx tkun qabel ix-xahar ta’ April 2001. Issa skont l-Artikolu 4(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 69/2001 daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2001, għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, fit-13 ta’ Jannar 2001. F’dan il-każ, għandhom għalhekk jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis li jinsabu fir-Regolament Nru 69/2001.

292    Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 2, intitolat “L-għajnuna de minimis”, tar-Regolament Nru 69/2001 jipprovdi:

“1.      Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jaqblux mal-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandhom għalhekk ma jaqgħux taħt ir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jekk dawn jaqblu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.      L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil xi impriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 100000 fuq xi perjodu ta’ tliet snin. Il-limitu għandu għodd irrispettivament mill-forma ta’ l-għajnuna jew l-oġġettiv rikjest.

[…].”

293    Barra minn hekk, skont ir-raba’ sentenza tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 69/2001, “[i]r-regola de minimis hi mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-impriżi jirċievu, ukoll għall-istess proġett, l-għajnuna ta’ l-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni jew koperta permezz ta’ Regolament dwar eżenzjoni tal-grupp”.

294    Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-paragrafi segwenti dwar l-applikazzjoni tar-regola de minimis:

295    Skont il-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[I]l-Kummissjoni ma tqisx bħala aċċettabbli l-argumenti li ġabet il-parti Taljan dwar ir-regola ‘de minimis’ peress li din ir-regola ma tistax tintuża biex jinħarab l-obbligu impost mil-linji ta’ gwida li t-talba għall-għajnuna tiġi ppreżentata qabel il-bidu tat-twettiq tal-proġett, sabiex ikun rispettat il-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv. Fil-fatt, is-somma li għandha tiġi kkunsidrata għandha tkun tal-proġett fl-intier tiegħu u mhux biss tal-parti mill-għajnuna mogħtija qabel it-talba għall-għajnuna. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax taċċetta li jkun possibbli li tqis bħala eliġibbli x-xogħlijiet mibdija abbażi tar-regola ‘de minimis’, b’mod li tispiċċa ’l barra mil-linji ta’ gwida [tal-1998].”

296    Fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat:

“Din id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tapplika għall-għajnuniet kollha mogħtija għal proġetti li l-ispejjeż eliġibbli tagħhom kienu saru qabel il-preżentazzjoni ta’ talba għall-għajnuna, abbażi tal-miżura ta’ twettiq relevanti fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, li jkunu akbar mill-ammont de minimis li għalih il-benefiċjarju seta’ jkollu aċċess fil-mument f’kunsiderazzjoni, ikkalkolat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 69/2001”

297    Minn dawn iż-żewġ premessi, moqrija flimkien, jirriżulta li l-Kummissjoni ma riditx teskludi, b’mod assolut, l-applikazzjoni tar-regola de minimis għall-għajnuna kkontestata. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet biss fuq l-iskema ta’ għajnuna kif emendata bid-deliberazione Nru°33/6. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma teskludi li r-regola de minimis tista’ tiġi applikata għal xi wħud mill-għajnuniet individwali mogħtija abbażi ta’ din l-iskema.

298    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-regola kienet tippresupponi li l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta għal proġett partikolari jkun inqas mil-limitu de minimis disponibbli għall-impriża inkwistjoni u li għalhekk ma kienx possibbli li jiġi sempliċement imnaqqas l-ammont ekwivalenti għal dan il-limitu mill-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, lanqas li jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-ammont ekwivalenti għax-xogħlijiet effettivament imwettqa qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna.

299    Għalhekk il-partijiet ma jaqblux biss fuq il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola de minimis, li l-għajnuna relatata ma’ proġett partikolari tinqasam, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija regola għall-ammont li jkun inqas mil-limitu applikabbli jew jekk, għall-kuntrarju, għajnuna relatata ma’ proġett partikolari għandhiex tiġi kkunsidrata bħala indiviżibbli u tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regola de minimis għall-għajnuna li teċċedi dan il-limitu.

300    Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 69/2001, hemm lok li din il-kwistjoni tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tar-regola de minimis.

301    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 3.2 tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 1992 C 213, p. 2), il-Kummissjoni mmotivat l-ewwel introduzzjoni tar-regola de minimis bil-fatt li “mhux kull għajnuna għandha [...] impatt sinjifikattiv fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni bejn Stati Membri”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] li japplika “b’mod partikolari għall-għajnuna li l-ammont tagħha jkun żgħir ħafna”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll bix-xewqa “li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi fl-interess tal-SMEs” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, ikun “mixtieq li l-għajnuna li tilħaq ċertu ammont assolut, li taħtu l-Artikolu [87](1) [KE] jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ma huwiex applikabbli, ma tkunx iktar suġġetta għal notifika minn qabel lill-Kummissjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

302    Bl-istess mod, fit-tieni paragrafu tal-komunikazzjoni tagħha tal-1996 dwar l-għajnuna de minimis (ara l-punt 290 hawn fuq), il-Kummissjoni mill-ġdid invokat “xewqa ta’ simplifikazzjoni amministrattiva kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni – li għandha tkun tista’ tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq il-każijiet ta’ importanza reali fuq livell Komunitarju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

303    Fir-rigward tar-Regolament Nru 69/2001, dan ma jinkludix premessi espressament iddedikati għar-ratio legis tar-regola de minimis u jillimita ruħu li jipprevedi l-elementi segwenti:

“Fid-dawl ta' l-esperjenza tal-Kummissjoni, jista’ jkun stabbilit li l-għajnuna li ma teċċedix limitu ta’ EUR 100000 fuq perjodu ta’ tliet snin ma jaffettwax [taffettwax] il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma jgħawwiġx [tikkawżax distorsjoni] jew jhedded li jgħawweġ [thedded li tikkawża distorsjoni tal-] il-kompetizzjoni u għalhekk ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) [KE]” (l-ewwel sentenza tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 69/2001).

304    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-għan tar-regola de minimis huwa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, kemm fl-interess tal-benefiċjarji ta’ għajnuna ta’ ammont relattivament żgħir u għalhekk li ma tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll f’dak tal-Kummissjoni, li għandha tkun tista’ tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq il-każijiet li għandhom interess Komunitarju reali.

305    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jiġi aċċettat li għajnuna tinqasam sabiex parti tibbenefika mir-regola de minimis ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li, mill-ammont ta’ għajnuna maħsuba għal impriża, jitnaqqas l-ammont ekwivalenti għal-limitu de minimis ma jiffrankax la lill-Kummissjoni l-kompitu li jkollha teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni fir-rigward tal-ammont li jeċċedi dan il-limitu tal-għajnuna inkwistjoni, u lanqas lill-impriża kkonċernata milli jkollha tistenna l-eżitu ta’ dak l-eżami qabel ma tkun tista’ tibbenefika jew, fil-każ ta’ għajnuna illegali, ma jkollha, jekk ikun il-każ, tirrimborsaha.

306    Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li jiġi aċċettat il-qsim jista’ jwassal, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex jiġi rrinunzjat il-prinċipju li skontu l-kompatibbiltà tal-għajnuna tippresupponi l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv u dan fir-rigward tal-ammont kollu tal-għajnuna mogħtija. Fil-fatt, fil-każ fejn l-ammonti li jikkorrispondu għax-xogħlijiet mwettqa qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna jkunu inqas mil-limitu ta’ EUR 100 000 u ma għandhomx għalhekk jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, ikollu għalhekk jiġi konkluż li ebda għajnuna ma tkun ingħatat qabel it-talba għal għajnuna. Konsegwentement, il-proġett ikollu jitqies bħala li nbeda wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna, filwaqt li, fir-realtà, dan il-kriterju ma jkunx ġie osservat.

307    Tali riżultat iqiegħed f’perikolu li jiġu kompromessi l-għanijiet li l-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat inġenerali trid tilħaq, għaliex jista’ jdgħajjef ir-rieda tajba tal-Istati Membri u tal-impriżi li josservaw l-obbligu li ma jagħtux għajnuna mill-Istat qabel ma l-Kummissjoni tkun setgħet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Fil-fatt, anki jekk l-ammonti li jikkorrispondu għax-xogħlijiet imwettqa qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna jkunu ogħla mil-limitu ta’ EUR 100 000, il-benefiċjarji jistgħu allura jkunu żguri li għall-inqas parti mill-għajnuna mħallsa illegalment ma tkunx irkuprata. Issa kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, ir-regola de minimis ma hijiex intiża sabiex tiggarantixxi lil kull impriża li tkun ingħatat għajnuna illegali li hija ser tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis sal-limitu de minimis.

308    Din l-aħħar kunsiderazzjoni hija msaħħa minn analiżi tal-kunċett innifsu ta’ “għajnuna de minimis”. Fil-fatt, dan il-kunċett jindika li l-għajnuna għandha tkun ta’ ammont żgħir. Issa, il-fatt li jiġi aċċettat ex post il-qsim tal-għajnuna li teċċedi l-limitu applikabbli f’dan ir-rigward jimplika li għajnuna li ma kinitx ta’ ammont żgħir fil-mument li ngħatat tibbenefika parzjalment mir-regola de minimis.

309    Huwa veru li, wara l-irkupru tal-ammont totali tal-għajnuna mogħtija illegalment, l-Istat Membru inkwistjoni jista’, bħala regola ġenerali, immedjatament jagħti lill-impriża għajnuna de minimis ġdida sal-limitu ta’ EUR 100 000. Madankollu, kif il-Kummissjoni enfasizzat fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dan ikun jeħtieġ deċiżjoni ġdida ta’ għoti ta’ fondi pubbliċi mill-Istat Membru, li jibqa’ liberu fid-deċiżjoni tiegħu, b’mod li l-projbizzjoni tal-qsim ma tistax tiġi kkunsidrata bħala regola purament ta’ forma.

310    Għalhekk, l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 69/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE ma tistax tiġi applikata għal ammonti li jkunu parti minn għajnuna li l-ammont totali tagħha jeċċedi l-limitu ta’ EUR 100 000 fuq perijodu ta’ tliet snin.

311    F’kull każ, l-inklużjoni espliċita ta’ din l-interpretazzjoni restrittiva fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1998/2006 għandha għalhekk tinftiehem bħala li tintroduċi kjarifika u mhux bħala li żżid kundizzjoni ġdida għall-applikazzjoni tar-regola de minimis.

312    Għaldaqstant, l-argument tal-intervenjenti li l-Kummissjoni kien imissha llimitat ruħha li tordna lir-reġjun ta’ Sardegna jirkupra l-parti mill-ammont tal-għajnuna mħallsa li kienet teċċedi l-limitu ta’ EUR 200 000, jew, għall-inqas, il-limitu ta’ EUR 100 000, għandu jiġi miċħud. Hekk ukoll, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ S.F. Turistico Immobiliare li l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat biss il-parti tal-ispejjeż inkorsi qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola de minimis.

313    Dan ma jeskludix il-possibbiltà li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ kull każ partikolari li għaliha l-awtoritajiet Taljani għandhom jipproċedu waqt l-irkupru tal-għajnuna kkontestata, jista’ jiġi stabbilit li ċerti proġetti li kienu nbdew qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, u li ma jistgħux għalhekk jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-iskema introdotta bil-Liġi Nru 9/1998, huma funzjonalment indipendenti minn proġetti oħra li nbdew biss wara d-data tat-tressiq tat-talba għal għajnuna u, għalhekk, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt din l-istess skema. Madankollu, din hija kwistjoni li ma għandhiex tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

314    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis għandu jiġi miċħud.

315    Għaldaqstant, ir-rikorsi għandhom jiġi miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

316    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni, bl-esklużjoni ta’ dawk li hija sostniet minħabba l-intervent, kif ukoll l-ispejjeż tagħhom.

4)      L-intervenjenti fil-Kawża T‑394/08 għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-intervent kif ukoll l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

FiremWerrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-motivi mressqa mill-intervenjenti fil-Kawża T‑394/08

2.  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti lmenti mressqa fl-istadju tar-replika

Il-Kawża T‑394/08

Il-Kawża T‑408/08

Il-Kawża T‑453/08

Il-Kawża T‑454/08

3.  Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni ta’ rettifika

Fuq in-natura ġuridika tad-deċiżjoni ta’ rettifika

Fuq il-konsegwenzi, fil-każ inkwistjoni, għall-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni ta’ rettifika

4.  Fuq il-motivi bbażati fuq difetti proċedurali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 254(3) KE u tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala għajnuna ġdida illegali

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-inkompatibbiltŕ tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna kkontestata

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut li tiġi applikata r-regola de minimis

Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ordni ta’ rkupru

5.  Fuq il-motivi fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rettifika

Fuq il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kinitx issemmi l-kundizzjoni ta’ talba minn qabel

Fuq il-motiv ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala illegali, minflok bħala użata ħażin

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-inapplikabbiltŕ tal-linji gwida tal-1998

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-linji gwida tal-1998

Fuq l-argument ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-iskema preċedenti

Fuq l-argument ibbażat fuq il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal-1998

–  Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

–  Fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv

Fuq l-argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari jew fuq il-komportament tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata

Fuq l-argument li s-sempliċi dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/1998 ta lill-kumpanniji ċ-ċertezza li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalitŕ u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq l-aspettattivi leġittimi tar-reġjun ta’ Sardegna, dwar l-ineżistenza ta’ linji gwida, fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 9/1998

Fuq l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni preċedenti u fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna de minimis

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.