Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Settembru 2008 - AEPI vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-392/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Elliniki Etaireia pros Prostasia tis Pnevmatikis Idioktisias A.E. (Ateni, Il-Greċja) (rappreżentanti: P. Xanthopoulos u Th. Asprogerakas-Grivas, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' r-rikors preżenti fl-intier tiegħu;

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Nru C(3435) finali tas-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ COMP/C2/38.698-CISAC dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u għall-onorarji tal-avukati ad litem tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrennti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(3435) finali tas-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ COMP/C2/38.698-CISAC sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti kisret l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE, billi rrikorriet, fil-ftehim ta' rappreżentanza mas-soċjetajiet l-oħra, għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 11(2) tal-kuntratt standard tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u tal-Kompożituri (il-" kuntratt standard tas-CISAC") jew billi fil-fatt applikat limitazzjonijiet relattivi għall-ammissjoni tal-membri u billi kkordinat id-definizzjonijiet territorjali b'mod li l-liċenzji jkunu limitati għat-territorju domestiku ta' kull collecting society.

Ir-rikorrenti tqajjem il-motivi ta' annullament segwenti:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tar-realtà inġenerali, tal-provi u tal-elementi soġġettivi tal-ksur.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tagħha għal smigħ ġie injorat, u t-tielet nett, li l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE ġew applikati b'mod żbaljat, peress li r-rikorrenti ġiet ikkundannata għal ksur ineżistenti. B'mod partikolari, hija ssostni li, billi ffirmat klawżoli territorjali, ma kienx hemm ksur tal-kompetizzjoni iżda dawn il-klawżoli kienu imposti sabiex id-detenturi jiġu ggarantiti amministrazzjoni tajba tad-drittijiet tagħhom fil-pajjiż fejn kull soċjetà kontraenti topera. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ammettiet li l-klawżoli ta' territorjalità esklużiva fil-kuntratti ta' rappreżentanza reċiproka mhumiex ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkunsidrax li, skont id-dritt Komunitarju, il-proprjetà intellettwali u x-xogħlijiet artistiċi u x-xogħlijiet kreattivi mhumiex bħall-prodotti u s-servizzi l-oħra u li hija tagħmel żball meta tissoġġetthom għar-regoli ġuridiċi applikabbli għal dawn tal-aħħar.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 151 KE li jistabbilixxi l-prinċipju tal-eċċezzjoni kulturali li jistipula li l-Kummissjoni għandha, meta tadotta kwalunkwe leġiżlazzjoni, tikkunsidra l-aspetti kulturali, billi jkollha bħala għan ir-rispett u l-promozzjoni tad-diversità tal-kulturi tal-Komunità.

Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li ma ġietx eżaminata l-eżistenza ta' responsabbiltà fil-kuntest tal-eżami tal-ksur invokat fl-Artikolu 81 KE jammonta għal applikazzjoni żbaljata tar-regola tad-dritt u twassal għal nuqqas manifest ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Is-seba' nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità peress li s-soċjetajiet Ewropej ta' amministrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mhumiex tal-istess daqs, kif ukoll il-prinċipju tal-imparzjalità, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara proċedura pre-kontenzjuża vvizzjata bi żbalji. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta' kontradizzjonijiet serji tagħmel id-deċiżjoni mhux konformi u inkoerenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata taħt l-apparenza ingannevoli li tiffaċilita l-ksib ta' liċenzja għall-użu ta' mużika permezz tal-kejbil, bis-satellita jew bl-Internet, fir-realtà għandha l-għan li timponi l-eliminazzjoni reċiproka tas-soċjetajiet ta' amministrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi tikkawża distorsjoni għal kompetizzjoni tajba, billi tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tax-xiri mhux ugwali u billi tipprovoka tensjoni inevitabbli bejn is-soċjetajiet inkwistjoni. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tinterpreta b'mod inkorrett u dirett id-Direttiva 93/38/KEE u kisret il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Berna fuq il-proprjetà intellettwali li għaliha l-Unjoni Ewropea aderiet.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).